Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2049(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0150/2015

Testi mressqa :

A8-0150/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2015 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0193

Testi adottati
PDF 255kWORD 69k
It-Tlieta, 19 ta' Mejju 2015 - Strasburgu
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Janusz Korwin-Mikke
P8_TA(2015)0193A8-0150/2015

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Janusz Korwin-Mikke (2015/2049(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Janusz Korwin-Mikke, mibgħuta fid-29 ta’ Diċembru 2014 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja f’konnessjoni ma’ proċeduri kriminali mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali fil-Varsavja (Każ Nru V Ds 223/14), u mħabbra fis-seduta plenarja tat-28 ta’ Jannar 2015,

–  wara li sema' lil Janusz Korwin-Mikke skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-Artikoli 7b(1) u 7c(1) tal-Att tal-Polonja, tad-9 ta’ Mejju 1996, dwar l-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru jew Senatur,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0150/2015),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja ressaq talba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali fil-Varsavja għall-awtorizzazzjoni biex jinfetħu proċeduri kriminali kontra Membru tal-Parlament Ewropew, Janusz Korwin-Mikke, fir-rigward ta’ reat skont l-Artikolu 222(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakka; billi, b’mod partikolari, il-proċedimenti jkunu jikkonċernaw l-allegat ksur tal-integrità fiżika ta’ uffiċjal pubbliku;

B.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom;

C.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, mill-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' pajjiżhom;

D.  billi, skont l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, deputat m’għandux ikun soġġett għal responsabbiltà kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm;

E.  billi huwa f’idejn il-Parlament biss li jiddeċiedi jekk l-immunità għandhiex tiġi rinunzjata jew le f’każ partikolari; billi l-Parlament jista’ raġonevolment iqis il-pożizzjoni tal-Membru sabiex jilħaq id-deċiżjoni tiegħu dwar jekk hemmx lok jew le li jirrinunzja l-immunità tiegħu jew tagħha(2);

F.  billi, kif ġie wkoll ikkonfermat waqt is-seduta ta’ smigħ tiegħu, reat allegat ma għandux parti diretta jew rabta ovvja mal-prestazzjoni tas-Sur Korwin-Mikke tad-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi f'dan il-każ il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tressaq bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Janusz Korwin-Mikke;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu immedjatament lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Janusz Korwin-Mikke.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 1986, Marra vs De Gregorio u Clemente, C‑200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
(2) Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament (ċitata iktar ’il fuq), paragrafu 28.

Avviż legali - Politika tal-privatezza