Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 - li jdaħħal is-surplus tas-sena finanzjarja 2014 (09765/2015 – C8-0161/2015 – 2015/2077(BUD)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014(2),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(6),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej,(7)
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2015 adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 2015 (COM(2015)0160),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015, adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Ġunju 2015 u li ntbagħtet lill-Parlament fl-istess jum (09765/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0219/2015),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015 jimmira li jdaħħal fil-baġit 2015 is-surplus li jirriżulta mis-sena finanzjarja 2014, li jammonta għal EUR 1 435 miljun;
B. billi l-komponenti ewlenin ta' dan is-surplus jikkostitwixxu eżitu pożittiv għall-introjtu ta' EUR 1 183 miljun, sottoeżekuzzjoni tan-nefqa ta' EUR 142 miljun u differenza ta' rata tal-kambju li tammonta għal EUR 110 miljun;
C. billi fin-naħa tal-introjtu, iż-żewġ komponenti ewlenin huma l-interess fuq pagamenti tard u multi (EUR 634 miljun) u eżitu pożittiv fuq ir-riżorsi proprji (EUR 479 miljun);
D. billi fin-naħa tan-nefqa, is-sottoeżekuzzjoni għat-Taqsima III hija partikolarment baxxa b' EUR 29 miljun għall-2014 u b'EUR 6 miljun għar-riporti tal-2013, iżda żdiedet b'EUR 101 miljun għall-istituzzjonijiet l-oħra;
E. billi s-sottoeżekuzzjoni baxxa ħafna fit-Taqsima III tenfasizza n-nuqqas kontinwu ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li se jibqa' sfida ewlenija fl-implimentazzjoni tal-baġit 2015;
1. Jieħu nota li l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015, kif imressaq mill-Kummissojni, li huwa maħsub biss għall-ibbaġitjar tas-surplus tal-2014, għal ammont ta’ EUR 1 435 miljun, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju u tal-pożizzjoni tal-Kunsill;
2. Ifakkar li fil-qafas tan-negozjati baġitarji tal-2015, il-Kunsill insista li jittrasferixxi l-pagamenti relatati mal-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) li jinsabu fl-abbozz ta' baġits emendatorji Nru 5/2014 u Nru 7/2014 għall-baġit 2015 għal ammont totali ta' EUR 127,7 miljun;
3. Iqis li meta jikkunsidra s-surplus kif fl-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015 preżenti, dawk iż-żewġ Abbozzi ta' Baġits Emendatorji tal-2014, li jkopru kumplessivament 7 każijiet tal-FSUE, setgħu faċilment tħallsu mill-baġit 2014;
4. Jiddispjaċih b'mod ġenerali b'tendenza fil-Kunsill li ma jiġux onorati l-impenji tiegħu lejn pajjiżi fil-bżonn li ssodisfaw il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE, billi ma' jimobilizzawx riżorsi addizzjonali kif provdut mill-istrumenti speċjali, iżda pjuttost billi jittieħdu flus mill-programmi eżistenti; jilqa' għalhekk il-fatt li l-Kunsill ma jsegwix dan l-approċċ għal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015;
5. Ifakkar li l-Kummissjoni flimkien mal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015 preżentat abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2015 ieħor marbut mal-mobilizzazzjoni tal-FSUE għar-Rumanija, il-Bulgarija u l-Italja għal ammont totali ta' EUR 66,5 miljun;
6. Ifakkar li l-adozzjoni tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015 se tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet ING mill-Istati Membri lill-baġit tal-Unjoni b'EUR 1 435 miljun u għalhekk altru milli se tikkumpensa għall-kontribuzzjoni tagħhom lill-finanzjament tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2015; jenfasizza għaldaqstant li ż-żewġ dossiers ikunu suġġetti għal kalendarju komuni għall-adozzjoni, billi huma marbutin strettament ma’ xulxin mill-perspettiva politika;
7. Jenfasizza r-rieda tiegħu li jadotta ż-żewġ abbozz ta' baġits emendatorji Nru 3/2015 u Nru 4/2015 kemm jista' jkun malajr kif ippreżentati mill-Kummissjoni;
8. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.