Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta' pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokoll jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifiċi tal-Unjoni (riformulazzjoni) (COM(2014)0345 – C8-0023/2014 – 2014/0177(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0345),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0023/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-10 ta’ Diċembru 2014(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali(2),
– wara li kkunsidra l-ittra tat-13 ta' Novembru 2014 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali b'konformità mal-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Frar 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 104 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0016/2015),
A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda din il-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta' April 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2015 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta' pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli speċifiċi ta' importazzjoni tal-Unjoni oħrajn (tfassil mill-ġdid)