Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja (2015/2001(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-Ftehim ġdid UE-Russja(1), tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (fil-kuntest tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f'Vilnjus)(2), tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-Summit UE-Russja(3) u tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet UE-Russja(4) u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja,(5)
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill Affarijiet Barranin u tal-mexxejja tal-G7 matul dawn l-aħħar 18-il xahar dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u dwar ir-relazzjonijiet mar-Russja,
– wara li kkunsidra l-ftehimiet milħuqa f'Minsk fil-5 u fid-19 ta' Settembru 2014 u fit-12 ta' Frar 2015(6) ,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-5 ta' Settembru 2014 tas-Summit tan-NATO f'Wales,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta' Marzu 2014(7) u mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fis-17 ta' Frar 2015(8),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0162/2015),
A. billi l-UE ilha għal għexieren ta' snin tistinka biex tibni sħubija strateġika ta' benefiċċju reċiproku mar-Russja bbażata fuq valuri u prinċipji kondiviżi, bħad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u fuq interessi komuni; billi l-UE tibqa' miftuħa għal tali relazzjoni u għal djalogu li jwassal għaliha, u tixtieq tirritorna għal relazzjoni kooperattiva mar-Russja, kemm-il darba l-awtoritajiet Russi jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi u internazzjonali tagħhom;
B. billi, b'reazzjoni għal u minkejja l-vjolazzjoni min-naħa tar-Russja tal-integrità territorjali Ġeorġjana fl-2008, l-okkupazzjoni kontinwa tar-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, kif wkoll in-nuqqas ta' osservanza min-naħa tar-Russja tal-obbligi kollha tagħha skont il-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied tal-2008, l-UE għażlet mudell ta' kooperazzjoni akbar bħala mod kif jitkompla l-involviment mar-Russja, għall-benefiċċju reċiproku tagħhom; billi, minflok ma ttieħdu miżuri restrittivi, tnedew jew issaħħew sensiela ta' inizjattivi għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha – bħalma huma l-ispazji komuni, is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, in-negozjati dwar Ftehim Ġdid UE-Russja u d-djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
C. billi r-Russja – minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea, azzjoni li ġiet ikkundannata bil-qawwa mill-UE u li mhux ser tkun rikonoxxuta, u minħabba l-kunflitt armat kontra l-Ukraina, bil-parteċipazzjoni diretta u indiretta tas-servizzi militari u tas-sigurtà, u billi qiegħda deliberatament tiddestabbilizza dan il-pajjiż ġar sovran u indipendenti – qiegħda tagħmel ħsara kbira lir-relazzjoni tagħha mal-UE, inkwantu qiegħda tipperikola l-prinċipji bażiċi tas-sigurtà tal-Ewropa, ma tirrispettax il-fruntieri u tikser l-impenji internazzjonali tagħha, b'mod partikolari l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Att Finali ta' Ħelsinki, il-Memorandum ta' Budapest, il-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tal-1990, u t-Trattat bilaterali ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija; billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Krimea u fl-Ukraina tal-Lvant marret għall-agħar b'mod konsiderevoli, b'diversi eluf ta' mwiet;
D. billi r-Russja hija direttament jew indirettament, involuta f'għadd ta' "kunflitti ffriżati" fil-viċinat tagħha – fit-Transnistrija, fl-Ossezja tan-Nofsinhar, fl-Abkażja u f'Nagorno-Karabakh – li jikkostitwixxu impediment gravi għall-iżvilupp u għall-istabbiltà tal-pajjiżi ġirien kkonċernati u għall-avviċinament tagħhom mal-Unjoni Ewropea;
E. billi l-Federazzjoni Russa għadha kemm niżżlet fuq lista sewda 89 politiku tal-UE – fosthom ex Membri jew Membri attwali tal-Parlament Ewropew – u uffiċjali, u ċaħditilhom id-dħul għar-Russja;
F. billi r-Russja – kontra l-ispirtu ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat, u bi ksur tad-dritt, tar-regoli u tal-istandards internazzjonali – abbażi ta' duttrina li skontha tikkunsidra ruħha li għandha d-dritt li tipproteġi l-kompatrijotti Russi barra l-pajjiż, ħadet deliberatament azzjonijiet immirati lejn id-destabbilizzazzjoni tal-ġirien tagħha permezz ta' embargi kummerċjali illegali jew konklużjoni ta' trattati ta' integrazzjoni ma' separatisti u reġjuni seċessjonisti;
G. billi, b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u għall-gwerra ibrida mnedija mir-Russja kontra l-Ukraina, l-UE adottat serje gradwali ta' miżuri restrittivi; billi għadd ta' pajjiżi oħra adottaw sanzjonijiet simili b'reazzjoni għall-aggressjoni tar-Russja;
H. billi relazzjoni kostruttiva bejn l-UE u r-Russja għandha tinstab fuq medda twila ta' żmien, fl-interess taż-żewġ partijiet u bil-għan li jiġu ffaċċjati sfidi globali komuni, bħat-tibdil fil-klima, żviluppi teknoloġiċi ġodda u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu u l-kriminalità organizzata; billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja għandha riżultati pożittivi f'ċerti oqsma bħal pereżempju d-dimensjoni tat-Tramuntana u l-kooperazzjoni transkonfinali; billi r-Russja adottat atteġġjament kostruttiv fin-negozjati reċenti mal-Iran;
I. billi dawn il-miżuri restrittivi u speċifiċi mhumiex diretti kontra l-poplu Russu iżda kontra ċerti individwi u impriżi konnessi mat-tmexxija Russa, li qegħdin jieħdu vantaġġ dirett mill-kriżi attwali mal-Ukraina, fis-settur ekonomiku u dak tad-difiża, u l-għan tagħhom huwa li jistimulaw bidla fil-politiki tal-gvern Russu lejn il-viċinat komuni, u azzjonijiet fih; billi s-sanzjonijiet relatati mad-destabbilizzazzjoni fl-Ukraina tal-Lvant għandhom jitneħħew malli r-Russja timplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Minsk; billi dawn is-sanzjonijiet għandhom jiġu msaħħa kemm-il darba li r-Russja tagħżel li tkompli tiddestabbilizza, direttament jew indirettament, lill-Ukraina u li tippreġudika l-integrità territorjali tagħha; billi s-sanzjonijiet relatati mal-annessjoni illegali tal-Krimea se jibqgħu fis-seħħ sakemm il-peniżola tkun irritornata lill-Ukraina;
J. billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-UE tappoġġa bis-sħiħ l-adeżjoni u l-parteċipazzjoni tar-Russja f'diversi organizzazzjonijiet u fora internazzjonali, bħall-G8, il-G20 u d-WTO; billi l-inklużjoni tar-Russja f'dawn l-organi ħolqot tensjonijiet minħabba vjolazzjonijiet ripetuti ta' regoli min-naħa tar-Russja, pereżempju n-nuqqas ta' konformità mal-istandards u l-obbligi tad-WTO (bl-introduzzjoni ta' għadd ta' miżuri diskriminatorji kontra Stati Membri individwali tal-UE u pajjiżi oħra fil-viċinat tagħha), u n-nuqqas tagħha li timplimenta aktar minn elf sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u li tiggarantixxi drittijiet bażiċi tal-bniedem; billi l-konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem mhumiex konklużivi jew ma wasslux għal riżultati konkreti;
K. billi l-istat tad-dritt, bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE, jimplika mhux biss rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, iżda wkoll konformità mad-dritt internazzjonali, garanzija li l-liġi tiġi applikata u eżegwita b'mod ġust, kif ukoll l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura; billi dawn il-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti fir-Russja, fejn l-awtoritajiet jonqsu milli jiddefendu l-istat tad-dritt u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, u fejn id-drittijiet politiċi, il-libertajiet ċivili u l-libertà tal-midja ddeterjoraw f'dawn l-aħħar snin; billi reċentement ġiet adottata leġiżlazzjoni b'dispożizzjonijiet ambigwi li qegħdin jintużaw sabiex jiżdiedu aktar restrizzjonijiet fuq l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili; billi l-adozzjoni reċenti tal-liġi li tikkriminalizza l-hekk imsejħa "propaganda omosesswali" wasslet għal żieda fi vjolenza u diskors ta' inċitament għall-mibegħda omofobika u kontra persuni LGBTI, li l-awtoritajiet naqsu milli jindirizzaw; billi, wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, iddeterjora b'mod serju fil-peniżola tal-Krimea, bil-komunità tat-Tatari partikolarment affettwata;
L. billi Alexei Navalny, mexxej prominenti tal-oppożizzjoni, ġie akkużat u kkundannat abbażi ta' provi ffalsifikati, u huwa sottopost għal intimidazzjoni u fastidju fuq bażi kontinwa, inkluż bil-priġunerija ta' ħuh; billi l-Partit tal-Progress li huwa jippresjedi qiegħed jinżamm milli jipparteċipa fl-elezzjonijiet parlamentari li jmiss; billi Nadiya Savchenko, Membru tar-Rada tal-Ukraina, tinsab detenuta illegalment fir-Russja, bi ksur tad-dritt internazzjonali;
M. billi l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tikklassifika lill-Federazzjoni Russa fil-136 post fost 175 li jfisser li r-Russja tqajjem tħassib serju rigward il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus internazzjonali, li hija theddida għall-ekonomiji Ewropej u għall-integrità tagħhom;
N. billi r-Russja tuża b'mod attiv armi ibridi, iċċajpar deliberatament il-linji ta' bejn attività militari/paramilitari u l-attiviżmu politiku;
O. billi l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Midja tal-2014 tikklassifika lill-Federazzjoni Russa fil-148 post fost 180; billi twessa' u żdied b'mod sinifikanti l-finanzjament tal-mezzi tal-midja kkontrollati mill-Istat; billi l-inizjattivi u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, l-avversarji politiċi, il-midja indipendenti u ċ-ċittadini ordinarji ta' spiss jiġu ristretti jew imxekkla; billi l-ispazju għal espressjoni ta' opinjonijiet indipendenti u pluralistiċi naqas u huwa kontinwament mhedded; billi l-Fond Ewropew għad-Demokrazija qiegħed jikkonċentra fuq il-kwistjoni tal-pluralità tal-midja Russa, u billi, flimkien mas-sħab tiegħu, huwa mistieden jiżviluppa inizjattivi ġodda tal-midja;
P. billi azzjonijiet irresponsabbli ta' ġettijiet tal-gwerra Russi qrib l-ispazju tal-ajru tal-UE u l-Istati Membri tan-NATO jikkompromettu s-sikurezza ta' titjiriet ċivili u jistgħu jkunu ta' theddida għas-sigurtà tal-ispazju tal-ajru Ewropew; billi manuvri provokattivi militari fuq skala kbira twettqu mir-Russja fil-viċinanza immedjata tal-UE, filwaqt li theddid ta' attakki militari u saħansitra nukleari mir-Russja saru pubbliċi; billi r-Russja ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati dwar it-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa, u tinsab fi ksur tat-Trattat għall-Eliminazzjoni tal-Missili b'Medda Medja (Trattat INF);
Q. billi l-enerġija, li għandha rwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, hija strument fundamentali tal-politika barranija Russa; billi r-reżiljenza tal-UE għal pressjonijiet esterni tista' tinkiseb permezz ta' diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u tnaqqis fid-dipendenza mir-Russja; billi l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda u turi solidarjetà interna b'saħħitha fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija tagħha;
R. billi l-Federazzjoni Russa ppromoviet b'mod attiv l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika; billi dan il-proġett ta' integrazzjoni ekonomika ma għandhiex titqies bħala kompetizzjoni għall-Unjoni Ewropea;
1. Itenni li l-involviment dirett u indirett tar-Russja fil-kunflitt armat fl-Ukraina u l-annessjoni illegali tal-Krimea, kif ukoll il-vjolazzjoni min-naħa tar-Russja tal-integrità territorjali tal-Ġeorġja, u l-koerċizzjoni ekonomika u d-destabbilizzazzjoni politika tal-ġirien Ewropej tagħha, jikkostitwixxu vjolazzjoni deliberata tal-prinċipji demokratiċi u l-valuri fundamentali u tad-dritt internazzjonali; f'dan il-kuntest, l-UE ma tistax tipprevedi li tirritorna għaż-"żamma tal-istatus quo" u ma għandha l-ebda għażla ħlief li tipproċedi għal rivalutazzjoni kritika tar-relazzjonijiet tagħha mar-Russja, li tinkludi l-abbozzar, kemm jista' jkun malajr, ta' pjan ta' kontinġenza bis-setgħa tal-persważjoni u sabiex jikkumbatti l-politiki aggressivi u diviżivi tar-Russja, u ta' pjan komprensiv dwar ir-relazzjonijiet futuri tagħha ma' dak il-pajjiż u s-sħab Ewropej tal-Lvant tagħha; jissottolinja li r-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina tista' tkun biss ta' natura politika;
2. Jisħaq fuq il-fatt li f'dan il-punt, ir-Russja, minħabba azzjonijietha fil-Krimea u fl-Ukraina tal-Lvant, ma tistax tibqa' tiġi ttrattata, jew ikkunsidrata, bħala "sieħba strateġika"; jirrimarka li sħubijiet strateġiċi għandhom ikunu msejsa fuq il-fiduċja reċiproka u r-rispett tad-dritt internazzjonali, li huwa bbażat fuq id-demokrazija, is-sovranità statali u l-libertà tal-għażla tal-ordinament kostituzzjonali intern u l-orjentamenti ta' politika barranija, l-integrità territorjali tal-Istat, u r-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u l-prinċipji tad-diplomazija u l-kummerċ internazzjonali;
3. Jinsab serjament imħasseb dwar il-fatt li r-Russja issa apertament ħadet pożizzjoni u taġixxi bħala rivali tal-komunità demokratika internazzjonali u l-ordinament ġuridiku tagħha, b'mod partikolari billi tfittex li tirridefinixxi bil-forza l-fruntieri fi ħdan l-Ewropa; jinsab allarmat biż-żieda ta' atmosfera ta' mibegħda diretta kontra l-attivisti tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-minoranzi u l-pajjiżi tal-viċinat, u d-deterjorament fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-Russja; jikkundanna l-intimidazzjoni fuq vuċijiet kritiċi permezz ta' vjolenza, proċessi, priġuneriji u miżuri oħra użati mill-Istat;
4. Jikkundanna l-miżura arbitrarja li politiċi u uffiċjali tal-UE huma pprojbiti milli jidħlu fit-territorju Russu u jenfasizza li t-tmexxija Russa qiegħda tikser ripetutament id-dritt internazzjonali u qiegħda tikser l-istandards universali u timpedixxi t-trasparenza; iqis dan l-att bħala kontroproduċenti u ta' ħsara għall-kanali ta' komunikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja li diġà huma dgħajfa; jenfasizza li l-politiċi u l-uffiċjali tal-UE milquta mill-miżura għandhom jiġu infurmati bir-raġunijiet għala huma mċaħħda milli jidħlu fit-territorju Russu u għandu jkollhom id-dritt li jirrikorru f'appell ta' din id-deċiżjoni quddiem qorti indipendenti;
5. Huwa tal-opinjoni li, fuq terminu twil, relazzjoni kostruttiva u prevedibbli bejn l-UE u r-Russja hija possibbli u mixtieqa għall-benefiċċju reċiproku tagħhom, speċjalment fid-dawl tar-relazzjonijiet eżistenti politiċi, kummerċjali, fit-trasport u fl-enerġija, kuntatti interpersonali inkluż permezz tal-Erasmus+ u l-Passi Komuni(9), kooperazzjoni transkonfinali, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, u kooperazzjoni settorjali, meta jitqies li sanzjonijiet reċiproċi huma ta' ħsara għaż-żewġ ekonomiji, li sfidi u interessi komuni fix-xena dinjija għandhom jiġu indirizzati, u li n-natura diviżiva tal-perċezzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa tista' tingħeleb permezz ta' aktar djalogu; jilqa', f'dan ir-rigward, l-eżitu pożittiv tal-kooperazzjoni UE-Russja f'diversi oqsma, bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu u l-kriminalità organizzata, is-sħubija tad-dimensjoni tat-Tramuntana, it-taħdidiet nukleari mal-Iran, u l-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani; jistieden lir-Russja tipparteċipa b'mod kostruttiv sabiex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt fis-Sirja;
6. Jissottolinja li r-relazzjonijiet UE-Russja għandhom minn issa 'l quddiem ikunu bbażati fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali u djalogu, li permezz tiegħu l-UE tkun lesta li timpenja ruħha u tniedi mill-ġdid kooperazzjoni mal-awtoritajiet f'Moska f'għadd ta' oqsma speċifiċi ta' interess komuni; jissottolinja li l-issoktar ta' kooperazzjoni għandha tiġi prevista bil-kundizzjoni li r-Russja tirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukraina, inkluża l-Krimea, timplimenta bis-sħiħ il-Ftehimiet ta' Minsk (li jinkludu kontroll sħiħ tal-fruntieri mill-awtoritajiet Ukraini, irtirar mingħajr kundizzjonijiet ta' truppi u armi Russi, u waqfien immedjat tal-għoti ta' għajnuna lill-gruppi ribelli, u tieqaf milli tiddestabbilizza attivitajiet militari u ta' sigurtà fuq il-fruntieri tal-Istati Membri tal-UE; jenfasizza li l-OSKE wriet li hija struttura kapaċi tagħti kontribut lir-riżoluzzjoni tal-kriżijiet; jenfasizza li tali kooperazzjoni potenzjalment imġedda ma għandhiex issir għad-detriment ta' prinċipji internazzjonali, valuri Ewropej, standards u impenji internazzjonali; jenfasizza li l-UE għandha tiddefinixxi b'mod ċar kemm x'tistenna mir-Russja, speċjalment fir-rigward tar-rispett tad-dritt internazzjonali u tal-impenji kuntrattwali kif ukoll li taġixxi bħala sieħba prevedibbli, u dwar il-miżuri li se jittieħdu wara l-31 ta' Diċembru 2015, jekk ir-Russja tonqos milli tonora l-impenji tagħha (jew qabel dik id-data f'każ ta' żviluppi serji fuq il-post), u l-issoktar tal-kooperazzjoni li hija tkun lesta li toffri f'każ ta' konformità; jenfasizza li kooperazzjoni bħal din għandha taderixxi għalkollox mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
7. Ifaħħar is-solidarjetà u l-għaqda murija mill-Istati Membri fil-kuntest tal-annessjoni illegali Russa tal-Krimea u l-involviment dirett fil-gwerra fl-Ukraina, li tippermetti l-adozzjoni u estensjoni ulterjuri ta' miżuri ta' risposta, u l-konnessjoni tagħhom mal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk; jistieden lill-Istati Membri jqisu il-preservazzjoni ta' din l-għaqda bħala prijorità assoluta u sabiex jastjenu minn relazzjonijiet u ftehimiet bilaterali li jistgħu jkunu ta' dannu għal din l-għaqda jew jiġu interpretati b'dan il-mod; itenni li l-għaqda fl-azzjoni u s-solidarjetà fost l-Istati Membri u mal-pajjiżi kandidati hija essenzjali biex tkun żgurata l-kredibilità, il-leġittimità u l-effikaċja tal-politiki tal-UE u l-kapaċità tagħha li tirreżisti l-isfidi u l-pressjonijiet esterni, filwaqt li fl-istess ħin trawwem relazzjoni aktar profonda u kooperattivi mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
8. Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-approfondiment tal-integrazzjoni tal-UE u l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha hija essenzjali għal politika esterna u ta' sigurtà tal-UE aktar koerenti, effikaċi u ta' suċċess, inkluż fil-konfront tar-Russja; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jkomplu u jintensifikaw l-isforzi tagħhom, għall-eliminazzjoni effikaċi tan-nuqqas ta' qbil fit-teħid ta' deċiżjonijiet u, kif ukoll flimkien ma' pajjiżi kandidati, għall-konsolidament ta' politiki komuni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kummerċ, tas-servizzi u tranżazzjonijiet finanzjarji, tal-migrazzjoni, tal-enerġija, tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, tal-informazzjoni u taċ-ċibersigurtà;
9. Itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet u mill-istrumenti tat-Trattat ta' Lisbona, bil-ħsieb li tiġi msaħħa n-natura strateġika li tħares 'il quddiem tal-politika estera u ta' sigurtà komuni Ewropea; jinsab konvint bil-qawwa, barra minn hekk, li r-rwol ċentrali tad-drittijiet tal-bniedem f'kull aspett tal-azzjoni esterna tal-UE huwa prerekwiżit għall-garanzija tar-rwol rispettat u kredibbli tagħha bħala attur globali;
10. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-politika dwar l-enerġija hija element sinifikanti tal-politika esterna tal-UE; jappoġġa bis-sħiħ, għalhekk, il-ħolqien malajr ta' Unjoni tal-Enerġija Ewropea b'saħħitha, b'mod speċifiku l-interkonnessjoni ta' netwerks nazzjonali tal-enerġija sabiex titnaqqas b'mod konsiderevoli d-dipendenza ta' Stati Membri individwali mill-fornituri ta' enerġija esterni, b'mod partikolari r-Russja; jinsab konvint bil-qawwa li l-isfidi għas-solidarjetà Ewropea, u l-vulnerabbiltà tagħha, u l-esponiment tal-Istati Membri individwali u l-pajjiżi kandidati, għall-użu tal-enerġija bħala pedina fin-negozjati politiċi u diplomatiċi jista' jiġi miġġieled biss b'mod effikaċi permezz tal-applikazzjoni sħiħa ta' leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija, u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett dwar l-enerġija u t-tlestija ta' suq intern tal-enerġija liberu, trasparenti, integrat u sinkronizzat, effiċjenti fl-użu tal-enerġija – bi proporzjon adegwat ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli — u reżiljenti, bi provvista diversifikata, f'liema każ il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni għandha tapplikaw mingħajr ebda ekwivoku; jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ adegwat lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija li impenjaw ruħhom biex jimplimentaw l-acquis tal-UE dwar l-enerġija, bil-ħsieb li jsaħħu l-pożizzjoni ta' negozjati tagħhom fil-konfront tal-fornituri esterni tal-enerġija;
11. Jisħaq fuq il-ħtieġa u r-rilevanza tas-sospensjoni tal-kooperazzjoni mar-Russja fis-settur tad-difiża fid-dawl tal-attitudni aggressiva tagħha, u jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati jastjenu milli jieħdu kwalunkwe deċiżjoni li tista' tikkomprometti din il-pożizzjoni unanima; huwa għalhekk tal-fehma li, minkejja n-natura bilaterali tagħhom, il-ftehimiet fil-qasam tal-kooperazzjoni tad-difiża mar-Russja għandhom ikunu vvalutati bir-reqqa fil-livell tal-UE, bil-għan li jiġi definit approċċ konsistenti u xieraq; jikkonstata l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO f'dan ir-rigward;
12. Jinsab mħasseb ħafna bir-restrizzjonijiet li qegħdin jiżdiedu fuq il-libertà tal-midja u tal-internet, iż-żieda fil-kontroll tal-midja online, l-użu tal-koerċizzjoni biex jitrażżan ir-rappurtar imparzjali u t-tgħawwir tal-istandards ġurnalistiċi fir-Russja, kif ukoll iż-żieda tal-monopolju fl-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku Russofonu barra mill-pajjiż mill-midja statali; jikkundanna l-projbizzjoni fuq ix-xandir ta' stazzjonijiet televiżivi Ukraini u tat-Tatari fil-Krimea;
13. Iġedded l-appell tiegħu għal żvilupp ta' kapaċitajiet analitiċi u ta' monitoraġġ imsaħħa tal-propoganda Russa, speċjalment bil-lingwa Russa, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jirreaġixxu malajr u b'mod xieraq, kontra informazzjoni deliberatament partiġjana mifruxa f'diversi lingwi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni talloka mingħajr dewmien finanzjament adegwat għal proġetti konkreti li għandhom l-għan li jiġġieldu l-propoganda Russa u d-diżinformazzjoni fi ħdan l-UE u barra minnha, u li jipprovdu informazzjoni oġġettiva għall-pubbliku ġenerali fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u biex tiżviluppa strumenti xierqa għal komunikazzjoni strateġika; jilqa', f'dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Marzu 2015 dwar pjan ta' azzjoni kontra kampanji ta' diżinformazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu wkoll mekkaniżmu koordinat għat-trasparenza u għall-ġbir, monitoraġġ u rappurtar tal-għajnuna finanzjarja, politika jew teknika pprovduta mir-Russja lill-partiti politiċi u lill-organizzazzjonijiet oħra fi ħdan l-UE, bil-ħsieb li jivvaluta l-involviment u l-influwenza tagħha fuq il-ħajja politika u l-opinjoni pubblika fl-UE u fil-pajjiżi ġirien fil-Lvant, u sabiex tieħu miżuri xierqa;
14. Huwa mħasseb ħafna dwar it-tendenza reċenti tal-midja Russa, ikkontrollata mill-Istat, li terġa' tikteb u tinterpreta avvenimenti storiċi tas-seklu XX, bħalma huma l-iffirmar tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-protokolli sigrieti tiegħu, kif ukoll r-rikors għal narrativa storika selettiva għal finijiet ta' propaganda politika attwali;
15. Jinsab imħasseb ħafna bil-kuntatti intensivi u bil-kooperazzjoni, ittollerati mit-tmexxija Russa, bejn partiti populisti, faxxisti u tal-lemin estrem Ewropej minn naħa, u gruppi nazzjonalistiċi fir-Russja min-naħa l-oħra; jirrikonoxxi li din tirrappreżenta periklu għall-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt fl-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra din it-theddida emerġenti ta' "Internazzjonali Nazzjonalista";
16. Jinsab mħasseb ħafna bl-appoġġ tar-Russja u bil-finanzjament ta' partiti estremisti u radikali fl-Istati Membri tal-UE; iqis il-laqgħa reċenti f'San Pietruburgu tal-partiti tal-lemin estrem bħala insult għall-memorja ta' miljuni ta' Russi li ssagrifikaw ħajjithom sabiex isalvaw id-dinja min-Nażiżmu;
17. Jistieden lill-UE tagħti appoġġ lill-proġetti mmirati biex jippromwovu u jiżviluppaw standards ġurnalistiċi għoljin, libertà tal-midja u informazzjoni imparzjali u affidabbli fir-Russja, u li jikkumbattu l-propaganda fi ħdan l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli finanzjament adegwat għall-inizjattivi li qegħdin jiżviluppaw midja Russofona alternattiva għall-midja Russa kkontrollata mill-Istat, sabiex jipprovdu lill-pubbliku Russofonu b'sorsi ta' informazzjoni kredibbli u indipendenti;
18. Itenni li rispett bla kompromessi għall-istat tad-dritt huwa prinċipju ewlieni u fundamentali tal-UE, u jappella għall-applikazzjoni stretta, rapida u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu f'każ ta' kwalunkwe ksur tar-regoli; jistieden lill-Kummissjoni tapplika bl-istess determinazzjoni l-prinċipju ta' kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq uniku, inkluż fil-proċedimenti kontra Gazprom; huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri jridu jagħmlu aktar enfasi fuq il-ħtieġa li r-Russja tindirizza is-sħubija tagħha fid-WTO b'mod kostruttiv u sabiex tikkonforma bis-sħiħ mal-impenji sussegwenti, inkluż billi ttemm restrizzjonijiet inġustifikati għall-kummerċ u tipprovdi aċċess mhux diskriminatorju għas-swieq tagħha;
19. Jistieden lir-Russja tikkoopera bis-sħiħ mal-komunità internazzjonali dwar l-investigazzjoni dwar it-twaqqigħ tat-titjira MH17, u jikkundanna kwalunkwe tentattiv jew deċiżjoni sabiex tingħata amnestija jew iddewwem il-prosekuzzjoni ta' dawk identifikati bħala responsabbli; itenni l-istedina tiegħu lir-Russja tagħti lura minnufih il-fdalijiet u l-kaxxi s-suwed kollha tal-ajruplan tal-Gvern Pollakk li kkraxxja fi Smolensk; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jqajmu dawn it-talbiet f'kull kuntatt bilaterali mal-awtoritajiet Russi;
20. Jistieden lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa jirrikonoxxi l-portata u l-gravità tal-problema ta' vjolenza u fastidju kontra persuni LGBTI fir-Russja, u li jimpenja ruħu li jieħdu passi biex jintemmu dawn l-abbużi u li jħassar id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 135-FŻ tad-29 ta' Ġunju 2013 (il-liġi dwar il-"propaganda omosesswali") li jipprojbixxu d-distribuzzjoni ta' informazzjoni dwar relazzjonijiet LGBTI; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jqajmu l-kwistjoni tal-omofobija u l-vjolenza kontra persuni u attivisti LGBTI f'laqgħat ma' uffiċjali Russi rilevanti, inkluż fl-ogħla livell; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE – f'konformità mal-linji gwida tal-UE ta' Ġunju 2013 – jippromwovu u jipproteġu t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI, jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra persuni LGBTI billi jfittxu għajnuna u rimedju għal vittmi ta' tali vjolenza, u billi jappoġġaw inizjattivi tas-soċjetà ċivili u governattivi għall-monitoraġġ ta' każijiet ta' vjolenza, u billi jedukaw il-persunal inkarigat mill-eżekuzzjoni tal-liġi;
21. Filwaqt li jqis l-arrikkiment ta' soċjetà permezz tal-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti, jesprimi tħassib serju dwar l-istat tad-drittijiet tal-bniedem li dejjem qed immur għall-agħar, inklużi d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda u d-drittijiet ta' persuni LGBTI, u l-istat tad-dritt fir-Russja u fil-Krimea wara l-annessjoni illegali tagħha; jikkundanna bil-qawwa t-trażżin kontinwu tal-gvern ta' fehmiet dissidenti billi jimmira lejn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti permezz tal-hekk imsejħa "liġi tal-aġenti barranin" u t-trażżin persistenti u multiformi ta' attivisti, avversarji politiċi u ta' dawk li jikkritikaw ir-reġim; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-qtil ta' Anna Politkovskaya, Natalya Estemirova, Boris Nemtsov u Sergey Magnitsky, Alexander Litvinenko u oħrajn; jitlob li kull qtil ta' attivisti politiċi, ġurnalisti u infurmaturi jiġi investigat kif suppost u indipendentement, li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja bħala sinjal tal-ġlieda kontra l-impunità mingħajr kompromessi, u li jitqiesu miżuri restrittivi mmirati jekk l-investigazzjonijiet imwettqa mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jonora l-impenn tiegħu li jiddefendi dawn il-prinċipji, u li jadotta, fuq proposta li għandha tiġi ppreżentata mingħajr dewmien mill-VP/RGħ, miżuri restrittivi għall-uffiċjali involuti fil-każ dokumentat sew ta' Magnitsky; jissottolinja li l-obbligu tar-Russja li tikkonforma mad-drittijiet tal-bniedem u mal-istandards tal-istat tad-dritt joħroġ direttament mis-sħubija tagħha man-NU, mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-OSKE;
22. jenfasizza l-importanza ta' appoġġ kontinwu politiku u finanzjarju għall-attivisti tas-soċjetà ċivili indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers, il-midja indipendenti, akkademiċi li jikkritikaw u personaġġi pubbliċi u NGOs, bil-għan li jiġu promossi l-valuri demokratiċi, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u fil-Krimea okkupata; jistieden lill-Kummissjoni tipprogramma għajnuna finanzjarja lis-soċjetà ċivili Russa aktar ambizzjuża mill-istrumenti finanzjarji esterni eżistenti; iħeġġeġ lill-UE tiddjaloga mal-uffiċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi li huma lesti jiżviluppaw viżjoni tar-relazzjonijiet politiċi u diplomatiċi mal-UE bbażati fuq sħubija u kooperazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jkunu promossi, kemm jista' jkun, kuntatti interpersonali u sabiex jinżammu, minkejja l-istat attwali tar-relazzjonijiet, djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn l-UE u l-istudenti u r-riċerkaturi Russi, bejn is-soċjetajiet ċivili u bejn l-awtoritajiet lokali, bil-ħsieb li tittaffa t-tensjoni u ttejjeb il-fehim reċiproku;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tiżgura t-trasparenza sħiħa tal-finanzjament politiku u l-finanzjament tal-partiti politiċi fl-UE skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew fir-rigward b'mod partikolari ta' partijiet interessati politiċi jew ekonomiċi esterni għall-UE;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.
"Protokoll dwar ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta' Kuntatt Tripartitiku", iffirmat fil-5 ta' Settembru 2014, u "Pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk", adottat fit-12 ta' Frar 2015.