Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2146(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0187/2015

Testi mressqa :

A8-0187/2015

Dibattiti :

PV 06/07/2015 - 14
CRE 06/07/2015 - 14

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2015 - 5.12
CRE 07/07/2015 - 5.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0249

Testi adottati
PDF 640kWORD 159k
It-Tlieta, 7 ta' Lulju 2015 - Strasburgu
Prospettivi għas-settur tal-ħalib tal-UE - Rieżami tal-implimentazzjoni tal-"Pakkett Ħalib"
P8_TA(2015)0249A8-0187/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-prospettivi għas-settur tal-ħalib tal-UE – rieżami tal-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-prodotti magħmula mill-Ħalib (2014/2146(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 2014 intitolat "L-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti magħmula mill-ħalib u l-operat tad-dispożizzjonijiet tal-"Pakkett tal-Ħalib"" (COM(2014)0354),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2014 dwar il-Prospetti għas-swieq u d-dħul agrikoli tal-UE 2014-2024,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2012 intitolat "L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib – it-tieni rapport ta' impatt tajjeb ("soft landing")" (COM(2012)0741),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi, żoni żvantaġġati u r-reġjuni ultraperiferiċi wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni għal problema li ilha teżisti?(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-kriżi fis-settur tat-trobbija ta' bhejjem tal-ħalib(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2014 dwar l-indirizzar ta' prattiki kummerċjali inġusti fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2014)0472),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 247/2006(6), li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar il-bogħod ta' l-Unjoni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel(7),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tat-13 ta' Jannar 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (COM(2015)0010),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-futur tas-settur tal-prodotti tal-ħalib",

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil rigward il-kooperazzjoni fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fl-UE bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment iffirmat fit-23 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0187/2015),

A.  billi l-hekk imsejjaħ "Pakkett tal-Ħalib" ġie ppubblikat fit-3 ta' Ottubru 2012 u se jibqa' japplika sat-30 ta' Ġunju 2020;

B.  billi, kif deċiż fir-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tal-PAK tal-2003, il-kwoti tal-prodotti magħmula mill-ħalib se jiskadu fil-31 ta' Marzu 2015;

C.  minħabba l-importanza u r-rilevanza tal-miżuri li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi, żoni żvantaġġati u reġjuni ultraperiferiċi wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib;

D.  billi, s-suq globali tal-prodotti magħmula mill-ħalib huwa dejjem iktar volatili, bl-ogħla prezzijiet minn meta beda jittieħed kont tagħhom milħuqa f'Jannar 2014, segwiti bi tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet matul il-bqija tal-2014; billi t-trobbija tal-annimali u l-prodotti li jidħlu użati għall-produzzjoni tal-ħalib huma partikolarment vulnerabbli għall-isfidi tal-volatilità, bir-riżultat li l-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola huma anqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni;

E.  billi l-biedja sostenibbli bħala sors ta' ikel ta' kwalità għolja tista' tiġi żgurata biss jekk il-bdiewa jirċievu prezz mal-ħruġ mill-azjenda agrikola li jkopri l-ispejjeż kollha ta' produzzjoni sostenibbli;

F.  billi l-projbizzjoni Russa fuq prodotti Ewropej magħmula mill-ħalib minn Awwissu 2014 'l hawn kellha impatt negattiv fuq is-suq intern tal-UE, u dan għaldaqstant juri l-ħtieġa ta' tħejjija għall-applikazzjoni ta' miżuri relatati mal-kriżi tas-suq, irrispettivament min-natura tagħhom, kif ukoll l-importanza li jiġu żgurati diversi swieq ta' esportazzjoni għal prodotti tal-UE, b'mod partikolari hekk kif id-domanda globali għall-prodotti magħmula mill-ħalib hija prevista li se tiżdied, flimkien mal-iżgurar ta' suq domestiku stabbli u solventi;

G.  billi l-Pakkett tal-Ħalib daħħal il-possibilità li l-Istati Membri jintroduċu kuntratti obbligatorji biex jgħin lill-produtturi u lill-proċessuri jippjanaw il-volumi ta' produzzjoni tagħhom, kif ukoll isaħħu l-istrutturar tal-ktajjen ta' provvista fid-dawl tat-tmiem tal-kwoti tal-ħalib, u billi ftit Stati Membri għamlu użu minn din il-prerogattiva s'issa;

H.  billi l-Pakkett tal-Ħalib obbliga lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u r-rwol kruċjali li l-kooperattivi jkomplu jkollhom, b'kont meħud tal-ħtieġa li titjieb il-konċentrazzjoni tal-provvista sabiex tagħti lill-produtturi aktar setgħa ta' negozjar;

I.  billi l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib ġie stabbilit f'April 2014 biex jittejjeb il-monitoraġġ tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-industrija, u billi l-funzjoni tiegħu jeħtieġ li tissaħħaħ sabiex jinħoloq fi ħdan is-settur sistema effiċjenti ta' twissija f'każ ta' kriżi għal irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib ta' daqsijiet differenti, f'postijiet ġeografiċi u b'metodi ta' produzzjoni u distribuzzjoni differenti;

J.  billi din ix-xibka ta' sikurezza hija baxxa wisq biex tagħti protezzjoni fil-każ ta' tnaqqis fil-prezz tal-ħalib;

K.  billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika agrikola komuni (PAK) huwa żvilupp territorjali bilanċjat, f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali; billi dan jippresupponi li l-agrikoltura se tkompli tkun produttiva u sostenibbli f'reġjuni żvantaġġjati, ultraperiferiċi, remoti jew żoni muntanjużi;

L.  billi t-tmiem tal-kwoti se jkollu impatt negattiv konsiderevoli fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari fl-Azores, fejn il-produzzjoni tal-ħalib hija l-attività ekonomika ewlenija, li tirrappreżenta madwar 46 % tal-ekonomija reġjonali;

M.  billi għal għadd kbir ta' rziezet tal-produzzjoni tal-ħalib li jinsabu f'reġjuni żvantaġġati, ultraperiferiċi, insulari, żoni remoti u muntanjużi l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-ġbir u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti magħmula mill-ħalib barra miż-żona ta' produzzjoni tagħhom huma ħafna ogħla minn dawk f'oqsma oħra, u billi dawn ma jistgħux jużaw l-opportunitajiet għat-tkabbir maħluqa mit-tneħħija tal-kwota sal-istess punt minħabba l-limitazzjonijiet naturali ta' dawn ir-reġjuni; għal dawn ir-raġunijiet, dawn il-bdiewa jistgħu jkunu mhedda minn konċentrazzjoni akbar ta' produtturi fl-oqsma ekonomiċi fl-aħjar pożizzjoni fi ħdan l-UE;

N.  billi dikjarazzjonijiet obbligatorji tal-volumi ta' ħalib forniti se japplikaw mill-1 ta' April 2015;

O.  billi t-tiġdid ġenerazzjonali, il-modernizzazzjoni u l-investiment huma kruċjali għat-tħaddim tajjeb u sostenibbli tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib Ewropew;

P.  billi l-ħalib u, b'mod partikolari, prodotti ta' "denominazzjoni protetta ta' oriġini" (DPO), "indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) u "speċjalitajiet tradizzjonali garantiti" (STG) prodotti madwar l-UE jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għas-suċċess tal-industrija agroalimentari tal-UE u tal-prosperità tal-ekonomiji rurali fejn l-intrapriżi tal-familja żgħar u ta' daqs medju jippredominaw u fejn produzzjoni tal-ħalib estensiva għandha tinżamm, jipprovdu materja prima għal għadd kbir ta' proċessuri fis-setturi privati u kooperattivi, iħarsu l-wirt agroalimentari Ewropew, u għandhom rwol ewlieni fil-konfigurazzjoni territorjali u ambjentali tal-Ewropa, kif ukoll fil-qasam soċjali, b'effett multiplikatur fuq setturi oħra tan-negozju, bħal dak tat-turiżmu;

Q.  billi ġew imposti multi sinifikanti fuq il-bdiewa u l-produtturi tal-ħalib f'xi Stati Membri talli qabżu l-kwoti tal-ħalib matul l-aħħar sentejn tal-kwota;

1.  Ifakkar li settur tal-produzzjoni tal-ħalib vijabbli, sostenibbli u kompetittiv fl-UE, b'għodod reattivi li jippermettu remunerazzjoni ġusta tal-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, huwa l-għan tal-Pakkett tal-Ħalib; jenfasizza li l-problemi identifikati fil-Pakkett tal-Ħalib għadhom ostaklu għal suq tal-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli, kompetittiv u ekwu u għal dħul xieraq għall-bdiewa;

2.  Ifakkar ir-rwol importanti tat-trobbija ta' bhejjem tal-ħalib f'termini tal-ġestjoni tal-art, l-impjieg rurali u l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali ta' diversi reġjuni agrikoli Ewropej;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, b'mod speċjali bdiewa fuq skala żgħira, huma partikolarment vulnerabbli għal varjazzjonijiet fid-dħul u għal riskji kkawżati minn spejjeż kapitali għoljin, id-deterjorabilità tal-produzzjoni, prezzijiet volatili tal-prodott tal-ħalib bażiku, spejjeż tal-input u tal-enerġija, u li għajxien sostenibbli mill-produzzjoni tal-ħalib hija sfida kontinwa, peress li l-ispejjeż ta' produzzjoni huma ta' sikwit qrib ta' jew 'il fuq mill-prezz mal-ħruġ mill-azjenda agrikola;

4.  Jenfasizza li l-bdiewa Ewropej ikollhom ilaħħqu ma' spejjeż kbar minħabba l-prezzijiet tal-oġġetti involuti fil-produzzjoni, bħalma huma l-għalf tal-bhejjem, u li, bħala riżultat ta' regolamenti Ewropej stretti dwar il-benesseri tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel, il-kompetittività tagħhom titnaqqas meta mqabbla ma' pajjiżi oħrajn;

L-impatt tal-embargo Russu u l-kriżi attwali fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrifletti dwar il-kawżi tal-kriżi u dwar il-miżuri li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ biex jipprevjenu kriżijiet futuri, kif indikat fl-Artikoli 219, 221 u 222 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza, b'miżuri ulterjuri immirati lejn is-suq, il-kriżi li attwalment qed tolqot is-swieq tal-produzzjoni tal-ħalib bħala riżultat ta' pressjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet li rriżultat minn nuqqas ta' strumenti xierqa relatati mal-kriżijiet, tnaqqis fid-domanda globali, il-volatilità globali tal-prezzijiet u l-embargo Russu, filwaqt li tirrikonoxxi l-ewwel passi li ttieħdu s'issa biex jindirizzaw l-impatt tal-embargo Russu;

7.  Jirrimarka li l-eċċess ta' prodotti magħmula mill-ħalib minn ċerti Stati Membri li għandhom relazzjonijiet kummerċjali tradizzjonali tar-Russja toħloq żbilanċi kbar fis-swieq domestiċi tagħhom, li wassal għal tnaqqis qawwi fil-prezzijiet u li kkawża li l-produtturi lokali ma baqgħux kompetittivi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tanalizza s-sitwazzjoni li għadha kif inħolqot u tieħu azzjoni prijoritarja;

8.  Ifakkar li l-kriżi tal-ħalib tal-2009 seħħet taħt l-istruttura tal-kwota u minħabba nuqqas ta' funzjonament tal-katina tal-valur tal-prodotti magħmula mill-ħalib, li tirriżulta fi pressjoni għal tnaqqis fil-prezz imħallas lill-produtturi; ifakkar lill-Kummissjoni li d-dewmien biex tirreaġixxi għall-kriżi ġiegħlet ħafna bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib iħallu n-negozju, u jesprimi tħassib dwar il-kapaċità tal-Kummissjoni biex tirrispondi rapidament u effettivament għall-kriżijiet fis-suq; jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis fil-prezzijiet mis-sors li affettwa dawk li jrabbu l-bhejjem ma kienx rifless fil-prezzijiet tal-konsumatur, li juri żbilanċ kbir bejn il-partijiet ikkonċernati differenti fil-katina tal-provvista tal-prodotti magħmula mill-ħalib;

9.  Jiddispjaċih li t-talba tal-Parlament, li kellha l-għan, fil-każ ta' kriżi serja, li tipprovdi sussidji għal bdiewa li b'mod volontarju jkunu naqqsu l-produzzjoni tagħhom, ġiet irrifjutata mill-Kunsill; jissottolinja l-importanza li jerġa' jinfetaħ id-dibattitu dwar din l-għodda tal-ġestjoni ta' kriżijiet;

10.  Jissottolinja li t-tneħħija tal-kwoti għandha r-riskju li twassal għal żieda fil-konċentrazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib l-aktar favur l-akbar bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u għad-detriment tal-iżgħar bdiewa, mingħajr garanzija ta' effiċjenza jew dħul;

Sfidi u opportunitajiet għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib

11.  Jinnota li prospetti fuq terminu medju u twil għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll dawk globali għadhom fluwidi b'domanda li tvarja, iżda fl-istess ħin jenfasizza li, bħala parti ewlenija mill-industrija agroalimentari, is-settur tal-produzzjoni tal-ħalib għandu potenzjal sinifikanti għal tkabbir fuq terminu twil u għall-ħolqien ta' impiegi li għandhom ukoll ikunu mmirati fil-Pjan ta' Investiment il-ġdid;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex il-produtturi u l-proċessuri kollha jitħallew jadattaw l-apparat u t-tekniki ta' produzzjoni tagħhom b'reazzjoni għall-aspettativi ekonomiċi, ambjentali u soċjali;

13.  Jenfasizza r-rwol importanti li t-tiġdid ġenerazzjonali għandu għall-futur tas-settur tal-ħalib u l-opportunitajiet sinifikanti għal bdiewa żgħażagħ fil-produzzjoni tal-ħalib;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi opportunitajiet ġodda ta' finanzjament għal Stati Membri, inkluż bl-għajnuna tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li permezz tiegħu l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib se tiġi riformata; iqis li l-appoġġ finanzjarju, bħal fondi ta' garanzija, fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw u investiment kapitali, huma essenzjali, flimkien ma' riżorsi mogħtija mill-BEI, sabiex jintervjenu fil-livell tal-fondi strutturali u fondi ta' investiment Ewropej, b'mod partikolari f'armonija mal-iżvilupp rurali; dan jippermetti l-ksib ta' effett multiplikatur f'termini ta' tkabbir u ta' dħul, kif ukoll l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib; jilqa' f'dan ir-rigward l-opportunitajiet ta' finanzjament preżentati lill-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib mill-fond il-ġdid tal-BEI, li joffri rati ta' interessi aktar baxxi biex jiffaċilita l-investiment u l-modernizzazzjoni fl-irziezet, filwaqt li joffri opportunitajiet ta' finanzjament lil bdiewa żgħażagħ biex ikabbru n-negozji tagħhom; jenfasizza ulterjorment in-natura komplementari tal-finanzjament mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, li għandu jgħin biex jiġi żviluppat is-settur tal-ħalib billi jattira kapital privat bil-għan ta' responsabilità fl-infiq u effettività akbar tal-investiment;

15.  Jinnota li l-livell għoli ta' volatilità fil-prezzijiet u kriżijiet rikorrenti li huma inkompatibbli ma' investimenti kbar fil-bhejjem u l-istabbiliment ta' produtturi ġodda huma l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib; iħeġġeġ lill-Kummissjoni konsegwentement sabiex tikkunsidra miżuri biex timmitiga r-riskji li jirriżultaw minn espożizzjoni akbar għas-suq dinji, biex tissorvelja aktar mill-qrib il-funzjonament korrett tas-suq uniku fil-ħalib u fil-prodotti magħmula mill-ħalib u li tfassal pjan ta' azzjoni sabiex turi kif għandha l-ħsieb li tnaqqas dawn ir-riskji;

Iż-żamma ta' settur tal-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli f'reġjuni żvantaġġati, muntanjużi, insulari u ultraperiferiċi

16.  Jimpenja ruħu biex tinżamm il-produzzjoni tal-ħalib, peress li l-produzzjoni tal-ħalib tagħti kontribut soċjoekonomiku importanti għall-iżvilupp agrikolu u rurali madwar l-UE, u jenfasizza l-importanza partikolari tagħha f'reġjuni żvantaġġjati muntanjużi, insulari u dawk ultraperiferiċi, fejn xi drabi huwa l-uniku tip ta' biedja possibbli; iżid li għal dawn ir-reġjuni, dan is-settur huwa responsabbli għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, l-għajxien ta' ħafna familji, l-organizzazzjoni, ix-xogħol u l-protezzjoni tat-territorju u ż-żamma ta' prattiki kulturali u tradizzjonali u l-produzzjoni tal-ħalib serviet ukoll biex sawret l-ambjent kulturali ta' sekli sħaħ f'dawn ir-reġjuni, u ħolqot bażi importanti għat-turiżmu; jenfasizza l-fatt li f'dawn ir-reġjuni l-abbandun tal-produzzjoni tal-ħalib tfisser l-abbandun tal-agrikoltura;

17.  Jenfasizza li hu essenzjali li jinħoloq mekkaniżmu ta' tranżizzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi bejn l-eliminazzjoni tal-kwoti u l-liberalizzazzjoni tas-swieq li jagħmel possibbli l-protezzjoni tal-bdiewa u tas-settur f'dawn ir-reġjuni;

18.  Jitlob li jiġu attivati miżuri ta' lqugħ bħala indikaturi speċifiċi għal operazzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib u n-negozji f'reġjuni muntanjużi, fid-dawl tad-differenza fil-produzzjoni bejn reġjuni ta' produzzjoni tal-ħalib muntanjużi u territorji oħrajn;

19.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu bil-livelli baxxi ta' implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pakkett tal-Ħalib fir-reġjuni ultraperiferiċi u muntanjużi, insulari u żoni żvantaġġati, u jissottolinja li huwa indispensabbli li jinżammu rziezet tal-produzzjoni tal-ħalib bħala negozji vijabbli u kompetittivi fit-territorji kollha tal-Unjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li dawn iż-żoni jridu jkunu ċ-ċentru ta' attenzjoni speċjali u ta' studji speċifiċi mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri u li l-użu ta' ktajjen tal-provvista qosra, filwaqt li jagħti preferenza lill-produzzjoni lokali f'dawn il-każijiet speċifiċi, għandu jitħeġġeġ biex jiżgura produzzjoni kontinwa f'dawn ir-reġjuni u biex jevita l-abbandun tas-settur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex itejbu u jsaħħu s-sistemi ta' distribuzzjoni tal-ħalib fl-iskejjel, jiffavorixxu ktajjen ta' provvista qosra u b'hekk tkun tista' ssir id-distribuzzjoni tal-produzzjoni f'dawn ir-reġjuni; jenfasizza l-fatt li, f'dawn iż-żoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni jinsabu tipikament viċin jew ogħla mill-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola u jikkunsidra li l-inċertezzi attwali tal-katina tal-provvista huma partikolarment ta' ħsara għal dawn iż-żoni, li jkollhom l-akbar ostakli u opportunitajiet ridotti għal ekonomiji ta' skala; ifakkar li l-bdiewa f'dawn iż-żoni jiddependu direttament u esklużivament fuq numru żgħir ta' fornituri tal-fatturi tal-produzzjoni u x-xerrejja għall-produzzjoni agrikola tagħhom minħabba l-iżolament ġeografiku tagħhom; jenfasizza li l-appoġġ għall-istabbiliment u l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jirriflettu aħjar ir-realtajiet ta' dawn ir-reġjuni; jenfasizza li jeħtieġ li jitwettqu politiki ambizzjużi biex jappoġġaw lil dawn ir-reġjuni bl-għajnuna tal-politika għall-iżvilupp rurali, il-Pjan ta' Investiment u l-promozzjoni u l-irfinar tal-għajnuna tal-PAK, kif permess mill-aħħar riforma; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-miżuri, biex tippermetti l-preservazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f'dawn ir-reġjuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f'dawn iż-żoni u tevalwa l-impatt ekonomiku ta' tmiem il-kwoti fuq l-irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib; jemmen li huwa meħtieġ li jiġu allokati riżorsi addizzjonali lill-programm POSEI sabiex il-produtturi tal-ħalib jiġu megħjuna jadattaw għall-effetti li rriżultaw mid-deregolamentazzjoni tas-swieq u li jippermettilhom li jkollhom produzzjoni tal-ħalib vijabbli u kompetittiva relattiva għall-bqija taż-żona Ewropea;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-użu tat-terminu volontarju ta' kwalità "prodotti tal-muntanji" skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa din id-deżinjazzjoni permezz tal-promozzjoni tal-bejgħ;

21.  Jenfasizza l-importanza tar-razez indiġeni bovini tal-muntanji għall-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri biex issaħħaħ il-promozzjoni ta' dawn ir-razez bovini tal-muntanji;

Il-volatilità tal-prezz u t-tmiem tal-kwoti tal-ħalib

22.  Huwa tal-fehma li l-politika tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE wara l-iskadenza tal-kwoti tal-ħalib għandha tinkludi mezz biex isir l-aħjar użu tal-opportunitajiet ta' espansjoni għall-ekonomija tal-UE sabiex il-produzzjoni tal-ħalib issir attraenti għall-bdiewa, u jqis li kwalunkwe miżuri futuri għandhom isaħħu l-kompetittività u l-istabilità sabiex jiġi ffaċilitat it-tkabbir u l-innovazzjoni sostenibbli fis-settur agrikolu u fil-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali;

23.  Jirrikonoxxi d-deċiżjoni li l-ħlas fir-rigward ta' somom finali dovuti lill-bdiewa taħt ir-reġim tal-kwoti jinfirex fuq tliet snin, iżda jinnota li fondi sinifikanti tneħħew mis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib fl-aħħar sena tal-kwota bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-levy speċjali, u għaldaqstant jirrakkomanda li dan id-dħul jibqa' fi ħdan il-baġit tal-PAK biex tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta għodda regolatorja waħda jew aktar għall-prevenzjoni u jindirizzaw b'mod effikaċi kriżijiet ġodda fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f'termini tal-ġestjoni tal-provvista; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha f'taħdidiet formali mal-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur sabiex jinkiseb dan;

25.  Iqis li kompetizzjoni aktar qawwija għandha tintuża bħala mezz biex jiġi żgurat il-bilanċ territorjali u remunerazzjoni aktar bilanċjata għall-produtturi tal-prodotti magħmula mill-ħalib fil-katina tal-valur;

L-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib

26.  Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib għadha fi stadju bikri; jesprimi diżappunt, madankollu, bil-livelli baxxi ta' implimentazzjoni ta' kuntratti obbligatorji, u għalhekk iħeġġeġ li dawn jiġu estiżi għall-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju fil-fond tal-ostakli għall-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib u ta' miżuri li jiżguraw l-aħjar użu tal-għodod disponibbli għall-Istati Membri;

27.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-pakkett tal-ħalib ma ġiex ikkunsidrat bħala prijorità fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2015, u jitlob li l-Kummissjoni urġentement iddaħħal din il-prijorità;

28.  Jiddispjaċih għall-fatt li mir-rapport mhuwiex ċar jekk il-Kummissjoni hijiex sodisfatta bl-implimentazzjoni tal-għodda regolatorja l-ġdida u li l-Kummissjoni ma tikkwantifikax x'għadd huwa mistenni ta' organizzazzjonijiet ġodda tal-produtturi, Stati Membri parteċipanti jew negozjati kollettivi; jinnota li lanqas mhuwa ċar l-effett li għandhom l-għodod il-ġodda fuq il-prezzijiet tal-ħalib; jitlob f'dan ir-rigward lista preċiża tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-ħalib u rekord preċiż tal-organizzazzjonijiet parteċipanti tal-produtturi;

29.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta objettivi ċari fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-kuntratti u n-negozjati kollettivi;

30.  Ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiddisponi li "biex jiġi żgurat l-iżvilupp vijabbli tal-produzzjoni u b'riżultat ta' hekk, livell tal-għajxien ġust għall-bdiewa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti tiegħu, il-qawwa ta' negozjar li għandhom il-bdiewa vis-à-vis dik ta' proċessuri għandha tissaħħaħ, u din għandha twassal għal distribuzzjoni aktar ġusta ta' valur miżjud tul il-katina tal- provvista";

31.  Jinnota li l-mudell kuntrattwali għadu ma ġiex implimentat kif previst, peress li l-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib għadhom f'pożizzjoni dgħajfa fis-suq, m'hemmx standards minimi fil-kuntratti u l-kooperattivi huma esklużi minnhom;

32.  Jenfasizza li t-tisħiħ u t-titjib tar-relazzjonijiet kuntrattwali permezz tal-espansjoni għall-inklużjoni tas-settur kollu, u b'mod partikolari d-distribuzzjoni fuq skala kbira, jgħinu għall-iżgurar ta' distribuzzjoni ġusta tad-dħul tul il-katina tal-provvista, li jirriżulta f'żieda akbar ta' valur, u t-tisħieħ tar-responsabilità tal-partijiet ikkonċernati biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni tas-suq u għal rispons adegwat; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ tal-ġestjoni tar-riskju u l-edukazzjoni bħala parti integrali tal-kurrikulu agrikolu sabiex il-bdiewa jiffaċċjaw il-volatilità u jużaw b'mod effikaċi l-għodod tal-immaniġġjar tar-riskji disponibbli;

33.  Jenfasizza r-riskju li l-industrija fi kwalunkwe Stat Membru tista' tintroduċi klawsoli inġusti f'kuntratti sabiex jikkumpensaw għall-objettiv tal-istabilità fil-kunsinni, li hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-vijabilità tal-irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib;

34.  Jinnota li s-settur jista' jesplora ulterjorment il-potenzjal offrut minn kuntratti fuq il-katina ta' provvista integrati fuq terminu twil, kuntratti forward, kuntratti b'marġni fiss, u l-opportunità li prezz tal-ħalib jiġi "inblukkat" biex jirrifletti l-ispejjeż tal-produzzjoni għal perjodu ta' żmien stabbilit; jemmen li l-għażla li jsir użu minn strumenti ġodda fir-relazzjonijiet kuntrattwali għandha tkun disponibbli u li għodod għall-medjazzjoni kuntrattwali għandhom ukoll isiru disponibbli;

Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi

35.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u l-assoċjazzjonijiet tagħhom għaż-żieda tas-setgħa tan-negozjar u l-influenza tal-produtturi fil-katina tal-provvista, kif ukoll fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jiddispjaċih dwar il-fatt li kien hemm biss progress limitat lejn l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda; iqis li r-regoli għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jissaħħu biex tiżdied b'mod aktar effikaċi l-influwenza tal-produtturi fin-negozjati tal-kuntratti; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju taħt il-Pilastru II u jħeġġeġ inċentivizzazzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, pereżempju billi jkun hemm aktar informazzjoni disponibbli u tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-partijiet ikkonċernati li jixtiequ joħolqu u jingħaqdu f'organizzazzjonijiet tal-produtturi u biex jipparteċipaw b'modi differenti fl-attivitajiet tagħhom u biex iwettqu attivitajiet edukattivi fost il-produtturi dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala għodda li tgħin sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista; iqis li hu meħtieġ li titjieb il-kapaċità għar-regolamentazzjoni u l-organizzazzjoni tas-suq mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

36.  Jiddefendi l-ħtieġa li jittejbu d-dispożizzjonijiet tal-Pakkett tal-Ħalib primarjament bl-għan li jitwaqqfu organizzazzjonijiet tal-produtturi b'kapaċità akbar ta' ġestjoni u negozjar fis-suq;

37.  Jinnota li l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jista' jiġi promoss billi jingħata appoġġ politiku proattiv biex il-bdiewa jitħeġġu biex iħarsu lejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala strumenti xierqa;

38.  Jenfasizza l-importanza li jitħaffu l-iskambji tal-informazzjoni u d-djalogu mal-produtturi u mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) sabiex ikunu jistgħu iqisu l-iżviluppi tas-suq u jantiċipaw il-kriżijiet;

39.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu ta' daqs adegwat u jkunu legalment marbuta mal-produzzjoni tal-membri tagħhom li huma bdiewa, peress li organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu sempliċement rappreżentattivi m'għandhom l-ebda kapaċità reali sabiex jiżguraw il-konformità mal-kundizzjonijiet ta' kwalità u ta' kwantità kuntrattati u jkunu nieqsa mill-interess f'li jaġixxu bħala negozjaturi serji mal-industrija;

40.  Jitlob għal appoġġ akbar għall-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet indipendenti tal-produtturi permezz ta' mekkaniżmi ta' informazzjoni aktar mifruxa u appoġġ għal attivitajiet ta' ġestjoni, sabiex jinkoraġġixxu lill-bdiewa biex jarawhom bħala strumenti effikaċi u jipparteċipaw fihom;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-għodod ta' ġestjoni interprofessjonali stabbiliti fir-Regolament (UE) 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq;

42.  Jissottolinja r-rwol tal-kooperattivi b'mod li jipprovdu stabilità fit-tul għall-membri tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika;

43.  Jinnota l-importanza tal-istabbiliment ta' Organizzazzjonijiet Interprofessjonali għall-iżgurar tat-trasparenza u tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

44.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza tat-trasparenza matul il-katina tal-provvista kollha sabiex is-settur iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati jirrispondu għas-sinjali tas-suq; jinnota l-importanza miżjuda ta' informazzjoni preċiża u fil-ħin fis-suq ta' wara t-tneħħija tal-kwota;

It-tisħiħ tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib

45.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib (MMO) u jenfasizza l-importanza tiegħu għall-firxa u għall-analiżi tad-data tas-suq u jitlob rwol akbar għall-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib; jirrakkomanda d-definizzjoni ta' indiċi tas-suq li tinkludi x-xejriet tal-kwotazzjonijiet tal-prodotti, tal-prezzijiet tal-ħalib u tal-ispejjeż ta' produzzjoni; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib jkun f'pożizzjoni li, min-naħa, jforni data preċiża f'ħin reali u, min-naħa l-oħra, jikkomunika twissijiet, l-antiċipazzjonijiet ta' kriżi u azzjonijiet rakkomandati bbażati fuq l-analiżi tas-suq u għodod ta' previżjoni aktar bikrija u aktar frekwenti, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti meta l-indiċi tas-suq jaqa' taħt ċertu livell, u meta s-sitwazzjoni fis-suq tkun teħtieġ dan; iqis li l-informazzjoni mogħtija mill-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib għandha tinvolvi aġġornamenti dwar ix-xejriet tas-suq u tal-prezzijiet, data dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-interazzjonijiet bejn il-produzzjoni taċ-ċanga u tal-ħalib, il-konsum, il-qagħda tal-istokk, il-prezzijiet u l-iskambji ta' ħalib importat jew esportat fil-livell Ewropew; jinnota li hija ugwalment utli l-integrazzjoni tal-monitoraġġ tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tas-swieq internazzjonali sabiex jiġu identifikati kwalunkwe tendenzi u jinħatfu opportunitajiet ta' esportazzjoni; jenfasizza li d-data għandha tkun faċilment aċċessibbli u faċli biex tintuża għall-partijiet ikkonċernati kollha;

46.  Jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib u li l-istess Osservatorju jippubblika d-data li jirċievi kull xahar fil-ħin għall-ġid tal-partijiet ikkonċernati kollha, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis miżuri addizzjonali sabiex tiżgura li l-informazzjoni tasal fil-ħin; jistieden lill-Kummissjoni biex tispeċifika r-regoli għat-trasmissjoni tad-data mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni hija komparabbli fil-livell Ewropew;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi strutturi separati mgħammra b'mod komprensiv għall-akkwiżizzjoni tad-data għas-setturi agrikoli kollha;

Il-miżuri tal-PAK u l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib

48.  Jinnota li, taħt il-Pilastru I, appoġġ akkoppjat volontarju huwa għodda disponibbli sabiex jgħin lis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, filwaqt li taħt il-Pilastru II, il-produtturi jistgħu jagħmlu użu ta' servizzi ta' konsulenza li jappoġġaw id-deċiżjonijiet tan-negozju u l-ġestjoni finanzjarja soda – jekk meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jużaw miżuri ta' assigurazzjoni bħall-Għodda għall-Istabilizzazzjoni tad-Dħul u jistgħu wkoll jiddeterminaw ir-raggruppament u l-immirar fi ħdan is-settur ta' miżuri ta' żvilupp rurali b'livell ogħla ta' għajnuna;

49.  Jistieden lis-settur biex jinvestiga l-iżvilupp ta' aktar għodod ta' assigurazzjoni meta s-suq ikun b'saħħtu, sabiex titnaqqas il-volatilità tal-prezz tal-ħalib u sabiex l-irziezet Ewropej tal-produzzjoni tal-ħalib ma jiċċaħħdux mid-dħul; jenfasizza l-ħtieġa ta' studju tal-possibilità ta' integrazzjoni tal-għodod immirati lejn il-ġestjoni tar-riskju, bħal programmi bbażati fuq il-protezzjoni tal-marġini, fil-Pilastru 1 tal-PAK;

50.  Jenfasizza li, fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għadd ta' Stati Membri għażlu proċess ta' konverġenza interna mhux komplut u bil-mod li għal darb'oħra jiffavorixxi l-biedja ta' art b'altitudni baxxa li għandha kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin;

51.  Jiddefendi l-ħtieġa ta' rieżami tar-rekwiżiti għall-attivazzjoni ta' mekkaniżmu ta' stabilizzazzjoni tad-dħul disponibbli taħt l-Iżvilupp Rurali, peress li jqis li d-domanda għal telf ta' 30 % għall-aċċess għall-għajnuna Komunitarja hija eċċessiva;

Potenzjal għas-settur tal-UE tal-produzzjoni tal-ħalib fis-suq dinji

52.  Jirrimarka li d-domanda globali għall-prodotti magħmula mill-ħalib huwa mbassar li se jikber bi 2 % fis-sena, u dan joffri opportunitajiet għal prodotti li joriġinaw fl-UE, iżda jenfasizza li dawn l-opportunitajiet ta' esportazzjoni għandhom ikunu bilanċjati permezz ta' suq domestiku stabbli, peress li dan tal-aħħar jirrappreżenta iżjed minn 90 % tas-suq tal-prodotti magħmula mill-ħalib fl-Ewropa; madankollu, jinnota li s-suq huwa dejjem aktar iddominat mill-prodotti magħmula mill-ħalib imnixxef;

53.  Jirrimarka li l-UE tibqa' l-akbar importatur agrikolu fid-dinja u li t-tkabbir fil-produzzjoni tal-ħalib għall-esportazzjoni huwa dipendenti fuq l-importazzjoni ta' għalf u magħlef;

54.  Jissottolinja li negozjati kummerċjali bilaterali jistgħu jirrappreżentaw opportunitajiet strateġiċi għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE, li b'rabta magħhom huwa jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha aktar fil-ftuħ ta' swieq ġodda f'pajjiżi terzi u fit-tneħħija ta' ostakli għall-kummerċ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra kif dovut it-tħassib dwar id-"denominazzjoni protetta ta' oriġini" (DPO) jew l- "indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) u l-"ispeċjalità tradizzjonali garantita" (STG) matul in-negozjati kummerċjali, soġġett għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-kwalità Ewropea u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà tal-produzzjoni u l-provvista ta' prodotti għall-konsumaturi;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa kontinwa tal-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' swieq ġodda, it-tkabbir tas-sehem tal-UE fis-suq globali, l-assigurazzjoni ta' aċċess ġust għall-esportaturi tal-UE u l-istimolu għat-tkabbir sostenibbli tal-esportazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu l-azzjoni meħtieġa u tipparteċipa b'mod aktar attiv fl-identifikazzjoni ta' swieq ġodda ta' esportazzjoni; huwa tal-fehma li għandhom jiġu esplorati opportunitajiet futuri permezz ta' titjib fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi u li l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib għandha tiġi dinamizzata, u jenfasizza l-importanza tal-għarfien tax-xejriet ta' konsum f'dawn is-swieq sabiex tinbena l-kapaċità għal reazzjonijiet f'waqthom għall-bidliet futuri;

56.  Jinnota, barra minn hekk, li l-kumpaniji tal-UE qed jiffaċċjaw kompetizzjoni minn ftit esportaturi globali b'saħħithom (New Zealand, l-Istati Uniti u l-Awstralja) li storikament kellhom aċċess għas-swieq Asjatiċi u li għandhom influenza deċiżiva fuq il-prezzijiet tas-suq dinji tal-prodotti magħmula mill-ħalib;

Skemi ta' promozzjoni u ta' kwalità

57.  Jirrimarka li s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib jista' jibbenefika minn inizjattivi ta' promozzjoni akbar fi swieq domestiċi u ta' pajjiżi terzi skont Miżuri Promozzjonali ġodda u jħeġġeġ lill-produtturi biex jieħdu sehem f'kampanji ġodda wara d-dħul fis-seħħ fl-2016 tar-regolamenti l-ġodda dwar il-promozzjoni, filwaqt li jitqies li żieda fl-appoġġ finanzjarju tal-UE huwa ppjanat;

58.  Jenfasizza li l-ħtieġa biex is-settur bl-akbar potenzjal għall-ħolqien ta' valur ma jinsabx biss fil-produzzjoni ta' prodotti mhux proċessati u jqis li għandu jsir użu sħiħ tal-miżuri ta' riċerka biex jiġu żviluppati prodotti magħmula mill-ħalib innovattivi fi swieq bi tkabbir għoli, bħal prodotti mediċinali nutrizzjonali u prodotti nutrizzjonali għat-trabi, għall-anzjani u għall-atleti;

59.  Jinnota li s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni: produttività u sostenibilità fil-qasam agrikolu (EIP-AGRI) taħt il-programm Orizzont 2020 jista' jappoġġa proġetti innovattivi li jikkontribwixxu għal ekonomija sostenibbli u produttiva ħafna fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib sabiex jilħqu d-domanda globali fi prodotti magħmula mill-ħalib ta' valur għoli;

60.  Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-iskema ta' għajnuna għad-distribuzzjoni tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi, l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għoti ta' prijorità lill-prodotti lokali magħmula mill-ħalib u lill-ktajjen tal-provvista qosra, bil-ħsieb ta' kontribuzzjoni għall-promozzjoni ta' drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa fost il-konsumaturi Ewropej;

61.  Jinnota li s-settur s'issa mhux impenjat fl-iskemi ta' "denominazzjoni protetta ta' oriġini" (DPO), "indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) u "speċjalità tradizzjonali garantita" (STG) b'mod sinifikanti u ugwali fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-aċċess u r-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni ta' dawn l-iskemi għal produtturi u negozji żgħar, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat mal-proċess tal-applikazzjoni, li jinżammu bħala punt ta' riferiment tal-kwalità għal prodotti Ewropej, li qabel ma kinitx tiġi dubitata fost is-swieq tal-esportazzjoni tal-UE, u biex issir promozzjoni mmirata ta' attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni għal dawn il-prodotti;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli dwar ir-regolamentazzjoni tal-provvista tal-ġobon li għandu "denominazzjoni protetta ta' oriġini" jew "indikazzjoni ġeografika protetta", b'mod partikolari rigward il-kondizzjonijiet minimi meħtieġa għall-approvazzjoni ta' dawk l-iskemi;

63.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippubblika malajr kemm jista' jkun ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, b'rabta mal-analiżi tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ħalib u ta' prodotti magħmula mill-ħalib; jiddispjaċih li l-Eżekuttiv tal-Komunità għadu ma ħejjiex dan ir-rapport, li kellu jiġi preżentat sal-31 ta' Diċembru 2014;

Ġestjoni tar-riskju fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib

64.  Jenfasizza li miżuri eżistenti ta' "xibka ta' sikurezza" bħal ma huma l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat biss mhumiex għodod suffiċjenti biex jindirizzaw volatilità persistenti jew kriżi fis-settur tal-ħalib; iżid li l-prezzijiet tal-intervent huma baxxi wisq, ma għandhom l-ebda konnessjoni mal-prezzijiet kurrenti tas-suq u wrew li mhumiex effikaċi biex jiggarantixxu prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola adegwati u stabbli fuq perjodu twil ta' żmien;

65.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 219 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mhux biss biex tindirizza t-tfixkil tas-suq attwali, iżda wkoll biex tieħu azzjoni immedjata biex tevita dan, inkluż f'każijiet fejn azzjoni tista' tipprevjeni milli tali theddid iseħħ, ikompli jew jinbidel fi tfixkil aktar serju jew imtawwal, jew fejn id-dewmien ta' azzjoni immedjata jhedded li jikkawża jew jaggrava t-tfixkil jew iwessa' l-firxa tal-miżuri li aktar tard ikunu meħtieġa biex it-theddid jew it-tfixkil jiġi indirizzat jew ikun ta' detriment għall-produzzjoni jew għall-kundizzjonijiet tas-suq;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati fis-settur u timplimenta dispożizzjonijiet ta' "xibka ta' sikurezza" aktar risponsivi u realistiċi bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib, li jforni sikurezza fi kriżijiet fejn ikun hemm tnaqqis sostanzjali tal-prezzijiet tal-ħalib u żieda sostanzjali simultanja tal-prezzijiet ta' prodotti bażiċi li għandhom impatt gravi fuq il-marġni tad-dħul għall-bdiewa; jitlob intervent sabiex jiġi aġġornat biex jirrifletti l-ispejjeż tal-produzzjoni u jadatta għat-tibdil fis-suq;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta dispożizzjonijiet ta' "xibka ta' sikurezza" aktar reattivi u realistiċi, u biex il-prezz ta' intervent jirrifletti aħjar l-ispejjeż reali tal-produzzjoni u tal-prezzijiet reali tas-suq, u li jiġu adattati mat-tibdil fis-suq; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni sabiex minnufih tadatta l-prezzijiet ta' intervent; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li r-rifużjoni tal-esportazzjoni għandha tingħata lura temporanjament f'każ ta' kriżi tas-suq abbażi ta' kriterji oġġettivi;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu ffissati indikaturi dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni li jikkunsidraw l-ispejjeż tal-enerġija, il-fertilizzanti, l-għalf tal-annimali, is-salarji, il-kera u spejjeż tal-input ewlenin oħrajn, u biex jiġu riveduti l-prezzijiet ta' referenza kif xieraq; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati biex tiddefinixxi indiċi tas-suq li jinkludi x-xejra fi kwotazzjonijiet tal-prodotti, il-prezzijiet tal-ħalib u l-ispejjeż ta' produzzjoni;

69.  Jissottolinja li l-esperjenza attwali tal-embargo Russu turi li huwa mixtieq li jkun hemm linji gwida li jkunu diskussi bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament u li jservu bħala gwida għall-attivazzjoni ta' miżuri;

70.  Jissottolinja l-importanza ta' strument għall-kriżijiet aktar reattiv u realistiku, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament bħala koleġiżlatur, timpenja ruħha mas-settur dwar il-possibilità tal-użu ta' strumenti ta' ġestjoni tar-riskju bħal swieq tal-futuri biex jittieħed vantaġġ tal-volatilità fis-settur sabiex tiżdied il-kompetittività tiegħu; iqis li strumenti ġodda ta' stabilizzazzjoni tal-introjtu għandhom jiġu studjati wkoll, bħal assigurazzjoni fuq id-dħul jew l-implimentazzjoni ta' Programm ta' Protezzjoni tal-Marġni tal-produzzjoni tal-ħalib;

71.  Jitlob li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u ma' parteċipanti mis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, tiżviluppa strumenti effikaċi u adegwati sabiex tissalvagwardja kontra nżul sinifikanti f'daqqa fil-prezz tal-ħalib;

Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-prodotti magħmula mill-ħalib

72.  Jenfasizza li l-produtturi tal-ħalib, b'mod partikolari tal-produtturi tal-ħalib fuq skala żgħira, huma partikolarment vulnerabbli għal żbilanċi fil-katina tal-provvista, b'mod partikolari minħabba l-fluttwazzjonijiet fid-domanda, l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu u prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola li qed jonqsu, iżda wkoll minħabba l-prijoritajiet ekonomiċi f'kull Stat Membru; iqis li l-pressjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet mill-bejjiegħa bl-imnut minn tikkettar ta' marka proprja u l-użu persistenti tal-ħalib likwidu għall-bejgħ b'kost mill-bejjiegħa bl-imnut, jimminaw ix-xogħol u l-investiment tal-produtturi fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u jnaqqsu l-valur tal-prodott aħħari għall-konsumatur; jiddefendi l-ħtieġa tal-introduzzjoni ta' kodiċijiet ta' prattika tajba bejn id-diversi parteċipanti fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza l-ħtieġa li jinstabu mekkaniżmi li b'mod effikaċi jipproteġu lill-bdiewa minn abbuż mill-industrija u mid-distributuri u mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq bl-imnut, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha dwar it-trażżin ta' prattiki kummerċjali inġusti kemm jista' jkun malajr u biex tikkunsidra approċċ speċifiku għas-settur rigward il-liġi tal-kompetizzjoni u prattiki kummerċjali inġusti;

73.  Iqis li l-prattiki kummerċjali inġusti jirrestrinġu serjament il-ħila tas-settur li jinvesti u jadatta, u li huwa neċessarju li dawn jiġu miġġielda kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri;

74.  Jinnota li l-produtturi tal-ħalib se jkunu f'pożizzjoni ferm aktar dgħajfa mingħajr programm kontra l-kriżi, filwaqt li l-industrija tal-ħalib u gruppi korporattivi kbar tal-ikel se jingħataw aktar setgħa;

75.  Jitlob għal inklużjoni akbar tal-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-organizzazzjonijiet tagħhom f'mekkaniżmi ta' ġestjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel, gruppi u inizjattivi;

o
o   o

76.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0577.
(4) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 58
(5) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 20.
(6) ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.
(7) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza