Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0473/2015

Dibattiti :

PV 21/05/2015 - 5.3
CRE 21/05/2015 - 5.3

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2015 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2015)0212

Testi adottati
PDF 272kWORD 86k
Il-Ħamis, 21 ta' Mejju 2015 - Strasburgu
Is-Sważiland, il-każ tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Thulani Maseko u Bheki Makhubu
P8_TA(2015)0212RC-B8-0473/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2015 dwar is-Sważiland, il-każ tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Thulani Maseko u Bheki Makhubu (2015/2712(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali tas-Sważiland tas-sena 2000 (emendat),

–  wara li kkunsidra l-Programm għall-Pajjiż għal Xogħol Diċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għas-Sważiland,

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tas-Sważiland qabel il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li sar fl-4 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) tal-UE, kif approvata mill-Parlament fil-31 ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-UE li saret waqt il-103 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol f'Ġinevra fis-6 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija li saret mill-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fit-30 ta' Lulju 2014 dwar is-sentenza mogħtija lill-editur tal-magażin The Nation Bheki Makhubu u lill-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Thulani Maseko,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 286 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) dwar il-libertà tal-espressjoni fir-Renju tas-Sważiland,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Lokali tal-UE tal-1 ta' April 2014 dwar l-arrest reċenti u d-detenzjoni li qed tissokta tal-editur tal-magażin The Nation Bheki Makhubu u tal-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Thulani Maseko,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tat-28 ta' Marzu 2014 tar-Rapporteur Speċjali tal-ACHPR għal-Libertà tal-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni fl-Afrika dwar l-arrest tas-Sur Thulani Rudolf Maseko u tas-Sur Bheki Makhubu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Sważiland huwa monarkija assoluta taħt ir-Re Mswati III, li istitwixxa stat ta' emerġenza fl-1973 li għadu fis-seħħ 41 sena wara, li jeżerċita awtorità assoluta fuq il-kabinett, il-parlament u l-ġudikatura, u li taħt il-ħakma tiegħu kien hemm deterjorament sinifikanti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fl-istandards tal-għajxien u żieda fil-faqar kroniku, filwaqt li naqas ir-rispett tal-istat tad-dritt, kif evidenzjat b'mod partikolari mill-fatt li l-partiti politiċi ġew iddikjarati illegali; billi l-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema sar sistematiku u billi, matul l-għaxar snin li għaddew, il-Gvern tas-Sważiland kiser id-drittijiet tat-trade unions u tal-bniedem u naqas milli jirrispetta interventi mill-ILO dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni 87 tagħha;

B.  billi Thulani Maseko, avukat li jaħdem għall-Kungress tat-Trade Unions tas-Sważiland, kien arrestat fis-17 ta' Marzu 2014 wara li kiteb artiklu li kkritika n-nuqqas ta' indipendenza tas-sistema ġudizzjarja fis-Sważiland; billi, fid-19 ta' Marzu 2015, wara l-pubblikazzjoni ta' ittra mill-ħabs li ddenunzjat il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tiegħu, tressaq quddiem kumitat tad-dixxiplina fil-ħabs mingħajr il-preżenza ta' avukat u mbagħad intbagħat bil-forza f'reklużjoni; billi, għalkemm appella kontra din id-deċiżjoni, għadha ma tħabbritx data għas-smigħ tiegħu quddiem il-Qorti Għolja;

C.  billi Bheki Makhubu, kittieb u editur kap ta' The Nation, meqjusa bħala l-unika gazzetta indipendenti tal-pajjiż, kien arrestat fuq akkużi li "skandalizza lill-ġudikatura" u għal "disprezz tal-qorti" wara l-pubblikazzjoni tal-artiklu li kkritika s-sistema ġudizzjarja;

D.  billi, fis-17 ta' Lulju 2014, Thulani Maseko u Bheki Makhubu nstabu ħatja ta' disprezz tal-qorti mill-Qorti Għolja tas-Sważiland u ngħataw sentenza ta' sentejn ħabs, deċiżjoni li jidher li hija sproporzjonata meta mqabbla mas-sentenza normali – 30 jum ħabs bl-għażla li titħallas multa – imposta f'każijiet simili; billi l-imħallef li kien qed jippresiedi l-proċess, Mpendulo Simelane, kien issemma f'wieħed mill-artikli ppubblikati mill-gazzetta tas-Sur Maseko, u billi dan jirrappreżenta kunflitt ċar ta' interess u ostaklu għal proċess ġust;

E.  billi l-fastidju ġudizzjarju tal-persuni li jikkritikaw fis-Sważiland mhuwiex limitat għall-każ tas-Sur Maseko u tas-Sur Makhubu, iżda huwa parti minn xejra inkwetanti ta' trażżin tal-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż, fejn 32 liġi jqiegħdu restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq l-aċċess għall-informazzjoni u l-partiti politiċi ġew ipprojbiti sa mill-1973;

F.  billi minbarra li jużaw akkużi ta' disprezz tal-qorti kontra min jikkritikahom, l-awtoritajiet tas-Sważiland qed jużaw attivament l-Att tal-2008 dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu (STA) u l-Att tal-1938 dwar Attivitajiet ta' Sedizzjoni u Sovversivi (Att dwar l-SSA) biex jintimidaw l-attivisti u jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika, u billi l-awtoritajiet bdew ukoll proċedimenti skont l-Att dwar l-SSA kontra s-Sur Maseko f'Settembru 2014, fuq akkuża ta' sedizzjoni li diġà tressqet kontrih fl-2009; billi organizzazzjonijiet internazzjonali ikkundannaw id-dispożizzjonijiet tal-STA bħala inkompatibbli mal-obbligi tas-Sważiland rigward id-drittijiet tal-bniedem għal numru ta' raġunijiet;

G.  billi f'April 2014 seba' persuni kienu arrestati u akkużati b'atti ta' terroriżmu sempliċement talli libsu flokkijiet politiċi; billi, meta indirizza l-parlament fis-7 ta' Awwissu 2014, il-Prim Ministru tas-Sważiland, Barnabas Sibusiso Dlamini, qal li żewġ kapijiet ta' unions li attendew is-Summit Afrikan f'Washington DC għandhom jitgħallqu talli kkritikaw il-gvern u li l-unions rikonoxxuti biss għandhom jitħallew jiċċelebraw Jum il-Ħaddiem;

H.  billi, fit-8 ta' Ottubru 2014, Winnie Magagula, il-Ministru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali tas-Sważiland, issospendiet il-federazzjonijiet kollha b'effett immedjat u xoljiet il-Kungress tat-Trade Unions tas-Sważiland (TUCOSWA) u t-Trade Unions Amalgamati tas-Sważiland (ATUSWA), il-Federazzjoni ta' Impjegaturi tas-Sważiland u l-Kamra tal-Kummerċ (FSE&CC) u għadd ta' korpi statutorji oħra, u billi l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Nru 87 tal-ILO dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni, irratifikata mill-Gvern tas-Sważiland, jirrikonoxxi d-dritt tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li jissieħbu ma' federazzjonijiet u konfederazzjonijiet tal-għażla tagħhom;

I.  billi l-Gvern tas-Sważiland injora għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet u t-talbiet ripetuti mill-moviment internazzjonali tat-trade unions biex jirrispetta d-drittijiet iggarantiti skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati mis-Sważiland, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Nru 8 tal-ILO, u minflok issospenda għalkollox id-dritt tal-ħaddiema li jassoċjaw u li jwettqu attivitajiet tat-trade unions liberament;

J.  billi, wara missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Sważiland organizzata mill-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions mill-14 sas-16 ta' Mejju 2015 biex tivvaluta l-progress tal-libertà tal-assoċjazzjoni u biex iżżur l-attivisti politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, it-TUCOSWA finalment reġa' ġie rreġistrat; billi, minkejja dan, l-awtoritajiet ma taw ebda garanzija li ma kinux se jindaħlu fit-tmexxija u l-organizzazzjoni tat-trade unions, u fil-fatt il-pulizija tfaċċat waqt il-laqgħat tat-trade unions;

K.  billi, fil-15 ta' Lulju 2014, l-UE kkonkludiet negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) mal-Grupp SADC EPA (inkluż is-Sważiland), li għandha titressaq quddiem il-Parlament Ewropew fit-tieni sitt xhur tal-2015 għal approvazzjoni possibbli;

L.  billi f'Novembru 2014 is-Sważiland tilef il-ftehim ta' kummerċ preferenzjali tiegħu mal-Istati Uniti skont l-Att Afrikan dwar it-Tkabbir u l-Opportunitajiet (AGOA) wara li l-gvern naqas milli jwettaq miżuri ta' riforma, li kien impenja ruħa għalihom minn jeddu fl-2013, inkluż l-indirizzar ta' restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tal-assoċjazzjoni, tal-għaqda u tal-espressjoni, bħall-inkarċerazzjoni tas-Sur Maseko u tas-Sur Makhubu, u l-emenda tal-Att dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu, l-Att dwar l-Ordni Pubbliku u l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali;

M.  billi taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) l-UE allokat EUR 62 miljun fir-rigward tal-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perjodu 2014-2020, bil-prijoritajiet jinkludu l-promozzjoni tal-governanza tajba, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-indipendenza ġudizzjarja, l-istat tad-dritt u t-tisħiħ tas-sigurtà;

1.  Jitlob ir-rilaxx immedjat u inkondizzjonat tas-Sur Maseko u s-Sur Makhubu, billi l-inkarċerazzjoni tagħhom hija relatata direttament mal-eżerċizzju leġittimu tad-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni; jitlob ukoll ir-rilaxx immedjat u inkondizzjonat tal-priġunieri tal-kuxjenza u tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi Mario Masuku, President tal-Moviment Popolari Demokratiku Magħqud, u Maxwell Dlamini, Segretarju Ġenerali tal-Kungress taż-Żgħażagħ tas-Sważiland; jikkundanna l-kundizzjonijiet ħorox ta' detenzjoni taż-żewġ priġunieri u jistieden lill-awtoritajiet tas-Sważiland jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom fiċ-ċirkustanzi kollha;

2.  Ifakkar fl-impenji li ttieħdu mis-Sważiland skont il-Ftehim ta' Cotonou biex jirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar it-tnawwir tad-demokrazija u tad-drittijiet bażiċi fis-Sważiland u dwar il-mod dejjem aktar brutali li bih il-gvern qed jirreaġixxi għal min jikkritikah;

3.  Jinnota li s-sentenza mogħtija lis-Sur Maseko u lis-Sur Makhubu hija ferm aktar severa minn sentenzi oħra f'każijiet simili, u jqis li dan huwa tentattiv ċar li jsikket lill-attivisti u jservu ta' deterrent għal oħrajn, kif iddikjarat mill-imħallef responsabbli; jeżiġi li l-Gvern tas-Sważiland itemm minnufih l-intimidazzjoni mill-awtoritajiet kontra l-ġurnalisti, l-avukati, l-imħallfin indipendenti, l-uffiċjali tat-trade unions u l-membri parlamentari, li ġew mhedda bi vjolenza, arrest, prosekuzzjoni jew forom oħra ta' pressjoni b'konsegwenza tal-appoġġ tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-istat tad-dritt jew ir-riformi politiċi;

4.  Jistieden lill-Gvern tas-Sważiland jibda djalogu ġenwin mal-unions dwar riformi leġiżlattivi li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, bi qbil mal-obbligi internazzjonali;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tas-Sważiland jieħdu miżuri konkreti biex jirrispettaw u jippromwovu l-libertà tal-espressjoni, jiggarantixxu d-demokrazija u l-pluraliżmu, u jistabbilixxu qafas leġiżlattiv li jippermetti r-reġistrazzjoni, l-operat u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partiti politiċi, bi qbil mal-obbligi internazzjonali u reġjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-Kostituzzjoni tas-Sważiland, b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha;

6.  Jenfasizza li l-indipendenza tal-ġudikatura hija prinċipju demokratiku fundamentali, li jrid jiġi rispettat;

7.  Iqis l-inkarċerazzjoni ta' attivisti politiċi u l-projbizzjoni tat-trade unions bħala ksur ċar tal-impenji meħuda mis-Sważiland skont il-Ftehim ta' Cotonou li jirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll skont il-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-Ftefim ta' Sħubija Ekonomika tal-SADC, li l-appoġġ għalihom tal-Parlament Ewropew se jiddependi fuq ir-rispett tal-impenji meħuda, inkluż l-impenn li jirrispetta l-konvenzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-istandards ewlenin tal-ILO bħall-Konvenzjonijiet Nri 87 u 98;

8.  Ifakkar li l-UE tiggarantixxi Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati għas-Sważiland sabiex tipprovdi inċentivi kummerċjali bl-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ewlenin tal-bniedem u tax-xogħol u tal-governanza tajba; iqis li l-projbizzjoni tat-trade unions u l-inkarċerazzjoni tal-opponenti politiċi jmorru kontra dawn l-għanijiet;

9.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tonora l-obbligu tagħha li timmonitorja l-aderenza tas-Sważiland għall-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent skont is-SPĠ, u tiftaħ investigazzjoni biex tiddetermina kienx hemm ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem protetti taħt is-SPĠ;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Gvern tas-Sważiland, lill-Gvernijiet u lill-Istati Membri tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, lill-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Avviż legali - Politika tal-privatezza