Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Theodoros Zagorakis (II) (2015/2071(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Theodoros Zagorakis, li ntbagħtet fl-10 ta' Marzu 2015 mis-Sostitut tal-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti Suprema tal-Greċja b'rabta mal-proċediment Nru ΑΒΜ Δ2011/5382, Β2012/564, pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim Istanza ta' Thessaloniki u mħabbra fil-plenarja fil-25 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-fatt li s-Sur Zagorakis irrinunzja għad-dritt li jinstema' f'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u tal-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1), u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0151/2015),
A. billi s-Sostitut tal-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti Suprema tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità ta' Theodoros Zagorakis, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta ma' azzjoni legali possibbli fir-rigward ta' reat allegat;
B. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' dak l-istat;
C. billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika jipprevedi li, tul il-leġiżlatura parlamentari, il-membri tal-parlament ma jistgħux jitressqu quddiem il-qorti, jiġu arrestati, impriġunati jew detenuti b'xi mod ieħor mingħajr il-permess minn qabel tal-parlament;
D. billi s-Sur Zagorakis huwa akkużat li huwa responsabbli għal irregolaritajiet finanzjarji bejn l-2007 u l-2012 fil-klabb tal-futbol PAOK, li dak iż-żmien kien president tiegħu;
E. billi huwa evidenti li r-reat allegat m'għandu l-ebda rabta mal-kariga tas-Sur Zagorakis bħala Membru tal-Parlament Ewropew, iżda pjuttost huwa marbut mal-pożizzjoni tiegħu bħala president tal-klabb tal-futbol PAOK;
F. billi l-prosekuzzjoni ma tikkonċernax l-opinjonijiet espressi jew il-voti mogħtija fil-qadi tad-dmirijiet bħala Membru tal-Parlament Ewropew għall-iskopijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
G. billi m'hemm l-ebda raġuni għal suspett li l-intenzjoni wara dawn il-proċedimenti kriminali hija biex issir ħsara lill-attività politika tal-Membru (fumus persecutionis), minħabba l-fatt li l-prosekuzzjoni nbdiet għadd ta' snin qabel ma l-Membru beda l-kariga tiegħu;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Theodoros Zagorakis;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni, flimkien mar-rapport tal-kumitat responsabbli, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti Suprema tal-Greċja u lil Theodoros Zagorakis.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 1986, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.