Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2121(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0212/2015

Testi mressqa :

A8-0212/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2015 - 5.11

Testi adottati :

P8_TA(2015)0248

Testi adottati
PDF 271kWORD 82k
It-Tlieta, 7 ta' Lulju 2015 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 - Reazzjoni għal pressjonijiet migratorji
P8_TA(2015)0248A8-0212/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, b'reazzjoni għal pressjonijiet migratorji (09768/2015 – C8-0163/2015 – 2015/2121(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4) (Regolament QFP),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015, adottat mill-Kummissjoni fit-13 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0241),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Ġunju 2015 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (09768/2015 – C8-0163/2015),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil(7),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bl-isem "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0212/2015),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 għandu l-għan li jsaħħaħ ir-riżorsi tal-Unjoni biex jiġu ġestiti l-flussi migratorji u tar-refuġjati, wara t-traġedji li seħħew dan l-aħħar fil-Mediterran u ż-żieda fid-dimensjoni tal-flussi migratorji;

B.  billi ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn tammonta għal EUR 75 722 000;

C.  billi ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament, li tammonta għal EUR 69 652 000, hija riallokata kollha mill-programm Galileo, li tħalli l-livell globali tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit 2015 l-istess;

D.  billi ż-żieda proposta għall-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) tammonta għal total ta' EUR 26,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament, li parti minnha ġejja minn approprjazzjonijiet addizzjonali permezz tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 u parti oħra minn riallokazzjoni fi ħdan il-Kapitolu 18 02 (Sigurtà Interna) minħabba l-għeluq ta' fajls qodma taħt il-Fond għall-Fruntieri Esterni;

E.  billi l-piż finanzjarju relatat mal-emerġenza s’issa waqa' prinċipalment fuq il-baġits nazzjonali tal-Istati tal-kosta tan-Nofsinhar tal-Unjoni;

F.  billi fid-dawl tat-tbassir makroekonomiku għall-perijodu medju u tax-xejriet demografiċi opposti fi ħdan l-Unjoni u fiż-żoni ġirien, partikolarment fl-Afrika tal-Punent u Ċentrali, iż-żieda fil-migrazzjoni lejn l-Ewropa ma tistax titqies bħala fenomenu temporanju;

G.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 iżid ukoll il-livell ta' ammont ta' persunal ta' tliet aġenziji, jiġifieri 16-il post addizzjonali għall-FRONTEX, 4 postijiet għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u 3 postijiet għall-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol);

H.  billi, jekk il-flussi migratorji ma jiġux ġestiti b’mod effettiv u f’waqtu, jistgħu jwasslu għal kosti konsiderevoli f’oqsma oħra ta’ politika;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2015, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

2.  Jilqa' r-rieda tal-istituzzjonijiet kollha li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet tal-baġit relatati mal-migrazzjoni u l-asil, minħabba l-ħtieġa ovvja u urġenti;

3.  Ifakkar li fil-qari tiegħu tal-baġit 2015 f'Ottubru 2014, il-Parlament kien diġà appella għal approprjazzjonijiet sostanzjalment ogħla f'dawn il-linji baġitarji u persunal addizzjonali għall-aġenziji konċernati;

4.  Jiddispjaċih madankollu għall-ammont limitat taż-żidiet proposti fl-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015, li ma jikkorrispondux mal-ħtiġijiet attwali meta wieħed jara l-kriżi li għaddejja fil-Mediterran u li probabbilment sejra għall-agħar, ir-riskju dejjem jikber li jiżdiedu r-rifuġjati mill-Ukraina u l-ħtieġa li l-isfidi migratorji jiġu indirizzati b'mod ġenerali; jenfasizza madankollu l-bżonn li jkun hemm kontroll strett fuq id-destinazzjoni ta’ dawk il-fondi u konsegwentement aktar trasparenza f'dak li jirrigwarda l-proċeduri tal-kuntratti u tas-sottokuntratti, filwaqt li jittieħed kont tad-diversi investigazzjonijiet li jikkonċernaw għadd ta’ abbużi skoperti fl-Istati Membri;

5.  Jiddispjaċih minħabba d-diviżjonijiet li tfaċċaw bejn l-Istati Membri fil-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tinsab fl-“Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”; ifakkar li, minħabba n-natura tal-fenomenu tal-migrazzjoni, l-emerġenza tista' tiġi ttrattata b’mod iżjed effettiv fil-livell tal-Unjoni;

6.  Iqis li l-aġenziji rilevanti m'għandhomx jiġu suġġetti għal tnaqqis jew ripożizzjonament tal-persunal; iqis li dawk l-aġenziji għandhom jallokaw il-persunal tagħhom b'mod xieraq bil-għan li jissodisfaw ir-responsabilitajiet dejjem akbar li għandhom;

7.  jenfasizza li, minħabba l-għadd kbir ta' persuni li jaslu fuq ix-xtut tan-Nofsinhar tal-Unjoni, u r-rwol dejjem akbar li l-EASO jkollu jwettaq fil-ġestjoni tal-asil, u l-appell ċar għall-appoġġ fil-forniment minn qabel tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza, il-proposta biex il-persunal tal-EASO jiżdied b'4 biss bla dubju mhijiex biżżejjed; għaldaqstant jitlob għall-ippustjar ta' persunal u baġit tal-EASO xierqa għall-2016 sabiex l-EASO ikun jista’ b’mod effettiv iwettaq il-kompiti u l-operazzjonijiet tiegħu;

8.  Jemmen li l-impatt baġitarju u l-kompiti addizzjonali tal-miżuri ppreżentati bħala parti mill-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà fir-rigward tal-Europol għandhom jiġu vvalutati fid-dettall mill-Kummissjoni ħalli l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jaġġustaw kif xieraq il-ħtiġijiet baġitarji u ta' persunal tal-Europol; jenfasizza r-rwol tal-Europol fl-appoġġ transfruntier għall-Istati Membri u fl-iskambju ta’ informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Europol ikollu baġit u livell ta’ persunal xierqa għall-2016, sabiex ikun jista’ jwettaq għalkollox b’mod effettiv il-kompiti u l-operazzjonijiet tiegħu;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq, fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, valutazzjoni, b’mod kemm jista’ jkun preċiż, tal-ħtiġijiet tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni sal-2020; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta għal żieda adegwata u, meta tokkorri, distribuzzjoni aġġustata tal-finanzjament bejn il-programmi differenti u l-metodi ta’ implimentazzjoni differenti tal-Fond, wara r-reviżjoni tal-prospettivi finanzjarji;

10.  Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jimmodifika n-nomenklatura tal-baġit tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni fl-interess ta’ trasparenza u kontroll aħjar tal-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali bejn il-programmi u l-mezzi ta’ implimentazzjoni tal-Fond, kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 516/2014(8);

11.  Jinnota barra minn hekk li l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 ma jipprevedix approprjazzjonijiet ta' pagament globali addizzjonali fil-baġit 2015, iżda sempliċement jerġa' jmur lura għar-riallokazzjoni ta' riżorsi li diġà jeżistu;

12.  Jinsisti li r-riallokazzjoni minn Galileo teħtieġ tkun ikkumpensata kif xieraq fil-baġit 2016;

13.  Jafferma madankollu r-rieda tiegħu li jadotta l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 mill-aktar fis possibbli kif ippreżentat mill-Kummissjoni, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni;

14.  Japprova għalhekk il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2015;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 5/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 69, 13.3.2015.
(3) ĠU L 190, 17.7.2015.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(5) ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
(6) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0176.
(8) a.b.c.Skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014, l-ammont ta' riżorsi globali allokati lill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-perjodu 2014-2020 huwa ta’ EUR 3 137 miljun. Dan l-ammont għandu jitqassam kif ġej (f'EUR):EUR 2 392 miljun għal programmi nazzjonali (Artikolu 19);EUR 360 miljun għal azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II (Artikolu 16), il-programmi ta’ risistemazzjoni (Artikolu 17), it-trasferimenti (Artikolu 18);EUR 385 miljun għall-azzjoni tal-Unjoni (Artikolu 20), għajnuna ta’ emerġenza (Artikolu 21), in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (Artikolu 22), għajnuna teknika (Artikolu 23).In-nomenklatura attwali tal-baġit bl-ebda mod ma tikkorrispondi ma' din l-allokazzjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza