Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab (2015/2661(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kenja,
– wara li kkunsidra t-tieni Ftehim ta' Sħubija rivedut bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), b'mod partikolari l-Artikoli 8, 11, 26 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tat-23 ta' Novembru 2014 dwar il-massakru ta' 28 vjaġġatur ċivili, u tat-3 ta' April 2015 dwar l-attakk brutali tal-Università ta' Garissa fil-Kenja,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa magħmula mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA), fl-497 laqgħa tiegħu li saret fid-9 ta’ April 2015, dwar l-attakk terroristiku mwettaq f’Garissa, il-Kenja,
– wara li kkunsidra l-attakk tal-forzi tal-ajru Kenjani fuq il-kampijiet tat-taħriġ ta' Al-Shabaab fis-Somalja bħala reazzjoni għall-massakru li sar fl-Università ta' Garissa,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra il-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-aktar attakk terroristiku riċenti f'Garissa, fil-Kenja, kellu fil-mira tiegħu iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u għaldaqstant, il-ġejjieni tal-pajjiż; billi ż-żgħażagħ jirrappreżentaw it-tama u l-paċi, u huma d-difensuri futuri tal-iżvilupp tal-pajjiż; billi l-edukazzjoni hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-estremiżmu u l-fundamentaliżmu vjolenti;
B. billi l-għadd ta' attakki fuq minoranzi reliġjużi, b'mod partikolari il-gruppi reliġjużi, inklużi l-Insara, madwar id-dinja żdied ħafna f'dawn l-aħħar xhur; billi persuni Nsara qed jinqatlu brutalment, jissawwtu u jiġu arrestati kuljum l-aktar f’xi partijiet tad-dinja Għarbija minn terroristi ġiħadisti;
C. billi l-Insara huma l-aktar grupp reliġjuż ippersegwitat; billi l-estremiżmu u l-persekuzzjoni ta’ dan it-tip qed jitfaċċaw bħala fattur sinifikanti fil-fenomenu dejjem jikber ta’ migrazzjoni tal-massa; billi skont data, l-għadd ta' Nsara maqtula kull sena hu akbar minn 150 000;
D. billi fil-15 ta’ Frar 2015, il-grupp ISIS/Da’esh iddekapita 21 persuna Nsara Kopti Eġizzjani fil-Libja;
E. billi l-mira intenzjonata tal-attakk ta' Garissa kienu l-persuni mhumiex Musulmani, u l-Insara kienu magħżula biex jinqatlu brutalment; billi Al-Shabaab iddikjara apertament u pubblikament li se jagħmel gwerra kontra l-Insara fir-reġjun;
F. billi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ, u t-tisħiħ tal-ħiliet, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, huma essenzjali biex jittejbu l-opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom u biex isaħħu l-iżvilupp tal-pajjiż;
G. billi Al-Shabaab regolarment kellu fil-mira lil studenti, skejjel u faċilitajiet edukattivi oħra; billi fost l-oħrajn, f'Diċembru 2009 attakk suwiċida qatel 19-il persuna waqt ċerimonja tal-għoti tal-lawrji lill-istudenti tal-mediċina f'Mogadixu, fis-Somalja, u f'Ottubru 2011, il-grupp terroristiku ħa r-responsabbiltà ta' attakk bil-bombi li qatel 70 ruħ, fosthom student li kienu qed jistennew ir-riżultati tal-eżamijiet fil-Ministeru tal-Edukazzjoni tas-Somalja f'Mogadixu;
H. billi fil-25 ta' Marzu 2015, tal-inqas 15-il persuna tilfu ħajjithom f'attakk imwettaq minn Al-Shabaab fuq lukanda f'Mogadixu, u billi Yusuf Mohamed Ismail Bari-Bari, ir-rappreżentant permanenti tas-Somalja fin-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra, l-Iżvizzera, kien fost dawk maqtula fl-attakk;
I. billi l-Kenja ilha tħabbat wiċċha ma' għadd ikbar ta' attakki kontra ċ-ċivili sa minn Ottubru 2011, meta t-truppi tagħha daħlu fin-nofsinhar tas-Somalja biex jieħdu sehem f'operazzjoni koordinata mal-armata tas-Somalja kontra żona kkontrollata minn Al-Shabaab wara li l-grupp terroristiku ħa erba' ostaġġi;
J. billi sa minn Novembru 2011, it-truppi Kenjani ħadu sehem fil-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), stabbilita fid-19 ta' Jannar 2007 mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u awtorizzata fl-20 ta’ Frar 2007 mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (riżoluzzjoni 1744 (2007)), li reċentement ta approvazzjoni lill-UA biex tkompli l-missjoni tagħha sat-30 ta’ Novembru 2015 (riżoluzzjoni 2182 (2014));
K. billi wieħed mill-kontributuri ewlenin tal-ġlieda kontra l-grupp terroristiku Al Shabaab kienet l-armata Etjopjana kif ukoll, u b'mod aktar limitat, l-armata tal-Uganda;
L. billi Al-Shabaab ifforma rabtiet ma’ gruppi Iżlamisti oħra fl-Afrika, bħall-Boko Haram fin-Niġerja u l-Al Qaeda fil-Magreb Iżlamiku;
M. billi l-grupp terroristiku Al-Shabaab regolarment jattakka bil-bombi, u joqtol, fil-parti kbira lil persuni ċivili, fis-Somalja u f’pajjiżi ġirien, bħal pereżempju f’Kampala, l-Uganda, f’Lulju 2010, u ħafna aktar ta’ sikwit fil-Kenja, fejn l-azzjonijiet fuq skala kbira biss kisbu l-attenzjoni internazzjonali, filwaqt li attakki iżgħar kienu karatteristika kostanti;
N. billi l-grupp Al-Shabaab ħa r-responsabbiltà tal-attakki li saru f’Lulju 2014 fuq l-irħula ta’ Hindi, Gama, Lamu u Tana River mal-kosta tal-Kenja, li fihom inqatlu aktar minn mitt persuna, kif ukoll ta' żewġ attakki f’Mandela County fl-2014, li fihom inqatlu 64 persuna;
O. billi wara l-attakk terroristiku fuql-Università ta' Garissa l-Gvern ta' Kenja hedded lill-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab fi żmien tliet xhur; billi l-UNHCR wissiet li dan l-għeluq kien ikollu "konsegwenzi umanitarji u prattiċi estremi"; billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Rifuġjati tipprojbixxi li rifuġjati jiġu mġiegħla jmorru lura f'żoni fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom tkun mhedda;
P. billi l-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF) għadha mhijiex operattiva, u billi l-UE ddikjarat ir-rieda tagħha li tappoġġa l-kapaċitajiet Afrikani taż-żamma tal-paċi bħala parti mill-Istrateġija għas-Sigurtà tagħha għall-Afrika;
Q. billi skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u l-AKP, "l-attivitajiet fil-qasam tal-ħolqien tal-paċi, u tal-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, għandhom b'mod partikolari jinkludu sostenn għall-ibbilanċjar ta' opportunitajiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali f'kull qasam tas-soċjetà, biex jissaħħu l-leġittimità demokratika u l-effettività tal-governanza, biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi għal konċiljazzjoni paċifika tal-interessi tal-gruppi, [...] biex jingħelbu l-firdiet bejn diversi oqsma tas-soċjetà kif ukoll biex tigi sostnuta soċjetà ċivili attiva u organizzata";
1. Jikkundanna bl-aktar termini qawwija l-attakk terroristiku deliberat imwettaq minn Al-Shabaab fit-2 ta’ April 2015 f’Garissa, li fih inqatlu 147 student u studenta universitarji żgħażagħ innoċenti, filwaqt li 79 oħra ndarbu; jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment meta l-persuni jinqatlu minħabba r-reliġjon, it-twemmin jew l-oriġini etnika tagħhom;
2. Jikkundanna għal darb'oħra l-attakki mwettqa minn Al-Shabaab fis-sajf tal-2014 fuq bosta rħula tax-xatt tal-Kenja, inkluż Mpeketoni, li fih inqatlu 50 ruħ; jikkundanna bil-qawwa l-attakk fil-Westgate Shopping Centre f'Nairobi fl-24 ta' Settembru 2013, li ħalla 67 katavru; jikkundanna l-attakk ta' Al-Shabaab tal-25 ta' Marzu 2015 f'Mogadixu, li fih tilef ħajtu l-Ambaxxatur Yusuf Mohamed Ismail Bari-Bari, ir-rappreżentant permanenti tas-Somalja fin-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra;
3. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi u lill-poplu u l-Gvern tar-Repubblika tal-Kenja; jappoġġja lill-poplu Kenjan fil-konfront ta' dawn l-atti ta' aggressjoni deplorevoli;
4. Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon hija dritt fundamentali, u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta’ vjolenza jew diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon;
5. Jikkundanna l-attakki riċenti fuq komunitajiet Insara f'diversi pajjiżi, partikolarment fir-rigward tat-tfigħ fil-baħar ta' 12-il persuna Nisranija waqt vjaġġ reċenti mill-Libja u l-massakru ta' 30 persuna Nsara Etjopjani fid-19 ta' April 2015, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-qraba tal-vittmi;
6. Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-abbuż tar-reliġjon minn dawk li jwettqu atti terroristiċi f’diversi nħawi tad-dinja, u t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta’ episodji ta’ intolleranza, repressjoni u vjolenza kontra l-Insara,b'mod partikolari f'xi partijiet tad-dinja Għarbija; jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon f’diversi kunflitti; jikkundanna l-għadd dejjem jiżdied ta’ attakki fuq knejjes madwar id-dinja, b’mod partikolari l-attakk li qatel 14-il persuna fil-Pakistan fil-15 ta’ Marzu 2015; jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta' priġunerija, għajbien, tortura, skjavitù u ġġustizzjar pubbliku tal-Insara fil-Korea ta' Fuq; jikkonferma u jappoġġa d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-Insara, li jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali tagħhom f'kundizzjonijiet ta' dinjità, ugwaljanza u sikurezza; jinnota li għal sekli sħaħ, il-gruppi reliġjużi differenti f'dan ir-reġjun kienu jgħixu flimkien b'mod paċifiku;
7. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 17 tat-TFUE li jagħmlu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-knejjes u ma' organizzazzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u mhux konfessjonali, biex jiżguraw li l-kwistjoni tal-persekuzzjoni ta' komunitajiet Insara u komunitajiet reliġjużi oħra tkun prijorità għall-UE;
8. Jikkundanna l-użu ta' liġi antika ('patt dhimmi') mill-ISIS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq għall-estorsjoni tal-Insara permezz ta' obbligi fiskali reliġjużi u restrizzjonijiet, bit-theddida tal-mewt;
9. Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-Insara kollha ppersegwitati f’diversi partijiet tal-Afrika, b’kunsiderazzjoni speċjali tal-atroċitajiet ġiħadisti reċenti fil-Libja, in-Niġerja u s-Sudan;
10. Jikkundanna u jiċħad kwalunkwe miżinterpretazzjoni tal-messaġġ tal-Iżlam biex tinħoloq ideoloġija vjolenti, krudili, totalitarja, oppressiva u espansiva li tagħti lok ta' leġittimizzazzjoni tal-esterminazzjoni ta' minoranzi Nsara; iħeġġeġ lill-mexxejja Musulmani jikkundannaw għalkollox l-attakki terroristiċi kollha, inklużi l-attakki kontra komunitajiet u minoranzi reliġjużi, u b'mod partikolari l-Insara;
11. Jistieden lill-awtoritajiet iwettqu investigazzjoni bir-reqqa, imparzjali u effikaċi mill-iktar fis possibbli sabiex jiġu identifikati u jitressqu quddiem il-ġustizzja lil min wettaq, organizza, iffinanzja jew sponsorja dawn l-atti ta’ terroriżmu kundannabbli;
12. Jirrikonoxxi li t-tweġiba reali jeħtieġ tkun organizzata madwar pajjiżi Afrikani oħra, u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall- Affarijiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà u l-Kunsill jindirizza t-theddidiet għas-sigurtà u theddidiet terroristiċi f'din iż-żona reġjonali b'kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana, b'appoġġ tal-isforzi kruċjali biex il-grupp Al-Shabaab jiġi miġġieled permezz tal-AMISOM; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tappoġġa bil-qawwa l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi kontinentali u reġjonali għall-ġestjoni tal-kunflitti, prinċipalment il-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF);
13. Jistieden lill-Gvern Kenjan jassumi r-responsabbiltà u jindirizza kemm il-vjolenza ta’ Al-Shabaab kif ukoll il-kawżi ewlenin tagħha; iqis li s-sigurtà tista’ tinkiseb biss jekk il-qasmiet fis-soċjetajiet politiċi u ċivili tal-Kenja u l-iżbilanċi reġjonali fl-iżvilupp ikunu indirizzati b’mod xieraq; iqis li hi ta’ dispjaċir ir-reazzjoni tardiva tal-forzi tal-pulizija; b’mod partikolari, iħeġġeġ lill-gvern jibqa' lura milli juża l-attakki terroristiċi bħala pretest għat-trażżin tal-libertajiet ċivili; jistieden lill-awtoritajiet Kenjani jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; jinsisti dwar il-ħtieġa għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tal-politiki ta' kontra t-terroriżmu;
14. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kenjani jiżguraw li kwalunkwe diviżjoni bejn ir-reliġjonijiet, kif ukoll il-paralleli magħmula bejn il-komunità Musulmana u l-grupp Al-Shabaab jiġu prevenuti, u li jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li tinżamm l-għaqda fil-pajjiż, għall-ġid tat-tkabbir u l-istabbiltà soċjali u ekonomiċi u d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu tiegħu; jistieden lill-Gvern tal-Kenja, lill-mexxejja tal-oppożizzjoni u lill-mexxejja reliġjużi biex jindirizzaw l-ilmenti storiċi ta' marġinalizzazzjoni, diviżjonijiet reġjonali fil-pajjiż u diskriminazzjoni istituzzjonali, u biex jiżguraw li l-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu jimmiraw biss fuq l-awturi u mhux fuq il-komunitajiet etniċi u reliġjużi usa';
15. Ifakkar lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom, skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat f’Ġunju 2012, li jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jitqajmu f'kull djalogu kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi terzi;
16. Jistieden lill-UE timplimenta programm ta' missjoni ta' taħriġ militari fil-Kenja u tipprovdi tagħmir modern, filwaqt li tikkollabora mal-forzi militari u tal-pulizija Kenjani u tħarriġhom sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u jipprevjenu l-espansjoni ta' Al-Shabaab;
17. Iħeġġeġ lill-Gvern Kenjan jagħmel l-isforzi kollha biex jikkonforma mal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-libertajiet fundamentali, u jitlob lill-UE biex tmexxi lis-sieħeb internazzjonali tagħha f’din id-direzzjoni, u tiġbor kontribuzzjoni finanzjarja biex isaħħaħ il-programmi tal-governanza eżistenti, sabiex tiżgura s-sigurtà nazzjonali u ġġib il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun; jinsisti li l-vjolenza ta' Al-Shabaab, li qed tkompli tiżdied, għandha tiġi indirizzata flimkien mal-pajjiżi ġirien; jitlob lill-UE tipprovdi l-appoġġ finanzjarju, loġistiku u espert kollu meħtieġ f'dan ir-rigward, inkluża l-possibbiltà li jintużaw il-Faċilità tal-Paċi Afrikana u l-istrumenti tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE;
18. Jistieden lill-forzi tas-sigurtà Kenjani jiżguraw risponsi legali fil-ġlieda kontra t-theddida terroristika; jistieden lill-Gvern Kenjan jiżgura s-sigurtà u l-protezzjoni tal-kampijiet tar-rifuġjati fit-territorju tiegħu, skont id-dritt internazzjonali;
19. Jenfasizza li t-terroriżmu internazzjonali hu ffinanzjat minn attivitajiet illegali bħall-ħasil tal-flus, ir-riskatti, it-traffikar tad-drogi u l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fejn jidħol l-iskambju ta’ intelligence rigward il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
20. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha għall-promozzjoni tad-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet reliġjużi u komunitajiet oħra; jappella lill-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;
21. Jiddenunzja l-użu ta' istituzzjonijiet u binjiet edukattivi bħala mira għal attakki terroristiċi, li huwa mezz biex tiddgħajjef l-edukazzjoni u d-dinjità taċ-ċittadini kollha filwaqt li jikkawża nuqqas ta' fiduċja u sens ta' diviżjoni bejn il-komunitajiet; ifakkar il-ħtif u l-għajbien tal-bniet Insara fil-belt Niġerjana ta' Chibok mill-grupp terroristiku ġiħadista Boko Haram fl-2014, li ġew ikkundannati mid-dinja kollha;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kenja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE.