Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2733(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0547/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2015 - 5.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0230

Testi adottati
PDF 278kWORD 90k
Il-Ħamis, 11 ta' Ġunju 2015 - Strasburgu
Paragwaj: aspetti ġuridiċi relatati mat-tqala tat-tfal
P8_TA(2015)0230RC-B8-0547/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar il-Paragwaj: aspetti ġuridiċi relatati mat-tqala tat-tfal (2015/2733(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Kooperazzjoni Interreġjonali konkluż fl-1999 bejn l-UE u l-Mercosur,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1567/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar l-għajnuna għal strateġiji u azzjonijiet dwar ir-riproduttività u s-saħħa sesswali u d-drittijiet fil-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw(2),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Kriminali tal-Paragwaj (Liġi Nru 1160/97) tas-26 ta' Novembru 1997, b'mod partikolari l-Artikolu 109(4) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ħames Għan ta' Żvilupp tal-Millennju (it-titjib tas-saħħa materna),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Mejju 2015 mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-liġi u fil-prattika,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, li daħlet fis-seħħ fis-26 ta' Ġunju 1987,

–  wara li kkunsidra t-talba ta' Marzu 2015 mill-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li l-Paragwaj jirrevedi u jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar l-abort biex jiżgura l-kompatibilità tagħha ma' drittijiet oħra bħalma huma d-dritt għas-saħħa u d-dritt għall-ħajja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skont data reċenti tan-NU, 19 % tal-bniet tqal fil-Paragwaj huma minuri, żewġ każijiet ta' twelid kuljum huma lil bniet ta' taħt l-età ta' 14-il sena, u bniet ta' bejn l-10 u l-14-il sena jikkostitwixxu 2,13 % tal-imwiet matern; billi madwar 600 tifla tal-età ta' 14-il sena jew anqas toħroġ tqila kull sena fil-Paragwaj, pajjiż ta' 6,8 miljun ruħ, u billi r-rata tat-tqala fost it-tfal hija sa 10 darbiet ogħla minn dik ta' pajjiżi oħra fir-reġjun;

B.  billi fl-Amerika Latina r-riskju tal-mewt materna huwa erba' darbiet ogħla fost l-adolexxenti ta' taħt l-età ta' 16-il sena, u billi 65 % tal-każijiet ta' fistula ostetrika jokkorru fit-tqaliet tal-adolexxenti, b’konsegwenzi serji għall-ħajja tagħhom, inklużi problemi tas-saħħa severi u esklużjoni soċjali; billi t-tqala bikrija hija wkoll perikoluża għat-tarbija, b'rata ta' mortalità li hija 50 % ogħla mill-medja; billi sa 40 % tan-nisa fir-reġjun kienu vittmi ta' vjolenza sesswali, u billi 95 % tal-aborti li jitwettqu fl-Amerika Latina mhumiex sikuri;

C.  billi fil-21 ta' April 2015, tifla ta' 10 snin marret fl-isptar tal-maternità u tat-tfal ta' Trinidad (Trinidad Maternity and Children’s Hospital) f’Asunción u nstabet tqala ta' 21 ġimgħa; billi wara li t-tifla ġiet eżaminata d-direttur tal-isptar pubblikament irrikonoxxa li t-tqala tagħha kienet waħda ta' riskju għoli; billi r-raġel ta' omm it-tifla li kien maħrub ġie arrestat fid-9 ta' Mejju 2015 u huwa mixli bl-istupru tagħha; billi t-tifla kienet marret għand diversi ċentri mediċi minn Jannar 2015 'il quddiem tilmenta minn uġiegħ ta' stonku, iżda billi t-tqala ma ġietx ikkonfermata qabel il-21 ta' April;

D.  billi fit-28 ta' April 2015 omm it-tifla talbet it-tmiem volontarju tat-tqala ta' bintha minħabba l-età żgħira tagħha u l-livell għoli ta' riskju għal saħħitha u għal ħajjitha; billi omm it-tifla qed tinżamm taħt arrest talli naqset li tipproteġiha mill-abbuż sesswali li rriżulta fit-tqala; billi skont l-aħħar rapporti t-tifla ta' 10 snin ġiet mibgħuta f'ċentru tal-ommijiet żgħar u ġiet isseparata minn ommha stess;

E.  billi lura f'Jannar 2014 omm it-tifla kienet ressqet ilment dwar l-abbuż sesswali ta' bintha mir-raġel tagħha li ma kienx missier it-tifla, iżda billi l-prosekuturi ma ħadu l-ebda azzjoni, ma investigawx u ma pprovdew l-ebda miżura ta' protezzjoni peress li ma dehrilhomx li kienet f'riskju;

F.  billi dan il-każ huwa biss wieħed minn ħafna fil-Paragwaj u pajjiżi oħra tal-Amerika Latina; billi l-Paragwaj ikompli, għal raġunijiet ta' reliġjon, iċaħħad lit-tifla minn aċċess għal abort sikur u legali, u b'hekk qed jikser id-drittijiet tagħha għas-saħħa, għall-ħajja u għall-integrità fiżika u psikoloġika; billi t-tifla se tiffaċċja riskji psikoloġiċi u tas-saħħa jekk titwieled it-tarbija, minħabba l-età żgħira tagħha u ċ-ċirkostanti li rriżultaw fit-tqala; billi fis-7 ta' Mejju 2015 ġie stabbilit panel ta' esperti interdixxiplinari, iffurmat minn tliet professjonisti proposti minn organizzazzjonijiet lokali, tliet membri tal-Ministeru tas-Saħħa u tliet membri tal-Qorti Suprema, biex jissorvelja l-kundizzjoni tagħha;

G.  billi, skont l-Artikolu 109(4) tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Paragwaj, l-abort huwa pprojbit fil-każijiet kollha ħlief fejn it-tqala jkollha kumplikazzjonijiet li jheddu l-ħajja tal-mara jew tat-tifla, u mingħajr l-ebda eċċezzjoni oħra, inkluż f'każijiet ta' stupru, inċest jew fetu li ma jkunx vijabbli; billi l-awtoritajiet argumentaw li s-saħħa tat-tifla ma tinsabx f'riskju; billi din is-superstiti tal-istupru li għandha 10 snin qiegħda għaldaqstant tiġi mġiegħla tkompli bit-tqala mhux mixtieqa tagħha u biex twelled;

H.  billi esperti tan-NU wissew li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Paragwaj qed tirriżulta fi vjolazzjonijiet gravi tad-dritt tat-tifla għall-ħajja, għas-saħħa u għall-integrità fiżika u mentali, u tad-dritt tagħha għall-edukazzjoni, u b'hekk qed iqiegħdu f'periklu l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali tagħha;

I.  billi, skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, kemm jekk jittieħdu minn istituzzjonijiet tal-assistenza soċjali pubbliċi jew privati, qrati tal-ġustizzja, awtoritajiet amministrattivi jew korpi leġiżlattivi, u billi l-istati għandhom obbligu li jiżguraw aċċess għal abort sikur u legali meta l-ħajja ta' mara tqila tkun tinsab f'riskju;

J.  billi f'Marzu 2015 il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali talab lill-Paragwaj jirrevedi u jemenda l-leġiżlazzjoni tal-abort tiegħu biex jiżgura l-kompatibilità tagħha ma' drittijiet oħra bħalma huma d-dritt għas-saħħa u d-dritt għall-ħajja, billi l-vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika kontra n-nisa hija vjolazzjoni estensiva tad-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi l-Paragwaj ipparteċipa b'mod attiv fid-59 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, u billi l-partijiet kollha għandhom ikompu jippromwovu l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin tan-NU rigward, fost elementi oħra, l-aċċess għall-edukazzjoni u għas-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

L.  billi korpi li jissorveljaw it-trattati tan-NU, inklużi l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) u l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), stiednu lil diversi stati tal-Amerika Latina jistabbilixxu eċċezzjonijiet għal-liġijiet restrittivi tal-abort f'każijiet fejn tqala tkun tippreżenta riskju għall-ħajja jew is-saħħa ta' mara, fejn ikun hemm indeboliment sever tal-fetu, u fejn it-tqala tkun ir-riżultat ta' stupru jew inċest;

M.  billi dan l-att inuman ħalla l-ġisem tat-tifla ta' 10 snin li ssemmiet aktar ’il fuq, li kienet tiżen biss 34 kg qabel it-tqala, f'periklu gravi; billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) identifikat il-perikli tat-tqala għall-bniet żgħar li ġisimhom ikun għadu ma żviluppax għalkollox; billi l-WHO tiddefinixxi s-saħħa bħala stat ta' benessri fiżiku, mentali u soċjali sħiħ u mhux sempliċement bħala n-nuqqas ta' mard jew diżabilità;

N.  billi l-Kumitat kontra t-Tortura sab li għadd ta' restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva, flimkien mal-abbużi li jseħħu meta n-nisa jfittxu dawn is-servizzi, jistgħu jikkostitwixxu vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra – li ġiet ratifikata mill-Paragwaj u mill-Istati Membri tal-UE kollha – għar-raġuni li huma jqiegħdu f'riskju s-saħħa u l-ħajja tan-nisa jew jistgħu b'xi mod ieħor jikkawżawlhom uġiegħ jew tbatija fiżiċi jew mentali severi;

O.  billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, kemm jekk tkun fiżika, sesswali jew psikoloġika, tibqa' l-aktar ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, li taffettwa l-livelli kollha tas-soċjetà, iżda hija wieħed mill-anqas reati rapportati;

1.  Jafferma mill-ġdid il-kundanna tiegħu tal-forom kollha ta' abbuż u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, speċjalment l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra, u l-vjolenza domestika; jistieden lill-Paragwaj jiżgura li n-nisa u t-tfal ikollhom aċċess għal abort sikur u legali, għall-anqas, meta s-saħħa u l-ħajja tagħhom ikunu jinsabu f'periklu, fejn ikun hemm indeboliment sever tal-fetu u f'każijiet ta' stupru u inċest;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd kbir ta’' tqaliet tat-tfal fil-Paragwaj; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Paragwaj jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem billi jiżguraw li l-bniet kollha jkollhom aċċess għall-informazzjoni possibbli kollha u għas-servizzi mediċi kollha għall-immaniġġjar tat-tqaliet ta' riskju għoli li jirriżultaw minn stupru;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Paragwaj imexxu investigazzjoni indipendenti u imparzjali tal-istupru msemmi hawn fuq u jressqu l-ħati quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Paragwaj jeħilsu lil omm it-tifla immedjatament; jilqa' l-proposta tal-membri tal-Kungress tal-Paragwaj biex is-sentenza massima ta' priġunerija għall-istupru ta' minuri tiżdied minn 10 snin għal 30 sena;

4.  Jinnota l-ħolqien ta' panel interdixxiplinari ta' esperti u jistenna li jwettaq valutazzjoni komprensiva tal-kundizzjoni tat-tifla u jiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kollha tagħha, b'mod partikolari d-dritt għall-ħajja, id-dritt għas-saħħa u d-dritt għall-integrità fiżika u psikoloġika;

5.  Jaraha ħaġa ta' dispjaċir li l-ġisem tan-nisa u l-bniet, speċifikament fir-rigward tas-saħħa sesswali u tad-drittijiet riproduttivi tagħhom, għadhom jikkostitwixxu qasam ta' battalja ideoloġika, u jistieden lill-Paragwaj jirrikonoxxi d-drittijiet inaljenabbli tan-nisa u l-bniet għall-integrità tal-ġisem u għat-teħid ta' deċiżjonijiet awtonomu fir-rigward, inter alia, tad-dritt għall-aċċess għall-ippjanar tal-familja volontarju u għal abort sikur u legali; jemmen li l-projbizzjoni ġenerali tal-abort terapewtiku u l-abort tat-tqaliet li jirriżultaw mill-istupru u l-inċest, u t-tiċħid li tingħata kopertura tas-saħħa b'xejn f'każijiet ta' stupru, jammontaw għal tortura;

6.  Jirrikonoxxi li l-vjolenza ostetrika hija intersezzjoni bejn il-vjolenza istituzzjonali u l-vjolenza kontra n-nisa, li tikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem bħalma huwa d-dritt għall-ugwaljanza, għal-libertà mid-diskriminazzjoni, għall-informazzjoni, għall-integrità, għas-saħħa u għall-awtonomija riproduttiva, li l-konsegwenzi tagħhom huma ħlas degradanti u inuman, kumplikazzjonijiet tas-saħħa, problemi psikoloġiċi severi, trawma u saħansitra l-mewt;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-gvernijiet li jagħlqu għajn waħda għall-każijiet inumani ta' tqala tat-tfal u l-abbuż sesswali tan-nisa, fi żmien meta waħda minn kull tliet nisa madwar id-dinja se tesperjenza l-vjolenza f'ħajjitha;

8.  Jenfasizza li l-ebda tifla ta' 10 snin ma hija lesta biex issir omm, u jenfasizza li l-bniet ikkonċernati jiġu mfakkra l-ħin kollu fil-vjolazzjoni li tkun twettqet kontrihom, ħaġa li tikkawża stress trawmatiku serju u ġġorr ir-riskju ta' problemi psikoloġiċi dejjiema;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma tagħha fuq proposta lill-Parlament u lill-Kunsill bil-ħsieb li tagħmilha possibbli li l-UE tirratifika u timplimenta l-Konvenzjoni ta' Istanbul, sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-azzjoni interna u dik esterna tal-UE dwar il-vjolenza kontra t-tfal, in-nisa u l-bniet;

10.  Jistieden lill-Kunsill jinkludi l-kwestjoni tal-abort sikur u legali fil-Linji Gwida tal-UE dwar l-istupru u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ewropea ssegwi approċċ li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi partikolari fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u li jiġġieled lill-forom kollha ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet; jenfasizza l-fatt li l-aċċess universali għas-saħħa, b'mod partikolari għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet assoċjati, huwa dritt tal-bniedem fundamentali, u jenfasizza d-dritt tal-aċċess volontarju għas-servizzi tal-ippjanar tal-familja, inkluża kura sikura u legali relatata mal-abort, u l-ħtieġa ta' informazzjoni u edukazzjoni mmirati biex titnaqqas il-mortalità materna u tat-trabi u li jiġu eliminati l-forom kollha ta' vjolenza sessista, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u dak furzat, il-ġeneriċidju, l-isterilizzazzjoni furzata u l-istupru fiż-żwieġ;

11.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżviluppaw metodi ta' ġbir ta' data u indikaturi fir-rigward ta' dan il-fenomenu, u jħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jinkludi din il-kwestjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem; barra minn hekk iħeġġeġ lis-SEAE jistabilixxi prattiki tajba għall-ġlieda kontra l-istupru u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet f'pajjiżi terzi, bil-għan li jiġu indirizzati b’mod deċiżiv il-kawżi fundamentali ta' din il-problema; iħeġġeġ li l-provvediment tal-għajnuna umanitarja min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhiex tkun soġġetta għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħra fir-rigward ta' kura medika neċessarja, inkluż l-aċċess għal aborti sikuri għan-nisa u l-bniet li jkunu vittmi ta' stupru jew inċest.

12.  Jitlob lill-Kapijiet ta' Stat jew Gvernijiet tal-UE-CELAC (Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew), biex fit-tieni summit tagħhom, iżidu mal-kapitolu dwar il-vjolenza sessista fil-Pjan ta' Azzjoni 2013-2015 tal-UE-CELAC, li ġie adottat fl-ewwel summit tagħhom f'Santiago de Chile f'Jannar 2013, bil-ħsieb li jistabbilixxu kalendarju ta' azzjoni ċar u jimplimentaw miżuri maħsuba biex jiggarantixxu d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-atti kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u s-sanzjonijiet għal dawk l-atti u joffru kumpens adegwat lill-vittmi;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Kungress tar-Repubblika tal-Paragwaj, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Parlasur, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi Adottati, P8_TA(2015)0076.
(2) ĠU L 224, 6.9.2003, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza