Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2206(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0161/2015

Testi mressqa :

A8-0161/2015

Dibattiti :

PV 08/06/2015 - 14
CRE 08/06/2015 - 14

Votazzjonijiet :

PV 09/06/2015 - 4.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0219

Testi adottati
PDF 382kWORD 119k
It-Tlieta, 9 ta' Ġunju 2015 - Strasburgu
Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi
P8_TA(2015)0219A8-0161/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2015 tal-dwar ''Strateġija għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi'' (2014/2206(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-1 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Kummerċ, tkabbir u proprjetà intellettwali – Strateġija għall-ħarsien u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi" (COM(2014)0389),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi terzi(1) u l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 11(1) u 17(2) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020 (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-impatt ekonomiku tal-iffalsifikar u l-piraterija, kif aġġornat fl-2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-OECD dwar il-piraterija tal-kontenut diġitali,

–  wara li kkunsidra l-istudju konġunt tal-2013 mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UEP/UASI) dwar l-industriji intensivi fid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali: kontribut għall-prestazzjoni ekonomika u għall-impjiegi fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra Dokument ta’ Ħidma tal-Politika għall-Kummerċ tal-2010 mill-OECD dwar "Kontributi Politiċi għat-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali f’Pajjiżi li qed Jiżviluppaw",

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-promozzjoni tal-aċċess għal teknoloġiji mediċi u l-innovazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ(2) (Regolament dwar l-ostakoli għall-kummerċ),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 816/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-liċenzjar obbligatorju ta' privattivi relatati mal-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li għandhom problemi ta' saħħa pubblika(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 953/2003 tas-26 ta’ Mejju 2003 biex jevita diversifikazzjoni fil-kummerċ fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti mediċini prinċipali(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS) u d-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-saħħa pubblika adottata mill-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fl-14 ta’ Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Ftehim TRIPS u l-aċċess għall-mediċini(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar l-infurzar doganali tal-UE tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali — Riżultati fil-fruntiera tal-UE 2013(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR) għas-snin 2013 sal-2017(12),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0161/2015),

A.  billi l-kompetittività tal-UE saret u se tkun ibbażata dejjem aktar fuq il-kreattività u l-innovazzjoni, u billi t-''tkabbir intelliġenti'', jiġifieri l-iżvilupp ta’ ekonomija msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni, huwa wieħed mit-tliet prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020;

B.  billi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-innovazzjoni u l-kreattività; billi l-protezzjoni tagħhom hija kwistjoni ewlenija għall-kompetittività tal-Ewropa u billi, għalhekk, l-UE teħtieġ strateġija aktar ambizzjuża dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tas-sħab kummerċjali tagħha;

C.  billi huwa essenzjali li jiġi promoss it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni, in-negozju, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-proprjetà intellettwali; billi l-proċeduri għall-ġlieda kontra l-ksur tal-IPR jiswew il-flus u jieħdu l-ħin, b’mod partikolari għall-SMEs, inklużi detenturi tad-drittijiet individwali;

D.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, huma marbuta bil-Ftehim dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), u għalhekk huma impenjati li jadottaw u jimplimentaw standards minimi ta' miżuri effikaċi kontra kwalunkwe ksur tal-IPR;

E.  billi d-dibattitu dwar l-IPR għandu jkun ibbażat fuq riflessjoni kwalifikata ta’ esperjenzi tal-passat kif ukoll fuq xejriet teknoloġiċi tal-ġejjieni, filwaqt li jżomm il-konsistenza bejn l-aspetti interni u esterni u jiddistingwi bejn l-ambjenti fiżiċi u diġitali, fejn xieraq, filwaqt li jqis it-tħassib tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-SMEs u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, u jimmira li jiżgura trasparenza sħiħa ta’ interessi u leġittimità adegwata biex jintlaħaq bilanċ ġust bejn l-interessi kollha involuti;

F.  billi l-iffalsifikar m'għadux aktar ristrett għal prodotti ta’ lussu, iżda jinkludi wkoll oġġetti użati b’mod komuni, bħal ġugarelli, mediċini, kosmetiċi u ikel li, jekk jiġu ffalsifikati, jistgħu jikkaġunaw korrimenti jew joħolqu riskji serji għas-saħħa tal-konsumaturi;

G.  billi fl-2013 l-awtoritajiet doganali tal-UE żammew kważi 36 miljun oġġett suspettati li huma fi ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bil-valur tal-merkanzija interċettata jisboq EUR 760 miljun;

H.  billi 72 % tal-qbid kollu fl-2013 kien relatat ma' kunsinni żgħar; billi għar-raba’ sena konsekuttiva, il-mediċini kienu fl-ogħla kategorija, u jikkostitwixxu 19 % ta’ dan il-qbid u 10 % tal-qbid kollu;

I.  billi huwa neċessarju li jiġi miġġieled il-ksur tal-IPR sabiex: jitnaqqsu r-riskji li jistgħu jippreżentaw għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur u għall-ambjent; jitħares il-ħolqien tal-valur fl-UE u f’pajjiżi terzi; jiġu evitati konsegwenzi ekonomiċi u soċjali għan-negozji tal-UE u l-ħallieqa; u jiġu evitati r-riskji għad-diversità kulturali fl-Ewropa u f’pajjiżi terzi; billi jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li tibbenefika mill-kummerċ f’oġġetti ffalsifikati jew mill-piraterija;

J.  billi qafas ġuridiku komprensiv tal-IPR għandu jkun ikkombinat ma’ infurzar effettiv, b’referenza, fejn xieraq, għal miżuri ta’ infurzar u penali, filwaqt li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ infurzar tal-IPR ma jtaqqlux bla bżonn il-kummerċ leġittimu;

K.  billi karatteristika importanti tal-ħarsien tal-proprjetà intellettwali tikkonsisti fl-infurzar korrett tal-liġijiet u tal-impenji internazzjonali eżistenti, fosthom l-istatuti tal-penali;

Kummenti ġenerali

1.  Japprezza l-approċċ segwit mill-Kummissjoni, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mas-sejħa għal bilanċ bejn l-interessi diverġenti;

2.  Iqis li d-dibattitu dwar bilanċ ġust bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u l-interessi tal-utenti aħħarin huwa multidimensjonali u kumplessa ħafna, b’interessi ekonomiċi fuq in-naħat kollha; iqis li l-Kummissjoni għandha tesplora kif jista' jsir dibattitu pubbliku infurmat u trasparenti dwar il-protezzjoni u l-infurzar tal-proprjetà intelletwali u xi jfisser għall-konsumaturi; iqis li l-appell għal involviment imtejjeb mill-partijiet interessati fid-dibattitu dwar l-IPR jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn passi li jiżguraw it-trasparenza u l-leġittimità għall-parteċipanti kollha; iqis li m’hemm l-ebda evalwazzjoni fil-komunikazzjoni li tqis l-Istrateġija tal-2004 għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi terzi kif ukoll it-twarrib tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA);

3.  Jenfasizza li mhuwiex ċar biżżejjed b’liema mod u b’liema metodu jistgħu jinkisbu r-riżultati inklużi fil-komunikazzjoni, b’mod partikolari rigward liema riżorsi se jintużaw u minn fejn se jittieħdu, anke meta wieħed iqis ir-riżorsi limitati disponibbli biex jappoġġjaw lid-detenturi tad-drittijiet tal-UE li jesportaw jew li jistabbilixxu lilhom infushom fi swieq terzi;

4.  Iqis li m’hemm l-ebda indikazzjoni ċara ta’ koordinazzjoni bejn il-politiki interni u l-politiki esterni dwar il-protezzjoni tal-IPR, u jenfasizza l-importanza li jsir titjib intern dwar din il-kwistjoni; jirrikonoxxi li l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni ma jiċħadx il-ħtieġa ta' approċċ imfassal apposta, li jirrikonoxxi l-fatti speċifiċi u ċ-ċirkostanzi li jkunu jeżistu f’suq ta’ pajjiż terz inkwistjoni;

5.  Jenfasizza li l-ħarsien tal-IPR għandu jitqies bħala l-ewwel pass – meħtieġ iżda mhux biżżejjed – lejn il-ħolqien ta’ aċċess għal suq ta’ pajjiż terz, u li l-abbiltà li wieħed jeżerċita b’mod effettiv id-drittijiet rikonoxxuti tal-proprjetà intelletwali tiddependi minn ħarsien sostantiv, inkluż l-infurzar effettiv u r-rimedji, fil-pajjiż ikkonċernat;

6.  Jenfasizza li n-natura kummerċjali ta’ bosta każijiet ta’ ksur tal-IPR, u l-involviment dejjem jikber tal-kriminalità organizzata fihom, saret kwistjoni ewlenija; jiddispjaċih li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Palermo) għad m'għandhiex protokoll dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom b’mod konsiderevoli sabiex dan iseħħ;

7.  Japprezza u jappoġġja l-għan ta’ koerenza aħjar bejn il-protezzjoni u l-infurzar tal-IPR u politiki oħra, u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex tintlaħaq din il-mira; iqis li l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u miżuri adegwati biex jiġġieldu kontra l-ksur tal-IPR, jistgħu jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa u għall-iżvilupp ta’ suq diġitali ġust, sostenibbli, b’garanzija għall-futur u favur l-innovazzjoni;

8.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha sabiex tidentifika prijoritajiet ġeografiċi, billi tuża bħala punt ta’ tluq ir-rapporti biennali tagħha dwar il-protezzjoni u l-infurzar tal-IPR f’pajjiżi terzi;

9.  Iqis li l-istrateġija ma tirrikonoxxix biżżejjed id-distinzjoni bejn il-falsifikazzjoni fiżika tal-marki kummerċjali u l-privattivi minn naħa, u l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, b’mod speċjali fl-ambjent diġitali, min-naħa l-oħra; jinnota li billi l-pass lejn id-diġitizzazzjoni qed ikun dejjem aktar mgħaġġel, il-kwistjoni ta’ protezzjoni u infurzar tal-IPR fid-dinja diġitali ser issir iktar importanti madwar id-dinja;

10.  Iqis li l-istrateġija għandha tkun adattata aħjar għall-ambjent diġitali u tinkludi kollaborazzjoni qawwija mal-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq biex tkun żgurata l-koerenza orizzontali;

11.  Jenfasizza li l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom huma importanti daqs tipi oħra ta’ proprjetà intellettwali hekk kif dawn jiżguraw li l-prodotti jkunu traċċabbli sal-ħin tal-konsum u jissalvagwardjaw l-għarfien tal-produtturi;

12.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jkunu rikonoxxuti u protetti b’mod ġenwin meta tkun qed tinnegozja ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP);

13.  Huwa tal-fehma li l-ftehim TRIPS għandu jiġi implimentat b’mod effettiv u bilanċjat fejn xieraq u li kwalunkwe flessibbiltà fil-formulazzjoni tiegħu għandha tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju fundamentali ta’ trattament mhux diskriminatorju għal kull qasam tat-teknoloġija, kif stabbilit fl-Artikolu 27(1) tiegħu; jemmen li d-Dikjarazzjoni ta’ Doha għandha tiġi kkunsidrata wkoll, filwaqt li jenfasizza li ħarsien u infurzar imsaħħa tal-proprjetà intellettwali mhux biss jibbenefikaw lill-pajjiżi tal-UE iżda jgħinu wkoll lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibnu u jiżviluppaw l-oqfsa domestiċi meħtieġa li jinkoraġġixxu u jipproteġu l-innovazzjoni u r-riċerka, kwistjoni ta’ rilevanza dejjem akbar hekk kif dawn jimxu 'l quddiem fi ħdan ktajjen ta’ valur kummerċjali internazzjonali;

L-infurzar u l-għarfien tal-pubbliku

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ dibattitu pubbliku infurmat, bilanċjat u aktar trasparenti dwar l-infurzar, bl-involviment tal-partijiet interessati kollha u li jibbilanċja l-interessi privati u pubbliċi kollha;

15.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien fost il-konsumaturi dwar it-telf finanzjarju, il-ħsara għall-innovazzjoni u l-kreattività u, f'xi każijiet, il-periklu għas-saħħa u s-sigurtà kkawżat mix-xiri jew l-aċċess għal oġġetti li jiksru l-IPR; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li infurzar aktar b’saħħtu waħdu mhux se jsolvi t-tħassib eżistenti u futur dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali u l-infurzar, u għandu jkun kumplimentari għal żieda fl-għarfien fost il-konsumaturi; jenfasizza r-rwol tas-settur tan-negozju f’dan ir-rigward;

16.  Iqis li huwa ċar li għandu jinkiseb l-appoġġ tal-pubbliku favur l-IPR; jinnota f’dan il-kuntest il-ħidma tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), li tinkludi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini dwar l-impatti tal-ksur tal-proprjetà intelletwali fuq skala kummerċjali;

L-internet u l-IPR

17.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-memorandum ta’ ftehim, iffirmat fl-4 ta’ Mejju 2011, bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-pjattaformi tal-internet fi sforz konġunt biex jitnaqqas il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati permezz ta’ pjattaformi tal-kummerċ elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidħlu fi djalogu strutturat ma’ pjattaformi onlajn dwar kif l-aħjar li jiġi identifikat u ttrattat il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati;

18.  Jinnota li l-problema tal-ksur tal-IPR żdiedet f’dawn l-aħħar snin b'konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni u l-għadd dejjem jikber ta’ pjattaformi ta’ bejgħ diġitali, fejn jinbiegħu u jitqassmu prodotti ffalsifikati mad-dinja kollha mingħajr mezzi effettivi ta’ kontroll; jitlob f’dan ir-rigward li ssir riflessjoni aktar fil-fond immirata lejn l-adozzjoni ta’ għodod aktar effiċjenti biex jikkontrollaw il-bejgħ onlajn ta’ prodotti fiżiċi;

19.  Iqis li l-formulazzjoni tal-istrateġija dwar il-promozzjoni ta’ protezzjoni b'saħħitha tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fuq l-internet se jeħtiġilha tkun aktar speċifika sabiex jiġu ppreżentati objettivi konkreti;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN) u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ protezzjoni għal indikazzjonijiet ġeografiċi fuq l-internet;

21.  Iqis li r-responsabbiltajiet ta’ intermedjarji jeħtieġ li jiġu evalwati bir-reqqa; kien jilqa' f’dan ir-rigward strateġija aktar sofistikata, filwaqt li jirrikonoxxi li din il-kwistjoni hija suġġett ta’ dibattitu separat;

L-iżvilupp u l-ekonomiji emerġenti

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta’ ambjent li fih l-interessi tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi huma konverġenti, u jkun hemm interess reċiproku fil-ħolqien ta’ oqfsa ta’ protezzjoni ta’ standard għoli flimkien ma’ rimedji effettivi biex jitneħħew il-lakuni fil-protezzjoni tal-IPR; jinnota l-ħtieġa li ssir distinzjoni bir-reqqa bejn iċ-ċirkostanzi differenti ta’ “pajjiżi li qed jiżviluppaw”, u bejn il-kwistjonijiet kummerċjali involuti, filwaqt li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ pajjiżi individwali li qegħdin jiżviluppaw;

23.  Jilqa’ il-ħidma li saret mill-Kummissjoni fl-appoġġ, fuq bażi ta’ każ b’każ, ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw li jixtiequ jtejbu s-sistemi tal-IPR tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika dawn l-isforzi billi tibqa' tipprovdi assistenza teknika adegwata fil-forma ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni, assistenza leġiżlattiva u taħriġ ta’ uffiċjali, filwaqt li jitqies il-livell ta’ żvilupp f’kull pajjiż;

L-aċċess għall-mediċini

24.  Jaqbel mas-sejħa għal rispons wiesa' għal din il-problema kumplessa u multidimensjonali tar-relazzjoni bejn l-IPR u l-aċċess universali għal mediċini li jkunu għall-but ta’ kulħadd, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni f’dan il-kuntest lejn l-importanza li fis-settur farmaċewtiku jkun hemm approċċ għall-IPR li jiffoka fuq il-pazjent;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżguraw appoġġ għal djalogu kostruttiv dwar l-aċċess għal mediċini li jinvolvi l-partijiet interessati rilevanti kollha, u biex isibu modi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-mediċini għall-popolazzjonijiet tal-ifqar pajjiżi, li ma jistgħux jiksbu l-aħjar trattamenti disponibbli bħalissa;

26.  Huwa tal-fehma li, filwaqt li l-interessi u l-kompetittività ta’ kumpaniji farmaċewtiċi tal-UE għandhom jiġu protetti billi tiġi ppreżervata l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni, filwaqt li jittieħed kont tal-fatt li xi intrapriżi tal-UE jipprovdu aċċess għall-mediċini permezz ta’ programmi ta’ assistenza u bi prezzijiet imraħħsa skont il-kwantità, jeħtieġ li l-prezzijiet tal-mediċini jkunu jintlaħqu min-nies tal-pajjiż fejn ikunu qed jinbiegħu, l-appoġġ għall-użu tal-flessibbiltajiet previsti fil-Ftehim TRIPS u rikonoxxuti fid-Dikjarazzjoni ta’ Doha jsir fattur essenzjali, filwaqt li jitqies ukoll it-tfixkil tas-suq ikkawżat mill-bejgħ mill-ġdid ta’ mediċini f’pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu sforzi ħalli jiġi żgurat li l-miżuri konfinali intiżi sabiex jostakolaw l-importazzjoni ta’ mediċini ffalsifikati ma jaffettwawx b’mod negattiv it-tranżitu ta’ mediċini ġeneriċi;

27.  Jenfasizza li l-kumpaniji għandhom jitħeġġew jikkollaboraw aħjar fl-ambjent kompetittiv tagħhom u jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi bil-għan li jiġi garantit aċċess akbar u mtejjeb għall-mediċini fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi; Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mekkaniżmi innovattivi ta’ sostenn bħal ġabriet ta’ privattivi li jistimolaw ir-riċerka filwaqt li tiġi żgurata l-produzzjoni ġenerika;

28.  Iqis li l-Unjoni jeħtiġilha tidħol f’dibattitu usa’ b'rabta mal-promozzjoni tal-kura tas-saħħa madwar id-dinja, inklużi strateġiji biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tistimola l-esportazzjonijiet bikrija ta’ mediċini ġeneriċi u bijosimili manifatturati fl-UE hekk kif dawn ma jibqgħux protetti bi privattiva f’pajjiżi terzi;

Nipprovdu data aħjar

30.  Iqis li xi data statistika kkwotata fil-komunikazzjoni tnisslet bl-użu ta’ metodoloġija kontroversjali u diġà kkritikata, u li d-data statistika għandha tittejjeb sabiex tirrifletti aħjar is-sitwazzjoni attwali rigward ċ-ċentralità tal-IPR u l-protezzjoni u l-infurzar tagħhom għall-ekonomija tal-UE, u dan mhux biss biex tinforma u ttejjeb il-politika eżistenti iżda biex tkompli tappoġġja l-prinċipju ta’ tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza;

31.  Jaqbel mar-raġunament tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ Osservatorju tal-UE dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, u jitlob li jiġu allokati riżorsi ddedikati;

32.  Jirrimarka li l-Osservatorju għandu jkun kompost b'mod komprensiv u m’għandux jirreplika korpi diġà eżistenti;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem lejn Osservatorju li jżomm l-indipendenza tiegħu, biex tiżgura li ħidmietu ma tkunx imminata minn preġudizzji reali jew perċepiti;

Il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-kooperazzjoni fi ħdan l-UE

34.  Jirrikonoxxi li politiki adegwatament armonizzati, interni u mtejba b'rabta mal-IPR jistgħu jkunu utli fl-isforz biex jitjieb l-istandard tal-protezzjoni u l-infurzar tal-IPR fil-livell globali;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri lejn ir-ratifika tat-Trattat tad-WIPO dwar il-Liġi tal-Marki Kummerċjali, l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim tal-Aja u l-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom, u ftehimiet internazzjonali oħrajn relatati mal-IPR;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi ulterjuri f’konformità mal-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika tal-Green Paper tagħha “Nagħmlu l-aħjar mill-kompetenzi tradizzjonali tal-Ewropa” (COM(2014)0469) fir-rigward tal-estensjoni possibbli tal-Unjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti mhux agrikoli;

Il-protezzjoni u l-infurzar tal-IPR f’pajjiżi terzi

37.  Jappoġġja l-wegħda tal-Kummissjoni li bħala prijorità tippromwovi l-infurzar u l-ħarsien aħjar tal-IPR fid-WTO u fi kwalunkwe areni internazzjonali oħrajn, u b’hekk jinfetħu swieq ġodda għall-esportaturi Ewropej u jitjieb l-aċċess għas-suq eżistenti;

38.  Jinnota li l-għoti ta’ status ta’ ekonomija tas-suq f’termini ta’ strumenti ta’ difiża tal-kummerċ jiddependi, fost kriterji oħra, fuq il-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali fil-pajjiż ikkonċernat;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw l-IPRs b'mod iktar effettiv fl-organizzazzjonijiet multilaterali relevanti kollha (id-WTO, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali), u biex jaħdmu lejn l-inklużjoni fis-sistema tad-WTO ta’ dawk il-ftehimiet internazzjonali relatati mal-IPR li għadhom ma jagħmlux parti minnha, bħat-Trattat tad-WIPO dwar il-Liġi tal-Marki Kummerċjali, it-Trattat tad-WIPO dwar il-Fonogrammi u l-Prestazzjoni, it-Trattat tad-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim tal-Aja u l-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom;

40.  Iqis li fin-negozjati għal ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles għandha tingħata attenzjoni adegwata lill-kapitoli dwar il-proprjetà intellettwali, u li l-partijiet li qed jinnegozjaw għandhom jirrikonoxxu li d-dritt li wieħed imexxi negozju għandu jqis ir-rispett tal-IPR u l-konformità mal-oqfsa ġuridiċi eżistenti; jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni li saret sa issa fl-integrazzjoni b’suċċess tal-kapitoli dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali u l-infurzar fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bilaterali;

41.  Iqis li r-ratifika tat-trattati tad-WIPO elenkati hawn fuq għall-inklużjoni fis-sistema tad-WTO għandha tiġi inkluża fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bilaterali konklużi mill-Unjoni;

42.  Jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li tistabbilixxi djalogi dwar il-proprjetà intellettwali u gruppi ta’ ħidma ma' pajjiżi prijoritarji li magħhom m'hemmx negozjati komprensivi għaddejjin, u dan bil-għan li jinkisbu u jissaħħu impenji speċifiċi dwar il-ħarsien u l-infurzar tal-proprjetà intellettwali; jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu l-IPR fuq l-aġenda ta’ laqgħat politiċi ta’ livell għoli meta ma jkunx qed isir progress fil-livell ta’ djalogi dwar il-proprjetà intelletwali kif ukoll fil-livell ta’ laqgħat bejn l-aġenziji;

43.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-IPR bejn l-Unjoni u blokok reġjonali oħra għandha tissaħħaħ kull meta jkun possibbli;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rikors aktar regolari għall-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, inkluż il-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO, meta jinkisru d-drittijiet ta’ operaturi ekonomiċi tal-Unjoni, inklużi d-detenturi kollha tal-IPR;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-pajjiżi terzi jagħtu rikonoxximent reċiproku lid-dritt tal-esperti ġuridiċi tal-proprjetà intellettwali li jipprattikaw;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni doganali fl-Unjoni u mal-pajjiżi terzi għall-qbid ta' prodotti ffalsifikati, u jissemplifikaw il-proċeduri doganali;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-awtur u l-liċenzjar;

48.  Jinsab konvint li t-titjib fil-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u fl-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli rilevanti f'pajjiżi terzi jissarraf f'inċentiv qawwi għall-investituri mill-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha biex jinvestu, jaqsmu ħiliet teknoloġiċi ġodda u jaġġornaw it-teknoloġiji eżistenti;

Assistenza f’pajjiżi terzi u l-enfasi ġeografika

49.  Jinnota li xi Stati Membri għandhom attachés tal-proprjetà intelletwali fi ħdan id-delegazzjonijiet tagħhom f’ċerti pajjiżi ewlenin; jemmen li koordinazzjoni aħjar u qsim ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri jistgħu jipprovdu opportunitajiet ġodda sabiex jintlaħqu għanijiet komuni f’termini ta’ protezzjoni tal-proprjetà intelletwali f’pajjiżi terzi;

50.  Iqis li l-operaturi ekonomiċi tal-UE u l-konsumaturi f’pajjiżi terzi fejn il-ksur tal-IPR huwa aktar komuni għandhom jiġu partikolarment protetti permezz ta’ estensjoni tal-Helpdesk tal-IPR;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 129, 26.5.2005, p. 3.
(2) ĠU L 349, 31.12.1994, p. 71.
(3) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.
(4) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 1.
(5) ĠU L 135, 3.6.2003 p. 5. 5.
(6) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(7) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15.
(8) ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 591.
(9) ĠU C 45E, 23.2.2010, p. 47.
(10) ĠU C 50E, 21.2.2012, p. 48.
(11)  http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/customs/customs_controls/counterfeit_piracy/statistics/2014_ipr_statistics_en.pdf.
(12) ĠU C 80, 19.3.2013, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza