Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (2014/2953(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (SWD(2014)0307),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2014 bit-titlu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-15" (COM(2014)0700),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-rapport dwar il-progress tat-Turkija 2009(1), tad-9 ta' Marzu 2011 dwar ir-rapport ta' progress tat-Turkija għall-2010(2), tad-29 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta' progress 2011 dwar it-Turkija(3), tat-18 ta' April 2013 dwar ir-Rapport ta' Progress 2012 dwar it-Turkija(4), tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija(5), tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress 2013 dwar it-Turkija(6), tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Tork li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru(7), u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(9),
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija(10) ("is-Sħubija għall-Adeżjoni"), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill tal-2001, l-2003 u l-2006 dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2010, tal-5 ta' Diċembru 2011, tal-11 ta' Diċembru 2012, tal-25 ta' Ġunju 2013, tal-24 ta' Ottubru 2014 u tas-16 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti fih,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji tat-28 ta' Marzu 2014 bit-titlu 'Evaluation of the EU-Turkey Customs Union' (Evalwazzjoni tal-Unjoni Doganali UE-Turkija),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress tat-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha tal-liberalizzazzjoni tal-viża (COM(2014)0646),
– wara li kkunsidra x-xogħol ta' Kati Piri bħala r-rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għat-Turkija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-negozjati għall-adeżjoni mat-Turkija nfetħu fit-3 ta' Ottubru 2005 u billi l-ftuħ ta' tali negozjati huwa l-punt tat-tluq ta' proċess li jieħu ħafna żmien u li għandu eżitu miftuħ, ibbażat fuq kundizzjonalità ġusta u rigoruża u impenn favur ir-riformi;
B. billi l-UE għadha impenjata favur tkabbir ulterjuri bħala politika fundamentali għall-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazija, tas-sigurtà u tal-prosperità fl-Ewropa; billi kull pajjiż kandidat se jiġi ġġudikat fuq il-merti proprji tiegħuu, abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ma tipprevedix xi adeżjoni ġdida fl-UEf'din il-leġislatura;
C. billi t-Turkija impenjat ruħha li tissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen, twettaq riformi adegwati u effikaċi, iżżomm relazzjonijiet ta' bon viċinat u twettaq allinjament progressiv mal-UE; billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet tagħha u tissokta l-proċess tagħha ta' demokratizzazzjoni u modernizzazzjoni;
D. billi, skont il-klassifikazzjoni magħmula minn Freedom House għal-libertà tal-istampa u tal-midja, it-Turkija issa qed tiġi kklassifikata bħala pajjiżi li m'għandux libertà tal-istampa u li fih il-libertà tal-internet hija biss parzjali;
E. billi Reporters without Borders (Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri) fl-2014 ikklassifikat it-Turkija bħala pajjiż fost dawk li fihom il-ġurnalisti l-aktar li sofrew theddidiet u attakki fiżiċi;
F. billi l-UE għandha tibqa’ l-punt ta’ riferiment għar-riformi fit-Turkija;
G. billi l-bażi għall-adeżjoni mal-UE għadha l-konformità sħiħa mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006;
H. billi, fil-proċess tal-adeżjoni, l-istat tad-dritt – li jinkludi, partikolarment, is-separazzjoni tal-poteri, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-libertà tal-għaqda u tal-protesta paċifika, il-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tar-reliġjon, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi (nazzjonali), u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni fil-konfront ta' gruppi vulnerabbli bħar-Rom u l-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) – huwa ta' importanza ċentrali;
I. billi fil-komunikazzjoni tagħha bit-titlu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-15" il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Turkija hija sieħba strateġika għall-Unjoni Ewropea, f'termini ekonomiċi u ta' sigurtà enerġetika, u li l-kooperazzjoni mat-Turkija fi kwistjonijiet ta' politika barranija hija kruċjali, billi, fl-istess komunikazzjoni, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha rigward il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-indipendenza tal-ġudikatura, l-istat tad-dritt, id-dritt ta' għaqda u l-libertà ta' espressjoni;
J. billi t-Turkija, għad-disa' sena konsekuttiva, għadha ma implimentatx id-dispożizzjonijiet li joħorġu mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali tiegħu; billi dan ir-rifjut għadu jħalli effett negattiv profond fuq il-proċess tan-negozjati;
K. billi, bil-ħsieb li ttejjeb l-istabbiltà u tippromwovi r-relazzjonijiet ta' bon viċinat, it-Turkija jeħtiġilha tintensifika l-isforzi tagħha sabiex issolvi kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi obbligi ġuridiċi pendenti u tilwimiet li għadhom mhux solvuti dwar il-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ispazju tal-ajru mal-ġirien diretti tagħha, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u mad-dritt internazzjonali;
L. billi l-awtoritajiet Torok ma qablux li jerġgħu jiftħu s-seminarju Ortodoss fuq il-gżira ta' Heybeliada;
Is-sitwazzjoni attwali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija
1. Jilqa' favorevolment ir-rapport ta' progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija u jikkondividi l-konklużjoni tiegħu li t-Turkija hija sieħba strateġika għall-Unjoni Ewropea u li negozjati ta' adeżjoni attivi u kredibbli jipprovdu qafas adatt biex il-potenzjal tar-relazzjonijiet UE-Turkija jiġi sfruttat bis-sħiħ; jenfasizza li l-proċess ta' riforma fil-kuntest ta' negozjati mal-UE jista' jippreżenta opportunità sinifikanti għat-Turkija biex din tiżviluppa sistema demokratika pluralista qawwija, b'istituzzjonijiet sodi, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tat-Turkija, kif ukoll għal relazzjonijiet eqreb mal-UE; jitlob li l-Kummissjoni terġa' tivvaluta l-mod li bih in-negozjati tmexxew s'issa u kif ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija jistgħu jittejbu u jiġu intensifikati;
2. Jissottolinja li relazzjoni effikaċi u li tiffunzjona sewwa, ibbażata fuq id-djalogu, kooperazzjoni aktar stretta, impenn reċiproku u negozjati bejn l-UE u t-Turkija – fid-dawl tal-qrubija ġeografika tagħhom, ir-rabtiet storiċi bejniethom, il-komunità Torka kotrana li tgħix fl-UE, ir-rabtiet ekonomiċi stretti u l-interessi strateġiċi komuni tagħhom – tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet; jistieden lit-Turkija tqiegħed il-proċess ta' riforma fil-qalba tal-għażliet ta' politika nazzjonali tagħha; huwa tal-fehma li l-UE għandha taħtaf din l-opportunità li ssir l-ankra prinċipali tal-proċess tad-demokratizzazzjoni ulterjuri fit-Turkija billi tippromwovi valuri universali u l-istandards regolatorji Ewropej bħala punti ta' riferiment għall-proċess ta' riforma, u billi tappoġġa lit-Turkija fl-iżvilupp ta' istituzzjonijiet demokratiċi sodi u ta' leġiżlazzjoni effikaċi bbażati fuq ir-rispett tal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u li jirrappreżentaw u jiddefendu l-interessi tas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà Torka;
3. Iħeġġeġ lill-Gvern Tork iħaffef il-pass tan-negozjati u jħeġġu jimpenja ruħu bla ekwivoċi li jirrispetta l-valuri u l-prinċipji demokratiċi, li huma fil-qalba tal-Unjoni Ewropea; jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tintensifika l-ħidma mat-Turkija abbażi ta' interessi kondiviżi u sfidi komuni; jieħu nota tal-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitolu 22 (Politika reġjonali) f'Novembru 2013;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-elezzjoni tal-aktar parlament inklużiv u rappreżentattiv fl-istorja moderna Torka, li jirrifletti d-diversità tal-pajjiż; ifaħħar ir-reżiljenza tad-demokrazija Torka u l-ispirtu demokratiku taċ-ċittadini tagħha, kif tixhed ir-rata għolja ħafna ta' votanti li ħarġu jivvutaw u l-parteċipazzjoni impressjonanti tal-volontiera tas-soċjetà ċivili f'jum l-elezzjoni; jistieden lill-partiti politiċi kollha biex jaħdmu għat-twaqqif ta' gvern stabbli u inklużiv bil-għan li jissaħħaħ il-proċess ta' demokratizzazzjoni tat-Turkija u d-djalogu ta' riforma tagħha mal-UE;
5. Jissottolinja l-importanza li ninvestu aktar sforzi f'kuntatti interpersonali biex jinħoloq ambjent favorevoli ta' kooperazzjoni bejn it-Turkija u l-UE; jenfasizza, għalhekk, li fl-interess ta' rabtiet aktar stretti bejn l-UE u t-Turkija, għandu jsir progress konkret fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tal-viżi abbażi tat-twettiq tar-rekwiżiti stabbiliti fil-pjan direzzjonali lejn reġim ta' eżenzjoni ta' viża mat-Turkija; jenfasizza li fil-perjodu intermedju, l-UE għandha tagħmilha aktar faċli li persuni tan-negozju jiksbu viża, u li programmi ta' skambju ta' studenti u akkademiċi u l-opportunitajiet ta' aċċess għas-soċjetà ċivili għandhom jiġu promossi b'mod attiv; jemmen li l-opportunitajiet ta' aċċess imtejjeb għall-UE jafu jipprovdu aktar appoġġ għall-proċess ta' riforma fit-Turkija;
L-Istat tad-Dritt u d-Demokrazija
6. Josserva li t-Turkija kompliet timplimenta r-riformi mis-snin preċedenti; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-bidliet fil-qafas ġuridiku fil-qasam tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali, li issa jippermetti li l-kampanji politiċi jsiru b'lingwi oħra u mhux biss bit-Tork, jagħti lok għall-kopresidenza tal-partiti u jiffaċilita r-regoli tal-organizzazzjoni lokali tal-partiti politiċi; itenni l-importanza li l-limitu elettorali minimu ta' 10 % jitbaxxa, b'mod li jkun jippermetti parteċipazzjoni politika tal-komponenti kollha tas-soċjetà fit-Turkija;
7. Jenfasizza li kostituzzjoni ġdida bbażata fuq dispożizzjonijiet li jippromwovu soċjetà pluralistika, inklużiva u tolleranti tista’ ssaħħaħ il-proċess ta’ riforma u tipprovdi bażi soda għal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; ifaħħar ix-xogħol li għamel il-kumitat ta' konċiljazzjoni kostituzzjonali, li, qabel ma ġie xolt, laħaq kunsens fuq 60 emenda kostituzzjonali; itenni t-talba tiegħu biex jitkompla l-proċess ta' riforma kostituzzjonali u jenfasizza l-ħtieġa li kostituzzjoni ġdida tissejjes fuq kunsens wiesa' mill-ispektrum politiku kollu u mis-soċjetà kollha kemm hi; iħeġġeġ lit-Turkija tikkonsulta mal-Kummissjoni ta’ Venezja fil-qafas tal-proċess ta’ Riforma Kostituzzjonali;
8. Jilqa’ l-istrateġija l-ġdida mfassla mill-Gvern tat-Turkija biex il-leġiżlazzjoni l-ġdida kollha tiġi mgħoddija permezz tal-Ministeru tal-Affarijiet tal-UE, bil-għan li jiżdied ir-rwol tiegħu fir-rigward tal-koordinazzjoni u li titjieb il-konformità tal-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni mal-istandards Ewropej; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li kull meta jkun possibbli, issir konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta' Venezja kif ukoll djalogu aktar intensiv mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida li tkun qed titħejja u dwar l-implimentazzjoni tal-liġijiet eżistenti, bil-għan li tkun żgurata l-kompatibilità mal-acquis tal-UE;
9. Jenfasizza l-importanza ta’ konsultazzjoni adegwata tas-soċjetà ċivili fil-proċess leġiżlattiv; jirrakkomanda, għalhekk, li għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni strutturati tas-soċjetà ċivili bħala parti mill-proċess leġiżlattiv u tat-tfassil tal-politika u fil-proċess tal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida; ifaħħar il-vitalità tas-soċjetà ċivili fit-Turkija; jenfasizza li huma meħtieġa riformi konsistenti biex jiggarantixxu l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw lok joperaw liberament mingħajr restrizzjonijiet u li jtejbu l-aċċess tagħhom għall-finanzjament;
10. Jappoġġja u jinkoraġġixxi bis-sħiħ l-isforzi min-naħa tal-Gvern tat-Turkija u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha biex tintlaħaq konklużjoni komprensiva u sostenibbli tal-proċess ta’ paċi mal-komunità Kurda abbażi ta’ negozjati mal-PKK), li jinsab fil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi tal-Unjoni Ewropea, u proċess ta' integrazzjoni soċjoekonomika u politika tal-komunità Kurda; jappoġġja bil-qawwa t-tħabbira min-naħa tal-HDP ta' kungress straordinarju tal-PKK biex iċedu l-arma u li jippromwovi l-politika demokratika bħala metodu; jinkoraġġixxi b'qawwa lill-Gvern biex ikompli jagħti prijorità, u jtejjeb, id-drittijiet soċjali, kulturali u politiċi kif ukoll it-trattament indaqs, taċ-ċittidini ta' oriġini Kurda; jilqa' favorevolment il-liġi intiża li "toħloq bażi ġuridika aktar soda għall-proċess ta' riżoluzzjoni", adottata mit-TGNA fil-11 ta' Ġunju 2014, li tipprevedi miżuri li jeqirdu t-terroriżmu, isaħħu l-inklużjoni soċjali, jintegraw mill-ġdid lill-persuni li jħallu l-PKK u jċedu l-armi u jippreparaw l-opinjoni pubblika għar-ritorn tal-ex-ġellieda; huwa tal-fehma li riżoluzzjoni b'suċċess tal-kwistjoni Kurda hi importanti ħafna u tagħti kontribut pożittiv sostanzjali lid-demokrazija, il-paċi, l-istabilità u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; iħeġġeġ għaldaqstant, lill-partiti politiċi kollha biex isostnu dan il-proċess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika u tiddedika riżorsi disponibbli taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA),inter alia, għal programmi ta' integazzjoni soċjoekonomika u edukazzjoni fix-Xlokk bħala mezz għat-tisħiħ tal-proċess ta' riżoluzzjoni Kurd; josserva li n-negozjati dwar il-Kapitolu 22 (Politika Reġjonali) jistgħu jgħinu lit-Turkija fid-definizzjoni ta' programm ta' koeżjoni effikaċi għax-Xlokk tat-Turkija;
11. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni min-naħa tal-Impriża Idrawlika Statali tat-Turkija li tkompli bix-xogħlijiet fuq id-diga ta’ Ilisu, li se jkollha effetti soċjali, ambjentali u politiċi devastanti; ifakkar li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni ta' dan ir-reġjun huma Kurdi, u li l-kostruzzjoni se tolqot ħażin ħafna lill-popolazzjoni u l-kultura Kurda;
12. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2014, maħruġ mill-organizzazzjoni Transparency International fit-3 ta' Diċembru 2014, jindika żieda qawwija fil-perċezzjoni tal-korruzzjoni fit-Turkija matul is-sena li għaddiet, u li issa l-pajjiż jinsab fl-64 post fl-indiċi; jiddispjaċih ħafna dwar il-mod ta' kif il-Gvern u l-Parlament tat-Turkija rreaġixxew fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni magħmula f'Diċembru 2013, inklużi dawk kontra persuna li qabel kienu Membri tal-Gvern, u dwar il-fatt li ma kien hemm l-ebda segwitu tal-investigazzjonijiet tal-korruzzjoni serji ħafna; jesprimi tħassib dwar il-prosekuzzjoni kriminali ta’ ġurnalisti investigattivi li segwew il-każijiet ta’ korruzzjoni; jappella għal investigazzjoni trasparenti u indipendenti tal-akkużi li saru f’Diċembru 2013; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar rieda politika għall-iżvilupp ta' qafas ġuridiku adegwat għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li mhux biss iddgħajjef il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u l-fiduċja taċ-ċittadini fid-demokrazija, iżda tista' wkoll tagħmel ħsara lill-iżvilupp ekonomiku u lil klima favorevoli għall-investimenti;
13. Jesprimi tħassib dwar l-emendi reċenti għal-Liġi dwar il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi u r-riassenjazzjonijiet u t-tkeċċijiet sussegwenti numerużi ta’ imħallfin u prosekuturi u l-arresti, riassenjazzjonijiet u tkeċċijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija, li qajmu tħassib serju u iġġustifikat dwar l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effiċjenza tal-ġudikatura u tas-separazzjoni tas-setgħat u r-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt, li għadhom il-qalba tal-kriterji politiċi ta’ Kopenħagen; jinsab imħasseb dwar il-fatt li sikwit isiru tibdiliet f'leġiżlazzjoni ewlenija mingħajr konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati rilevanti; jilqa' pożittivament l-abolizzjoni tal-Artikolu 10 tal-liġi kontra t-terroriżmu; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li d-definizzjonijiet wiesgħa ħafna jagħmlu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi kontra t-terroriżmu eċċessiv u jippermettu interpretazzjonijiet verament wiesgħa; ifakkar il-bżonn li ssir riforma tal-Artikolu 314 tal-kodiċi kriminali, sabiex dawk biss li huma membri ta' organizzazzjoni terroristika jew armata, jew jikkontribwixxu għall-attivatajiet ta' tali organizzazzjoni, ikun jistgħu jittellgħu quddiem il-qorti; jitlob li tiġi adottata strateġija għal riforma ġudizzjarja allinjata ma' standards Ewropej, b'kooperazzjoni mal-partijiet konċernati kollha; japprezza l-ewwel pass meħud favur it-tnaqqis tat-tul massimu ta' arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża minn 10 għal 5 snin, iżda jisħaq li jeħtieġ ikun hemm aktar tnaqqis biex ikun evitat li l-arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża jsir kastig de facto; jenfasizza l-importanza li jinħolqu qrati reġjonali tal-appell u li jiġu adottati l-miżuri relevanti kollha biex jiġi żgurat proċess xieraq; iħeġġeġ lit-Turkija tkompli r-riforma tas-sistema ġudizzjarja u biex tiżgura aċċess ġust u effettiv għall-ġustizzja għat-tfal kollha;
14. Jesprimi tħassib serju dwar il-Liġi 6532 li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ April 2014 u li żiedet b’mod drammatiku s-setgħat tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence, dgħajfet il-libertà tal-midja, il-libertà ta’ espressjoni u d-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni ta’ interess pubbliku, biex b’hekk il-persunal tal-Aġenzija saru prattikament immuni minn proċedimenti legali u l-ksur tar-regoli tal-privatezza billi tagħmilha possibbli għall-Aġenzija li takkwista data personali mingħajr ordni tal-qorti; iqis li dawk id-dispożizzjonijiet jiksru l-obbligi tat-Turkija fir-rigward tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-liġijiet nazzjonali tiegħu stess;
15. Jilqa' pożittivament għadd ta' deċiżjonijiet importanti li ħadet il-Qorti Kostituzzjonali tat-Turkija biex tħares l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bħal-libertà ta' espressjoni, fatt li wera r-reżiljenza tas-sistema kostituzzjonali; josserva, barra minn hekk, li s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali enfasizzaw l-irregolaritajiet fit-twettiq tal-investigazzjonijiet u fil-proċessi sussegwenti fil-kawżi Energekon u Sledgehammer; japprezza l-fatt li l-Qorti Kostituzzjonali għadha tirċievi rikorsi individwali; jesprimi tħassib dwar emendi għall-Kodiċi Kriminali, u b’mod partikolari l-użu tat-terminu “suspett raġonevoli”, li jagħti lok għal attakki arbitrarji fuq l-oppożizzjoni; jirrimarka li dawn l-emendi ġew adottati mingħajr konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie miftiehem matul in-negozjati;
