Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar is-settur tal-frott u l-ħaxix wara r-riforma tal-2007 (2014/2147(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-fondi operattivi u l-programmi operattivi fis-settur tal-frott u l-ħaxix mir-riforma tal-2007 'l hawn (COM(2014)0112),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-futur tas-settur tal-Ortikoltura tal-Ewropa - strateġiji għat-tkabbir(2),
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Is-settur tal-frott u tal-ħaxix tal-UE: Ħarsa ġenerali u l-perspettiva ta' wara l-PAK 2013”, imwettaq taħt l-awspiċji tal-Parlament Ewropew fl-2011,
– wara li kkunsidra żewġ studji intitolati “Lejn regoli ġodda għas-settur tal-UE tal-frott u l-ħaxix”, li twettqu mill-Assemblée des Régions Européennes Légumières et Horticoles (AREFLH) u mill-Università ta' Wageningen rispettivament għal workshop tal-Parlament Ewropew li sar fit-22 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2014)0472),
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Analiżi komparattiva tal-għodod tal-ġestjoni tar-riskji taħt il-Farm Bill 2014 tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-PAK 2014-2020”, li sar taħt l-awspiċji tal-Parlament Ewropew fl-2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0170/2015),
A. billi peress li l-politika tal-Unjoni tas-snin 1990 għas-settur tal-frott u l-ħaxix kienet iċċentrata fuq it-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs);
B. billi r-riforma tal-2007 kienet immirata biex issaħħaħ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix billi tipprovdi firxa aktar estensiva ta' għodda li jippermettu, fost miżuri oħra, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji tas-suq, kif ukoll it-tisħiħ u l-konċentrazzjoni tal-provvista, it-titjib tal-kwalità u l-kompetittività, l-adattament tal-provvista biex tikkorrispondi għas-suq, u l-forniment ta' appoġġ tekniku għal produzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent;
C. billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma soġġetti għal għadd ta' restrizzjonijiet meta mqabbla mal-kumpaniji kummerċjali privati, bħalma huma restrizzjonijiet fuq l-użu ta' investimenti relatati mal-istruttura tad-dħul jew mal-ħtieġa li jsir bejgħ;
D. billi huwa essenzjali li s-settur tal-frott u l-ħaxix jiġi appoġġjat fit-territorju kollu tal-Unjoni, minħabba l-importanza tiegħu f'dawk li huma valur miżjud u impjiegi, u meta jitqiesu l-benefiċċji tas-saħħa li dan is-settur jippreżenta permezz ta' dieti tajba għas-saħħa u bbilanċjati;
E. billi l-appoġġ tal-Unjoni għall-POs u għall-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) huwa mmirat lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur, l-appoġġ għall-innovazzjoni, iż-żieda tal-produttività, it-tisħiħ tal-promozzjoni, it-titjib tal-pożizzjoni ta' negozjar tal-bdiewa u t-treġġigħ lura ta' bilanċ fil-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li jintegra wkoll l-interessi ambjentali fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix u filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni dovuta lis-sitwazzjoni tal-produtturi individwali;
F. billi nħolqu inċentivi biex iħeġġu fużjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs), kif ukoll kooperazzjoni transnazzjonali, bil-għan li tiġi żviluppata s-setgħa ta' negozjar tal-POs fil-katina tad-distribuzzjoni;
G. billi, fil-livell tal-UE, il-maġġoranza tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix huma azjendi żgħar jew ta' daqs medju;
H. billi, skont studju tal-2011 dwar ir-reġim tal-frott u l-ħaxix imwettaq għall-Parlament Ewropew, l-POs għandhom jiġu mħeġġa peress li “azzjoni kollettiva fil-livell tal-produtturi u koordinament effettiv fi ħdan il-katina jidhru li huma prekundizzjonijiet għal kull strateġija ta' suċċess biex wieħed ilaħħaq mal-prezzijiet relattivi li qed jonqsu tal-produtturi”;
I. billi l-POs u l-APOs fis-settur tal-frott u l-ħaxix jistgħu jistabbilixxu fond operattiv għall-finanzjament tal-programmi operattivi approvati mill-Istati Membri;
J. billi tali fondi jiġu ffinanzjati bil-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-PO jew mill-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha u bl-assistenza finanzjarja tal-UE, u billi dan il-kofinanzjament irawwem l-impenn min-naħa tal-benefiċjarji u jgħin biex jiżgura li huma jagħmlu użu tajjeb mill-assistenza, minbarra li għandu effett multiplikatur;
K. billi l-appoġġ finanzjarju taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) l-antika għall-investimenti tal-POs tal-frott u l-ħaxix li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti, kien ta' importanza kruċjali, speċjalment fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali, tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Ewropa tan-Nofsinhar, it-territorji u l-gżejjer extra-Ewropej;
L. filwaqt li jinnota:
(a)
iż-żieda fir-rata ta' organizzazzjoni, fejn is-sehem tal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE kkummerċjalizzata mill-POs u l-APOs fl-2010 kien ta' madwar 43 % (34 % fl-2004);
(b)
l-attraenza mtejba tal-POs, fejn is-sehem tal-produtturi totali ta' frott u ħaxix li huma membri ta' POs żdied minn 10,4 % fl-2004 għal 16,5 % fl-2010; u
(c)
l-attraenza akbar tal-APOs kif tixhed iż-żieda rapida fl-għadd tagħhom, flimkien maż-żieda sostanzjali fl-għadd u fis-sehem tal-POs li huma membri ta' APOs.
M. billi dawn iċ-ċifri għall-Unjoni kollha kemm hi huma medji li jirriflettu sitwazzjonijiet diverġenti ħafna bejn l-Istati Membri – jew anki sitwazzjonijiet nettament differenti fl-Istati Membri individwali; Billi dawn is-sitwazzjonijiet, li jirriflettu punti ta' tluq differenti fl-imbuttatura lejn it-twaqqif tal-POs, huma attribwibbli għal fatturi storiċi bbażati fuq il-livell akbar jew anqas ta' rieda murija mill-bdiewa fl-istabbiliment tal-PO, għall-istruttura tal-azjendi agrikoli, għal kundizzjonijiet tas-suq u ostakli amministrattivi differenti, għall-inadegwatezza tal-appoġġ li bħalissa qed jingħata kif ukoll għall-fatt li f'ħafna Stati Membri dan is-settur huwa ddominat minn produtturi żgħar;
N. billi mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-għażliet politiċi u l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom, imwettqa mill-Kummissjoni bejn l-4 ta' Ġunju u d-9 ta' Settembru 2012, dwar ir-rieżami tar-reġim tal-UE għas-settur tal-frott u l-ħaxix, turi li l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu huma favur li r-reġim ikompli, soġġett għal xi irfinamenti speċifiċi;
O. billi fir-reġjuni fejn il-produtturi laħqu l-ogħla livelli ta' kompetittività, il-profittabilità, l-internazzjonalizzazzjoni, il-kwalità u s-sostenibilità ambjentali huma dawk li fihom il-livell ta' organizzazzjoni tal-produzzjoni jkun l-ogħla;
P. billi r-rata ta' organizzazzjoni fost il-produtturi tibqa' waħda baxxa bħala medja u konsiderevolment anqas mill-medja tal-UE f'ċerti Stati Membri, għalkemm din l-affermazzjoni ġenerali hija soġġetta għal kwalifika skont il-grad ta' modernizzazzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' kull żona; billi s-sospensjoni u t-tneħħija tar-rikonoxximent tal-POs, fattur li joħloq inċertezza fost il-produtturi, huwa fattur li jikkontribwixxi għall-medja baxxa;
Q. billi, minkejja li l-għajnuna finanzjarja nazzjonali (Regolament (UE) Nru 1308/2013) kienet strument finanzjarju importanti f'dak li hu l-ikkonċentrar tal-provvista, hemm il-ħtieġa li tissaħħaħ l-effettività tagħha;
R. billi r-rwol imwettaq mill-POs fil-ftuħ ta' swieq ġodda, il-promozzjoni tal-konsum jew l-investiment fl-innovazzjoni għandu impatt pożittiv ħafna fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix kollu kemm hu;
S. billi, fl-UE, is-settur tal-frott u l-ħaxix jirrappreżenta 18 % tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola, juża biss 3 % tal-art ikkoltivata u għandu valur ta' aktar minn EUR 50 biljun;
T. billi l-katina tal-provvista tal-frott u l-ħaxix għandha fatturat stmat ta' aktar minn EUR 120 biljun, b'madwar 550 000 impjegat u taġixxi bħala multiplikatur ekonomiku fil-livell Ewropew, peress li tistimola kemm id-domanda u kemm il-ħolqien ta' valur miżjud f'setturi ekonomiċi oħra;
U. billi ż-żona agrikola totali tal-UE bl-għelejjel tal-frott u l-ħaxix naqset b'6 % bejn l-2003 u l-2010, li jindika li l-bdiewa qalbu għal għelejjel oħra jew, f'ħafna ħażijiet, telqu l-biedja għalkollox; billi, skont l-istudju tal-2015 tal-AREFLH, dan it-tnaqqis kien akbar fl-Ewropa tan-Nofsinhar milli fl-Ewropa tat-Tramuntana;
V. billi l-volum tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix naqas ukoll fis-snin riċenti, filwaqt li l-valur tiegħu kellu t-tendenza li jibqa' stabbli f'termini reali, u laħaq it-EUR 48,25 biljun fl-2012, u minkejja dan ma kienx kapaċi joffri prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola skont l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-pagi;
W. billi l-iżbilanċ fil-konsum jirrappreżenta problema mill-akbar għas-setturi tal-frott u l-ħaxix, fejn dawn l-aħħar ftit snin raw telf ta' produzzjoni; filwaqt li wieħed jiftakar fid-data minn Freshfel Europe li tindika li l-konsum tal-frott u l-ħaxix frisk fl-UE -28 kien ta' 387 g l-ġurnata per capita fl-2012, jiġifieri tnaqqis ta' 8,7 % meta mqabbel mal-medja għall-perjodu tal-2007-11; billi dan it-tnaqqis jidher li jirrifletti xejriet fit-tul lejn konsum akbar ta' ikel ipproċessat u l-impatt tal-kriżi ekonomika;
X. billi hemm 22 miljun tifel u tifla b'piż żejjed fi ħdan l-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-adoloxxenti qed jikkonsmaw bħala medja 30 % sa 50 % biss tal-ammont rakkomandat kuljum ta' frott u ħaxix;
Y. billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrakkomanda konsum minimu ta' 400 g ta' frott u ħaxix għall-prevenzjoni ta' mard kroniku bħalma hu l-mard tal-qalb, il-kanċer, id-dijabete u l-obeżità, fejn din tal-aħħar tinsab partikolarment fost it-tfal; billi, s'issa, erba' Stati Membri tal-UE biss issodisfaw din ir-rakkomandazzjoni;
Z. billi fl-2012 l-UE kellha defiċit kummerċjali fil-frott u l-ħaxix, prinċipalment minħabba l-fatt li timporta wisq aktar frott milli tesporta, minħabba l-kosti għolja tal-produzzjoni;
AA. billi l-istudju tal-2015 tal-AREFLH juri li s-suq tal-UE huwa relattivament miftuħ għall-importazzjonijiet, filwaqt li l-esportazzjonijiet Ewropej jiffaċċjaw ostakli tariffarji u non-tariffarji konsiderevoli fis-sħab kummerċjali, sitwazzjoni li żżomm lill-esportazzjonijiet milli jiddiversifikaw; billi, għalkemm l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jikkompetu direttament ma' prodotti simili tal-UE, l-istess standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel u dawk soċjali ma jiġux applikati, f'ċerti każijiet, fil-koltivazzjoni tagħhom;
AB. billi l-kriżijiet tas-suq iseħħu ta' spiss fis-settur tal-frott u l-ħaxix minħabba li produzzjoni żejda anke f'ammonti żgħar tista' toħloq waqgħat kbar fil-prezzijiet tal-produtturi; billi l-frott u l-ħaxix huma fil-biċċa l-kbira tagħhom prodotti li jitħassru u għalhekk għandhom jinbiegħu malajr, sitwazzjoni li tħalli lill-bdiewa f'dan is-settur f'pożizzjoni ta' negozjar strutturalment dgħajfa meta mqabbla mal-bejjiegħa bl-imnut ewlenin u l-proċessuri;
AC. billi l-kriżi kkawżata mill-projbizzjoni Russa kellha, u se jkollha fil-futur, effetti negattivi sinifikanti fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix, fejn produtturi f'dan is-settur sofrew xi wħud mill-akbar telfiet; billi l-importanza tal-eżistenza ta' POs b'saħħithom organizzati b'tali mod li jkunu kapaċi jittrattaw kollettivament sitwazzjonijiet mhux mistennija u avversi għandha tiġi enfasizzata, appoġġjata minn strumenti Komunitarji adegwati adattati għas-severità ta' kull kriżi jew, jekk meħtieġ, billi jiġu attivati l-miżuri eċċezzjonali previsti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
AD. billi r-rapport tal-Kummissjoni jagħraf li l-istrumenti tal-prevenzjoni tal-kriżi tar-reġim tal-frott u l-ħaxix ftit li xejn ġew użati minn mindu saret ir-riforma tal-2007 u li huma wrew li ma kinux biżżejjed biex itaffu l-konsegwenzi ta' kriżijiet serji bħalma hi dik tal-E. coli jew dik attwali li qed tirriżulta mill-projbizzjoni Russa; billi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, minbarra l-irtirar mis-suq, dawn huma amministrattivament diffiċli biex jiġu applikati minħabba r-regolamenti mhux ċari f'dan ir-rigward;
AE. billi l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, li taħtha jintuża għadd ta' frott u ħaxix lokali u staġjonali, attirat l-interess u għamlet suċċess;
AF. billi l-possibilità li l-ħlas lura tal-kapital u tal-imgħax fuq is-selfiet meħuda biex jiġu ffinanzjati l-miżuri ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet isir eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja tal-UE, taħt il-programmi operattivi, kienet strument importanti għall-ġestjoni tal-inċertezza tas-suq;
AG. billi r-rapport tal-Kummissjoni jidentifika l-kumplessità tar-regoli u n-nuqqas taċ-ċertezza tad-dritt bħala dgħufijiet tar-reġim attwali tal-frott u l-ħaxix; billi l-Kummissarju Hogan impenja ruħu li jtejjeb ir-reġim fl-ewwel sena tal-mandat tiegħu, filwaqt li jqis id-differenzi kulturali u l-kuntrasti fir-realtajiet tas-suq bejn l-Istati Membri differenti u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kompetittività u lill-qawwa innovattiva tas-settur;
AH. billi l-istudju tal-Università ta' Wageningen jikkonkludi li l-interpretazzjonijiet diverġenti tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tal-UE ħolqu inċertezza tad-dritt għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-POs, li rriżultat f'piż amministrattiv akbar u l-biża' tat-teħid tar-riskji u l-ħolqot' diżinċentivi għat-twaqqif ta' POs;
AI. billi proċeduri tal-awditjar ċari u prevedibbli huma essenzjali għall-funzjonament tar-reġim tal-frott u l-ħaxix; billi l-irduppjar fl-awditi konsekuttivi għandu jiġi evitat u m'għandhomx jitwettqu awditi ta' segwitu qabel l-approvazzjoni tal-kontijiet tkun tat deċiżjoni definittiva dwar awditu preċedenti, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jagħmlu korrezzjonijiet akbar milli meħtieġa;
AJ. billi r- Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli diġà ħa kont ta' għadd ta' elementi li jinsabu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u billi r-regoli attwalment fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jiġu stabilizzati;
AK. billi l-proporzjonalità għandha taqdi parti essenzjali fit-tnaqqis tal-inċertezza tad-dritt fi ħdan ir-reġim tal-frott u l-ħaxix, peress li tiżgura li PO kollha kemm hi ma tkunx preġudikata mill-infrazzjoni imwettqa minn persuni ħatja individwalment;
AL. billi l-POs spiss jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex isibu u jħarrġu amministraturi bil-ħiliet neċessarji għat-twettiq ta' attivitajiet kummerċjali fl-ambjent kompetittiv tas-settur tal-kummerċ agrikolu; billi r-rapport tal-Kummisjoni jiddikjara li l-infiq fit-taħriġ u s-servizzi ta' konsulenza mill-POs kien wieħed baxx;
AM. billi l-popolazzjoni tal-biedja fl-UE-28 qed tixjieħ malajr u billi, bħala medja, hemm bidwi wieħed biss taħt il-35 sena għal kull disa' bdiewa ta' età ta' aktar minn 55 sena;
1. Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni, li jagħti stampa bilanċjata tal-evoluzzjoni tar-reġim tal-frott u l-ħaxix minn mindu saret ir-riforma tal-2007, jikkonferma l-validità tal-istruttura organizzattiva bażika għal dan is-settur u jidentifika l-oqsma fejn sar progress, bħalma huma l-konċentrazzjoni akbar ta' POs li qed ittejjeb il-pożizzjoni tas-settur fil-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li jirreferi wkoll għall-problemi li jippersistu;
2. Huwa tal-opinjoni li l-appoġġ għandu jikkumpensa għall-konsegwenzi negattivi – mill-perspettiva tas-suq – tar-restrizzjonijiet imposti fuq l-organizzazzjonijiet tal-produtturi;
3. Jilqa' l-miżuri li twettqu fir-reġim tal-frott u l-ħaxix fl-UE, maħsuba biex iżidu l-orjentament tas-suq fost il-kultivaturi tal-UE, iħeġġu l-innovazzjoni, jippromwovu l-frott u l-ħaxix, iżidu l-kompetittività tal-kultivaturi u jtejbu l-kummerċjalizzazzjoni, il-kwalità tal-prodott u l-aspetti ambjentali tal-produzzjoni, permezz ta' għotja ta' appoġġ lill-POs, assoċjazzjonijiet tal-PO u r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali, anki billi jippromwovu l-formazzjoni ta' raggruppamenti li tnissel flussi ġodda ta' dħul li jissarfu f'investimenti ġodda;
4. Jilqa' l-fatt li l-PAK il-ġdida baqgħet tħaddan fiha r-reġim tal-frott u l-ħaxix, filwaqt li jagħraf il-fatt li l-istrumenti eżistenti mhux dejjem kienu effikaċi, bħalma rrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-dokument ta' konsultazzjoni pubblika tagħha bit-titolu 'Rieżami tar-Reġim tal-UE għas-Settur tal-Frott u l-Ħaxix', u għaldaqstant jappoġġja l-ħidma tal-Grupp Newcastle maħsub biex itejjeb ir-reġim tal-frott u l-ħaxix, li għandu jieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-arranġamenti ġuridiċi li jirregolaw il-kooperattivi fl-Istati Membri, sabiex ma jiġix limitat il-ħolqien ta' POs ġodda, filwaqt illi jiġi rrispettat il-fatt li l-kultivaturi jistgħu jagħżlu li ma jagħmlux parti mis-sistema tal-PO;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi biex jiġu ttrattati b'mod deċiżiv il-prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina tal-provvista tal-ikel li jkollhom impatt negattiv fuq il-qligħ tal-produtturi, inaqqsu d-dħul u jheddu l-vijabbiltà u s-sostenibilità tas-settur; iqis li l-prattiki kummerċjali żleali u l-pressjoni eżerċitata fuq il-produtturi, kemm jekk huma assoċjati u kemm jekk le, mill-ktajjen kbar tal-bejgħ bl-imnut, huma l-ostaklu ewlieni biex il-bdiewa tal-frott u l-ħaxix jaqilgħu dħul diċenti; jirrimarka li d-dgħufija tal-pożizzjoni tagħhom hija aggravata mill-fatt li l-prodotti tagħhom jistgħu jitħassru; iqis li l-problemi msemmija, bħalma huma l-abbandun tal-art jew it-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-bdiewa attivi, mhux ser jisparixxu meta l-profitti mill-produzzjoni jkunu biżżejjed biex jiġi ggarantit il-futur tal-professjoni u jiġu attirati ħaddiema żgħażagħ;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli ċari tal-UE li jirregolaw il-prinċipji tal-prattika tajba fil-katina tal-provvista tal-ikel biex tiġi żgurata interpretazzjoni komuni tar-regoli fir-rigward tal-prattiki kummerċjali inġusti;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri biex tiġi inkoraġġita l-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti tal-PO; jemmen li l-kummerċjalizzazzjoni diretta hija alternattiva għas-settur kbir tal-bejgħ bl-imnut u l-valuri fundamentali tiegħu rigward ir-relazzjoni mal-ikel, l-agrikoltura u l-ambjent; iqis li l-prezzijiet tal-kummerċjalizzazzjoni diretta jinżammu aktar baxxi mill-prezzijiet tas-settur kbir tal-bejgħ bl-imnut eżattament minħabba l-eliminazzjoni tal-intermedjarji u tal-kosti marbuta mal-loġistika; iqis, f'dan ir-rigward, li t-tnaqqis tal-katina jiggarantixxi dħul ġust għall-bdiewa u jagħmilha possibbli li ssir il-ġlieda lill-prattiki kummerċjali żleali (PKŻ);
8. Jinnota li bosta Stati Membri daħħlu miżuri biex jindirizzaw b'mod deċiżiv il-PKŻ u jitlob għal rispons ikkoordinat mill-UE biex jiġi msaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern għall-prodotti agrikoli;
9. Jenfasizza l-importanza li l-istandards Ewropej tal-kwalità għal-prodotti ta' frott u ħaxix frisk jibqgħu jinżammu kif inhuma sabiex tiġi ggarantita kwalità konsistentement għolja fil-katina tal-provvista għall-benefiċċju tal-konsumatur finali;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkjarifika kif għandha l-ħsieb li tapplika l-Artikolu 209(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, b'tali mod li tiġi promossa aktar ċertezza tad-dritt dwar kif għandhom jintlaħqu l-objettivi spjegati fl-Artikolu 39 tat-TFUE, b'rispett strett tal-Artikolu 101 tat-TFUE fir-rigward tal-kompetizzjoni;
11. Jinnota li l-grad ta' organizzazzjoni tas-settur, kif imkejjel mis-sehem tal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix ikkummerċjalizzata mill-POs, żdied b'mod kostanti f'dawn l-aħħar snin fl-Unjoni kollha kemm hi, iżda li din iż-żieda tista' tiġi attribwita għal xi wħud mill-Istati Membri biss;
12. Jenfasizza li, minkejja din iż-żieda, il-grad ta' organizzazzjoni fost il-produtturi jibqa' wieħed baxx bħala medja, u konsiderevolment taħt il-medja tal-UE f'ċerti Stati Membri, u li l-indirizzar ta' din il-problema huwa kruċjali għall-futur tar-reġim tal-frott u l-ħaxix, mhux l-anqas billi jitnaqqsu l-iżbilanċi reġjonali sinifikanti; jenfasizza wkoll li dan il-livell baxx ta' organizzazzjoni mhuwiex megħjun mill-kumplessità tar-regoli tal-PO li rriżultat fis-sospensjoni u t-tneħħija tar-rikonoxximent tal-POs f'xi Stati Membri; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni treġġa' lura x-xejra ta' dan it-tnaqqis billi tissimplifika r-regoli tal-iskema biex l-POs jsiru aktar attraenti biex dak li jkun jissieħeb fihom;
13. Jindika l-ħtieġa li tittejjeb ir-rata ta' organizazzjoni fis-settur, peress li hu evidenti li hi ogħla fir-reġjuni fejn il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni huma aktar modernizzati u indirizzati lejn l-esportazzjoni, filwaqt li hi l-aktar baxxa fil-pajjiżi li għal ħafna snin ma kellhomx l-opportunità li jużaw il-fondi operattivi;
14. Iqis li huwa vitali li jiġi kkontemplat l-istabbiliment ta' strumenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet, u l-inizjattivi ta' suċċess li tnedew minn ċerti POs f'dak ir-rigward jeħtieġ li jkunu ċarament identifikabbli sabiex ikunu jistgħu jiġu replikati bnadi oħra kull meta dan ikun possibbli; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kuxjenza u l-għarfien ta' POs pijunieri bħal dawn;
15. Ifakkar li l-POs huma għodod li jitqiegħdu għad-disponibilità tal-produtturi sabiex ikunu jistgħu kollettivament jorganizzaw lilhom infushom fis-suq ħalli jkunu jistgħu isalvagwardjaw id-dħul tagħhom, u li l-POs huma partikolarment utli f'żoni ta' produzzjoni li jibagħtu l-prodotti tagħhom lejn żoni ta' konsum, iżda mhumiex użati wisq minn ċerti produtturi jew f'ċerti swieq lokali jew speċjalizzati;
16. Jenfasizza f'dan il-kuntest li huwa importanti li jiżdied il-livell ġenerali ta' appoġġ għall-POs u li jiġu pprovduti inċentivi iktar b'saħħithom kemm għall-fużjoni ta' POs eżistenti f'APOs u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda kemm f'kuntest nazzjonali u kemm f'dak internazzjonali, filwaqt li jitlob li l-investiment tal-għajnuna pprovduta biex jitwaqqfu POs ġodda jiġi mmonitorjat biex jiġi żgurat li qed tiġi investita b'mod effettiv b'modi li se jżidu d-dħul tal-produtturi membri;
17. Iqis li huwa ta' dispjaċir li, f'ċerti Stati Membri, ir-rata ta' organizzazzjoni f'POs huwa estremament baxx u jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprijoritizzaw l-insistenza fuq il-promozzjoni tal-assoċjazzjoni tal-produtturi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-karatteristiċi partikolari ta' dawk l-Istati Membri fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi hija baxxa;
18. Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex terġa' tistabbilixxi l-appoġġ finanzjarju għall-investimenti tal-POs tal-frott u l-ħaxix li jkunu għadhom kemm ġew stabbiliti; iqis li, mingħajr dan l-appoġġ, huwa estremament diffiċli biex l-organizzazzjonijiet stabbiliti jiksbu r-rikonoxximent mill-istat meħtieġ għall-operazzjoni tagħhom; iqis, għalhekk, li l-appoġġ huwa wieħed mill-aktar għodod effiċjenti sabiex jiġu żviluppati l-organizzazzjonijiet u tiżdied ir-rata ta' organizzazzjoni;
19. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mis-simplifikazzjoni tal-PAK, biex tkompli ssaħħaħ aktar l-effettività ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi f'dak li hu l-ikkonċentrar tal-provvista, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol ċentrali tagħhom fil-kummerċjalizzazzjoni fil-katina tal-provvista;
20. Iqis li huwa essenzjali li jiġu pprovduti benefiċċji għal POs li jiddeċiedu li jieħdu membri żgħażagħ; jenfasizza li l-POs jistgħu jipprovdu opportunità għall-promozzjoni tat-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida u armonizzata tad-dispożizzjonijiet relatati mal-frott u l-ħaxix min naħa, u mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali min-naħa l-oħra, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
22. Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li bħalissa huma 7,5 % biss tal-bdiewa fl-UE li huma taħt l-età ta' 35 sena u jemmen li POs li jiffunzjonaw tajjeb jiġbdu liż-żgħażagħ u jistgħu jwettqu rwol biex din ix-xejra demografika mhux sostenibbli tinqaleb bil-kontra;
23. Jinnota l-ħtieġa li jiġu pprovduti inċentivi biex jgħollu l-livell tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-POs; iqis li aktar innovazzjoni tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jsiru aktar kompetittivi u kapaċi jittrattaw il-mardiet mortali li qed jagħmlu dannu lill-agrikoltura Ewropea;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li l-POs jiġu mgħejuna jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom u jkunu involuti fir-riċerkar ta' swieq barranin ġodda;
25. Jikkunsidra li hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jsiru aktar attraenti billi titnaqqas il-burokrazija żejda u jittejjeb l-appoġġ mogħti lil dawn il-gruppi mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll billi jsir titjib fil-mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-kriżijiet;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami li jmiss tagħha tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u bħala parti mill-aġenda tagħha ta' "simplifikazzjoni", iżżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, għall-POs u għall-APOs u tnaqqas il-piż amministrattiv impost fuqhom; Jenfasizza li dan ir-rieżami m'għandux ibiddel l-arkitettura bażika tar-reġim tal-frott u l-ħaxix jew ikun ta' ħsara għall-interessi jew il-qligħ tal-produtturi fis-settur;
27. Jinnota bi tħassib li r-regoli tal-PO huma miftuħa għal interpretazzjoni wiesgħa mill-Awdituri tal-Kummissjoni, u dan iwassal għal grad għoli ta' inċertezza u jista' jħalli l-Istati Membri fir-riskju ta' projbizzjoni u ta' stħarriġ ġudizzjarju; jenfasizza wkoll li l-proċeduri tal-awditjar u l-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu b'mod aktar opportun u fil-perjodu taż-żmien tal-verifika miftiehem;
28. Jitlob lill-Kummissjoni tnaqqas b'mod konsiderevoli il-perjodu ta' proċessar li matulu jsiru kontrolli tal-konformità;
29. Jitlob lill-Kummissjoni, ukoll bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt tas-sistema, tirrazzjonalizza l-kontrolli u tiffukahom fuq il-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni proprja ta' kull azzjoni jew miżura li hija approvata bħala parti mill-programm operattiv kif ukoll il-kost allokat lilhom, filwaqt li tistabbilixxi b'mod ċar x'qed jiġi kkontrollat u min huwa responsabbli biex iwettaq il-kontroll;
30. Jitlob lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta' proporzjonalità b'rabta ma' penali u tiżgura li l-awditi jiġu konklużi fi ħdan perjodu stabbilit sabiex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-membri tagħhom;
31. Jindika li l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat ir-reġim ta' assistenza u biex jiġu ġġustifikati l-applikazzjonijiet huma eċċessivi u mhumiex preċiżi, u huma soġġetti għal varjetà ta' verifiki minn sensiela ta' korpi amministrattivi li ta' spiss la jkunu konsistenti u lanqas preċiżi, u jwasslu biex ċerti tipi ta' sħab jabbandunaw ir-reġim u ċerti organizzazzjonijiet tal-produtturi jiddeċiedu li ma jippreżentawx programmi operattivi; jikkunsidra li, f'dan il-kuntest, hu essenzjali li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tiġi ċċarata b'mod li tiggarantixxi s-sigurtà ġuridika tar-reġim u tipprevjeni l-inċertezza fost il-produtturi;
32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli għat-twaqqif ta' (assoċjazzjonijiet ta') POs transnazzjonali u b'mod partikolari r-regoli dwar ir-responsabbiltà u l-obbligazzjoni, sabiex tinħoloq ċertezza tad-dritt għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-POs involuti;
33. Jitlob li d-dmirijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jitwessgħu, speċjalment fl-oqsma ġeneriċi tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni u f'dak tal-edukar taċ-ċittadin-konsumatur, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ikel;
34. Jenfasizza r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali fit-titjib tad-djalogu intern fi ħdan is-settur;
35. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-akbar organizzazzjonijiet tal-produtturi (madwar 18 % tal-POs kollha b'fatturat ta' aktar minn EUR 20 miljun) jirċievu madwar 70 % tal-assistenza finanzjarja tal-UE;
36. Jikkunsidra li t-tnaqqis tal-kumplessità, inkluż fir-regoli għall-ħolqien ta' POs ġodda f'kuntest nazzjonali u internazzjonali, għandu jkun l-ewwel pass biex isiru aktar attraenti għall-bdiewa, mingħajr ma dak ikun ifisser l-iżvalutar tal-istruttura tal-PO għad-detriment tal-kapaċità tagħhom li jaġixxu b'mod effettiv fis-suq; jitlob li l-Kummissjoni tidentifika miżuri addizzjonali sabiex tiżdied l-attraenza tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'livell baxx ta' organizzazzjoni;
37. Jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta' proporzjonalità b'attenzjoni, billi tiżgura li l-iżbalji li jsiru minn individwi ma jiġux irkuprati mingħand il-membri kollha ta' organizzazzjoni tal-produtturi;
38. Iqis li kwalunkwe simplifikazzjoni tal-proċedura ta' rikonoxximent m'għandhiex tkun għad-detriment ta' regolamenti nazzjonali li jiċċertifikaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-POs tal-frott u l-ħaxix, bħalma huma dawk applikati għall-koperattivi;
39. Jistieden lill-Kummissjoni ħalli fir-rieżami tagħha tar-reġim tal-frott u l-ħaxix tnaqqas il-piż amministrattiv għall-POs billi tabolixxi l-valutazzjonijiet ta' nofs il-perjodu mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali; jinnota li dawn il-valutazzjonijiet spiss jidduplikaw il-mistoqsijiet li jsiru lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rappurtar annwali tagħha u ma jipprovdu l-ebda benefiċċju ovvju; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mill-għan tagħha li tnaqqas il-burokrazija żejda, tnaqqas l-ammont ta' informazzjoni li hija titlob mingħand l-awtoritajiet nazzjonali u l-POs fir-rapporti annwali, u tiżgura li tinġabar biss id-data li fil-fatt tiġi użata mill-Kummissjoni biex timmonitorja effikaċja tal-iskema;
40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament Delegat (UE) Nru 499/2014 tal-11 ta' Marzu 2014, li introduċa kontrolli aktar kumplessi fuq l-POs, inklużi penali sproporzjonati talli jonqsu milli jissodisfaw kriterji ta' rikonoxximent kumplessi; jenfasizza l-ħtieġa ta' proporzjonalità f'dak li għandu x'jaqsam mal-penali jekk nixtiequ ninkoraġġixxu koltivaturi ġodda jingħaqdu f'din l-iskema u nipprevjenu lill-Membri eżistenti milli jerġgħu jaħsbuha dwar il-parteċipazzjoni tagħhom;
41. Iqis li l-kompetittività tal-POs tiddependi ħafna mill-ġestjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet eżistenti jew tistabbilixxi azzjonijiet ġodda, inklużi miżuri ta' taħriġ u inizjattivi għall-iskambju ta' prattiki tajba, li jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-POs u l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel u tiżgura rwol imsaħħaħ għal imġiba orjentata lejn is-suq fi ħdan l-POs; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jiġu mmaniġġjati minn persuni b'ħiliet ta' kummerċjalizzazzjoni li jkunu kapaċi jittrattaw sitwazzjonijiet ta' kriżi fis-settur agrikolu;
42. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffoka fuq mudelli ta' produzzjoni u distribuzzjoni li jkunu integrati fl-PO, u jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu disponibbli appoġġ ta' loġistika u ta' punti ta' bejgħ għall-prodotti tl-PO fir-reġjuni;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom bis-sħiħ bħala strumenti biex jiżdied id-dħul tal-produtturi;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra testendix id-dispożizzjonijiet għall-iffinanzjar ta' miżuri ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet (l-eliġibilità tal-ħlas lura tal-kapital u tal-imgħax fuq self għal għajnuna finanzjarja) kif ukoll għall-ilħuq tal-objettivi l-oħra li qed jilħqu l-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;
45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq azzjonijiet għat-trasferiment ta' know-how amministrattiv u strutturali dwar il-mod li bih huma organizzati PO, mill-Istati Membri b'livell għoli ta' POs lill-dawk b'livell baxx ta' POs;
46. Josserva li l-prattiki li jirrispettaw l-ambjent għandhom jiġu mwettqa kontinwament u b'mod rigoruż u għalhekk għandu jiġi inkoraġġit il-fatt li jkompli jsir il-finanzjament ta' tali prattiki minn programm operazzjonali wieħed għal ieħor, u l-ambitu tal-intervent għandu jitwessa' biex jinkludi lil dawk il-produtturi li l-biċċiet ta' art tagħhom imissu ma' dawk maħduma minn membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi;
47. Jikkunsidra li l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) jistgħu jwettqu rwol importanti fiż-żieda tas-setgħa tan-negozjar tal-bdiewa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-inċentivi għall-istabbiliment ta' APOs, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jaġixxu minn perspettiva ġuridika, u tiddisponi għall-possibbiltà li lill-produtturi li mhumiex membri tal-POs jinġabru taħt l-umbrella tagħhom, bil-għan li jiġi previst rwol akbar għalihom fil-futur; jenfasizza li l-APOs jinsabu f'pożizzjoni mhux biss li jwettqu konċentrazzjoni u titjib effettivi tal-provvista, iżda wkoll li jagħtu prova ta' effiċjenza akbar fil-ġestjoni tal-interventi minħabba r-rwol ta' koordinazzjoni li huma mitluba jwettqu fuq il-livell operattiv;
48. Iqis li l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jeħtieġ li jiġu mħeġġa sabiex tiġi żgurata organizzazzjoni aħjar tas-settur tal-frott u l-ħxejjex; iqis li tali organizzazzjonijiet jistgħu jaqdu rwol importanti fil-ħolqien ta' valur miżjud u l-kondiviżjoni tiegħu bejn il-partijiet differenti tas-settur, kif ukoll fir-rigward tal-kwalità, it-titjib sostenibbli tal-produzzjoni, u l-ġestjoni tas-suq u tal-kriżijiet;
49. Jikkunsidra li l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) jistgħu jwettqu rwol importanti fl-antiċipar u l-ġestjoni ta' kriżijiet ta' tul ta' żmien qasir; jenfasizza l-benefiċċji tal-fatt li wieħed ikunu kapaċi jħajjar lill-produtturi li mhumiex membri ta' POs jissieħbu f'tali assoċjazzjonijiet b'mod volontarju, bil-għan li l-azzjonijiet kollettivi tal-produtturi jsiru aktar effiċjenti;
50. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-istruttura u l-funzjonament tal-POs u APOs huma bbażati fuq il-prinċipji tal-indipendenza u d-demokrazija, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost il-produtturi u ssir il-ġlieda lill-prattiki kummerċjali inġusti u lill-imġiba opportunistika;
51. Jinsisti bil-qawwa li l-metodi ta' produzzjoni ta' pajjiżi terzi għall-esportazzjoni lejn l-UE jridu jipprovdu lill-konsumaturi Ewropej l-istess garanziji f'dawk li huma saħħa, sikurezza tal-ikel, trattament xieraq tal-annimali, żvilupp sostenibbli u standards soċjali minimi bħal dawk meħtieġa mill-produtturi tal-UE; iqis li dan ifisser li, fi kwalunkwe ftehim iffirmat ma' pajjiżi terzi, l-UE għandha timxi skont il-kriterju ta' reċiproċità ġenwina fir-rigward tal-aċċess għas-suq u l-konformità mar-regolamenti tal-produzzjoni li jirregolaw lill-produtturi tal-UE;
52. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir eħfef biex il-produtturi jiksbu aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tappoġġja lill-esportaturi tal-frott u l-ħaxix biex jingħeleb l-għadd dejjem jikber ta' ostakli non-tariffarji, bħalma huma xi standards fitosanitarji ta' pajjiżi terzi li jagħmlu l-esportazzjonijiet mill-UE diffiċli, jekk mhux impossibbli;
53. Huwa tal-fehma li, sabiex tintlaħaq kompetizzjoni aktar ġusta mal-importazzjonijiet lejn is-suq tal-Komunità, u bil-għan li tiġi stabbilita reċiproċità fl-istandards tas-saħħa tal-pjanti, l-UE għandha ssaħħaħ ir-reġim ta' kontroll tal-importazzjoni sabiex tqiegħdu fuq livell ugwali ma' dak applikat mill-maġġoranza l-kbira tas-sħab kummerċjali tagħha;
54. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-regolamenti orizzontali l-ġodda għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli adottati dan l-aħħar u l-objettiv li jiżdiedu l-fondi allokati sabiex jinstabu swieq ġodda l-aktar f'pajjiżi terzi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem biex ittejjeb l-istrument ta' promozzjoni fis-snin li ġejjin;
55. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha fin-negozjati kummerċjali ma' pajjiżi terzi għat-tneħħija tal-ostakli tariffarji u tas-saħħa tal-pjanti li ġew imposti fuq il-produzzjonijiet Ewropej, u b'hekk tagħmilha possibbli li jinfetħu swieq ġodda għall-frott u l-ħaxix tal-Komunità;
56. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika r-raġunijiet għall-użu minimu tal-istrumenti ta' prevenzjoni u mmaniġġar tal-kriżijiet (PMK) (16 % biss tal-POs użaw din ir-riżorsa, li rrappreżentat biss 2,8 % tal-għajnuna totali), li huma adattati biss biex jaffrontaw kriżijiet staġjonali minuri, u tikkunsidra kif tista' tittejjeb is-sitwazzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżempji tal-aħjar prattika u esperjenza fost l-POs eżistenti;
57. Jitlob lill-Kummissjoni biex dejjem tuża preferenza għall-prodotti lokali bħala l-ewwel kejl tal-ġestjoni tal-kriżijiet sabiex tippromwovi u tipproteġi tas-suq uniku Ewropew u l-konsum tal-prodotti tal-Ewropa stess; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tkun preokkupata mill-qrib bil-għodod tal-ġestjoni tar-riskju, li huma assolutament meħtieġa biex tiġi żgurata l-produzzjoni agrikola ta' POs;
58. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu koordinat aħjar għall-irtirar mis-suq f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, sabiex jiġi pprevenut li l-kriżijiet tas-suq jinbidlu fi tfixkil serju u fit-tul li jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fid-dħul għall-bdiewa tal-frott u l-ħaxix;
59. Jenfasizza li l-użu tal-mekkaniżmu tal-irtirar rriżulta li hu limitat u jqis li miżuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet għandhom jiġu rieżaminati inkluż permezz ta': iż-żieda tal-perċentwal tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, l-aġġustar tal-prezzijiet ta' rtirar, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż tal-produzzjoni, iż-żieda fil-volumi li jistgħu jiġu rtirati, u t-titjib tal-appoġġ, f'dawk li huma trasport u ppakkjar, għad-distribuzzjoni b'xejn ta' frott u ħaxix bil-ħsieb li tiġi pprovduta l-flessibilità biex l-appoġġ jiġi adattat għall-forma u s-severità ta' kull kriżi;
60. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra tagħmilx kontribuzzjonijiet għal fondi mutwi eliġibbbli bħala miżuri ta' PĠK bil-għan li tipprovdi protezzjoni aħjar għall-bdiewa f'każ ta' kriżijiet fis-suq li jikkawżaw tnaqqijiet sostanzjali fid-dħul, iżda jqis li dawn il-fondi m'għandhom qatt jiġu mill-partita tal-baġit allokata għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali mill-Kummissjoni meta l-kriżi hija kkawżata minn kwistjonijiet li mhumiex marbuta ma' dan is-settur, bħalma hi l-projbizzjoni Russa; jemmen li, f'tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tfittex partiti oħra tal-baġit u tallokahom għat-tnaqqis tal-effetti negattivi ta' fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix;
61. Iqis li l-produtturi m'għandhomx iġarrbu l-ispiża tal-kriżijiet ikkawżati minn ċirkostanzi li mhumiex marbuta mas-settur agrikolu, bħalma hi l-projbizzjoni Russa fuq l-esportazzjonijiet tal-UE, li affettwat b'mod serju għadd kbir ta' produtturi tal-frott u l-ħaxix u saħansitra kompliet tgħarraq sitwazzjonijiet ta' kriżi tas-suq bħalma hi dik esperjenzata mis-settur tal-frott tal-għadma; jitlob li f'ċirkustanzi bħal dawn il-miżuri ta' appoġġ tal-Komunità jinżammu kif inhuma għal kemm ikun hemm bżonn sakemm is-sitwazzjoni normali tas-suq tiġi stabbilita kompletament mill-ġdid;
62. Jenfasizza li, permezz tal-programmi operazzjonali tagħhom, l-POs jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u jittejbu l-istandards tas-sikurezza tal-ikel; jilqa' l-objettivi ambjentali tal-iskema iżda jistieden lill-Kummissjoni tippermetti lill-POs jadattaw il-programmi operazzjonali tagħhom skont il-livell ta' maturità tagħhom kif ukoll jimmiraw il-fondi tagħhom fuq firxa usa' ta' miżuri mmirati biex iżidu l-kompetittività ġenerali tas-settur; jenfasizza li attenzjoni akbar fuq il-miżuri mmirati lejn l-innovazzjoni u l-valur miżjud għandha l-akbar potenzjal biex ittejjeb id-dħul tal-produtturi u b'hekk tagħmel lill-POs aktar attraenti biex jissieħbu fihom;
63. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskema ta' għajnuna li hemm fis-seħħ għad-distribuzzjoni ta' frott, ħaxix u ħalib fl-iskejjel, minħabba l-importanza tal-promozzjoni minn età żgħira ħafna ta' dieti tajba għas-saħħa u bbilanċjati, u tressaq lill-konsumaturi żgħażagħ eqreb lejn il-produtturi lokali;
64. Iqis li huwa kruċjali li tittejjeb l-effettività tar-regolamenti Komunitarji li huma attwalment fis-seħħ għall-protezzjoni tal-pjanti kontra l-introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara li joriġinaw minn barra l-UE; jirrimarka li dawn l-organiżmi qed isiru dejjem aktar komuni fl-UE minħabba livelli dejjem ogħla ta' kummerċ u spiss qed ikollhom effett detrimentali fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix;
65. Iqis li, bħal f'setturi oħra (bħalma hu dak tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ), l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jingħataw rwol f'li jiggarantixxu u jikkoordinaw il-komplementarjetà u l-koerenza tad-diversi skemi ta' appoġġ tal-UE, u b'hekk jiżguraw trasparenza akbar tas-sistema sabiex jiġu pprevenuti każijiet ta' finanzjament doppju;
66. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida jew regoli ta' politika li jiċċaraw il-kundizzjonijiet li taħthom l-POs jistgħu temporanjament jingħataw deroga mill- Artikolu 101(1) tat-TFUE abbażi tal-Artikolu 222 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jipprovdi lill-POs opportunità li jieħdu miżuri bil-għan li jistabbilizzaw is-settur matul perijodi ta' żbilanċ serju tas-swieq;
67. Jenfasizza l-importanza ta' ktajjen tal-provvista qosra u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' swieq lokali għad-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix;
68. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika r-riċerka u l-monitorjar fir-rigward tat-theddida li hemm għall-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE minn speċijiet invażivi bħalma hija d-drosophilia tal-ġwienaħ makkjettata;
69. Jiddeplora d-dgħufijiet segwenti li ġew identifikati fit-twaqqif ta' xi strateġiji nazzjonali: għadd wisq kbir ta' objettivi, nuqqas ta' miri predefiniti preċiżi għall-objettivi differenti, u b'mod partikolari l-effikaċja operattiva baxxa ħafna tal-istrumenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet, prinċipalment b'rabta mal-assigurazzjoni tal-ħsad, il-promozzjoni u l-komunikazzjoni u l-irtirar ta' prodotti, l-aktar għax dawn iridu jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' miżuri strutturali oħra u l-għajnuna għall-irtirar f'ħafna każijiet mhijiex biżżejjed, u anke minħabba l-ammont konsiderevoli ta' burokrazija żejda involut; jiddeplora l-fatt li dawn l-istrumenti jistgħu jaffrontaw biss kriżijiet tas-suq individwali u mhumiex biżżejjed għall-ġestjoni ta' kriżijiet fuq skala kbira bħal dik attwali li qed tiġi kkawżata mill-embargo Russu;
70. Jara l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri preventivi bħala għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jifhmu u jikkalkolaw u jużaw b'mod korrett indikaturi tal-prestazzjoni predefiniti, u jisħaq fuq il-fatt li f'ħafna każijiet hemm għadd eċċessiv ta' indikaturi tal-prestazzjoni, sitwazzjoni li tagħmel il-proċedura estremament diffiċli kemm għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u kemm għall-amministrazzjoni; jemmen li f'dan il-kuntest ikun ferm aktar utli li jkun hemm anqas indikaturi li però jkunu aktar sinifikanti;
71. Jemmen li t-tħeġġiġ ta' drawwiet fejn nieklu b'mod aktar san imur id f'id ma' fehim akbar dwar il-biedja u dwar kif l-ikel jiġi prodott u, jappoġġja, f'dan il-kuntest, l-objettiv tat-tisħiħ tad-dimensjoni edukattiva tal-programmi tal- ħaxix , il-frott u l-ħalib għall-iskejjel u jitlob li tiġi adottata mill-aktar fis possibbli l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fl- istabbilimentiedukattivi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-parteċipazzjoni ftal-POs fl-iskema tal-frott għall-iskejjel bħala mezz biex tiġi inkoraġġita katina ta' provvista qasira u l-konsum mit-tfal ta' frott u ħaxix lokali u staġjonali;
72. Iqis li l-muftieħ għall-analizzar tas-sitwazzjoni tas-settur tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix huwa l-evoluzzjoni tad-dħul tal-bdiewa tas-settur u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex twettaq studju li jiffoka fuq dan il-punt bil-għan li jiġi aċċertat jekk il-miżuri adottati, bħalma hu t-tisħiħ tal-POs, kinux verament effettivi;
73. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan urġenti ta' impjieg taż-żgħażagħ għas-settur agrikolu biex jiġi evitat it-tixjiħ tal-professjoni u l-abbandun konsegwenti tal-art u tal-produzzjoni;
74. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.