Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2012(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0144/2015

Testi mressqa :

A8-0144/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.63
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0172

Testi adottati
PDF 441kWORD 116k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu
L-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016 - Sezzjoni I - Parlament
P8_TA(2015)0172A8-0144/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016 (2015/2012(BUD))

Il-Parlament Ewropew,,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 27 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013(5) u tat-22 ta' Ottubru 2014(6) dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-snin finanzjarji 2014 u 2015 rispettivament,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fis-27 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Kumitat tal-Baġits skont l-Artikolu 96(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 96 u 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0144/2015),

A.  billi din il-proċedura hija l-ewwel proċedura baġitarja sħiħa mwettqa fil-leġiżlatura l-ġdida u t-tielet proċedura tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP);

B.  billi fil-laqgħa tiegħu tad-9 ta' Frar 2015 il-Bureau approva l-linji gwida għall-baġit 2016, kif ippropona is-Segretarju Ġenerali; billi dawn il-linji gwida huma impernjati fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tal-kumitati parlamentari li jikkontrollaw l-eżekuttiv, partikolarment fir-rigward tal-atti delegati, l-investimenti fis-sigurtà tal-bini tal-Parlament u fiċ-ċibersigurtà u s-sostenn għall-Membri, partikolarment fir-rigward tal-assistenza parlamentari;

C.  billi ġie propost baġit ta' EUR 1 850 470 600 mis-Segretarju Ġenerali għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2016, li jirrappreżenta żieda ta' 3,09 % fuq il-baġit għall-2015 u 19,51 % tal-intestatura V 2014-2020 tal-QFP;

D.  billi, fil-kuntest tat-tagħbija tqila ta' dejn pubbliku u konsolidament fiskali li attwalment iridu jerfgħu l-Istati Membri, il-Parlament għandu juri responsabilità u awtokontroll baġitarji filwaqt li jiggarantixxi l-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi biex hu ikun jista' jeżerċita l-poteri kollha tiegħu u jiggarantixxi l-funzjonament korrett tal-istituzzjoni;

E.  billi, minkejja l-marġni limitat għall-manuvra u l-bżonn li r-riżorsi ffrankati jiġu kkontrobilanċjati f'oqsma oħrajn, għandhom jiġu kkunsidrati ċerti investimenti bil-għan li jsaħħu r-rwol istituzzjonali tal-Parlament;

F.  billi l-limitu massimu għall-Intestatura V tal-QFP għall-baġit 2016 huwa ta' EUR 9 483 miljun fi prezzijiet kurrenti;

G.  billi saru laqgħat ta' konċiljazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-Bureau u tal-Kumitat għall-Baġits fl-24 ta' Marzu u fl-14 u fil-15 ta' April 2015;

Qafas ġenerali u baġit komplessiv

1.  Jilqa' l-kooperazzjoni tajba li ġiet stabbilita bejn il-Bureau tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Baġits matul il-proċedura baġitarja attwali u l-ftehim milħuq waqt il-proċess ta' konċiljazzjoni;

2.  Jikkonstata l-objettivi prijoritarji proposti mis-Segretarju Ġenerali għall-2016;

3.  Ifakkar li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-baġit tal-Parlament ġarrab nefqa addizzjonali sinifikanti minħabba l-iżviluppi segwenti: l-istabbiliment tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur ta' vera u l-politika immobiljari msaħħa (2010-2012), l-adeżjoni tal-Kroazja, Dar l-Istorja Ewropea (2013), l-istabbiliment tas-servizz ta' riċerka tal-Parlament (2014-2015); jilqa' l-fatt li l-Parlament kien kapaċi jikkumpensa għal parti kbira minn din in-nefqa bis-saħħa tar-riżorsi li ffranka b'riżultat ta' riformi strutturali u organizzattivi, biex b'hekk iż-żidiet baġitarji madwar ir-rata ta' inflazzjoni kienu moderati biss;

4.  Jikkonstata li, matul l-aħħar leġiżlatura, il-Parlament qabel fuq numru ta' prijoritajiet politiċi, li taw lok għal żidiet baġitarji moderati jew għal ekonomiji baġitarji; jikkunsidra li l-Parlament li għadu kif ġie elett għandu jagħmel skrutinju fil-fond tal-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti pluriennali u jiddeċiedi, abbażi ta' dak, rigward il-prijoritajiet politiċi proprji tiegħu, inklużi, jekk ikun hemm bżonn, dawk negattivi; jitlob f'dan ir-rigward, lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta rapport ta' valutazzjoni dwar dawk il-proġetti pluriennali fi żmien xieraq qabel il-qari tal-Parlament fil-ħarifa 2015;

5.  Jikkunsidra li għall-2016 jeħtieġ li tingħata prijorità lir-rinforz tal-ħidma parlamentari, partikolarment billi jissaħħu l-ħidma leġiżlattiva tal-Parlament, kif ukoll il-kapaċità tiegħu ta' skrutinju fuq l-eżekuttiv, u r-rinforz tas-sigurtà tal-bini u taċ-ċibersigurtà tal-Parlament ;

6.  Huwa tal-fehma li l-Parlament imissu jkun ta' eżempju, billi jagħmel sforzi partikolari fir-rigward tad-daqs tal-baġit tiegħu u l-livell ta' żieda fin-nefqa meta mqabbla ma' dik tal-2015; jisħaq fuq il-fatt li l-baġit 2016 għandu jiġi stabbilit fuq bażi realistika u għandu jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba;

7.  Jikkunsidra li r-riformi strutturali u organizzattivi mmirati biex jiksbu aktar effiċjenza, sostenibilità ambjentali u effikaċja għandhom jitkomplew permezz ta' eżami bir-reqqa tas-sinerġiji u tal-iffrankar possibbli; ifakkar li jistgħu jiġu ffrankati riżorsi sostanzjali jekk il-Parlament ikollu post tax-xogħol wieħed biss minflok tlieta (Brussell, Strasburgu, il-Lussemburgu); jissottolinja l-fatt li dan il-proċess għandu jitmexxa mingħajr ma jipperikola l-eċċellenza leġiżlattiva tal-Parlament, is-setgħat baġitarji u ta' skrutinju tiegħu, kif ukoll il-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-Membri, l-assistenti u l-persunal;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex il-Membri tal-Parlament ikunu jistgħu jwettqu l-mandat tagħhom u jqawwu l-kapaċità tal-Parlament biex jeżerċita s-setgħat kollha tiegħu, għandu jiġi żgurat livell ta' riżorsi suffiċjenti; jissottolinja l-fatt li n-nefqa statutorja u obbligatorja meħtieġa għall-2016 trid tiġi koperta;

9.  Jilqa' l-fatt li s-sehem tal-baġit tal-Parlament mit-total tal-intestatura V tal-QFP, bl-eċċezzjoni tal-2011 u l-2014, kien inqas minn 20 % matul l-aħħar leġiżlatura; jikkunsidra li s-sehem tal-baġit tal-Parlament fl-2016 għandu jinżamm ukoll taħt l-20 %;

10.  Huwa tal-fehma li ż-żieda totali tan-nefqa tal-baġit tal-Parlament għall-2016 meta mqabbla ma' dik tal-2015 għandha tiġi ddeterminata miż-żewġ fatturi segwenti:

   (i) ir-rata ta' żieda fin-nefqa attwali, li ma tistax taqbeż il-1,6 %;
   (ii) il-livell ta' nefqa eċċezzjonali meħtieġa fl-2016 għar-rinforz tas-sigurtà tal-bini tal-Parlament u ċ-ċibersigurtà fi Brussell għal ammont massimu ta' EUR 15-il miljun;

jisħaq fuq il-fatt li, għal dan l-iskop, hemm bżonn li jiġu ffrankati r-riżorsi f'oqsma oħra;

11.  Jilqa' l-ftehim dwar ekonomiji li ntlaħaq bejn il-Kumitat għall-Baġits u d-delegazzjonijiet tal-Bureau fil-laqgħat ta' konċiljazzjoni tal-14 u l-15 ta' April 2015, meta mqabbel mal-livell tal-abbozz preliminari tal-estimi oriġinalment issuġġerit mill-Bureau;

12.  Jistabbilixxi li l-livell ta' nefqa kurrenti/operattiva tiegħu għas-sena 2016 hu ta' EUR 1 823 648 600, li jikkorrispondi għal żieda ta' 1,6 % fuq il-baġit 2015, u jżid mal-abbozz tal-estimi tiegħu n-nefqa straordinarja eċċezzjonali li tammonta għal EUR 15–il miljun mitluba fl-2016 għar-rinforz tas-sigurtà tal-bini tiegħu fi Brussell kif ukoll taċ-ċibersigurtà tal-Parlament;

13.  Jaħtaf l-opportunità ta' dan l-ewwel proċess ta’ konċiljazzjoni vera u proprja fir-rigward tal-baġit tal-Parlament taħt it-8 leġiżlatura biex jitlob lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jippreżentaw ippjanar baġitarju fuq żmien medju u twil, flimkien mad-dokumenti li għandhom x'jaqsmu mal-proċedura għall-istabbiliment tal-baġit għall-2017; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jindika b'mod ċar l-infiq relatat ma' investimenti (bini, akkwisti, eċċ.) u l-infiq relatati mal-funzjonament tal-Parlament u l-obbligi statutorji tiegħu;

14.  Ifakkar li l-Parlament, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja, għandu l-possibbiltà li jaġġusta l-prijoritajiet baġitarji u se jieħu d-deċiżjoni finali fil-ħarifa 2015;

Kwistjonijiet speċifiċi

Prijorità għall-ħidma parlamentari

15.  Jissottolinja li, b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, fejn il-Parlament ġie stabbilit bħala koleġiżlatur ta' vera, u minħabba l-fatt li wieħed mill-kompiti l-aktar importanti tal-Parlament hu l-kontroll tal-eżekuttiv, issa huwa assolutament essenzjali li l-enfasi titqiegħed fuq il-ħidma leġiżlattiva u ta' skrutinju tal-Membri;

16.  Jikkunsidra li, b'mod li jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-Parlament, il-kapaċità amministrattiva tas-segretarjati tal-kumitati parlamentari speċjalizzati għandha tissaħħaħ, fejn dan għadu ma sarx, essenzjalment permezz ta' tqassim mill-ġdid;

17.  Jemmen li, b'mod li jiġi żgurat sostenn adegwat għall-Membri fit-twettiq tal-attivitajiet parlamentari tagħhom, hemm bżonn li jinstab bilanċ ġdid bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-assistenti lokali; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta mill-aktar fis proposta għal deċiżjoni lill-Bureau għal dan il-fini; jemmen li għandu jiġi rispettat perjodu ta' tranżizzjoni fil-każ ta' reviżjoni tar-regoli attwali u jistenna li d-deċiżjoni finali se tidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard minn Lulju 2016;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa għal trasparenza akbar fir-rigward tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali għall-Membri; jistieden lill-Bureau tal-Parlament jaħdem dwar definizzjoni ta' regoli aktar preċiżi fir-rigward tar-responsabbiltà tan-nefqa awtorizzata skont din l-allowance, mingħajr ma jkunu ġġenerati spejjeż addizzjonali għall-Parlament;

19.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 130 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, il-Konferenza tal-Presidenti għandha twettaq, sa Lulju 2015, valutazzjoni tar-reġim tal-mistoqsijiet bil-miktub fir-rigward tal-mistoqsijiet addizzjonali; jissottolinja l-fatt li l-fokus fuq l-istatistika tal-ħidma parlamentari m'għandux ikun għad-detriment tal-ħidma leġiżlattiva effettiva tal-Membri; jappella, għaldaqstant, għal reviżjoni ta' dak ir-reġim u jappella lill-awtorità kompetenti biex:

   tillimita, għal kull Membru, l-għadd ta' mistoqsijiet parlamentari li jistgħu jitressqu f'format elettroniku għal massimu ta' ħames mistoqsijiet kull xahar (mingħajr ma jitqiesu l-koawturi);
   it-traduzzjoni tal-mistoqsijiet bil-miktub tkun limitata għall-Ingliż u t-traduzzjonijiet għal-lingwi oħra jiġu awtorizzati biss fuq talba;

20.  Jisħaq fuq il-fatt li tali reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament li jirregolaw il-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub (l-Artikolu 130) tista' twassal biex jiġu ffrankati r-riżorsi u se tillimita l-piż amministrattiv tal-istituzzjonijiet Ewropej mingħajr ma tipperikola s-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew; jistenna li r-regoli riveduti għandhom ikunu applikabbli minn Jannar 2016;

21.  Jikkunsidra li t-tiġdid tal-għamara fil-post ta' ħidma tal-Membri u l-persunal kollha mhijiex prijorità għall-baġit tal-2016;

Sigurtà

22.  Jenfasizza li, fil-kuntest attwali, għandha tingħata l-ogħla prijorità lis-sigurtà tal-bini tal-Parlament; jissottolinja l-fatt li l-Parlament se jkollu bżonn jieħu l-miżuri ġodda meħtieġa għat-tisħiħ tas-sigurtà ġewwa u barra l-bini tiegħu, filwaqt li jibqa' post miftuħ għaċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll taċ-ċibersigurtà;

23.  Jitlob, f'dan ir-rigward, lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits evalwazzjoni globali tal-miżuri ta' sigurtà li ttieħdu sal-lum mill-Parlament u l-konsegwenzi baġitarja tat-tali miżuri, minn mindu ttieħdet id-deċiżjoni li s-servizzi ta' sigurtà tal-Parlament jiġu internalizzati (deċiżjoni tal-Bureau ta' Ġunju 2012) u jagħti deskrizzjoni ħafifa tal-miżuri previsti għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-Parlament kemm fil-bini tiegħu u kemm barra minnu, kif ukoll l-impatt tat-tali miżuri fuq il-baġit 2016; jappella għal informazzjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva interistituzzjonali fil-qasam tas-sigurtà;

Ċibersigurtà

24.  Huwa tal-fehma li, minħabba l-użu dejjem akbar ta' apparat u mezzi elettroniċi, għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sigurtà informatika, bil-għan li jiġi garantit il-livell massimu possibbli ta' sigurtà tas-sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni tiegħu; jikkunsidra li kwalunkwe miżura f'dan il-qasam għandha tissejjes fuq evalwazzjoni ċara tal-ħtiġijiet tal-Parlament u tiġi deċiża fil-kuntest tal-proċedura baġitarja;

Politika immobiljari

25.  Ifakkar li l-istrateġija immobiljari fuq żmien medju, adottata mill-Bureau fl-2010, hija attwalment f'fażi ta' reviżjoni; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits l-istrateġija immobiljari fuq żmien medju l-ġdida mill-aktar fis possibbli u qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa 2015;

26.  Itenni li l-investimenti fuq żmien twil, bħall-proġetti immobiljari tal-Parlament, għandhom jiġu ġestiti bi prudenza u trasparenza; jinsisti li jkun hemm dixxiplina fil-ġestjoni tal-ispejjeż u fil-programmazzjoni u s-superviżjoni tal-proġetti; itenni l-appell tiegħu għal proċess deċiżjonali trasparenti fil-qasam tal-politika immobiljari, abbażi ta' informazzjoni bikrija, waqt li jitqies kif dovut l-Artikolu 203 tar-Regolament Finanzjarju;

27.  Jistieden lill-Viċi Presidenti responsabbli jippreżentaw lill-Kumitat responsabbli l-istrateġija immobiljari l-ġdida ta' nofs it-terminu kif ukoll rapport ta' progress dwar il-Bini KAD, b'inklużi l-għażliet ta' finanzjament; abbażi ta' dan se jiddeċiedi matul il-qari tal-baġit dwar l-inklużjoni ta' finanzjament għall-Bini KAD fil-baġit għal-2016, tal-Parlament, waqt li jikkunsidra l-possibilità li jiffranka mir-rati tal-imgħax;

28.  Ifakkar li, minħabba l-kostruzzjoni tal-Bini KAD, fil-ġejjieni l-pagamenti totali fis-sena se jkunu ħafna anqas mill-ispejjeż biex tinkera proprjetà immobbli paragunabbli;

Komunikazzjoni

29.  Jappella lis-Segretarju Ġenerali biex jirrapporta lill-Kumitat għall-Baġits dwar l-evalwazzjoni tal-kampanja elettorali parlamentari tal-2014 kif ukoll dwar l-effikaċja tal-miżuri ta' komunikazzjoni tal-Parlament indirizzati lejn il-pubbliku ġenerali;

30.  Jemmen bil-qawwa li l-mandat ewlieni tal-Membri huwa l-ħidma leġiżlattiva; jikkunsidra, għalhekk, li għal dan l-għan għandha tingħata prijorità għall-komunikazzjoni mal-pubbliku u partijiet interessati oħra permezz tal-aġġornament tat-tagħmir tekniku u l-faċilitajiet medjatiċi minħabba l-interess medjatiku akbar, l-importanza dejjem tikber tal-media soċjali u l-bżonnijiet addizzjonali tal-Membri matul is-sessjonijiet plenarji ordinarji;

31.  Jitlob lill-Bureau jipproċedi għal evalwazzjoni indipendenti tal-ewwel Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ qabel jorganizza avveniment ulterjuri;

L-impronta ambjentali tal-Parlament

32.  Itenni r-responsabbiltà tal-Parlament li jaġixxi b'mod sostenibbli; jilqa' l-isforzi li saru sabiex jinkiseb ambjent li ma jagħmilx użu mill-karti u l-ħidma prezzjuża li għadha qed titwettaq permezz tal-approċċ EMAS; jemmen li l-proċess EMAS jeħtieġ appoġġ baġitarju kontinwu;

33.  Jitlob li ssir evalwazzjoni tar-riżultati tal-approċċ volontarju f'dak li huwa użu tal-business class għal titjiriet fuq distanzi qosra;

Dar l-Istorja Ewropea

34.  Jikkonstata li l-ftuħ ta' Dar l-Istorja Ewropea hu previst għall-2016; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits, fi żmien utli qabel il-qari tal-Parlament fil-ħarifa 2015, programmazzjoni baġitarja aġġornata fuq il-ħames snin li ġejjin għan-nefqa operattiva u ta' funzjonament prevista għal Dar l-Istorja Ewropea minn mindu tiftaħ, inkluża l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni; ifakkar li, fil-baġit 2014, inħolqot linja tal-baġit ġdida, il-linja 16 03 04 "Dar l-Istorja tal-Ewropa" fit-Taqsima III tal-baġit tal-Unjoni għall-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-ispejjeż operattivi ta' Dar l-Istorja Ewropea;

Miżuri dwar il-persunal

35.  Jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni tal-objettiv tat-tnaqqis tal-persunal b'5 %, kif deċiż fil-qafas tal-Ftehim dwar il-QFP 2014-2020, għandha tkompli fl-2016; jilqa' l-konferma biex it-tnaqqis tal-persunal ma jiġix estiż għall-persunal tal-gruppi politiċi, li hu totalment konformi mar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament imsemmijin hawn fuq fir-rigward tal-baġits 2014 u 2015;

36.  Jikkonstata li, għall-2016, qed jiġi propost li jitneħħew 57 pożizzjoni mill-organigramma tas-Segretarjat tal-Parlament, b'mod li jiġu ffrankati madwar EUR 1,8 miljun, wara li kkunsidra li wħud minn dawn il-pożizzjonijiet huma attwalment battala u li l-okkupanti tal-pożizzjonijiet li fadal se jirtiraw jew jiġu mċaqalqa lejn pożizzjonijiet oħra matul is-sena; jikkonstata li qed jiġi propost li żewġ pożizzjonijiet ulterjuri jitneħħew mill-organigramma tal-Parlament biex jiġu ttrasferiti lill-Kummissjoni fir-rigward ta' żewġ proġetti informatiċi interistituzzjonali ġestiti mill-Kummissjoni, u li konsegwentement se jinħolqu żewġ pożizzjonijiet addizzjonali fl-organigramma tal-Kummissjoni għall-2016;

37.  Japprova l-proposta tas-Segretarju Ġenerali biex jinħolqu 25 pożizzjoni addizzjonali ħalli jissaħħaħ id-DĠ SAFE, b'mod li jittejbu l-effikaċja tas-sistemi ta' sigurtà kemm fil-bini tal-Parlament u kemm barra minnu, il-prevenzjoni kontra n-nirien tal-bini, kif ukoll b'mod li tiġi żgurata protezzjoni adegwata għall-Membri, il-persunal u l-mistednin ta' livell għoli tiegħu fil-bini tal-Parlament; jitlob li jiġi mgħarraf dwar kemm se jiġu jiswew eżatt dawn il-pożizzjonijiet; jikkunsidra madankollu li s-sistema ta' sigurtà barra l-bini tal-Parlament għandha tiġi ggarantita mill-awtoritajiet Belġjani;

38.  Jilqa' l-proposta biex jissaħħu s-segretarjati tal-kumitati parlamentari b'mod li l-Membri jitħallew jirċievu s-sostenn neċessarju fil-qadi tal-funzjoni ta' skrutinju, partikolarment f'dawk il-kumitati parlamentari bl-ogħla numru ta' atti ta' implimentazzjoni u delegati, attwalment jew fil-ġejjieni; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe tisħiħ għandu jsir permezz ta' tqassim mill-ġdid biss;

39.  Jikkonstata li, għal dan il-għan, is-Segretarju Ġenerali qed jipproponi l-ħolqien ta' 20 pożizzjoni addizzjonali biex jissaħħu s-segretarjati tal-kumitati parlamentari kkonċernati (ECON, ENVI, ITRE, TRAN u LIBE);

40.  Jappella lis-Segretarju Ġenerali biex jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits b'deskrizzjoni ġenerali sħiħa tal-iżvilupp tal-pożizzjonijiet fil-Parlament u ta' kif ġie ttrattat s'issa l-objettiv tat-tnaqqis tal-persunal b'5 % u kif se jintlaħaq fil-ħin u liema numru ta' riferiment tal-pożizzjonijiet fl-organigramma qed jintuża għall-implimentazzjoni ta' dan l-għan;

Kunsiderazzjonijiet finali

41.  Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2016;

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0437.
(6) Testi adottati, P8_TA(2014)0036.

Avviż legali - Politika tal-privatezza