Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2015 dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (2014/2258(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikoli 21, 24, 41, 42, 43, 44, 45 u 46 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3) , u l-modifiki sussegwenti tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 18/2012 bit-titolu "L-Assistenza tal-Unjoni Ewropea lill-Kosovo relatata mal-istat tad-dritt",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta’ Novembru 2013 u tat-18 ta’ Novembru 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-progress tas-7 ta’ Lulju 2014 mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-VP/RGħ u l-Kummissjoni bit-titolu “L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni”, u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2014 u r-rapport finanzjarju tal-2013 tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE(4),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza adottati mill-Kunsill Ewropew f'Ħelsinki fil-11 ta' Diċembru 1999 (Objettiv Primarju 2003) u l-Objettiv Primarju 2010, approvat mill-Kunsill fis-17 ta' Mejju 2004,
– wara li kkunsidra l-Objettiv Primarju Ċivili 2010 approvat mill-Konferenza Ministerjali dwar it-Titjib tal-Kapaċitajiet Ċivili, li ħa nota tagħha l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tad-19 ta’ Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0136/2015),
A. billi l-ambjent ta' sigurtà dejjem iktar diffiċli fi ħdan l-Unjoni u lil hinn minnha, ikkaratterizzat minn riskji ġodda u theddid li l-ebda Stat Membru ma jista' jlaħħaq magħhom waħdu, jirrikjedi tisħiħ tal-PSDK sabiex isir strument iktar effikaċi ta' politika u garanzija reali tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u l-promozzjoni tal-interessi u l-valuri Ewropej; billi l-Unjoni għanda tinforza s-sigurtà fil-fruntieri esterni tagħha;
B. billi tnaqqis baġitarju fin-nefqa fuq id-difiża u duplikazzjonijiet eżistenti jeħtieġu reviżjoni tal-finanzjament tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK bl-użu ta’ allokazzjonijiet baġitarji aħjar u aktar kosteffiċjenti filwaqt li jiġi żgurat skrutinju demokratiku xieraq fil-livell istituzzjonali tal-UE tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha, kemm jekk ċivili kif ukoll jekk militari;
C. billi l-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013 iddeċieda li jeżamina l-aspetti finanzjarji tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE, inkluż ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena, sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri u r-regoli jkunu jippermettu lill-Unjoni tkun aktar rapida, aktar flessibbli u effiċjenti fil-mobilizzazzjoni tal-missjonijiet ċivili tal-UE, kif ukoll l-operazzjonijiet militari tagħha;
D. billi, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE huwa wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u anke l-President tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea; billi, skont l-Artikolu 45 tat-TUE, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża “għandha twettaq il-missjonijiet tagħha flimkien mal-Kummissjoni meta jkun meħtieġ”;
1. Jinnota li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma finanzjaturi kbar tal-bosta operazzjonijiet ta’ paċi u ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet fid-dinja kollha u li missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari tal-PSDK jirrappreżentaw sehem żgħir ħafna mill-finanzjament totali; jirrikonoxxi l-importanza tal-interventi tal-PSDK għall-kisba tal-paċi, filwaqt li jħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni iktar ċara lejn il-prevenzjoni tal-kunflitt, ir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti u ż-żamma tal-paċi sostenibbli f'żoni fejn hemm il-kunflitti; huwa konvint li l-UE ma tistax tippermetti lilha nnifisha li tiffoka esklussivament fuq strumenti għal kuntest ta’ wara kriżi jew għal appoġġ ta’ ħruġ minn kriżi;
2. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jisiltu l-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta’ Lisbona, u b’mod speċjali tal-Artikolu 44 tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta' kompitu tal-PSDK minn grupp ta' Stati Membri u l-Artikolu 46 dwar kooperazzjoni strutturata permanenti, fir-rigward ta’ użu aktar rapidu u flessibbli tal-missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK;
3. Jinnota bi tħassib li minkejja baġit annwali għad-difiża ta’ xi EUR 190 biljun b’kollox, l-Istati Membri għadhom ma jistgħux jissodisfaw l-Objettivi Primarji ta’ Ħelsinki tal-1999; ifakkar fl-objettivi primarji ċivili ambizzjużi stabbiliti mill-UE; jitlob biex l-UE tissaħħaħ bħala attur reali fid-difiża fil-kuntest tan-NATO, u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ duttrina li toperazzjonalizza l-kompiti elenkati fl-Artikolu 43 TUE (il-“kompiti ta’ Petersberg” estiżi); iħeġġeġ bil-qawwa li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni iżjed mill-qrib fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża fil-kuntest tan-NATO bejn l-Istati Membri u fil-livell tal-UE, b’mod partikolari l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta’ riżorsi, kapaċitajiet u assi; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq b’urġenza analiżi dwar l-isfidi u l-bżonnijiet fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża;
4. Jinnota li l-livell ta’ finanzjament għal missjonijiet ċivili tal-PSDK taħt il-kapitolu tal-PESK tal-baġit tal-UE naqas f’dawn l-aħħar snin u huwa mistenni li jibqa’ stabbli bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020; jiddispjaċih li missjonijiet ċivili ġew affettwati minn nuqqas ġeneralizzat ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament, li jobbligaw lill-Kummissjoni li tipposponi l-ħlas ta’ EUR 22 miljun għall-2015 bħala miżura ta’ mitigazzjoni; jilqa’ madankollu l-fatt li madwar EUR 16-il miljun ġew identifikati bħala ffrankar possibbli, li jippermetti li aktar missjonijiet jiġu ffinanzjati jekk tinqala’ l-ħtieġa fil-futur qrib;
Inizjattivi li jżidu l-kosteffikaċja
5. Jilqa’ l-miżuri konkreti u soluzzjonijiet prammatiċi introdotti reċentement mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas eżistenti ta’ regoli finanzjarji sabiex jitqassru l-proċeduri finanzjarji fir-rigward tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jiddeplora, madankollu, id-dewmien sinifikanti fl-akkwist ta’ tagħmir u servizzi essenzjali għall-missjonijiet tal-PSDK taħt il-PESK, parzjalment minħabba l-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill li spiss mar bil-mod, iżda wkoll ċertu nuqqas ta’ approċċ konsolidat dwar l-applikazzjoni tar-regoli finanzjarji għall-missjonijiet tal-PSDK, u l-konsegwenza negattiva riżultanti għall-funzjonament tal-missjonijiet u l-persunal, u potenzjalment għas-sikurezza tal-missjonijiet;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttaffi dawn in-nuqqasijiet, billi tipprepara mudell speċifiku għar-regoli finanzjarji għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK u billi tadatta linji gwida eżistenti għall-ħtiġijiet tagħhom, sabiex tiffaċilita t-tmexxija ta’ missjonijiet rapidi, flessibbli u iktar effiċjenti, filwaqt li tiggarantixxi ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-UE u protezzjoni adegwata tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; huwa tal-fehma li l-baġit għandu jiġi delegat lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili, bl-istess mod li kien sar għal Kapijiet ta’ Delegazzjonijiet tal-UE;
7. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippreżentaw stima annwali tal-ammont totali tan-nefqa ddedikata għall-politiki tas-sigurtà u tad-difiża, li tinkludi b’mod partikolari preżentazzjoni trasparenti tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, sabiex ikun hemm ġestjoni aktar effettiva tal-baġit allokat għal dan il-qasam fil-futur;
8. Iħeġġeġ bil-qawwa l-istabbiliment ta’ Ċentru għal Servizzi Kondiviżi (SSC), flimkien ma’ sistema ta’ ġestjoni ta’ riżorsi integrati (IRMS), bħala mod li bih tiżdied il-ħeffa tal-iskjerament, u l-kosteffiċjenza, ta’ missjonijiet ċivili; jiddeplora l-fatt li, s'issa, din l-inizjattiva rriżultat fi blokk; jinnota li attwalment qed tiġi kkunsidrata missjoni ta’ appoġġ, iżda jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jieħdu passi ulterjuri lejn it-twaqqif ta’ SSC ġenwina;
9. Jemmen li r-restrizzjonijiet kroniċi tas-SEAE/Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija tal-baġit amministrattiv għandhom jiġu mtaffija, billi l-baġit annwali allokat għadu żgħir wisq biex jaqdi kull kompitu ta' ppjanar, twettiq u appoġġ, notevolment fi żmien meta jiġu varati missjonijiet oħra kważi fl-istess ħin;
10. Huwa tal-fehma li l-Maħżen tal-PSDK permanenti, li bħalissa qed iservi biss għal missjonijiet ċivili ġodda tal-PSDK, għandu jittejjeb mill-iktar fis billi jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex jinkludi missjonijiet eżistenti u billi tittejjeb id-disponiibilità ta’ tagħmir maħżun, u ż-żieda wkoll fid-diversità tat-tagħmir maħżun; jipproponi li l-Maħżen tal-PSDK ikun immaniġġjat mill-SSC futur;
11. Jenfasizza l-ħtieġa għal persunal adegwat tal-missjonijiet f’konformità mad-diversi impenji magħmula mill-Istati Membri f’dan ir-rigward (pereżempju l-Objettiv Primarju Ċivili 2010, jew il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċità Ċivili); jiddeplora, madankollu, id-diffikultajiet biex jirreklutaw – u jżommu – numru suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat għal missjonijiet tal-PSDK; iħeġġeġ l-użu mifrux ta’ skjerament rapidu ta’ Timijiet ta’ Rispons Ċivili (CRTs), li jżidu l-kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE, jiffaċilitaw il-ħolqien rapidu ta’ missjonijiet u jikkontribwixxu għall-effettività ta’ rispons tagħha ta’ ġestjoni tal-kriżijiet;
12. Jiddispjaċih dwar l-opaċità u l-ispejjeż għoljin li huma prevalenti fil-proċess tal-għażla tal-kumpaniji privati magħżula biex jiżguraw is-sigurtà tal-persunal tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jitlob it-twaqqif ta’ kuntratt qafas tas-sigurtà speċifiku għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK sabiex jitbaxxew in-nollijiet mitluba mill-kumpaniji tas-sigurtà privati u biex dak il-proċess tal-għażla jkun aktar trasparenti; jemmen li l-kumpaniji Ewropej għandhom jiġu prijoritizzati f’dan il-kuntest;
Koerenza u komplementarjetà
13. Iqis li l-PSDK hija parti mid-dimensjoni esterna usa’ tal-PESK u tal-azzjoni esterna tal-UE kollha kemm hi kif ukoll bħala parti mid-dimensjoni interna tal-politiki tas-suq komuni, tal-industrija, tal-ispazju, tar-riċerka u tal-iżvilupp; jemmen bil-qawwa li l-koerenza u l-komplementarjetà għandhom jiġu żgurati bejn id-diversi strumenti biex jinkisbu ekonomiji ta’ skala u jiġi mmassimizzat l-impatt tal-infiq tal-UE; jinsab konvint li l-UE għandha aktar għodod u potenzjal ta’ effett ta’ lieva minn kwalunkwe istituzzjoni sopranazzjonali oħra, minħabba li l-politika tagħha ta’ sigurtà u difiża tista’ tissaħħaħ b’approċċ komprensiv b’tipi oħra ta’ strumenti u mekkaniżmi finanzjarji tal-UE; jemmen, għalhekk, li r-riżorsi tal-PESK għandhom jintużaw b’mod aktar intelliġenti, l-aktar permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa bejn l-istrumenti tal-PSDK u d-diversi programmi ta’ finanzjament mill-UE ġestiti mill-Kummissjoni;
14. Jitlob għal sinerġiji militari-ċivili aqwa fejn xieraq u b’mod partikolari biex jiġu kkunsidrati fil-bidu tal-proċessi tal-ippjanar, speċjalment fl-oqsma tal-bini, is-servizzi mediċi, il-loġistika, it-trasport u s-sigurtà ta’ missjonijiet, filwaqt li jiġu rispettati l-ktajjen ta’ tmexxija differenti u n-natura, l-objettivi u l-modi ta' funzjonament differenti ta’ missjonijiet ċivili u militari;
15. Jenfasizza t-tfaddil potenzjali li jirriżulta mit-trawwim ta’ sinerġiji fil-livell tal-UE fil-qasam militari, inklużi t-trasport, it-taħriġ u l-għajnuna medika; jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija għad-Difiża Ewropea fil-missjoni tagħha biex trawwem l-interoperabilità u s-sinerġiji fit-tagħmir tad-difiża u l-kapaċità tal-iskjerament fost l-Istati Membri tal-UE, iżda jiddeplora bil-qawwa li, filwaqt li titmexxa mill-VP/RGħ, għadha taħt l-awtorità tal-Kunsill u hija kompletament iffinanzjata barra mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk taħrab mill-iskrutinju demokratiku Ewropew;
16. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-reviżjoni ta’ Proċeduri tal-Ġestjoni ta’ Kriżijiet (CMP) maqbula fl-2013, peress li wasslu għal titjib fl-ippjanar u t-tnedija ta’ missjonijiet tal-PSDK; jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ li jsir aktar biex jingħelbu s-“silos” persistenti li jisseparaw partijiet differenti tal-makkinarju tal-politika barranija tal-UE;
17. Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf proċeduri finanzjarji permanenti għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE, l-EDA, l-ESA u l-Istati Membri fl-oqsma tal-PSDK u s-suq komuni, l-industrija, l-ispazju, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-politiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu regoli finanzjarji permanenti biex ikun hemm rabta bejn l-atturi tal-UE mill-oqsma tas-sigurtà interna (eż. Frontex, l-Europol, l-ENISA) mad-difiża esterna (eż. EDA, SEAE);
18. Jilqa’ l-implimentazzjoni ta’ proġett pilota dwar ir-riċerka tal-PSDK imwettaq b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-EDA kif propost mill-Parlament fil-baġit tal-2015 bil-għan li l-Aġenzija timplimenta l-objettivi tal-Unjoni u l-baġit tal-Unjoni; jiddispjaċih f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni ma pprovdiet lill-Parlament l-ebda valutazzjoni tal-potenzjal tal-Artikolu 185 tat-TFUE kif mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea(5);
19. Jilqa’ l-Pjan Direzzjonali ta ’ Implimentazzjoni għall-Komunikazzjoni dwar id-Difiża Ewropea u s-Settur tas-Sigurtà tal-Kummissjoni adottat fl-24 ta’ Ġunju 2014; jistieden lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward biex tispjega f’valutazzjoni tal-partijiet interessati b’liema mod il-benefiċjarji potenzjali kif ukoll l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali huma lesti li jużaw il-miżuri deskritti tal-FSIE, il-FEŻR, l-FSE jew l-Interreg V; jiddispjaċih, f’dan ir-rigward li l-proposti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu tard wisq biex jinfluwenzaw l-allokazzjoni tar-riżorsi kontinwa tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u biex jiġu kanalizzati mill-ġdid fondi tal-UE li jservu Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea aktar b’saħħitha (EDTIB);
20. Jilqa’ l-inizjattiva “Ħarreġ & tgħammar” li tiżgura t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab, bħala parti mit-tranżizzjoni jew strateġija ta’ ħruġ, billi tiffaċilita l-finanzjament ta’ forom varji ta’ ħardwer u tagħmir mhux letali għall-forzi tas-sigurtà u tad-difiża ta’ pajjiżi terzi u jappoġġja approċċ konġunt mill-SEAE u l-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni; jappoġġja l-ħolqien ta’ ċelloli tal-proġett, li fih jistgħu jikkontribwixxu l-Istati Membri jew pajjiżi terzi li jgħin biex jiġi żgurat kunsinna ta’ malajr u ta’ xiri tal-ħtiġijiet tas-sigurtà għall-pajjiżi ospitanti billi jiġi pprovdut appoġġ għall-proġetti u huwa tal-fehma li dawn għandhom jintużaw b’mod sistematiku;
21. Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva 2009/81 /KE (dwar l-akkwist pubbliku) u tad-Direttiva 2009/43 /KE (dwar trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fis-suq domestiku); jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-fatt li l-kumpaniji Ewropej li joperaw fil-qasam tad-difiża għandu jkollhom arranġamenti legali u finanzjarji speċifiċi sabiex ikunu kompetittivi kif ukoll biex jappoġġaw l-isforzi nazzjonali tal-konsolidazzjoni tal-kapaċitajiet tad-difiża;
Finanzjament tal-operazzjonijiet militari
22. Jirrikonoxxi li l-operazzjonijiet militari huma ffinanzjati mill-Istati Membri barra mill-baġit tal-UE u li l-ispejjeż komuni tagħhom huma koperti permezz tal-mekkaniżmu ATHENA; jenfasizza li ATHENA huwa kruċjali għall-użu malajr ta’ dawk l-operazzjonijiet u huwa strument ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li jħeġġiġhom, b’mod speċjali dawk li m’għandhomx riżorsi finanzjarji u operattivi, biex jikkontribwixxu għal operazzjonijiet tal-PSDK; jiddispjaċih, madankollu, li l-proporzjon tal-ispejjeż komuni għadu baxx ħafna (bejn wieħed u ieħor 10-15 % tal-ispejjeż kollha) u li l-proporzjon għoli tal-ispejjeż u r-responsabbiltajiet li jinġarru minn nazzjon fl-operazzjonijiet militari jmur kontra l-prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ qsim tal-piżijiet, li jiskoraġġixxi ulterjorment lill-Istati Membri milli jieħdu parti attiva fl-operazzjonijiet tal-PSDK; jinsab imħasseb li din is-sitwazzjoni, b’mod speċjali fil-kuntest tan-nuqqas tar-rieda tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-ġenerazzjoni tal-forzi tal-operazzjonijiet, ixxekkel l-iskjerament rapidu tal-operazzjonijiet tal-PSDK u tipperikola l-effiċjenza globali tagħhom; jemmen li l-finanzjament fit-tul ta’ missjonijiet militari għandu jkun żgurat;
23. Jiddeplora f'dan il-kuntest li r-reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena, li kellha sseħħ sa tmiem l-2014, ipproduċiet biss riżultati limitati, bħall-organizzazzjoni ta' forma ta' prefinanzjament ta' ċerti spejjeż biex jitħaffef l-użu; jiddispjaċih li l-Kunsill ma laħaqx ftehim dwar l-inklużjoni ta' finanzjament għall-ispiża tal-użu strateġiku ta' gruppi tattiċi tal-UE fil-lista ta' spejjeż komuni mħallsa sistematikament minn Athena, u minflok ġiet adottata biss deċiżjoni rinnovabbli għal perjodu ta' sentejn; jitlob lill-Kunsill Ewropew għad-Difiża li jmiss biex iqis espansjoni ulterjuri tal-ispejjeż komuni eliġibbli taħt Athena, bħall-finanzjament awtomatiku tan-nefqa fuq l-użu operattiv u tal-missjonijiet tal-PSDK (infrastruttura għas-soġġorn tal-forzi, spejjeż b'rabta mat-twaqqif ta' punti ta' dħul għal truppi f'postijiet ta' operazzjoni u stokkijiet ta' sigurtà tal-ikel u l-fjuwil meta jkun meħtieġ);
24. Jappoġġja inizjattivi li jesploraw il-possibilità li jiġu attirati u li jkunu amministrati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fi ħdan Athena; jappoġġja wkoll l-għażla ta’ “finanzjament konġunt”, fejn numru iżgħar ta’ pajjiżi parteċipanti jista’ jiffinanzja xi kostijiet operattivi tal-missjonijiet, bil-kundizzjoni li l-kontribuzzjonijiet tagħhom huma amministrati minn Athena u jissupplimentaw iktar milli jissostitwixxu l-ispejjeż komuni;
25. Ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi lill-UE b’dispożizzjonijiet ġodda tal-PSDK li għadhom mhux qed jiġu sfruttati; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jagħmel użu mill-Artikolu 44 TUE, li jippermetti lil grupp ta’ dawk l-Istati Membri li jixtiequ jingħaqdu biex jimxi ’l quddiem bl-implimentazzjoni ta’ missjoni li taqa’ taħt il-PSDK; iqis li hemm ħtieġa urġenti għal proċess iktar mgħaġġel ta' teħid ta' deċiżjonijiet; huwa tal-fehma li l-mekkaniżmi ta' finanzjament ad hoc għal operazzjoni militari għandhom ikopru iktar mill-ispejjeż komuni tradizzjonali minn Athena;
26. Jistieden lill-Kunsill biex jibda, matul din is-sena, it-twaqqif tal-fond ta’ tnedija (previst mill-Artikolu 41(3) TUE) għal finanzjament urġenti tal-ewwel fażijiet ta' operazzjonijiet militari, li jistgħu jservu wkoll bħala għodda b’saħħitha għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet; jistieden lill-Kunsill biex iressaq proposta dwar kif f’sitwazzjoni ta’ kriżi tista’ tiġi mwettqa b’mod rapidu l-konsultazzjoni tal-Parlament; jinnota li, filwaqt li l-missjonijiet ċivili jibbenefikaw minn baġit dedikat għal miżuri preparatorji, l-użu u l-effiċjenza tal-missjonijiet militari jibqa’ strutturalment imxekkel sakemm din il-possibbiltà ma tintużax; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jieħdu sehem fil-kooperazzjoni strutturata permanenti prevista fl-Artikolu 46 TUE, li għandha wkoll tikseb konsiderevolment aktar malajr it-titjib urġentement meħtieġ tal-kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE; jiddispjaċih f’dan ir-rigward għan-nuqqas ta’ sustanza fil-Qafas ta’ Politika għall-Kooperazzjoni fid-Difiża Sistematika u fit-Tul tal-Kunsill adottat fit-18 ta’ Novembru 2014 minħabba li dan id-dokument jiddeskrivi biss prassi attwali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposta meħtieġa sabiex jiġi ċċarat kif il-baġit tal-UE jista’ jiffaċilita t-twaqqif ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u l-ħidma tal-kooperazzjoni militari fi żminijiet ta’ paċi fi ħdan il-qafas ta’ PESCO;
27. Jinsab sorpriż li s’issa m’hemm l-ebda inċentiv fiskali fil-livell Ewropew fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-akkomunament; jieħu nota tas-sejħa mill-Kunsill ta’ Diċembru 2013 biex arranġamenti bħal dawn jiġu esplorati, u jiddispjaċih li, wara sena, id-diskussjonijiet għadhom ma pproduċew l-ebda miżura tanġibbli f’dan ir-rigward; jinnota li l-Gvern Belġjan diġà jagħti eżenzjonijiet tal-VAT, fuq bażi ad hoc, għall-fażijiet preparatorji ta’ ċerti proġetti tal-EDA, eż. għall-komunikazzjonijiet bis-satellita; jemmen li tali eżenzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod naturali u għandhom jiġu estiżi għall-infrastruttura u għall-programmi speċifiċi relatati mal-kapaċitàjiet, billi jittieħed bħala mudell il-mekkaniżmu eżistenti fi ħdan in-NATO jew il-mekkaniżmu eżistenti tal-UE għall-infrastrutturi tar-riċerka ċivili; jitlob għall-iżvilupp ta’ kwalunkwe inċentiv ieħor li jista’ jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fil-kapaċità bejn l-Ewropej;
Trasparenza u responsaibilità
