Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2011(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0221/2015

Testi mressqa :

A8-0221/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2015 - 5.10

Testi adottati :

P8_TA(2015)0247

Testi adottati
PDF 265kWORD 77k
It-Tlieta, 7 ta' Lulju 2015 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015: Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi
P8_TA(2015)0247A8-0221/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima III – Il-Kummissjoni, li jakkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 (09876/2015 – C8-0172/2015 – 2015/2011(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), partikolarment l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, kif adottat definittivament fis-17 ta' Diċembru 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4) (Regolament QFP),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta’ April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta ' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(6),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, li l-Kummissjoni adottat fit-13 ta' Jannar 2015 (COM(2015)0011),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015 adottata mill-Kunsill fis-26 ta' Ġunju 2015 u li ntbagħat lill-Parlament fl-istess jum (09876/2015 – C8-0172/2015),

–  wara li kkunsidra Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment u l-Portal ta' Proġetti ta' Investiment Ewropew li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0221/2015),

A.  billi l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2015 għandu l-għan li jittrasponi l-bidliet meħtieġa għan-nomenklatura tal-baġit f’konformità mal-ftehim leġiżlattiv dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) u li jipprovdi għar-riallokazzjoni meħtieġa ta’ EUR 1 360 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ EUR 10 miljun f’approprjazzjonjiet ta’ pagament;

B.  billi għall-proviżjonament tal-fond ta’ garanzija tal-UE fl-2015 qed jiġi riallokat ammont totali ta' EUR 1 350 miljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (EUR 790 miljun), mill-Orizzont 2020 (EUR 70 miljun) u mill-ITER (EUR 490 miljun) f’approprjazzjonijiet ta’ impenn;

C.  billi l-Kummissjoni fi ħsiebha tikkumpensa t-tnaqqis għall-ITER b’żieda ekwivalenti matul il-perjodu 2018-2020;

D.  billi l-proviżjonament f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment, li jammonta għal EUR 10 miljun kull wieħed, huwa riallokat totalment mill-ITER (artikolu baġitarju 08 04 01 02);

E.  billi l-approprjazzjonijiet addizzjonali kollha biex jimplimentaw l-EFSI f’impenji u f’pagamenti huma totalment riallokati, u b’hekk l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament ġenerali baqgħu l-istess fil-baġit 2015;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2015 kif ippreżentat mill-Kummissjoni u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

2.  Jilqa’ b’sodisfazzjon li kien possibbli jintlaħaq malajr ftehim dwar l-EFSI, bis-saħħa tad-determinazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha, sabiex ikun jista’ jitnieda kemm jista’ jkun malajr; filwaqt li l-eżitu tan-negozjati huwa aħjar mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, jiddispjaċih għall-impatt negattiv fuq l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

3.  Itenni r-rwol tal-baġit tal-Unjoni fil-ħolqien ta’ valur miżjud billi jakkomuna r-riżorsi u jiżgura grad għoli ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-EFSI, filwaqt li jsaħħaħ l-effett multiplikatur tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni; jappoġġa l-mobilizzazzjoni ta’ sorsi addizzjonali ta’ finanzjament privat u pubbliku biex jiġi ffinanzjat investiment favur għanijiet ta’ dimensjoni Ewropea, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati l-isfidi transkonfinali f’oqsma bħalma huma l-infrastruttura tal-enerġija, l-ambjent u dik tat-trasport;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, EUR 1 biljun addizzjonali se jkunu ffinanzjati mill-Marġini Globali tal-QFP għall-impenji, li joħorġu mill-marġini li tħallew disponibbli fil-baġits 2014 u 2015, u b’hekk tonqos ir-riallokazzjoni mill-programmi CEF u Orizzont 2020; ifakkar li, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament QFP, ir-riżorsi taħt il-Marġini Globali tal-QFP għall-impenji se jkunu disponibbli biss mill-2016;

5.  Jiddispjaċih, madankollu, b’mod ġenerali, bir-riallokazzjoni mill-programmi CEF u Orizzont 2020 billi dawn huma programmi essenzjali għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa; għaldaqstant fi ħsiebu jirrimedja għal dawn ir-riallokazzjonijiet fil-proċeduri baġitarji annwali li ġejjin;

6.  Jirrimarka li l-investiment fir-riċerka u fit-trasport huwa vitali sabiex jissaħħaħ ir-rwol u l-għan tal-baġit tal-Unjoni biex jistimula t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi u jagħmel progress fir-rigward tal-miri tal-"Istrateġija Ewropa 2020"; ifakkar f’dan ir-rigward li l-programmi Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) huma programmi ewlenin taħt l-Intestatura 1a "Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi";

7.  Jafferma r-rieda tiegħu li jadotta l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2015 kif modifikat mill-Kunsill f’konformità mal-ftehim leġiżlattiv dwar l-EFSI, meta jitqies l-interess tiegħu li l-EFSI jitnieda kemm jista’ jkun malajr;

8.  Japprova għalhekk il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 2/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 69, 13.3.2015.
(3) ĠU L 190, 17.7.2015.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(5) ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
(6) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(7) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza