Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/0051(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0205/2015

Testi mressqa :

A8-0205/2015

Dibattiti :

PV 07/07/2015 - 15
CRE 07/07/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2015 - 4.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0261

Testi adottati
PDF 566kWORD 236k
L-Erbgħa, 8 ta' Lulju 2015 - Strasburgu
Il-linji gwida tal-politika tal-Istati Membri għall-impjiegi *
P8_TA(2015)0261A8-0205/2015

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (COM(2015)0098 – C8-0075/2015 – 2015/0051(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0098),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8‑0075/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0205/2015),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 1
(1)  L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu sabiex tinħoloq strateġija koordinata għall-impjiegi b'mod partikolari biex issir promozzjoni għal forza tax-xogħol kwalifikata, imħarrġa u flessibbli u suq tax-xogħol li jadatta għat-tibdil ekonomiku, u sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollha tal-impjiegi u l-progress soċjali li jistabbilixxi l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Wara li jkunu kkunsidraw il-prattiċi nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-ġestjoni u x-xogħol, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fi ħdan il-Kunsill.
(1)  L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu sabiex tinħoloq strateġija effikaċi u koordinata għall-impjiegi, imfassla biex tikkumbatti l-effetti serji tal-qgħad, biex issir promozzjoni għal forza tax-xogħol kwalifikata u mħarrġa u swieq tax-xogħol li jadattaw għat-tibdil ekonomiku, soċjali u ambjentali, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tat-taħriġ fis-setturi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u permezz tal-adattament tas-sistemi edukattivi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollha tal-impjiegi u l-progress soċjali li jistabbilixxi l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Għandhom isiru sforzi partikolari biex jiżdiedu l-impjiegi ta' ħaddiema b'livelli baxxi ħafna ta' skola jew ta' ħiliet, jew dawk li mhumiex kapaċi jiksbu taħriġ jew ħiliet f'qasir żmien, u biex jitnaqqas il-qgħad li dejjem jiżdied u fuq skala kbira, b'attenzjoni partikolari għar-reġjuni li għadhom lura. Wara li jkunu kkunsidraw il-prattiċi nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-ġestjoni u x-xogħol, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala prijorità u kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fi ħdan il-Kunsill. L-Unjoni għandha takkumpanja dawk l-isforzi bi proposti ta' politika biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati u jiġi żgurat suq tax-xogħol integrat inklużiv kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-Unjoni kollha, inklużi pagi adegwati, li jistgħu jinkisbu wkoll permezz tan-negozjar kollettiv.
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 1a (ġdida)
(1a)  Skont il-kalkoli tal-Eurostat, f'Jannar 2015 fl-Unjoni kien hemm 23 815 000 persuna qiegħda, 18 059 000 minnhom fiż-żona tal-euro.
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 1b (ġdida)
(1b)  Issa huwa fundamentali li jiġu stabbiliti indikaturi affidabbli dwar il-kundizzjoni ta' faqar li jinsabu fiha bosta ċittadini tal-Unjoni, fil-kuntest taċ-ċifri preċedenti inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE1a li identifikat il-bżonn li mill-anqas 20 miljun persuna jinħarġu mir-riskju ta' faqar u esklużjoni.
____________
1a Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).
Emenda 4
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 2
(2)  L-Unjoni trid titħabat kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, tiżgura aċċess ugwali għad-drittijiet fundamentali u sseddaq il-ġustizzja u l-ħarsien soċjali. Waqt li tkun qed tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti marbuta mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, it-taħbit kontra l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ.
(2)  L-Unjoni trid titħabat kontra l-esklużjoni soċjali, kull forma ta' faqar u diskriminazzjoni, tiżgura aċċess ugwali għad-drittijiet fundamentali u sseddaq il-ġustizzja u l-ħarsien soċjali. Dan l-objettiv globali m'għandux jitqiegħed f'periklu mill-effetti kollaterali ta' leġiżlazzjoni jew politiki oħra. Waqt li tkun qed tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti marbuta mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ.
Emenda 6
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4
(4)  L-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta' interess komuni u jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill. Il-linji gwida għall-impjiegi u l-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika għandu jadottahom il-Kunsill biex jiggwida l-politiki tal-Istati Membri.
(4)  L-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom, flimkien mal-politiki soċjali tagħhom, bħala kwistjoni ta' interess komuni u jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill. Il-linji gwida dwar l-impjiegi u l-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika għandu jadottahom il-Kunsill biex jiggwida l-politiki tal-Istati Membri.
Emenda 7
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4a (ġdida)
(4a)  Sabiex jiġi żgurat teħid ta' deċiżjonijiet aktar demokratiku dwar il-linji gwida integrati, li jaffettwaw liċ-ċittadini u lis-swieq tax-xogħol madwar l-Unjoni, huwa importanti li kemm il-linji gwida dwar l-impjiegi kif ukoll il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi jiġu deċiżi milll-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-linji gwida integrati għandhom jippermettu lill-Istati Membri jadottaw mudelli ekonomiċi sostenibbli u integrati fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u lokali.
Emenda 8
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5
(5)  Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Unjoni Ewropea żviluppat u implimentat strumenti ta' koordinazzjoni tal-politika għall-politika fiskali u politiki makrostrutturali. Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza ekonomika u baġitarja multilaterali integrata. Permezz ta' simplifikazzjoni u tisħiħ tas-Semestru Ewropew kif jistipula l-Istħarriġ Annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, se jkompli jitjieb l-operat tiegħu.
(5)  B'konformità mat-Trattat, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta' koordinazzjoni tal-politika għall-politika fiskali u l-politiki makrostrutturali li għandhom impatt qawwi fuq is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-Unjoni. Dawk il-politiki jistgħu jirriżultaw f'xejra ta' staġnar u deflazzjoni f'xi partijiet tal-Unjoni, li jistgħu jiskoraġġixxu t-tkabbir u l-impjiegi. F'dan ir-rigward hu essenzjali li jitqiesu l-indikaturi soċjali l-ġodda u x-xokkijiet assimetriċi li ċerti Stati Membri għaddew minnhom minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika. Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza multilaterali integrata tal-politiki ekonomiċi, baġitarji, soċjali u tal-imjpiegi, u għandu jkun aktar immirat lejn it-twettiq tal-miri tal-UE2020. Permezz ta' simplifikazzjoni u tisħiħ tas-Semestru Ewropew, kif jistipula l-Istħarriġ Annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, jista' jkompli jitjieb l-operat tiegħu, iżda dan l-istrument għadu ma tejjibx is-sitwazzjoni ekonomika fl-Istati Membri li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi.
Emenda 9
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5a (ġdida)
(5a)  Skont l-Osservatorju Soċjali Ewropew, 26 Stat Membru diġà għandhom skemi ta' appoġġ għall-introjtu u protezzjoni soċjali.1a Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, qalet li "kieku [setgħet tiddeċiedi] x'jiġri fl-Istati Membri kollha, kieku jkun hemm introjtu minimu fil-pajjiżi kollha Ewropej".
____________
1a http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/revenu-minimum_-etude-ose_-vfinale_en--2.pdf
Emenda 10
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5b (ġdida)
(5b)  Ma teżistix kompetenza regolatorja fil-livell tal-Unjoni għall-ħolqien ta' qafas regolatorju għal paga minima tal-Unjoni.
Emenda 47
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 6
(6)  Il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet u enfasizzat dgħjufijiet importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-kriżi ħarġet fid-dieher ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tal-impjiegi. Issa fi żmienna għandna l-isfida l-kbira li l-Unjoni toħloq tkabbir u impjiegi sodi, sostenibbli u inklużivi. Għal dan il-għan hemm bżonn azzjoni politika kkoordinata u ambizzjuża, kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll fil-livell nazzjonali, li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Billi jwaħħdu miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, dawn l-azzjonijiet għandhom jagħtu spinta lill-investiment, iġeddu l-impenn għal riformi strutturali u jħaddmu r-responsabbiltà fiskali.
(6)  Il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet u enfasizzat dgħufijiet serji fl-ekonomiji tal-Istati Membri u fil-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni tal-Unjoni. Il-kriżi ħarġet fid-dieher ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tal-impjiegi. Issa fi żmienna għandna l-isfida l-kbira li l-Unjoni toħloq tkabbir u impjiegi sodi, sostenibbli u inklużivi, li jinvolvi l-kontroll tal-livell għoli ta' qgħad li mmaterjalizza f'ċerti partijiet tat-territorju tagħha. Għal dan il-għan hemm bżonn azzjoni politika soda, koordinata, ambizzjuża, iżda fuq kollox effikaċi, kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll fil-livell nazzjonali, li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Billi jwaħħdu miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, dawn l-azzjonijiet għandhom jagħtu spinta lill-investiment, speċjalment l-investiment immirat għall-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME), il-mikrointrapriżi, in-negozji innovattivi ġodda u l-impriżi li jippromwovu l-impjiegi ekoloġiċi, kif ukoll iġeddu l-impenn għal riformi strutturali u jħaddmu r-responsabbiltà fiskali. Dawn l-azzjonijiet għandhom jinkludu wkoll il-ħolqien ta' suq tax-xogħol aktar inklużiv ibbażat fuq id-drittijiet, flimkien ma' protezzjoni soċjali adegwata. Għandhom jinkludu wkoll miżuri ta' protezzjoni soċjali, bħal introjtu minimu garantit, li jiġi introdott b'konformità mal-prattiki nazzjonali, bil-għan li jiġu miġġielda l-faqar estrem u l-esklużjoni soċjali.
Emenda 12
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7
(7)  L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali tal-kriżi u jimmiraw li jsawru soċjetà ta' koeżjoni fejn iċ-ċittadini jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Irid ikun żgurat aċċess u opportunitajiet għal kulħadd filwaqt li jonqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-aktar billi jkun żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali u jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ġid tat-tkabbir ekonomiku jitqassam fost iċ-ċittadini kollha u r-reġjuni kollha.
(7)  L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali tal-kriżi, billi jipprovdu ċifri aktar affidabbli dwar il-faqar estrem, u jimmiraw li jsawru soċjetà inklużiva u aktar ġusta fejn iċ-ċittadini jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Irid ikun żgurat aċċess nondiskriminatorju u opportunitajiet għal kulħadd filwaqt li jonqsu b'mod sostanzjali l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-aktar billi jkun żgurat funzjonament effikaċi tas-swieq tax-xogħol u sistemi tas-sigurtà soċjali adegwati u jitneħħew l-ostakli amministrattivi bla bżonn u l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dawk li jaffettwaw lill-persuni b'diżabilità. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ġid tat-tkabbir ekonomiku jitqassam fost iċ-ċittadini kollha u l-entitajiet lokali u reġjonali kollha. It-tabella ta' valutazzjoni bl-indikaturi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali li tinsab fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi hija strument partikolarment utli f'dan ir-rigward billi tgħin biex jiġu individwati f'waqthom il-problemi u d-diverġenzi ewlenin fl-impjiegi u fil-qasam soċjali u jiġu identifikati l-oqsma li l-aktar jeħtieġu rispons politiku. Madankollu, edizzjonijiet oħrajn tat-tabella ta' valutazzjoni għandhom jinkludu wkoll data diżaggregata skont is-sessi.
Emenda 13
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7a (ġdida)
(7a)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri identifikat tliet riskji għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ: l-adegwatezza ekonomika tal-finanzjament globali, id-definizzjoni ta' "offerta ta' kwalità tajba" u l-mod kif il-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar ir-riżultati tal-iskema.
Emenda 14
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7b (ġdida)
(7b)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE stabbiliet l-objettivi li ġejjin: li r-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 tiżdied għal 75 % sal- 2020; li r-rati ta' tluq bikri mill-iskola jitnaqqsu għal inqas minn 10 %; li s-sehem ta' dawk ta' bejn it-30 u l-34 sena li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti jiżdied għal mill-inqas 40 %. u li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, bil-għan li mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu mir-riskju ta' faqar u esklużjoni. It-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali jibqa' objettiv ċentrali tal-politika tal-impjiegi tal-Istati Membri.
________________
1a Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).
Emenda 15
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 8
(8)  Azzjoni konformi mal-linji gwida tkun kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida huma ġabra integrata ta' politiki Ewropej u nazzjonali li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw ħalli r-riformi strutturali kkoordinati jħallu effetti kollaterali pożittivi, issir taħlita tajba tal-politiki ekonomiċi ġenerali, u biex il-politiki Ewropej jagħtu kontribut aktar konsistenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020.
(8)  Azzjoni konformi mal-linji gwida tkun kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, għanijiet li għadhom ma ntlaħqux. L-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika tal-2014 dwar l-istrateġija Ewropa 2020 wera biċ-ċar kif il-miri dwar l-impjiegi, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-edukazzjoni tal-istrateġija għadhom rilevanti ħafna, u huma lkoll importanti u interdipendenti ndaqs u jsaħħu lil xulxin. Il-linji gwida huma ġabra integrata ta' politiki Ewropej u nazzjonali li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw ħalli r-riformi kkoordinati mmirati lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanza u ż-żieda fil-benesseri taċ-ċittadini jħallu effetti kollaterali pożittivi, issir taħlita tajba tal-politiki ekonomiċi ġenerali, u biex il-politiki Ewropej jagħtu kontribut aktar konsistenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020.
Emenda 16
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 9
(9)  Għalkemm dawn il-linji gwida huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, dawn għandhom jitwettqu bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, biex jitqarrbu l-parlamenti, u kif ukoll mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
(9)  Fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw governanza effikaċi. Għalkemm dawn il-linji gwida huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, dawn għandhom jiġu implimentati, monitorjati u evalwati bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, mal-parlamenti, u kif ukoll mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
Emenda 17
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 10
(10)  Il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi jiggwidaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi, u jixhdu l-interdipendenza. Dawn huma konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dawn il-linji gwida għandhom isawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jaf jagħti lill-Istati Membri,
(10)  Il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi u l-linji gwida dwar l-impjiegi jiggwidaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi u għandhom isawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jaf jagħti lill-Istati Membri, Minħabba l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri, fl-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi l-Kunsill għandu jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-pajjiżi ġirien kif ukoll tal-pajjiżi li l-Istat Membru rispettiv għandu rabtiet ċari magħhom abbażi ta' tendenza fil-migrazzjoni tal-ħaddiema jew kwalunkwe indikatur rilevanti ieħor. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandu jkollha statistika preċiża u aġġornata u data disponibbli f'każ li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jeħtieġ jiġu aġġustati.
Emenda 18
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 5 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjiegi, inaqqsu l-ostakli lin-negozji biex iħaddmu, jippromwovu l-intraprenditorija, u b'mod partikolari għandhom jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi żgħar ħalli tiżdied ir-rata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll b'mod attiv l-ekonomija soċjali u jrawmu l-innovazzjoni soċjali.
L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom jindirizzaw b'mod effikaċi u fil-pront il-kwistjoni serja tal-qgħad, u jiffaċilitaw u jinvestu fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, jindirizzaw l-aċċessibbiltà għall-gruppi li qegħdin f'riskju u jnaqqsu l-ostakli lin-negozji biex iħaddmu persuni fil-livelli kollha tal-ħiliet u fis-setturi kollha tas-suq tax-xogħol, inkluż billi jnaqqsu l-burokrazija, filwaqt li jirrispettaw l-istandards soċjali u tax-xogħol, jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, u b'mod partikolari jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji ħalli tiżdied ir-rata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv, fost l-oħrajn, l-impjiegi ekoloġiċi, l-impjiegi fis-settur tas-saħħa u fis-settur marittimu kif ukoll l-ekonomija soċjali, u jrawmu l-innovazzjoni soċjali.
Emenda 19
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 5 – paragrafu 2
Il-ħaddiema għandu jonqsilhom il-piż tat-taxxa u minflok dan għandhom jerfgħuh sorsi oħrajn ta' tassazzjoni li jagħmlu inqas ħsara lill-impjiegi u lit-tkabbir filwaqt li għandu jitħares id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir. It-tnaqqis fit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għandu jkun immirat lejn komponenti rilevanti tal-piż tat-taxxa u għandu jsir bil-ħsieb li jonqsu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għall-aktar persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol.
Il-ħaddiema għandu jonqsilhom il-piż tat-taxxa u minflok dan għandhom jerfgħuh sorsi oħrajn ta' tassazzjoni li jagħmlu inqas ħsara lill-impjiegi u lit-tkabbir filwaqt li għandu jitħares id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq immirat lejn l-investiment pubbliku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. It-tnaqqis fit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għandu jkun immirat lejn komponenti rilevanti tal-piż tat-taxxa u għandu jsir bil-ħsieb li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u jonqsu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għall-persuni b'diżabilità u għall-aktar persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards eżistenti tax-xogħol.
Emenda 20
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 5 – paragrafu 3
Mas-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi ħalli l-pagi jkunu jistgħu jwieġbu għall-iżviluppi fil-produttività. Għalhekk għandhom jitqiesu d-differenzi fil-ħiliet u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali kif ukoll id-diverġenzi fil-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni, is-setturi u l-kumpaniji. Meta jiġu biex jiffissaw il-pagi minimi, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom iqisu l-impatt li dawn iħallu fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività.
Politiki li jiżguraw li l-pagi jippermettu introjtu adegwat li jiggarantixxi l-għajxien jibqgħu importanti għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tnaqqis tal-faqar fl-Unjoni. Flimkien mas-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom għalhekk jirrispettaw u jinkoraġġixxu mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi ħalli l-pagi reali jkunu jistgħu jwieġbu għall-iżviluppi fil-produttività u jgħinu jikkoreġu diverġenzi tal-passat mingħajr ma jinkoraġġixxu pressjoni deflazzjonarja. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jiżguraw riżorsi suffiċjenti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi, filwaqt li jitqiesu l-indikaturi tal-faqar speċifiċi għal kull Stat Membru. Għalhekk għandhom jitqiesu d-differenzi fil-ħiliet u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali bil-għan li jiġu żgurati pagi għal għajxien deċenti madwar l-Unjoni. Meta jiġu biex jiffissaw il-pagi minimi f'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom jiżguraw l-adegwatezza tagħhom kif ukoll iqisu l-impatt li dawn iħallu fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu, l-introjtu tal-familja, id-domanda aggregata, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività.
Emenda 21
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 5 – paragrafu 3a (ġdid)
L-Istati Membri għandhom inaqqsu l-burokrazija sabiex itaffu l-piż fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, billi dawn jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għall-ħolqien tal-impjiegi.
Emenda 22
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u ħiliet rilevanti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u għandhom itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom ħalli jiżdied il-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u b’hekk din tkun tista' tantiċipa aħjar u tissodisfa l-ħtiġijiet tant flessibbli tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess għal tagħlim ta’ kwalità fost l-adulti kollha u jimplimentaw strateġiji għal xjuħija attiva ħalli tiżdied il-ħajja tax-xogħol.
L-Istati Membri għandhom jippromwovu produttività sostenibbli u impjegabbiltà ta' kwalità permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u ħiliet rilevanti, magħmula aċċessibbli u disponibbli għal kulħadd. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u s-servizzi tat-trasport li qed jiffaċċjaw jew se jiffaċċjaw nuqqas ta' persunal fit-terminu medju. L-Istati Membri għandhom jagħmlu investimenti effikaċi f'edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità għolja minn età bikrija u fis-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali u għandhom itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom ħalli jiżdiedu l-kompetenzi u l-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, filwaqt li tiżdied id-diversità tal-ħiliet, u b'hekk din tkun tista' tantiċipa aħjar u tissodisfa l-ħtiġijiet tant flessibbli tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali. Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li "ħiliet mhux tekniċi" bħall-komunikazzjoni qed isiru dejjem aktar importanti għal għadd kbir ta' impjiegi.
Emenda 23
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 1a (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ billi, fost l-oħrajn, jintroduċu korsijiet volontarji dwar l-intraprenditorija u jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' intrapriżi tal-istudenti fl-iskejjel sekondarji u fil-kulleġġi. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex ma jħallux liż-żgħażagħ jitilqu mill-iskola u biex jiżguraw tranżizzjoni bla intoppi mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħajja professjonali, biex jitjieb l-aċċess u jitneħħew l-ostakoli għal tagħlim ta' kwalità għolja għall-adulti kollha b'enfasi partikolari fuq gruppi b'riskju għoli u l-ħtiġijiet tagħhom, billi joffru taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet meta t-telf ta' impjiegi u t-tibdil fis-suq tax-xogħol ikunu jeħtieġu riintegrazzjoni attiva. Fl-istess ħin l-Istati Membri għandhom jimplimentaw strateġiji għal tixjiħ attiv biex jippermettu ħajja tax-xogħol b'saħħitha sal-età reali tal-irtirar.
Emenda 24
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 1b (ġdid)
Filwaqt li jiżguraw il-livell ta' ħiliet meħtieġ minn suq tax-xogħol li kontinwament qed jinbidel u jappoġġjaw l-edukazzjoni u t-taħriġ flimkien ma' programmi ta' edukazzjoni tul il-ħajja, l-Istati Membri għandhom iżommu f'moħħhom li l-impjiegi li jeħtieġu ftit kwalifiki huma meħtieġa wkoll u li l-opportunitajiet ta' impjieg huma aħjar għal dawk li għandhom ħafna kwalifiki milli għal dawk li għandhom kwalifiki medji jew baxxi.
Emenda 25
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 1c (ġdid)
L-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura għall-but ta' kulħadd u ta' kwalità għolja fil-bidu tat-tfulija għandu jkun prijorità għall-politiki komprensivi u l-investiment flimkien mal-appoġġ għall-familja u l-ġenituri u miżuri ta' rikonċiljazzjoni li jgħinu lill-ġenituri jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol ma' tal-familja, bħala kontribut għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għaż-żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.
Emenda 26
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 2
Għandhom jiġu indirizzati l-livelli għoljin tal-qgħad filwaqt li jkun evitat il-qgħad fit-tul. Permezz ta’ strateġiji komprensivi u li jsaħħu lil xulxin għandu jonqos l-għadd ta’ persuni qiegħda għal żmien twil, billi fost l-oħrajn jingħata appoġġ attiv speċifiku lil dawn il-persuni biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol. Anke l-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu jiġi indirizzat b’mod komprensiv billi l-istituzzjonijiet rilevanti jingħataw il-mezzi meħtieġa ħalli l-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom jimplimentawhom għalkollox u b’mod konsistenti.
Il-kwistjoni tal-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fit-tul u l-qgħad reġjonali għoli, għandha tiġi solvuta b'mod effikaċi u f'waqtu, kif ukoll evitata permezz ta' taħlita ta' miżuri min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista. Permezz ta' strateġiji komprensivi u li jsaħħu lil xulxin għandhom jiġu indirizzati l-għadd ta' persuni qiegħda għal żmien twil u l-problema ta' nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u ta' ħiliet skaduti, billi fost l-oħrajn jingħata appoġġ attiv personalizzat u bbażat fuq il-ħtiġijiet u jiġu pprovduti skemi ta' protezzjoni soċjali xierqa lil dawn il-persuni biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol b'mod infurmat u responsabbli. Anke l-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu jiġi indirizzat b’mod komprensiv permezz ta’ strateġija globali għall-impjieg taż-żgħażagħ. Din tinkludi investiment fis-setturi li jistgħu joħolqu impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ u billi l-atturi rilevanti bħas-servizzi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jingħataw il-mezzi meħtieġa ħalli l-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom jimplimentawhom għalkollox u b’mod konsistenti, iżda wkoll bl-użu rapidu tar-riżorsi min-naħa tal-Istati Membri. L-aċċess għall-finanzjament għal dawk li jagħżlu li jibdew negozju għandha tiġi ffaċilitata permezz ta' disponibbiltà usa' ta' informazzjoni, tnaqqis ta' burokrazija eċċessiva u l-possibbiltà li l-benefiċċji tal-qgħad ta' diversi xhur jiġu konvertiti f'għotja inizjali bil-quddiem wara l-preżentazzjoni ta' pjan ta' negozju u f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Emenda 27
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 2a (ġdid)
Fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki kontra l-qgħad l-Istati Membri għandhom iqisu l-inugwaljanzi lokali u reġjonali u jikkooperaw mas-servizzi pubbliċi lokali tal-impjiegi.
Emenda 28
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 3
Għandhom jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ħalli jkunu żgurati riżultati tat-tagħlim ta' kwalità filwaqt di jkun evitat u jingħeleb it-tluq bikri mill-iskola. L-Istati Membri għandhom itejbu r-riżultati tas-sistema edukattiva u jikkunsidraw sistemi ta' tagħlim doppju u t-titjib tat-taħriġ professjonali, u fl-istess waqt iżidu l-opportunitajiet biex il-ħiliet miksuba jiġu rikonoxxuti 'l barra mis-sistema tal-edukazzjoni formali.
Għandhom jiġu indirizzati d-dgħjufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ħalli jkunu żgurati riżultati fit-tagħlim ta' kwalità filwaqt li jkun evitat u jingħeleb it-tluq bikri mill-iskola, u ssir promozzjoni favur edukazzjoni komprensiva u ta' kwalità għolja mil-livell l-aktar bażiku tagħha. Dan jeħtieġ sistemi edukattivi flessibbli b'enfasi fuq il-prattika. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom itejbu l-kwalità tar-riżultati tas-sistema edukattiva billi jagħmluha aċċessibbli għal kulħadd, jistabbilixxu u jtejbu s-sistemi ta' tagħlim doppju, adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, bit-titjib tat-taħriġ professjonali u ta' oqfsa eżistenti bħall-Europass, filwaqt li jiżguraw, fejn ikun hemm bżonn, taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba barra s-sistema edukattiva formali. Ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol għandhom jissaħħu, filwaqt li jiġi żgurat li l-edukazzjoni tkun wiesgħa biżżejjed biex tipprovdi lin-nies b'bażi solida għall-impjegabbiltà tul il-ħajja.
Emenda 29
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 3a (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw aħjar is-sistemi tat-taħriġ tagħhom mas-suq tax-xogħol sabiex itejbu t-tranżizzjoni bejn it-taħriġ u d-dinja tax-xogħol. L-impjiegi ekoloġiċi u s-settur tal-kura tas-saħħa huma partikolarment essenzjali fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u f'termini ta' teknoloġiji ġodda.
Emenda 30
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 4
Għandhom jonqsu l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol l-aktar għan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltà u l-migranti legali. Fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu żgurati l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż b’paga ugwali, u l-aċċess għal servizzi ta’ edukazzjoni u kura ta’ kwalità fil-bidu tat-tfulija.
Jeħtieġ tonqos aktar id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol kif ukoll fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-aktar għall-gruppi li jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew esklużjoni, bħan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-migranti legali. Fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu żgurati l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż b’paga ugwali, u l-aċċess għal servizzi ta’ edukazzjoni u kura ta’ kwalità u għall-but ta' kulħadd fil-bidu tat-tfulija kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa biex tiġi evitata l-esklużjoni ta' dawk b'waqfiet fil-karriera tagħhom minħabba responsabbiltajiet familjari bħal dawk li jieħdu ħsieb il-familja. Għalhekk, id-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet għandha tiġi żblukkata mill-Istati Membri.
Emenda 31
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 4a (ġdid)
F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom iqisu l-fatt li r-rati ta' żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) huma ogħla għan-nisa milli għall-irġiel u li l-fenomenu tan-NEET jeżisti primarjament minħabba żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ iżda wkoll minħabba inattività mhux marbuta mal-edukazzjoni.
Emenda 32
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 5
L-Istati Membri għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta’ appoġġ li għandha l-Unjoni biex itejbu l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ, effikaċi u effiċjenti mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta’ appoġġ li għandha l-Unjoni biex jiġġieldu l-faqar u jtejbu l-impjiegi ta' kwalità, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-pjattaformi ta' investiment tiegħu għandhom ikunu wkoll mobilizzati sabiex jiġi żgurat li jinħolqu impjiegi ta' kwalità u li l-ħaddiema jingħataw il-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli.
Emenda 33
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom inaqqsu s-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol. Għandhom isiru regoli li jħarsu x-xogħol u l-istituzzjonijiet ħalli jinħoloq ambjent xieraq għar-reklutaġġ filwaqt li dawn ikunu joffru livelli xierqa ta' protezzjoni lil min jaħdem u lil min qed ifittex jew jaħdem b'kuntratt temporanju jew b'kuntratt tax-xogħol indipendenti. Għandhom ikunu żgurati impjiegi ta’ kwalità, u dan mil-lat sigurtà soċjoekonomika, opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, kundizzjonijiet tax-xogħol (inkluża s-saħħa u s-sikurezza) u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.
L-Istati Membri għandhom inaqqsu s-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jindirizzaw l-impjiegi prekarji, is-sottoimpjieg, ix-xogħol mhux iddikjarat u l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol. Għandhom isiru regoli li jħarsu x-xogħol u l-istituzzjonijiet ħalli jinħoloq ambjent xieraq għar-reklutaġġ filwaqt li dawn ikunu joffru livelli xierqa ta' protezzjoni lil min jaħdem u lil min qed ifittex jew jaħdem b'kuntratt temporanju, part-time jew atipiku jew b'kuntratt tax-xogħol indipendenti, billi jinvolvu b'mod attiv lill-partijiet soċjali u jippromwovu n-negozjar kollettiv. Għandhom ikunu żgurati impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd, u dan mil-lat ta' sigurtà soċjoekonomika, durabbiltà, salarji adegwati, drittijiet fuq ix-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti (inkluż mill-perspettiva tas-saħħa u s-sikurezza), il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, edukazzjoni u opportunitajiet ta' taħriġ. Għalhekk hemm bżonn li ssir promozzjoni għad-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, ir-riintegrazzjoni ta' persuni qiegħda għal żmien twil u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, bil-forniment ta' kura bi prezz raġonevoli u bl-immodernizzar tal-organizzazzjoni tax-xogħol. Għandha ssir promozzjoni favur il-konverġenza ’l fuq fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni kollha.
Emenda 34
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 1a (ġdid)
L-aċċess għas-suq tax-xogħol għandu jiffaċilita l-intraprenditorija, il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fis-setturi kollha, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi, u l-kura soċjali u l-innovazzjoni, sabiex isir l-aħjar użu mill-ħiliet tal-persuni, jitrawwem l-iżvilupp tul il-ħajja tagħhom u titħeġġeġ l-innovazzjoni mmexxija mill-impjegati.
Emenda 35
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 2
Filwaqt li jibqgħu konformi mal-prattiki nazzjonali, meta jkunu qed ifasslu u jwettqu riformi u politiki rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali u lis-sħab soċjali, u għandhom jappoġġaw it-titjib tal-funzjonament u l-effettività tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali.
Filwaqt li jibqgħu konformi mal-prinċipju ta' sħubija u mal-prattiki nazzjonali, meta jkunu qed ifasslu u jwettqu riformi u politiki rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali, lis-sħab soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u għandhom jappoġġjaw it-titjib tal-funzjonament u l-effikaċja tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, b'mod speċjali f'dawk il-pajjiżi bl-ikbar problemi ta' devalwazzjoni tal-pagi minħabba d-deregolamentazzjoni reċenti tas-swieq tax-xogħol u d-dgħufija tan-negozjar kollettiv.
Emenda 36
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 3
L-Istati Membri għandhom isaħħu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom aktar immirati, jilħqu aktar ’il bogħod, aktar mifruxin, u jinteraġġixxu aktar ma’ miżuri passivi. Billi jipprovdu servizzi pubbliċi tal-impjiegi li jagħtu appoġġ individwalizzat u billi jinħolqu sistemi li jkejlu l-prestazzjoni, dawn il-politiki għandhom jimmiraw li jtejbu t-tqabbil fis-suq tax-xogħol u jgħinu għal tranżizzjonijiet sostenibbli fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li b'mod effettiv, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom jattivaw u jagħmluha possibbli biex kull min jista', jieħu sehem fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jipproteġu lil dawk li (temporanjament) huma esklużi mis-swieq tax-xogħol u/jew ma jistgħux jieħdu sehem fihom, u jħejju lill-individwi għal riskji potenzjali, billi jinvestu fil-kapital uman. L-Istati Membri għandhom jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi miftuħa għal kulħadd u jistabbilixxu miżuri effettivi kontra d-diskriminazzjoni.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw standards ta' kwalità bażiċi għall-politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jtejbu l-livell ta' kemm ikunu mmirati, kemm jilħqu ’l bogħod, kemm ikunu mifruxin, u kemm jinteraġixxu ma’ miżuri ta’ appoġġ bħas-sigurtà soċjali. Billi jipprovdu servizzi pubbliċi tal-impjiegi kwalifikati ħafna li jagħtu appoġġ individwalizzat u billi jinħolqu sistemi li jkejlu l-prestazzjoni, dawn il-politiki għandhom jimmiraw li jtejbu l-aċċess għas-suq tax-xogħol, isaħħu n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali u jgħinu għal tranżizzjonijiet sostenibbli fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li b’mod effettiv, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom jattivaw u jagħmluha possibbli biex kull min jista’, jieħu sehem fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jipproteġu lil dawk li (temporanjament) huma esklużi mis-swieq tax-xogħol u/jew ma jistgħux jieħdu sehem fihom, u jħejju lill-individwi għal riskji potenzjali u kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali varjabbli, billi jinvestu fil-kapital uman. L-Istati Membri għandhom jintroduċu, bħala waħda mill-miżuri possibbli biex biha jitnaqqas il-faqar u f'konformità mal-prattika nazzjonali, introjtu minimu proporzjonali għas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika tagħhom. L-Istati Membri għandhom jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi miftuħa għal kulħadd u jistabbilixxu miżuri effikaċi kontra d-diskriminazzjoni.
Emenda 37
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 4
Għandha tkun żgurata l-mobbiltà tal-ħaddiema ħalli jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta’ suq tax-xogħol Ewropew, u fost l-oħrajn dan jista’ jsir billi jissaħħu t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jilqgħu għall-abbuż tar-regoli eżistenti.
Għandha tkun żgurata l-mobilità tal-ħaddiema bħala dritt fundamentali u kwistjoni ta' għażla ħielsa ħalli jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, u fost l-oħrajn dan jista’ jsir billi jissaħħu t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u r-rikonoxximent effettiv tal-kwalifiki u l-ħiliet u l-eliminazzjoni tal-burokrazija u ta' ostakli eżistenti oħrajn. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jegħlbu l-ostakli tal-lingwa, u b'hekk itejbu s-sistemi ta' taħriġ f'dan il-qasam. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu użu adatt min-netwerk tal-EURES sabiex jinkoraġġixxu l-mobilità tal-ħaddiema. Għandu jiġi promoss l-investiment fir-reġjuni li qed jesperjenzaw flussi ta' ħruġ ta' xogħol għall-mitigazzjoni tal-eżodu ta' mħuħ u biex il-ħaddiema mobbli jitħeġġu jerġgħu lura.
Emenda 38
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7a (ġdida) – titolu
Intejbu l-kwalità u l-prestazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fil-livelli kollha
Emenda 39
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7a (ġdida)
L-Istati Membri għandhom jagħmlu prijorità l-aċċess għas-servizzi ta' kura u edukazzjoni ta' kwalità għall-but ta' kulħadd sa mill-bidu tat-tfulija, minħabba li t-tnejn huma miżuri ta' appoġġ importanti għall-atturi tas-suq tax-xogħol u jikkontribwixxu għaż-żieda fir-rata tal-impjiegi globali filwaqt li jappoġġjaw l-individwi fir-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu politiki komprensivi u investimenti meħtieġa biex jitjieb l-appoġġ għall-familja u l-ġenituri u miżuri ta' rikonċiljazzjoni li jgħinu lill-ġenituri jsibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, bħala kontribut għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għaż-żieda fl-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.
Emenda 40
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – titolu
Niżguraw l-imparzjalità, nitħabtu kontra l-faqar u nippromwovu l-opportunitajiet indaqs
Niżguraw il-ġustizzja soċjali, nitħabtu kontra l-faqar u nippromwovu l-opportunitajiet indaqs
Emenda 41
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom ħalli jagħtu protezzjoni effettiva, effiċjenti u adegwata f’kull skaluna tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jkunu jiżguraw il-ġustizzja u jindirizzaw l-inugwaljanzi. Hemm bżonn politiki soċjali simplifikati u aktar immirati li jkunu kumplimentati b’kura tat-tfal u edukazzjoni ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd, taħriġ u għajnuna fl-impjiegi, appoġġ għall-akkomodazzjoni u kura tas-saħħa aċċessibbli, hemm bżonn aċċess għal servizzi bażiċi bħal kont bankarju u internet u azzjoni biex ikun evitat it-tluq bikri mill-iskola u tingħeleb l-esklużjoni soċjali.
L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom itejbu s-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom billi jiżguraw standards bażiċi ħalli jagħtu protezzjoni effikaċi, effiċjenti u sostenibbli f’kull stadju tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jiżguraw ħajja dinjituża, solidarjetà, aċċess għall-protezzjoni soċjali, rispett sħiħ tad-drittijiet soċjali, ġustizzja u jindirizzaw l-inugwaljanzi kif ukoll jiżguraw l-inklużjoni sabiex jeliminaw il-faqar, b'mod partikolari għall-persuni li huma esklużi mis-suq tax-xogħol u għall-gruppi aktar vulnerabbli. Hemm bżonn politiki soċjali simplifikati, aktar immirati u aktar ambizzjużi, inkluż permezz ta' kura tat-tfal u edukazzjoni ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd, taħriġ effikaċi u għajnuna fl-impjiegi, appoġġ għall-akkomodazzjoni u kura tas-saħħa ta' kwalità għolja aċċessibbli għal kulħadd, aċċess għal servizzi bażiċi bħal kontijiet bankarji u l-internet u azzjoni biex ikun evitat it-tluq bikri mill-iskola u jingħelbu l-faqar estrem, l-esklużjoni soċjali u, b'mod aktar ġenerali, kull forma ta' faqar. B'mod partikolari għandu jiġi indirizzat b'mod deċiżiv il-faqar fost it-tfal.
Emenda 42
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 2
Għal dak il-għan għandhom jintużaw bosta strumenti varji iżda b’mod komplementari, fosthom servizzi ta’ għajnuna u attivazzjoni tax-xogħol u appoġġ għad-dħul li jkunu maħsuba skont il-ħtiġijiet individwali. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jitfasslu b’tali mod li kull persuna intitolata għalihom issibha faċli tużahom, b’tali mod li jkunu jappoġġjaw l-investiment fil-kapital uman, u jkunu jgħinu biex ikun evitat il-faqar, biex dan jonqos u biex iċ-ċittadini jitħarsu minnu.
Għal dak il-għan għandhom jintużaw bosta strumenti varji iżda b’mod komplementari, fosthom servizzi ta’ għajnuna u attivazzjoni tax-xogħol u appoġġ għall-introjtu li jkunu maħsuba skont il-ħtiġijiet individwali. F'dan ir-rigward, hija kompetenza ta' kull Stat Membru li jiffissa livelli ta' introjtu minimu f'konformità mal-prattika nazzjonali u b'mod proporzjonali mas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika fl-Istat Membru partikolari. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jitfasslu b’tali mod li kull persuna, mingħajr ebda diskriminazzjoni, issibha faċli biex tikseb aċċess għalihom u tużahom, b’tali mod li jkunu jappoġġjaw l-investiment fil-kapital uman, u jkunu jgħinu biex ikun evitat il-faqar, biex dan jonqos u biex iċ-ċittadini jitħarsu minnu u mill-esklużjoni soċjali kif ukoll minn riskji oħrajn bħal tnaqqis fis-saħħa jew telf ta' impjieg. Għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq it-tfal li jgħixu fil-faqar minħabba l-qgħad fit-tul tal-ġenituri tagħhom.
Emenda 43
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 3
Għandha ssir riforma fis-sistemi tal-pensjonijiet ħalli jkunu żgurati s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tagħhom għan-nisa u għall-irġiel fil-kuntest taż-żieda fil-lonġetività u tal-bidla demografika, fosthom billi jintrabtu l-etajiet statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor, billi jiżdiedu l-etajiet tal-irtirar effettivi, u billi jinħoloq tfaddil tal-irtirar kumplimentari.
Is-sistemi tal-pensjonijiet għandhom ikunu strutturati b'mod li s-sostenibbiltà, is-sikurezza u l-adegwatezza tagħhom għan-nisa u l-irġiel tkun iggarantita permezz tat-tisħiħ ta' skemi tal-irtirar li jimmiraw għal introjtu ta' rtirar deċenti li tal-inqas jaqbeż is-soll tal-faqar. Is-sistemi tal-pensjonijiet għandhom jipprevedu l-konsolidazzjoni, l-iżvilupp ulterjuri u t-titjib tat-tliet pilastri tas-sistemi ta' tfaddil għall-irtirar. Il-ħolqien ta' rabta bejn l-età tal-irtirar u l-istennija tal-għomor mhijiex l-uniku strument li permezz tiegħu tista' tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ. Ir-riformi tas-sistemi tal-pensjoni għandhom ukoll, fost l-oħrajn, jirriflettu x-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rata tat-twelid, is-sitwazzjoni demografika, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija. L-aqwa mod biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ huwa li tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjiegi, abbażi ta', fost l-oħrajn, investimenti soċjali f'tixjiħ attiv.
Emenda 44
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 4
L-Istati Membri għandhom itejbu l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kura tas-saħħa u s-sistemi tal-kura fit-tul filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fiskali.
L-Istati Membri għandhom itejbu l-kwalità, l-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kura tas-saħħa u s-sistemi tal-kura fit-tul u s-servizzi soċjali kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-setturi relatati, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà finanzjarja ta' dawn is-sistemi bit-titjib tal-finanzjament ibbażat fuq is-solidarjetà konformi mal-ġustizzja soċjali.
Emenda 45
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 4a (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta' appoġġ li għandha l-Unjoni fil-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, biex itejbu l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jtejbu l-amministrazzjoni pubblika.
Emenda 46
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja Gwida 8 – paragrafu 4b (ġdid)
L-objettiv tal-miri ewlenin ta' Ewropa 2020, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom, skont il-pożizzjonijiet inizjali u ċ-ċirkustanzi nazzjonali relattivi tagħhom, huwa li r-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 tiżdied għal 75 % sal- 2020; li r-rata ta' tluq bikri mill-iskola titnaqqas għal inqas minn 10 %; li s-sehem ta' dawk ta' bejn it-30 u l-34 sena li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti jiżdied għal mill-inqas 40 %. u li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, bil-għan li mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu mir-riskju ta' faqar u esklużjoni1a.
__________________
Il-popolazzjoni hija definita bħala l-għadd ta' persuni li huma f'riskju ta' faqar u esklużjoni skont tliet indikaturi (f'riskju ta' faqar; privazzjoni materjali; familji mingħajr impjieg), li jħalli lill-Istati Membri liberi li jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom abbażi tal-indikaturi l-aktar adatti, skont iċ-ċirkustanzi u l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom.
Avviż legali - Politika tal-privatezza