Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0363/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.66
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0175

Testi adottati
PDF 316kWORD 131k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
It-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx
P8_TA(2015)0175RC-B8-0363/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx (2015/2589(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Settembru 2014(1), is-16 ta' Jannar 2014(2), il-21 ta' Novembru 2013(3) u l-14 ta' Marzu 2013(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(5) u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(6),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp(7),

–  wara li kkunsidra l-Patt dwar is-Sostenibbiltà għal Titjib Kontinwu fid-Drittijiet tax-Xogħol u fis-Sikurezza tal-Fabbriki fl-Industrija tal-Ilbies u tax-Xogħol tal-Malja Lesti fil-Bangladexx,

–  wara d-Dikjarazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema Marianne Thyssen, u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp Neven Mimica fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju tat-traġedja ta' Rana Plaza,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Johannesburg tan-NU dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għall-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (2006, C-187) u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-post tax-Xogħol (1981, C-155) li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Bangladexx, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom (R-197), wara li kkunsidra wkoll il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C-081), li l-Bangladexx huwa firmatarju tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R-164),

–  wara li kkunsidra l-Programm għal Xogħol Aħjar tal-ILO fil-Bangladexx, imniedi f’Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681) u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tad-direzzjoni tal-politika dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tagħha wara l-2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tas-6 ta' Frar 2013 dwar “ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli”(8), u dwar “Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u rotta lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv’(9),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, adottata fis-26 ta' Ġunju 2014, li tistabbilixxi grupp ta’ ħidma intergovernattiv bil-mandat li jiżviluppa strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għal diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista (COM(2014)0111) bl-għan li l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli jiġi traspost f'leġiżlazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ liġi dwar id-diliġenza dovuta ta’ kumpaniji prinċipali u kumpaniji prinċipali ta’ kuntratturi (Nru 2578) adottat fl-ewwel qari mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża fit-30 ta’ Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-24 ta' April 2013, Rana Plaza, bini ta' tmien sulari f'Savar, 'il barra minn Daka, fejn kien hemm diversi fabbriki tal-ilbies, iġġarraf u kkawża l-mewt ta' aktar minn 1100 persuna u ħalla madwar 2500 persuna midruba; billi t-tiġrif tal-bini Rana Plaza kienet l-agħar diżastru industrijali li qatt seħħ fil-Bangladexx u l-aktar kollass strutturali aċċidentali li kkawża mwiet fl-istorja moderna;

B.  billi mill-inqas 112-il persuna mietu fin-nirien li ħakmu l-fabbrika ta' Tazreen, fid-distrett ta' Ashulia f'Daka, fil-Bangladexx, nhar l-24 ta' Novembru 2012; billi n-nirien fil-fabbriki, it-tiġrif tal-bini u inċidenti oħra relatati ma' kwistjonijiet ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol mhumiex limitati għas-settur tal-ilbies lest fil-Bangladexx biss, iżda huma kwistjonijiet li jqajmu tħassib serju f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'pajjiżi l-anqas żviluppati oħra b'settur qawwi tal-ilbies lest orjentat lejn l-esportazzjoni, bħall-Pakistan jew il-Kambodja;

C.  billi wara li skada l-Arranġament dwar il-Kummerċ Internazzjonali tat-Tessuti (MFA), u minħabba l-livell għoli ta' intensità tax-xogħol fis-settur tal-ilbies lest, pajjiżi li qed jiżviluppaw bħaċ-Ċina, il-Bangladexx, l-Indja u l-Vjetnam saru produtturi globali; billi l-Bangladexx kien sar it-tieni l-akbar esportatur tal-ilbies fid-dinja wara ċ-Ċina, u b'wieħed mill-iktar salarji baxxi tas-settur tal-ilbies, waqt li s-settur tat-tessuti jammonta għal kważi 85 % tal-esportazzjonijiet tal-pajjiż; billi 60 % tal-produzzjoni tal-ħwejjeġ tiegħu tmur lejn l-UE, li huwa s-suq ewlieni għall-esportazzjoni tal-Bangladexx;

D.  billi l-industrija tal-ilbies lest fil-Bangladexx timpjega madwar 4 miljun ruħ u b'mod indirett issostni l-għajxien ta' 40 miljun ruħ ­– madwar kwart tal-popolazzjoni tal-Bangladexx; billi l-industrija tal-ilbies lest għenet ħafna biex naqas il-faqar; billi l-Bangladexx għamel progress sinifikanti fit-tnaqqis tad-disparità bejn is-sessi fis-soċjetà, billi laħaq b'suċċess l-Għan ta' Żvilupp tal-Millenju tan-NU fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u billi s-settur tal-ilbies lest għen ħafna, peress li 3,2 miljun persuna mill-4 miljun ħaddiem impjegati fis-settur huma nisa; billi l-impjieg tan-nisa, f'ħafna każijiet, ikkontribwixxa għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom;

E.  billi r-riorganizzazzjoni tas-settur tal-ilbies lest fuq mudell integrat tal-katina tal-valur fissret li l-ordnijiet jistgħu jkunu żgurati biss permezz ta’ titjib fil-produttività u b'aktar tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni, u dan jagħmel il-forzi tax-xogħol tal-Bangladexx u ta' pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw partikolarment vulnerabbli; billi l-Bangladexx u s-Sri Lanka, fejn l-ekonomija hi ferm dipendenti fuq fis-settur tal-ilbies lest, esperjenzaw tnaqqis fil-pagi minkejja żieda qawwija fil-faċilitajiet tal-produzzjoni u fl-impjiegi; billi fil-Bangladexx il-paga minima żdiedet b'mod sostanzjali wara d-diżastru ta' Rana Plaza, iżda xorta waħda ma tistax titqies li hi ta' livell adegwat biex tkopri l-ħtiġijiet bażiċi tal-ħaddiema;

F.  billi, skont diversi rapporti, aktar minn 600 ħaddiem tas-settur tal-ilbies mietu minħabba n-nirien li ħakmu fabbriki fil-Bangladexx bejn l-2006 u l-bidu tal-2013, waqt li, skont rapporti minn organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, ħadd mis-sidien jew maniġers tal-fabbriki ma tressaq quddiem il-qrati;

G.  billi l-bini mġarraf tal-kumpless ta' Rana Plaza kien mibni illegalment, u ma kienx jirrispetta l-istandards tas-sikurezza; billi wara d-diżastru 32 fabbrika ngħalqu b’mod permanenti fil-Bangladexx bħala riżultat ta’ tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza, waqt li 26 fabbrika ngħalqu parzjalment; billi għad hemm numru sinifikanti ta’ fabbriki li għad iridu jgħollu l-istandards tagħhom għal livell legali; billi l-ILO qed tappoġġa l-inizjattiva tal-Gvern tal-Bangladexx biex isiru spezzjonijiet tas-sikurezza strutturali, elettrika u ta' kontra n-nirien ta' madwar 1 800 fabbrika tal-ilbies lest, li ħafna minnhom oriġinarjament kienu binjiet kummerċjali jew residenzjali;

H.  billi fl-24 ta’ April 2013, il-"Ftehim għal Arranġament Prattiku dwar il-Pagamenti lill-Vittmi tal-Aċċidenti ta' Rana Plaza u l-Familji tagħhom" (il-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi) biex jiġu kkumpensati l-vittmi tad-diżastru u l-familji tagħhom ġie ffirmat mir-rappreżentanti tal-Gvern tal-Bangladexx, manifatturi tal-ilbies lokali u ditti tal-ilbies internazzjonali, trade unions lokali u internazzjonali u NGOs internazzjonali; billi l-ammont stabbilit biex ikopri l-ispejjeż tat-talbiet kollha huwa ta’ USD 30 miljun; billi sat-tieni anniversarju tad-diżastru, l-ammont totali miġbur minn kontribuzzjonijiet korporattivi volontarji kien ta’ madwar USD 27 miljun, li jfisser li 3 miljuni għadhom pendenti;

I.  billi l-kumpens finanzjarju hu appoġġ ekonomiku fundamentali u li mhux se jkun possibbli li jitħallsu l-ispejjeż mediċi ta’ dawk il-vittmi li jeħtieġu kura medika fit-tul jekk il-fond jibqa’ sottofinanzjat; billi l-Parlament Ewropew iddispjaċih li l-arranġament ta’ kumpens volontarju permezz tal-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi ma kienx laħaq il-mira tiegħu, u nnota li mekkaniżmu mandatorju jkunu aktar ta’ benefiċċju għas-superstiti u l-qraba tal-vittmi;

J.  billi b'riżultat tal-avvenimenti traġiċi ta' Rana Plaza, u wara l-protesti pubbliċi u t-talbiet għal azzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew, l-UE b'kollaborazzjoni mal-Gvern tal-Bangladexx u l-ILO, nediet, fit-8 ta' Lulju 2013, il-‘Patt għal Titjib Kontinwu fid-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza fil-Fabbriki tal-Industrija tal-Ilbies u x-Xogħol tal-Malja lesti fil-Bangladexx”, li fih il-Bangladexx impenja ruħu li jieħu azzjoni biex ittejjeb l-istandards tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ilbies lest tal-pajjiż;

K.  billi qabel l-aċċident, il-Bangladexx kellu biss 92 spettur biex jikkontrollaw madwar 5 000 fabbrika tal-ilbies lest u industriji oħra fil-pajjiż; billi l-Gvern tal-Bangladexx kien impenja ruħu li jirrekluta 200 spettur addizzjonali sa tmiem l-2013;

L.  billi l-ewwel rieżami tal-Patt sar f'Ottubru 2014, u ġie konkluż li waqt li sar progress tajjeb, il-Gvern tal-Bangladexx kien għad jonqsu jieħu passi importanti ulterjuri, notevolment rigward it-titjib u l-implimentazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol, it-titjib tad-drittijiet tax-xogħol f'Żoni tal-Ipproċessar għall-Esportazzjoni u r-reklutaġġ ta' aktar spetturi tax-xogħol; billi t-tieni rieżami tal-Qbil se jsir fil-ħarifa tal-2015;

M.  billi l-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx (il-Liġi tax-Xogħol) kienet emendata f'Lulju 2013; billi l-liġi, filwaqt li tinkludi xi riformi pożittivi f'oqsma bħas-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, xorta għadu 'l bogħod milli jilħaq l-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, kif enfasizzat mill-kummenti tal-Kumitat ta’ Esperti tal-ILO dwar il-Konvenzjonijiet 87 u 98, inklużi limitazzjonijiet fuq id-dritt li jeleġġu rappreżentanti f'libertà sħiħa, limitazzjonijiet numerużi fuq id-dritt tal-istrajk u setgħat amministrattivi wiesgħa għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' trade union, u billi l-gvern iddikjara ripetutament li m'għandu l-ebda intenzjoni li jikkunsidra emendi addizzjonali;

N.  billi l-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini (il-Qbil), ftehim legalment vinkolanti, ġie ffirmat minn 187 impriża tal-ilbies, trade unions globali u lokali, NGOs u gruppi tad-drittijiet tal-ħaddiema fit-13 ta’ Mejju 2013, waqt li l-Alleanza għas-Sikurezza tal-Ħaddiema tal-Bangladexx ġiet stabbilita fid-9 ta’ Lulju 2013 u laqqgħet flimkien 26 impriża li l-parti l-kbira tagħhom huma mill-Amerika ta’ Fuq, iżda mingħajr involviment tat-trade unions; billi fil-preżent 175 impriża tal-moda u tal-bejgħ bl-imnut iffirmaw il-Qbil; billi l-Qbil u l-Alleanza wettqu spezzjonijiet f'1 904 fabbriki orjentati fuq l-esportazzjoni;

O.  billi l-Gvern tal-Bangladexx għadu ma addottax ir-regoli u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol, minkejja wegħdiet ripetuti li se jagħmel dan, sa mhux aktar tard mis-sajd 2015; billi l-implimentazzjoni tal-Liġi hija kundizzjoni neċessarja għall-eliġibbiltà fil-Programm għal Xogħol Aħjar tal-ILO u għall-funzjonament tal-programm ta' taħriġ fl-ambitu tal-Qbil;

P.  billi fil-Bangladexx 10 % tal-forza tax-xogħol fis-settur tal-ilbies lest huma impjegata f'żoni tal-ipproċessar għall-esportazzjoni; billi Att dwar ix-Xogħol f'żoni tal-ipproċessar għall-esportazzjoni ġdid ġie adottat mill-kabinett f'Lulju 2014, iżda xorta waħda ma jagħtix lill-ħaddiema drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet li għandhom ħaddiema oħra fil-Bangladexx; billi, filwaqt li l-projbizzjoni fuq l-istrajks skadiet fl-1 ta' Jannar 2014, l-Assoċjazzjonijiet tal-Benesseri tal-Ħaddiema m’għandhomx l-istess drittijiet u privileġġi bħat-trade unions;

Q.  billi madwar 300 trade union ġdida tas-settur tal-ilbies ġew reġistrati sa mill-bidu tal-2013; billi fl-2014, 66 applikazzjoni – 26 % tal-applikazzjonijiet kollha magħmula – ġew rifjutati; billi d-diskriminazzjoni kontra t-trade unions għadha problema serja ħafna u li qed tkompli tikber b'rata mgħaġġla; billi t-trade unions qed jirrapportaw li l-Gvern tal-Bangladexx qiegħed b’mod proattiv jostakola t-tentattivi tal-ħaddiema u ta' dawk li jħaddmu li jixtiequ jistabbilixxu kumitati tas-sikurezza tagħhom stess, skont ir-rekwiżiti tal-Qbil tal-Bangladexx;

R.  billi minn 177 pajjiż, il-Bangladexx jinsab fil-pożizzjoni 136 fl-Indiċi tat-Trasparenza u billi l-korruzzjoni hija endemika fil-katina tal-provvista globali tal-ilbies u tinvolvi kemm il-forzi politiċi kif ukoll il-korporazzjonijiet lokali u multinazzjonali;

S.  billi skont il-Konsorzju tad-Drittijiet tal-Ħaddiema, il-prezz tal-fabbrika ta’ kull waħda mis-7 biljun unità tal-ilbies mibjugħ kull sena mill-Bangladexx lil ditti tal-Punent jiżdied b'inqas minn 10 ċenteżmi kieku l-5 000 fabbrika tal-ilbies tal-pajjiż kellhom jgħollu l-istandards ta’ sikurezza tagħhom għal livell ekwivalenti għal dawk tal-Punent fi żmien 5 snin; billi ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-prezzijiet tal-artikli tal-ilbies u tat-tessuti żdiedu matul l-aħħar sentejn;

T.  billi s-settur tal-ilbies lest hu dominat sew minn bejjiegħa bl-imnut, produtturi u kummerċjanti tad-ditta kbar li jikkontrollaw il-produzzjoni globali tan-netwerks u jistipulaw direttament l-ispeċifikazzjonijiet tal-provvista; billi dawk li jimmanifatturaw l-ilbies u t-tessuti, fil-kuntest ta’ industrija globalizzata, spiss ma jkollhom l-ebda għażla ħlief li jaċċettaw prezzijiet aktar baxxi, iżidu l-istandards tal-kwalità, iqassru l-ħinijiet tal-konsenji, inaqqsu l-kwantitajiet minimi u jieħdu l-akbar riskju possibbli; billi hemm nuqqasijiet gravi fit-trasparenza u t-traċċabilità tal-katina tal-provvista globali; billi x-xogħol deċenti fil-katina tal-provvista globali se jkun punt ewlieni fuq l-aġenda tal-Konferenza tal-ILO tal-2016;

U.  billi wara d-diżastru kien hemm domanda bla preċedent min-naħa tal-konsumaturi Ewropew għal aktar informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti u l-kundizzjoni tal-manifattura tagħhom; billi ċ-ċittadini Ewropej ressqu għadd kbir ta’ petizzjonijiet u kampanji organizzati li jesiġu responsabbiltà akbar minn ditti tal-ilbies biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu manifatturati b’mod etiku;

V.  billi bħala wieħed mill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-Bangladexx jibbenefika minn aċċess bla dazju u bla kwoti għas-suq tal-UE għall-prodotti kollha tiegħu skont l-inizjattiva ‘Kollox Ħlief Armi’ (‘Everything but Arms’ (EBA)), li tkopri 55 % tal-esportazzjoni mill-Bangladexx, li ħafna minnha tikkonsisti fi lbies jew tessuti, u għaldaqstant huwa marbut li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ għadd ta’ konvenzjonijiet ewlenin tan-NU/ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema;

1.  Ifakkar il-vittmi fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju tat-traġedja ta' Rana Plaza, wieħed mill-aktar diżastri industrijali qerrieda li qatt ġraw; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu għal darb' oħra lill-familji ta' dawk li mietu u lil dawk li sfaw korruti jew diżabbli; jenfasizza li dawn l-imwiet u korrimenti setgħu ġew evitati b'sistemi aqwa ta' sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

2.  Ifakkar li l-Kumitat ta' Koordinament ta' Rana Plaza stabbilixxa l-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi għal Rana Plaza bil-għan li volontarjament jiġbor donazzjonijiet minn kumpaniji biex il-vittmi u l-familji jingħataw kumpens; jiddeplora l-fatt li, mill-USD 30 miljun kumpens totali, USD 3 miljun kienu għadhom pendenti f'April 2015, u jħeġġeġ lid-ditti internazzjonali li kienu jieħdu l-prodotti minn Rana Plaza, jew li għandhom rabtiet sinifikanti mal-Bangladexx, mal-Gvern tal-Bangladexx u mal-Assoċjazzjonijiet tal-Manufatturi u Esportaturi tal-Ilbies tal-Bangladexx (BGMEA), biex jiżguraw li kull kumpens dovut jitqassam bla dewmien;

3.  Jiddenunzja l-fatt li madwar terz tal-kumpaniji li jitqiesu li għandhom rabtiet mal-kumpless ta' fabbriki, bħal Adler Modemarkte, Ascena Retail, Carrefour, Grabalok, J.C. Penney, Manifattura Corona, NKD, PWT jew YesZee, għadhom ma għamlu l-ebda ħlas fil-Fond Fiduċjarju; jiddispjaċih profondament dwar il-fatt li wara li damet tittrattieni xhur sħaħ, id-ditta Benetton għadha kkontribwiet biss USD 1.1 miljun għall-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi Rana Plaza, minkejja l-fatt li l-kontribut meħtieġ huwa stmat li huwa ħafna ogħla abbażi tal-kapaċità tagħha li tħallas u l-firxa tal-involviment tagħha f’Rana Plaza; jiddispjaċih bl-istess mod li kull ditta marbuta ma’ Rana Plaza għamlet donazzjonijiet insuffiċjenti, u b’hekk dawn id-ditti naqsu milli jwettqu r-responsabilitajiet tagħhom lejn il-vittmi, inklużi Mango, Matalan, u Inditex, li jirrifjutaw li jiżvelaw id-donazzjoni tagħhom, flimkien ma’ oħrajn, bħal Walmart u The Children’s Place, li kkontribwew biss ammont minimu;

4.  Jirrimarka li l-kumpens għan-nirien f'Tazreen issa qed jiġi nnegozjat fuq l-istess bażi bħall-arranġament ta' Rana Plaza, jiddispjaċih bil-qawwa dwar id-dewmien persistenti, u jitlob li l-kumpens jasal f'waqtu;

5.  Jilqa' l-passi li qed jittieħdu lejn l-istabbiliment ta' skema nazzjonali permanenti ta' assigurazzjoni kontra aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, u jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Bangladexx jonora l-impenn tiegħu fil-qafas tal-Pjan Tripartitiku ta' Azzjoni Nazzjonali f'dak ir-rigward; jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja dan l-isforz fejn dan ikun f'loku, iżda jinnota li, dment li sforzi ta' kumpens jibqgħu pendenti, dan se jibqa' ostakolu għall-progress f'dan il-qasam;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-UE u lil oħrajn biex jikkunsidraw proposti għal oqfsa mandatorji li se jiżguraw li l-aċċess għal rimedju u kumpens ikun ibbażat fuq il-bżonn u r-responsabbiltà, u mhux biss fuq il-kapaċità ta’ gruppi li jagħmlu kampanji biex “isemmu u jiddenunzjaw” (“name and shame”), jew inkella fuq l-isforzi volontarji tal-kumpaniji;

7.  Jilqa' l-inizjattiva mmexxija mill-UE li nediet il-Patt, bil-għan li jkun hemm bidu ġdid fis-saħħa u s-sikurezza okkupazzonali, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u fil-promozzjoni ta' mġiba responsabbli tan-negozji fl-industrija tal-ilbies lest fil-Bangladexx;

8.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-ewwel rieżami tal-Patt f'Ottubru 2014, li rrappurtaw li l-awtoritajiet tal-Bangladexx kienu għamlu progress tajjeb, u jirrikonoxxi l-kontribut tal-Patt fit-titjib tas-saħħa u s-sikurezza fil-fabbriki u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ilbies lest; iħeġġeġ. madankollu, lill-Gvern tal-Bangladexx itejjeb il-livell ta' ħidma tiegħu biex jimplimenta b'mod attiv kull impenn fil-Patt, bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità; huwa fiduċjuż li, fit-tieni rieżami tal-Patt li għandu jsir fil-Ħarifa tal-2015, ikun jista' jsir progress sostanzjali fuq il-kwistjonijiet kollha tax-xogħol u s-sikurezza, b'mod partikolari rigward id-drittijiet tal-ħaddiema, l-ispezzjonijiet tax-xogħol, pagi deċenti, l-integrità strutturali tal-binjiet, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-imġiba responsabbli tan-negozji;

9.  Jieħu nota tal-passi li ħa l-Bangladexx biex jemenda l-Liġi tax-Xogħol tiegħu wara l-ġrajja ta' Rana Plaza, billi saħħaħ id-drittijiet fundamentali fl-oqsma tas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali u d-drittijiet tal-ħaddiema; jiddispjaċih li għadd ta' restrizzjonijiet għal-liberta ta' assoċjazzjoni tal-ħaddiema ma ġewx indirizzati, u li l-Liġi għad mhijiex konformi mal-qofol tal-konvenzjonijiet tal-ILO;

10.  Bi qbil mal-impenji fil-Patt, iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx jadottaw, bħala ħaġa ta' prijorita assoluta, ir-regoli u r-regolamenti meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-Liġi, b'konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsill Konsultattiv Tripartitiku u b'attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet 87 u 88 tal-ILO dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv;

11.  Huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni fiż-Żoni ta' Produzzjoni għall-Esportazzjoni (EPZs), fejn it-trade unions għadhom projbiti u fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza għadhom lura, u jenfasizza li l-ħaddiema hemmhekk għandhom igawdu libertajiet legali fundamentali u standards ta' sikurezza li jħabbtuha ma' dawk ta' ħaddiema fi nħawi oħra tal-pajjiż jiddispjaċih bil-qawwa li l-Att propost dwar ix-Xogħol fl-EPZ għadu jipprojbixxi lill-ħaddiema milli jiffurmaw unions fl-EPZs u jirrimarka li Assoċjazzjonijiet għall-Benessri tal-Ħaddiema bl-ebda mod m'għandhom drittijijet u privileġġi komparabbli ma' dawk ta' trade unions; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex jestendi l-Liġi tax-Xogħol għall-EPZs, minnufih u bis-sħiħ;

12.  Jilqa' ż-żieda b'77 % fil-paga minima fis-settur tal-ilbies lest, minn EUR 35 għal EUR 62 fix-xahar, u jħeġġeġ implimentazzjoni aktar universali; jinnota, madankollu, li fil-prattika l-paga minima fl-industrija tal-ilbies għadha ma tkoprix il-ħtiġijiet bażiċi tal-ħaddiema, u li għandha tammonta tal-anqas għal EUR 104 biex tkopri dawn il-ħtiġijiet, u lill-Gvern tal-Bangladexx jistiednu jistabbilixxi paga minima tal-għajxien b'konsultazzjoni sħiħa mat-trade unions u mal-impjegati; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Gvern jiżgura li l-fabbriki tal-ilbies tabilħaqq iħallsu l-pagi li jkunu dovuti;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reġistrazzjoni ta' madwar 300 trade union ġdida tas-settur tal-ilbies mill-bidu tal-2013 'il hawn, biex b'hekk l-għadd tagħhom fis-settur tal-ilbies irdoppja, imma huwa mħasseb li fl-2014 u fl-2015 il-proċess ta' reġistrazzjoni naqqas il-pass; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Bangladexx jibqgħu mexjin fix-xejra pożittiva inizjali biex jilħqu l-mira ta' rappreżentanza adegwata ta' 4 miljun ħaddiem fis-settur tal-ilbies lest;

14.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li trade unions li għadhom kif ġew iffurmati sofrew diskriminazzjoni, tkeċċijiet u rappreżalji; iqsiha ħaġa terribbli li d-diskriminazzjoni komuni kontra l-unions, issottolinjata minn atti dokumentati sewwa ta' theddid, fastidju u vjolenza fiżika kontra r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inkluż il-qtil ta' Aminul Islam, mexxej ta' trade union; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx jindirizza b'mod effikaċi prattiki tax-xogħol inġusti, billi jimplimenta l-miżuri meħtieġa biex jipprevjeni, jinvestiga u jipprosegwixxi aġir ħażin bla dewmien u b'mod trasparenti, bil-għan li jtemm l-impunità u wkoll iressaq il-qattiela ta' Aminul Islam quddiem il-ġustizzja; huwa konvint li taħriġ u tkattir tal-għarfien adegwati dwar id-drittijiet tal-ħaddiema huma mod effikaċi kif titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra t-trade unions;

15.  Iqis li l-eżistenza ta' strutturi demokratiċi tattrade unions għandhom rwol importanti fl-ilħiq ta' standards aħjar tas-saħħa u s-sikurezza, pereżempju l-issuktar tal-iżvilupp ta' kumitati tas-sikurezza mmexxija mill-ħaddiema f'kull fabbrika; jisħaq ukoll fuq l-importanza li l-unions ikollhom aċċess għall-fabbriki biex jedukaw il-ħaddiema dwar kif jistgħu jipproteġu drittijiethom u s-sikurezza tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom li jirrifjutaw xogħol li ma jkunx sikur;

16.  Jilqa' l-impenn tal-Gvern li jerġa' jibni d-Dipartiment tal-Ispezzjonijiet tal-Fabbriki u l-Istabbilimenti (DIFE), li mistenni li fl-aħħar mill-aħħar ikollu persunal ta' 993 ruħ u 23 uffiċċju distrettwali, it-tisħiħ tal-istatus tas-servizzi ta' spezzjoni tiegħu f'Jannar 2014 u l-adozzjoni ta' Politika Nazzjonali dwar is-Saħħa u s-Sikurezza, kif ukoll standards unifikati għall-ispezzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab internazzjonali biex jipprovdu assistenza teknika u kondiviżjoni tal-aħjar prattika biex jassistu t-tisħiħ tal-istatus tad-DIFE; jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jonora l-impenji tiegħu dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol u jirrispetta l-konvenzjoni 81 tal-ILO; jilqa' b'sodisfazzjon l-għeluq ta’ fabbriki li naqsu milli jissodisfaw l-istandards ta’ sikurezza;

17.  Għadu preokkupat dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni endemika fil-Bangladexx bejn spetturi tas-saħħa u s-sikerezza u sidien tal-fabbriki tal-ilbies, u jitlob li jsir aktar biex tali prattiki jiġu miġġielda;

18.  Jifhem li huwa diffiċli li jsir progress fir-reklutaġġ ta' spetturi, minħabba l-ħtieġa li l-persuni jiġu mħarrġa sewwa b'referenza għal standard wieħed u għal proċeduri operattivi armonizzati qabel ma jintbagħtu jaqdu dmirijiethom fil-prattika; jiddispjaċih, madankollu, li anke l-mira li jiġu reklutati 200 spettur addizzjonali sa tmiem l-2013 għadha ma twettqitx, ladarba r-rekluti li hemm bħalissa jgħoddu 173, u jissottolinja li 200 spettur huma ferm anqas mill-għadd meħtieġ għas-superviżjoni ta' industrija ta’ 4 miljun ħaddiem;

19.  Jilqa' l-fatt li l-Qbil u l-Alleanza kkompletaw l-ispezzjonijiet tal-fabbriki kollha li kienu responsabbli għalihom, u ffinalizzaw aktar min 400 Pjan ta' Azzjoni Korrettiva (CAPs); iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex jikkomplementa din l-azzjoni billi jwettaq bil-ħeffa l-ispezzjoni tal-fabbriki taħt ir-responsabbiltà tiegħu u jadotta azzjonijiet ta' rimedju adegwati; jappoġġja l-ħidma importanti tal-ILO sabiex dan jiġi żgurat; jilqa' l-impenn ta' dawk il-manufatturi li jixtiequ jtejbu l-istandards u jistieden lill-persuni interessati kollha involuti jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-CAPs;

20.  Jilqa' l-fatt li, fil-preżent, aktar minn 250 ditta maġġuri tal-moda u tal-bejgħ lill-konsumaturi li jieħdu lbies lest mill-Bangladexx iffirmaw il-Qbil jew l-Alleanza biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom ħalli jkomplu jgħinu jtejbu s-sikurezza fil-fabbriki tal-Bangladexx li jfornuhom; f’dan il-kuntest, jinkoraġġixxi lil kumpaniji oħrajn, inklużi SMEs, biex jingħaqdu fil-Qbil; jissottolinja l-ħtieġa għal involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati kollha għal implimentazzjoni effikaċi tal-Qbil u jħeġġeġ ir-replikazzzjoni tiegħu f'pajjiżi oħra ta' riskju għoli;

21.  Jinkoraġġixxi lill-Qbil u lill-Alleanza biex itejbu l-kooperazzjoni bejniethom u jiskambjaw b'mod sistematiku rapporti ta' spezzjonijiet fil-fabbriki bil-għan li jevitaw xogħol doppju u standards diverġenti; jistieden lill-Allenza tippubblika wkoll ir-rapporti tagħha bil-Bengali, inkluż online, u żżewwaqhom bl-istampi b'tali mod li jkunu aċċessibbli għal kulħadd fil-pajjiż;

22.  Jemmen li bejjiegħa lill-konsumaturi u l-manufatturi ta' prodotti bil-marka madwar id-dinja għandhom responsabbiltà kbira, fix-xejriet ta' produzzjoni tal-lum, għall-fatt li taqqlu l-proċess tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi fil-pajjiżi tal-produzzjoni; huwa konvint li struttura tas-suq u kundizzjonijiet soċjali aktar ġusti jistgħu jinħolqu jekk dawk il-kumpaniji jimplimentaw, tul il-katini tal-provvista tagħhom, rispett sħiħ tal-istandards tax-xogħol ċentrali tal-ILO, l-istandards tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) rikonoxxuti internazzjonalment, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali li ġew aġġornati reċentement, l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istandard ta' Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, u l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies, fil-qies tal-inizjattivi nazzjonali li diġà hemm fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Franza u fid-Danimarka, u jemmen li l-UE għandha l-kapaċità u d-dmir li tkun protagonista dinjija tar-responsabbiltà fil-katina tal-provvista;

23.  Jemmen li l-aċċess għall-informazzjoni fis-settur tal-ilbies ħafna drabi huwa l-akbar ostaklu għat-trattament ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-provvista dinjija u li jeħtieġ li jkun hemm sistema ta' informazzjoni mandatorja li tipprovdi informazzjoni li tgħaqqad lill-atturi kollha fil-katina tal-valur ta' prodott wieħed, mis-sit tal-produzzjoni sal-bejjiegħa lill-konsmaturi; iqis li jeħtieġ leġiżlazzjoni ġdida tal-UE biex toħloq obbligu legali ta' diliġenza debita għal kumpaniji tal-UE li jikkonkludu kuntratti għall-produzzjoni f'pajjiżi terzi, inklużi miżuri għall-iżgurar tat-traċċabbiltà u t-trasparenza, bi qbil mal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali;

24.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu klawsola obbligatorja u infurzabbli tas-CSR fil-ftehimiet bilaterali kollha dwar il-kummerċ u l-investiment iffirmati mill-UE, li torbot l-investituri Ewropej mal-prinċipji tas-CSR kif definiti fil-livell internazzjonali, inkluż l-aġġornament tal-2010 tal-Linji Gwida tal-OECD u l-istandards definiti min-NU, l-ILO u l-UE; jitlob li fil-ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE ma' pajjiżi terzi, is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali jieħdu post aktar prominenti bħala parti mill-aġenda għal xogħol diċenti u li l-UE tipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet sabiex ma jikkostitwixxux ostaklu għall-kummerċ;

25.  Jirrikonoxxi li l-impieg fis-settur tal-ilbies għen miljuni ta’ nisa fqar rurali fil-Bangladexx u bnadi oħra biex jaħarbu mid-deprivazzjoni u d-dipendenza fuq is-sostenn mill-irġiel; jinnota li l-ħaddiema li mhumiex membri ta' unions essenzjalment huma ħaddiema bla kwalifiki u ħiliet u nisa fis-settur tal-ilbies lest f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrikonoxxi li l-progress fid-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni huwa essenzjali għall-abilitazzjoni tan-nisa u jissottolinja l-ħtieġa li r-rappreżentanza tan-nisa fit-trade unions tikber, inklużi fit-trade unions li għadhom kemm ġew iffurmati fil-Bangladexx, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt li rrikonoxxa l-importanza ta’ aktar abilitazzjoni lin-nisa biex jittejbu l-istandards tax-xogħol;

26.  Jinnota li l-inizjattiva 'Kollox Barra l-Armi' (EBA) kellha rwol importanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-Bangladexx u kkontribwiet għat-titjib tal-kundizzjonijiet materjali għal miljuni ta' nies, b'mod partikolari tan-nisa; huwa konvint, madankollu, li mingħajr kundizzjonalità soda fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, hemm is-sogru li l-EBA u l-SĠP jkomplu jgħarrqu l-istandards baxxi ta' protezzjoni tal-ħaddiema u jimminaw ix-xogħol deċenti; jitlob li l-Kummissjoni tiddetermina jekk il-Bangladexx huwiex qed jirrispetta d-drittijijet tal-bniedem, il-konvenzjonijiet tax-xogħol u ambjentali taħt l-SĠP, u tirrapporta lill-Parlament dwar dan; jenfasizza li pajjiżi li jagħmlu progress tajjeb fl-istandards soċjali u tax-xogħol għandhom jiġu ppremjati billi l-prodotti tagħhom ikomplu jgawdu aċċess sħiħ għas-suq;

27.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ Mogherini u lill-Kummissarju Malmström biex ikomplu jinkludu r-ratifika ta' standards ċentrali tal-ILO, l-ispezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza u l-libertà ta' assoċjazzjoni f'diskussjonijiet mal-Bangladexx dwar il-kontinwazzjoni ta' kummerċ preferenzjali;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx, u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.

(1) Testi adottati, P8_TA(2014)0024.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0045.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0516.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0100.
(5) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(6) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(7) ĠU L 118, 27.4.2001, p.48.
(8) Testi adottati, P7_TA(2013)0049.
(9) Testi adottati, P7_TA(2013)0050.

Avviż legali - Politika tal-privatezza