Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2015 dwar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs (2014/2209(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir', 'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar' għall-Ewropa, (COM(2008)0394),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar' għall-Ewropa (COM(2011)0078),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Opportunitajiet għall-Effiċjenza fir-Riżorsi fis-Settur tal-Bini' (COM(2014)0445),
– wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-SMEs, l-effiċjenza fir-riżorsi u s-swieq ekoloġiċi (Flash Eurobarometer 381), u l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar ir-rwol ta' appoġġ pubbliku għall-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet (Flash Eurobarometer 394),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (adottata matul il-109 sessjoni plenarja tat-3-4 ta' Diċembru 2014) dwar il-Pakkett dwar il-Politika Industrijali,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs' (COM(2014)0440),
– wara li kkunsidra l-Manifest u r-Rakkomandazzjonijiet Politiċi dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi – Marzu 2014,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa' (COM(2014)0398),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'L-innovazzjoni għal Futur Sostenibbli – Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP)' (COM(2011)0899),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0135/2015),
A. billi l-SMEs jirrappreżentaw aktar minn 98 % tan-negozji Ewropej u jipprovdu aktar minn 67 % tal-impjieg totali fl-Unjoni u 58 % ta' valur miżjud gross; billi huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u l-ixpruni ewlenin tat-tkabbir ekonomiku Ewropew fit-tul u ta' opportunitajiet ta' ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fi ħdan it-28 Stat Membru; billi l-impjiegi fis-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali fis-snin 2007-2011 żdiedu b'20 % minkejja l-kriżi u huma opportunità għall-SMEs li dejjem jiġġeneraw aktar attività ekonomika u impjiegi, anke f'żoni milquta mid-depopolazzjoni u t-tixjiħ; billi għalhekk huma jaqdu rwol importanti fl-ekosistema industrijali flimkien ma' kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u kumpaniji multinazzjonali; billi disgħa minn għaxar SMEs huma negozji żgħar li jimpjegaw 10 persuni jew inqas u dawn il-mikrointrapriżi jammontaw għal 53 % tal-impjiegi kollha fl-Ewropa;
B. billi fil-preżent, is-suq globali għal prodotti u servizzi ambjentali huwa stmat għal EUR 1 000 biljun kull sena, u huwa previst li dan l-ammont ser jirdoppja jew saħansitra jittriplika sal-2020, u b'hekk jinħolqu opportunitajiet kbar għall-SMEs tal-Ewropa u t-tkabbir ekonomiku b'mod ġenerali fl-UE; billi l-Unjoni Ewropea hija mexxej globali kemm fl-importazzjoni kif ukoll fl-esportazzjoni ta' prodotti ambjentali; billi s-servizzi huma konnessi indissolubilment ma' dawn il-prodotti, iżda għad hemm ostakli nontariffarji għall-fornituri ta' servizzi ambjentali;
C. billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tirriindustrijalizza lill-Ewropa billi tinvesti u tappoġġa l-prinċipji tas-sostenibilità, tal-kompetittività u tal-innovazzjoni, sabiex tikseb sehem ta' mill-inqas 20 % fil-produzzjoni industrijali bħala parti mill-PDG tal-Istati Membri tal-UE sal-2020; billi l-Kunsill Ewropew impenja ruħu sabiex inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra domestiċi b'mill-inqas 40 %, li jżid is-sehem ta' enerġija rinnovabbli mill-inqas sa 27 % u l-effiċjenza enerġetika b'mill-inqas 27 % sal-2030, bil-għan li jżid din il-mira sa 30 %; billi l-SMEs għandhom jaqdu r-rwol tagħhom sabiex jintlaħqu dawn il-miri, peress li 93 %(4) minnhom diġà qed jieħdu miżuri biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; billi skont il-Kummissjoni, livell aħjar ta' ekodisinn, prevenzjoni tal-iskart, riċiklaġġ u riutilizzazzjoni jista' jipprovdi tfaddil nett għal negozji tal-UE, li huma stmati li jirrappreżentaw sa EUR 600 biljun, jew 8 % tal-fatturat annwali, filwaqt li jnaqqas ukoll l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra bi 2 sa 4 %;
D. billi li l-SMEs jiġu permessi jbiddlu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet ekonomiċi filwaqt li jaġixxu b'mod sostenibbli huwa wieħed mill-prinċipji tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, iżda billi ma sar l-ebda progress sinifikanti fil-politika u l-SMEs ta' spiss jaffaċċjaw politiki inkonsistenti meta jibdew in-negozju u jimplimentaw l-istandards ambjentali;
E. billi kemm is-suq kif ukoll il-leġiżlazzjoni se jiffavorixxu r-rispett tal-istandards ambjentali li dejjem qed jiżdiedu mill-SMEs; billi l-UE u l-Istati Membri għandhom inaqqsu kemm jista' jkun il-piż amministrattiv f'regolamenti ġodda u eżistenti, u għandhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw li joħolqu spejjeż addizzjonali għall-impriżi sabiex ikunu konformi ma' tali regolamenti; billi ġew proposti inizjattivi ġodda sabiex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji fuq l-SMEs u fuq setturi oħra u għandhom jiġu implementati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;
F. billi 90 % tal-intrapriżi tal-UE huma mikrointrapriżi; billi minkejja sforzi reċenti, l-SMEs u l-mikrointrapriżi baqa' jkollhom diffikultajiet fl-aċċess għall-ħiliet, l-informazzjoni u l-finanzi, u għal għażla diversifikata biżżejjed ta' strumenti ta' ekwità u ta' dejn meħtieġa tul il-perkors tat-tkabbir ta' kumpanija, u billi l-programmi tal-UE xorta ma jikkontribwixxux b'mod sinifikanti għall-innovazzjoni; billi l-proċeduri ta' applikazzjoni għall-finanzjament tal-UE għall-SMEs għadhom wisq burokratiċi u għalhekk projbittivi għal ħafna mill-SMEs;
G. billi għandu jitqies l-potenzjal tal-baġit tal-UE, bħala baġit ibbażat fuq l-investiment, biex jiġi faċilitat l-aċċess tal-SMEs Ewropej għall-finanzjament permezz ta' inqas burokrazija u permezz ta' għodod finanzjarji dedikati u ż-żieda fil-finanzjament tal-uffiċċji ta' intrapriżi lokali; billi għandu jiġi msaħħaħ l-iżvilupp ta' proċeduri li huma faċli biex jintużaw għal diversi forom ta' appoġġ;
H. billi l-kumpaniji ż-żgħar jibbenefikaw proporzjonalment iktar minn entitajiet kbar minn azzjonijiet biex tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi u għandhom jirċievu aktar attenzjoni mill-politika; billi l-potenzjal ta' benefiċċju gross li l-effiċjenza fir-riżorsi tittejjeb huwa 10-17 % tal-fatturat, skont is-settur operattiv;
I. billi t-teknoloġija diġitali hija kemm mezz importanti għall-SMEs biex jiksbu l-benefiċċji mistennija minn użu ottimali tar-riżorsi, kif ukoll settur konvenjenti għall-bidu u l-iżvilupp ta' SMEs ġodda;
J. billi l-attenzjoni taqa' primarjament fuq SMEs ta' teknoloġija għolja li direttament iwasslu għal innovazzjonijiet ekoloġiċi, iżda hemm bżonn ta' appoġġ għal kumpaniji oħra fil-konformità tagħhom mar-regolamenti ambjentali, li jimplimentaw miżuri ta' innovazzjoni u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom; billi l-ekoinnovazzjoni tista' tkun idea għal kumpanija ġdida, iżda wkoll miżura li ttejjeb negozji eżistenti fil-qafas tal-ekonomija ekoloġika;
K. billi għalkemm m'hemm ebda definizzjoni maqbula internazzjonalment ta' tkabbir ekoloġiku, hemm kunsens li huwa taħlita ta' tkabbir ekonomiku u ta' sostenibbiltà ambjentali; billi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ huwa sfida ewlenija għall-SMEs, li għandu jirċievi attenzjoni partikolari, speċjalment fir-rigward tal-innovazzjoni u l-effiċjenza fir-riżorsi; billi aċċess inadegwatgħal kapital ta' riskju, partikolarment fl-istadji tal-bidu, għadu waħda mill-aktar restrizzjonijiet sinifikanti għall-ħolqien u l-iżvilupp tad-ditti orjentati lejn it-tkabbir;
L. billi minħabba li l-mikrointrapriżi jiġġeneraw eluf ta' impjiegi u xi 53 % tal-impjiegi madwar l-Ewropa, u bħala tali jeħtieġu qafas differenti biex jaħdmu fih, huwa meħtieġ b'mod urġenti użu konsistenti tad-definizzjoni ta' mikrointrapriżi; billi l-mikrointrapriżi jiffaċċjaw diversi diffikultajiet kbar, bħalma huma l-ostakli fir-regoli ta' akkwist, piż regolatorju żejjed u l-aċċess għall-finanzi;
Kwistjonijiet ġenerali
1. Jappoġġja l-kunċett ta' tkabbir ekoloġiku u ekonomija ċirkolari u jinnota li l-opportunitajiet li jirriżultaw minnu huma relatati ma' diversi oqsma ta' importanza sinifikanti bħal sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u b'mod partikolari l-isfruttament ekonomikament vijabbli ta' enerġija mir-riħ, mix-xemx u mill-ilma u l-enerġija ġeotermali, l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, il-ġestjoni tal-iskart, it-tnaqqis ta' emissjonijiet, l-elettrifikazzjoni u l-kunċett 'minn nieqa sa nieqa'; jindika l-potenzjal ekonomiku u tal-impjiegi konsiderevoli li dawn l-oqsma għandhom għal setturi differenti; jinnota li t-tkabbir ekoloġiku għandu jkun parti minn strateġija iktar wiesgħa għall-promozzjoni tal-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku fost l-SMEs;
2. Jenfasizza li t-tkabbir ekoloġiku għandu jitqiegħed f'perspettiva wiesgħa, u għandu jinkludi l-isforzi magħmula matul il-katina ta' valur kollha u tal-ekosistema intraprenditorjali kollha, inklużi l-isforzi minn atturi industrijali ta' manifattura biex jitnaqqas l-impatt ekoloġiku tal-prodotti tagħhom, proċessi ta' produzzjoni, prattiki tan-negozju u servizzi; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi li jenfassizzaw li l-effiċjenza fir-riżorsi teħtieġ qafas regolatorju dinamiku li jagħti sinjali adegwati lill-produtturi u lill-konsumaturi sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas ta' politika komprensiv, inklużi objettivi konkreti ta' politika u integrazzjoni aħjar u s-simplifikazzjoni ta' għodod ta' politika eżistenti biex jiġu żgurati opportunitajiet u l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-ekonomija ekoloġika u ċirkulari;
3. Jenfasizza l-fatt li l-ekonomija globali se jkollha tipprovdi għal popolazzjoni li kull ma jmur qiegħda dejjem tikber – 9 biljun persuna sal-2050 – u li r-riżorsi naturali tagħna huma limitati u għalhekk għandhom jintużaw b'mod sostenibbli u effiċjenti ħafna; jindika soluzzjonijiet innovattivi, ekoloġiċi u sostenibbli ġodda għal dawn l-isfidi, bħal prodotti ġodda, proċessi ta' produzzjoni, prattiki u servizzi tan-negozju, pereżempju permezz tal-integrazzjoni ta' teknoloġiji diġitali innovattivi, u qafas legali ġdid ta' appoġġ;
4. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-SMEs madwar l-Ewropa huma eteroġenji ħafna, minn negozji tradizzjonali ħafna mmexxija mill-familja, għal intrapriżi li jikbru b'rata mgħaġġla, ditti ta' teknoloġija avvanzata, mikrointrapriżi, intrapriżi soċjali u negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu, u li l-approċċi biex jiġu assistiti għandhom ikunu daqstant diversi;
5. Jemmen li jeħtieġ li l-UE tbiddel b'mod drastiku l-kultura intraprenditorjali tagħha sabiex tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku billi aktar nies jibdew in-negozji tagħhom stess u billi jfittxu aktar opportunitajiet għan-negozju, b'mod partikolari fit-tkabbir ekoloġiku, u billi jiġi aċċettat il-falliment u t-teħid ta' riskji; jenfasizza l-importanza li din il-kwistjoni titqiegħed fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu għal tranżizzjoni aktar faċli wara l-falliment kummerċjali, fil-qafas legali rilevanti tagħhom, biex in-nies ikunu jistgħu jiftħu negozju malajr wara l-falliment ta' impriża preċedenti, speċjalment f'setturi ġodda u innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni ttaffi l-biża' ta' falliment permezz ta' kampanji ta' għarfien u edukazzjoni;
6. Jenfasizza l-valur miżjud tal-baġit tal-UE sabiex jgħin lill-SMEs, il-mikrointrapriżi, l-intrapriżi soċjali u l-kooperattivi jiksbu aċċess għall-finanzjament u s-swieq internazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-programm COSME u taħt Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE); jenfasizza l-ħtieġa ta' interpretazzjoni ċara u uniformi madwar l-UE kollha mir-regolaturi nazzjonali u regoli miftuħa tal-akkwist pubbliku;
7. Jinnota li ħafna SMEs Ewropej illum il-ġurnata jikkompetu internazzjonalment fuq soluzzjonijiet li jinkludu kemm prodotti kif ukoll l-hekk imsejħa 'servizzi ekoloġiċi', bħall-kostruzzjoni, l-installazzjoni, it-tiswija u l-ġestjoni; jinnota li dawn is-servizzi huma ċentrali għall-iżvilupp, il-bejgħ u l-esportazzjoni tal-prodotti ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi s-servizzi ekoloġiċi fin-negozjati kontinwi dwar il-Ftehim dwar il-Prodotti Ekoloġiċi, kif ukoll fi ftehimiet kummerċjali bilaterali bħat-TTIP, sabiex jitnaqqsu l-ostakli għall-SMEs Ewropej u l-fornituri tas-servizzi li jixtiequ joperaw internazzjonalment;
8. Jenfasizza l-importanza ta' governanza tajba, ta' ġudikatura indipendenti, trasparenza u l-istat tad-dritt fl-UE għall-ħolqien ta' klima favur in-negozju u suq b'kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-SMEs;
Finanzjament ta' inizjattivi ekoloġiċi
9. Jirrimarka li fiċ-ċirkostanzi attwali fejn l-aċċess insuffiċjenti għal sorsi adegwati ta' kapital ta' riskju, partikolarment fl-istadji tal-bidu, għadu waħda mill-aktar restrizzjonijiet sinifikanti għall-ħolqien u l-iżvilupp tad-ditti orjentati lejn it-tkabbir, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs jenfasizza ħafna l-kapital ta' riskju bħala mezz possibbli ta' finanzjament tat-tkabbir; jenfasizza, madankollu, li dan it-tip ta' finanzjament huwa adegwat biss għal numru żgħir ta' SMEs u li s-self bankarju għadu sors importanti ta' finanzjament, u li għandhom jiġu żviluppati alternattivi mis-settur privat; jinnota f'dan il-kuntest l-importanza tal-promozzjoni ta' forom alternattivi ta' self għall-SMEs, bħalma huma l-unjonijiet tal-kreditu; jindika l-opportunitajiet ta' finanzjament potenzjali li għandhom jiġu esplorati permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi;
10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinċentivaw lill-investituri barranin billi jneħħu l-ostakli lingwistiċi; jinnota li l-aċċettazzjoni tal-applikazzjonijiet u l-provvista tad-data bl-Ingliż, flimkien mal-lingwa/i uffiċjali ta' Stat Membru, huma pass lejn dak l-għan;
11. Jenfasizza li m'hemmx mezz ta' finanzjament wieħed tajjeb għal kulħadd, u jistieden lill-Kummissjoni tqis l-interessi tal-SMEs fil-programmi, strumenti u inizjattivi kollha eżistenti u possibbli, speċjalment għal mudelli ġodda ta' negozju fl-ekonomija ekoloġika, li jvarjaw minn ekwità (bħal investituri privati (business angels), finanzjament kollettiv u faċilitajiet ta' kummerċ multilaterali), kważi ekwità (bħal finanzjament intermedju) u strumenti ta' dejn (bħal bonds ta' kumpaniji ta' ammonti żgħar (small-ticket company bonds), faċilitajiet ta' garanzija u pjattaformi), u sħubiji bejn il-banek u l-operaturi oħra involuti fil-finanzjament tal-SMEs (il-professjonisti tal-kontabilità, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju jew tal-SMEs jew kmamar tal-kummerċ), sabiex tappoġġa n-negozji fil-fażijiet tagħhom tal-bidu, tat-tkabbir, kif ukoll fil-fażijiet ta' trasferiment, filwaqt li jitqies id-daqs, il-qligħ u l-ħtiġijiet ta' finanzjament tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżguraw li jkun hemm inċentivi adegwati u biex jipprovdu inċentivi fiskali għal dawn il-mudelli ta' finanzjament; jenfasizza l-importanza tar-rieżami ta' strumenti ta' appoġġ eżistenti tal-SMEs biex jinkludu aktar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku;
12. Jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-komplementarjetà bejn strumenti finanzjarji fil-baġit tal-UE, b'mod partikolari taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Programm LIFE;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jissorveljaw ir-riżultati miksuba effettivament mill-SMEs li kellhom aċċess għall-miżuri ta' finanzjament għall-innovazzjoni ekoloġika, sabiex tiġi valutata l-effiċjenza tal-miżuri stess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, jekk ir-riżultati ma jkunux sodisfaċenti, twettaq l-emendi xierqa fi żmien qasir sabiex ittejjeb l-effiċjenza tagħhom;
14. Jinnota li minħabba n-natura teknika ħafna ta' bosta pjanijiet ta' investiment ekoloġiku huwa essenzjali li tiġi enfasizzata l-importanza ta' mudelli standardizzati tar-riskju u ta' ritorn u tal-iżvilupp ta' mudelli ġodda għal sfidi u setturi ġodda;
15. Ifakkar li l-SMEs huma mistennija li jkollhom rwol importanti fl-ekonomija ċirkolari, billi jipprovdu servizzi sostenibbli, iżda li jirrikjedu ħafna ħaddiema, bħat-tiswija, ir-rikondizzjonament u r-riċiklaġġ; jinnota li l-Kummissjoni, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (l-OECD), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Parlament u l-Grupp tal-Euro jappoġġaw b'mod wiesa' il-prinċipju ta' trasferiment tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq l-użu ta' riżorsi naturali u konsum; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta' trasferiment tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq l-użu tar-riżorsi naturali;
16. Jenfasizza li l-intraprendituri, l-SMEs, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għandhom ikunu aktar familjari mal-possibbiltajiet ta' finanzjament għal teknoloġiji aktar effettivi, jew biex jingħataw kuntratti għal servizzi bħal servizzi ta' konsulenza, kowċing u taħriġ dwar l-Ekodisinn, ġestjoni tar-riżorsi u l-intraprenditorija ekoloġika u d-disponibbiltà ta' teknoloġiji ekoloġiċi, prodotti u servizzi li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-attività ekonomika tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-provvista ta' servizzi għall-SMEs f'dawk l-oqsma u jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal sorsi ta' informazzjoni sempliċi u aċċessibbli u bażijiet ta' data għal dawn il-prodotti u servizzi; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata b'mod li jikkorrispondi l-aħjar mal-loġika u l-metodi ta' ħidma ta' SMEs;
17. Jinnota li l-programmi tal-UE ma jikkontribwixxux b'mod sinifikanti għall-ekoinnovazzjoni u l-ekonomija ċirkolari u li l-Kummissjoni, għalhekk, teħtieġ li tikkonċentra finanzjament aħjar mill-programm COSME u Orizzont 2020 lejn l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ekoinnovattivi minn u għal SMEs u għall-appoġġ ta' finanzjament għat-titjib tat-tfassil tal-prodott u l-proċessi ta' prestazzjoni, li tibni fuq esperjenzi ta' suċċess f'dan l-aħħar QFP; iqis, b'mod partikolari, li l-Istrument tal-SMEs taħt Orizzont 2020 jeħtieġ jiġi implimentat bis-sħiħ;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jiżguraw li fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-'Pjan ta' investiment għall-Ewropa', l-SMEs, inklużi dawk innovattivi u ekoloġiċi, ikunu l-benefiċjarji ewlenin tal-appoġġ previst skont din il-proposta; jinsisti li kriterji ċari, inkluż il-valur miżjud Ewropew, għandhom jiġu żviluppati sabiex tinkiseb din il-mira u li għandha tissaħħaħ il-provvista ta' servizzi konsultattivi għall-effiċjenza tar-riżorsi u l-ekoinnovazzjoni għall-SMEs; jitlob lill-BEI u l-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-kategoriji kollha elenkati fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 'dwar it-tifsira ta' mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u medji' (C(2003)1422) jibbenefikaw b'mod suffiċjenti; jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' Orizzont 2020 u COSME għall-appoġġ tal-SMEs, u l-ħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istrument tal-SMEs taħt Orizzont 2020;
19. Iqis li, sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà tal-iskemi finanzjarji għall-SMEs, huwa essenzjali li jiġu kkoordinati l-miżuri meħuda fl-ambitu tal-Politika ta' Koeżjoni u programmi oħra, bħall-programm Orizzont 2020, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali; jisħaq fuq l-importanza ta' leġiżlazzjoni mfassla b'tali mod li tippermetti lill-SMEs jibqgħu kompetittivi;
20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni rapida u dejjiema biex l-ammont enormi ta' pagamenti arretrati marbuta mal-politika reġjonali u ma' dak li jikkonċerna t-trattament ta' assistenza tal-FSIE fil-perjodu ta' finanzjament preċedenti, sabiex jiġi żgurat li l-SMEs bħala sħab fil-proġett ma jiġux skoraġġati milli jipparteċipaw fi programmi u proġetti ta' appoġġ minħabba li l-ħlas idum ma jsir;
Ġestjoni tal-għarfien
21. Jenfasizza l-importanza ta' sforzi attivi għal kollaborazzjoni bejn is-setturi, tul ktajjen ta' valur kif ukoll żoni ġeografiċi, li toffri l-potenzjal li tqanqal l-innovazzjoni u opportunitajiet ġodda ta' tkabbir permezz ta' ispirazzjoni reċiproka ta' ideat u ta' kunċetti innovattivi; jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni tal-programm Orizzont 2020 'Cluster facilitated projects for new industrial value chains', sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-SMEs, inklużi s-soluzzjonijiet ekoinnovattivi u ta' effiċjenza fl-użu tar-riżorsi li joffru;
22. Jilqa' l-istabbiliment ta' Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza fir-Riżorsi li jagħti pariri u jgħin lill-SMEs li jixtiequ jtejbu l-prestazzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi tagħhom; jenfasizza l-bżonn li dan iċ-ċentru jiġi stabbilit bħala netwerk b'saħħtu ta' sħab fir-reġjuni tal-UE u li jinbena fuq esperjenzi ppruvati fl-Istati Membri; jemmen li dan għandu jiggwida lill-SMEs lejn programmi Ewropej, nazzjonali u reġjonali f'dan il-kamp ta' azzjoni, u jipprovdi aċċess għal kompetenza, netwerks u infrastrutturi;
23. Jenfasizza l-importanza tat-trasferimenti tal-għarfien u l-qsim tal-għarfien bejn diversi partijiet ikkonċernati, inklużi dawk transkonfinali, permezz ta' netwerks informali, speċjalment għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, biex titqajjem kuxjenza dwar tekniki innovattivi eżistenti u ġodda, l-aħjar prattiki, il-modi biex jinkiseb finanzjament xieraq, l-iskemi possibbli ta' appoġġ tal-gvern u l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti li jinvolvu l-inqas piż amministrattiv u jfakkar li l-punti ta' kuntatt nazzjonali eżistenti għall-programmi ta' finanzjament tal-UE u n-Netwerk Enterprise Europe (NEE) għandhom ikunu kompletament involuti fl-appoġġ tal-SMEs u jinfurmaw, iħarrġu u jappoġġjaw b'mod proattiv lill-SMEs sabiex jidentifikaw possibbiltajiet ta' finanzjament fuq livell tal-UE, nazzjonali jew reġjonali; jappoġġja l-organizzazzjoni ta' Kampanja Ewropea dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi sabiex tinforma l-SMEs dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet offruti mill-effiċjenza fir-riżorsi u kif jistgħu jinħolqu sinerġiji industrijali dwar ir-riċiklaġġ; jistieden lill-Kummissjoni u l-EEN jikkoperaw fuq l-effiċjenza fir-riżorsi mal-assoċjazzjonijiet industrijali, it-trejdjunjins, l-SMEs, l-NGOs, u d-dinja akkademika, kif ukoll inizjattivi reġjonali; jilqa' f'dan ir-rigward, l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq simbjożi u raggruppamenti u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq inizjattivi konkreti sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni transsettorjali u l-ġestjoni tar-riżorsi;
24. Iħeġġeġ lill-federazzjonijiet settorjali jkollhom rwol aktar prominenti fl-għoti ta' informazzjoni adegwata u pariri fuq teknoloġiji ekoloġiċi, fuq il-possibbiltajiet ta' finanzjament u l-proċeduri rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ipattu għan-nuqqasijiet fl-appoġġ u, b'kooperazzjoni mal-federazzjonijiet u l-kumpaniji tas-settur, biex ikomplu jinvestigaw liema opportunitajiet jeżistu u jiġu aċċellerati soluzzjonijiet sostenibbli, u jinvestu f'teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, fl-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekonomija tar-riċiklaġġ; jinnota d-diskrepanza li qed tikber bejn il-bżonnijiet tal-SMEs u l-ħiliet tal-impjegati; jinnota li 26 % ta' dawk li jimpjegaw fl-Ewropa qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex isibu impjegati li għandhom il-ħiliet it-tajba;
Riċerka, żvilupp u innovazzjoni, u ħiliet
25. Jenfasizza l-ħtieġa ta' iktar effettività fl-iżvilupp ta' R&Ż bażiċi, li l-SMEs jiġu totalment involuti f'dan il-proċess u biex tiġi appoġġjata b'mod attiv aktar trasformazzjoni tar-riżultati tar-R&Ż bażiċi fi żviluppi teknoloġiċi ulterjuri; jenfasizza l-importanza tar-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa minħabba l-importanza tal-industrija tal-manifattura għal R&Ż&I u b'hekk il-futur tal-vantaġġ kompetittiv tal-UE; jemmen li sistemi mhux teknoloġiċi, organizzattivi, u l-innovazzjoni tas-settur pubbliku għandhom jingħataw attenzjoni suffiċjenti, flimkien ma' soluzzjonijiet xprunati mit-teknoloġija;
26. Jenfasizza l-importanza tal-kummerċjalizzazzjoni u l-valorizzazzjoni minn kumpaniji Ewropej tal-eżitu tar-R&Ż; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprevedu qafas regolatorju iktar stabbli u skemi finanzjarji adegwati sabiex tkun possibbli l-inizjattiva ekonomika u l-intraprenditorija u biex jiġi llimitat iż-żmien ta' kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, servizzi u prattiki ta' negozju ġodda, b'mod partikolari fl-ekonomija ekoloġika;
27. Jenfasizza l-potenzjal għall-innovazzjoni u t-tkabbir ekoloġiku, li jinsab f'infrastruttura spazjali Ewropea ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-użu ta' data maħruġa minn dawn l-infrastrutturi mill-SMEs billi jattendu ċentri ta' żvilupp u inkubaturi għall-intrapriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tippermetti li l-SMEs jibbenefikaw minn skema favorevoli fir-rigward tal-aċċess għad-data maħruġa minn dawn l-infrastrutturi fil-fażijiet ta' riċerka, żvilupp u kummerċjalizzazzjoni;
28. Jinnota li skont l-Innobarometer ta' Mejju 2014 huma biss 9 % tal-kumpaniji kollha li jgħidu li gawdew minn appoġġ finanzjarju pubbliku għal attivitajiet ta' R&Ż&I minn Jannar 2011; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati proċeduri faċli għall-utent għad-diversi forom ta' appoġġ;
29. Jinnota l-vantaġġi mogħtija mill-privattiva unitarja Ewropea għall-SMEs. b'mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġiji ekoloġiċi; jistieden lill-Istati Membri biex jingħaqdu mal-privattiva unitarja Ewropea; jistieden lill-Istati Membri biex jipproċedu b'ħeffa għar-ratifika tal-ftehim dwar ġurisdizzjoni unifikata ta' privattiva meħtieġa għall-applikazzjoni tal-privattiva unitarja Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi proċedura simplifikata fir-rigward tal-SMEs biex jinbdew prosekuzzjonijiet kontra l-falsifikazzjoni fir-rigward ta' ġurisdizzjoni unifikata tal-privattiva;
30. Jitlob qafas politiku mtejjeb għall-ekonomija ċirkolari inkluża l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' regolamentazzjoni, standards u kodiċi ta' kondotta intelliġenti li jimmiraw biex jinternalizzaw l-esternalitajiet, l-indirizzar ta' prodotti li jużaw ħafna riżorsi, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, l-ippremjar ta' dawk li jkunu minn ta' quddiem u l-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn effiċjenza fir-riżorsi u ekonomija sostenibbli;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, bħala parti mill-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, l-estensjoni tal-istrument tal-ekodisinn sabiex tiġi inkluża d-dimensjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi; jemmen li l-ekodisinn għandu jindirizza d-durabilità, ir-riparabilità u r-riċiklabilità tal-prodotti, inklużi standards għall-ħajja minima garantita u ż-żarmar;
32. Iħeġġeġ l-estensjoni ta' skemi ta' sostenn innovattivi, bħal kupuni ta' innovazzjoni ekoloġika, li jistgħu jippromwovu l-introduzzjoni fis-suq ta' teknoloġiji sostenibbli u soluzzjonijiet li jieħdu ħsieb l-ambjent u reżiljenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-klima; iqis, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal appoġġ, li jeħtieġ li r-regoli jkunu sempliċi u ċari u li m'għandhomx jikkostitwixxu piż amministrattiv; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet innovattivi ta' finanzjament għall-SMEs u li jipprovdu strumenti ta' finanzjament aċċessibbli għalkollox; ifakkar li t-tkabbir sostenibbli u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-SMEs Ewropej huwa wieħed mill-vantaġġi kompetittivi ewlenin li l-UE għandha fis-swieq globalizzati;
(De)regolamentazzjoni bħala xprun għat-tkabbir
33. Jistieden lill-Istati Membri biex jevitaw li joħolqu ostakoli għas-suq intern minħabba regolamentazzjoni żejda, jirrevedu r-reġimi regolatorji attwali tagħhom, ineħħu kwalunkwe regolament superfluwu jew mhux effettiv li jikkostitwixxi ostaklu għas-suq, u biex tiġi żgurata traspożizzjoni konsistenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li t-Test tal-SMEs ikun applikat totalment fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha fl-indirizzar tar-regolamentazzjoni żejda ma' Stati Membri individwali; jenfasizza l-ħtieġa ta' interpretazzjoni ċara u uniformi madwar l-UE minn regolaturi nazzjonali u regoli miftuħa tal-akkwist pubbliku, inkluż l-akkwist ekoloġiku u l-akkwist elettroniku, li attwalment jirrappreżenta ostaklu sostanzjali għall-SMEs li jixtiequ jsiru internazzjonali u fl-istess ħin opportunità kbira biex l-Istati Membri jkunu minn ta' quddiem biex jadattaw ruħhom, inkluż f'prodotti u soluzzjonijiet li huma effiċjenti fir-riżorsi u l-enerġija;
34. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira proposti leġiżlattivi li m'għadhomx jintużaw jew li huma ta' piż żejjed; jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposta aktar ambizzjuża dwar il-leġiżlazzjoni tal-iskart, kif imħabbar mill-Viċi President Timmermans fis-sessjoni plenarja tal-Parlament ta' Diċembru 2014; jistieden lill-Kummissjoni biex tibqa' lura milli tressaq proposti leġiżlattivi li jwasslu għal piż amministrattiv bla bżonn għan-negozji u għall-SMEs u li kontinwament tirrieżamina leġiżlazzjoni eżistenti bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv attwali, li ttejjeb il-kwalità u l-effettività tal-leġiżlazzjoni u li tadattaha għal mudelli kummerċjali ġodda; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal azzjonijiet ambizzjużi, l-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-involviment bikri tal-partijiet interessati mill-industriji u SMEs rilevanti, inkluż fil-valutazzjoni tal-impatt, sabiex jintlaħqu l-miri ambjentali tal-UE;
35. Ifakkar fl-importanza ta' leġiżlazzjoni li hija teknoloġikament newtrali u favur l-innovazzjoni, li tippermetti li teknoloġiji ġodda differenti jiġu ttestjati u vvalutati mis-suq; jilqa' l-iżvilupp ta' skema tal-Verifika tat-Teknoloġija Ambjentali (ETV) bħala għodda ġdida li tgħin lil teknoloġiji ambjentali innovattivi jilħqu s-suq; jistieden lill-Istati Membri jużaw adegwatament strumenti bbażati fuq is-suq fl-iskemi ta' appoġġ pubbliku tagħhom u biex joqogħdu lura milli jużaw sussidji ħżiena għall-ambjent li joħolqu distorsjoni fis-suq; ifakkar li l-intervent pubbliku għandu jintuża sabiex jiġu indirizzati nuqqasijiet tas-suq, bħal pereżempju non-pricing ta' esternalitajiet; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida komuni għal skemi nazzjonali ta' appoġġ pubbliku għal proġetti ta' investiment ekoloġiku sabiex jinħoloq sett ta' miżuri aktar uniformi;
36. Jinnota li l-industriji u t-teknoloġiji ta' tfixkil ta' sikwit jindikaw nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni eżistenti; jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ u l-aġġornament kontinwu tal-leġiżlazzjoni u l-implementazzjoni tagħha, sabiex teknoloġiji sostenibbli jew ekoinnovattivi u teknoloġiji ġodda ma jiffaċċjawx barrieri;
Miżuri mixxellanji ta' appoġġ
37. Jemmen li l-iżvilupp ta' ħiliet intraprenditorjali kif ukoll programmi ta' tagħlim dwar kif is-suq, l-ekonomija u s-sistema finanzjarja joperaw, jiffunzjonaw u jinteraġixxu, flimkien ma' għarfien ambjentali, u kif it-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jagħtu spinta effettiva, innovattiva u opportunitajiet ekoloġiċi, għandhom jiġu inklużi fis-sistemi ta' edukazzjoni bażiċi u ogħla, u jiġu promossi wkoll permezz ta' attivitajiet extrakurrikulari u t-tagħlim tul il-ħajja; jemmen li pjan ta' negozju mħejji tajjeb huwa l-ewwel pass lejn aċċess aħjar għall-finanzi u l-vijabilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu mingħajr dewmien l-edukazzjoni intraprenditorjali, finanzjarja, ekonomika u ambjentali fil-programmi edukattivi tagħhom; jappoġġa, f'dan ir-rigward, il-programm “Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ”, imfassal sabiex jippromwovi kultura intraprenditorjali u jiżviluppa s-suq uniku u l-kompetittività;
38. Jenfasizza li anke l-mikrointrapriżi u n-negozji li għadhom jibdew għandhom ukoll jingħataw għajnuna u gwida dwar kif jimxu lejn tkabbir ekoloġiku sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn in-negozji jkunu adegwatament koperti minn inizjattivi ġodda ffukati fuq opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs;
39. Jinnota li l-programm Erasmus+ jagħmilha possibbli għal studenti u żgħażagħ li jiżviluppaw il-ħiliet intraprenditorjali permezz ta', fost l-oħrajn, il-finanzjament ta' apprendistati, jappoġġa il-programm 'Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ', imfassal sabiex jippromwovi kultura intraprenditorjali u jiżviluppa s-suq uniku u l-kompetittività;
40. Jinnota l-importanza li jiġu indirizzati t-tendenzi insostenibbli tal-konsum u li jippromwovu bidla fl-imġiba tal-konsumaturi; jenfasizza l-ħtieġa għal edukazzjoni adegwata tal-konsumatur u l-ħtieġa biex jiġu inkoraġġuti inċentivi għal konsum aktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri orjentati lejn id-domanda bħall-użu tal-akkwist pubbliku sabiex jitjieb l-użu ta' riżorsi u prodotti u soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija; jenfasizza l-valur tal-inklużjoni tal-użu tar-riżorsi fl-informazzjoni dwar il-prodott u l-ekotikketti sabiex tingħata s-setgħa lill-konsumaturi;
41. Jenfasizza l-importanza li jkunu ffaċilitati negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu u spin-offs permezz ta' kollaborazzjoni mal-universitajiet, l-istabbilimenti ta' tagħlim professjonali u istituti ta' riċerka teknoloġika;
42. Jenfasizza l-importanza tal-esportazzjonijiet għall-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef ftehimiet kummerċjali pendenti mas-sħab tagħna sabiex jiġi faċilitat l-aċċess tal-SMEs Ewropej għal swieq ġodda;
43. Jemmen li l-intraprenditorija femminili hija assi li s'issa ma ġietx meqjusa b'mod suffiċjenti għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE, li għandu jiġi mrawwem u msaħħaħ u li l-ostakli kollha, b'mod partikolari d-diskriminazzjoni fil-pagi, li jiffaċċaw in-nisa, inkluż fl-ekonomija ekoloġika, għandhom jitneħħew sabiex in-nisa u l-irġiel jibbenefikaw b'mod ugwali; jemmen li ġabra regolari ta' statistika armonizzata, inkluż dwar l-impatt ta' leġiżlazzjoni speċifika għall-ġeneru u li data dwar ix-xogħol diżaggregata skont is-sess, jiffaċilitaw aktar tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza u l-monitoraġġ u timla lakuna fl-għarfien fid-diskors ekoloġiku;
44. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja u tidentifika s-setturi tal-industrija Ewropea u żoni ġeografiċi fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta' raggruppamenti u ċentri ġodda u tappoġġja l-iżvilupp tagħhom;
45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari, u jirrispondu għall-opportunitajiet u l-isfidi ppreżentati minn żoni rurali f'dak li għandu x'jaqsam mal-SMEs, it-tkabbir ekoloġiku u l-ekoinnovazzjoni;
46. Jistieden lill-Istati Membri (fil-livell ta' dawk li jfasslu l-politika u l-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali, reġjonali u lokali) biex jippromovu kontinwament it-tkabbir sostenibbli, skont l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti bil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati ewlenin, li tiffavorixxi r-raggruppament, is-sinerġiji u n-netwerks fil-kuntest tal-attivitajiet tal-ekonomija ekoloġika; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rendikont lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali, fejn xieraq, u b'mod speċjali fir-rigward tad-diversi tendenzi ta' 'azzjonijiet downstream' użati fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu tagħrif dwar il-miżuri prattiċi li ttieħdu għall-iżvilupp tal-kompetenzi għal SMEs ekoinnovattivi permezz tal-interkonnessjoni ta' ċentri ta' innovazzjoni reġjonali u n-netwerks ewlenin ta' sostenn;
47. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-ambitu tal-politika reġjonali, tfassal programmi speċifiċi li jħaddnu l-elementi tat-tkabbir ekoloġiku kollha relevanti għall-SMEs; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-potenzjal tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ jintuża bis-sħiħ fil-kuntest tat-tkabbir ekoloġiku tal-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tħejji miżuri li joħolqu rabta bejn l-istituzzjonijiet edukattivi ma' programmi Ewropej u miżuri għas-sostenn tal-ekonomija ekoloġika; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jipprovdu pariri lil ħaddiema tal-SMEs u jqajmu l-kuxjenza tagħhom bil-għan li jtejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom; jitlob li jkun hemm sostenn għal taħriġ li jkun iffukat fuq iż-żgħażagħ u l-gruppi l-aktar żvantaġġati;
o o o
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.