Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2207(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0142/2015

Testi mressqa :

A8-0142/2015

Dibattiti :

PV 18/05/2015 - 21
CRE 18/05/2015 - 21

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2015 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0197

Testi adottati
PDF 615kWORD 196k
It-Tlieta, 19 ta' Mejju 2015 - Strasburgu
Kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa
P8_TA(2015)0197A8-0142/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2015 dwar kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa: it-titjib tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi (2014/2207(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa(2) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura transkonfinali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2011 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' Reżistenza Antimikrobika" (COM(2011)0748),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2012 dwar "L-impatt tar-reżistenza antimikrobika fis-settur tas-saħħa umana u fis-settur veterinarju – perspettiva ta' 'Saħħa Waħda'",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar "L-Isfida Mikrobika – Theddid li qed jiżdied mir-Reżistenza Antimikrobika"(3),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni lill-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2012 u tad-19 ta' Ġunju 2014 fuq il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (COM(2012)0658 and COM(2014)0371),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-22 ta' Ottubru 2013 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill fuq il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inklużi l-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 411, "Is-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress dwar il-Pjan ta' Azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' Reżistenza Antimikrobika (SANTE/10251/2015);

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-10 ta' Settembru 2014 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prodotti mediċinali veterinarji (2014/0257(COD)),

–  wara li kkunsidra l-"Qafas kunċettwali għall-klassifikazzjoni internazzjonali għas-sikurezza tal-pazjent", stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO),

–  wara li kkunsidra l-isforzi tal-Presidenza Latvjana biex tindirizza l-kwistjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tuberkulożi u t-tuberkulożi reżistenti għal ħafna mediċini (MDR-TB);

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-l ta' Diċembru 2014 dwar is-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura, inklużi l-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u r-reżistenza għall-antimikrobiċi,

–  wara li kkunsidra l-ewwel rapport konġunt tal-ECDC/EFSA/EMA dwar l-analiżi integrata tal-konsum ta' aġenti antimikrobiċi u l-okkorrenza ta' reżistenza għall-antimikrobiċi f'batterji mill-bniedem u mill-annimali li jipproduċu l-ikel (Joint Interagency Antimicrobial Consumption and Resistance Analysis - JIACRA),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0142/2015),

A.  billi d-dimensjoni prinċipali tal-kwalità ġenerali tal-kura tas-saħħa hija s-sikurezza tal-pazjent, li l-elementi fundamentali tagħha huma kultura tal-kura tas-saħħa u l-ġestjoni tal-avvenimenti avversi;

B.  billi l-volum ta' data disponibbli dwar il-prevalenza u l-inċidenza ta' avvenimenti avversi fis-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri bħalissa huwa limitat, iżda qiegħed dejjem jiżdied, u billi l-aħħar data disponibbli tmur lura għall-2008;

C.  billi huwa stmat li bejn 8 % u 12 % tal-pazjenti li jittieħdu l-isptar fl-UE jbatu minn avvenimenti avversi waqt li jkunu qegħdin jirċievu l-kura tas-saħħa, u billi kważi nofs dawn l-avvenimenti jistgħu jiġu evitati;

D.  billi l-aktar avvenimenti avversi komuni marbuta mal-kura tas-saħħa huma infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (HAIs – healthcare-associated infections), avvenimenti relatati mal-medikazzjoni u kumplikazzjonijiet li jseħħu matul jew wara operazzjoni kirurġika;

E.  billi s-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura tas-saħħa jeħtieġu kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti u sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, u billi, b'mod partikolari, l-iżgurar tas-sikurezza tal-pazjent, tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs u tal-prevenzjoni tal-firxa ta' batterji reżistenti għal ħafna mediċini huwa diffiċli ħafna f'ambjent tal-kura tas-saħħa b'popolazzjoni eċċessiva u b'nuqqas ta' persunal;

F.  billi l-kriżi ekonomika attwali żiedet aktar pressjoni fuq il-baġits tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri, u b'hekk kellha impatt fuq is-sikurezza tal-pazjent, peress li ħafna Stati Membri, minflok ma indirizzaw l-effiċjenza b'mod xieraq, naqqsu l-baġits u l-livelli ta' persunal fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom b'ammonti pjuttost qawwija;

G.  billi l-kriżi ekonomika kompliet taggrava l-inugwaljanzi eżistenti fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa;

H.  billi t-taħriġ kontinwu tat-tobba u ta' professjonisti oħra fil-qasam tal-kura tas-saħħa huwa kruċjali sabiex jiġu evitati avvenimenti avversi, inklużi avvenimenti avversi mill-mediċini (ADEs – adverse drug events), li huma stmati li jiswew lis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-UE madwar EUR 2,7 biljun fis-sena fi spejjeż tal-kura u jammontaw għal 1,1 % tal-każijiet kollha ta' persuni li jiddaħħlu l-isptar fl-Unjoni;

I.  billi s-saħħa elettronika (Saħħa-e) ffukata fuq il-pazjent u t-trattamenti mediċi għal kura fid-dar għandhom potenzjal għoli biex itejbu l-kwalità u l-effiċjenza ta' trattamenti mediċi filwaqt li jikkontribwixxu għal titjib fil-prestazzjoni tal-kura tas-saħħa;

J.  billi approċċ multidixxiplinarju jżid il-possibbiltajiet li t-trattamenti mediċi jiksbu riżultati pożittivi;

K.  billi l-pazjenti, il-familji u l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti għandhom rwol ewlieni biex jippromwovu kura iżjed sikura, u r-rwol tagħhom għandu jiġi promoss permezz tal-għoti ta' setgħa lill-pazjent u permezz tal-parteċipazzjoni fil-proċess u fil-politika tal-kura tas-saħħa fil-livelli kollha;

L.  billi t-trattamenti mediċi għal kura fid-dar jistgħu jgħinu lill-pazjenti psikoloġikament u jirriżultaw fi prestazzjoni aħjar fil-kura tas-saħħa;

M.  billi ġie nnutat li l-użu tal-antibijotiċi huwa aktar frekwenti fost il-persuni anqas infurmati u li l-għarfien sħiħ dwar l-antibijotiċi jista' jwassal liċ-ċittadini għal konsum aktar responsabbli tagħhom;

N.  billi bejn 30 u 50 % tal-pazjenti ma jeħdux il-mediċini preskritti mit-tobba jew jeħduhom mingħajr ma jsegwu r-riċetta tat-tabib;

O.  billi jeżistu kunflitti ta' interess relatati mal-industrija farmaċewtika fl-isptarijiet u fost it-tobba ġenerali kif ukoll il-veterinarji;

P.  billi l-HAIs huma problema ewlenija għas-saħħa pubblika fl-Istati Membri (skont figuri miġbura miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), pazjent minn kull 20 fl-isptar, fuq bażi medja, isofri minn HAI fl-UE, jiġifieri 4,1 miljun pazjent annwalment, u barra dan, kull sena 37 000 ruħ fl-UE jmutu bħala riżultat ta' HAI, għalkemm huwa meqjus li bejn 20 u 30 % ta' dawn l-infezzjonijiet jistgħu jiġu evitati bis-saħħa ta' programmi intensivi ta' iġjene u kontroll), u dan iqiegħed piż kbir fuq il-baġits limitati tas-servizz tas-saħħa;

Q.  billi l-esperjenzi u l-kontributi tal-pazjenti jvarjaw ta' spiss minn dawk tal-professjonisti tas-saħħa u jistgħu jkunu importanti ħafna biex jinstabu modi ġodda kif jitnaqqsu u jiġu evitati l-HAIs;

R.  billi l-HAIs ikkawżati minn batterji reżistenti għal ħafna mediċini qed jiżdiedu;

S.  billi r-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-konfront tal-patoġeni batteriċi, li jwassal għal aktar prevalenza tal-HAIs u fallimenti fit-trattament ta' mard infettiv tal-bniedem u tal-annimali fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali;

T.  billi huwa stmat li globalment 10 miljun persuna se jmutu kull sena minħabba r-reżistenza għall-antimikrobiċi sal-2050;

U.  billi l-perċentwal ta' reżistenza għall-antibijotiċi li jintużaw komunement biex jittrattaw batterji kawżattivi huwa ta' mill-anqas 25 % jew aktar f'diversi Stati Membri; billi hemm distakk dejjem jikber bejn ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-iżvilupp ta' antibijotiċi ġodda u l-introduzzjoni tagħhom fil-prattika klinika, u dan hu marbut mal-isfidi xjentifiċi, regolatorji u ekonomiċi;

V.  billi l-aktar studji reċenti juru li, ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, ir-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-isptarijiet żdiedet globalment fl-UE fl-aħħar snin;

W.  billi l-UE tistma li kull sena tal-anqas 25 000 persuna jmutu minn infezzjonijiet ikkawżati minn batterji reżistenti, li jiswew lis-sistemi tas-saħħa pubblika madwar EUR 1,5 biljun, skont id-data miġbura fl-2011 mill-ECDC;

X.  billi l-ispejjeż ikkaġunati mill-infezzjonijiet reżistenti għall-mediċina jammontaw għal madwar EUR 1,5 biljun fis-sena minħabba żidiet fl-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa u telf ta' produttività; billi l-pazjenti li jkunu ġew infettati bil-batterji reżistenti jkollhom jiġu iżolati meta trattati fl-isptar, u dan il-provvediment addizzjonali jiswa EUR 900 miljun u jwassal għal 2,5 miljun ġurnata tas-sodda addizzjonali kull sena;

Y.  billi waħda mill-kawżi ewlenin tal-firxa tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-isptarijiet hija n-nuqqas ta' konformità mal-prattiki aċċettati b'mod ġenerali għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet;

Z.  billi l-effikaċja tal-mediċini primarji kontra l-patoġeni batteriċi qed issir dejjem iżjed limitata minħabba r-reżistenza u l-mediċini sekondarji u terzjarji mhux dejjem ikunu disponibbli u spiss ikunu iżjed tossiċi, ogħla u anqas effikaċi mill-mediċini primarji;

AA.  billi waħda mill-kawżi ewlenin tar-reżistenza għall-antimikrobiċi hija l-użu ħażin ta' antimikrobiċi, inklużi l-antibijotiċi, u b'mod partikolari l-użu sistematiku u eċċessiv tagħhom;

AB.  billi l-livell għoli ta' mobilità bejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej u n-natura dejjem aktar transkonfinali tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa jistgħu jiffavorixxu l-firxa tal-mikroorganiżmi reżistenti minn Stat Membru għall-ieħor;

AC.  billi l-programmi ta' tilqim huma għodda effikaċi fl-isforzi biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antibijotiċi, minħabba li għandhom rwol biex jillimitaw l-użu tal-antibijotiċi u għaldaqstant l-iżvilupp tar-reżistenza għall-antimikrobiċi;

AD.  billi r-riċerka u l-iżvilupp antibatteriċi jippreżentaw xi sfidi uniċi u dan ifisser li hija meħtieġa perspettiva fuq terminu twil biex il-kompetenza tiġi żviluppata u tiġi applikata fil-laboratorji, u billi huwa ta' dispjaċir li ħafna riċerkaturi b'din il-kompetenza mxew f'oqsma oħra minħabba nuqqas ta' finanzjament kemm privat kif ukoll pubbliku;

AE.  billi n-nuqqas ta' teħid tal-prekawzjonijiet bażiċi ta' iġjene personali, kemm fl-isptarijiet kif ukoll barra, jista' jwassal għall-firxa ta'patoġeniċi, b'mod partikolari dawk li huma reżistenti għall-antimikrobiċi;

AF.  billi qed ikunu dejjem aktar evidenza xjentifika li turi li iġjene tajba tal-idejn fl-ambjent tal-kura tas-saħħa teħtieġ l-użu ta' metodi għat-tnixxif tal-idejn li ma jiffaċilitawx il-kontaminazzjoni mikrobika kroċjata permezz ta' disseminazzjoni fl-ajru u aerosolizzazzjoni;

AG.  billi l-batterji reżistenti jistgħu jinstabu preżenti fuq l-apparati mediċi anke meta jkunu ġew sterilizzati skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;

AH.  billi l-użu tal-antimikrobiċi fil-mediċina tal-bniedem u dik veterinarja jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' resistome fl-ambjent li jista' jservi bħala sors ta' żvilupp ta' reżistenza kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali; billi l-istess klassijiet ta' antibijotiċi jintużaw fil-mediċina kemm tal-annimali kif ukoll tal-bniedem u tfaċċaw mekkaniżmi ta' reżistenza simili fiż-żewġ setturi;

AI.  billi biedja ta' densità għolja tista' timplika li l-antibijotiċi qegħdin jingħataw b'mod mhux adatt u permezz ta' rutina bħala għalf lill-bhejjem, it-tjur u l-ħut fl-irziezet biex jikbru malajr u qegħdin jintużaw b'mod mifrux għal skopijiet ta' profilassi, biex jipprevjenu l-firxa ta' mard minħabba kundizzjonijiet ta' ffullar, konfinament u stress li fihom jinżammu l-annimali u li jinibixxu s-sistema immunitarja tagħhom, u biex jikkumpensaw għall-kundizzjonijiet mhux sanitarji fejn aed jitrabbew;

AJ.  billi l-kunċett ta' Saħħa Waħda, approvat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u l-ekosistemi huma marbutin flimkien; billi, b'mod partikolari, l-annimali u l-ikel li ġej mill-annimali jistgħu jservu ta' sors ewlieni dirett ta' patoġeni żoonotiċi reżistenti; billi, għaldaqstant, l-użu tal-antibijotiċi fl-annimali, b'mod partikolari dawk intiżi għall-konsum u miżmuma fi rziezet ta' densità għolja, jista' jaffettwa r-reżistenza għall-antibijotiċi fil-bnedmin;

AK.  billi, fid-dawl tal-kunċett Saħħa Waħda, approċċ fejn kemm il-professjonisti mediċi tal-bnedmin kif ukoll dawk veterinarji jieħdu inizjattivi biex jipprevjenu infezzjonijiet reżistenti u jnaqqsu l-użu tal-antibijotiċi jista' jevita l-HAIs, kemm fl-isptarijiet kif ukoll barra;

AL.  billi, skont id-WHO, l-użu tal-antimikrobiċi għall-bhejjem hu bil-wisq ogħla minn dak għall-bnedmin f'numru ta' pajjiżi tal-Istati Membri tal-UE(5);

AM.  billi, skont assoċjazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur, aktar minn 70 % tal-prodotti tal-laħam ittestjati f'sitt Stati Membri tal-UE nstab li kienu kkontaminati minn batterji reżistenti għall-antibijotiċi, filwaqt li fi tmien pajjiżi oħra tali batterji kienu preżenti f'50 % tal-kampjuni kollha(6);

AN.  billi ġew osservati livelli għoljin ta' reżistenza tal-Campylobacter għall-fluworokinoloni u li ħafna mill-infezzjonijiet tal-Campylobacter fil-bniedem jiġu mill-ipproċessar, il-preparazzjoni u l-konsum ta' laħam tat-tiġieġ; bili tali livelli għoljin ta' reżistenza jnaqqsu l-għażliet ta' trattament effikaċi għall-infezzjonijiet tal-Campylobacter fil-bniedem;

AO.  billi fl-UE l-użu subterapewtiku tal-antibijotiċi, li jinvolvi l-għoti ta' dożi baxxi ta' antibijotiċi lill-bhejjem biex jistimolaw it-tkabbir tagħhom, huwa projbit sa mill-2006;

AP.  billi l-maġġoranza l-kbira tal-għalf immedikat għall-annimali tar-razzett fiha l-antimikrobiċi;

AQ.  billi l-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali domestiċi huwa fattur ta' riskju addizzjonali għall-iżvilupp u t-trażmissjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-bniedem u billi x-xejriet li juru żieda fir-reżistenza għall-antibijotiċi misjuba fil-kliniċi veterinarji għall-annimali domestiċi jsegwu xejriet simili għal dawk misjuba fl-isptarijiet;

AR.  billi r-riskju ta' trażmissjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi mill-annimali domestiċi għall-bnedmin ma jistax ikun kompletament kwantifikat u billi din il-kwistjoni teħtieġ aktar investigazzjoni;

AS.  billi huwa rikonoxxut li l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-mediċini veterinarji ma tipprovdix għodod biżżejjed biex tiżgura li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali jkunu ġestiti b'mod adegwat;

AT.  billi l-kwistjoni tal-użu mhux skont it-tikketta tal-antibijotiċi hija ta' tħassib għall-mediċina tal-annimali kif ukoll għall-mediċina tal-bniedem;

AU.  billi l-kumpaniji farmaċewtiċi għandhom it-tendenza li jżidu antibijotiċi ġodda fi ħdan klassijiet eżistenti ta' antibijotiċi minflok jiskopru u jiżviluppaw aġenti antibatteriċi verament ġodda, u b'riżultat ta' dan, ir-reżistenza għal dawn l-aġenti l-ġodda se titfaċċa aktar malajr milli għal mediċini b'mekkaniżmu verament ġdid ta' azzjoni;

AV.  billi jeħtieġ li l-laboratorji farmaċewtiċi jiġu mħeġġa jiżviluppaw anitbijotiċi ġodda billi jirriflettu dwar il-ħolqien ta' inċentivi u ta' mudelli ekonomiċi alternattivi biex tiġi ppremjata l-innovazzjoni;

AW.  billi huwa ta' importanza kruċjali li l-kumpaniji farmaċewtiċi jiġu mħeġġa jinvestu u jkomplu jinvestu fl-iżvilupp ta' aġenti antimikrobiċi ġodda, b'mod partikolari dawk attivi kontra mard li fil-każ tiegħu r-reżistenza għall-antimikrobiċi hija ta' tħassib serju, speċjalment:

   mard ikkawżat minn batterji reżistenti għal ħafna mediċini Gram-negattivi prevalenti (bħalma huma l-K. pneumoniae u l-Acinetobacter jew l-E. coli), jew minn batterji reżistenti għal ħafna mediċini oħrajn bħall-iStaphylococcus aureus jew it-tuberkulożi;
   mard ieħor ikkawżat minn vajrusijiet (bħall-HIV), jew parassiti (bħall-malarja);

kif ukoll jiżviluppaw metodi oħra biex l-HAIs jiġu miġġielda mingħajr l-użu tal-antibijotiċi;

AX.  billi dan jista' jinkiseb billi jiġu indirizzati ftit mill-isfidi ewlenin xjentifiċi, regolatorji u ekonomiċi li xekklu l-iżvilupp tal-antimikrobiċi, u b'mod partikolari billi jinħolqu inċentivi għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u billi tali investiment jiġi ffokat fuq l-akbar ħtiġijiet tas-saħħa pubblika, filwaqt li tiġi preservata s-sostenibbiltà tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa;

AY.  billi l-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/18/KE jistabbilixxi skadenza għall-użu tal-ġeni li joffru reżistenza għall-antibijotiċi għall-pjanti transġeniċi;

AZ.  billi l-ispeċjalisti tal-prodotti qatt ma għandhom iwettqu trattamenti terapewtiċi imma għandhom jappoġġjaw biss lill-persunal mediku meta u jekk meħtieġ minn dan tal-aħħar, pereżempju għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ jew żmontar ta' strumenti speċifiċi;

BA.  billi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/24/UE dwar il-mobilità tal-pazjenti qegħdin jiġu implimentati fl-UE kollha, u għalhekk isir aktar pertinenti li l-pazjenti Ewropej għandhom ikunu infurmati dwar is-sikurezza tal-pazjent fid-diversi Stati Membri;

BB.  billi huwa essenzjali li jiġu żgurati d-drittijiet tal-pazjenti u l-fiduċja tal-pubbliku fis-servizzi tas-saħħa, billi jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ sistemi li jipprovdu kumpens finanzjarju ġust fil-każ ta' negliġenza li tirriżulta minn trattamenti mediċi żbaljati;

BC.  billi l-internet huwa l-akbar suq farmaċewtiku mhux regolat fid-dinja; billi 62 % tal-farmaċewtiċi mixtrija online huma foloz jew mhux konformi mal-istandards; billi proporzjon kbir ħafna tal-operaturi li joperaw online jagħmlu hekk b'mod illegali u d-dħul globali annwali mill-bejgħ illegali online ta' mediċini bi preskrizzjoni huwa stmat għal madwar USD 200 biljun;

BD.  billi l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-azzjoni tal-Unjoni trid tikkomplementa l-politiki nazzjonali u trid tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali u l-evitar ta' sorsi ta' periklu għas-saħħa fiżika u mentali;

Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent

Feedback dwar it-tieni rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni

1.  Ifakkar li l-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE ġiet stabbilita biex tipproteġi s-sikurezza tal-pazjent; ifakkar fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill fuq il-bażi ta' rapporti tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inklużi l-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;

2.  Jilqa' t-titjib fis-sistema ta' sorveljanza tal-HAIs fl-UE u l-miżuri reċenti l-oħrajn implimentati minn ċerti Stati Membri biex titjieb is-sikurezza ġenerali tal-pazjent u titnaqqas l-inċidenza tal-HAIs, u b'mod partikolari l-progress li sar mill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' strateġiji u programmi dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluża s-sikurezza tal-pazjent fil-leġiżlazzjoni tas-saħħa, u fl-iżvilupp ta' sistemi ta' rappurtar u tagħlim;

3.  Jinnota, madankollu, li t-tieni rapport ta' implimentazzjoni għadu juri progress mhux uniformi fost l-Istati Membri fir-rigward tas-sikurezza tal-pazjent, u jiddispjaċih għall-fatt li xi Stati Membri naqqsu b'mod ovvju r-ritmu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fost l-oħrajn, possibbilment bħala konsegwenza tal-limitazzjonijiet finanzjarji li rriżultaw mill-kriżi ekonomika;

4.  Jiddispjaċih li l-miżuri ta' awsterità wasslu għal tnaqqis fil-livell tal-persunal tat-tindif fl-isptarijiet u f'ambjenti oħra tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa, meta jitqies ir-rwol kritiku li għandu l-persunal tat-tindif biex jiżgura livelli għoljin ta' iġjene;

5.  Jistieden lill-Istati Membri biex, f'dan il-perjodu ta' kriżi ekonomika, jiżguraw li s-sistemi tal-kura tas-saħħa ma jiġux affettwati minn miżuri ta' awsterità u jibqgħu finanzjati b'mod adegwat u, b'mod partikolari, jevitaw l-aktar miżuri ta' ħsara, bħal tfaddil fuq terminu qasir, li jwassal għal spejjeż għoljin fuq terminu medju sa twil, u minflok jikkonċentraw fuq żvilupp ulterjuri ta' sistemi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità u effiċjenza għoljin; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw numru biżżejjed ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa mħarrġa jew speċjalizzati fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-infenzjonijiet, kif ukoll fl-iġjene tal-isptar, bil-ħsieb li jkun hemm approċċ aktar iffukat fuq il-pazjent;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miri kwantitattivi speċifiċi u ambizzjużi għat-tnaqqis tal-użu tal-antibijotiċi;

7.  Jilqa' x-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma tal-UE dwar is-Sikurezza tal-Pazjent u l-Kwalità tal-Kura, li jġib flimkien rappreżentanti mit-28 Stat Membru tal-UE, il-pajjiżi tal-EFTA, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-korpi tal-UE, u jassisti fl-iżvilupp tal-aġenda tal-UE għas-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza tal-pazjent fl-Istati Membri, u fejn meħtieġ tiżviluppa linji gwida ġodda;

Gwidi għal titjib

9.  Jilqa' x-xogħol kofinanzjat mill-UE u mwettaq mill-OECD dwar l-indikaturi komparabbli biex tiġi vvalutata s-sikurezza tal-pazjent; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw tali indikaturi bil-ħsieb li jivvalutaw is-sikurezza tal-pazjent;

10.  Jinnota l-importanza li s-sikurezza tal-pazjent tiġi inkluża fl-edukazzjoni, fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u fit-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa u tal-professjonisti tas-saħħa fl-Istati Membri kollha;

11.  Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tas-saħħa elettronika fit-tnaqqis ta' avvenimenti avversi billi jiġu traċċati flussi ta' informazzjoni u billi jittejjeb l-għarfien tal-proċessi mediċi, kif ukoll permezz ta' preskrizzjonijiet diġitali u twissijiet dwar l-interazzjoni mediċinali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw ulterjorment il-possibbiltajiet offruti mis-saħħa elettronika fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjent, inkluża l-introduzzjoni tar-rekords elettroniċi tal-pazjent, u jintensifikaw il-livell ta' kooperazzjoni billi jaqsmu l-esperjenzi, l-għarfien u l-prattiki tajba tagħhom f'dan is-settur;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw il-potenzjal tas-saħħa mobbli ("mHealth") rigward l-effiċjenza tal-kura, l-inċidenza tal-kura fl-isptar u t-tnaqqis fl-ispiża għall-kura tas-saħħa per capita fis-sena;

13.  Jinnota li l-użu tal-antibijotiċi u l-prevalenza tar-reżistenza għall-antimikrobiċi jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri japplikaw l-aħjar prattiki;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-promozzjoni tar-riċerka veterinarja u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE u nazzjonali;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw jew jiżviluppaw il-miżuri li ġejjin:

   (a) ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu s-sikurezza tal-pazjent billi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill;
   (b) jiġbru d-data b'mod regolari, skont stħarriġ standardizzat, dwar il-prevalenza u l-inċidenza ta' avvenimenti avversi fit-territorju tagħhom stess u jtejbu s-sistemi ta' twissija bikrija kif ukoll jikkoordinaw b'mod effikaċi l-iskambju ta' din id-data;
   (c) jiżguraw li fil-kura tas-saħħa s-sistemi tas-saħħa u l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jkunu mmaniġġjati indipendentement minn għażliet politiċi, u li l-maniġers jinħatru fuq il-bażi tal-mertu u mhux tal-affiljazzjoni politika;
   (d) jiżguraw it-titjib kontinwu u l-evalwazzjoni kontinwa tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa bil-ħsieb li tittejjeb is-sikurezza tal-pazjent;
   (e) jiżguraw taħriġ bażiku għall-persunal kollu fil-qasam tal-kura tas-saħħa, anke dawk li mhumiex f'kuntatt dirett mal-pazjenti, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet qabel ma jibdew jaħdmu fi sptar jew faċilità oħra tal-kura tas-saħħa, u b'mod regolari wara;
   (f) jiżguraw it-taħriġ xieraq u aġġornat tat-tobba u professjonisti oħra tal-kura tas-saħħa, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki, biex iżommu l-pass mal-aħħar teknoloġija fis-seħħ u mal-aħjar prattiki tal-iġjene fl-isptarijiet, u jistabbilixxu sistemi ta' monitoraġġ biex jivverifikaw li l-kompetenzi tagħhom huma aġġornati, speċjalment rigward l-implimentazzjoni tal-Lista ta' Kontroll tas-Sikurezza Kirurġika tad-WHO; dan inaqqas il-prevalenza tal-iżbalji mediċi (inkluż l-HAIs) ikkawżati minn għarfien parzjali u min-nuqqas ta' aġġornament fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda;
   (g) jiżguraw l-adozzjoni ta' approċċ multidixxiplinarju fit-trattamenti mediċi;
   (h) jiżguraw koerenza u kontinwità aħjar fil-progress tal-pazjenti permezz tas-sistema, billi jiffukaw fuq it-tranżizzjoni bejn is-setturi u t-trażmissjoni tal-informazzjoni, pereżempju, bejn l-isptar u s-settur tal-kura primarja;
   (i) itaffu l-piż fuq il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa billi jippromwovu kura u trattamenti mediċi fid-dar;
   (j) jiżguraw li l-professjonisti mediċi jinfurmaw lill-pazjenti meta mediċina tintuża mhux skont it-tikketta u jipprovdu lill-pazjenti informazzjoni dwar ir-riskji potenzjali sabiex ikunu kapaċi jagħtu kunsens infurmat;
   (k) jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar l-aħjar approċċ immirat lejn it-tnaqqis tar-reżistenza għall-antibijotiċi biex jimplimentaw l-aktar approċċ effikaċi fl-Ewropa;
   (l) jiżguraw aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa u għat-trattament mediku għall-pazjenti biex jiġġieldu l-inugwaljanzi eżistenti fis-saħħa;
   (m) jippromwovu kampanji informattivi għall-pazjenti rigward ir-riskji ta' avvenimenti avversi fil-kura tas-saħħa u dwar il-miżuri possibbli ta' prevenzjoni li jibdew minn miżuri bażiċi ta' iġjene, u jwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni u korsijiet ta' edukazzjoni tas-saħħa fl-iskejjel dwar l-użu razzjonali mhux biss tal-antibijotiċi iżda tal-farmaċewtiċi kollha u r-riskji marbuta maż-żieda tar-reżistenza għall-antibijotiċi; dawn il-kampanji għandhom ikunu indirizzati lejn il-ġenituri u lejn il-persuni li jieħdu ħsieb it-tfal iż-żgħar u l-anzjani, u għandhom ikunu segwiti minn valutazzjoni tar-riżultati tagħhom;
   (n) jenfasizzaw l-importanza tal-prevenzjoni tal-HAIs fl-ambjent tal-kura tas-saħħa permezz tat-trażżin tal-firxa bl-użu tal-iskrining tal-pazjent u tal-kuntatt kif ukoll miżuri ta' kontroll tal-infezzjonijiet, u jkomplu jippromwovu prattiki ta' iġjene tajba (bħall-ħasil tal-idejn);
   (o) iżidu l-prekawzjonijiet iġjeniċi u jużaw aktar speċjalisti tal-iġjene biex jimmonitorjaw l-aspetti kollha tas-saħħa u l-iġjene relatati mal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, il-pazjenti u r-relazzjonijiet bejn il-pazjenti u l-persuni esterni li jżuruhom;
   (p) b'mod attiv u formali jinvolvu l-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti tal-pazjenti fl-istadji u l-livelli kollha tal-iżvilupp tal-politiki u tal-programmi;
   (q) jiżviluppaw gwida tal-UE għall-involviment tal-pazjenti fl-istrateġiji u l-azzjonijiet tas-sikurezza tal-pazjent f'kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti;
   (r) jipprovdulhom appoġġ xieraq biex iwettqu attivitajiet b'rabta mas-sikurezza tal-pazjent;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw prattika ħażina possibbli involuta fit-tiġdid u l-użu mill-ġdid tal-apparat mediku oriġinarjament iddisinjat u ttikkettat għal użu uniku;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-programmi ta' sensibilizzazzjoni għall-professjonisti mediċi, ħaddiema oħra fil-qasam tal-kura tas-saħħa, prattikanti veterinarji u l-pubbliku ġenerali b'enfasi fuq l-użu tal-antibijotiċi u l-prevenzjoni tal-infezzjonijiet;

18.  Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tiżviluppa linji gwida dwar l-użu mhux skont it-tikketta jew mhux liċenzjat ta' mediċini bbażat fuq il-bżonn mediku, kif ukoll biex tikkompila lista ta' mediċini użati mhux skont it-tikketta minkejja l-alternattivi liċenzjati;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ECDC jiżviluppaw linji gwida għall-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, għall-pazjenti u għall-familji tagħhom dwar il-ħasil u t-tnixxif effikaċi tal-idejn u jinkoraġġixxu l-użu ta' metodi għat-tnixxif tal-idejn li ma jiffaċilitawx il-kontaminazzjoni mikrobika kroċjata permezz ta' disseminazzjoni fl-ajru u aerosolizzazzjoni;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' titjib kbir fil-komunikazzjoni u fl-edukazzjoni u t-taħriġ immirat kemm għall-veterinarji u għall-bdiewa;

21.  Iħeġġeġ għal darba oħra lill-Kummissjoni biex tippreżenta kemm jista' jkun malajr proposta leġiżlattiva għaż-żieda obbligatorja ta' tabella li tagħti informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali mal-fuljett tal-pakkett; l-informazzjoni provduta fit-tabella li tagħti informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali għandha tiġi ppreżentata f'forma li tista' tinqara b'mod ċar, prominenti u li tingħaraf b'mod ċar mill-bqija tat-test; din it-tabella li tagħti informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali għandu jkollha deskrizzjoni qasira dwar il-fatti neċessarji tal-mediċina sabiex tippermetti lill-pazjent jifhem l-utilità u r-riskji possibbli tal-prodott mediċinali u sabiex il-prodott mediċinali jiġi applikat b'mod sikur u kif suppost; dan jinkludi, inter alia, parir dwar kif l-antibijotiċi jintużaw b'mod korrett u xieraq;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-introduzzjoni tal-logo Ewropew ipprovdut mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 699/2014 biex jidentifikaw b'mod ċar l-ispizeriji onlajn li jbigħu mediċini lill-pubbliku mill-bogħod filwaqt li jissalvagwardaw lill-konsumaturi kontra mediċini foloz, ta' spiss perikolużi għas-saħħa;

23.  Jirrimarka li, fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu lill-Kummissjoni aġġornamenti dwar il-pjanijiet ta' tħejjija u tal-ippjanar tar-rispons fil-livell nazzjonali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jissottomettu l-informazzjoni rilevanti skont l-iskeda taż-żmien stabbilita minn dik id-deċiżjoni;

Rappurtar u kwistjonijiet ta' obbligu ta' rendikont/responsabbiltà

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-input regolari tal-informazzjoni mill-professjonisti tas-saħħa li jagħtu pariri lill-pazjenti dwar kif jimminimizzaw ir-riskji għas-sikurezza tagħhom permezz ta' kuntatt mas-sistema tal-kura tas-saħħa;

25.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu korpi indipendenti li jikkomunikaw mal-professjonisti sabiex jiżguraw is-sensibilizzazzjoni u d-disseminazzjoni tat-twissijiet rigward theddid għas-sikurezza tal-pazjent;

26.  Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu s-sistemi tagħhom ta' rappurtar għall-avvenimenti avversi u l-iżbalji mediċi billi jiżviluppaw miżuri li jinkoraġġixxu rappurtar preċiż, anonimu u li ma jkunx ta' natura punittiva mill-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti, u biex iqisu l-istabbiliment ta' sistema elettronika li tkun tista' tiffaċilita u ttejjeb ir-rappurtar mill-pazjenti;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jtejbu l-kwalità, u mhux biss il-kwantità, tar-rappurtar dwar avvenimenti avversi, sabiex ir-rappurtar ikun fih informazzjoni robusta li verament ittejjeb is-sikurezza tal-pazjent, u jistabbilixxu sistema li minnha d-data tkun tista' tiġi rkuprata b'mod faċli u li tipprovdi evalwazzjoni komprensiva u sistematika;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa stħarriġ standardizzat biex tiġbor id-data dwar l-HAIs;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar rigorużi fil-verifika u l-infurzar tal-projbizzjoni fuq persunal estern mhux mediku li jwettaq trattament mediku;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-pazjenti dwar ir-riskji u l-miżuri preventivi relatati mal-avvenimenti avversi fil-kura tas-saħħa, u dwar il-proċeduri tal-ilmenti u l-għażliet legali disponibbli jekk iseħħ avveniment avvers permezz, pereżempju, ta' rappreżentant tad-drittijiet tal-pazjent;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw kwalunkwe kunflitt ta' interessi li jolqot it-tobba u l-veterinarji fir-rigward tal-preskrizzjoni u l-bejgħ tal-mediċini;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni sħiħa dwar il-mekkaniżmi eżistenti għall-ilmenti u r-rimedju tkun disponibbli faċilment għal pazjenti li jkunu sofrew minn HAI jew żball mediku;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar prattiki nazzjonali ta' rimedju kollettiv f'każijiet relatati mal-HAIs;

34.  Jirrikonoxxi l-valur tal-inizjattivi taċ-ċittadini, bħall-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Pazjent ibbażata fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-Jum Ewropew għad-Drittijiet tal-Pazjent, li jiġi organizzat kull sena fit-18 ta' April mill-2007; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-Jum Ewropew għad-Drittijiet tal-Pazjent fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE;

Il-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi

Sitwazzjoni attwali u soluzzjonijiet promettenti

35.  Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs, kif ukoll l-isforzi għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-ECDC, b'mod partikolari fil-qafas tan-Netwerk ta' Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi (ESAC-Net) u n-Netwerk ta' Sorveljanza tal-Infezzjonijiet Assoċjati mal-Kura tas-Saħħa (HAI-Net);

36.  Jilqa' l-ħidma konġunta ta' koordinazzjoni u sorveljanza tal-ECDC, l-EMA u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi;

37.  Jinnota bi tħassib li bejn l-2010 u l-2013 il-persentaġġi tal-K. pneumoniae reżistenti għall-florokwinoloni, ċefalosporini tat-tielet ġenerazzjoni u aminoglikosidi, kif ukoll reżistenza kombinata għat-tliet gruppi ta' antibijotiċi u reżistenza għall-karbapenemi, grupp ta' antibijotiċi tal-aħħar linja, żdiedu b'mod sinifikanti f'ħafna Stati Membri u fil-livell tal-UE; jinnota wkoll li matul l-istess perjodu, ir-reżistenza għal ċefalosporini tat-tielet ġenerazzjoni żdiedet ukoll b'mod sinifikanti f'ħafna Stati Membri u fil-livell tal-UE għall-E. coli; jinnota li f'ċerti reġjuni tal-Ewropa, l-MDR-TB hija responsabbli minn 20 % tal-każijiet kollha ta' tuberkulożi, filwaqt li r-riżultati tat-trattamenti tal-MDR-TB huma baxxi b'mod allarmanti;

38.  Jinnota bi tħassib li f'pajjiżi b'livelli għolja ta' reżistenza għal ħafna mediċini, inkluż reżistenza għall-karbapenemi, ma jeżistux għajr ftit għażliet terapewtiċi, fosthom il-polimiksini; jenfasizza li, f'dawn il-pajjiżi, il-preżenza tar-reżistenza batterika għall-polimiksini hija twissija importanti li l-għażliet għat-trattament tal-pazjenti infettati qed isiru anke iżjed limitati;

39.  Jinnota li l-infezzjonijiet ikkawżati minn batterji reżistenti għall-antimikrobiċi x'aktarx jirriżultaw f'permanenza fit-tul fl-isptar kif ukoll fl-użu ta' trattamenti terapewtiċi alternattivi u ogħla li jqiegħdu iżjed piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri;

40.  Jiddispjaċih li dawn l-aħħar 25 sena kienu xhieda kemm ta' nuqqas ta' sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-użu razzjonali tal-aġenti antimikrobiċi, u b'mod partikolari l-antibijotiċi, kif ukoll staġnar fl-iżvilupp tal-mediċini fil-qasam tal-mediċini antimikrobiċi, sitwazzjoni li rriżultat b'mod partikolari minħabba l-ħolqien ta' ostakli xjentifiċi, ekonomiċi u regolamentari;

41.  Jinnota li kemm l-Orizzont 2020 kif ukoll it-Tielet Programm tas-Saħħa Pubblika tal-UE għamlu enfasi fuq l-HAIs u r-reżistenza għall-antimikrobiċi;

42.  Jinnota li xi antibijotiċi eżistenti u effikaċi mhumiex disponibbli f'diversi Stati Membri u li dan iwassal għal għażla mhux xierqa ta' terapija b'mediċini, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jeżaminaw kif l-antibijotiċi effikaċi għandhom jinżammu fis-suq;

43.  Jirrimarka li r-reżistenza għall-antibijotiċi spiss iddewwem it-trattament bl-antibijotiċi t-tajbin u meta jingħataw l-antibijotiċi l-ħżiena jew it-trattament jibda tard wisq, il-pazjenti b'mard infettiv serju jsofru kumplikazzjonijiet gravi li f'xi każijiet jistgħu jkunu fatali;

44.  Jinnota bi tħassib serju l-għadd kbir ta' annimali infettati b'batterji li huma reżistenti għall-antibijotiċi, u r-riskju tat-trasferiment ta' dawn il-batterji minn laħam infettat għall-konsumaturi;

45.  Jinnota bi tħassib kbir ir-rabta bejn l-użu veterinarju tal-antimikrobiċi u l-iżvilupp ta' reżistenza għall-antimikrobiċi fil-bdiewa, u r-riskju li din ir-reżistenza tinfirex mit-trattament fl-isptar;

46.  Jilqa' l-inizjattivi u l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri, il-professjonisti tas-saħħa tal-annimali u s-sidien tal-annimali mmirati lejn l-użu responsabbli tal-antimikrobiċi fl-annimali u lejn it-tnaqqis tal-użu antimikrobiku fit-trobbija tal-annimali;

47.  Iqis li r-riċerka għal mediċini antimikrobiċi ġodda hija ta' importanza kbira u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex tistimula r-riċerka billi pereżempju tappoġġja strutturi eżistenti bħall-Inizjattivi dwar Mediċini Innovattivi (IMI);

48.  Jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-iżvilupp ta' aġenti antimikrobiċi ġodda b'miri ġodda u li jitħeġġeġ l-użu ta' antibijotiċi batterjostatiċi li ma joqtlux il-patoġeni, iżda sempliċement jillimitaw il-proliferazzjoni tagħhom, u b'hekk titnaqqas il-probabbiltà li jsiru reżistenti;

49.  Jilqa' u jinkoraġġixxi aktar riċerka għal mediċini antimikrobiċi ġenwinament ġodda, b'mod partikolari antibijotiċi b'attività kontra batterji reżistenti għal ħafna mediċini Gram-negattivi prevalenti u kontra mard li hu partikolarment suxxettibbli għar-reżistenza għall-antimikrobiċi bħalma huma l-K. pneumoniae, l-Acinetobacter, l-E. coli, l-HIV, l-iStaphylococcus aureus, it-tuberkulożi u l-malarja; jinsisti, madankollu, li hu tal-ogħla importanza li l-ewwel nett jiġi żgurat l-użu responsabbli u sensibbli tal-antimikrobiċi; jilqa' u jinkoraġġixxi iżjed riċerka għal metodi alternattivi maħsuba biex jiġġieldu l-HAIs mingħajr ma jużaw antibijotiċi u biex jiġġieldu l-MDR-TB;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċeleraw l-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp biex jipprovdu għodod ġodda fil-ġlieda kontra l-infezzjonijiet batteriċi li huma dejjem iżjed prevalenti fl-Ewropa;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-inċentivi għall-kooperazzjoni tas-settur pubbliku u privat biex jissaħħu mill-ġdid ir-R&Ż fl-iżvilupp tal-antibijotiċi;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-livell ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, sabiex jillimitaw u jnaqqsu l-firxa tal-mikroorganiżmi reżistenti minn Stat Membru għall-ieħor;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw skemi ta' "rotot adattivi" u għodod regolatorji oħrajn għal aċċess iżjed bikri tal-pazjent għal antibatteriċi innovattivi li jittrattaw l-infezzjonijiet reżistenti;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-programm "rotta adattiva" tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini u jużaw l-għodod regolatorji kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex il-pazjenti jkollhom aċċess aktar rapidu għat-trattamenti antibatterjali innovattivi;

55.  Jenfasizza l-bżonn li l-pazjenti jkunu fiċ-ċentru ta' kwalunkwe politika dwar is-saħħa u jinkoraġġixxi l-litteriżmu fis-saħħa u l-involviment tal-pazjenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-trattament;

56.  Jikkunsidra li huwa ta' importanza kbira li l-Kummissjoni tiżgura l-kontinwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-Reżistenza Antimikrobika wara l-2016, li jenfasizza kif jistgħu jingħelbu l-isfidi xjentifiċi, regolatorji u ekonomiċi assoċjati mar-reżistenza għall-antimikrobiċi, filwaqt li jinkludi l-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;

Rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-antibijotiċi fil-mediċina tal-bniedem

57.  Ifakkar li l-awtomedikazzjoni bl-antibijotiċi għandha tkun ipprojbita b'mod strett u jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi infurzata l-politika ta' "bil-preskrizzjoni biss" għall-antibatteriċi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet adatti biex jiżguraw l-użu responsabbli u sensibbli tal-mediċina tal-bniedem fl-aġenti antimikrobiċi kollha u b'mod partikolari tal-antibijotiċi kkunsidrati bħala trattament tal-aħħar linja tal-infezzjonijiet batterjali fl-isptarijiet, filwaqt li jżommu f'moħħhom li l-użu mhux xieraq tal-antibijotiċi għal skopijiet preventivi (inkluż fl-isptarijiet) huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għall-ħolqien tar-reżistenza għall-antibijotiċi;

59.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess għal mediċini ta' kwalità għolja kif ukoll aderenza għal ċrieki ta' trattament sħiħ għall-pazjenti kollha, b'appoġġ speċifiku għal dawk l-iżjed vulnerabbli, bħala mod kif jiġi prevenut l-iżvilupp tar-reżistenza;

60.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu wkoll riċerka dwar l-antibijotiċi "minsija" biex iwessgħu d-diversità tal-farmaċewtiċi minn fejn tista' ssir l-għażla;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fil-ħidma tad-WHO biex tiżviluppa mudell ekonomiku ġdid ħalli tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib u l-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika;

62.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jibdew proċess ta' riflessjoni biex jiżviluppaw mudell ekonomiku ġdid, li jneħħi r-rabta bejn il-volum tal-bejgħ mill-kumpens imħallas għal antibijotiku ġdid, pereżempju permezz ta' ħlas fiss wieħed jew serje ta' ħlasijiet fissi lill-kumpanija, li jkunu jirriflettu l-valur soċjetali ta' antibjotiku ġdid u jippermettu redditu suffiċjenti fuq l-investiment għall-kumpanija, filwaqt li x-xerrej jikseb id-dritt li juża l-prodott u jkollu kontroll sħiħ fuq il-volumi;

63.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw jew jiżviluppaw il-miżuri li ġejjin:

   (a) ifakkru lit-tobba fl-importanza kruċjali li jiżguraw li l-preskrizzjoni tal-antibijotiċi għat-trattament hija xierqa u responsabbli;
   (b) jiżguraw li, kull fejn hu possibbli, dijanjożi xierqa mikrobijoloġika titwettaq b'mod sistematiku qabel jiġu preskritti l-antibijotiċi, pereżempju billi jintużaw għodod ġodda tad-dijanjożi li jistgħu jippermettu dijanjożi rapida fil-punt tal-kura, u/jew antibijogrammi, speċjalment fil-każ ta' mard li għandu tendenza ta' rikaduta, kif ukoll li ssir ħidma biex jitneħħew l-ostakli li jipprevjenu dijanjożi mikrobijoloġika xierqa, speċjalment fis-settur ambulanti;
   (c) jirregolaw il-preskrizzjoni tal-antibijotiċi għal trattament u b'mod partikolari jimplimentaw strettament il-liġijiet li jipprojbixxu l-provvista tal-antibijotiċi għall-trattamenti mingħajr preskrizzjoni, sabiex jiġi żgurat użu xieraq tal-mediċini, filwaqt li jiġi speċifikat l-objettiv terapewtiku u l-għażla ta' terapija tal-mediċini xierqa;
   (d) jimplimentaw b'mod strett prattiki responsabbli ta' kummerċjalizzazzjoni billi jevitaw il-kunflitti ta' interess bejn il-produtturi u t-tobba;
   (e) jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' mudelli ta' dħul ġodda fejn ir-redditi ekonomiċi għall-kumpaniji ma jibqgħux marbuta mal-volumi preskritti tal-antibijotiċi, filwaqt li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni farmaċewtika u l-ibbilanċjar tagħha mas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa;
   (f) jirregolaw il-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-antibijotiċi biex il-pazjenti jkunu jistgħu jiksbu l-kwantità speċifika ta' antibijotiċi biss kif preskritt mit-tobba tagħhom, għaliex f'xi Stati Membri għadhom jeżistu regoli li jawtorizzaw il-bejgħ ta' antibijotiċi f'daqsijiet tal-pakketti akbar minn dawk intiżi għal trattament speċifiku;
   (g) jiżguraw livelli akbar ta' aderenza u konformità tal-pazjent mat-trattamenti antibijotiċi u trattamenti xierqa oħra kif preskritti mill-professjonisti mediċi, u jiżviluppaw strateġiji maħsuba biex iżidu l-fehim tal-pazjent dwar l-importanza tal-użu responsabbli tat-trattamenti antibijotiċi u r-riskji ta' żieda fir-reżistenza għall-antimikrobiċi;
   (h) jimmonitorjaw reżistenza għall-antibijotiċi u l-użu ta' antibijotiċi fi sptarijiet u jiżguraw li meta l-antibijotiċi jintużaw fl-isptarijiet jintużaw biss skont l-indikazzjonijiet korretti, bid-doża korretta u għall-iqsar durata possibbli kif rakkomandat minn linji gwida bbażati fuq l-evidenza;
   (i) jintensifikaw il-kontroll tal-infezzjonijiet, b'mod partikolari minn perspettiva transkonfinali, u speċjalment billi jimmonitorjaw bir-reqqa l-ġarr potenzjali ta' batterji reżistenti għal ħafna mediċini, permezz ta' skrinjar xieraq tal-pazjenti trasferiti minn pajjiż/reġjun/sptar magħrufa għall-prevalenza għolja tagħhom ta' batterji reżistenti għal ħafna mediċini, u jiżolaw pazjenti infettati fi kmamar individwali jew billi jimplimentaw "kura ta' koorti";
   (j) jiżviluppaw strateġija ma' ħafna partijiet interessati dwar l-MDR-TB biex jinkludu l-aspetti ewlenin bħall-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni, id-dijanjożi, it-trattament xieraq, u l-aderenza u l-konformità mal-medikazzjoni preskritta;
   (k) itejbu l-istandards tas-sikurezza, speċjalment għal dawk l-apparati mediċi reżistenti għall-isterilizzazzjoni (bħal pereżempju l-endoskopji) u jimpenjaw ruħhom f'monitoraġġ bir-reqqa biex jiżguraw li l-apparati mediċi oriġinarjament iddisinjati u ttikkettati bil-markar CE jintużaw darba biss, jekk ikunu riġenerati, jirrispettaw l-istandards kollha tas-sikurezza biex iħarsu s-saħħa tal-konsumaturi;
   (l) jagħtu bidu għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jimmiraw lejn udjenza wiesgħa, inklużi korsijiet ta' edukazzjoni dwar is-saħħa fl-iskejjel dwar l-użu razzjonali tal-antibijotiċi u r-riskji marbuta maż-żieda fir-reżistenza tal-antibijotiċi u dwar l-importanza li jiġu żviluppati prattiki tajba tal-iġjene personali; dawn il-kampanji għandhom jimmiraw lejn iż-żgħar u l-anzjani, kif ukoll lejn il-ġenituri u l-persuni li jieħdu ħsiebhom, u għandhom jiġu segwiti b'valutazzjonijiet tal-eżitu, filwaqt li jittieħed kont tal-opportunitajiet offruti minn sistemi tas-saħħa elettronika f'dan ir-rigward;
   (m) iżidu l-finanzjament pubbliku u joħolqu pożizzjonijiet akkademiċi ġodda biex jiffukaw fuq l-esplorazzjoni u l-validazzjoni ta' approċċi ġodda għat-trattament tal-infezzjonijiet batteriċi;
   (n) iżidu, b'mod partikolari, l-inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp ta' antimikrobiċi ġodda;
   (o) jistiednu lill-ECDC iwettaq missjonijiet fuq il-post biex jagħti assistenza xjentifika u teknika u taħriġ dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi lill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-ECDC (Regolament (KE) Nru 851/2004); iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan, u b'mod speċjali lil dawk li diġà għandhom reżistenza għall-antimikrobiċi għolja jew li qed tiżdied b'mod allarmanti, biex jistiednu lill-ECDC iwettaq missjonijiet bħal dawn;
   (p) jagħmlu r-rekords tal-isptarijiet u ta' faċilitajiet oħra tal-kura tas-saħħa fir-rigward tal-HAIs disponibbli għall-pubbliku, sabiex il-pazjenti jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq il-konsegwenzi ta' żieda fil-mobilità prevista fid-Direttiva 2011/24/UE fir-rigward tar-reżistenza għall-antimikrobiċi msaħħa li tista' tirriżulta minn pazjenti li jivvjaġġaw madwar l-Ewropa għat-trattament;

Rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-antibijotiċi fil-mediċina veterinarja b'mod ġenerali u b'mod partikolari fit-trobbija tal-annimali

65.  Jesprimi tħassib li r-rapport konġunt mill-EFSA u l-ECDC dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi juri li l-batterji li l-iżjed spiss jikkawżaw infezzjonijiet li jinġarru mill-ikel bħas-Salmonella u l-Campylobacter urew reżistenza sinifikanti għall-antimikrobiċi komuni;

66.  Jerġa' jtenni t-talba li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza għall-antimikrobiċi (7)għall-eliminazzjoni b'mod gradwali tal-użu profilattiku tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-bhejjem, billi jisħaq fuq il-fatt li s-settur taż-żooteknika u tat-tkabbir tal-ħut b'mod intensiv għandhom jikkonċentraw fuq il-prevenzjoni tal-mard permezz ta' iġjene, alloġġi u trobbija tal-bhejjem tajbin, kif ukoll miżuri rigorużi ta' bijosigurtà, aktar milli jirrikorru għall-użu profilattiku tal-antibijotiċi;

67.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu jew jiżviluppaw il-miżuri li ġejjin:

   (a) jippromwovu u jrawmu l-użu responsabbli u sensibbli tal-mediċina veterinarja, inkluż l-għalf medikat, tal-aġenti antimikrobiċi kollha, billi jippermettu l-użu tagħhom biss għall-trattamenti wara d-dijanjożi veterinarja, b'kunsiderazzjoni addizzjonali speċifika għall-antibijotiċi li qegħdin fil-lista tad-WHO tal-antimikrobiċi importanti b'mod kritiku għall-mediċina tal-bniedem;
   (b) jintroduċu għodod legali biex jirrestrinġu l-użu ta' antibijotiċi fl-annimali jekk jiġi identifikat riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika;
   (c) jimplimentaw kontrolli aktar stretti biex jillimitaw l-użu tal-antibijotiċi fil-mediċina veterinarja; wieħed mill-modi biex jinkiseb dan ikun billi jiġi ristrett id-dritt tal-preskrizzjoni ta' antibijotiċi lil veterinarji kwalifikati professjonalment u billi jiġu separati d-drittijiet tal-veterinarji fir-rigward ta' kemm jippreskrivu kif ukoll ibigħu l-antibijotiċi ħalli jiġu eliminati l-inċentivi ekonomiċi kollha;
   (d) iniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar l-użu responsabbli ta' antimikrobiċi għall-annimali, inklużi l-annimali domestiċi;
   (e) inaqqsu l-bżonn għall-antibijotiċi billi jtejbu s-saħħa tal-annimali permezz ta' miżuri ta' bijosigurtà, prevenzjoni tal-mard u prattiki ta' ġestjoni tajba, u jistabbilixxu metodoloġiji u prijoritajiet b'saħħithom u iżjed ċari fil-ġlieda kontra l-iżvilupp ta' reżistenza għall-antimikrobiċi;
   (f) jiżguraw li t-trobbija tal-bhejjem u l-akkwakultura jiffukaw fuq il-prevenzjoni tal-mard permezz ta' iġjene, alloġġi u trobbija tal-annimali tajbin, kif ukoll miżuri stretti ta' bijosigurtà, aktar milli jirrikorru għall-użu profilattiku tal-antibijotiċi; huwa magħruf li proċeduri iżjed b'saħħithom għall-ġestjoni tal-irziezet u t-trobbija tal-annimali jistgħu jinkisbu permezz ta' reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-densità massima fit-trobbija tal-bhejjem, peress li d-daqsijiet attwali tal-merħliet spiss jipprevjenu trattament individwali jew fi gruppi żgħar ta' annimali, u dan qed iservi ta' inċentiv għall-użu profilattiku tal-antimikrobiċi;
   (g) jillimtaw l-użu tal-antibijotiċi fit-tkabbir intensiv tal-bhejjem u jinkoraġġixxu mudelli organiċi jew estensivi ta' tkabbir tal-bhejjem;
   (h) inaqqsu l-użu tal-antibijotiċi fl-annimali billi jeliminaw progressivament l-użu tagħhom għal skopijiet profilattiċi fejn l-antibijotiċi jkunu amministratti lill-annimali bħala prevenzjoni tal-mard, u jnaqqsu l-ħtieġa għall-metaflassi, jiġifieri l-medikazzjoni tal-massa tal-annimali għall-fejqan ta' kampjuni morda mill-irziezet sabiex jipprevjenu l-infezzjonijiet fl-annimali b'saħħithom;
   (i) jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji jew pjanijiet ta' azzjoni fil-livell nazzjonali għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) li jkunu jinkludu, fost l-oħrajn:
   (i) l-implimentazzjoni ta' linji gwida nazzjonali dwar it-trattament antimikrobiku tal-annimali biex jiżguraw l-użu responsabbli tal-antimikrobiċi bbażat fuq l-evidenza speċifika u l-kundizzjonijiet fl-Istati Membri rispettivi;
   (ii) l-implimentazzjoni ta' politiki preventivi dwar is-saħħa tal-annimali mmirati lejn titjib fl-istatus tas-saħħa tal-annimali u lejn tnaqqis fil-bżonn tal-użu tal-antimikrobiċi fit-trobbija tal-annimali;
   (iii) id-definizzjoni tar-responsabbiltajiet tal-veterinarji f'termini tal-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali u tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-antimikrobiċi;
   (iv) l-implimentazzjoni tat-taħriġ kontinwu għall-professjonisti tas-saħħa tal-annimali u s-sidien tal-annimali;
   (j) jikkonfermaw il-projbizzjoni tal-użu tal-antibijotiċi bħala promoturi tat-tkabbir tal-bhejjem;

68.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirregolaw l-kunflitti ta' interess u l-inċentivi finanzjarji kollha li jinvolvu kemm lill-veterinarji li jbigħu u kemm dawk li jippreskrivu antibijotiċi;

69.  Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tfassal lista ta' antibijotiċi użati fl-annimali li fihom kien identifikat riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika;

70.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-EMA jieħdu jew jiżviluppaw il-miżuri li ġejjin:

   a) jirrinfurzaw il-valutazzjoni tar-riskju eżistenti ta' sustanzi antimikrobiċi veterinarji ġodda billi jidentifikaw ir-riskji potenzjali ewlenin għas-saħħa pubblika fi stadju bikri ħafna tal-awtorizzazzjoni;
   b) jimmonitorjaw l-iżvilupp tar-reżistenza f'batterji speċifiċi skont il-pjanijiet maqbula bejn ir-regolaturi u l-kumpaniji meta sustanza antimikrobika ġdida tiġi approvata l-ewwel darba fil-mediċina veterinarja;
   c) jimmonitorjaw it-tibdil fl-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali bħala parti mill-proġett tas-Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi għal Użu Veterinarju (ESVAC) (immexxi mill-EMA) biex ikejlu l-impatt tal-azzjonijiet implimentati;

71.  Jistieden lill-koleġiżlatur biex, meta jinnegozja l-proposta għal regolament dwar prodotti mediċinali veterinarji (2014/0257(COD)), isegwi kors ta' azzjoni li jkun f'konformità mal-prinċipju ta' Saħħa Waħda, u b'mod aktar partikolari:

   jadotta dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-użu mhux skont it-tikketta f'annimali ta' antimikrobiċi awtorizzati biss fil-mediċina tal-bniedem;
   jappoġġja r-reġistrazzjoni obbligatorja tal-kwantitajiet tal-antimikrobiċi kollha użati fit-trobbija tal-bhejjem, biex jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jsiru pubbliċi minnhom fuq bażi annwali;
   jiżgura li l-istandards tal-kwalità, is-sikurezza u l-effikaċja tal-prodotti mediċinali veterinarji ma jitbaxxewx bil-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar tali prodotti u biex dawn l-istandards għolja jiġu ggarantiti tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti mediċinali veterinarji;
   joħloq bażi ta' data tal-UE b'informazzjoni dwar meta, fejn, kif u fuq liema annimali ġew użati l-antimikrobiċi;
   jipprojbixxi l-bejgħ online tal-antimikrobiċi;

72.  Jistieden lill-koleġiżlatur biex, meta jkun qed jinnegozja l-proposta għal regolament dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf medikat u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/167/KEE (2014/0255(COD)), jiżgura li tipprovdi dispożizzjonijiet maħsuba biex jillimitaw b'mod sostanzjali l-użu tal-għalf medikat li fih l-antimikrobiċi għall-annimali li jipproduċu l-ikel u b'mod partikolari jipprojbixxu strettament l-użu preventiv tal-antimikrobiċi inklużi fl-għalf medikat;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ECDC iwettqu riċerka dwar il-ħsara potenzjali diretta jew indiretta li tinħoloq mill-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali domestiċi, u jiżviluppaw miżuri ta' mitigazzjoni biex inaqqsu r-riskju ta' trażmissjoni potenzjali tar-reżistenza għall-antimikrobiċi mill-annimali domestiċi għall-bnedmin;

74.  Jindika li xi Stati Membri tal-UE diġà kisbu suċċess fl-eliminazzjoni gradwali tal-użu profilattiku fil-livell tal-irziezet; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni biex telimina b'mod gradwali l-użu profilattiku tal-antibijotiċi;

Approċċi kollaborattivi fi ħdan l-Unjoni Ewropea

75.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw biex jiddefinixxu l-istandards minimi tas-sikurezza tal-pazjent u l-indikaturi għas-sikurezza u l-kwalità tal-kura fil-livell tal-UE, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom aktar fi djalogu mal-partijiet interessati kollha u jiżviluppaw strateġija tal-UE kkoordinata, komprensiva u sostenibbli għas-sikurezza tal-pazjent, kif ukoll jipproponu soluzzjonijiet konkreti biex jiġu implimentati fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali, lokali u/jew tal-kura primarja;

77.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jibdew proċess ta' riflessjoni flimkien mad-WHO biex jiżviluppaw mudell ekonomiku ġdid, li jneħħi r-rabtiet bejn il-volum tal-bejgħ tal-antibijotiċi u l-kumpens imħallas għal antibijotiku ġdid, filwaqt li jiżguraw redditu ġust fuq l-investiment għall-kumpaniji, filwaqt li jissalvagwardaw is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija farmaċewtika jtejbu s-sħubijiet tal-UE bejn id-dinja akkademika u l-industrija farmaċewtika, bħal fl-eżempju tal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI);

79.  Jinkoraġġixxi lill-kumpaniji farmaċewtiċi, il-gvernijiet u d-dinja akkademika jikkontribwixxu bl-aqwa assi tagħhom (infrastruttura, komposti, ideat u riżorsi finanzjarji) għal riċerka fundamentali pijuniera u proġetti konġunti prekompetittivi; jemmen li l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI) għandha tingħata l-flessibbiltà biex tesplora sejbiet ġodda li ħerġin minn dawn il-proġetti;

80.  Jistaqsi lill-Kummissjoni tikkunsidra qafas leġiżlattiv biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' drogi ġodda antibijotiċi, pereżempju fil-forma ta' strument li jirregola l-antibijotiċi għall-użu mill-bniedem simili għal dak propost diġà għall-antibijotiċi għall-użu mill-annimali;

81.  Jinkoraġġixxi iżjed segwitu tal-kollaborazzjonijiet privati-pubbliċi, bħall-programmi tal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI) "New Drugs for Bad Bugs", COMBACTE, TRANSLOCATION, Drive AB jew ENABLE, biex tiġi sfruttata l-qawwa tal-kollaborazzjoni;

82.  Jilqa' l-Inizjattiva tal-Programm Konġunt dwar ir-Reżistenza Antimikrobika, li tippermetti lill-Istati Membri jaqblu dwar il-ħtieġa ta' riċerka b'tali mod li tiġi evitata d-duplikazzjoni u jitlob żieda fil-finanzjament għall-iżvilupp ta' mediċini ġodda bħala alternattivi għall-antibijotiċi, biex jiġġieldu r-reżistenza għall-antimikrobiċi;

83.  Jinkoraġġixxi lill-UE tissieħeb fil-fond tal-innovazzjoni globali li kien ġie propost mill-"Analiżi tar-Reżistenza għall-Antibijotiċi" mmexxi fir-Renju Unit, bil-għan li tappoġġja x-xjenza fundamentali ("blue sky science");

84.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw għodod ta' dijanjożi li jiġu applikati faċilment biex jiżguraw id-disponibbiltà ta' dijanjożi xierqa qabel ma l-antibijotiku jiġi preskritt jew amministrat, speċjalment fis-settur ambulanti;

85.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tippromwovi u tieħu sehem f'kull inizjattiva globali maħsuba biex issaħħaħ il-mezzi għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antibijotiċi, u tippromwovi r-riċerka f'dan il-qasam;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji, f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, rakkomandazzjonijiet dwar l-istandards tas-sikurezza tal-ikel li għandhom japplikaw fir-rigward tal-preżenza ta' patoġeni (multi)reżistenti u/jew determinanti speċifikati tar-reżistenza;

87.  Jenfasizza li r-reżistenza għall-antimikrobiċi saret problema serja li jeħtieġ tiġi indirizzata b'mod urġenti; jistieden lill-Kummissjoni tqis li tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi jekk ikun sar progress żgħir jew xejn fl-Istati Membri fi żmien ħames snin minn wara l-pubblikazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

o
o   o

88.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 395.
(2) ĠU C 151, 3.7.2009, p. 1.
(3) Testi Adottati, P7_TA(2012)0483.
(4) Testi Adottati, P7_TA(2013)0435.
(5) "Tackling antibiotic resistance from a food safety perspective in Europe" ("Nindirizzaw ir-reżistenza għall-antibijotiċi mill-perspettivca tas-sikurezza tal-ikel fl-Ewropa"), WHO Europe, 2011.
(6) "Antibiotic use in livestock: Time to act" ("L-użu tal-antibijotiċi fl-annimali: Wasal iż-żmien li naġixxu") (dokument ta' pożizzjoni), BEUC (Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi)
(7) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 116.

Avviż legali - Politika tal-privatezza