Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-Lista ta' Kwistjonijiet adottata mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (2015/2684(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (is-CRPD) tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità(1),
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta bejn il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jistabbilixxi arranġamenti interni għall-implimentazzjoni mill-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-rappreżentanza tagħha relatata mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità(2),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titlu 'Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) mill-Unjoni Ewropea' (SWD(2014)0182),
– wara li kkunsidra l-Lista ta' Kwistjonijiet adottati mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2010 bit-titlu 'Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli' (COM(2010)0636),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(4),
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Ombudsman Ewropew għall-2013,
– wara li kkunsidra tal-Artikoli 2, 9, 10, 19 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 15, 21, 23 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, bħala ċittadini sħaħ, il-persuni b'diżabilità għandhom drittijiet ugwali u huma intitolati għal dinjità indiskutibbli, trattament ugwali, għajxien indipendenti u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;
B. billi huwa stmat li 80 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea għandhom diżabilità;
C. billi evidenza mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE b'mod konsistenti turi li persuni b'diżabilità jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni u ostakoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma' persuni oħra;
D. billi l-persuni b'diżabilità jsawru wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà tagħna u billi l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol tirrappreżenta waħda mill-akbar sfidi għall-politika soċjali u għall-politika tas-suq tal-impjiegi;
E. billi l-inklużjoni sħiħa u l-parteċipazzjoni ugwali ta' persuni b'diżabilità jistgħu jintlaħqu biss billi jittieħed approċċ għad-diżabilità bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-UE, inkluż interistituzzjonalment, u billi l-Kummissjoni Ewropea dan għandha tqisu sewwa fi proposti futuri;
F. billi skont l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, 21 mit-28 Stat Membru għadhom jimponu restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju sħiħ tal-kapaċità ġuridika;
G. billi d-direttiva tal-UE kontra d-diskriminazzjoni ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-2008, iżda minkejja dan għadha mblukkata fil-Kunsill;
H. billi l-prinċipji tas-CRPD jmorru ferm lil hinn mid-diskriminazzjoni u juru t-triq lejn it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' kull persuna b'diżabilità f'soċjetà inklussiva, filwaqt li għandhom ukoll il-mira li jipprovdu l-protezzjoni u l-assistenza meħtieġa biex il-familji jkkunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità;
I. billi l-Unjoni Ewropea formalment irratifikat is-CRPD, li ffirmawh ukoll it-28 Stat Membru kollha tal-UE u rratifikawh 25 minnhom;
J. billi kull sena l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament jirċievi petizzjonijiet marbuta mad-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta' diżabilità fl-aċċess għall-impjiegi, għall-impjieg indipendenti, għas-servizzi pubbliċi u għall-edukazzjoni;
K. billi l-persuni b'diżabilità mhumiex grupp omoġenju, u billi l-politiki u l-azzjonijiet ippjanati f'isimhom għandhom iqisu dak in-nuqqas ta' omoġeneità, kif ukoll il-fatt li xi gruppi, bħalma huma n-nisa u tfal b'diżabilità u individwi li jeħtieġu sostenn aktar qawwi, iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet addizzjonali u ma' bosta forom ta' diskriminazzjoni;
L. billi l-Parlament jeħtieġlu jqis il-fatt li d-dispożizzjonijiet tas-CRPD huma standards minimi li lill-istituzzjonijiet Ewropej jippermettulhom imorru lil hinn minnhom sabiex jipproteġu persuni b'diżabilità u jiġġieldu d-diskriminazzjoni;
M. billi l-aċċess għax-xogħol, marbut ma' nuqqas ta' diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, huwa element fundamentali għal ħajja awtodeterminata u indipendenti; billi, minkejja l-programmi, inizjattivi u strateġiji eżistenti kollha fil-livell ta' UE, ir-rata ta' impjieg għal persuni bejn l-20 u 64 hija ogħla minn 70 %, mentri r-rata ta' impjieg ta' persuni b'diżabilità hija taħt il-50 %; billi r-rata ta' impjieg għal nisa bla diżabilità hija 65 %, imqabbla ma' 44 % għal nisa b'diżabilità;
N. billi l-impjieg imħallas huwa essenzjali sabiex persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti, u billi l-Istati Membri għandhom għalhekk jagħmlu ħilithom biex il-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess usa' għall-impjiegi, b'tali mod li dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu għas-soċjetà li jgħixu fiha, u bħala prekondizzjoni għandhom jipprovdu edukazzjoni inklussiva lit-tfal kollha b'diżabilità, inklużi tfal b'diffikultajiet biex jitgħallmu, ħalli jkollhom bażi edukattiva tajba mill-primarja 'l quddiem ħalli b'hekk ikunu jistgħu jsegwu kurrikulu li jkun jgħodd għall-abilitajiet ta' tagħlim tagħhom, u b'hekk ikollhom l-opportunità li jiżviluppaw karriera jew jiksbu impjieg tajjeb li jippermettilhom jgħixu ħajja indipendenti aktar 'il quddiem;
O. billi l-kunċett ta' diżabilità huwa kunċett li qed jevolvi, li jirriżulta mill-interazzjoni bejn persuni li għandhom xi defiċjenza u ostakoli attitudinali u ambjentali li jfixklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn u bl-istess dinjità;
P. billi, fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), matul il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni kollha tal-programmi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej trid titqies, b'mod partikolari, l-aċċessibilità għal persuni b'diżabilità, u billi l-istess kwistjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta' fondi tal-UE oħra;
Q. billi, f'xi Stati Membri, id-domanda għas-servizzi soċjali qiegħda tikber minħabba tibdiliet demografiċi u soċjetali, b'rati ogħla ta' qgħad, faqar u esklużjoni soċjali, inkluż nuqqas ta' servizzi ta' kwalità għal persuni b'diżabilità, fatt li qed iħalli effetti negattivi fuq il-kapaċità ta' dawn tal-aħħar biex jgħixu ħajja indipendenti, inklussiva u msejsa fuq bażi ta' ugwaljanza mal-oħrajn;
R. billi l-legiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità għandha tiġi implimentata u infurzata aħjar biex il-persuni b'diżabilità kollha madwar l-UE jkollhom aktar aċċessibilità;
S. billi l-Parlament jifforma parti mill-Qafas tal-UE li jippromwovi, jipproteġi u jissorvelja s-CRPD, bi qbil mal-Artikolu 33(2) tas-CRPD;
T. billi bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ssottomettew informazzjoni lill-Kumitat tas-CRPD bi rbit mal-Lista' ta' Kwistjonijiet;
U. billi l-Kummissjoni, bħala l-punt fokali skont l-Artikolu 33(1) tas-CRPD, inħatret biex tirrispondi għal-Lista ta' Kwistjonijiet adottata mill-Kumitat tas-CRPD;
V. billi l-Parlament huwa l-uniku korp tal-Unjoni Ewropea li huwa elett direttament u li jirrappreżenta liċ-ċittadini Ewropej, u għalhekk jikkonforma bis-sħiħ mal-Prinċipji ta' Pariġi, kif stipulat fl-Artikolu 33 tas-CRPD;
1. Jassigura lill-Kumitat tas-CRPD li l-Parlament Ewropew sejjer iwieġeb għall-mistoqsijiet li huma indirizzati għalih direttament, filwaqt li wkoll sejjer iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis fehmiet il-Parlament hija u tfassal tweġibietha lill-Kumitat;
2. Iqis li huwa deplorevoli li l-Kodiċi ta' Kondotta ġie adottat mill-Kummissjoni u l-Kunsill mingħajr l-involviment tal-Parlament, bir-riżultat li l-Parlament għandu kompetenzi limitati rigward il-monitoraġġ tas-CRPD;
3. Jitlob li l-Kummissjoni tikkonsulta formalment dwar it-tweġiba għal-Lista ta' Kwistjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-aġenziji kkonċernati kollha, inklużi l-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman, u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
5. Jenfasizza l-fatt li l-proposta għal direttiva kontra d-diskriminazzjoni madwar l-UE kollha kemm hi hija intiża biex tipproteġi lill-persuni b'diżabilità mid-diskriminazzjoni rigward ħarsien soċjali, kura tas-saħħa u (ri)abilitazzjoni, edukazzjoni u aċċess għal/provvista ta' beni u servizzi, pereżempju d-djar, it-trasport u l-assigurazzjoni; jiddeplora n-nuqqas ta' progress fi ħdan il-Kunsill rigward din il-proposta, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu favur l-adozzjoni ta' pożizzjoni komuni mingħajr aktar dewmien;
6. Jirrimarka li n-nuqqas ta' data u statistika diżaggregata b'rabta ma' gruppi ta' diżabilità speċifiċi huwa ostakolu għat-tfassil ta' politiki adegwati; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u xxerred data statistika dwar id-diżabilità, diżaggregata skont l-età u s-sess, b'tali mod li jkun jista' jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabilità madwar l-UE kollha f'oqsma rilevanti tal-ħajja ta' kuljum, u mhux biss fil-qasam tal-impjiegi;
7. Jinnota li bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ssottomettew informazzjoni lill-Kumitat tas-CRPD għal-Lista' ta' Kwistjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa ulterjorment djalogu strutturat u tikkonsulta u tikkoopera ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni b'diżabilità bħala parti mill-proċess ta' rieżami, inkluż fit-tfassil ta' risposta lill-Kumitat tas-CRPD dwar il-Lista ta' Kwistjonijiet tiegħu, u fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-UE f'dan il-qasam;
8. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx is-CRPD jagħmlu dan bla dewmien;
9. Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta ambizzjuża għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, bl-involviment sħiħ ta' persuni b'diżabilità tul iċ-ċiklu leġiżlattiv u jisħaq fuq il-ħtieġa li din il-proposta tinkludi firxa sħiħa ta' oqsma ta' politika, fir-rigward tal-aċċessibilità ta' oġġetti u servizzi għaċ-Ċittadini Ewropej kollha, it-trawwim ta' għajxien indipendenti u l-inklużjoni sħiħa ta' persuni b'diżabilità, u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ u infurzar kontinwu, effikaċi u indipendenti;
10. Jistieden lill-Istati Membnri jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-obbligi derivati mill-Artikolu 12 tas-CRPD, bl-aktar mod speċifiku biex iħaffu kwalunkwe restrizzjoni fuq id-dritt tagħhom li jivvutaw u li jiġu eletti;
11. Iħeġġeġ lill-Kunsill jaċċelera ħidmitu fuq il-proposta għal direttiva dwar l-aċċessibilità ta' siti tal-internet ta' korpi tas-settur pubbliku, bil-għan li tintlaħaq pożizzjoni komuni u jsir aktar progress lejn l-adozzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, biex b'hekk titkattar l-aċċessibbilta ta' dokumenti, vidjos u sitit tal-internet u jkunu offruti formati u mezzi ta' komunikazzjoni alternattivi;
12. Jirrakkomanda li fondi tal-UE jintużaw għall-promozzjoni tal-aċċessibilità u l-aċċessibilità elettronika għal persuni b'diżabilità u tat-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal dik ibbażata fil-komunità, għall-iżvilupp ta' servizzi soċjali u tas-saħħa ta' kwalità, għal investiment fit-tisħiħ tal-kapaċità għal organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni b'diżabilità;
13. Jieħu nota tar-risposti u l-azzjonijiet tiegħu rigward il-Lista ta' Kwistjonijiet imqajma bi rbit mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea bħala parti mir-rieżami tas-CRPD:
a.
Waqqaf grupp ta' ħidma għall-koordinament bejn il-kumitati kompost minn membri minn kull kumitat rilevanti, liema grupp organizza azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni miftuħa għall-persunal u għall-MPE, fosthom korsijiet tal-lingwa tas-sinjali bħala parti mit-taħriġ professjonali;
b.
Enfasizza l-ħtieġa ta' aċċessibilità rigward servizzi universali u n-numru ta' emerġenza 112 fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011(6) kif ukoll fid-dikjarazzjoni tas-17 ta' Novembru 2011(7), tiegħu, li kienet punt importanti fl-iżvilupp tas-sistema e-Call inkorporata fil-vetturi;
c.
L-għadd ta' MPE b'diżabilità żdied b'mod sinifikanti bħala riżultat tal-elezzjonijiet tal-2014;
d.
Jimpenja ruħu li jaħdem b'mod attiv mal-atturi rilevanti sabiex isib soluzzjoni prammatika għall-adeżjoni mat-Trattat ta' Marrakech;
e.
Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE tittejjeb sabiex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jivvjaġġaw indipendentament bl-użu ta' kull tip ta' trasport, inkluż dak pubbliku;
f.
Jitlob li l-Kummissjoni tagħti l-ispjega mitluba dwar kif, f'leġiżlazzjoni attwali u futura, tista' tiżgura li persuni b'diżabilità jkollhom garanzija ta' opportunitajiet ugwali, drittijiet fundamentali, aċċess ugwali għas-servizzi u għas-suq tal-impjieg, u l-istess drittijiet u obbligi fl-aċċess għas-sigurtà soċjali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li fih huma koperti, bi qbil mal-prinċipju ta' trattament ugwali u nuqqas ta' diskriminazzjoni, b'tali mod li l-persuni b'diżabilità kollha jkunu jistgħu jgawdu d-dritt ta' moviment ħieles li għandu kull ċittadin tal-UE;
g.
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-aċċess għall-ġustizzja rigward il-leġiżlazzjoni tal-UE jkun f'konformità sħiħa mas-CRPD, sabiex id-drittijiet fundamentali jkunu aċċessibbli għal kulħadd;
14. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni politika aħjar fi ħdan il-Qafas tal-UE, inklużi r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa sabiex ikun żgurat li jista' jwettaq il-kompiti tiegħu kif deskritti fid-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija, u jħeġġeġ lill-atturi fil-Qafas tal-UE sabiex jallokaw ir-riżorsi mitluba għat-twettiq ta' dan il-kompitu;
15. Jilqa' l-inizjattiva tal-MPE li jitolbu li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fuq bażi regolari jfasslu rapport konġunt b'risposta għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tas-CRPD;
16. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.