Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2015 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (C(2015)02802 – 2015/2673(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2015)02802),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2015, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tas-6 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 58(7) u l-Artikolu 83(5) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra li l-ebda oġġezzjoni ma ġiet espressa fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba inċiżi tal-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura li skada fid-19 ta' Mejju 2015,
A. billi l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 jipprevedi reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2014 ta' programmi taħt ġestjoni kondiviża, għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fost l-oħrajn, sabiex l-allokazzjonijiet li ma jintużawx fl-2014 jiġu trasferiti għal snin sussegwenti, lil hinn mil-limiti massimi tan-nefqa korrispondenti;
B. billi l-programmi tal-iżvilupp rurali tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, ir-Rumanija u l-Isvezja u ċerti programmi reġjonali tal-Belġju, il-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit ma kinux lesti għall-adozzjoni sa tmiem l-2014;
C. billi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ġie rivedut kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 li jittrasferixxi, għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, l-allokazzjonijiet mhux użati korrispondenti tal-2014 fil-limiti massimi tan-nefqa tal-2015 u l-2016;
D. billi l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li jistabbilixxi t-tqassim tal-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali għall-perjodu 2014-2020, għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ;
E. billi ir-regolament delegat huwa essenzjali għal adozzjoni bla xkiel u f'waqtha ta' programmi tal-iżvilupp rurali, u billi huwa xieraq li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.