Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2244(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0183/2015

Testi mressqa :

A8-0183/2015

Dibattiti :

PV 06/07/2015 - 18
CRE 06/07/2015 - 18

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2015 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0246

Testi adottati
PDF 378kWORD 105k
It-Tlieta, 7 ta' Lulju 2015 - Strasburgu
Il-ħolqien ta' sistema multimodali integrata għall-ħruġ ta' biljetti fl-Ewropa
P8_TA(2015)0246A8-0183/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-ħolqien ta' sistema multimodali integrata għall-ħruġ ta' biljetti fl-Ewropa (2014/2244(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità relatata mas-subsistema applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-passiġġieri tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni biex jiġu introdotti Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa (COM(2008)0886),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti"(4),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni "Towards a roadmap for delivering EU-wide multimodal travel information, planning and ticketing services" ("Lejn pjan direzzjonali għat-twettiq ta' servizzi pan-Ewropej tal-informazzjoni, l-ippjanar u l-ħruġ ta' biljetti għall-ivvjaġġar multimodali") (SWD(2014)0194),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana (COM(2009)0490),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0183/2015),

A.  billi, minkejja l-isforzi attwali, l-għan delineat fl-Inizjattiva 22 fil-White Paper(5) tal-2011, li jipprevedi l-possibilità ta' vvjaġġar multimodali mingħajr diffikultajiet "minn bieb sa bieb" b'sistemi tat-trasport intelliġenti għall-iskedar interoperabbli u multimodali, sistemi ta' bbukkjar online u ħruġ ta' biljetti intelliġenti, għadu ma ntlaħaqx;

B.  billi l-maġġoranza tal-vjaġġaturi għadhom jippreferu t-trasport individwali peress li l-ħolqien ta' servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi madwar l-UE fih innifsu mhux se jkun biżżejjed biex tinkiseb integrazzjoni aħjar tad-diversi mezzi ta' trasport, kull wieħed minn dawn il-mezzi ta' trasport jeħtieġ li jsir aktar effiċjenti, sostenibbli u aktar faċli biex jintuża, u dan il-proċess ikun assistit b'mod sinifikattiv, inter alia, mill-adozzjoni tar-Raba' Pakkett dwar il-Ferrovija sal-punt li jiżgura aċċess ugwali għall-infrastruttura anki għall-operaturi iżgħar, l-SMEs u n-negozji li għadhom jibdew, u l-adozzjoni tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru u ta' strateġija dwar il-passaġġi tal-ilma Ewropej u l-proġetti ta' prijorità tat-TEN-T;

C.  billi, minkejja li l-Kummissjoni tiddefinixxi biljetti integrati bħala kombinazzjoni ta' metodi differenti tat-trasport f'biljett uniku, definizzjoni bħal din mhux dejjem hija kondiviża bejn l-intrapriżi, u uħud mill-operaturi tas-servizz għandhom l-għan biss li jipprovdu biljetti interoperabbli, li jkompli jxekkel aktar żviluppi fis-settur;

1.  Jinnota li l-informazzjoni dwar ivvjaġġar multimodali mal-UE, approċċ traskonfinali integrat rigward servizzi ta' ppjanar u ħruġ ta' biljetti, speċjalment għall-vjaġġi fuq medda twila huma parti mit-tweġiba għall-isfidi ewlenin fis-settur tat-trasport Ewropew, inklużi dawk tas-sostenibilità, il-multimodalità, it-titjib fis-sikurezza fil-mezzi kollha tat-trasport, l-effiċjenza u l-vijabilità ekonomika, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-mobilità tax-xogħol u huma għalhekk ugwalment ta' benefiċċju għas-soċjetà, l-ekonomija, l-ambjent, il-koeżjoni soċjali u l-industrija tat-turiżmu;

2.  Jenfasizza li informazzjoni dwar il-vjaġġi multimodali integrati madwar l-UE, is-servizzi ta' ppjanar u ta' ħruġ ta' biljetti jipprovdu lin-negozji Ewropej, speċjalment lill-SMEs u n-negozji l-ġodda, b'opportunitajiet għall-innovazzjoni u b'hekk jikkostitwixxu kontribut ewlieni għal suq uniku Ewropew kompetittiv fuq livell dinji u l-finalizzazzjoni ta' żona unika Ewropea tat-trasport;

3.  Jenfasizza li l-mobilità personali madwar l-UE hija prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-libertajiet bażiċi u li l-konsumaturi għalhekk għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva, preċiża u newtrali kemm rigward l-iskedi tal-ħinijiet kif ukoll il-konnessjonijiet dwar it-trasport multimodali u transkonfinali għal ivvaġġjar minn bieb sa bieb mingħajr diffikultà, iffaċilitat u bi standards għolja ta' kumdità u sabiex ikun possibbli li l-vjaġġaturi jibbukkjaw u jħallsu online; jilqa' l-inizjattiva biex il-vjaġġaturi jiġu mħeġġa jikkombinaw diversi mezzi tat-trasport disponibbli; jinnota li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-possibilità li jinxtraw biljetti għal vjaġġi nazzjonali u transkonfinali fi ħdan l-UE permezz tal-internet jew applikazzjoni tal-mobile għadha nieqsa; huwa tal-fehma li l-"geo-blocking" ma għandux ikun permess;

4.  Jissottolinja l-importanza għall-utenti li jixtru biljett wieħed għal vjaġġ multimodali wieħed u jqis il-possibilità ta' aċċess ġust u ugwali għad-data dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku multimodali u għaldaqstant l-għoti ta' informazzjoni komprensiva, faċilment aċċessibbli, newtrali, affidabbli u fil-ħin reali lill-vjaġġaturi bħala prerekwiżit għal sistemi integrati ta' ħruġ ta' biljetti, u jenfasizza li, sabiex jiżgura li l-miżuri għal dak l-għan ikunu ġusti, huwa ta' importanza ewlenija li jkunu akkumpanjati mill-internalizzazzjoni ta' kostijiet esterni għall-mezzi kollha tat-trasport u minn informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali ta' dawn il-mezzi differenti;

5.  Jinnota li l-konsumaturi għandhom dejjem jingħataw informazzjoni trasparenti dwar l-ipprezzar; jenfasizza, għalhekk, li s-sistemi ta' prenotazzjoni u ta' ħlas għandhom jindikaw b'mod ċar il-prezz tal-biljett totali għal kwalunkwe vjaġġ magħżul, inklużi elementi obbligatorji bħat-taxxi u t-tariffi; jenfasizza l-importanza ta' pjattaformi innovattivi bbażati fuq l-IT li jnaqqsu t-tariffi tal-prenotazzjoni u t-tranżazzjoni b'mod ġenerali u jenfasizza l-importanza li jippermettu varjetà ta' possibilitajiet ta' ħlas għax-xiri ta' biljetti tal-ivvjaġġar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex jillimitaw it-tariffi għall-użu ta' karti ta' kreditu jew forom oħra raġonevoli ta' ħlas għal servizzi tat-trasport pubbliku;

6.  Jenfasizza li l-inkompatibilità u l-inkonsistenza ta' saffi ta' data, tad-diversità u n-nuqqas ta' interoperabilità ta' formati tad-data u l-protokolli dwar l-iskambju tad-data jimminaw l-eżitenza ta' informazzjoni multimodali integrata, is-servizzi ta' ppjanar u ta' tikkettar fl-UE, u joħolqu spejjeż addizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja żżomm il-pass mal-iżviluppi mgħaġla fis-settur tat-trasport u ma toħloqx piż bla bżonn;

7.  Jilqa' l-isforzi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat biex jiġu introdotti servizzi ta' ppjanar ta' vjaġġi flimkien ma' interfaces u standards miftuħa, iżda jinnota li ħafna minn dawn is-servizzi jkopru biss reġjuni jew pajjiżi speċifiċi u li ftit huma multimodali; jitlob, għalhekk, bħala l-ewwel pass, li l-fornituri ta' servizzi tat-trasport u l-fornituri ta' servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi jibnu fuq sinerġiji eżistenti u biex jiffokaw aktar mill-qrib fuq il-provvista ta' servizzi ta' ppjanar ta' vjaġġi multimodali u transkonfinali b'arranġamenti għall-ħruġ tal-biljetti imfassla b'mod individwali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lejn il-lingwa li fiha jiġu pprovduti s-servizzi, u filwaqt li jitqies l-użu tal-lingwi minoritarji u l-konnessjoni ta' trasport fuq distanzi twal u ta’ trasport lokali inkluż "l-ewwel u l-aħħar mil", jiġifieri billi jissaħħu s-sistemi differenti biex tiġi żviluppata l-interoperabilità tagħhom u tkun possibbli l-komunikazzjoni bejniethom; jistieden lill-Kummissjoni tuża kurituri tat-TEN-T bħala proġett pilota għall-identifikazzjoni tal-flussi tal-passiġġieri u l-potenzjal għal informazzjoni multimodali, l-ippjanar tal-vjaġġi u servizzi tal-ħruġ ta' biljetti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa repożitorju ta' prattiki tajba għal proġetti mmexxija fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, biex iservi bħala bażi għall-implimentazzjoni ta' dan tal-aħħar madwar l-UE;

9.  Jenfasizza li l-faċilità u konvenjenza tax-xiri bl-użu ta' sistemi integrati ta' ħruġ ta' biljetti multimodali se jattiraw iktar passiġġieri għat-trasport pubbliku, li ser iżid is-sodisfazzjon tagħhom u jkun ta' benefiċċju għall-kumpaniji tat-trasport pubbliku;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward ta' servizzi integrati ta' bejgħ ta' biljetti multimodali, biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex joħolqu qafas ċar, filwaqt li jiġu appoġġjati u ffaċilitati l-isforzi li qed isiru mill-partijiet interessati u l-awtoritajiet kompetenti, il-ftehimiet li diġà kkonkludew u n-natura innovattiva tal-prodotti u s-servizzi offruti u f'każ li ma jsir l-ebda progress sinifikanti fil-ħolqien ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti integrati, interoperabbli, multimodali transkonfinali sal-2020, jistieden lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tibni fuq il-progress li diġà sar u l-inizjattivi volontarji li diġà ġew introdotti, tieħu azzjoni leġiżlattiva permezz tal-introduzzjoni ta' regoli minimi u skeda ta' ħinijiet;

11.  Jissottolinja r-rwol attiv u r-responsabilità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-"ewwel u l-aħħar mil" tal-vjaġġi; iqis li huwa essenzjali li dawn jiġu involuti fl-implimentazzjoni ta' miżuri individwali, fis-superviżjoni tal-operat tagħhom u biex jiżguraw li s-sistema kollha kemm hi tiffunzjona b'mod effettiv; filwaqt li jiġu kkunsidrati l-punti msemmija hawn fuq, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri

   jintroduċu, sa mhux aktar tard mill-2020, f'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tas-settur tat-trasport, skeda nazzjonali tal-ħinijiet u sistemi ta' informazzjoni aġġornati dwar in-nollijiet abbażi ta' interfaces miftuħa li jorbtu flimkien id-data dwar il-vjaġġi għat-trasport pubbliku reġjonali u lokali urban operati kemm minn kumpaniji tas-settur privat u kif ukoll minn kumpaniji li għandhom sjieda pubblika, u biex ikomplu jaġġornaw tali sistemi fuq bażi regolari,
   jiżguraw li sal-2020 l-aktar tard, il-mezzi kollha tat-trasport pubbliku lokali jkunu mgħammra b'sistemi intelliġenti għat-trażmissjoni ta' informazzjoni fil-ħin reali dwar il-pożizzjoni tal-vettura tat-trasport u li l-inklużjoni ta' tali sistemi tkun kundizzjoni speċifika fis-sejħiet għall-offerti,
   jipprovdu li, sa mhux aktar tard mill-2024, abbażi ta' interfaces miftuħa, għall-iskeda nazzjonali tal-ħinijiet u s-sistemi ta' informazzjoni dwar in-nollijiet, b'informazzjoni fil-ħin reali dwar l-iskedi tal-ħinijiet tal-operaturi tat-trasport pubbliku lokali, ikunu konnessi f'netwerk fuq bażi transkonfinali u jkunu magħmula aċċessibbli għall-operaturi, għall-fornituri ta' servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi u għall-konsumaturi;

12.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li aċċess ġust, miftuħ u ugwali għall-fornituri ta' servizzi ta' informazzjoni, ta' ppjanar tal-vjaġġi u ta' ħruġ ta' biljetti, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, għal data komprensiva, multimodali u fil-ħin reali dwar it-trasport u l-ivvjaġġar huwa prerekwiżit għal servizzi ta' informazzjoni dwar il-vjaġġi, servizzi ta' ppjanar u ta' ħruġ ta' biljetti multimodali mal-UE kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tiċċirkola proposta li tesiġi li l-fornituri kollha jpoġġu għad-dispożizzjoni, f'termini ġusti u ugwali, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi aktar komprensivi, u b'hekk min jivvjaġġa jkollu l-possibilità ta' għażla ġenwina u aċċessibbli bejn il-konnessjonijiet l-aktar sostenibbli, bl-aħjar valur jew l-aktar rapidi, mingħajr preġudizzju għall-interessi tal-fornituri tas-servizz involuti;

13.  Jenfasizza li, f'konformità mal-politika ta' kompetizzjoni tal-UE, huwa kompitu tal-Kummissjoni li tidentifika u tirreaġixxi kontra kwalunkwe riskju potenzjali ta' monopolizzazzjoni ta' informazzjoni min-naħa tal-fornituri tal-biljetti multimodali u l-fornituri ta' informazzjoni multimodali; iżid li l-Kummissjoni jeħtieġ li tiżgura wkoll li s-sehem assenjat biex jitħallas is-servizz ta' ħruġ ta' biljetti elettroniċi ma jassumix tali proporzjonijiet li jippenalizza impriżi tat-trasport tal-passiġġieri;

14.  Iħeġġeġ biex tiġi stabbilita pjattaforma li tinvolvi lir-rappreżentanti kollha tas-settur tat-trasport u lill-awtoritajiet kompetenti fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, biex jiġu żviluppati arranġamenti għall-introduzzjoni gradwali ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti elettroniċi interoperabbli fl-UE kollha, filwaqt li jiġi kkunsidrat iċ-ċiklu sħiħ tal-vjaġġ u sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-problemi tad-distribuzzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-biljetti b'mod proporzjonat u tal-qsim tal-piżijiet f'każ ta' tilwim bejn il-partijiet kontraenti; huwa tal-fehma li dawn is-soluzzjonijiet għandhom jiġu żviluppati b'mod li jkunu mmexxija mis-suq mingħajr ma jintefa' piż fuq l-operaturi u l-passiġġieri b'kostijiet sproporzjonati; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi bil-qawwa, permezz ta' kofinanzjament mill-UE, sinerġiji f'dan il-qasam bejn in-netwerks tat-Telekomunikazzjoni u tat-Trasport Trans-Ewropew;

15.  Jinnota li d-drittijiet tal-passiġġieri Ewropej huma limitati sal-punt li japplikaw separatament għal kull kuntratt ta' ġarr individwalment, iżda meta vjaġġ jinvolvi traġitti transkonfinali jew trasport multimodali, id-drittijiet tal-passiġġieri ma jistgħux ikunu ggarantiti bil-mod normali u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twieġeb għat-talba tal-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pjan Direzzjonali(6)tal-2011, għal Karta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri li tkopri l-forom kollha ta' trasport billi tippreżenta proposta għal tali Karta, inkluża taqsima separata dwar vjaġġi multimodali bi protezzjoni ċara u trasparenti tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest multimodali, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull mezz ta' trasport, u ħruġ ta' biljetti multimodali integrat, sa tmiem l-2017;

16.  Jenfasizza l-importanza kruċjali, f'termini ta' mobilità soċjali, u meta jitqies it-tibdil demografiku fl-Ewropa, ta' aċċess ugwali mingħajr ostakli għat-trasport għal kulħadd u b'mod partikolari għall-persuni vulnerabbli, u jitlob li tingħata iktar attenzjoni lill-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità jew tal-persuni b'mobilità mnaqqsa kif ukoll lill-bżonnijiet ta' persuni anzjani fir-rigward ta' aċċess għal informazzjoni dwar il-vjaġġi, qabel u matul il-vjaġġi, il-possibilitajiet ta' ħruġ ta' biljetti u s-sistemi ta' bbukkjar u ta' ħlas, inkluża l-kapaċità li jiġu riżervati spazji għas-siġġu tar-roti; jilqa' l-Pjan Direzzjonali ta' Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità u l-potenzjal għal azzjoni leġiżlattiva biex jitneħħew ostakli ekonomiċi u soċjali li jiffaċċjaw il-persuni b'diżabilità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli għat-trasport bħala parti mill-isforzi tagħha biex ittejjeb l-aċċessibilità;

17.  Jissottolinja l-importanza li jiġu ssalvagwartjati mudelli ta' pprezzar u possbilitajiet ta' ħlas (allowances, skontijiet, eċċ.) sabiex jiġi żgurat li ċerti gruppi fis-soċjetà (il-persuni qiegħda, il-persuni rtirati, l-istudenti, il-familji numerużi, il-persuni b'introjtu baxx u gruppi soċjali żvantaġġjati oħra) ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sistemi ta' ħruġ ta' biljetti multimodali fl-UE;

18.  Jinnota li s-sistemi ta' informazzjoni dwar it-trasport multimodali għandhom ikunu faċli biex jintużaw u għalhekk ikkomplimentati b'data tal-mapep u data ġeografika;

19.  Jitlob li l-partijiet interessati jkomplu jirċievu appoġġ fit-tentattivi tagħhom għal soluzzjonijiet innovattivi u li għalhekk mhux biss jinżammu iżda jiġu żviluppati wkoll is-sorsi relevanti ta' finanzjament tal-UE, bħal pereżempju l-Programm ta' Innovazzjoni Shift2rail 4 fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, flimkien mal-Fondi Strutturali; iħeġġeġ lill-Bank Ewropew tal-Investiment jagħmel użu xieraq tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi f'dan ir-rigward;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika lista faċilment aċċessibbli b'evalwazzjoni regolari ta' proġetti kofinanzjati mill-UE dwar "Sistemi integrati intermodali";

21.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) u, b'mod partikolari, is-sistema Ewropea ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo fil-ġbir ta' data dinamika, li permezz tagħha l-vjaġġaturi kemm qabel it-tluq kif ukoll waqt il-vjaġġ tagħhom ikunu jistgħu jiġu infurmati dwar kwalunkwe interruzzjoni kif ukoll il-possibilitajiet ta' vvjaġġar alternattiv; jenfasizza li l-benefiċċji ta' sistemi satellitari jeħtiġilhom li dejjem ikunu akkumpanjati minn dispożizzjonijiet suffiċjenti dwar il-protezzjoni tad-data;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa biex jitnaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja f'żoni urbani u jappella għall-introduzzjoni ta' inċentivi li jinkoraġġixxu l-użu ta' mezzi ta' trasport sostenibbli fl-Ewropa kollha, bl-inklużjoni fl-informazzjoni dwar il-vjaġġi u s-servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi ta' informazzjoni dwar servizzi diversi ta' mobilità, pereżempju, il-car sharing, carpooling, sistemi ta' park-and-ride, sistemi ta' kiri tar-roti, passaġġi fit-toroq riżervati għar-roti u passaġġi għall-mixi;

23.  Jilqa' d-disponibbiltà ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti elettroniċi integrati, li dejjem qed tiżdied, fi bliet u żoni urbani oħra, bħal teknoloġiji tas-"smartcard" diġitali inklużivi li jistgħu jintużaw b'mezzi differenti tat-trasport, u anki għal vjaġġi transkonfinali, iżda jenfasizza li soluzzjonijiet tekniċi għandhom jitħallew f'idejn is-suq u ma jiġux imposti fil-livell Ewropew;

24.  Jinnota li konnessjonijiet permanentement tajba tan-netwerk huma wieħed mill-prerekwiżiti għall-ħolqien ta' sistema intelliġenti faċli għall-passiġġieri, li tkun kapaċi tipprovdi informazzjoni dinamika dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku fil-ħin reali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iffaċilitar, l-inkoraġġiment u l-appoġġ għad-disponibilità wiesgħa ta' infrastrutturi diġitali b'veloċità kbira, mingħajr ħlas jew bi prezzijiet baxxi, fuq il-mezzi kollha tat-trasport u l-interchanges kollha tat-trasport, permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Orizzont 2020, l-EFSI u sorsi oħra rilevanti ta' finanzjament;

25.  Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tad-data, iħeġġeġ li jkun hemm konformità mad-Direttiva 95/46/KE u jitlob kundizzjonijiet ċari għall-użu u t-trażmissjoni ta' data, b'mod partikolari fir-rigward ta' data personali, li għandha tiġi pproċessata u użata f'forma "anonimizzata" u għal skopijiet ta' ffaċilitar tal-ħruġ ta' biljetti multimodali biss; jindika li x-xiri u l-ħlas ta' biljetti permezz tal- applikazzjonijiet tal-mobile u l-internet għandhom preferibbilment ikunu disponibbli mingħajr il-ħtieġa ta' reġistrazzjoni fis-sistema;

26.  Jenfasizza l-importanza tal-ippjanar tal-vjaġġi, l-informazzjoni multimodali aċċessibbli u l-ħruġ ta' biljetti b'mod ċar u trasparenti, inkluż permezz ta' pjattaformi diġitali u online, u l-ħtieġa ta' aċċess aħjar għat-trasport pubbiku waqt vjaġġi barra mill-pajjiż fi ħdan l-UE u l-ħtieġa li tiġi inkoraġġita l-modernizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport sostenibbli sabiex jiġu attratti turisti mill-UE u minn barra l-UE, peress li dan jiffaċilita l-proċess sħiħ tal-ippjanar tal-vjaġġ; jissottolinja wkoll l-effetti pożittivi potenzjali ta' sistema integrata ta' ħruġ ta' biljetti f'termini ta' konnessjoni aħjar tar-reġjuni kollha, partikolarment ir-reġjuni l-aktar remoti, bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' promozzjoni u esponiment aħjar u aktar qawwija tas-servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi multimodali, li minnhom diġà huma disponibbli 'l fuq minn mija fl-ibliet, fir-reġjuni u fuq livell nazzjonali fl-UE, u jitlob ukoll sforzi li jippromwovu l-interkonnessjoni ta' dawn is-servizzi;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.
(2) ĠU L 123, 12.5.2011, p. 11.
(3) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(4) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.
(5) "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti (COM(2011)0144)
(6) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011dwar il-pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti (ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza