Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2951(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0358/2015

Testi mressqa :

B8-0358/2015

Dibattiti :

PV 29/04/2015 - 20
CRE 29/04/2015 - 20

Votazzjonijiet :

PV 30/04/2015 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0181

Testi adottati
PDF 293kWORD 115k
Il-Ħamis, 30 ta' April 2015 - Strasburgu
Rapport ta' Progress tal-2014 dwar l-Albanija
P8_TA(2015)0181B8-0358/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar l-Albanija (2014/2951(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 u tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Albanija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea tad-9 ta' Novembru 2010 u r-Rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Il-progress tal-Albanija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata u r-Riforma tas-Sistema Ġudizzjarja" (COM(2014)0331),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-2015" tat-8 ta' Ottubru 2014 (COM(2014)0700), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2014)0304) bit-titolu "Rapport ta' Progress tal-2014 dwar l-Albanija", kif ukoll d-Dokument ta' Strateġija Indikattiv dwar l-Albanija (2014-2020) adottat fit-18 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Albaniż tal-24 ta' Diċembru 2014 dwar il-ftehim politiku bejn il-maġġoranza fil-gvern u l-oppożizzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra x-xogħol ta' Knut Fleckenstein bħala r-rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għall-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Albanija għamlet progress impressjonanti matul dawn l-aħħar snin fit-triq tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE u għalhekk ingħatat l-istatus ta' pajjiż kandidat f'Ġunju 2014; billi għad fadal sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod rapidu u effiċjenti ħalli jsir aktar progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE;

B.  billi l-adozzjoni konsistenti u l-implimentazzjoni effikaċi ta' riformi sostenibbli dwar il-ħames prijoritajiet ewlenin qed jgħinu t-trasformazzjoni demokratika tal-Albanija u jwittu t-triq biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-UE; billi l-proċess tal-adeżjoni mal-UE sar xprun għar-riformi relatati mal-UE fl-Albanija, u billi l-iskeda ta' żmien tiegħu se tiġi determinata mir-rapidità u l-kwalità ta' dawn ir-riformi; billi l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni se jkun inċentiv li jagħti spinta 'l quddiem għal riformi ulterjuri billi joffri perspettiva tanġibbli u kredibbli tal-UE;

C.  billi l-adeżjoni mal-UE hija proċess inklużiv li jappartjeni lill-pajjiż kollu u liċ-ċittadini kollha tiegħu; billi djalogu politiku konstruttiv u sostenibbli dwar riformi relatati mal-UE, imwettaq fi spirtu ta' kooperazzjoni u kompromess bejn forzi politiċi kbar, huwa kruċjali għal aktar progress fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE; billi hemm kunsens politiku u appoġġ pubbliku wiesa' għall-proċess tal-integrazzjoni mal-UE; billi s-suċċess tal-aġenda tar-riforma jiddependi bis-sħiħ fuq l-eżistenza ta' ambjent politiku demokratiku;

D.  billi l-Parlament Ewropew żvolġa rwol importanti fl-isforzi għall-istabbiliment ta' klima politika b'saħħitha fil-pajjiż;

E.  billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir tagħha; billi progress tanġibbli fl-indipendenza tal-ġudikatura u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huwa essenzjali biex javvanza l-proċess ta' integrazzjoni mal-UE; billi appoġġ politiku b'saħħtu huwa essenzjali biex isir progress f'dawn l-oqsma;

F.  billi jeħtieġ li jsiru passi sinifikanti fir-riforma u fl-implimentazzjoni tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja; billi, minkejja l-progress miksub, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għadha sfida serja; billi l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja għad iridu jiġu garantiti;

G.  billi l-eżistenza ta' amministrazzjoni pubblika professjonali, effikaċi u meritokratika hija s-sinsla tal-proċess ta' integrazzjoni għal kwalunkwe pajjiż li għandu l-aspirazzjoni li jsir membru tal-UE;

H.  billi r-relazzjonijiet tal-Albanija mal-ġirien tagħha huma kostruttivi u l-allinjament tagħha mal-politika barranija tal-UE huwa eżemplari;

1.  Jifraħ lill-Albanija talli kisbet l-istatus ta' pajjiż kandidat; jenfasizza li dan għandu jitqies bħala inkoraġġiment biex il-pajjiż jintensifika aktar l-isforzi tar-riforma; jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-proċess ta' integrazzjoni tal-Albanija fl-UE; jemmen li miżuri konkreti u impenn politiku sostnut li jiġu implimentati huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' konsolidazzjoni b'suċċess tat-trasformazzjoni demokratika u jiġu segwiti riformi relatati mal-UE; iħeġġeġ lill-Albanija tistabbilixxi riżultati konkreti f'tali riformi;

2.  Iqis li huwa essenzjali li tiġi sostnuta u appoġġata kooperazzjoni politika ġenwina fost il-partiti politiċi kollha, li tinkludi kompetizzjoni ġusta għal ideat u kunċetti politiċi aħjar, kif ukoll li ssir ħidma lejn kultura ta' politika demokratika bbażata fuq il-fehma li proċessi politiċi demokratiċi huma mibnija fuq id-djalogu u l-abbiltà li wieħed ifittex u jaċċetta kompromessi; huwa konvint li dan se jqawwi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi; iħeġġeġ lill-koalizzjoni fil-gvern tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tal-kontroll demokratiku tal-oppożizzjoni, u jħeġġeġ lill-oppożizzjoni teżerċita dan id-dritt b'mod sħiħ u responsabbli;

3.  Jilqa' l-ħolqien ta' gruppi ta' ħidma konġunti fid-Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-Prijoritajiet Ewlenin bil-għan li tinbena pjattaforma komprensiva għat-twettiq bla xkiel ta' riformi u l-monitoraġġ tal-progress dwar il-ħames prijoritajiet ewlenin, b'mod partikolari r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, it-tisħiħ tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jintensifikaw ħidmithom dwar dawn il-prijoritajiet u jistabbilixxu riżultati konkreti għall-implimentazzjoni tagħhom;

4.  Jappella għat-twaqqif fil-pront ta' Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea inklużiv, li jinkludi wkoll rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-istituzzjonijiet indipendenti bil-għan li jiġi żgurat kunsens nazzjonali wiesa' dwar riformi relatati mal-UE u fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE; jistieden lill-korpi xierqa jinfurmaw lill-partijiet interessati u lill-pubbliku inġenerali b'mod sħiħ u f'waqtu dwar il-progress tal-proċess tal-integrazzjoni mal-UE;

5.  Jenfasizza r-rwol tal-parlament bħala istituzzjoni demokratika ewlenija u għalhekk jitlob li jissaħħaħ ir-rwol superviżorju tiegħu u li jiġi żgurat proċess aktar istituzzjonalizzat ta' konsultazzjoni dwar abbozzi ta' leġiżlazzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni riveduta "Dwar ir-rwol tal-Parlament fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Albanija" fil-5 ta' Marzu 2015, kif ukoll ir-riżoluzzjoni parlamentari konsenswali tal-24 ta' Diċembru 2014 fejn sar qbil li l-oppożizzjoni tirritorna għall-ħidma parlamentari, filwaqt li l-maġġornaza governattiva għandha tfittex il-kunsens tal-oppożizzjoni dwar riformi importanti, li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali (QK) jiġu rispettati, u li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' persuni bi preċedenti penali li jokkupaw jew iridu jokkupaw kariga pubblika; jappella għall-implimentazzjoni tagħha f'waqtha b'mod xieraq u kostruttiv; jistieden lill-partiti politiċi kollha jtejbu l-bini ta' kunsens demokratiku, li huwa l-element ewlieni biex il-proċess tal-adeżjoni jimxi 'l quddiem; iqis li huwa importanti li s-soċjetà ċivili, il-midja u ċ-ċittadini tal-Albanija jżommu lill-mexxejja tagħhom responsabbli għar-riżultati tal-politiki speċifiċi;

6.  Jinsab imħasseb dwar il-polarizzazzjoni politika kontinwa fl-Albanija, li tista' tipperikola l-isforzi ulterjuri tal-integrazzjoni mal-UE; ifakkar lill-koalizzjoni fil-gvern u lill-oppożizzjoni dwar ir-responsabbiltà komuni tagħhom fil-konfront taċ-ċittadini għal djalogu politiku sostenibbli, kostruttiv u inklużiv, li jippermetti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi ewlenin; jistieden lill-maġġoranza li qed tiggverna kif ukoll lill-oppożizzjoni jagħmlu aktar sforzi biex jistabbilixxu djalogu politiku ġenwin u jikkooperaw b'mod kostruttiv;

7.  Jenfasiżża li amministrazzjoni pubblika professjonali hija strumentali għall-implimentazzjoni b'suċċess tar-riformi l-oħra kollha; jilqa' għalhekk il-fatt li l-liġi dwar is-Servizz Pubbliku bdiet tiġi implimentata, u jappella biex tiġi segwita l-implimentazzjoni korretta tagħha bil-għan li jittejbu l-kapaċitajiet amministrattivi, tiġi depolitiċizzata l-amministrazzjoni pubblika u miġġielda l-korruzzjoni fis-servizz pubbliku, tissaħħaħ il-meritokrazija fil-ħatriet, fil-promozzjonijiet u fit-tkeċċijiet, tiżdied l-effiċjenza, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-professjonalità u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-servizz pubbliku, kif ukoll tissaħħaħ il-governanza tajba fil-livelli kollha; jappella għat-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, għal sistema ta' evalwazzjoni tal-impjegati taċ-ċivil u għal monitoraġġ indipendenti tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-servizz pubbliku; iħeġġeġ biex tiġi ffinalizzata strateġija komprensiva għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-promozzjoni kontinwa tad-depolarizzazzjoni u tal-għarfien tad-dritt u tal-proċessi deċiżjonali tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-integrità pubblika tissaħħaħ, li s-servizzi pubbliċi jittejbu u li r-riżorsi pubbliċi jiġu amministrati b'mod aktar effikaċi; jitlob titjib fl-aċċess pubbliku għas-servizzi u għall-informazzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward il-liġi l-ġdida dwar l-aċċess għall-informazzjoni; jitlob għat-tisħiħ tal-istituzzjoni tal-Ombudsman billi jingħata segwitu adegwat għall-konklużjonijiet u għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

8.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata s-sistema frammentata tal-gvern lokali u li tinħoloq sistema ta' governanza lokali funzjonali li kapaċi twieġeb għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini permezz tal-forniment effiċjenti tas-servizzi pubbliċi; jappella għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-gvernijiet lokali, li tippermettilhom li jeżerċitaw l-awtorità tagħhom u li jimplimentaw leġiżlazzjoni b'mod li jkun finanzjarjament sostenibbli; jitlob li jiġu infurzati t-trasparenza, l-effikaċja u l-inklussività tal-gvernijiet lokali; jinnota s-sentenza tal-QK dwar il-kontestazzjoni legali tar-riforma amministrattiva u d-diviżjoni territorjali tal-pajjiż;

9.  Jenfasizza l-importanta tal-elezzjonjiet lokali li ġejjin, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) u tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali; jappella għat-tisħiħ tal-indipendenza u tal-kapaċitajiet tal-korpi elettorali;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-istat tad-dritt u r-riforma tal-ġudikatura jissaħħu sabiex titrawwem il-fiduċja taċ-ċittadini u tal-komunità tan-negozju fis-sistema ġudizzjarja; jilqa' l-impenn tal-Albanija għar-riformi ġudizzjarji iżda xorta waħda jiddeplora nuqqasijiet persistenti fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, bħall-politiċizzazzjoni u obbligu limitat ta' rendikont, livell għoli ta' korruzzjoni, nuqqas ta' riżorsi u kumulu ta' xogħol pendenti; itenni l-ħtieġa li jsiru aktar sforzi sostanzjali biex jiġu żgurati l-indipendenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura u biex titjieb is-sistema tal-ħatriet, tal-promozzjoni u tad-dixxiplina tal-imħallfin, tal-prosekuturi u tal-avukati; jistieden lill-awtoritajiet isegwu riformi b'kooperazzjoni kostruttiva mal-partijiet interessati kollha rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), u b'involviment mal-Kummissjoni ta' Venezja jelaboraw u jimplimentaw strateġija ta' riforma ġudizzjarja fit-tul;

11.  Ifakkar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Albaniż ta' Novembru 2013 dwar l-integrazzjoni Ewropea tal-Albanija, li approvat għadd ta' miżuri importanti, l-aktar dwar l-istat tad-dritt; jissottolinja l-importanza ta' rispett kbir lill-istat tad-dritt u l-indipendenza u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji bħall-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm konformità mad-deċiżjonijiet tal-QK dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jippromwovu l-integrità u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi ewlenin u d-depolitiċizzazzjoni tal-ġudikatura; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jipproċedi mingħajr dewmien bla bżonn biex issir ġustizzja mal-vittmi tal-ġrajjiet tal-21 ta' Jannar 2011;

12.  Jirrimarka li s-sistema tal-ġustizzja tal-minorenni tinsab fi stat mhux sodisfaċenti; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jressqu pjanijiet biex itejbu s-sitwazzjoni;

13.  Jinsab imħasseb li l-korruzzjoni, inkluż fis-sistema ġudizzjarja, għadha problema serja; iħeġġeġ lill-Albanija ssaħħaħ l-isforzi tagħha b'mod serju biex tiġġieled il-korruzzjoni f'kull livell u ttejjeb il-qafas leġiżlattiv, il-kapaċità istituzzjonali u l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni interistituzzjonali; jilqa' l-ħatra ta' Koordinatur Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, li se jikkoordina l-isforzi u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni fil-livell ċentrali, u jitlob l-adozzjoni ta' strateġija kontra l-korruzzjoni komprensiva u preċiza, u ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-perjodu 2014-2020; itenni l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas kontra l-korruzzjoni aktar b'saħħtu, li għandu jinkludi firxa wiesgħa ta' istituzzjonijiet; jinnota b'mod pożittiv il-passi lejn aktar trasparenza, fosthom il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-assi minn uffiċjali għolja kif ukoll it-twaqqif ta' punti fokali kontra l-korruzzjoni għall-ministeri kollha;

14.  Itenni l-ħtieġa li jiġu żviluppati riżultati konkreti ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni fil-livelli kollha, inkluż f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm titjib fl-effiċjenza tal-investigazzjonijiet u li jiġu pprovduti biżżejjed riżorsi, taħriġ u persunal speċjalizzat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, is-saħħa, it-tassazzjoni, l-edukazzjoni, il-pulizija, id-dwana u l-amministrazzjoni lokali; iħeġġeġ il-parteċipazzjoni u r-rwol ta' monitoraġġ tal-OSĊ fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jappella għall-użu sistematiku ta' sekwestru ta' assi kriminali, għal kundanni għall-ħasil ta' flus u għall-użu sistematiku tal-investigazzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jsaħħu l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tal-informaturi;

15.  Huwa mħasseb li, minkejja xejra pożittiva fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-traffikar u l-produzzjoni ta' narkotiċi, din il-ġlieda għadha sfida importanti; filwaqt li jirrikonoxxi s-suċċess tal-operazzjonijiet reċenti tal-pulizija, jistieden lill-Albanija, tiżviluppa approċċ strateġiku komprensiv u tadotta miżuri biex tneħħi l-ostakli għall-effiċjenza tal-investigazzjonijiet bil-ħsieb li tikseb riżultati konkreti fl-investigazzjonijiet, fil-prosekuzzjonijiet u fil-kundanni fl-oqsma u fil-livelli kollha; iħeġġeġ żvilupp ulterjuri tal-koordinament bejn l-aġenziji, inkluż fuq livell lokali, u tal-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi ma' aġenziji sħab fil-Balkani tal-Punent u mas-servizzi tal-Istati Membri tal-UE;

16.  Ifaħħar l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin li għadha sfida serja; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw approċċ komprensiv u orjentat lejn il-vittmi, itejbu l-koordinament interistituzzjonali, u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-prosekuturi, tal-imħallfin u tal-pulizija; itenni l-ħtieġa għal attivitajiet ta' taħriġ speċjalizzat konġunti u kontinwi li jinvolvu prosekuturi, imħallfin u uffiċjali tal-pulizija; jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-uffiċċju tal-prosekutur Albaniżi mal-Istati Membri tal-UE, li wasslet għal riżultati tajbin;

17.  Ifaħħar lill-Ombudsman għax-xogħol tiegħu fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-atteġġjament miftuħ tiegħu lejn persuni vulnerabbli u l-kooperazzjoni tiegħu mal-OSĊ; jiddeplora l-fatt li r-rapporti annwali u speċjali tal-Ombudsman ma ġewx diskussi fil-parlament, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu ppubblikati u mhumiex rikonoxxuti b'mod uffiċjali; jistieden lill-Gvern u lill-Parlament isaħħu l-indipendenza, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, itejbu l-kooperazzjoni mal-uffiċċju tal-Ombudsman u jappoġġawh aktar politikament u finanzjarjament;

18.  Jissottolinja t-tħassib dwar is-sigurtà minħabba r-ritorn ta' ġellieda barranin; jilqa' miżuri li jimpedixxu r-radikalizzazzjoni li jindirizzaw il-fenomenu tal-ġellieda barranin; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-persunal fl-unità tal-pulizija kontra t-terroriżmu u jinkoraġġixxi intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jilqa' l-ftehim operattiv ġdid iffirmat mal-Europol u jitlob għall-implimentazzjoni effiċjenti tiegħu;

19.  Jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivika fil-ħajja pubblika u fit-tfassil u t-teħid tal-politika kif ukoll fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea sabiex jitrawwem kunsens nazzjonali wiesa' dwar ir-riformi u dwar il-proċess tal-adeżjoni mal-UE; jirrakkomanda żvilupp akbar ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni ma' (u bejn) is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali; huwa mħasseb li l-politiċizzazzjoni tal-OSĊ tista' tnaqqas il-potenzjal tar-rwol tagħhom fit-tisħiħ tal-kultura tad-demokrazija;

20.  Ifaħħar l-armonija reliġjuża u l-klima ta' tolleranza reliġjuża, u r-relazzjonijiet ġeneralment tajbin bejn il-gruppi etniċi fil-pajjiż; jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jkomplu jtejbu l-klima ta' inklużjoni u ta' tolleranza għall-minoranzi kollha fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern jadotta, wara proċess ta' konsultazzjoni wiesa', liġi komprensiva dwar il-minoranzi sabiex jirrimedja lakuni legali eżistenti f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Minoranzi Nazzjonali, u jimplimenta b'mod effiċjenti l-Liġi dwar il-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni, u jibni ġurisprudenza soda kontra d-diskriminazzjoni; ifaħħar il-kontribut tal-Kummissarju għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inkluża dik fuq bażi tal-ġeneru, speċjalment fl-impjiegi, fl-edukazzjoni u fl-aċċess għas-servizzi soċjali; iħeġġeġ li jittieħdu aktar miżuri biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Rom billi jtejbulhom l-aċċess għas-servizzi tal-insinwa, id-djar, l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol u s-servizzi soċjali u ta' kura tas-saħħa; jenfasizza li l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Rom jeħtieġ ukoll li jittejbu permezz ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-gvern ċentrali u lokali u kooperazzjoni interministerjali;

21.  Jilqa' t-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-ħatra ta' koordinaturi dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru għall-ministeri kollha; jappella għal aktar miżuri biex jiġu indirizzati l-vjolenza domestika, il-każijiet ta' aċċess inadegwat tan-nisa għall-ġustizzja, u l-preġudizzju sessista fl-impjiegi; jilqa' l-inklużjoni tal-komunità LGBTI fl-istrateġija 2015-2020 dwar l-inklużjoni soċjali, it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u l-ftuħ tal-ewwel xelter residenzjali għall-persuni LGBTI; ifaħħar l-emendi għall-Kodiċi Kriminali li jippenalizzaw reati u diskorsi ta' mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

22.  Barra minn hekk, jinkoraġġixxi lill-gvern sabiex jaħdem fuq abbozz dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru, u jiżgura li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-ġeneru jilħqu l-istandards stipulati fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010) tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru; jemmen li d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI aktarx li jkunu aktar imħarsa jekk huma jkollhom aċċess għal istituzzjonijiet legali bħall-koabitazzjoni, sħubija reġistrata jew żwieġ, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Albaniżi jqisu dawn l-għażliet;

23.  Jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jwieġbu għat-talba tan-Nazzjonijiet Uniti u għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman sabiex joħolqu bażi ta' data omoġenja u affidabbli, li tattiva l-Kunsill ta' Koordinament għall-Ġlieda Kontra l-Vendetti li Jintirtu stabbilit fl-2005 u jiżviluppaw pjan ta' azzjoni li jiffoka fuq l-aspettu tal-istat tad-dritt fil-ġlieda kontra l-vendetti li jintirtu;

24.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li s-servizz tax-xandir pubbliku jkun professjonali, indipendenti u pluralistiku, u l-midja privata bħala pilastru tad-demokrazija; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' indipendenza ġenwina tal-midja u n-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda u tal-finanzjament tal-midja; iħeġġeġ lill-Albanija tiżgura lill-ġurnalisti ambjent tax-xogħol ħieles; jenfasizza li aktar sforzi huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtorità regolatorja tal-midja u tax-xandir pubbliku; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda u tal-finanzjament tal-midja, il-polarizzazzjoni tal-midja u l-awtoċensura; jitlob li jissaħħu l-istandards etiċi u professjonali tal-ġurnalisti; iħeġġeġ l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar il-malafama; jinnota li l-elezzjoni tal-president u tal-membri tal-bord il-ġodda tal-Awtorità tal-Midja Awdjoviżiva (AMA) ġiet ikkontestata mill-oppożizzjoni; iħeġġeġ lill-gvern jiggarantixxi l-indipendenza u l-appoġġ tiegħu, sabiex l-AMA tkun tista' tassumi l-funzjonijiet tagħha b'mod sħiħ, inkluż fir-rigward tal-iffaċilitar tal-proċess tal-bidla diġitali u tal-implimentazzjoni effiċjenti tal-Liġi tal-Midja Awdjoviżiva;

25.  Jilqa' t-titjib fil-klima kummerċjali u t-twettiq ta' ekonomija tas-suq li taħdem, iżda jappella lill-gvern ikompli jindirizza d-dgħufijiet fl-infurzar tal-kuntratti u tal-istat tad-dritt, kif ukoll jindirizza l-ekonomija informali kbira; jappella għal aktar riformi sabiex l-Albanija tkampa mal-pressjoni kompetittiva tas-suq komuni Ewropew; jistieden lill-gvern isaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà u jħaffef il-pass tal-ħolqien ta' politika sostenibbli u koerenti tal-leġiżlazzjoni, r-restituzzjoni u l-kumpens tal-proprjetà; jissottolinja l-importanza li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tas-settur privat u l-investiment dirett barrani;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-edukazzjoni u t-taħriġ jittejbu biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tiżdied l-impjegabbiltà, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-gvern biex jindirizzaw il-punti dgħajfin fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż żieda fil-qgħad, u bil-għan li jipprovdu soluzzjonijiet f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020; jilqa' d-Dokument ta' Strateġija Indikattiv għall-Albanija 2014-2020, li għaraf li l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-politiki soċjali jeħtieġu appoġġ permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA);

27.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jfasslu strateġija nazzjonali għall-enerġija b'enfasi partikolari fuq l-enerġiji rinnovabbli u s-sigurtà tal-enerġija, inkluż d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija; huwa tal-fehma li l-Albanija għandha tinvesti aktar fi proġetti ta' enerġija rinnovabbli u f'infrastruttura relatata; jistieden lill-Albanija tqis l-impatt ekoloġiku ta' proġetti tal-idroenerġija fuq il-wirt naturali nazzjonali; jitlob li jkun hemm konformità mad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma, li għandha l-għan li tikseb status ekoloġiku u kimiku tajjeb tal-korpi tal-ilmijiet tal-wiċċ naturali kollha;

28.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jiżviluppaw pjanijiet komprensivi għall-immaniġjar tal-parks nazzjonali eżistenti f'konformità mal-linji gwidi tal-kwalità u l-immaniġġjar taż-żoni protetti ta' kategorija II tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali tal-Kummissjoni Dinjija għaż-Żoni Protetti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jabbandunaw kwalunkwe pjan ta' żvilupp li jimmina n-netwerk taż-żoni protetti tal-pajjiiż u jitlob li jiġu abbandunati l-pjanijiet għal bini ta' impjanti idroelettriċi żgħar u kbar, b'mod partikolari fil-parks nazzjonali kollha; jitlob, b'mod partikolari, li l-pjanijiet għall-bini ta' impjanti idroelettriċi tul ix-xmara Vjosa u t-tributarji tagħha jiġu kkunsidrati, peress li dawn il-proġetti se jkunu ta' dannu għall-aħħar ekosistema estensiva ta' xmajjar li għadha intatta u kważi naturali;

29.  Jilqa' l-attitudni kontinwament kostruttiva u proattiva tal-Albanija fil-kooperazzjoni reġjonali u bilaterali; jenfasizza r-rwol strumentali tagħha fit-tisħiħ tal-istabbiltà reġjonali; ifaħħar ir-rieda politika li jittejbu r-relazzjonijiet mas-Serbja; jinkoraġġixxi lill-Albanija u lis-Serbja jieħdu aktar azzjonijiet u jagħmlu dikjarazzjonijiet li jippromwovu stabbiltà u kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien; jinsab skunċertat bid-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Albaniż fejn huwa spekula dwar l-unifikazzjoni tal-Albaniżi mill-Albanija u l-Kosovo; jinkoraġġixxi lill-Albanija żżomm il-pożizzjoni kostruttiva tagħha fir-reġjun u taqsam ma' pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul il-proċess tal-adeżjoni tagħhom mal-UE, bil-għan li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni u l-istabbiltà ulterjuri fir-reġjun; jilqa' l-allinjament sħiħ tal-Albanija mal-pożizzjonijiet tal-UE dwar il-politika barranija, inklużi l-miżuri restrittivi tal-UE fil-konfront tar-Russja, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Albanija fl-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-PSDK; jinnota l-ambizzjonijiet tagħha, bħala l-President fil-Kariga attwali tal-Proċess ta' Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa, biex tkompli tippromwovi djalogu bejn il-pajjiżi parteċipanti; jistieden lill-Albanija tipparteċipa b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Adrijatika-Jonika tal-Unjoni Ewropea;

30.  Jitlob li l-kooperazzjoni interparlamentari bejn il-PE u l-Albanija tissaħħaħ; jirrakkomanda l-armonizzazzjoni, kemm jista' jkun, tal-kalendarju futur tal-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija u dak tad- Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-Prijoritajiet Ewlenin, sabiex tissaħħaħ is-sorveljanza parlamentari tal-proċess tal-adeżjoni mal-UE;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.

Avviż legali - Politika tal-privatezza