Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2151(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0169/2015

Testi mressqa :

A8-0169/2015

Dibattiti :

PV 08/06/2015 - 15
CRE 08/06/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 09/06/2015 - 4.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0220

Testi adottati
PDF 405kWORD 141k
It-Tlieta, 9 ta' Ġunju 2015 - Strasburgu
Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta' Azzjoni tal-UE
P8_TA(2015)0220A8-0169/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar "Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE" (2014/2151(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali(1) ("id-Direttiva tal-Infurzar tad-DPI"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru.386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b’ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta’ rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal- proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UASI u tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) ippreżentat f’Settembru 2013 u intitolat “Intellectual property rights intensive industries : contribution to economic performance and employment in the European Union”,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Ġunju 2008 bit-titolu '"Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" – "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa' (COM(2008)0394),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Settembru 2009 dwar "Li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern" (COM(2009)0467),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta' Diċembru 2010 intitolat "Applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali" (COM(2010)0779) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha(3),

–  wara li kkunsidra s-sommarju li sar mill-Kummissjoni tar-risposti għall-konsultazzjoni pubblika "Infurzar Ċivili tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali: konsultazzjoni pubblika dwar l-effiċjenza tal-proċedimenti u l-aċċessibbiltà ta' miżuri" ta' Lulju 2013(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-1 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta' Azzjoni tal-UE" (COM(2014)0392),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-1 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Kummerċ, tkabbir u proprjetà intellettwali – Strateġija għall-ħarsien u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi" (COM(2014)0389),

–  wara li kkunsidra l-pjan tal-Kummissjoni li toħloq suq diġitali uniku tal-UE u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta’ April 2012 dwar suq uniku diġitali kompetittiv(5),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4-5 ta' Diċembru 2014 dwar l-infurzar tad-DPI(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI għas-snin 2013 sal-2017(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern(8),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tistipula li kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tal-interessi morali u materjali li jirriżultaw minn kwalunkwe produzzjoni xjentifika, letterarja jew artistika li huma jkunu l-awtur tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0169/2015),

A.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jagħmlu enfasi partikolari fuq il-proprjetà intellettwali, fl-Artikoli 118 u 17 rispettivament;

B.  billi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma wieħed mill-istimoli tal-innovazzjoni u l-kreattività u kontributur ewlieni għall-kompetittività, l-impjieg u d-diversità kulturali; billi l-awtentiċità tal-prodott m’għandhiex dejjem tingħaqad mas-sigurtà tal-prodott u l-kwistjonijiet tal-kwalità tal-prodott, u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkollu rwol biex jiżgura s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi; billi d-dħul li jinkiseb mill-falsifikazzjoni ġeneralment jikkontribwixxi biex tissaħħaħ l-ekonomija klandestina u l-kriminalità organizzata;

C.  billi l-UE qed taffaċċja għadd kbir ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u billi l-volum u l-valur finanzjarju ta’ dan il-ksur huwa allarmanti, kif ġie rrappurtat mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (COM(2010)0779); billi dawn iċ-ċifri juru wkoll il-valur li jirrappreżentaw id-DPI għall-ekonomija Ewropea fil-kompetizzjoni dinjija;

D.  billi l-ksur tad-DPI, inkluż il-falsifikazzjoni, jiskoraġġixxi t-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kreattività;

E.  billi l-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali jikkawża dannu mhux materjali u ekonomiku għall-intrapriżi Ewropej, u jwassal għal telf ekonomiku u fiskali kbir għall-istati;

F.  billi protezzjoni adegwata tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tikkostitwixxi rekwiżit għall-iżvilupp tal-ekonomija diġitali u tas-suq uniku diġitali;

G.  billi l-iżvilupp, li dejjem qed jikber b'mod aktar rapidu, tal-kummerċ elettroniku u tal-attivitajiet fuq l-internet biddel il-mod kif għandu jitqies l-infurzar tad-DPI fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari għaliex dan joffri possibbiltajiet ġodda għal ksur anki permezz ta’ imgiba soċjali ġdida tal-utenti;

H.  billi l-Parlament innota bi tħassib dak li r-rapport tal-UASI juri rigward l-eżistenza, fost minoranza sinifikanti ta' Ewropej, ta' ċertu livell ta' tolleranza għall-idea li l-ksur tad-DPI jista' jitqies bħala aċċettabbli(9); billi hemm nuqqas ta' għarfien adegwat tal-importanza soċjali u kulturali tad-DPI u tal-azzjonijiet meqjusa bħala ksur tagħhom, u nuqqas ta' kuxjenza, speċjalment fost Ewropej żgħażagħ, tal-konsegwenzi potenzjali tal-ksur tad-DPI fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, u fuq is-sikurezza ġenerali taċ-ċittadini; billi huwa neċessarju u possibbli li jsiru kampanji xierqa ta' kuxjenza u informazzjoni għall-utenti;

I.  billi hemm bżonn li jiġu rduppjati l-isforzi għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fl-oġġetti ffalsifikati u li ħadd ma għandu jagħmel profitt minn ksur tad-DPI;

J.  billi l-infurzar tal-liġi huwa essenzjali rigward il-prevedibbiltà tal-liġi, u billi huwa tal-akbar importanza li jinstabu mezzi effikaċi, proporzjonati u dissważivi biex jiġu infurzati d-DPI bejn il-fruntieri;

K.  billi l-ksur tad-DPI għandu impatt partikolari fuq l-SMEs, inkluż f'servizzi bejn in-negozji, u jista' jwassal għat-telf ta' swieq u falliment;

L.  billi l-fatt li jitqiesu l-aspetti internazzjonali huwa fundamentali għall-infurzar tad-DPI peress li l-ksur tad-DPI huwa fenomenu globali;

M.  billi għandu jitqies il-ksur, kemm onlajn kif ukoll offlajn, fl-azzjonijiet politiċi kontra l-ksur tad-DPI;

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 2014 li tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal kunsens ġdid dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; jappoġġja l-approċċ tagħha lejn l-infurzar tad-DPI, ibbażat fuq azzjonijiet preventivi u fuq għodod ta' politika li għandhom il-ħsieb li jċaħħdu lil dawk li jiksru l-liġi fuq skala kummerċjali mid-dħul tagħhom u jagħmluha aktar diffiċli għall-prodotti mhux konformi milli jitqiegħdu fis-suq;

2.  Jenfasizza li r-responsabilità primarja għall-infurzar tad-DPI tibqa' tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri;

3.  Jenfasizza li l-objettiv ewlieni tal-Pjan ta' Azzjoni għandu jkun li jiżgura l-infurzar effettiv u bbażat fuq l-evidenza tad-DPI, u li għandu rwol ewlieni fl-istimular tal-innovazzjoni, il-kreattività, il-kompetittività, it-tkabbir u d-diversità kulturali; jinnota li l-miżuri meħuda għall-infurzar tal-IPR għandhom ikunu bbażati fuq dejta preċiża u affidabbli;

4.  Jenfasizza li fi żminijiet tal-kriżi finanzjarja, li fiha l-assistenza finanzjarja tal-qasam kulturali titnaqqas drastikament, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ħafna drabi huma s-sors tad-dħul prinċipali għall-artisti kreattivi, għalhekk jenfasizza li l-iżgurar ta’ remunerazzjoni ġusta għall-artisti kreattivi għandu jkun aspett ewlieni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE;

5.  Huwa tal-fehma li l-miżuri għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu żgurati b’mod trasparenti u li l-pubbliku u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha jkunu informati b’mod komprensiv, fl-interess li l-innovazzjoni, il-kreattività u l-kompetittività ma jkunux affettwati;

6.  Jirrikonoxxi li l-infurzar tad-DPI mhuwiex biss mutur għall-impjiegi u t-tkabbir madwar l-Unjoni, iżda huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku – speċjalment fid-dawl ta’ fatturi bħas-sehem tal-PDG tal-UE u l-impjiegi, u l-firxa tal-industriji li jibbenefikaw mid-DPI u li jisfruttaw minnhom – u jiżvolġi rwol ewlieni fl-istimular tal-innovazzjoni, il-kreattività, il-kompetittività u d-diversità kulturali;

7.  Jenfasizza li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu garanti b’mod partikolari tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industriji kulturali u kreattivi, iżda wkoll ta' setturi industrijali oħrajn, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew"; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-ħidma sabiex id-DPI jitqiesu bħala fattur ta’ kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

8.  Jissottolinja l-fatt li d-DPI mhumiex biss drittijiet tal-awtur iżda wkoll marki kummerċjali u privattivi, fost oħrajn, u li kull wieħed minn dawn huwa vitali għall-valur tal-prodotti u s-servizzi tal-Ewropa;

9.  Jinnota li skont il-Kummissjoni, is-setturi kulturali u kreattivi, li ta’ spiss jinvolvu d-DPI, diġà jirrappreżentaw sa 4.5 % tal-PDG u sa 8.5 miljun impjieg fl-UE u mhux biss huma essenzjali għad-diversità kulturali iżda wkoll jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

L-involviment tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista, kemm onlajn kif ukoll offlajn;

10.  Jemmen li l-atturi kollha fil-katina tal-provvista għandhom rwol x’jaqdu fil-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI u għandhom ikunu involuti f’dan il-proċess; jenfasizza li approċċ li jinvolvi l-atturi kollha għandhom jiġu żviluppati kemm f’kuntest onlajn kif ukoll offlajn; jemmen li d-drittijiet fundamentali jeħtieġ li jkunu bbilanċjati sabiex dan ikun ta’ suċċess, peress li l-miżuri li jolqtu d-drittijiet fundamentali ma jistgħux jitwettqu b’mod volontarju mill-operaturi kummerċjali, iżda jeħtieġu bażi legali u sorveljanza ġudizzjarja;

11.  ifakkar li l-inkorporazzjoni tal-atturi onlajn fil-ġlieda kontra l-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali għandha tkun f’konformità mal-prinċipji tad-Direttiva 2000/31/KE (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

12.  Jinnota li l-prodotti fiżiċi falsifikati u li jiksru d-DPI qed jiġu dejjem aktar innegozjati u mibjugħa minn swieq onlajn, fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom kapaċitajiet limitati biex jikkontrollaw il-bejgħ; jenfasizza l-ħtieġa li s-sidien tal-pjattaformi tas-swieq jiġu involuti fl-isforzi kollha biex jiġu infurzati l-IPRs, inklużi l-isforzi biex jitneħħew il-prodotti falsifikati u biex il-bejjiegħa ta' prodotti falsifikati jiġu pprojbiti mis-siti tagħhom;

13.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista kollha, inkluża l-katina tal-provvista diġitali u l-atturi u l-operaturi ewlenin kollha fiha, bħalma huma l-ħallieqa, l-artisti u d-detenturi tad-drittijiet, il-produtturi, l-intermedjarji, il-fornituri tas-servizzi tal-internet, il-pjattaformi tal-bejgħ online, l-utenti aħħarin u l-awtoritajiet pubbliċi;

14.  Jemmen li l-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista u sorveljanza tas-suq imtejba u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali jtejbu l-ambjent tan-negozju u jikkontribwixxu biex jevitaw prodotti u servizzi li jikkostitwixxu vjolazzjoni milli jidħlu fis-suq; jenfasizza li l-proporzjon bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji u l-effettività ta’ kwalunkwe skemi ta’ awditjar kwalitattivi għandhom ikunu vvalutati sew u li l-għoti ta’ appoġġ lill-SMEs għandu jkun kunsiderazzjoni b’saħħitha f’dak ir-rigward;

15.  Jinnota wkoll il-proposti dwar il-konsultazzjoni inklużiva tal-partijiet interessati dwar l-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-UE fil-katina tal-provvista kollha, inklużi l-fornituri ta' servizzi ta' pagament, għall-prevenzjoni tal-ksur tad-DPI, u jitlob li l-eżitu tal-konsultazzjonijiet u l-iskema volontarja ta’ diliġenza dovuta tal-UE jiġu ppreżentati lill-Parlament fuq bażi annwali aktar milli kull sentejn;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel trasparenti u f'waqthom il-konsultazzjonijiet kollha mal-partijiet interessati u biex tiżgura li l-eżitu tal-konsultazzjonijiet jiġi analizzat kemm kwalitattivament kif ukoll kwantitattivament u jiġi kondiviż mal-partijiet interessati, inkluż il-Parlament u istituzzjonijiet oħra tal-UE;

17.  Jenfasizza l-importanza ta’ ftehimiet skont is-settur u gwidi ta’ prattika tajba għall-ġlieda kontra l-ksur tal-IPR; jistieden lill-operaturi tal-industrija biex jaqsmu informazzjoni dwar pjattaformi li jagħtu aċċess għal kontenut li jikser l-IPR, u biex jieħdu miżuri koordinati u proporzjonati, bħal notifika u tneħħija (notice and takedown), sabiex jitnaqqas l-introjtu ġġenerat minn dan it-tip ta' kontenut jew pjattaformi; jinnota li tali miżuri ma għandhomx jinkludu mblukkar mhux ġudizzjarju ta' websajts;

18.  Jirrimarka li pjattaformi “cyberlocker” huma wieħed miċ-ċentri ewlenin għall-ksur tal-IPR, li minnu huma indirettament jidderivaw dħul permezz ta’ reklamar u/jew abbonamenti;

19.  Jilqa’ l-approċċ li jċaħħad lill-persuni li jiksru d-DPI mid-dħul tagħhom permezz ta’ ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet u s-sħab tagħhom; jappoġġja l-elaborazzjoni ta’ memoranda ta’ fehim bħala miżuri legali flessibbli li jiġġieldu kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, u jappoġġja l-idea li jiġu żviluppati aktar miżuri bħal dawn fost il-partijiet interessati; f’dan ir-rigward, jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar kif dawn l-operazzjonijiet ta’ falsifikazzjoni qed jiffinanzjaw bejniethom l-attivitajiet tagħhom (ibiegħu prodotti foloz u jipprovdu kontenut illegali);

20.  Ifakkar li minn Mejju tal-2011, jeżisti Memorandum ta’ Qbil dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti Ffalsifikati fuq l-Internet u jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa r-riżultati tal-implimentazzjoni ta' dan il-Memorandum ta' Qbil u tagħti rendikont lill-Parlament;

21.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-effettività ta' inizjattivi eżistenti u attivitajiet futuri possibbli fir-rigward tar-rwol ta' intermedjarji fl-indirizzar tal-ksur tad-DPI;

22.  Jirrimarka li fis-settur kulturali u kreattiv b’mod partikolari, għandha titħeġġeġ il-kooperazzjoni – inkluż abbażi ta’ awtoregolamentazzjoni – bejn id-detenturi tad-drittijiet, l-awturi, l-operaturi tal-pjattaforma, l-intermedjarji u l-konsumaturi finali, bil-għan li ksur tad-DPI jinqabad fi stadju bikri; jenfasizza li l-effikaċja ta’ din l-awtoregolamentazzjoni jeħtieġ tiġi vvalutata mill-Kummissjoni fil-futur qarib u li miżuri leġiżlattivi ulterjuri jistgħu jkunu meħtieġa;

23.  Jenfasizza li fis-settur kulturali u kreattiv, il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas għandhom ikunu involuti fid-djalogu bil-għan li jitnaqqas il-profitt iġġenerat mill-ksur tad-DPI fil-kuntest onlajn;

24.  Ifakkar fl-involviment tal-kriminalità organizzata f’attivitajiet internazzjonali ta’ ksur tad-DPI u l-importanza kbira li tiġi ppreżentata soluzzjoni Ewropea koordinata, li ssaħħaħ il-miżuri ta’ awditjar fis-seħħ filwaqt li jiġi implimentat il-prinċipju “segwi l-flus”, għas-salvagwardja tal-interessi tal-konsumaturi u l-integrità tal-katina tal-provvista;

Sensibilizzazzjoni u informazzjoni tal-konsumaturi

25.  Jilqa’ l-approċċ li ttieħed mill-Kummissjoni biex tiżviluppa kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fil-mira; jemmen li huwa essenzjali li kulħadd għandu jifhem il-konsegwenzi konkreti tal-ksur tad-DPI għas-soċjetà kollha kemm hi, u għall-konsumaturi u ċ-ċittadini b’mod individwali; jemmen li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati aħjar dwar minn xiex jikkonsistu d-DPI, u x’jista’ jsir jew ma jistax isir bil-prodotti u l-kontenut protetti; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn udjenzi speċifiċi u swieq rilevanti;

26.  Jirrakkomanda kampanja ta’ informazzjoni usa’ rigward il-Pjattaforma tal-Awtoritajiet tal-Infurzar u d-Detenturi tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali sabiex id-detenturi tad-drittijiet ikollhom rwol aktar attiv fid-difiża tad-drittijiet tagħhom madwar l-Unjoni Ewropea permezz tal-integrazzjoni tad-Database tal-Infurzar man-netwerk sikur tad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali; jitlob għal aktar integrazzjoni, u li tkun aktar rapida, mal-awtoritajiet tal-pulizija u awtoritajiet tad-dwana oħrajn mad-dinja kollha biex jiżguraw infurzar aħjar tad-DPI;

27.  Jenfasizza fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata b’mod aktar speċifiku l-ġenerazzjoni żagħżugħa permezz ta’ kampanji xierqa li jżidu s-sensibilizzazzjoni minħabba li huwa magħruf li, kif jirriżulta minn servej reċenti dwar il-perċezzjoni tal-proprjetà intellettwali, hija dik il-ġenerazzjoni partikolari li tirrispetta l-inqas id-DPI;

28.  Jinsisti fuq l-importanza ta’ inizjattivi li għandhom l-għan li jivvalutaw u jimmonitorjaw l-iżvilupp tal-għarfien dwar il-fehim taż-żgħażagħ u l-perċezzjoni tal-proprjetà intellettwali sabiex inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-bżonnijiet tagħhom u jiġu definiti l-aktar azzjonijiet xierqa li għandhom jittieħdu;

29.  Jilqa’, b’mod partikolari, l-isforzi tal-Osservatorju Ewropew dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, li jinsab fi ħdan l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), li għandhom l-għan li jqajmu kuxjenza fost il-konsumaturi dwar il-benefiċċji li jagħżlu prodotti li jirrispettaw id-DPI u l-iffaċilitar tal-aċċess għal dawn il-prodotti;

30.  Jemmen li fl-istess ħin il-konsumaturi għandu jkollhom kapaċità aħjar biex jidentifikaw offerti li jiksru d-drittijiet sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma jipproċedux b'xiri partikolari; jiddeplora l-fatt li l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni ma tinkludi l-ebda azzjoni mfassla biex ittejjeb il-kapaċità tal-konsumaturi li jidentifikaw prodotti u kontenuti illegali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirriflettu aktar dwar l-iżvilupp ta’ għodod u linji gwida speċifiċi, u li jkun hemm analiżi bbażata fuq l-evidenza u l-iżvilupp possibbli ta’ sistema armonizzata ta’ proċeduri ta’ notifika/irtirar ta’ prodotti u kontenut illegali, b’tali mod li l-konsumaturi u l-impriżi jkunu jistgħu jieħdu azzjoni meta dawn jiġu mqarrqa, bl-istess mod kif huma jistgħu jaħdmu biex tinġibed l-attenzjoni għal kontenut mhux mixtieq, abbażi tal-esperjenzi miġbura mill-Kummissjoni u l-Osservatorju Ewropew dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, speċjalment fir-rigward tal-qsim tal-aħjar prattiki;

31.  Jinnota li s-sistema tan-notifika u t-tneħħija, ta' URL wieħed wieħed, ta’ kontenut li jikser l-IPR, għandha limitazzjonijiet prattiċi minħabba l-ħeffa li biha l-kontenut inkwistjoni jista’ jerġa jkun magħmul disponibbli; jistieden, għaldaqstant, lill-operaturi f’dan is-settur biex jibdew jaħsbu dwar kif is-sistema tan-notifika u t-tneħħija tista’ssir aktar effettiva fuq tul ta’ żmien;

32.  Jirrimarka li l-atturi kollha involuti fil-katina ta’ distribuzzjoni għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ kampanji tal-informazzjoni li jagħtu lill-konsumaturi informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom filwaqt li jaċċedu u jużaw il-kontenut kreattiv faċilment;

33.  Iqis li trasparenza akbar u informazzjoni aqwa jistgħu jiġu implimentati b'mod effettiv biss bil-kooperazzjoni tal-atturi interessati ewlenin tal-internet li jiċċirkolaw kontenut protett mid-DPI, u li għalhekk jaqbel li dawn jiġu involuti f’tali sforzi biex jintlaħqu t-trasparenza u ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni;

34.  Jinsisti fuq il-bżonn li jiġu kkoordinati inizjattivi u kampanji fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tax-xogħol u żgurati l-koerenza u l-effiċjenza;

35.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jiżguraw li prodotti li jiksru l-IPRs, li jkunu riskju għas-sikurezza, jiġu inklużi fin-notifiki ta' RAPEX, irrispettivament minn jekk dawn il-prodotti jinbigħux legalment jew illegalment fl-Istat Membru inkwistjoni;

L-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda

36.  Jemmen li, f’ċerti setturi, in-nuqqas ta’ għarfien tal-konsumatur dwar offerti legali, u l-provvista ta’ prodotti u kontenut li ma jiksrux id-drittijiet, li xi kultant tkun diffiċli biex taċċessja jew tkun għalja, jistgħu jagħmluha diffiċli biex il-konsumaturi jiġu evitati milli jixtru prodotti illegali jew jużaw kontenut illegali; huwa tal-fehma li jeħtieġ isir iktar progress f’dan il-qasam, u jtenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ipoġġu aktar pressjoni fuq l-industrija biex jiġu żviluppati, fl-Istati Membri kollha, offerti leċiti li jkunu kemm diversifikati kif ukoll attraenti sabiex il-konsumaturi ġenwinament ikollhom opportunità biex jixtru prodotti leċiti jew jużaw kontenut leċitu;

37.  Jenfasizza l-bżonn ta' approċċ aktar olistiku b’enfasi fuq kif tintlaħaq id-domanda tal-konsumatur billi jiżdiedu d-disponibilità u l-konsum ta’ offerti legali, innovattivi u bi prezz raġonevoli, ibbażati fuq mudelli tan-negozju adattati għall-internet li jippermettu li jitneħħew l-ostakli, u b'hekk jinħoloq suq li hu tassew suq uniku diġitali Ewropew, filwaqt li jżommu bilanċ bejn id-drittijiet tal-konsumaturi u l-protezzjoni tal-innovaturi u l-ħallieqa;

38.  Huwa tal-fehma wkoll li waħda mill-possibbiltajiet għat-tisħiħ tad-DPI tista’ tkun l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju innovattivi; jenfasizza wkoll li f’dan ir-rigward għandu jiġi meqjus mill-ġdid it-titjib u l-adattament kostanti għat-teknoloġija li kontinwament qiegħda tiżviluppa għal oqsma partikolari tal-industrija;

Fokus fuq l-SMEs

39.  Jenfasizza l-importanza li jitjiebu l-proċeduri ċivili ta’ infurzar tal-IP għall-SMEs u l-ħallieqa individwali, billi dawn għandhom rwol importanti fis-setturi kulturali u kreattivi u ta’ spiss ma jkollhomx il-kapaċità jinfurzaw id-drittijiet tagħhom minħabba l-kumplessità, l-ispejjeż u t-tul ta’ dawn il-proċeduri;

40.  Jilqa’ l-intenzjoni ddikjarata mill-Kummissjoni li tappoġġja l-SMEs fl-infurzar tad-DPI tagħhom, permezz tat-titjib ta’ modi aċċessibbli ta’ rimedju ċivili, sabiex jiġġieldu aħjar l-abbuż tas-suq minn kompetituri akbar u, b’mod partikolari, li tivvaluta aktar il-ħtiġijiet tal-SMEs għal azzjoni futura tal-UE;

41.  Jilqa’ d-deċiżjoni meħuda fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 2014 dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE, u b’mod aktar speċifiku l-Azzjoni 4 tagħha, li kienet immirata lejn it-titjib tal-proċeduri ta’ infurzar ċivili tad-DPI għall-SMEs, b’mod partikolari fir-rigward tat-talbiet ta’ valur baxx u l-azzjoni possibbli f’dak il-qasam;

42.  jenfasizza li, għall-SMEs, huwa kruċjali li jkun hemm strutturi ċari u ġestibbli għall-infurzar tal-IPRs tagħhom ;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li kwalunkwe miżura meħuda jkollha impatt limitat f’termini ta’ piż u spejjeż imposti fuq l-SMEs; b'mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta ulterjorment kif l-SMEs jistgħu jieħdu sehem fi skemi ta' awditjar kwalitattivi u jidentifikaw liema miżuri speċifiċi jistgħu jittieħdu favur l-SMEs għal dan l-għan;

44.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jitqiesu l-SMEs fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni, u jtenni li l-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir" għandu dejjem jiġi applikat;

45.  Jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-ġustizzja u tal-kosteffettività ta' proċedimenti ġudizzjarji, speċjalment għall-SMEs, u jitlob għall-iżvilupp ta' servizzi ta' medjazzjoni u ta' skemi alternattivi oħra għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn in-negozji fil-qasam tad-DPI;

46.  Jinsisti fuq l-importanza li jittieħed impenn sabiex jiġu analizzati regolarment fatturi determinati mill-SMEs sabiex jużaw jew ma jużawx id-DPI tagħhom, b’tali mod li jiġi identifikat fejn jista’ jsir titjib kemm fir-rigward ta’ SMEs innovattivi jew dawk li jkunu qed jaffaċċjaw problemi, partikolarment f’termini ta’ implimentazzjoni tad-DPI tagħhom;

47.  Jistenna b'ħerqa li jirċievi informazzjoni dwar l-inizjattivi nazzjonali eżistenti li jindirizzaw l-infurzar ċivili tad-DPI għall-SMEs sal-aħħar tal-2015; jilqa’ b’sodisfazzjon il-Green Paper li ġejja dwar il-ħtieġa għal azzjoni tal-Unjoni fil-ġejjieni bbażata fuq l-aħjar prattiki li jinsabu fl-iskemi finanzjati nazzjonalment li jgħinu lill-SMEs jinfurzaw id-DPI tagħhom;

Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

48.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-Osservatorju Ewropew tal-ksur tad-drittijiet tal- proprjetà intellettwali bħala appoġġ utli għar-riflessjoni għal dawk li jfasslu l-politika u għodda għall-ġbir u l-iskambju ta’ data u informazzjoni dwar il-forom kollha ta’ ksur tad-DPI;

49.  Jenfasizza li d-dmir tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) – li jikseb data li tiddokumenta ksur tad-DPI mill-industrija u li jiġġenera data u analiżi affidabbli tal-impatt reali tal-ksur fuq l-atturi ekonomiċi – għandu jkun parti mill-Pjan ta' Azzjoni ta' għaxar punti u tal-bażi għal azzjonijiet ulterjuri fis-setturi differenti l-aktar affettwati; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb id-database tal-Għodda ta' Appoġġ għall-Intelligence fil-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni (ACIST) żviluppata mill-UASI sabiex ikollha aċċess għal informazzjoni dwar dawk li jiffalsifikaw il-prodotti u u tiżgura li l-prodotti ffalsifikati ma jinxtrawx mill-awtoritajiet kontraenti;

50.  Jenfasizza li sabiex jinkiseb infurzar sinifikanti tad-DPI, l-informazzjoni sħiħa għandha tkun disponibbli u aċċessibbli rigward it-tip ta' DPI (pereżempju, il-privattiva, il-marka kummerċjali u d-dritt tal-awtur) li huma ta' relevanza f'kull sitwazzjoni, l-istatus tal-validità ta' dawn id-drittijiet u l-identità tas-sidien, inkluż f'forma ta' metadata fil-każ ta' fajls diġitali;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ ta’ dejta miġbura mill-Osservatorju u dwar ir-riżultati tal-attivitajiet tal-Osservatorju, biex tislet konklużjonijiet u tipproponi soluzzjonijiet għat-titjib tal-infurzar tad-DPI li għandhom jintużaw minn dawk li jfasslu l-politika; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lura lill-Parlament dwar dan fuq bażi regolari;

52.  Jinnota li t-taħriġ għall-iżvilupp tal-infurzar tad-DPI settorjali fuq livell nazzjonali huwa essenzjali, bħalma huwa r-rwol li l-Osservatorju se jkollu biex jgħin fit-taħriġ tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u fl-iskambju tal-aħjar prattika, b’mod partikolari billi jippromwovi kampanji aċċessibbli b’mod diġitali li jagħtu valur għall-flus u jikkoordinawhom mal-aġenziji u l-korpi rilevanti;

Il-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tad-DPI

53.  Jilqa’ t-twaqqif mill-Kummissjoni ta’ grupp ta’ esperti tal-infurzar tad-DPI, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-Parlament, u fejn ikun meħtieġ, l-Osservatorju Ewropew dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali, ikun involut aktar mill-qrib fil-ħidma tal-grupp u li jissejjaħ b’mod partikolari biex jibgħat esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu;

L-evoluzzjoni tal-qafas legali

54.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Infurzar tad-DPI(10), filwaqt li jinnota li, f'ċerti każijiet, jistgħu jsiru biss konklużjonijiet limitati minħabba li, f’xi Stati Membri, it-traspożizzjoni tad-direttiva saret tard; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi analiżi ulterjuri tal-impatt tad-direttiva, b’mod partikolari fuq l-innovazzjoni u fuq l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni, kif jeżiġi l-Artikolu 18(1) tagħha u kif mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmi hawn fuq tal-22 ta’ Settembru 2010; ifakkar, madankollu, li l-Kummissjoni identifikat numru ta’ aspetti oħra rigward l-infurzar tad-DPI, bħar-rwol tal-intermedjarji fil-ġlieda kontra l-infrazzjonijiet, li jista’ jkun utli wkoll fil-ġlieda kontra l-abbużi;

55.  Jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni li jindika li d-Direttiva dwar l-Infurzar tad-DPI hija, f’xi każijiet, inadegwata għall-era diġitali u insuffiċjenti għall-ġlieda kontra l-ksur onlajn; Jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji valutazzjoni dettaljata tal-limitazzjonijiet tal-qafas legali attwali fir-rigward tal-attivitajiet onlajn u, jekk ikun xieraq, bi proposti għall-adattament tal-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-ambjent tal-internet; jinsisti li dawn il-proposti eventwali jkunu s-suġġett ta’ studju dettaljat dwar l-impatti tagħhom;

56.  Jieħu nota tas-sejba li interpretazzjonijiet diverġenti ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva jirriżultaw f'differenzi fl-applikazzjoni tagħha fl-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex issolvi l-problemi identifikati fir-rapport, inkluż permezz ta' kjarifika ulterjuri tad-direttiva;

57.  Itenni t-talba tiegħu għal strateġija komprensiva tad-DPI, inkluż qafas legali komprensiv fil-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI adatti għall-ambjent onlajn, b’rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, il-proċessi ġusti, il-proporzjonalità u l-protezzjoni tad-data; iqis li l-protezzjoni legali hija meħtieġa b’mod urġenti għall-kreazzjonijiet ġodda peress li dan se jinkoraġġixxi l-investiment u jwassal għal aktar innovazzjonijiet;

58.  Jenfasizza li kwalunkwe leġiżlazzjoni relatata mad-DPI trid tirrifletti l-iżvilupp tal-era diġitali filwaqt li jitqiesu l-ambjent onlajn u diversi mezzi ta' distribuzzjoni li jiggarantixxu approċċ bilanċjat li jirrappreżenta l-interessi tal-partijiet ikkonċernati kollha involuti u b'mod partikolari tal-konsumaturi u d-dritt tagħhom ta' aċċess għall-kontenut, waqt li fl-istess ħin jiġu promossi l-artisti, il-kreaturi u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

59.  Itenni li jinħtieġ qafas modern tad-drittijiet tal-awtur favur il-kompetizzjoni u favur il-konsumatur, u jinħtieġ ukoll li dan il-qafas jappoġġja l-kreattività u l-innovazzjoni billi jiżgura ambjent protett, adegwat u sigur għall-inventuri u l-ħallieqa;

60.  Jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi tal-Unjoni Ewropea li huma mutur għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku kif ukoll għall-ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa, filwaqt li jfakkar li l-kontribut notevoli tat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni jinħoloq ukoll mill-kreaturi, id-disinjaturi u l-istituzzjonijiet li jiddependu fuq l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur; jenfasizza li kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva biex jiġi mmodernizzat id-dritt tal-awtur għandha tkun ibbażata fuq evidenza indipendenti rigward l-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi (partikularment fir-rigward tal-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi), l-aċċess għall-għarfien u l-kultura, kif ukoll l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali;

Ktajjen tal-provvista internazzjonali u r-rwol tad-dwana u l-kooperazzjoni internazzjonali

61.  Jinsisti dwar ir-rwol importanti tal-awtoritajiet tad-dwana, u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI f’kummerċ transkonfinali, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġjata u ffaċilitata l-ħidma tas-servizzi doganali f'kooperazzjoni reċiproka, billi jiġu ċċarati r-regoli operattivi, b’mod partikolari sabiex din il-ħidma tippermetti l-prestazzjoni effettiva tal-ispezzjonijiet tal-prodotti li jkunu fi tranżitu fit-territorju tal-UE;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tad-DPI, tqis l-inizjattivi relatati, speċjalment il-Pjan ta' Azzjoni Doganali tal-UE sabiex tiġġieled kontra l-ksur tad-DPI u l-istrateġija għall-ħarsien u l-infurzar tad-DPI f'pajjiżi terzi;

63.  Jistieden sorveljanza tas-suq imtejba, ġestjoni tar-riskju u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet doganali dwar il-kwistjonijiet li tqajmu fil-kuntest tal-infurzar tad-DPI mid-dwana, pereżempju fir-rigward tal-ħażna u tal-qerda ta’ prodotti illegali;

64.  Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib u skambju ta’ informazzjoni u taħriġ xieraq tal-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet ġudizzjarji;

Kwistjonijiet oħra

65.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li jaqdu l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, fosthom dawk lokali, reġjonali u nazzjonali, permezz tal-akkwist pubbliku u ta’ xiri, u jfaħħar ir-rieda tal-Kummissjoni li tiżviluppa, tippromwovi u tippubblika gwida dwar l-aħjar prattiki biex l-awtoritajiet pubbliċi f'kull livell jevitaw li jixtru prodotti ffalsifikati;

66.  Jilqa’ l-Green Paper proposta tal-Kummissjoni dwar konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar l-impatt tal-fatturazzjoni b’lura u ta' skemi relatati biex jiġi indirizzat il-ksur tad-DPI fuq skala kummerċjali u sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa li jittieħdu azzjonijiet aktar konkreti f’dan il-qasam, kemm fil-kuntest onlajn kif ukoll f'dak offlajn; jemmen li l-introduzzjoni ta' dritt fl-UE kollha ta' 'fatturazzjoni b'lura' fuq l-oġġetti falsifikati mixtrija bla intenzjoni tista' tkun benefiċċju pożittiv għall-konsumaturi u tinkoraġġixxi lin-negozjanti jivverifikaw l-oġġetti qabel ma jbigħuhom;

67.  Jappoġġja l-enfasi fuq il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-importanza tal-ħidma mal-Istati Membri, l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattika, u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar transkonfinali;

68.  Jenfasizza li sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni u l-kompetittività f’setturi bbażati fuq l-għarfien fl-Unjoni, b’mod kompatibbli mad-DPI, jeħtieġ li tiġi stimulata riċerka miftuħa u l-qsim tal-għarfien, li huma wkoll identifikati bħala elementi ewlenin fl-istrateġiji “Ewropa Globali” u “Ewropa 2020”;

69.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sistemi ta’ detezzjoni preċiżi li jwasslu għal interruzzjoni rapida ta’ attivitajiet li jiksru d-DPI fuq skala kummerċjali;

70.  Jirrimarka li l-introjtu ġġenerat permezz tal-użu tal-IPR jirrappreżenta sors importanti ta’ finanzjament estern għal proġetti ta’ riċerka, u għaldaqstant joffri forza mexxejja għall-innovazzjoni u l-iżvilupp u l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-intrapriżi;

71.  Jitlob li l-pjan ta’ azzjoni jiġi implimentat malajr, sabiex, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri meħtieġa biex jiġu nfurzati l-IPR, b’mod partikolari fis-settur kulturali u kreattiv, ikunu jistgħu jiġu riveduti fil-futur qrib biex jitqiesu l-ħtiġijiet reali;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni ta’ kull waħda mill-azzjonijiet ippreżentati fil-Pjan ta' Azzjoni u biex tirrapporta lura dwarhom lill-Parlament sa mhux aktar tard minn Lulju 2016;

o
o   o

73.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.
(2) ĠU L 129, 16.5.2012, p. 1.
(3) "Analiżi tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Istati Membri", (SEC(2010)1589).
(4) http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2012/intellectual-property-rights/summary-of-responses_en.pdf.
(5) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 64.
(6) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15321-2014-INIT/en/pdf.
(7) ĠU C 80, 19.3.2013, p. 1.
(8) ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 48.
(9) Ara r-rapport UASI "Iċ-Ċittadini Ewropej u l-proprjetà intellettwali: perċezzjoni, sensibilizzazzjoni u mġiba", Novembru 2013.
(10) COM(2010)0779 finali.

Avviż legali - Politika tal-privatezza