16. Jesprimi tħassib serji dwar il-livell għoli ta' polarizzazzjoni politika fit-Turkija; ifakkar li l-pluraliżmu għandu jkun fil-qalba ta’ kwalunkwe sistema demokratika; iħeġġeġ, għalhekk, il-promozzjoni tad-djalogu fl-ispektrum politiku kollu tat-Turkija; jenfasizza li fir rigward ta' proċessi ta’ riforma ewlenin u fit-tul, kostituzzjoni ġdida u t-taħditiet dwar ftehim għall-Kurdi, djalogu ta' dan it-tip huwa indispensabbli; jistieden lill-partit fil-gvern u lill-oppożizzjoni biex jagħmlu kull sforz possibbli biex jikkooperaw u jilħqu kunsens, u biex jinkludu lis-soċjetà ċivili attivament fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;
Rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali
17. Jilqa' l-adozzjoni, f'Marzu 2014, tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni ta' Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) bħala pass sinifikanti lejn l-allinjament tal-qafas ġuridiku tat-Turkija mal-ġurisprudenza tal-QEDB u jistenna li l-Gvern jadotta aktar provvedimenti biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jenfasizza li s-sħubija tat-Turkija fil-Kunsill tal-Ewropa timpenja lit-Turkija ssegwi standards politiċi u legali għoljin u jitlob lit-Turkija timpenja ruħha b'mod sħiħ mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-proċess ta' riforma tagħha; ifakkar li l-progress fin-negozjati jiddependi mir-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali;
18. Jinnota bi tħassib li l-maġġor parti tal-investigazzjonijiet dwar il-ġrajjiet tal-park ta' Gezi f'Mejju/Ġunju 2013 u l-allegazzjonijiet dwar ir-rikors sproporzjonat għall-forza u l-abbuż min-naħa tal-pulizija għadhom pendenti u ftit sar progress fl-identifikazzjoni tal-allegati awturi ta' dawn ir-reati; jenfasizza li wara numru ta' lmenti li waslu dwar ir-rikors għall-forza mill-uffiċjali tal-pulizija waqt il-protesti f'Gezi, l-Ombudsman ħarġet rapport fejn sabet rikors sproporzjonat għall-forza; jistieden lill-awtoritajiet Torok jagħmlu tajjeb għal dawk il-vittmi kollha, li kienu dimostranti mhux vjolenti jew li ma kinux fost id-dimostranti, iżda kienu biss fuq is-sit ta' dawn l-avvenimenti b'mod aċċidentali; jitlob itt-tlestija ta' investigazzjonijiet effikaċi u imparzjali dwar il-każijiet kollha tal-allegati maltrattatamenti min-naħa tal-uffiċjali statali u jappella sabiex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jissottolinja l-bżonn ta' adozzjoni sussegwenti ta' regoli ċari dwar ir-rikors għall-forza u r-rwol tal-pulizija f'konformità mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ bil-qawwa r-revoka tar-restrizzjonijiet għall-għaqda paċifika u jenfasizza li ma għandhomx jiġu invokati liġijiet oħrajn, bħal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, biex in-nies ma jitħallewx jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' protesta paċifika u li d-dimostrazzjonijiet paċifiċi ma jkunux raġuni għal arrest; jistieden lill-Gvern Tork biex jipprovdi kontrokontrolli adegwati, oġġettivi u trasparenti fuq is-setgħa tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jirrakkomanda li l-awtoritajiet Torok iwaqqfu mekkaniżmu indipendenti u effikaċi għall-ilmenti li jikkonċernaw lill-pulizija; jesprimi tħassib serju dwar il-pakkett tas-sigurtà domestika li jmur kontra l-prinċipju ta' sorveljanza ġudizzjarja tal-attivitajiet tal-pulizija u li huwa eċċessiv fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu;
19. Jissottolinja l-ħtieġa ta' reviżjoni tal-liġi dwar l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRI) tat-Turkija bil-għan li jsir korp indipendenti, mgħammar b'riżorsi adegwati, responsabbli fil-konfront tal-pubbliku u bil-parteċipazzjoni ta' gruppi tas-soċjetà ċivili; jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport maħruġ mill-Ombudsman, inkluża t-talba għar-rikors gradwali u proporzjonat għall-forza mill-pulizija, u biss bħala l-aħħar riżorsa u taħt supeviżjoni; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ id-dritt ta' inizjattiva tal-Ombudsman, il-kapaċità tiegħu li jwettaq kontrolli u garanziji fuq il-post biex jagħti segwitu adegwat għad-deċiżjonijiet tal-Ombudsman;
20. Ifaħħar lit-Turkija dwar soċejtà ċivili tar-Rom dejjem tikber; jittama li l-organizzazzjonijiet il-ġodda tar-Rom jingħataw l-appoġġ u l-ħin li jippermettulhom jieħdu sehem sinifikanti f'inizjattivi ta' kooperazzjoni biex ifasslu u jimplimentaw miżuri kemm fil-livell lokali kif ukoll dak nazzjonali; jirrakkomanda li l-Gvern jikkombina proġetti ta' akkomodazzjoni eżistenti ma' aspetti soċjali u fit-tul bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; jilqa' l-pjanijiet ta' azzjoni ġenerali biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni li jistgħu jagħtu lir-Rom aċċess akbar għas-suq tax-xogħol;
21. Iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija jiggarantixxi l-libertà tal-midja bħala kwistjoni ta' prijorità u jipprovdi qafas ġuridiku adegwat li jiggarantixxi l-pluraliżmu f'konformità mal-istandards internazzjonali; jikkundanna l-isforzi tal-Gvern Tork biex jipprojbixxi l-aċċess għall-midja soċjali u s-siti web jew jagħlaq dawn tal-aħħar mingħajr ordni tal-qorti, l-approċċ restrittiv tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u l-pressjoni fuq il-midja u l-ġurnalisti, li ħafna drabi jirriżultaw fl-intimidazzjoni, it-tkeċċija jew l-arrest ta' ġurnalisti u awtoċensura mifruxa; jirrimarka li l-vjolazzjonijiet tal-libertà ta' espressjoni żdiedu wara l-iskandlu tal-korruzzjoni ta' Diċembru 2013; iqis li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas ġuridiku li jippermetti li jkun hemm trasparenza sħiħa dwar is-sjieda tal-grupp tal-midja; itenni l-impenn tal-UE favur il-libertà ta' espressjoni f'kull forma tagħha u jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għat-Turkija biex tkompli tissorvelja proċessi ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
22. Jikkundanna r-raids reċenti tal-pulizija u d-detenzjoni ta' għadd ta' ġurnalisti u rappreżentanti tal-midja fl-14 ta' Diċembru 2014; ifakkar li stampa libera u pluralista hija komponent essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija, bħalma huma proċess ġust u l-indipendenza tal-ġudikatura; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li fil-każijiet kollha (i) tingħata informazzjoni biżżejjed u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet kontra l-akkużati, (ii) l-akkużati jingħataw aċċess sħiħ għall-evidenza inkriminatorja u drittijiet sħaħ ta' difiża, u (iii) jiġi żgurat li l-każijiet jitmexxew sewwa b'tali mod li jistabbilixxu l-veraċità tal-akkużi bla dewmien u lil hinn minn kull dubju raġonevoli; jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija jeżaminaw u jindirizzaw dawn il-każijiet malajr kemm jista' jkun u jaderixxu mal-istandards internazzjonali ta' proċess ġust, f'każ li jinsistu dwar it-tkomplija tal-proċedimenti;
23. Isostni li l-azzjoni reċenti tal-Gvern Tork kontra l-libertà tal-istampa u l-pluralità tal-opinjonijiet hija inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'hekk hi f'konflitt mal-ispirtu tal-proċess tan-negozjati;
24. Huwa tal-fehma li, f'konformità mal-impenn tal-UE favur l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali, b'mod urġenti jinħtieġu riformi fit-Turkija fl-oqsma tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-ġusitzzja, il-libertà u s-sigurtà rispettivament; jemmen ukoll li l-komunikazzjoni tal-parametri tal-ftuħ uffiċjali għall-Kapitoli 23 (ġudikatura u drittijiet fundamentali) u 24 (ġustizzja, libertà u sigurtà) hija pass importanti biex jiġu promossi riformi tassew effikaċi u kif jiġi żgurat li l-proċess ta' riforma fit-Turkija jkun imsawwar abbażi ta' valuri u standards Ewropej; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex , ladarba jkunu sodisfatti l-kriterji stabbiliti, jibda negozjati dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà; jistieden lit-Turkija tikkoopera kemm jista' jkun għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi mingħajr dewmien aktar djalogu u kooperazzjoni mat-Turkija fl-oqsma koperti mill-Kapitoli 23 u 24 biex tippromwovi fehim komuni dwar ir-riformi meħtieġa;
25. Jilqa' d-deċiżjoni li r-riformi relatati mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, mal-affarijiet interni u mas-soċjetà ċivili għandhom jirċievu aktar finanzjamenti fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) II għall-perjodu 2014-2020; jirrimarka li l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-libertajiet fundamentali huma prinċipji ewlenin li jirregolaw l-appoġġ ta' qabel l-adeżjoni; itenni l-konklużjoni tal-Kunsill ta' Diċembru 2014 li ser tiġi introdotta koerenza msaħħa bejn l-assistenza finanzjarja u l-progress ġenerali li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, inkluż ir-rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-IPA II fil-pajjiżi kandidati kollha u biex tiddedika riżorsi disponibbli taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) biex tiġi appoġġjata l-libertà ta' espressjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea, id-drittijiet relatati mat-trade unions, u l-libertà tal-ħsieb;
26. Jieħu nota tal-fatt li t-Turkija kkontribwiet għad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Awwissu 2014, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul); jesprimi, madankollu, tħassib dwar il-livelli għolja u persistenti ta' vjolenza fuq in-nisa u n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' protezzjonijiet tal-liġi domestika għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa; jistieden lill-awtoritajiet Torok jipprovdu biżżejjed faċilitajiet ta' akkoljenza għall-protezzjoni tan-nisa u l-minuri li huma vittmi ta' vjolenza; jirrakkomanda li l-Gvern jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor; jistieden lill-Gvern tat-Turkija biex, b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi rilevanti, jiffaċilita l-intraprenditorija tan-nisa u jnaqqas l-ostakli għall-aċċess tan-nisa għal attivitajiet ekonomiċi u jħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija, f'dan ir-rigward, biex jistabbilixxi mira ambizzjuża fejn jidħol l-aċċess tan-nisa għall-impjiegi; jirrimarka li t-Turkija qiegħda fil-125 post minn 142 pajjiż fir-rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar id-Disparità Globali bejn is-Sessi tal-2014; jiddispjaċih bil-qawwi għar-rimarki li saru minn xi uffiċjali u rappreżentanti tal-Gvern dwar ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà Torka u jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-isterjotipi u l-preġudizzji fis-soċjetà kontra n-nisa;
27. Jenfasizza l-importanza li jitkompla l-proċess ta' riforma fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon billi jingħata lok sabiex il-komunitajiet reliġjużi jiksbu personalità ġuridika, billi jiġu eliminati r-restrizzjonijiet kollha fuq it-taħriġ, il-ħatra, ir-residenza legali u s-suċċessjoni tal-kleru, u billi tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata tad-deċiżjonijiet kollha rilevanti tal-QEDB u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi promoss djalogu mal-komunità Alevi u li jingħata rikonoxximent xieraq lid-djar Cem bħala postijiet ta' qima, li jiġi permess il-ftuħ mill-ġdid tas-seminarju Grieg Ortodoss ta' Halki u jitneħħew l-ostakli kollha għall-funzjonament tajjeb tiegħu, kif ukoll li jiġi permess l-użu uffiċjali tat-titolu ekkleżjastiku tal-Patrijarka Ekumeniku; jitlob lill-awtoritajiet rilevanti Torok jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha pendenti relatati mar-radd lura tal-art li kienet tappartjeni lill-monasteru ta' Mor Gabriel u r-rivendikazzjonijiet territorjali kollha l-oħra tal-Knisja Sirijaka; ifakkar fl-importanza li ssir implimentazzjoni adegwata tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar Imvros u Tenedos fir-rigward tal-protezzjoni ta' proprjetà u drittijiet relatati mal-edukazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi rispettat bis-sħiħ, f'konformità mal-valuri Ewropej, id-dritt għal stili ta' ħajja differenti, kemm sekulari kif ukoll ibbażati fuq il-fidi, u li tinżamm is-separazzjoni tal-istat mir-reliġjon; jenfasizza l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tal-minoranzi; jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li, wara t-tneħħija tal-liġi preċedenti sentejn ilu u minħabba lakuna ġuridika eżistenti, mhuwiex possibbli li l-fondazzjonijiet tal-karità li mhumiex Musulmani jagħżlu l-korpi ta' tmexxija tagħhom;
28. Jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut id-dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza għas-servizz militari obbligatorju;
29. Jistieden lit-Turkija tagħmel sforzi serji biex tipproteġi d-drittijiet tal-komunità LGBTI u huwa tal-fehma li l-ħolqien ta' korp speċifiku għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda, ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-antisemitiżmu u l-intolleranza jsaħħaħ id-drittijiet individwali fit-Turkija; jistieden lit-Turkija biex tiddigrieta leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni, li tinkludi l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni u diskors ta' mibegħda abbażi ta' etniċità, reliġjon, orjentazzjoni sesswali, ġeneru jew identità tal-ġeneru, u biex tinkludi l-projbizzjoni ta' tali diskriminazzjoni f'kostituzzjoni ġdida; jesprimi tħassib dwar l-attakki frekwenti fuq persuni transġeneru u n-nuqqas ta' protezzjoni pprovduta lill-persuni LGBTI kontra atti ta' vjolenza; jiddispjaċih ħafna li r-reati ta' mibegħda kontra persuni LGBTI spiss jibqgħu mhux ikkastigati jew li s-sentenzi tat-trasgressuri jkunu mnaqqsa minħabba "provokazzjoni inġusta" min-naħa tal-vittma; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tat-Turkija biex jordna lill-Forzi Armati Torok jieqfu jikklassifikaw l-omosesswalità u t-transesswalità bħala "marda psikosesswali";
30. Jesprimi dispjaċir għat-telf ta' bosta ħajjiet wara d-diżastri fil-minjieri ta' Soma u Ermenek; jilqa' r-ratifika min-naħa tat-Turkija tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar is-sikurezza u s-saħħa fil-minjieri u jitlob l-implimentazzjoni tagħha bla dewmien; jenfasizza l-importanza li jissolvew il-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fis-setturi kollha u jħeġġeġ biex il-monitoraġġ tal-inċidenti fatali fuq ix-xogħol ikun aktar trasparenti; huwa tal-fehma li l-libertà tat-trade unions, id-djalogu soċjali u l-involviment tas-sħab soċjali huma fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetà prospera u pluralista, u jissottolinja l-importanza ta' aktar progress fl-oqsma tal-politika soċjali u l-impjiegi, abbażi ta' implimentazzjoni adegwata u f'waqtha tal-konvenzjonijiet tal-ILO; jieħu nota tan-nuqqasijiet leġiżlattivi fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions; jenfasizza li d-dritt għall-organizzazzjoni, għan-negozjar kollettiv u d-dritt ta' strajk għall-impjegati tas-settur privat u għall-impjegati taċ-ċivil għandhom ikunu allinjati mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-Gvern Tork iħejji pjan direzzjonali biex itejjeb il-leġiżlazzjoni u jallinjaha mal-istandards tal-ILO; jenfasizza l-importanza li t-Turkija tissodisfa l-parametri tal-ftuħ dwar il-politika soċjali u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika adegwata lit-Turkija fil-qasam tar-riforma tax-xogħol u kif jiġu promossi l-istandards tal-UE;
31. Jistieden lit-Turkija tilleġiżla dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema part-time, pereżempju, li bħalissa huma soġġetti għal kundizzjonijiet ħżiena, nuqqas ta' sigurtà tax-xogħol u problemi biex jissieħbu fit-trade unions; jinnota li s-setturi tal-minjieri u tal-kostruzzjoni huma l-aktar industriji perikolużi fit-Turkija u jitlob investigazzjonijiet trasparenti f'inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol;
32. Jistieden lill-Gvern Tork iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari Akkuyuy; jirrimarka li s-sit previst jinsab f'reġjun suxxettibbli għal terremoti severi, u għalhekk jippreżenta theddida serja mhux biss għat-Turkija iżda għar-reġjun tal-Mediterran; għaldaqstant, jitlob lill-Gvern Tork jingħaqad mal-Konvenzjoni Espoo, li qed timpenja l-partijiet jinnotifikaw u jikkonsultaw lil xulxin dwar proġetti ewlenin taħt kunsiderazzjoni li x'aktarx ikollhom impatt ambjentali negattiv sinifikanti bejn il-fruntieri; għal dan il-għan, jitlob lill-Gvern Tork jinvolvi lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tiegħu, bħall-Greċja u Ċipru, li jkunu involuti jew għall-inqas ikkonsultati matul kwalunkwe żvilupp ulterjuri fl-inizjattiva ta' Akkuyu;
Interessi kondiviżi u sfidi komuni
33. Jissottolinja l-benefiċċji importanti tal-Unjoni Doganali (UD) bejn l-UE u t-Turkija; ifakkar li, mill-bidu tal-UD fl-1996, il-valur tal-kummerċ bilaterali bejn it-Turkija u l-UE kiber aktar minn erba' darbiet, b'żieda sinifikanti parallela tal-investiment dirett barrani mill-UE lejn it-Turkija u integrazzjoni aktar profonda bejn l-impriżi Torok u Ewropej għall-ġid tat-tnejn li huma; jenfasizza f'dan ir-rigward, madankollu, li kwalunkwe żieda fl-impatt pożittiv tal-UD hija marbuta mill-qrib ma' konformità mar-regoli u r-rekwiżiti tagħha, u għaldaqstant huwa mħasseb ħafna dwar il-problemi dejjem jikbru għall-kumpaniji Ewropej li qegħdin jagħmlu kummerċ mat-Turkija; jirrimarka l-valutazzjoni reċenti tal-UD min-naħa tal-Bank Dinji, li jisħaq fuq il-bżonn li jiddaħħlu għadd ta' riformi biex jinżamm ambjent favorevoli għal kooperazzjoni ekonomika stretta anki fil-futur; jiġbed partikolarment l-attenzjoni fuq il-bżonn: (i) li titwessa' l-UD biex tkopri wkoll il-prodotti agrikoli, is-servizzi u l-akkwist pubbliku, (ii) li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir kontinwu tal-kummerċ, inkluża l-faċilitazzjoni tal-viżi għal min isiefer fuq xogħol, u (iii) biex konsultazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija fir-rigward tal-impatt fuq it-Turkija tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles iffirmati mill-UE mal-pajjiżi terzi, ikunu segwiti b'aktar intensità;
34. Huwa tal-fehma li d-djalogu politiku bejn it-Turkija u l-UE għandu jkun integrat bi djalogu ekonomiku regolari strutturat, f'livell għoli, dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, fosthom ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi terzi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-interazzjoni bejn il-funzjonament korrett tal-istat tad-dritt u l-iżvilupp ekonomiku; jemmen fl-importanza f'li jiġi żviluppat u msaħħaħ il-qafas ekonomiku, istituzzjonali u ġuridiku tat-Turkija fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja, partikolarment għal dik li hija l-indipendenza tal-Bank Ċentrali,u jemmen li dan jista' jikkontribwixxi għall-allinjament tat-Turkija mal-acquis; jinnota li l-kooperazzjoni ekonomika tkun imsaħħa sewwa bit-Turkija tikkonforma b'mod suffiċjenti mal-istandards tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-impjieg u l-politika soċjali;
35. Jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Ottubru 2014, tal-ftehim ta' riammissjoni mal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli l-monitoraġġ tal-progress mit-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viżi; jilqa' l-isforzi effikaċi magħmula biex jiġu sodisfatti l-kriterji identifikati fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viżi; ifakkar li d-djalogu għal-liberalizzazzjoni tal-viża huwa proċess ibbażat fuq mertu u li t-Turkija għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-pjan direzzjonali tal-viża, inkluża, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tad-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' riammissjoni; itenni l-obbligu tat-Turkija biex timplimenta, bis-sħiħ u b'mod effikaċi, il-ftehim ta' riammissjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi fil-konfront tal-Istati Membri kollha inkluż aċċess mingħajr viża u nondiskriminatorju għat-territorju Tork għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE; jistieden lit-Turkija timplimenta bis-sħiħ u b'mod effikaċi l-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni eżistenti; ifakkar li t-Turkija hija waħda mill-pajjiżi ta' tranżitu ewlenin għall-migrazzjoni irregolari lejn l-UE u jappella għat-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali tat-Turkija mal-Istati Membri ġirien tal-UE f'dan ir-rigward; jilqa' b'sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali u l-istabbiliment tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (GDMM) f'April 2014 bħala passi sostanzjali lejn allinjament mal-istandards tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-migranti regolari u irregolari; jinnota li jeħtieġ li tiżdied il-kooperazzjoni bejn it-Turkija u l-Istati Membri kollha tal-UE, bil-għan partikolari li tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri komuni mal-Istati Membri kollha tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li t-Turkija tkompli ssaħħaħ is-sigurtà tal-fruntieri sabiex tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari lejn il-pajjiżi tal-UE;
36. Ifakkar fl-importanza strateġika tat-Turkija għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u jqis lit-Turkija bħala sieħeb importanti fis-settur tal-enerġija; jindika t-tliet proġetti ta' Kurituri tal-Gass tan-Nofsinhar, approvati fi tmiem l-2013, li se jtejbu s-sigurtà tal-provvista tal-gass għat-Turkija u l-aċċess għall-UE bħala s-suq enerġetiku ewlieni; huwa tal-fehma li, f'kuntest ta' swieq tal-enerġija dejjem aktar kompetittivi u fid-dawl tal-bżonn ta' sorsi enerġetiċi u rotot tal-provvista diversifikati, it-Turkija, bil-potenzjal notevoli tagħha ta' enerġiji rinnovabbli, tista' tagħti kontribut sinifikanti lis-sigurtà enerġetika tal-UE u lill-ambizzjonijiet tagħha rigward id-diversifikazzjoni tal-enerġija f'konformità mad-dritt internazzjonali; jinsab imħasseb dwar kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam tal-enerġija bejn it-Turkija u r-Russja u għalhekk jemmen li l-UE għandha tħaffef in-negozjati dwar l-enerġija;
37. Ifakkar fil-pożizzjoni strateġika tat-Turkija bħala sieħba tal-UE u Membru tan-NATO u għalhekk fl-importanza ġeopolitika kruċjali u r-rilevanza tagħha għal strateġija komprensiva li tfittex li tindirizza s-sigurtà u l-istabbiltà fil-Viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b'referenza partikolari għas-Sirja u l-Iraq; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżviluppi serji ħafna fir-reġjun u l-attakki mwettqa fuq art Ewropea jagħmluha kruċjali li jiżdiedu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta' politika barranija fil-qafas ta' djalogu politiku bejn l-UE u t-Turkija; jistieden lit-Turkija jkollha rwol attiv fil-koalizzjoni internazzjonali kontra gruppi terroristiċi bħall-ISIL u jistieden lit-Turkija tuża r-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni tagħha; jistieden lit-Turkija żżid miżuri biex tevita li l-hekk imsejħa ġellieda barranin, flus jew tagħmir jilħqu l-ISIL u gruppi estremisti oħrajn permezz tat-territorju tagħha; jisħaq fuq il-bżonn li d-djalogu regolari bejn l-UE u t-Turkija kontra t-terroriżmu jitkompla u jissaħħaħ u li jittieħdu miżuri konkreti u azzjoni bħala parti mill-isforzi komuni tagħna fil-ġlieda kontra kull forma ta' terroriżmu; jistieden lit-Turkija tiżgura kontroll effikaċi tal-fruntieri filwaqt li tkompli tipprovdi l-assistenza meħtieġa bis-saħħa ta' mezzi ta' għajnuna umanitarja lir-rifuġjati li jidħlu mis-Sirja u tiżgura s-sigurtà tal-vittmi tal-gwerra ċivili Sirjana; jissottolinja l-importanza ta' djalogu u konsultazzjoni f'livell għoli aktar frekwenti bejn l-UE u t-Turkija dwar kwistjonijiet marbuta mal-politika barranija u s-sigurtà sabiex jiġi żgurat li l-politiki tagħna jikkomplementaw lil xulxin u li t-Turkija tallinja b'mod progressiv il-politika barranija tagħha ma' dik tal-UE;
38. Huwa tal-opinjoni li l-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin għandu jkun mistieden jattendi laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin kull meta jkun rilevanti; huwa tal-opinjoni li jeħtieġ qafas ta' djalogu strutturat, kooperazzjoni u koordinament fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-politika barranija ta' sigurtà u difiża;
39. Jiddispjaċih li t-theddida ta' casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali Torka kontra l-Greċja għadha ma ġietx irtirata minkejja rekord tajjeb ta' djalogu u kooperazzjoni bejn il-Greċja u t-Turkija;
40. Ifaħħar lit-Turkija għall-assistenza kontinwa tagħha lir-rifuġjati, stmati għal 1,6 miljun, mill-Iraq u mis-Sirja u għaż-żamma ta' politika ta' fruntieri miftuħa għal skopijiet umanitarji; jilqa' b'sodisfazzjon id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja adottata f'Ottubru 2014, li tagħti status ġuridiku sikur lir-rifuġjati u tippermettilhom jirċievu karti tal-identità u aċċess għas-suq tax-xogħol; jistieden lill-UE tkompli l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-għajnuna umanitarja lir-rifuġjati tas-Sirja u tal-Iraq fit-Turkija; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kampijiet tar-rifuġjati ma jesgħux aktar nies kif ukoll għall-piż tat-tfittxija ta' alloġġ fuq il-ħajja u r-riżorsi tar-rifuġjati; huwa tal-fehma li l-UE għandha tagħti appoġġ attiv lill-Gvern Tork fid-definizzjoni ta' programmi ta' assistenza fit-tul għar-rifuġjati u fil-promozzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għall-impjieg (legali); jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riżorsi disponibbli fl-ambitu tal-IPA-2 u tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi bil-għan li tingħata assistenza adegwata lill-komunitajiet lokali milquta minn flussi kbar ta' rifuġjati; jistieden ukoll lill-Istati Membri tal-UE jfornu (temporanjament) postijiet ta' risistemazzjoni għar-rifuġjati l-aktar vulnerabbli, fi spirtu ta' kondiviżjoni awtentika tar-responsabilitajiet;
41. Jistieden lit-Turkija, bl-appoġġ tekniku u finanzjarju ta' sħabha, biex tipprovdi aċċess għall-edukazzjoni għall-għadd dejjem jikber ta' tfal Sirjani li jgħixu ġewwa t-Turkija;
Il-bini ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat
42. Iħeġġeġ lill-Gvern Tork itemm il-ksur kontinwu tal-ispazju tal-ajru u l-ilmijiet territorjali Griegi kif ukoll it-titjiriet tal-inġenji tal-ajru militari Torok fuq il-gżejjer Griegi;
43. Jistieden lill-Gvern Tork jiffirma u jirratifika mingħajr dewmien il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li ġiet iffirmata u rratifikata mill-UE u t-28 Stati Membri tagħha, u jissottolinja d-dritt leġittimu tar-Repubblika ta' Ċipru li tkun involuta fi ftehimiet bilaterali li jikkonċernaw iż-żona ekonomika esklużiva tagħha; itenni t-talbiet tiegħu lit-Turkija biex tirrispetta d-drittijiet sovrani tal-Istati Membri kollha, inklużi dawk relatati mal-esplorazzjoni u mal-isfruttament tar-riżorsi naturali meta jikkonformaw mal-acquis tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali; jistieden lit-Turkija toqgħod lura minn kwalunkwe azzjoni li tagħmel il-ħsara lir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u klima li twassal għal soluzzjoni paċifika ta' tilwim bilaterali;
44. Jiddeplora r-rifjut tat-Turkija li tissodisfa l-obbligu tagħha li timplimenta bis-sħiħ u b'mod nondiskriminatorju l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija fir-rigward tal-Istati Membri kollha; ifakkar li dan ir-rifjut għadu qed ikollu effett qawwi fuq il-proċess tan-negozjati;
45. Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għar-riunifikazzjoni ta' Ċipru, abbażi ta' soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli għaż-żewġ komunitajiet, taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-UE għal federazzjoni bikomunali u biżonali b'sovranità unika, personalità ġuridika internazzjonali unika u ċittadinanza unika b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha tagħha; jilqa' l-aħbar mill-Mibgħut Speċjali tan-NU Espen Barth Eide li l-kapijiet taż-żewġ komunitajiet għandhom jissuktaw mill-aktar fis in-negozjati taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u jesprimi s-sostenn qawwi tiegħu għall-isforzi li għamel il-Konsulent Speċjali tan-NU għal Ċipru biex joħloq il-kundizzjonijiet għall-issoktar tat-taħditiet; jesprimi t-tama li l-messaġġ ta' riunifikazzjoni u ta' rikonċiljazzjoni mill-mexxej Ċiprijott Tork li ġie elett dan l-aħħar se jiftaħ tieqa ġdida ta' opportunità fil-proċess tan-negozjati; jitlob lit-Turkija u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jappoġġaw b'mod attiv in-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni u biex jieħdu l-passi meħtieġa lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ma' Ċipru; jistieden lit-Turkija tibda tirtira l-forzi tagħha minn Ċipru u tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta' Famagusta lin-NU skont ir-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden b'mod parallel lir-Repubblika ta' Ċipru tiftaħ il-port ta' Famagusta, taħt is-superviżjoni doganali tal-UE, sabiex tippromwovi klima pożittiva għal soluzzjoni b'suċċess tan-negozjati għar-riunifikazzjoni li għaddejjin, u tippermetti liċ-Ċiprijotti Torok jinnegozjaw mal-UE b'mod leġittimu li jkun aċċettabbli għal kulħadd;
46. Itenni d-deċiżjonijiet rilevanti tal-QEDB u jistieden lill-Gvern Tork biex b'mod immedjat iwaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini Ċiprijotti u jieqaf iċaħħadhom mit-tgawdija u l-eżerċizzju tal-proprjetà u r-reliġjon tagħhom u drittijiet tal-bniedem oħrajn li joħorġu mill-ordni kostituzzjonali tar-Repubblika ta' Ċipru u l-acquis communautaire, kif ukoll il-prinċipji fundamentali u l-valuri tal-UE;
47. Jiddeplora l-politika ta' insedjament tat-Turkija u jistieden lit-Turkija żżomm lura minn aktar insedjamenti taċ-ċittadini tat-Turkija fiż-żoni okkupati ta' Ċipru, li tmur kontra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija ttemm l-azzjonijiet kollha li jbiddlu l-bilanċ demografiku fuq il-gżira u b'hekk jimpedixxu soluzzjoni futura;
48. Jistieden lit-Turkija tippermetti lill-Kumitat għall-Persuni Neqsin aċċess sħiħ għall-arkivji rilevanti u ż-żoni militari fil-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru għall-eżumazzjoni u tagħti l-informazzjoni rilevanti kollha li twassal għas-sejba ta' fdalijiet rilokati; jappella għal kunsiderazzjoni speċjali fil-konfront tax-xogħol li wettaq il-Kumitat dwar il-Persuni Nieqsa;
49. Iħeġġeġ lit-Turkija u lill-Armenja jipproċedu għal normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom billi jirratifikaw, mingħajr kundizzjonijiet preliminari, il-protokolli dwar l-istabbiliment tar-relazzjonijiet diplomatiċi, jiftħu l-fruntiera u jtejbu b'mod attiv ir-relazzjonijiet tagħhom, b'referenza partikolari għall-kooperazzjoni transkonfinali u għall-integrazzjoni ekonomika; jilqa' b'sodisfazzjon id-djalogu li għaddej bħalissa bejn it-Turkija u l-Armenja;
o o o
50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-RGħ/VP, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.