Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-każ ta’ Nadiya Savchenko (2015/2663(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukraina, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja(1) u tal-15 ta’ Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta’ Marzu 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar iż-żamma taħt arrest li għadha għaddejja ta' Nadiya Savchenko,
– wara li kkunsidra l-“Kumpless ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Minsk”, adottati u ffirmati f'Minsk fit-12 ta’ Frar 2015 u approvati uffiċjalment f’daqqa bir-riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tas-17 ta’ Frar 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tas-16 ta’ April 2015 dwar il-ħtif u d-detenzjoni illegali ta’ ċittadini Ukraini mill-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali u, b’mod partikolari, it-Tielet Konvenzjoni ta’ Ġinevra relattiva għat-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra tat-12 ta’ Awissu 1949,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Ukraina, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea b’riżultat tas-17-il Samit UE-Ukraina, li titlob għall-ħelsien urġenti tal-ostaġġi kollha u ta’ dawk il-persuni kollha li jinsabu miżmuma illegalment taħt arrest, inkluża Nadiya Savchenko,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-militanti ta’ favur ir-Russja tal-hekk imsejħa "Repubblika Popolari ta' Luhansk" fit-territorju tal-Ukraina tal-Lvant ħatfu b'mod illegali l-Logutenent Nadiya Savchenko, pilota militari u ex-uffiċjal tal-forzi armati Ukraini, fuq it-territorju tal-Ukraina fit-18 ta' Ġnju 2014, żammewha taħt arrest, u mbagħad illegalment ittrasferewha lejn il-Federazzjoni Russa;
B. billi s-Sa Savchenko, imwielda fl-1981, għandha karriera militari distinta warajha, peress li kienet l-unika suldata mara fit-truppi taż-żamma tal-paċi Ukraini fl-Iraq u l-ewwel mara li nkitbet fl-Akkademja tal-Forza tal-Ajru tal-Ukraina, u b’mod volontarju offriet li tieħu sehem fil-ġlied fl-Ukraina tal-Lvant bħala parti mill-Battaljun Aidar, fejn imbagħad ġiet maqbuda;
C. billi l-Kumitat Investigattiv tar-Russja ressaq akkużi finali kontra Nadiya Savchenko fl-24 ta’ April 2015 (li għinet fl-omiċidju ta' żewġ persuni jew aktar, li għinet attentat fuq il-ħajja ta' żewġ persuni jew aktar u li qasmet illegalment il-fruntiera tal-Federazzjoni Russa);
D. billi Nadiya Savchenko hija membru tal-Verkhovna Rada u tad-delegazzjoni tal-Ukraina għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE); billi l-Kumitat tal-APKE għar-regoli ta’ proċedura, l-immunitajiet u l-affarijiet istituzzjonali ikkonferma l-immunità tagħha; billi l-Federazzjoni Russa tirrifjuta l-immunità diplomatika mogħtija lil Nadiya Savchenko bħala membru tal-Verkhovna Rada; billi l-komunità internazzjonali wettqet għadd kbir ta' sforzi biex tiżgura l-ħelsien ta' Nadiya Savchenko, inkluża r-Riżoluzzjoni tal-APKE 2034 (2015) li titlob li tingħata l-ħelsien b’mod immedjat u li l-immunità parlamentari tagħha bħala membru tad-delegazzjoni tal-Ukraina għall-APKE tiġi rispettata;
E. billi l-Federazzjoni Russa qablet li tiskambja lill-ostaġġi politiċi kollha u lill-persuni kollha li huma illegalment miżmuma taħt arrest skont il-Ftehimiet ta' Minsk abbażi tal-prinċipju ta’ “kollha għal kollha”, liema skambju suppost li kellu jitlesta għalkollox mhux aktar tard mill-ħames jum wara l-irtirar tal-armamenti tqal; billi Nadiya Savchenko, f’għadd kbir ta’ okkażjonijiet, ġiet offruta amnestija bil-kundizzjoni li tammetti l-ħtija tagħha;
F. billi Nadiya Savchenko ilha fuq strajk tal-ġuħ għal aktar minn tliet xhur bi protesta kontra ż-żamma taħt arrest illegali tagħha; billi ġiet suġġetta għal eżamijiet prikjatriċi u trattament mingħajr ir-rieda tagħha; billi l-qrati bbażati f’Moska ċaħdu l-appelli li ressqet Nadiya Savchenko kontra ż-żamma taħt arrest tagħha ta’ qabel il-proċess; billi sadattant, l-istat tas-saħħa tagħha ddeterjora; billi l-UE u għadd ta’ Stati Membri esprimew tħassib umanitarju ġenwin f’dan ir-rigward; billi saru għadd ta’ appelli lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u mis-Salib l-Aħmar Internazzjonali biex jiġi żgurat il-ħelsien ta’ Nadiya Savchenko;
1. Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ Nadiya Savchenko; jikkundanna lill-Federazzjoni Russa għall-ħtif illegali, iż-żamma taħt arrest fil-ħabs għal kważi sena u l-investigazzjoni ta’ Nadiya Savchenko; jitlob b’insistenza li l-awtoritajiet Russi jirrispettaw l-impenn internazzjonali tagħhom fil-qafas tal-Ftehimiet ta’ Minsk u b’mod partikolari l-“Kumpless ta’ miżuri għall-implimentazzjon tal-Ftehimiet ta’ Minsk” li sar qbil dwarhom; iqis li r-Russja ma għandha l-ebda bażi ġuridika jew ġurisdizzjooni biex tieħu xi azzjoni kontra Nadiya Savchenko, bħalma huma ż-żamma taħt arrest, l-investigazzjoni jew li jinġiebu akkużi kontra tagħha;
2. Hu tal-fehma li ż-żamma taħt arrest ta’ Nadiya Savchenko bħala priġuniera tal-gwerra ġo ħabs fir-Russja huwa vjolazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra; jenfasizza li dawk responsabbli għaż-żamma taħt arrest illegali tagħha fir-Russja jistgħu jiffaċċjaw sanzjonijiet internazzjonali jew proċedimenti ġuridiċi għall-azzjonijiet tagħhom;
3. Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li s-Sa Savchenko għadha tinsab fi stat ta’ saħħa estremament fraġli u li huma direttament responsabbli għas-sikurezza u l-benesseri tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Russi jippermettu lil tobba internazzjonali imparzjali aċċess għas-Sa Savchenko, filwaqt li jiżguraw li kwalunkwe eżami mediku jew psikoloġiku jsir biss bil-kunsens tas-Sa Savchenko u filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi tal-fatt li ilha fuq strajk tal-ġuħ għal żmien twil ħafna; jistieden lir-Russja tippermetti lill-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali jkollhom aċċess permanenti għaliha;
4. Jitlob il-ħelsien immedjat taċ-ċittadini Ukraini l-oħra kollha, inkluż id-direttur tal-films Ukren Oleg Sentsov u Khaizer Dzhemilev, li qed jinżammu illegalment taħt arrest fir-Russja;
5. Iħeġġeġ lill-President ta’ Franza u lill-Kanċillier tal-Ġermanja, kif ukoll lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin rilevanti, iqajmu l-kwistjoni tal-ħelsien ta’ Nadiya Savchenko waqt il-laqgħat li jmiss tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk fil-format tan-Normandija; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jkomplu jsegwu mill-qrib il-każ ta’ Nadiya Savchenko, iqajmu l-każ f’formati u laqgħat differenti mal-awtoritajiet Russi, u jżommu lill-Parlament mgħarraf bl-eżitu ta’ dawn l-isforzi;
6. Jirrimarka li l-ħelsien ta' Nadiya Savchenko mhux biss huwa pass meħtieġ lejn it-titjib tar-relazzjonijiet ta’ bejn l-Ukraina u r-Russja, iżda wkoll se juri rispett għall-għarfien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem min-naħa tal-awtoritajiet Russi;
7. Ifakkar li Nadiya Savchenko ġiet eletta bħala membru tal-Parlament Ukren fl-elezzjoni parlamentari ġenerali ta' Ottubru 2014 u hija parti mid-delegazzjoni tal-Ukraina għall-APKE, u bħala tali ingħatat immunità internazzjonali; ifakkar lir-Russja fl-obbligu internazzjonali tagħha li tirrispetta l-immunità ta’ Nadiya Savchenko bħala membru tal-APKE;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.