Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0057/2015

Testi mressqa :

A8-0057/2015

Dibattiti :

PV 30/04/2015 - 3
CRE 30/04/2015 - 3

Votazzjonijiet :

PV 30/04/2015 - 10.7
CRE 30/04/2015 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0183

Testi adottati
PDF 414kWORD 160k
Il-Ħamis, 30 ta' April 2015 - Strasburgu
Ir-Rapport Annwali 2013 tal-Bank Ewropew tal-Investiment
P8_TA(2015)0183A8-0057/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment – Rapport Annwali 2013 (2014/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività għall-2013 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju Annwali 2013 tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2012 dwar strumenti finanzjarji innovattivi fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2011 tal-Bank Ewropew tal-Investiment(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Ġunju 2012, intitolat "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina",

–  wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-attrazzjoni tal-investimenti fl-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea (COM(2014)0168) tas-27 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012, li, b'mod partikolari, ipproponew żieda fil-kapital tal-BEI ta' EUR 10 biljuni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013, li jitoblu l-ħolqien ta' pjan ġdid ta' investiment li jappoġġja l-SMEs u jagħti spinta lill-finanzjament tal-ekonomija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013, li jistabbilixxu l-objettiv li jiġu mobilizzati l-politiki kollha tal-UE b'appoġġ għall-kompetittività, l-impjiegi u t-tkabbir,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istrumenti finanzjarji innovattivi: "Qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' strumenti finanzjarji innovattivi" (COM(2011)0662) u "Pilota għall-Inizjattiva Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti" (COM(2011)0660),

–  wara li kkunsidra ż-żieda fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn il-BEI u l-BERŻ,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-BERŻ għaż-żona tal-Mediterran(6),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil il-ġdid bejn il-BEI u l-BERŻ iffirmat fid-29 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011(7) dwar il-Mandat Estern tal-BEI 2007-2013,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2014)0903) tas-26 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0057/2015),

A.  billi r-risorsi kollha possibbli mill-Istati Membri u l-UE, inklużi dawk tal-BEI, jeħtieġ li jiġu mobilizzati b'mod effiċjenti mingħajr dewmien biex jitħeġġu u jitjiebu l-investimenti pubbliċi u privati, tingħata spinta lill-kompetittività, jerġa' jiġi stabbilit tkabbir sostenibbli u inklużiv u jiġu promossi l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-infrastruttura, b'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020 u filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-BEI huwa strument iddisinjat biex jappoġġa l-koeżjoni soċjali u jista' jipprovdi għajnuna siewja lill-Istati Membri li jiffaċċjaw diffikultajiet fis-sitwazzjoni soċjali u ekonomika kritika li bħalissa qegħdin naffrontaw;

B.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja, flimkien mal-politiki ta' awsterità, xekklet b'mod serju t-tkabbir ekonomiku f'ħafna Stati Membri, u dan wassal għal deterjorament rapidu tal-kundizzjonijiet soċjali, inugwaljanzi u żbilanċi dejjem akbar bejn ir-reġjuni Ewropej u nuqqas milli jinkiseb l-objettiv ta' koeżjoni soċjali u konverġenza reali, fejn b'hekk ġew destabbilizzati l-integrazzjoni u d-demokrazija Ewropej;

C.  billi l-BEI mhuwiex bank kummerċjali u għandu jkompli r-rwol essenzjali ta' katalist għall-finanzjament ta' investimenti pubbliċi u privati sodi u fit-tul, filwaqt li jkompli jimplimenta l-aktar prattiki bankarji prudenzjali sabiex iżomm il-pożizzjoni kapitali ferm b'saħħitha tiegħu, b'impatti pożittivi sussegwenti fuq il-kundizzjonijiet ta' self;

D.  billi għandhom isiru sforzi partikolari favur l-espansjoni tal-interventi konġunti (bil-kombinament tal-FEI jew għodod ta' garanzija oħrajn) għall-finanzjament tal-SMEs jew ta' infrastrutturi sostenibbli tanġibbli u intanġibbli, filwaqt li jkun rikonoxxut li waħda mir-raġunijiet għat-tnaqqis fl-investiment u kreditu hija t-telf tal-kompetittività tal-ekonomiji tal-Istati Membri;

E.  billi l-BEI għandu jkompli jissodisfa l-mandat tiegħu għall-finanzjament ta' proġetti li jagħmlu parti mill-azzjoni esterna tal-UE b'rispett għall-istandards soċjali u ambjentali għolja;

F.  billi l-għażla tal-investimenti tal-BEI għandha ssir b'mod indipendenti u abbażi tal-vijabbiltà, il-valur miżjud u l-impatt fuq l-irkupru ekonomiku tagħhom;

G.  billi l-BEI għandu jevolvi lejn il-mudell ta' bank tal-iżvilupp, fil-qafas ta' koordinazzjoni makroekonomika ikbar mal-Istati Membri;

H.  billi l-BEI għandu jkun bank ta' għarfien u ta' prattika tajba u mhux entità finanzjarja biss;

I.  billi s-suq relattivament żgħir u kkonċentrat ħafna ta' titolizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi titolizzazzjoni limitata tas-self lill-SMEs, kompla ċkien b'riżultat tal-kriżi;

Investiment

1.  Jinnota r-Rapport Annwali tal-BEI tal-2013, iż-żieda fl-attivitajiet ta' finanzjament tal-grupp b'37 % għal EUR 75.1 biljun u l-implimentazzjoni taż-żieda fil-kapital tal-BEI li saret fl-2013; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni attwali ta' staġnar ekonomiku fl-UE, u b'mod partikolari t-tnaqqis sinifikanti fl-investiment pubbliku u privat - madwar 18 % taħt il-livelli tal-2007 - u t-tnaqqis enormi ta' 35 % fis-self lill-SMEs bejn l-2008 u l-2013; jenfasizza li tali tnaqqis jirrappreżenta ostakolu kbir ħafna kemm għal irkupru sostenibbli kif ukoll għal progress ġenwin lejn l-objettivi tal-Ewropa 2020;

2.  Jirrimarka, f'dak ir-rigward, li l-projezzjonijiet nazzjonali juru li kważi nofs l-Istati Membri kollha mhux se jilħqu l-objettivi nazzjonali tagħhom dwar l-iskemi edukattivi u t-tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2020 u li t-tendenzi fir-rigward tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar huma saħansitra agħar;

3.  Jikkonkludi li t-tisħiħ tal-istrumenti ta' finanzjament tal-BEI mhux sostitut għal politika ekonomika nazzjonali u riformi strutturali orjentati lejn it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2014)0903) li jinvolvi fondi eżistenti u jfittex li jkollu effett ta' lieva fuq il-kapital mis-settur privat bi proporzjon ta' 1:15; jinnota l-għan li jingħata nifs ġdid lill-ekonomija tal-UE permezz tal-mobilizzazzjoni ta' EUR 315 il-biljun matul it-tliet snin li ġejjin taħt il-Fond Ewropew il-ġdid għal Investimenti Strateġiċi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment se tkun teħtieġ li l-BEI jkollu riżorsi umani addizzjonali sabiex jissodisfa l-mandat tiegħu;

5.  Jinnota, f'dak il-kuntest, it-twaqqif ta' Task Force, immexxija mill-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment, u jinnota l-proposti leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja biex jiġi stabbilit il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI); jenfasizza l-ħtieġa li f'dawn il-proposti leġiżlattivi jiġu speċifikati governanza u proċess tal-għażla ta' kwalità għolja kif ukoll qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni responsabbli demokratikament li jirfed il-fond, li għandha tkun trasparenti kemm jista' jkun fl-istabbiliment tal-kriterji li għandha tuża biex tiddetermina l-proġetti li għandhom jitqiesu xierqa għall-inklużjoni fil-pjanijiet li jkunu qed jitħejjew;

6.  Jistenna li l-pjan ta' investiment tal-Kummissjoni jrawwem u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi fl-Istati Membri u r-reġjuni; ifakkar li hu essenzjali li l-BEI jikkoopera mal-fondi Ewropej speċjalment f'dawk l-Istati Membri u r-reġjuni li qed jesperjenzaw problemi sabiex investimenti pubbliċi produttivi u proġetti infrastrutturali essenzjali jkunu jistgħu jitwettqu;

7.  Jemmen li għandhom jiġu prijoritizzati l-proġetti b'valur miżjud Ewropew u b'analiżi pożittiva tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni ta' proġetti li jista' jkollhom impatt massimu fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm enfasi fuq proġetti b'riskju ogħla li mhux faċli li jikkwalifikaw għal finanzjament mill-banek; iwissi li t-Task Force tista' tiffaċċja pressjoni politika biex trawwem proġetti li huma ta' vantaġġ għal gruppi ta' interess speċjali, u dan iwassal għal allokazzjoni ħażina tal-fondi f'investimenti mhux profitabbli li mhumiex ta' interess pubbliku;

8.  Jenfasizza li l-garanziji li tipprevedi l-Kummissjoni għall-EFSI ma jikkorrispondux għal flus ġodda, imma għal riżorsi riallokati; jenfasizza li hija ta' importanza kbira li jiġu identifikati l-kostijiet tal-għażla ta' din ir-riallokazzjoni u għalhekk li jiġi stabbilit b'mod espliċitu sa liema punt ir-redditi globali mill-investimenti addizzjonali previsti li għandhom jiġu kofinanzjati mill-EFSI huma mistennija jkunu iżjed minn dak li kien jirriżulta kieku r-riżorsi riallokati jkunu ġew allokati kif ippjanat oriġinarjament;

9.  Jirrimarka li l-proċess tal-għażla tal-proġetti għandu jkollu l-għan li jevita l-effetti tas-soppressjoni u tat-tqassim mill-ġdid u għandu għalhekk jiffoka fuq proġetti ta' valur miżjud Ewropew b'potenzjal qawwi bbażat fuq l-innovazzjoni li jissodisfa l-kriterju ta' addizzjonalità; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies il-potenzjal tal-impjiegi tal-proġetti magħżula f'dawk il-pajjiżi tal-UE li qed isofru minn qgħad tal-massa;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tivvaluta bir-reqqa fil-proposta leġiżlattiva tagħha li jmiss il-partijiet mill-qafas tal-baġit tal-UE li mistennija jipprovdu garanziji lill-EFSI, bl-għan li jiġu mminimizzati l-kostijiet tal-għażla relatati mat-tqassim mill-ġdid ta' dawn ir-riżorsi; jitlob ukoll lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI biex jivvalutaw kif xieraq l-effetti tar-ridistribuzzjoni li jinvolvi l-pjan ta' investiment, jiġifieri l-possibbiltà ta' żieda fil-profitti għall-investituri għall-ispejjeż tal-klijenti li jkollhom iħallsu għall-użu ta' infrastruttura ġdida sabiex jiżguraw redditu xieraq fuq l-investiment; jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni biex jivvalutaw aktar id-differenza fl-investiment fl-UE f'termini tal-kompożizzjoni tiegħu, jiġifieri jekk investimenti privati jew pubbliċi huma nieqsa, u li jiġi speċifikat liema tip ta' investimenti, privati jew pubbliċi, huma maħsuba li jkunu s-suġġett ta' appoġġ u l-iskala mistennija tal-effetti produttivi tal-investiment;

11.  Jinnota li l-Bank Ċentrali Ewropew esprima d-disponibbiltà tal-BĊE biex jixtri, fis-suq sekondarju, bonds maħruġa mill-FEIS, jekk il-Fond joħroġ tali bonds hu stess jew jekk il-BEI jagħmel hekk f'ismu;

12.  Jirrimarka li jeħtieġ li jinstab bilanċ ġdid bejn evalwazzjoni aħjar u l-aħjar investiment possibbli, u li l-ekonomija titmexxa lejn perkors ta' tkabbir sostenibbli u ta' rkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi;

13.  Ifakkar fl-importanza tal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li l-"pakkett" futur ta' investimenti għandu jqis aħjar l-objettivi ġenerali tal-politika ta' koeżjoni, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza enerġetika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Gvernaturi tal-BEI biex isaħħu l-indikaturi tal-prestazzjoni tagħhom għal investimenti ta' kwalità b'dik il-perspettiva;

14.  Jenfasizza li l-BEI qed jintalab jieħu rwol strumentali fil-finanzjament tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa billi jimpenja EUR 5 biljuni għall-istabbiliment tal-Fond Ewropew ġdid għal Investimenti Strateġiċi; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI biex jivvalutaw il-konsistenza bejn il-kompiti l-ġodda assenjati lill-BEI b'tali pjan u r-riżorsi tal-BEI;

15.  Huwa tal-fehma li, f'dan ir-rigward, l-involviment xieraq tal-BEI fil-Pjan ta' Investiment se jirrikjedi żieda sostanzjali fil-limiti massimi ta' għoti u teħid ta' self mill-BEI fil-ħames snin li ġejjin bl-għan li jiżdied b'mod sinifikanti d-daqs tal-karta tal-bilanċ tiegħu; jemmen li livell eċċessiv ta' ingranaġġ ixekkel l-objettivi tal-pjan ta' investiment;

16.  Jemmen li promozzjoni tal-qafas istituzzjonali għall-operat tas-suq uniku tal-kapital se tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-implimentazzjoni aktar mgħaġġla tal-pjan ta' investiment;

17.  Jinnota, madankollu, li l-pjan korporattiv tal-operat attwali tal-BEI jipprevedi tnaqqis fil-flussi ta' self għal EUR 67 biljun fl-2014 u l-2015, filwaqt li nofs il-medda fil-mira għall-2016 mistennija li tkun EUR 58.5 biljun;

18.  Jenfasizza li l-kapaċità ta' self żejda li tirriżulta miż-żieda kapitali reċenti tal-BEI ta' EUR 10 biljuni ma ntużatx biżżejjed; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati involuti biex kemm jista' jkun jippromwovu azzjonijiet biex jestendu s-self tal-BEI;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi kooperazzjoni multilaterali bejn il-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali sabiex irawmu sinerġiji, jikkondividu r-riskji u l-ispejjeż, u jiżguraw self xieraq għall-proġetti tal-UE b'impatt pożittiv fuq il-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi, il-protezzjoni ambjentali u l-kwalità tal-ħajja;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI irawmu l-inklużjoni tal-investiment b'benefiċċju soċjali ċar, inklużi livelli ogħla ta' impjieg, fi ħdan l-ambitu ta' azzjoni, biex permezz tas-self tingħata spinta lill-attivitajiet imfassla biex jitnaqqas il-qgħad, b'enfasi partikolari fuq il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg għaż-żgħażagħ, u biex jappoġġjaw investimenti pubbliċi u produttivi u proġetti ta' infrastruttura indispensabbli, speċjalment fl-Istati Membri b'livelli għoljin ta' qgħad u b'PDG taħt il-medja;

21.  Itenni l-appoġġ kawt tiegħu għall-iżvilupp ta' sħubiji pubbliċi privati (PPPs) li, jekk ikunu ddisinjati tajjeb, jista' jkollhom rwol importanti fl-investiment fit-tul, l-ekonomija diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kapital uman, kif ukoll in-netwerks Ewropej tat-trasport, tal-enerġija jew tat-telekomunikazzjoni; jiddispjaċih li PPPs difettużi nbidlu f'sistema għolja ta' finanzjament pubbliku tas-settur privat li tiġġenera d-dejn pubbliku; jindika, barra minn hekk, li dawn l-operazzjonijiet spiss jiffaċċjaw problemi ta' opaċità kif ukoll ta' informazzjoni asimmetrika fil-klawżoli tal-eżekuzzjoni bejn l-aġenti pubbliċi u privati, normalment favur is-settur privat;

22.  Jissuġġerixxi li l-BEI jsaħħaħ il-kapaċitajiet analitiċi settorjali tiegħu kif ukoll ix-xogħol tiegħu ta' analiżi makroekonomika;

Strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji u bonds tal-proġetti

23.  Jirrimarka li l-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji li finalment jinvolvu l-għoti ta' sussidji pubbliċi għandhom jiġu previsti biss meta jkun hemm fallimenti tas-suq li jiġġeneraw kosti esterni jew biex jitwettqu missjonijiet ta' interess ġenerali bħalma hu l-għoti ta' beni pubbliċi u servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, billi jitqies li dan l-approċċ dejjem iġorr ir-riskju tas-soċjalizzazzjoni tat-telf u l-privatizzazzjoni tar-redditi; jinnota li f'każ ta' falliment dan iwassal biex is-settur pubbliku jkollu jkopri t-telf;

24.  Jirrimarka li kwalunkwe involviment ta' riżorsi pubbliċi fl-istrumenti ta' kondiviżjoni tar-riskji u b'mod iktar speċifiku fis-segmenti tal-ewwel telf ta' veikoli ta' investiment għandu jkun marbut b'mod espliċitu mat-tnaqqis ta' kosti esterni negattivi miżurabbli, il-ġenerazzjoni ta' kosti esterni pożittivi miżurabbli jew l-implimentazzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku u servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali; jirrimarka li l-Artikolu 14 tat-TFUE jipprovdi bażi ġuridika biex tiġi stabbilita din ir-rabta permezz ta' proposta leġiżlattiva ordinarja;

SMEs

25.  Jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u għaldaqstant għandhom ikunu mira prinċipali tal-investiment; jinsab imħasseb li l-aċċess għal finanzjament jibqa' wieħed mid-diffikultajiet l-iżjed strinġenti li qed jiffaċċjaw l-SMEs fl-Ewropa; jenfassiza l-bżonn ta' allokazzjoni aktar effiċjenti ta' finanzjament lill-SMEs bi spettru wiesa' ta' investituri privati għall-provvediment ta' tali finanzjament;

26.  Iħeġġeġ lill-BEI biex janalizza bis-sħiħ it-tnaqqis fil-finanzjament lill-SMEs u biex iressaq pjan komprensiv biex jiżgura li l-SMEs madwar l-Ewropa jkunu mħeġġa japplikaw għall-finanzjament taħt l-awspiċi tal-BEI kull fejn possibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jivvalutaw l-effett tal-kriżi ekonomika fuq is-sistema bankarja u r-riċevituri finali tal-finanzjament tal-BEI, b'mod partikolari rigward l-SMEs, is-settur tal-ekonomija soċjali u l-kumpaniji pubbliċi; jitlob lill-BEI biex jivvaluta u jirrapporta fid-dettall dwar l-impatti tal-appoġġ tiegħu fuq l-SMEs fl-Ewropa dwar l-ekonomija reali u r-riżultati għas-snin 2010-2014;

27.  Jiġbed l-attenzjoni għall-proporzjon għoli ta' mikrointrapriżi fl-ekonomija Ewropea u jilqa' l-passi meħuda mill-BEI lejn self ta' mikrofinanzjament fl-Ewropa; jitlob għal aktar investiment f'dan is-settur fid-dawl tal-importanza tal-mikrointrapriżi fil-ħolqien tax-xogħol;

28.  Jenfasizza, b'mod partikolari, il-benefiċċji reali li jintużaw mekkaniżmi ta' kondiviżjoni tar-riskju fil-promozzjoni ta' finanzjament għall-SMEs u innovazzjoni fl-Ewropa;

29.  Jieħu nota taż-żieda fl-appoġġ għall-SMEs fl-Unjoni Ewropea li kien jammonta għal EUR 21.9 biljun, li b'hekk jipprovdi aċċess għall-finanzjament għal iżjed minn 230 000 SME;

30.  Jitlob lill-BEI iżid iżjed il-kapaċitajiet tas-self tiegħu lill-SMEs u impriżi innovattivi li għadhom jibdew; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ ta' strumenti oħra tal-BEI, bħall-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress;

31.  Jilqa' l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda fil-qasam tal-finanzjament tal-kummerċ fil-pajjiżi li ntlaqtu mill-kriżi ekonomika, speċjalment il-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kummerċ għall-SMEs jew soluzzjonijiet finanzjarji mfasslin apposta bħall-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress iddedikati għall-inklużjoni finanzjarja; iħeġġeġ lill-BEI jestendi l-benefiċċji ta' dawn l-istrumenti l-ġodda għal benefiċjarji ġodda fil-livell Ewropew;

32.  Jinsisti li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni f'Diċembru 2014 tqis kemm l-impatti negattivi kif ukoll dawk pożittivi ta' proġetti fil-Fażi Pilota tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI); iqis li huwa ta' dispjaċir li l-BEI appoġġja xi proġetti infrastrutturali li la huma vijabbli u lanqas sostenibbli; iqis li l-BEI għandu jinvesti fi proġetti li jġibu benefiċċji ekonomiċi tanġibbli, huma tajba għall-klima u jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-interessi tal-popolazzjoni li huma maħsuba biex iservu;

33.  Jiddispjaċih fir-rigward tar-rwol tal-BEI u tal-Kummissjoni fil-proġett Castor, li huwa ffinanzjat fil-qafas tal-PBI, u jinvolvi valutazzjoni tar-riskju li ma qisitx ir-riskju ta' żieda fl-attività sismika assoċjata mal-injezzjoni ta' gass, minkejja li jeżistu studji li jwissu b'mod ċar dwar il-perikli potenzjali(8); iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jieħdu azzjoni sabiex jevitaw li permezz ta' defiċit pubbliku ogħla jew billi jiżdiedu l-ispejjeż tal-enerġija, iċ-ċittadini Spanjoli jkollhom iħallsu EUR 1 300 miljun f'kumpens minħabba proġett li ġie vvalutat b'mod diżastruż; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew u tinvestiga jekk id-deċiżjonijiet tal-Gvern Spanjol dwar Castor jistgħux jitqiesu għajnuna mill-Istat ipprojbita;

34.  Jiddispjaċih li l-BEI iffinanzja l-awtostrada ċirkomferenzjali "Passante di Mestre", wara li l-awtoritajiet Taljani pubblikament ħabbru l-arrest tas-CEO tas-sottokuntrattur ewlieni tagħha minħabba frodi fiskali; fid-dawl tal-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-awtoritajiet Taljani dwar l-iskandlu ta' korruzzjoni relatat mal-kostruzzjoni u l-ġestjoni ta' "Passante di Mestre", jistieden lill-BEI biex ma jiffinanzjax il-proġett "Passante di Mestre" permezz tal-PBI jew kwalunkwe strument finanzjarju ieħor, u biex jiżgura li jimplimenta l-politika kontra l-frodi b'tolleranza żero meta jqis l-użu tal-bonds tal-proġetti;

35.  Jistieden lill-BEI biex iżid il-kapaċità tiegħu li jieħu riskji billi jippromwovi s-self lil dawk is-setturi tal-ekonomija li għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi imma li għandhom diffikultajiet biex jiksbu l-finanzjament mingħajr garanziji xierqa;

36.  Jitlob, għalhekk, evalwazzjoni komprensiva tal-proġetti pilota abbażi ta' proċess ta' konsultazzjoni inklużiv u miftuħ li jinvolvi korpi pubbliċi, nazzjonali u lokali; jenfasizza wkoll il-bżonn ta' proġetti ffinanzjati li jkunu vvalutati f'termini ta' valur miżjud, l-ambjent, il-produttività u l-impjiegi; jirrimarka li l-PBI għadha biss fl-istadju pilota; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tippreżenta, permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, proposta leġiżlattiva li tinkwadra aħjar l-istrateġija futura tal-bonds tal-proġetti, inkluż tisħiħ tal-qafas ta' indikaturi tal-prestazzjoni tal-BEI għal investiment ta' kwalità, sabiex jiġu identifikati u mkejla kemm l-impatt tal-proġetti ffinanzjati f'termini ta' kosti esterni kif ukoll ir-redditi soċjali u ambjentali tagħhom;

37.  Huwa mħasseb minħabba l-ġeneralizzazzjoni potenzjali tal-PBIs bħala mezz ta' kif jitnaqqsu l-ispejjeż għall-investiment privat, permezz ta' rati tal-imgħax iżjed baxxi jew is-soċjalizzazzjoni tat-telf, aktar milli l-kamp ta' applikazzjoni iżjed limitat li jipprovdu appoġġ lill-investimenti ta' interess pubbliku fejn jista' jintwera li l-investiment privat jipprovdi kompetenza jew l-għarfien indispensabbli li mhumiex disponibbli fis-settur pubbliku;

Enerġija u klima

38.  Jistieden lill-BEI biex jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-kriterji tiegħu dwar is-self għall-enerġija u jirrapporta perjodikament u pubblikament dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

39.  Jistieden lill-BEI biex iżid l-isforzi ta' investiment tiegħu bl-għan li jnaqqas b'mod sinifikanti l-marka tal-karbonju tiegħu, u biex jaħdem fuq politiki li jgħinu lill-Unjoni tilħaq il-miri klimatiċi tagħha; jilqa' l-fatt li l-BEI se jkun qed iwettaq u jitlob il-pubblikazzjoni ta' valutazzjoni klimatika u eżami mill-ġdid tal-attivitajiet kollha tiegħu fl-2015, li jistgħu jwasslu għal politika ta' protezzjoni klimatika ġdida; jittama li l-politika tal-BEI dwar l-enerġija tkun appoġġjata b'mod konkret mill-Istandard ta' Rendiment għall-Emissjonijiet tiegħu, li għandu jiġi applikat għall-proġetti kollha tal-ġenerazzjoni tal-karburanti fossili sabiex jiġu eliminati l-investimenti b'emissjonijiet ta' ammont ta' karbonju li jaqbżu livell limitu; jistieden lill-BEI iżomm l-Istandard ta' Rendiment għall-Emissjonijiet taħt eżami u japplika impenji iżjed stretti;

40.  Jilqa' l-ewwel passi tal-BEI lejn bidla favur l-enerġija rinnovabbli; jitlob ir-rettifika tal-iżbilanċi reġjonali fis-self għall-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari bl-għan li jiġu appoġġjati l-proġetti fi Stati Membri li huma dipendenti fuq sorsi tal-enerġija mhux rinnovabbli u jittieħed kont tad-differenzi fl-ekonomija tal-Istati Membri, u biex fil-futur tingħata iktar attenzjoni fir-rigward ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzati mhux kollegati mal-grilja u fuq skala iżgħar li jinvolvu ċ-ċittadini u l-komunitajiet; jikkunsidra li dawn is-sorsi tal-enerġija jnaqqsu l-livell għoli tal-Ewropa ta' dipendenza esterna kbira fuq l-enerġija, itejbu s-sikurezza tal-forniment u jistimolaw il-ħolqien tat-tkabbir ekoloġiku u l-impjiegi; jisħaq fuq l-importanza ta' finanzjament għal effiċjenza enerġetika, netwerks tal-enerġija u R&Ż relatati;

41.  Jistieden lill-BEI biex iżid il-volum ta' għoti ta' self tiegħu għal proġetti ta' effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha, b'mod speċjali b'rabta mal-ottimizzazzjoni tal-proċessi, l-SMEs, il-bini u l-ambjent urban; jistieden lill-BEI biex jagħti prijorità akbar liż-żoni l-aktar fil-bżonn f'konformità mal-politika ta' koeżjoni;

42.  Iħeġġeġ lill-BEI jippreżenta evalwazzjoni tal-possibbiltà li gradwalment jitneħħa s-self għall-proġetti tal-enerġija mhux rinnovabbli;

Infrastruttura

43.  Jenfasizza li l-investiment fi proġetti sostenibbli tal-infrastruttura huwa ewlieni għat-titjib fil-kompetittività u biex jerġa' jkun hemm it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa; jistieden, għaldaqstant, biex il-finanzjament tal-BEI jkun iddirezzjonat lejn iż-żoni l-aktar affettwati minn qgħad għoli; jirrimarka li l-finanzjament tal-BEI għandu jiffoka primarjament fuq dawk il-pajjiżi li qegħdin jaqgħu lura f'termini ta' kwalità u żvilupp tal-infrastruttura;

44.  Iħeġġeġ aktar attenzjoni fuq is-sostenibbiltà soċjali fl-attivitajiet dwar l-investiment urban tal-BEI; jirrikonoxxi t-titjib fil-finanzjament tal-BEI għall-akkomodazzjoni soċjali iżda jenfasizza l-ħtieġa għal żvilupp ulterjuri fir-riċerka u l-attività dwar is-sostenibbiltà soċjali fil-kuntest tar-riġenerazzjoni urbana sostenibbli;

Riċerka u innovazzjoni

45.  Jilqa' t-tnedija tal-ewwel operazzjonijiet tal-Inizjattiva ta' Finanzjament għat-Tkabbir (GFI) u jisħaq fuq l-importanza ta' finanzjament adegwat għall-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni u impriżi innovattivi li għadhom jibdew;

Impjiegi u affarijiet soċjali

46.  Jinnota t-tnedija tal-inizjattiva "Ħiliet u impjiegi - Ninvestu fiż-Żgħażagħ" u jħeġġeġ lill-BEI jħaffef l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u jikkunsidra t-twessigħ tagħha;

Governanza, trasparenza u kontabilità

47.  Jistieden lill-BEI biex jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-proġetti b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex jiġu żgurati effiċjenza ikbar u ġestjoni soda tar-riżorsi allokati;

48.  Jirrimarka li d-distribuzzjoni ġeografika tal-finanzjament mogħti mill-BEI jiżvela diskrepanzi sinifikanti bejn is-self lil diversi Stati Membri; jistieden, għalhekk, lill-BEI biex jivvaluta r-raġunijiet għal dawn id-diskrepanzi u biex jiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri kollha jkunu kompletament kapaċi jimmaniġġjaw u jimplimentaw il-programmi tal-BEI; jitlob, barra minn hekk, li jsiru kampanji ta' informazzjoni speċifiċi fl-Istati Membri kollha bl-għan li jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-programmi speċifiċi tal-BEI; barra minn hekk, jitlob li jkun hemm kooperazzjoni iżjed b'saħħitha bejn il-BEI u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-ostakoli li jfixklu l-iffirmar u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-BEI;

49.  Ifakkar li l-Kunsill u l-Parlament qablu li wasal iż-żmien biex tiġi studjata r-razzjonalizzazzjoni tas-sistema tal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi Ewropej(9);

50.  Iħeġġeġ lill-BEI biex isaħħaħ l-indipendenza u l-effikaċja tal-Uffiċċju tiegħu tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti; jistieden lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-BEI biex jadotta r-rakkomandazzjonijiet ta' dak l-uffiċċju; jistieden lill-BEI biex jaġixxi fuq l-opinjonijiet tal-Ombudsman Ewropew u biex jeżerċita kooperazzjoni ikbar sabiex jevita sitwazzjonijiet bħall-inkjesta dwar l-ilment 178/2014AN kontra l-Bank Ewropew tal-Investiment(10);

51.  Jemmen li għad hemm marġini konsiderevoli għall-immanuvrar fit-titjib tat-trasparenza, u l-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tas-self u l-effikaċja fl-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta; itenni t-talba tiegħu lill-Bank biex jipprovdi dettalji dwar l-approċċ tiegħu biex jitħaffu l-miżuri li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet u jitlob lista strinġenti ta' kriterji għall-għażla ta' dawn l-intermedjarji finanzjarji li għandha tkun stabbilita b'mod konġunt mill-BEI u l-Kummissjoni u li tkun disponibbli għall-pubbliku;

52.  Jiddispjaċih mir-riżultat tar-rieżami tal-politika ta' trasparenza tal-BEI; il-politika l-ġdida tat-trasparenza hija aktar dgħajfa mill-politika oriġinali u ma tegħlibx b'mod sħiħ il-kultura ta' segretezza tal-passat tal-BEI, u jħeġġeġ lill-BEI sabiex jopera abbażi tal-"preżunzjoni ta' divulgazzjoni" minflok bil-"preżunzjoni ta' konfidenzjalità"; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-BEI huwa obbligat jiżgura li l-politika dwar it-trasparenza tiegħu tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni; jiddispjaċih mill-fatt li l-indiċi tat-trasparenza tal-għajnuna għall-2013(11) juri li l-BEI sejjer ħażin fir-rigward tat-trasparenza u l-kontabilità;

53.  Jistieden lill-BEI biex joqgħod lura milli jikkoopera ma' intermedjarji finanzjarji b'passat negattiv f'termini ta' trasparenza, evażjoni tat-taxxa jew prattiki aggressivi ta' evitar tat-taxxa, jew użu ta' prattiki tat-taxxa oħrajn ta' ħsara bħal "deċiżjonijiet dwar it-taxxa" u l-ipprezzar tat-trasferiment abużiv, frodi, korruzzjoni jew impatti ambjentali u soċjali jew li ma jkollhom l-ebda sjieda lokali sostanzjali, u biex jaġġorna l-politiki tiegħu dwar il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; jenfasizza l-ħtieġa ta' iktar trasparenza komprensiva rigward is-self globali, biex jiġi żgurat skrutinju bir-reqqa tal-impatt ta' dan it-tip ta' self indirett; iħeġġeġ lill-BEI biex jagħmel kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta' intermedjarji kontinġenti fuq id-divulgazzjoni kemm ta' data rilevanti għat-taxxa pajjiż b'pajjiż fuq il-linji tad-dispożizzjoni tas-CRD IV għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, kif ukoll ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja; għal dan il-għan, jistieden lill-BEI biex jistabbilixxi politika ġdida dwar tassazzjoni responsabbli, li tibda bir-rieżami tal-politika tiegħu dwar ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx (politika NCJ) fl-2015;

54.  Iħeġġeġ lill-BEI biex ma jikkooperax ma' entitajiet li joperaw minn ġurisdizzjonijiet ta' segretezza "kkaratterizzati notevolment min-nuqqas ta' taxxi jew taxxi nominali, nuqqas ta' skambju effettiv ta' informazzjoni ma' awtoritajiet fiskali barranin u nuqqas ta' trasparenza f'dispożizzjonijiet leġislattivi, ġuridiċi jew amministrattivi jew kif identifikata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi jew it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja"(12);

55.  Iħeġġeġ lill-BEI biex jieħu rwol ta' tmexxija u eżemplari dwar kwistjonijiet ta' trasparenza u responsabbiltà fiskali; jistieden b'mod partikolari lill-BEI biex jiġbor data preċiża dwar il-ħlasijiet tat-taxxa li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tiegħu ta' investiment u self, b'mod speċjali dwar it-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji u b'mod partikolari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex janalizza u jippubblika din id-data fuq bażi annwali;

56.  Jilqa' l-ħolqien ta' reġistru pubbliku ta' dokumenti fl-2014, b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1367/2006;

57.  Jiddispjaċih mill-fatt li fil-kuntest ta' każ riċenti (Mopani/Glencore), il-BEI qed jirrifjuta li jippubblika r-riżultati tal-inkjesta interna tiegħu; jinnota b'attenzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fl-ilment 349/2014/OV(13) biex il-BEI jqis mill-ġdid ir-rifjut tiegħu li jagħti aċċess għar-rapport dwar l-investigazzjoni fl-allegata evażjoni tat-taxxa minn Glencore fir-rigward tal-finanzjament tal-minjiera tar-ram ta' Mopani fiż-Żambja; jitlob lill-BEI biex isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew;

58.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' diversità fil-kumitat ta' ġestjoni, il-bord tal-gvernaturi u l-bord tad-diretturi tal-BEI, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġeneru; jistieden lill-BEI biex jimplimenta l-ispirtu tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital, l-Artikolu 88(2) li jobbliga lill-banek jiddeċiedu "dwar mira għar-rappreżentazzjoni tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed fil-korp ta' ġestjoni u jħejji politika dwar kif jiżdied l-għadd tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed fil-korp ta' ġestjoni sabiex tintlaħaq dik il-mira. Il-mira, il-politika u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu ppubblikati";

59.  Ifakkar li kien sar qbil li l-Gvernatur tal-BERŻ għall-Unjoni għandu jiżgura rapportar annwali lill-Parlament dwar l-użu tal-kapital, dwar miżuri li jiżguraw it-trasparenza fir-rigward ta' kif il-BERŻ ikkontribwixxa għall-objettivi tal-Unjoni, dwar it-teħid ta' riskju, u dwar il-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-BERŻ barra mill-Unjoni; jiddispjaċih li l-Gvernatur u l-Kummissjoni ma kinux proattivi rigward l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ġuridika(14);

60.  Jilqa' l-fatt li l-BEI ffirma l-Inizjattiva Internazzjonali tat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI) u beda jiddivulga informazzjoni skont dan il-qafas dwar is-self tiegħu barra mill-Unjoni Ewropea;

Politiki esterni

61.  Ifakkar li l-politika esterna tal-BEI, u b'mod partikolari l-linji gwida operazzjonali tekniċi reġjonali, għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet ta' azzjoni esterna tal-UE kif definiti fl-Artikolu 21 tat-TUE; jitlob rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji;

62.  Jilqa' t-twaqqif tal-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati (REM) għal attivitajiet barra mill-UE u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

63.  Jistieden lill-BEI jivvaluta l-possibbiltà li jiżdied il-finanzjament estern għall-viċinat tal-Lvant u n-Nofinshar tal-Mediterran tal-UE fi ħdan il-mandat attwali;

64.  Jilqa' l-fatt li l-Mandat ta' Self Estern il-ġdid għall-2014-2020 jirrikjedi li l-BEI jippubblika r-rapporti dwar it-tlestija tal-proġetti; jistenna li l-BEI jissodisfa dan ir-rekwiżit mill-2015;

65.  Itenni t-talba tiegħu lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) biex twettaq rapport speċjali dwar il-prestazzjoni u l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI qabel ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-mandat estern tal-BEI, kif ukoll biex tqabbel il-valur miżjud tagħhom fir-rigward tar-riżorsi proprji użati mill-BEI; jitlob, barra minn hekk, lill-QEA tagħmel distinzjoni fl-analiżi tagħha bejn il-garanziji mogħtija mill-baġit tal-UE, il-faċilità ta' investiment garantita mill-FEŻ, id-diversi forom ta' taħlit użati fil-fond fiduċjarju infrastrutturali bejn l-UE u l-Afrika, il-fond tal-investiment tal-Karibew u l-faċilità ta' investiment għall-Paċifiku, u l-użu ta' rimborżi għal dawn l-investimenti; jitlob ukoll lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex tinkludi fl-analiżi tagħha l-ġestjoni mill-BEI tal-fondi derivati mill-baġit tal-UE fil-kuntest tal-faċilità ta' investiment permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u permezz tad-diversi forom ta' taħlit permezz tal-faċilitajiet tat-taħlit tal-UE, u l-użu tar-rimborżi għal dawn l-investimenti;

Aktar rakkomandazzjonijiet

66.  Jistieden lill-BEI u lill-Parlament biex jistabbilixxu pjattaforma għad-djalogu bejn il-BEI u l-Kumitati rilevanti tal-Parlament; jitlob, abbażi ta' dan, biex il-BEI jersaq lejn il-Parlament biex jirrapporta u jiddiskuti dwar il-progress u l-attivitajiet tal-BEI fuq bażi trimestrali; jipproponi li jitwaqqaf djalogu strutturat regolari bejn il-President tal-BEI u l-Parlament, simili għad-djalogu monetarju trimestrali bejn il-BĊE u l-Parlament, biex jiżgura li tiżdied is-sorveljanza parlamentari tal-attivitajiet tal-BEI u jiffaċilita l-kooperazzjoni msaħħa u l-koordinazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;

67.  Jinnota li jippersistu lmenti, speċjalment min-negozji żgħar, rigward in-nuqqas ta' aċċess għall-finanzjament li ġej mill-kapaċitajiet esterni ta' self tal-BEI u għal finanzjament appoġġjat mill-FEI; jitlob, għaldaqstant, li jsir stħarriġ annwali dwar kemm SMEs, u b'mod partikolari mikrointrapriżi, ibbenefikaw minn dawn il-faċilitajiet u x'miżuri ħa l-BEI fir-rigward tal-politiki tal-intermedjarji użati mill-BEI biex itejbu l-aċċess effikaċi għall-finanzjament għall-SMEs;

68.  Jappella għal valutazzjoni bir-reqqa u rapport dwar ir-riskji u s-sistemi ta' kontroll assoċjati mal-finanzjament imħallat flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jitqies l-impatt tal-attivitajiet tat-taħlit mhux biss fir-rigward tas-sorveljanza, iżda wkoll fir-rigward tal-għażliet ta' governanza;

69.  Jilqa' l-fatt li l-BEI huwa kkaratterizzat minn assi b'saħħithom, b'rata ta' self li jiddeterjora qrib iż-0 % (0.2 %) tal-portafoll totali tas-self; iqis li huwa kruċjali li jkun żgurat li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħu ta' AAA sabiex iżomm l-aċċess tiegħu għas-swieq kapitali internazzjonali taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta' finanzjament, b'impatti pożittivi sussegwenti fuq il-ħajja tal-proġett u għall-partijiet ikkonċernati, kif ukoll għall-mudell ta' negozju tal-BEI;

70.  Jinnota li l-Ftehim Tripartitiku msemmi fl-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-metodi għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti dwar l-attività tal-BEI fl-immaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, huwa lest biex jiġġedded fl-2015; jistieden lill-BEI jaġġorna l-mandat tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri f'dan ir-rigward, billi jinkludi kwalunkwe faċilità ġdida tal-BEI li tinvolvi fondi pubbliċi mill-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

71.  Jilqa' l-approvazzjoni min-naħa tal-Bord tal-BEI ta' politika kontra l-frodi aġġornata fl-2013, li tikkonferma l-approċċ tal-bank ta' tolleranza żero;

72.  Jitlob effikaċja akbar, inqas regolamentazzjoni u flessibbiltà akbar fl-allokazzjoni tal-fondi tal-BEI;

73.  Jistieden lill-BEI jinvolvi ruħu fi proċess ta' komunikazzjoni strutturat mal-parlamenti, il-gvernijiet u s-sħab soċjali sabiex jindika fuq bażi regolari dawk l-inizjattivi li joħolqu l-impjiegi u li jistgħu jgħinu biex tinkiseb żieda sostenibbli fil-kompetittività tal-Ewropa;

74.  Jilqa' l-appoġġ provdut lill-SMEs f'oqsma li fihom ir-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ huma 'l fuq minn 25 %;

75.  Jilqa' l-enfasi li tpoġġiet fuq il-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (kumpaniji b'bejn 250 u 3 000 impjegat), permezz tal-Inizjattiva Mid Cap u tal-Inizjattiva għat-Tkabbir Finanzjarju, li t-tnejn li huma jistimolaw is-self, b'mod partikolari għal Mid Caps innovattivi;

76.  Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida tal-BEI "Ħiliet u Impjiegi - Investiment fiż-Żgħażagħ", li tiffoka fuq faċilitajiet ta' finanzjament għat-taħriġ vokazzjonali u l-mobilità tal-istudenti/apprendisti sabiex tipprovdi liż-żgħażagħ b'opportunitajiet ta' impjieg dejjiemi, u jitlob li tingħata aktar attenzjoni lit-taħriġ vokazzjonali u ż-żieda fl-investimenti f'dan il-programm ta' self fis-snin li ġejjin; jemmen, madankollu, li dan il-programm m'għandux jiddevja l-finanzjament lil hinn minn sistema ta' għotjiet kurrenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-programm Erasmus+; jenfasizza li l-mobilità għandha titqies bħala opportunità u tibqa' volontarja, u ma ssirx strument li jikkontribwixxi għad-depopolazzjoni u l-marġinalizzazzjoni taż-żoni affettwati mill-qgħad; jitlob li tingħata attenzjoni lil dawk il-proġetti li jippermettu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, b'enfasi speċjali fuq proġetti relatati mal-ħolqien ta' impjiegi għaż-żgħażagħ, filwaqt li jiżdied is-sehem tas-suq tax-xogħol min-nisa, jitnaqqas il-qgħad fit-tul u jittejbu l-possibbiltajiet għall-gruppi żvantaġġati biex jiżguraw impjieg;

77.  Jilqa' l-esperjenza estensiva tal-BEI fil-finanzjament tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta' operazzjonijiet ta' self lill-istudenti mwettqa fl-Ewropa, speċjalment fid-dawl tal-Garanziji ta' Self għall-Istudenti Mobbli tal-Erasmus Master li se jibdew jitħaddmu mill-Grupp tal-BEI fl-2015; jenfasizza l-importanza ta' regoli ta' rifużjoni vantaġġjużi sabiex is-self ikun kompletament aċċessibbli mill-istudenti, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika li ġejjin minnha;

78.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni speċjali lill-kriterju tal-ewwel pilastru tal-kontribut għat-tkabbir u l-impjiegi, u b'mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ, meta jagħżel il-proġetti tiegħu skont il-metodu ta' valutazzjoni tat-tliet pilastri; jenfasizza l-importanza tal-impjiegi, it-taħriġ u l-apprendistati għaż-żgħażagħ bħala parti minn azzjoni lejn mudell sostenibbli li joħloq l-impjiegi;

79.  Ifakkar fl-impenn tal-Viċi President Katainen li jiżdied il-potenzjal tal-BEI fir-rigward mhux biss tal-infrastruttura iżda wkoll fir-rigward tal-impjiegi u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, u jitlob lill-BEI jirrapporta l-progress li sar f'dan il-qasam fir-rapport annwali tiegħu li jmiss; jemmen li l-miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ li diġà nbdew għandhom ikunu implimentati aktar malajr u jkunu estiżi progressivament;

80.  Jemmen li l-BEI għandu jinvesti sostanzjalment f'miżuri li joħolqu impjiegi sostenibbli għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, minbarra dawk li diġà tnedew taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BEI u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 72 E, 11.3.2014, p. 51.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0057.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0201.
(4) ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 27.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0161.
(6) ĠU L 177, 7.7.2012, p. 1.
(7) ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1.
(8) Ara: Observatori de l'Ebre (CSIC, URLL). Evaluación de Impacto Ambiental (SGEA/SHG; Ref.: GAD/13/05) -"Almacenamiento subterráneo de gas natural Amposta (Permiso Castor) Tarragona); IAM 2109-07 - Estudio elaborado por la Dirección General de Política Ambiental y Sostenibilidad del Departamento de Medio Ambienta y Vivienda de la Generalitat de Catalunya sobre el estudio de impacto ambiental del Proyecto de almacén subterráneo de gas natural Castor"; u Simone Cesca, Francesco Grigoli, Sebastian Heimann, Álvaro González, Elisa Buforn, Samira Maghsoudi, Estefania Blanch u T orsten Dahm (2014): "The 2013 September–October seismic sequence offshore Spain: a case of seismicity triggered by gas injection?", Geophysical Journal International, 198, 941–953.
(9) Premessa 8 tad-Deċiżjoni Nru 1219/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar is-sottoskrizzjoni mill-Unjoni Ewropea f'ishma addizzjonali fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) bħala riżultat tad-deċiżjoni li jiżdied dan il-kapital (ĠU L 313, 26.11.2011, p. 1).
(10) Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta dwar l-ilment 178/2014/AN kontra l-Bank Ewropew tal-Investiment - http://www.ombudsman.europa.eu/cases/decision.faces/en/58171/html.bookmark
(11) http://newati.publishwhatyoufund.org/2013/index-2013/results/
(12) Premessa 13 tad-Deċiżjoni Nru 1219/2011/UE.
(13) http://www.ombudsman.europa.eu/cases/draftrecommendation.faces/en/58471/html.bookmark
(14) L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 1219/2011/UE.

Avviż legali - Politika tal-privatezza