28. Jenfasizza li t-trasparenza u r-responsaibilità huma rekwiżiti essenzjali mhux biss għal skrutinju demokratiku iżda wkoll għall-funzjonament adegwat, u l-kredibilità, tal-missjonijiet imwettqa taħt il-bandiera tal-UE; itenni l-importanza mogħtija mill-Parlament lill-eżerċitar ta' sorveljanza tal-mod li bih id-diversi missjonijiet u operazzjonijiet PSDK jiġu bbaġitjati; jilqa’ b’sodisfazzjon il-mekkaniżmi ta’ rappurtar previsti mill-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013, bħar-rapporti ta’ kull tliet xhur dwar il-baġit tal-PESK u l-laqgħat ta’ konsultazzjoni konġunta dwar il-PESK; jilqa’ l-impenn magħmul mill-VP/RGħ biex jagħti nifs ġdid fil-laqgħat imsemmija l-aħħar u biex jintroduċi grad xieraq ta’ flessibilità fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom sabiex il-Parlament jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar il-missjonijiet militari u dwar il-ħidma u l-aġenda tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà; isostni li kwalunkwe titjib fil-flessibilità u l-effiċjenza tal-finanzjament u fit-twettiq tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ma jistax jikkomprometti l-iżviluppi pożittivi miksuba fir-rigward tat-trasparenza u r-responsabilità fl-interventi tal-PSDK; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 49(1)(g) tar-Regolament Finanzjarju, sabiex tipproponi linji speċifiċi għal kull missjoni ċivili tal-PSDK taħt il-kapitlu dwar il-PESK u sabiex tinkludi bilfors fir-rapport annwali ta’ attività skema dettaljata dwar kull missjoni individwali abbażi tal-parteċipanti tagħha u l-ispejjeż imġarrba;
29. Jistenna b’interess inizjattivi li jġibu ċarezza u konsistenza fir-rigward tal-iffinanzjar u r-regoli operattivi li japplikaw għal missjonijiet ċivili; jilqa’ b’sodisfazzjon, fid-dawl tad-diskussjoni li għaddejja dwar il-flessibilità fir-regoli finanzjarji, l-impenn tal-Kummissjoni li tħejji mudell speċifiku għall-missjonijiet kollha ta’ PSDK, u li tadatta l-linji gwida eżistenti għall-ħtiġijiet tagħhom;
Tisrif tal-kliem f’għemil
30. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex ikun minn ta’ quddiem fir-rigward tal-PSDK u biex ikollu rwol ta’ tmexxija biex jitkissru s-silos billi jiżgura koordinazzjoni bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE, u billi jiggarantixxi l-koerenza fi ħdan l-aħħar żewġ korpi; jissuġġerixxi li r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE jistgħu jiġu fdati b’mandat li jtejbu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn id-diversi atturi tal-UE fuq il-post, sabiex tiżdied il-koerenza tal-azzjoni tal-UE u jiġu trasformati diversi sorsi ta’ finanzjament minn sfida f’vantaġġ;
31. Huwa tal-fehma li l-Kunsill Ewropew għad-Difiża li jmiss m’għandhux jitlef l-opportunità li jżomm diskussjoni profonda u jipproduċi proposti konkreti dwar ir-riforma tal-arranġamenti finanzjarji għal missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, sabiex dawn ikunu iktar effiċjenti u ta' suċċess; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwettqu l-impenji meħuda fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013; iqis li huwa xieraq li fil-Kunsill Ewropew li jmiss dwar id-difiża, jiġu adottati miżuri konkreti biex jissaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Unjoni b’komplementarjetà man-NATO, biex tiġi appoġġata u kkonsolidata l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u jingħata sostenn lil bażi industrijali u teknoloġika komuni;
32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-isforzi magħmula mill-Istati Membri fid-dawl tal-implimentazzjoni operazzjonali tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet baġitarji li qed jiffaċċjaw ċerti Stati Membri;
o o o
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO.