Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2652(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0451/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/05/2015 - 10.12

Testi adottati :

P8_TA(2015)0209

Testi adottati
PDF 264kWORD 80k
L-Erbgħa, 20 ta' Mejju 2015 - Strasburgu
Tifqigħa ta' Xylella fastidiosa li tolqot is-siġar taż-żebbuġ
P8_TA(2015)0209RC-B8-0451/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2015 dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ (2015/2652(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar ir-riskju li Xylella fastidiosa tirrappreżenta għas-saħħa tal-pjanti fit-territorju tal-UE, flimkien ma' identifikazzjoni u evalwazzjoni tal-opzjonijiet ta' tnaqqis tar-riskju, ippubblikati fis-26 ta' Novembru 2013 u fis-6 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2014, it-23 ta' Lulju 2014 u t-28 ta' April 2015 fir-rigward ta' miżuri li jimpedixxu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju ta’ verifiki mwettqa fi Frar u f'Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tifqigħa tal-Xylella fastidiosa, marda li qed tolqot is-siġar taż-żebbuġ (O-000038/2015 – B8-0117/2015),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Xylella fastidiosa hija theddida immedjata u perikoluża immens għall-produzzjoni fin-Nofsinhar tal-Ewropa ta' ċerti għelejjel, inklużi s-siġar taż-żebbuġ, tal-lewż u tal-ħawħ, kif ukoll pjanti ornamentali; u billi skont it-tip ta' batterju hi theddida potenzjali għad-dwieli, is-siġar taċ-ċitru u għelejjel oħra, u billi din tista' twassal għal telf devastanti u mingħajr preċedent, b'konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali drammatiċi; billi r-razza tal-Xylella fastidiosa li qed tinfetta s-siġar taż-żebbuġ fir-reġjun tal-Pulja hi differenti mill-iżolati li qed jikkawżaw mard fid-dwieli jew fiċ-ċitru f’partijiet oħra tad-dinja;

B.  billi l-batterju diġà qed jikkawża ħsara serja fl-imsaġar taż-żebbuġ fir-reġun tal-Pulja fin-Nofsinhar tal-Italja, u potenzjalment qed jhedded għelejjel u reġjuni oħrajn;

C.  billi l-produzzjoni taż-żebbuġ hija waħda mill-aktar setturi agrikoli importanti tar-reġjun tal-Pulja, u tirrappreżenta 11.6 % (jew EUR 522 miljun) tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola fir-reġjun u 30 % tal-valur tal-produzzjoni Taljana taż-żebbuġ fl-2013;

D.  billi l-preżenza tal-Xylella fastidiosa qed tikkawża ħsara ekonomika serja ħafna, mhux biss għall-produtturi taż-żebbuġ iżda wkoll għall-katina ta' produzzjoni sħiħa, inklużi impriżi li jipproduċu ż-żejt kemm kooperattivi u kif ukoll privati, kif ukoll għal attivitajiet marbuta mat-turiżmu u mat-tqegħid fis-suq;

E.  billi l-ewwel aħbar ta' tifqigħa tal-Xylella fastidiosa ngħatat mill-awtoritajiet Taljani fil-21 ta' Ottubru 2013, u minn dak iż-żmien għadd allarmanti ta' siġar ġew infettati;

F.  billi l-ispezzjonijiet imwettqa fl-Italja fi Frar u f'Novembru 2014 mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari jikkonfermaw li s-sitwazzjoni marret għall-agħar b'mod drammatiku u li wieħed ma jistax jeskludi li l-batterju jkompli jinxtered;

G.  billi bħalissa m'hemm disponibbli l-ebda trattament għall-kura tal-pjanti morda, u l-pjanti milquta għandhom it-tendenza li jibqgħu infettati tul ħajjithom jew imutu malajr;

H.  billi għadd kbir ta' pjanti differenti, inklużi pjanti slavaġ asintomatiċi, jistgħu jġorru l-marda fl-Unjoni Ewropea;

I.  billi l-EFSA enfasizzat li, minħabba d-diffikultà biex jitwaqaf it-tixrid tal-Xylella fastidiosa ladarba tintlaqat żona ta' produzzjoni, għandha tingħata prijorità lil azzjonijiet ta' prevenzjoni ffokati fuq l-importazzjonijiet u fuq il-kontroll tat-tifqigħa tal-marda flimkien ma' tisħiħ tal-kondiviżjoni tar-riċerka;

1.  Jinnota li d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li ttieħdu qabel April 2015 mill-Kummissjoni ffokaw l-aktar fuq azzjonijiet interni biex tiġi miġġielda t-tifqigħa u ma inkludewx miżuri b'saħħithom biex jimpedixxu li l-marda tidħol fl-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu miżuri mmirati kontra l-Xylella fastidiosa biex timpedixxi l-importazzjoni ta' aktar materjal infettat fl-UE; jilqa' d-deċiżjoni meħuda f'April 2015 mill-Kummissjoni li twaqqaf l-importazzjoni ta' pjanti Coffea infettati mill-Costa Rica u l-Honduras, u jilqa' wkoll ir-restrizzjonijiet adottati fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' pjanti li joriġinaw minn żoni milquta f'pajjiżi terzi oħrajn; jitlob l-applikazzjoni, jekk meħtieġa, ta' miżuri aktar b'saħħithom, inkluża l-awtorizzazzjoni ta' importazzjonijiet biss minn siti ta' produzzjoni ħielsa mill-mard;

3.  Jiddispjaċih għall-fatt li, spiss, il-Kummissjoni ma tirreaġixxix malajr biżżejjed biex tevita d-dħul fl-UE ta' mard tal-pjanti minn pajjiżi terzi; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tivverifika s-sors tal-infezzjoni u twettaq rieżami tas-sistema uffiċjali tal-UE għall-kontroll fitosanitarju bil-għan li tħares u tissalvagwardja t-territorju tagħna;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni , speċjalment minħabba l-fatt li dalwaqt jidħol is-sajf, biex tieħu miżuri aktar effettivi bil-għan li tevita t-tixrid tal-Xylella fastidiosa fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi tiffoka fuq l-aktar għelejjel fir-riskju, filwaqt li ma tittraskurax għelejjel oħra li wkoll jistgħu jintlaqtu b'mod serju mill-marda, u jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artiklu 9 tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-2005 f'dan ir-rigward;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkompensaw lill-produtturi għall-miżuri ta' qerda u t-telf tad-dħul - li jinvolvi telfiet mhux biss f'dik li hi produzzjoni agrikola, iżda wkoll f'dawk li huma attivitajiet relatati mal-wirt kulturali, l-istorja u t-turiżmu;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti biex jagħmlu użu mill-fondi u l-istrumenti kollha possibbli biex jgħinu fl-irkupru ekonomiku taż-żoni milquta; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika inċentivi għall-produtturi li jimplimentaw miżuri preventivi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkunu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji rilevanti, inkluż appoġġ finanzjarju sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu japplikaw prattiki agrikoli xierqa għall-ġestjoni tal-Xylella fastidiosa u l-insetti li jġorru l-batterji tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi sforzi ta' riċerka intensifikata mingħajr dewmien, fosthom billi jiżdied in-netwerking internazzjonali u billi tagħmel il-fondi disponibbli għall-istituti ta' riċerka, bil-għan li jiżdied l-għarfien xjentifiku dwar Xylella fastidiosa u li tkun identifikata n-natura tar-rabta bejn il-patoġenu, is-sintomi u l-iżvilupp tal-marda;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru kampanji ta’ tagħrif f’żoni potenzjalment affettwati tal-UE sabiex jissensibilizzaw lil dawk involuti mhux biss fis-settur agrikolu imma wkoll fis-settur tal-ortikultura, inkluż il-bejjiegħa bl-imnut ta’ pjanti ornamentali, ġardinara professjonali u l-klijenti tagħhom;

9.  Iqis li, speċjalment fid-dawl tal-fatt li dalwaqt jidħol is-sajf, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwissu lill-vjaġġaturi dwar ir-riskji tal-introduzzjoni ta' pjanti infettati minn pajjiżi milquta mill-Xylella fastidiosa fl-UE;

10.  Jappella għal aktar mezzi disponibbli biex tiġi żgurata d-detezzjoni ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara fil-punti ta' dħul fl-UE; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' spezzjonijiet regolari bil-għan li jimpedixxu t-tixrid tal-Xylella fastidiosa 'l barra miż-żoni demarkati;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi bażi tad-data miftuħa, flimkien ma' lista ta' istituzzjonijiet u awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri, għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza, inklużi l-aħjar prattiki, kif ukoll għat-twissija rapida lill-awtoritajiet kompetenti u t-teħid ta' miżuri neċessarji;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod trasparenti, tfassal abbozz ta' linji gwida komprensivi għall-implimentazzjoni ta' miżuri preventivi u ta' kontroll tal-mard, flimkien ma' indikazzjonijiet ċari tal-kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien tagħhom, abbażi tal-esperjenza eżistenti u l-aħjar prattiki, li jistgħu jintużaw bħala għodda min-naħa tal-awtoritajiet u s-servizzi kompetenti fl-Istati Membri;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament kull sena, jew fi kwalunkwe mument jekk is-sitwazzjoni tevolvi, dwar it-theddida lill-produtturi tal-UE mill-Xylella fastidiosa u ta' organiżmi oħra li huma ta' periklu għall-produzzjoni agrikola;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
(2) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

Avviż legali - Politika tal-privatezza