Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2542(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0464/2015

Testi mressqa :

B8-0464/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/05/2015 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0205

Testi adottati
PDF 276kWORD 84k
L-Erbgħa, 20 ta' Mejju 2015 - Strasburgu
Deċiżjoni li ma' jiġix oppost att iddelegat: eżenzjoni għall-applikazzjonijiet tal-illuminazzjoni ġenerali u tal-illuminazzjoni tal-iskrins li fihom il-kadmju
P8_TA(2015)0205B8-0464/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2015 dwar id-direttiva delegata tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2015 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjoni għall-applikazzjonijiet tal-illuminazzjoni ġenerali u tal-illuminazzjoni tal-iskrins li fihom il-kadmju (C(2015)00383 - 2015/2542(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-direttiva delegata tal-Kummissjoni (C(2015)00383),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 5(1)(a) u 22(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku ("RoHS") jillimita, inter alia, l-użu tal-kadmju f'tagħmir elettriku u elettroniku (ara l-lista fl-Anness II tad-Direttiva dwar ir-RoHS);

B.  billi l-Anness III tad-Direttiva dwar ir-RoHS jipprevedi eżenzjonijiet mir-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1);

C.  billi l-punt 39 tal-Anness III jelenka deroga għall-"Kadmju fl-LEDs II-VI tal-konverżjoni tal-ilwien (< 10 μg Cd/mm² ta' medda li tarmi d-dawl) għall-użu f'sistemi ta' stat solidu għall-illuminazzjoni jew turija" b'data ta' skadenza fl-1 ta' Lulju 2014;

D.  billi l-Artikolu 5 jipprevedi l-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku tal-Anness III għall-inklużjoni u t-tħassir ta' eżenzjonijiet;

E.  billi l-Kummissjoni indikat li rċeviet, f'Diċembru 2012, applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni 39 u, f'Mejju 2013, applikazzjoni relatata għal eżenzjoni aktar stretta u aktar speċifika għall-kadmju fil-punti kwantiċi fl-iskrins;

F.  billi, skont l-Artikolu 5(1)a, l-eżenzjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-Anness III, sakemm tali inklużjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u meta tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom permezz ta' bidliet fid-disinn jew materjali u komponenti li ma jeħtieġu l-ebda materjal jew sustanza elenkati fl-Anness II hija xjentifikament jew teknikament imprattikabbli; l-affidabbiltà tas-sostituti mhijiex żgurata; jew l-impatti negattivi totali ambjentali, għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni x'aktarx li huma akbar mill-benefiċċji totali ambjentali, għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur tagħhom;

G.  billi d-direttiva delegata tal-Kummissjoni testendi l-eżenzjoni 39 sat-30 ta' Ġunju 2017, li ssir l-eżenzjoni 39(a), u tintroduċi eżenzjoni 39(b) ġdida aktar speċifika dwar "Il-kadmju fil-punti kwantiċi ta' nanokristalli semikondutturi b'bażi ta' kadmju għal bidla fil-frekwenza tad-dawl li jgħaddi minnhom għall-użu f'applikazzjonijiet tal-illuminazzjoni tal-iskrins (< 0.2 μg Cd/mm² ta' medda ta' illuminazzjoni tal-iskrins)", b'data ta' skadenza tat-30 ta' Ġunju 2018;

H.  billi l-estensjoni tal-eżenzjoni 39 u l-eżenzjoni 39(b) ġdida it-tnejn jikkonċernaw il-punti kwantiċi bil-kadmju, minkejja li referenza speċifika għall-punti kwantiċi tingħata biss fl-eżenzjoni 39(b);

I.  billi l-estensjoni tal-eżenzjoni 39 tikkonċerna żewġ applikazzjonijiet differenti tal-punti kwantiċi bil-kadmju: waħda tikkonċerna l-użu fi stat solidu għall-illuminazzjoni (minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala "tidwil"), l-oħra li tikkonċerna s-sistemi tal-iskrins;

J.  billi l-eżenzjoni 39(b) ġdida tikkonċerna biss l-iskrins;

K.  billi l-Kummissjoni tiddikjara b'mod espliċitu li l-LEDs bil-punti kwantiċi (bil-kadmju u bla kadmju) għat-tidwil għadhom mhumiex disponibbli, u tammetti li l-impatt ambjentali pożittiv tagħhom għalhekk ma setax jintwera; billi, madankollu, il-Kummissjoni estendiet l-eżenzjoni ġenerika għal applikazzjonijiet tat-tidwil ibbażati fuq il-punti kwantiċi bil-kadmju sat-30 ta' Ġunju 2017 biex l-industrija tad-dwal tkun tista' tapplika għal eżenzjoni speċifika billi tali applikazzjonijiet diġà jkunu fil-fażi ta' qabel il-produzzjoni;

L.  billi l-konsulenti indipendenti li vvalutaw l-applikazzjonijiet f'isem il-Kummissjoni kkonkludew li l-informazzjoni mogħtija ma ppermettietx konklużjoni li eżenzjoni għat-tidwil tkun ġustifikata fil-preżent, u għalhekk irrakkomandaw b'mod espliċitu li l-eżenzjoni ma tingħatax(2);

M.  billi l-informazzjoni informali ċċirkolata mill-Kummissjoni fit-12 ta' Mejju 2015 ma tbiddilx is-sitwazzjoni, peress li ma tingħata ebda prova tad-disponibbiltà ta' dawn il-prodotti fis-suq Ewropew u ma tingħata ebda valutazzjoni tal-proprjetajiet tagħhom mqabbla mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(a);

N.  billi fin-nuqqas tad-disponibbiltà ta' prodotti tat-tidwil rilevanti, l-applikant ma setax jipprova li xi waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(a) ġiet issodisfata għall-użu tal-punti kwantiċi bil-kadmju fit-tidwil; billi għalhekk mhuwiex ġustifikat li tingħata estensjoni tal-eżenzjoni għat-tidwil;

O.  billi tali eżenzjoni tista' tkun rilevanti fil-futur, iżda tista' tingħata biss abbażi ta' valutazzjoni xierqa, li għadha ma saritx;

P.  billi, fid-Direttiva Delegata tagħha, il-Kummissjoni tat ukoll eżenzjoni speċifika ġdida għall-punti kwantiċi bil-kadmju fl-iskrins għaliex qalet li dawn diġà kienu qed jintużaw fl-iskrins, li dan ikollu impatt kumplessiv pożittiv minħabba l-konsum baxx tagħhom ta' enerġija, u li l-punti kwantiċi bla kadmju għadhom ma kinux teknikament disponibbli;

Q.  billi l-konsulenti indipendenti li vvalutaw l-applikazzjonijiet f'isem il-Kummissjoni rrakkomandaw f'April 2014 li tingħata eżenzjoni speċifika għall-punti kwantiċi bil-kadmju fl-iskrins għal perjodu iqsar minn dak li saret applikazzjoni għalih (sat-30 ta' Ġunju 2017, i.e. sena inqas mill-perjodu adottat mill-Kummissjoni), fid-dawl tal-fehim li l-applikazzjonijiet li jirriżultaw fit-tnaqqis tal-kwantitajiet ta' kadmju kif ukoll tas-sostituti bla kadmju huma fl-aħħar stadji tar-riċerka; billi, fi kliem ieħor, ir-rakkomandazzjoni kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta' punti kwantiċi bla kadmju fl-iskrins f'dak iż-żmien;

R.  billi, madankollu, kien hemm żviluppi importanti tas-suq minn dak iż-żmien; billi fl-2015 wieħed mill-manifatturi ewlenin tat-televixins fid-dinja qiegħed linja sħiħa ta' mudelli ġodda ta' televixins fis-suq tal-Unjoni bbażati fuq il-punti kwantiċi bla kadmju, li huma disponibbli fil-ħwienet bl-imnut ewlenin f'diversi Stati Membri (fosthom il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Belġju);

S.  billi, min-naħa l-oħra, jidher li m'għad hemm ebda televixin bil-punti kwantiċi bil-kadmju fis-suq tal-Unjoni, u billi huwa diffiċli li wieħed isib bejjiegħ bl-imnut li jkollu notebook wieħed li l-iskrin tiegħu huwa bbażat fuq it-teknoloġija tal-punti kwantiċi bil-kadmju;

T.  billi huwa mistenni li l-proprjetajiet ta' ffrankar tal-enerġija tal-punti kwantiċi bla kadmju huma simili għal dawk tal-punti kwantiċi bil-kadmju; billi, skont l-informazzjoni fuq l-ekotikketti, meta wieħed iqabbel televixins tal-istess daqs, skrin ta' televixin bil-punti kwantiċi bla kadmju jikkonsma anqas enerġija meta mqabbel ma' mudell ibbażat fuq il-punti kwantiċi bil-kadmju; billi skont informazzjoni mill-industrija, l-ittestjar tal-prestazzjoni tal-kuluri mqabbla mal-istandard rilevanti wera li hija ugwali, jekk mhux superjuri, għall-iskrins ibbażati fuq il-punti kwantiċi bla kadmju;

U.  billi l-ġustifikazzjoni ewlenija mill-Kummissjoni għall-għoti tal-eżenzjoni speċifika l-ġdida hija li "l-punti kwantiċi bla kadmju għad mhumiex teknikament disponibbli";

V.  billi din il-ġustifikazzjoni hija inkorretta b'mod ċar, billi mhux talli l-punti kwantiċi bla kadmju huma teknikament disponibbli, iżda talli linja sħiħa ta' televixins ibbażati fuq din it-teknoloġija saret disponibbli b'mod wiesa' fis-suq tal-Unjoni, u qed jinbiegħu mingħand bejjiegħa bl-imnut ewlenin u magħrufin sew;

W.  billi l-informazzjoni informali ċċirkolata mill-Kummissjoni fit-12 ta' Mejju 2015 ma tbiddilx dik is-sitwazzjoni; billi l-eżempji elenkati mill-Kummissjoni għal prodotti bi skrins bil-punti kwantiċi bil-kadmju jew huma attwalment mhux disponibbli (TCL 55’’ TV), jew huma disponibbli biss fl-Istati Uniti (ASUS Notebook, Sony TVs), jew jikkonċernaw biss prodotti li għandhom jiġu varati (Konka, Philips, AOC);

X.  billi kemm l-estensjoni tal-eżenzjoni 39 attwali kif ukoll l-introduzzjoni ta' eżenzjoni 39(b) ġdida jonqsu milli jissodisfaw xi waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(a) u għalhekk mhumiex ġustifikati; billi perjodi ta' skadenza relattivament qosra ma jistgħux jiġġustifikaw nonkonformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(a);

Y.  billi, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva dwar ir-RoHS, l-eżenzjoni 39 eżistenti għandha tibqa' valida sa ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tat-tiġdid;

Z.  billi skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva dwar ir-RoHS, f'każ li applikazzjoni għal tiġdid ta' eżenzjoni tiġi rrifjutata jew f'każ li tiġi rrevokata, il-perjodu ta' eżenzjoni għandu jiskadi mhux qabel 12-il xahar u mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-data tad-deċiżjoni;

AA.  billi rifjut tad-Direttiva Delegata għalhekk ma jipprojbixxix l-punti kwantiċi bil-kadmju, iżda jwassal biss għal valutazzjoni ġdida; billi għalhekk m'hemm l-ebda distorsjoni fis-suq, billi l-eżenzjoni attwali tibqa' valida sakemm tiġi rrevokata, filwaqt li perjodu ta' konċessjoni addizzjonali jingħata suċċessivament;

AB.  billi kien hemm żviluppi ġodda importanti fir-rigward tad-disponibbiltà kummerċjali ta' prodotti bbażati fuq teknoloġija ta' punti kwantiċi bla kadmju li jeħtieġu valutazzjoni ġdida;

1.  Joġġezzjona għad-direttiva delegata tal-Kummissjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u jinnotifikaha li d-direttiva delegata ma tistax tidħol fis-seħħ.

3.  Iqis li d-direttiva delegata tal-Kummissjoni tonqos milli tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/65/UE, għaż-żewġ eżenzjonijiet iddaħħal fil-punti 39(a) u 39(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE;

4.  Iqis b'mod partikolari li l-ġustifikazzjoni mogħtija għall-eżenzjoni fil-punt 39(b) hija bbażata fuq sitwazzjoni antikwata fir-rigward tal-prattikabbiltà tas-sostituzzjoni tal-kadmju fil-punti kwantiċi; għalhekk jitlob li ssir rivalutazzjoni rapida tal-eżenzjoni eżistenti fil-punt 39 tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE mqabbla mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(a) tagħha bl-għan li tiġi rrevokata;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq att delegat ġdid li jqis il-pożizzjoni tal-Parlament;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(2) Öko-Institut, Fraunhofer, Eunomia (2014): Assistance to the Commission on technological socio-economic and cost-benefit assessment related to exemptions from the substance restrictions in electrical and electronic equipment (p.89) - http://rohs.exemptions.oeko.info/fileadmin/user_upload/RoHS_IX/20140422_RoHS2_Evaluation_Ex_Requests_2013-1-5_final.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza