Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2732(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0575/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2015 - 5.1

Testi adottati :

P8_TA(2015)0229

Testi adottati
PDF 286kWORD 100k
Il-Ħamis, 11 ta' Ġunju 2015 - Strasburgu
Sirja: is-sitwazzjoni f'Palmira u l-każ ta' Mazen Darwish
P8_TA(2015)0229RC-B8-0575/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f'Palmira u l-każ ta' Mazen Darwish (2015/2732(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, inkluża dik tat-30 ta' April 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2015 bit-titolu "Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tad-Da'esh",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet u r-rapporti mis-Segretarju Ġenerali tan-NU u mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kunflitt fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, stabbilita mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fis-17 ta' Lulju 1998, b'mod partikolari l-Artikolu 8(2)(b)(ix) tiegħu, li jiddikjara li l-attakki diretti b'mod intenzjonali kontra monumenti storiċi jikkostitwixxu delitt tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddikjara li "l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura",

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni tal-oġġetti kulturali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar il-ħolqien ta' netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET) adottata mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tal-25 u tas-26 ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra t-Tieni Protokoll (1999) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tal-21 ta'Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Palmira; u wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton tas-17 ta' Frar 2012 li tikkundanna l-arrest ta' Mazen Darwish, u tal-Istqarrija Lokali tal-UE tat-3 ta' April 2012 dwar id-detenzjoni kontinwa mingħajr kapi ta' akkuża tas-Sur Mazen Darwish u ta' seba' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem adottati f'Ġunju 2004 u aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 2222 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2015),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi aktar minn 220 000 persuna, fil-parti l-kbira tagħhom nies ċivili, tilfu ħajjithom sa mill-bidu tal-kunflitt fis-Sirja fl-2011; billi r-reġim ta' Assad, l-IS/Da’esh, al-Nusra u l-partijiet l-oħra involuti fil-kunflitt wettqu ksur massiv u rikorrenti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-parti l-kbira ta' dawn ir-reati s'issa għadhom ma ġewx ikkastigati;

B.  billi r-rikors għat-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda mifruxa ta' żoni popolati eskalaw drammatikament fix-xhur li għaddew; u billi numru kbir ta' Sirjani ġew spustati, fejn uħud minnhom ġew mġiegħla jitbiegħdu aktar mill-assistenza umanitarja li jenħtieġu;

C.  billi l-IS/Da'esh qatlu minn tal-inqas 400 persuna, inkluż nisa u tfal, f'Palmira, sa mill-qbid ta' din il-belt Sirjana antika u, skont l-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, iġġustizzjaw mill-anqas 217-il persuna u żammew taħt arrest 600 persuna oħra, inkluż nisa u tfal fuq akkuża li kellhom kuntatt mal-forzi tar-reġim u li kienu qegħdin jaħbu membri tar-reġim fi djarhom;

D.  billi l-qbid tal-belt ta' Palmira kien segwit b'attakki mill-arju feroċi mill-forzi favur Assad li qatlu għexieren ta' ċittadini u wassal lil ħafna mill-abitanti tal-belt li kien għad fadal biex jaħarbu;

E.  billi wara offensiva ġdida f'April-Mejju 2015 l-IS/Da'esh ħatfu Ramadi fis-17 ta' Mejju 2015 u Palmira fil-21 ta' Mejju 2015, li wasslet biex 50 % tat-territorju Sirjan spiċċa taħt il-kontroll tagħhom; billi l-karattru transnazzjonali tal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, li għandu riżorsi finanzjarji sinifikanti u madwar 200 000 ġellied skont uħud mis-sorsi, joħloq theddida għar-reġjun usa'; billi eluf ta' persuni barranin, inklużi ċittadini tal-UE, huma stmati li qed jiġġieldu fi ħdan dawn il-gruppi armati; billi l-qawmien tal-IS/Da'esh aggrava l-kriżi umanitarja, partikolarment permezz ta' spostament massivta' nies ċivili;

F.  billi fil-5 ta' Ġunju 2015 il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU esprimew indinjazzjoni għal-livell għoli ta' vjolenza u għall-attakki kollha kontra n-nies ċivili fis-Sirja u kkundannaw l-attakki terroristiċi mwettqa mill-IS/Da'esh, al-Nusra u minn gruppi terroristiċi oħrajn li joperaw fil-pajjiż,

G.  billi Palmira tinsab bejn Damasku u l-belt tal-Lvant ta' Deir al-Zour u għandha bjar tal-gass u minjieri tal-fosfat importanti fil-viċinanza tagħha; billi l-qbid ta' Palmira kkoinċida mal-ħtif ta' Ramadi, fil-provinċja ta' Anbar tal-Iraq, mill-IS/Da’esh, iżda wkoll, ftit wara t-telfiet territorjali mill-Is/Da'esh madwar Tikrit;

H.  billi Palmira, li hi eqdem minn 2 000 sena, hi sit kulturali importanti u hi nkluża fil-Lista ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO; billi fil-21 ta' Mejju 2015, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO appella għat-tmiem immedjat tal-ostilitajiet fil-belt;

I.  billi Palmira hi simbolu tal-patrimonju kulturali għani tas-Sirja, u għandha fdalijiet monumentali ta' belt kbira, li kienet waħda miċ-ċentri kulturali fost l-iktar importanti tad-dinja antika; billi l-qtil tal-massa mill-IS/Da'esh u l-atti ta' qerda ta' patrimonju arkeoloġiku u kulturali, taħt ċerti ċirkostanzi huma meqjusa bħala reati kontra l-umanità u bħala forma ta' "tindif kulturali", u jikkostitwixxu għal delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; billi dawn l-attakki sistematiċi fuq il-patrimonju kulturali ġew deskritti bħala "tindif kulturali" mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova;

J.  billi l-IS/Da'esh qiegħed jattakka u jeqred il-patrimonju kulturali kemm tal-Iraq u kemm tas-Sirja bħala tattika tal-gwerra għall-firxa tat-terrur u tal-mibegħda; billi, kaġun tal-qbid ta' Palmira mill-IS/Da'esh, il-patrimonju storiku ta' din il-belt jinsab taħt theddida ta' qerda;

K.  billi fl-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq u t-theddida tal-IS/Da'esh, li ġiet adottata mill-Kunsill Affarijiet Barranin fis-16 ta' Marzu 2015, l-UE tikkundanna bil-qawwa kontra l-qerda intenzjonata tal-patrimonju arkeoloġiku u kulturali, u jinnota li tali azzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont it-tifsira tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

L.  billi l-UNESCO u s-sħab l-oħrajn nedew il-Proġett għall-Protezzjoni b'Urġenza tal-Patrimonju Sirjan għal perjodu ta' tliet snin, bil-għan li jiżguraw il-ħarsien b'urġenza tal-patrimonju kulturali;

M.  billi l-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali issa huwa t-tielet l-aktar kummerċ illegali sinifikanti, wara d-drogi u l-armi, billi dan il-kummerċ illeċitu huwa ddominat minn netwerks kriminali organizzati, u billi l-mekkaniżmi nazzjonali u internazzjonali attwali la huma mgħammra u lanqas mhuma sostnuti b'mod adegwat biex jittrattaw din il-kwistjoni; billi l-UE ħadet il-passi kollha xierqa skont ir-Riżoluzzjoni Nru 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2015) biex tipprevjeni l-kummerċ illegali tal-proprjetà kulturali;

N.  billi mill-bidu tal-kunflitt Sirjan f'Marzu 2011, kien hemm ksur mifrux u serju tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-attakki mmirati intenzjonati, id-detenzjoni arbitrarja u l-għajbien ta' ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ħaddiema umanitarji u persunal mediku, soġġetti għal theddid, vjolenza, arrest arbitrarju u għajbien fis-Sirja;

O.  billi Mazen Darwish, ġurnalist u attivist Sirjan u President taċ-Ċentru Sirjan għall-Midja u l-Libertà ta' Espressjoni spiċċa miżmum f'ħabs mill-2012, bħal kif ġralhom Hani Al-Zaitani u Hussain Ghrer, għall-ħidma tagħhom fil-ħarsien tal-libertà ta' espressjoni; billi ġie rrapportat li Mazen Darwish kien soġġett għal tortura ħarxa u trattament ħażin u li fis-6 ta' Mejju 2015 ittieħed f'post mhux magħruf; billi Mazen Darwish ingħata l-Premju UNESCO għal-Libertà tal-Istampa 2015, kif ukoll għotja oħra internazzjonali importanti, bħall-Preis der Lutherstädte – "Das unerschrockene Wort" 2015, il-Bruno-Kreisky-Preis für Verdienste um die Menschenrechte 2013, u l-Premju PEN-Pinter 2014; billi l-priġunerija kontinwa ta' Mazen Darwish, Hani Al-Zaitani u Hussain Ghrer hija evidenza ulterjuri tan-natura repressiva tar-reġim ta' Bashar al-Assad fis-Sirja;

P.  billi r-Riżoluzzjoni Nru 67/262 tal-15 ta' Mejju 2013 tal-Assemblea Ġeneral tan-NU talbet li l-awtoritajiet Sirjani jeħilsu b'mod immedjat il-persuni kollha miżmuma arbitrarjament, inklużi l-membri taċ-Ċentru Sirjan għall-Midja u l-Libertà ta' Espressjoni;

Q.  billi fid-19 ta' Frar 2015, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, ħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani jeħilsu lil dawk kollha miżmuma l-ħabs talli esprimew b'mod paċifiku l-fehmiet tagħhom, inkluż Mazen Darwish;

R.  billi mijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew soġġetti għal theddid, vjolenza, arrest arbitrarju u għajbien fis-Sirja; billi dan jinkludi l-avukata tad-drittijiet tal-bniedem u rebbieħa tal-Premju Sakharov tal-2011 Razan Zeitouneh, li nħatfet f'Duma fid-9 ta' Diċembru 2013;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-abbużi sistematiċi u mifruxa orribbli tad-drittijiet tal-bniedem, il-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mir-reġim ta' al-Assad, minn terroristi li jappartjenu għall-IS/Da'esh u gruppi ġiħadisti oħra fis-Sirja, u s-sentenzi u l-akkużi kontra l-attivisti, il-bloggers u l-ġurnalisti politiċi, ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem; itenni mill-ġdid il-kundanna assoluta tiegħu tat-tortura, il-bumbardamenti intensifikati u l-użu ta' bumbardamenti mill-ajru, inklużi l-bombi f'forma ta' bittija (barrel bombs), mill-Gvern Sirjan; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-vittmi; jibqa' iddispjaċut profondament għal-livell ta' tbatija umana u t-telf ta' ħajja fil-kunflitt tas-Sirja, u huwa mħasseb ħafna dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fis-Sirja;

2.  Jikkundanna l-qbid ta' Palmira mill-IS/Da'esh fil-21 ta' Mejju 2015 wara attakk li dam għaddej disat ijiem li sewa ħafna ħajjiet u l-fatt li sa issa qatel mill-inqas 217-il persuna fi u madwar il-belt u kompla jwettaq abbużi u atroċitajiet mifruxa fil-"kalifat" li pproklama fiż-żoni li jikkontrolla fis-Sirja u l-Iraq;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-sit ta' Palmira u l-eluf ta' residenti minn Palmira ġewwa l-belt, kif ukoll dwar dawk spostati minħabba l-avvanz tal-IS/Da'esh u għan-nisa u t-tfal f'Palmira, fejn innota t-tendenza tal-IS/Da'esh li jaħtfu, jisfruttaw u jabbużaw in-nisa u t-tfal band'oħra, inkluż bl-istupru, l-abbuż sesswali, iż-żwieġ sfurzat u r-reklutaġġ sfurzat tat-tfal;

4.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa sabiex jgħinu lir-rifuġjati;

5.  Jilqa' l-impenn li jiġu rduppjati l-isforzi kollettivi biex jingħeleb l-IS/Da'esh meħuda fil-laqgħa ministerjali tal-koalizzjoni internazzjonali kontra l-IS/Da'esh f'Pariġi fit-2 ta' Ġunju 2015; jistieden lill-koalizzjoni żżid l-isforzi biex timplimenta strateġija komuni, multidimensjonali u fit-tul biex iddgħajjef u eventwalment teqred l-IS/Da'esh; jisħaq il-ħtieġa li din l-istrateġija tkun akkumpanjata b'kooperazzjoni msaħħa mal-istati reġjonali kollha u l-atturi mhux statali kommessi għall-ġlieda kontra l-IS/Da'esh;

6.  Jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni tal-kunflitti effikaċi u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed responsabilità għar-reati mwettqa min-naħat kollha waqt il-kunflitt;

7.  Jirrimarka li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tas-Sirja tista' tinkiseb biss permezz ta' riżoluzzjoni politika inklużiva bbażata fuq il-Komunikat ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012 u appoġġjata mill-komunità internazzjonali; jistieden lill-Mibgħut Speċjali tan-NU Staffan de Mistura jaħdem mal-partijiet kollha lejn tranżizzjoni politika ġenwina li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan u b'mod indipendenti u demokratiku tippermettilhom jiddeterminaw il-futur tagħhom stess;

8.  Jesprimi tħassib serju għan-nuqqas serju ta' finanzjament għall-appelli tan-NU fl-2014, li wassal għas-sospensjoni temporanja tal-assistenza mill-Programm Dinji tal-Ikel lir-refuġjati Sirjani; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-komunità internazzjonali, biex iżżid il-finanzjament u l-assistenza tagħha b'rispons għall-appelli futuri;

9.  Jistieden lill-komunità internazzjonali żżid l-isforzi biex issib soluzzjoni ħalli ttaffi l-kriżi u ttemm il-gwerra fis-Sirja u tleħħen l-appoġġ tagħha għal dawk impenjati jiġġieldu lill-IS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq; jistieden lill-gvernijiet tar-reġjun jaħdmu flimkien, peress li kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet ta' sigurtà hija l-uniku mezz biex ikun hemm paċi u sigurtà fir-reġjun;

10.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tagħmel dak kollu li huwa fis-setgħa tagħha biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili u tħares il-patrimonju kulturali uniku ta' Palmira, u jistieden lill-partijiet kollha għal twaqqif immedjat tal-ostilitajiet f'Palmira u biex jingħata passaġġ sikur liċ-ċivili kollha li qegħdin jaħarbu l-vjolenza;

11.  Jeżiġi l-waqfien immedjat tal-qerda tal-patrimonju kulturali tas-Sirja u l-Iraq, inklużi s-siti u l-oġġetti reliġjużi; jenfasizza li ma jistgħux jiġu tollerati tali atti mwettqa mill-IS/Da'esh jew individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn, u jistieden ukoll għall-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali tal-Iraq billi jiġu protetti l-proprjetà u s-siti kulturali u reliġjużi skont id-dritt umanitarju internazzjonali;

12.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu bidu għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni sabiex jiskoraġġixxu x-xiri u l-bejgħ illeċitu ta' oġġetti kulturali miż-żoni ta' kunflitt;

13.  Itenni mill-ġdid il-valur għoli tal-patrimonju kulturali għall-umanità kollha u għaldaqstant jikkunsidra li l-qerda tiegħu ma għandhiex tiġi meqjusa bħala delitt tal-gwerra li ma tistax tiddefendih;

14.  Jissottolinja l-ħtieġa għal sforzi konġunti mill-komunità internazzjonali biex tipprevjeni l-kummerċ illegali fil-proprjetà kulturali u t-traffikar illeċitu tal-artifatti kulturali, li jikkontribwixxu għall-iffinanzjar tal-IS/Da'esh;

15.  Japprova d-dikjarazzjonijiet magħmula mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO u l-miżuri speċjali kollha meħuda min-NU u l-UNESCO bil-ħsieb li tiġi mħarsa Palmira u kwalunkwe sit kulturali u storiku ieħor li jispiċċaw taħt theddida;

16.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NU jirreferi l-kwistjoni tal-ħarsien tas-siti kulturali kollha taħt theddida minn gruppi terroristiċi, inkluż l-IS/Da'esh, lill-Kunsill tas-Sigurtà, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar is-suġġett;

17.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu passi prattiċi, f'kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti, biex iħarsu s-siti kulturali, storiċi, reliġjużi u arkeoloġiċi li huma taħt theddida f'Palmira u l-Lvant Nofsani kollu kemm hu;

18.  Jilqa' u jissottolinja l-importanza kritika tax-xogħol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fid-dokumentazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra, tad-delitti kontra l-umanità u vjolazzjonijiet oħra; jesprimi l-ammirazzjoni u s-solidarjetà profonda tiegħu għall-attivisti kollha Sirjani li, mingħajr waqfien, ikomplu jimmonitorjaw, jiddokumentaw u jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tagħhom mifni bil-gwerra, b'riskju għall-ħajjithom stess;

19.  Huwa mħasseb serjament dwar id-degradazzjoni dejjem sejra għall-agħar tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rispettata l-libertà ta' espresssjoni u l-libertà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex iwettqu xogħolhom, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tas-Sirja; jirrimarka li kull individwu għandu dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, u li dan huwa dritt tal-bniedem fundamentali; jikkundanna l-vjolazzjonijiet kollha tal-libertajiet tal-istampa u l-atti kollha ta' vjolenza kontra ġurnalisti fis-Sirja;

20.  Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani biex b'mod immedjat u inkondizzjonalment jeħilsu u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontra Marzan Darwish u dawk kollha arrestati, ikkundannati u/jew li ngħataw sentenza biex b'mod paċifiku jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-liberta ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tad-drittijiet politiċi kollha arbitrarjament imċaħħda mil-libertà tagħhom abbażi tal-attivitajiet tagħhom relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

21.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani jiddivulgaw/jiżvelaw b'mod immedjat x'sar minnhom u fejn qegħdin it-tliet irġiel u jiżguraw li huma mħarsa minn tortura u trattament ħażin, jiġi permess lilhom kuntatt immedjat mal-familji u l-avukati tagħhom, u provduti b'kull attenzjoni medika li jeħtieġu;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat bħala kwistjoni ta' prijorità; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jippromwovu ratifikazzjoni universali u l-implimentazzjoni ta' dan l-istrument ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem u biex jappoġġjaw il-ħidma tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat, stabbilit taħt din il-Konvenzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tan-NU u tal-Lega Għarbija għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

(1) Testi Adottati, P8_TA(2015)0187.
(2) Testi Adottati, P8_TA(2015)0179.

Avviż legali - Politika tal-privatezza