Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2238(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0204/2015

Testi mressqa :

A8-0204/2015

Dibattiti :

PV 07/07/2015 - 15
CRE 07/07/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2015 - 4.13
CRE 08/07/2015 - 4.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0264

Testi adottati
PDF 423kWORD 161k
L-Erbgħa, 8 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Inzjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi
P8_TA(2015)0264A8-0204/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi (2014/2238(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi” (COM(2014)0446),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs” (COM(2014)0440),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta’ skart żero għall-Ewropa” (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta’ impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku” (SWD(2012)0092),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2010 dwar “Politiki dwar impjiegi għal ekonomija kompetittiva, b’livell baxx ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġika”,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta’ azzjoni ekoloġiku għall-SMEs u l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi”,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD/Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali tal-2014 dwar “Impjiegi u Ħiliet aktar Ekoloġiċi, Studji tal-OECD dwar it-Tkabbir Ekoloġiku”,

–  wara li kkunsidra l-Analiżi tal-Osservatorju Ewropew tal-Impjieg ta’ April 2013 dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ekoloġiċi matul il-kriżi: manwal tal-aħjar prattiki fl-Ewropa 2013”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2011 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol/Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali dwar “Ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi: viżjoni globali: rapport ta’ sinteżi bbażat fuq studju ta’ 21 pajjiż”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali dwar “Ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi - rapport ta’ sinteżi Ewropew”,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Eurofound dwar ir-Relazzjonijiet u s-Sostenibbiltà Industrijali: ir-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika (2011), l-Ekoloġizzazzjoni tal-Ekonomija Ewropea: risponsi u inizjattivi mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali (2009), u l-Ekoloġizzazzjoni tal-Industriji fl-UE: nantiċipaw u nimmaniġġjaw l-effetti fuq il-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi (2013),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-OECD, CFE-LEED tat-8 ta’ Frar 2010 dwar “Impjiegi u ħiliet ekoloġiċi: l-implikazzjonijiet tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima għas-suq tax-xogħol lokali”,

–  wara li kkunsidra d-definizzjoni ta’ impjieg ekoloġiku mill-ILO u l-UNEP bħala kwalunkwe impjieg diċenti li jikkontribwixxi għall-ippreservar jew ir-restawr tal-kwalità tal-ambjent, kemm fl-agrikoltura, l-industrija, is-servizzi u l-amministrazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar l-Ekoinnovazzjoni – impjiegi u tkabbir permezz tal-politika ambjentali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ ekonomija sostenibbli ġdida(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0204/2015),

A.  billi x-xejriet globali bħall-użu ineffiċjenti tar-riżorsi, il-pressjoni mhux sostenibbli fuq l-ambjent, u t-tibdil fil-klima jinsabu qrib limiti li, ladarba jinqabżu, ma jistgħux jiġu evitati l-impatti irreversibbli fuq is-soċjetajiet tagħna u l-ambjent naturali, u l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi dejjem jikbru huma sfida għas-soċjetatjiet;

B.  billi r-rapport tal-2015 tal-Aġenzija Ambjentali Ewropea enfasizza li l-miżuri attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu għanijiet relatati mal-konservazzjoni tal-bijodiversità, it-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-evitar tal-impatt tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u dik tal-ambjent;

C.  billi n-nuqqas ta’ rispons ta’ politika koerenti biex jiġu ttrattati dawn l-isfidi komuni jwassal għar-riskju li ma tiġix sfruttata parti sinifikanti mill-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli ta’ tranżizzjoni ekoloġika u soċjalment inklużiva;

D.  billi b’rispons għal dawn it-theddidiet, qed naraw l-iżvilupp ta’ setturi ġodda, bidliet fi ħdan ħafna setturi oħrajn u tnaqqis f’xi setturi, bħal dawk li jniġġsu b’mod qawwi; billi hemm il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq l-innovazzjoni u fuq modi biex jitnaqqas it-tniġġis; billi, fir-rigward ta’ xi setturi li sejrin lura, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-forza tax-xogħol f’termini ta’ taħriġ mill-ġdid u impjiegi alternattivi; billi l-investimenti f’dawk l-oqsma li ngħataw prijorità fl-aġenda tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi Ekoloġiċi, inklużi r-riċiklaġġ, il-bijodiversità, l-effiċjenza enerġetika, il-kwalità tal-arja u t-teknoloġiji kollha tal-enerġija rinnovabbli bħalma huma l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, għandhom il-potenzjal li jtejbu b’mod sinifikanti l-ħolqien tal-impjiegi, anke f’żoni skarsament popolati;

E.  billi, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, is-settur tal-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi kiber b’aktar minn 50 % bejn l-2000 u l-2011, u ġġenera aktar minn 1.3 miljun impjieg u billi, skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, ekonomija tal-enerġija rinnovabbli se toħloq 20 miljun impjieg ġdid fl-Ewropa sal-2020; billi politika tal-UE ambizzjuża u koerenti u l-investiment fl-enerġiji rinnovabbli, il-ġestjoni tal-foresti, l-agrikoltura sostenibbli u l-ħarsien tal-ħamrija (biex tiġi evitata u miġġielda l-instabbiltà idroloġika) għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta sinifikanti lill-ħolqien tal-impjiegi;

F.  billi l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli huwa mnaqqax fit-Trattat ta’ Lisbona, u l-infurzar ta’ dan jimplika li l-kwistjonijiet ambjentali jiġu ttrattati fl-istess livell bħal dawk ekonomiċi u soċjali;

G.  billi l-istrateġija UE2020 għall-promozzjoni tal-ekonomiji intelliġenti, sostenibbli u inklużivi tirrikonoxxi r-rwol ewlieni ta' tranżizzjoni lejn ekonomiji ekoloġiċi u soċjalment ġusti;

H.  billi r-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol qed jimpedixxu l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE jista’ jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-impjiegi tal-Ewropa 2020;

I.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom, fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Cancun fl-2010, biex jiżguraw “tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol li toħloq xogħol diċenti u impjiegi ta’ kwalità”; billi tranżizzjoni ġusta għal kulħadd lejn ekonomija ambjentalment sostenibbli teħtieġ li tiġi ġestita sew biex tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ impjieg fit-tul u sostenibbli għal kulħadd – inklużi, iżda mhux limitat għal, impjiegi kwalifikati ħafna – l-inklużjoni soċjali u l-eradikazzjoni tal-faqar;

J.  billi l-ħames pilastri ta’ “Tranżizzjoni ġusta” jinkludu: konsultazzjoni/vuċi tat-trade unions; investiment f'impjiegi ekoloġiċi u diċenti; ħiliet ekoloġiċi; rispett għad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem; u protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u l-komunitajiet li jkunu fuq quddiem nett fit-tranżizzjoni minn livell għoli għal livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

K.  billi parteċipazzjoni qawwija mill-ħaddiema fit-tranżizzjoni hija essenzjali bl-għan li tiżdied il-kuxjenza ambjentali u jkun hemm fehim tal-ħtieġa għal effiċjenza fir-riżorsi u li jitnaqqas l-impatt tagħna fuq l-ambjent;

L.  billi l-potenzjal għat-tkabbir fl-impjiegi ekoloġiċi huwa mfixkel minn nuqqas fil-ħiliet u skwilibriju kkawżati minn numru ta’ fatturi, inklużi l-varjabbiltà fil-kurrikulu fir-rigward tas-sostenibbiltà, it-tnaqqis li ġie identifikat f’setturi partikolari, in-nuqqas ta’ studenti bil-ħiliet STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) u tal-IT meħtieġa, u konċentrazzjoni tal-ġeneru f’xi setturi minflok ugwaljanza bejn il-ġeneri;

M.  billi hemm evidenza li l-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi u l-iżvilupp tal-katina tal-provvista permezz ta' strateġija industrijali ċara, kif ukoll it-trasferimetn tat-taxxa minn fuq ix-xogħol lejn sorsi oħra, għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt pożittiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi;

N.  billi l-Ewropa tinsab f’kompetizzjoni globali, u l-ispejjeż affordabbli tal-enerġija, il-kompletar tas-suq intern tal-UE u ambjent imtejjeb tal-investiment għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi għandhom rwol deċiżiv;

O.  billi ċerti setturi, bħar-rinnovament tal-bini b’mod effiċjenti fl-enerġija, huma speċifiċi għas-sit u ma jistgħux jiġu offshored jew jiġu rilokati;

P.  billi l-inċertezza u n-nuqqas ta’ koerenza fid-direzzjoni politika u n-nuqqas ta’ objettivi ċari jfixklu l-investiment, l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-R&Ż u għalhekk ifixklu l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ impjieg;

Q.  billi kuxjenza soċjetarja akbar dwar l-importanza tal-ħtieġa għal ekonomija ekoloġika ttejjeb il-possibilitajiet ta’ impjieg;

R.  billi objettivi ċari, fissi, fuq perjodu ta’ żmien medju sa perjodu ta’ żmien fit-tul, inklużi l-miri tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u t-tniġġis, jistgħu jkunu muturi importanti għall-bidla, u billi r-regolamentazzjoni tal-UE wkoll għandha rwol importanti f’dan ir-rigward; billi investiment immirat, anke fl-iżvilupp tal-katini ta’ provvista fi ħdan l-UE, li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi għandu jiġi minn, u jkun konsistenti ma’, qafas ta’ politika ċar;

S.  billi s-settur pubbliku u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom rwol importanti fil-faċilitazzjoni tat-tranżizzjonijiet lejn ekonomija ekoloġika u l-ħolqien ta’ swieq tax-xogħol inklużivi;

T.  billi l-Ekotikketta, l-EMAS, l-APE u skemi simili jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

U.  billi l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju huma wieħed mill-ikbar ġeneraturi ta’ impjiegi fl-UE, jirrappreżentaw konsiderevolment aktar minn 80 % tal-impjiegi kollha u kienu minn ta’ quddiem f’ħafna setturi “ekoloġiċ”, iżda jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet partikolari biex jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa u fit-twettiq tal-potenzjal ta’ impjiegi;

V.  billi l-Linji Gwida Integrati huma aspett ewlieni tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjieg tal-Istati Membri u jiffurmaw il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u billi għandhom isejsu l-objettivi tal-Ewropa 2020, notevolment l-objettiv tal-impjiegi, inter alia billi jippromwovu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità anke permezz tal-impjiegi ekoloġiċi;

W.  billi jeħtieġ li n-nisa jibbenefikaw bl-istess mod mill-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi adatti, u jeħtieġ li s-"saqaf tal-ħġieġ" jinkiser;

X.  billi n-nisa jintlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kriżi u mill-politiki ta' awsterità, u billi l-impjiegi ekoloġiċi taw prova ta' iktar reżistenza għall-kriżijiet minn tipi oħra ta' impjieg;

Y.  billi setturi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju aktarx ikollhom produttività tax-xogħol ogħla, u l-ishma tal-pagi kellhom inqas tnaqqis f’dawn is-setturi milli fl-iktar 15-il industrija li jniġġsu;

Z.  billi d-data tal-Ewrobarometru dwar xogħol ekoloġiku fl-SMEs turi li l-iffrankar tal-enerġija, it-tnaqqis tal-iskart u t-tnaqqis tal-użu ta’ materja prima huma miżuri li saru ekonomikament vantaġġjużi;

Lejn ekonomija ekoloġika – l-opportunitajiet għas-suq tax-xogħol

1.  Jenfasizza li tranżizzjoni lejn soċjetajiet u ekonomiji sostenibbli, inklużi mudelli sostenibbli ta’ konsum u produzzjoni, tiġġenera l-potenzjal kemm biex jinħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità kif ukoll biex l-impjiegi eżistenti jiġu ttrasformati f’impjiegi ekoloġiċi kważi fis-setturi kollha u fil-katina tal-valur kollha; mir-riċerka sal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-forniment ta’ servizz, u f’setturi ta’ teknoloġija avvanzata ekoloġika ġdida bħalma huma l-enerġiji rinovabbli kif ukoll l-industriji tradizzjonali bħalma huma dik tal-manifattura u tal-kostruzzjoni, jew l-agrikoltura u s-sajd, jew is-setturi tas-servizzi bħat-turiżmu, il-forniment tal-ikel, it-trasport u l-edukazzjoni; jenfasizza, fl-istess ħin, li minbarra li joħloq għadd kbir ta’ impjiegi, l-investiment fl-enerġiji rinnovabbli u fl-użu effiċjenti tal-enerġija jikkontribwixxi għaż-żamma tal-kompetittività ekonomika u industrijali tal-Ewropa u għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija;

2.  Jenfasizza li żewġ terzi tas-servizzi pprovduti min-natura, inklużi l-art għammiela u l-ilma u l-arja nodfa, qegħdin jonqsu, u t-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità huma qrib il-limiti li jekk jinqabżu ma jkunux jistgħu jiġu evitati impatti irriversibbli fuq is-soċjetajiet tagħna u l-ambjent naturali;

3.  Jirrimarka li t-tkabbir ekonomiku kontinwu huwa possibbli biss jekk jittieħed kont tal-limitazzjonijiet tal-ambjent; jenfasizza l-fatt, f'dan il-kuntest, li ekonomija ekoloġika u ċirkolari tista' tipprovdi soluzzjonijiet għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija u għas-soċjetà b'mod ġenerali;

4.  Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali, kif ukoll it-titjib tal-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza politika bejn il-politiki settorjali differenti fl-UE, huma essenzjali għal mobilizzazzjoni sħiħa tal-potenzjal marbuta mal-ekonomija ekoloġika u għalhekk għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

5.  Jinnota li fir-rapport tagħha tal-2015, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tirrimarka li l-miżuri attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-konservazzjoni tal-bijodiversità, it-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-evitar tal-impatt tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-ambjent;

6.  Jinnota li t-tranżizzjoni għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq impjiegi lokali li ma jistgħux jiġu rilokati, u f’oqsma li ma jistgħux jiġu offshored, u f'setturi milquta mill-kriżi bħas-settur tal-kostruzzjoni; jinnota li hemm evidenza qawwija li t-tranżizzjoni ekoloġika, fl-aħħar mill-aħħar, se jkollha impatt pożittiv fuq l-impjiegi, u dan jirrifletti l-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli bħall-iffrankar tal-enerġija jew il-biedja organika jirrikjedu aktar ħaddiema mill-attivitajiet li qegħdin jissostitwixxu u jista' jkollhom il-potenzjal li jippermettu lil reġjuni jsiru aktar awtosuffiċjenti;

7.  Iqis li għandha tiġi adottata definizzjoni miftiehma ta’ “impjiegi ekoloġiċi”, ibbażata fuq dik tal-ILO u tal-Konferenza Internazzjonali tal-Esperti tal-Istatistika;

Tranżizzjoni ġusta u ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità

8.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li r-ristrutturar għandu jitwettaq b’mod soċjalment responsabbli, filwaqt li fl-istess ħin tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ ristrutturar u innovazzjoni tal-kumpaniji;

9.  Jemmen li huwa kruċjali, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal nett tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika, li l-forza tax-xogħol eżistenti tagħna tiġi pprovduta bl-opportunitajiet xierqa biex tikseb il-ħiliet ġodda meħtieġa għall-ekonomija ċirkolari;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu politiki għas-sigurtà u r-riabilitazzjoni tal-bini pubbliku biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqas il-konsum;

11.  Jistieden lill-Istati Membri, u fejn xieraq il-Kummissjoni, biex jimpenjaw ruħhom favur ‘pjan direzzjonali ta’ tranżizzjoni ġusta” biex jilħqu miri ambjentali ambizzjużi bil-promozzjoni tal-aspetti li ġejjin: protezzjoni soċjali u remunerazzjoni xierqa, impjiegi fit-tul u kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u sani, investiment immexxi mill-gvern fi programmi ta' edukazzjoni, taħriġ u ħiliet, ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol u t-tisħiħ tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp sostenibbli, u rappreżentanza effettiva tal-forza tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jippruvaw jilħqu dawn l-għanijiet;

12.  Ifakkar li l-Istrateġija riveduta tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza għandha tikkunsidra żviluppi speċifiċi f'setturi ġodda meta xieraq;

13.  Jenfasizza li l-antiċipazzjoni tal-bidla fl-impjieg teħtieġ ġestjoni proattiva ta’ trasformazzjoni u ġbir aħjar ta’ data ta’ kwalità għolja dwar il-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, bl-involviment ta’ istituzzjonijiet Ewropej ta’ edukazzjoni għolja, u li l-ippjanar fit-tul huwa essenzjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni effettiva u żieda fl-impjiegi; jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika fl-edukazzjoni, l-infrastruttura, l-appoġġ għan-negozji lokali u l-ħolqien ta’ impjiegi stabbli b’salarji regolati mill-ftehimiet kollettivi jew mezzi oħra permessi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi d-djalogu soċjali huwa element essenzjali tal-ġestjoni tat-trasformazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-imsieħba soċjali biex jassumu r-responsabbiltà tagħhom u jittrattaw din l-isfida kollettivament, filwaqt li jqisu l-prinċipju ta' sussidjarjetà;

14.  Jinnota li r-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tranżizzjoni lejn l-impjiegi ekoloġiċi beda jiżdied b’mod gradwali fis-snin li għaddew, iżda jfakkar li għandu jsir iktar biex jinbena djalogu soċjali dejjiemi u sostenibbli li jista’ jgħin sabiex jiġu ssodisfati l-isfidi li ġġib magħha l-bidla lejn ekonomija kompetittiva, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta’ karbonju u effiċjenti fir-riżorsi;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-gvernijiet nazzjonali fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali settorjali, speċjalment fl-industriji ekoloġiċi ġodda emerġenti, u anke fl-iżgurar tal-inklużjoni tal-SMEs;

16.  Jinnota li xi reġjuni qed jiffaċċjaw aktar sfidi minn oħrajn minħabba l-konċentrazzjoni ġeografika tal-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi u ta’ industriji li jniġġsu, jew ta’ livelli għoljin ta’ faqar jew qgħad; jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali u reġjonali appoġġjati mill-Unjoni Ewropea biex jikkollaboraw mal-imsieħba soċjali u b’mod kollettiv jimplimentaw biss pjanijiet direzzjonali ta’ tranżizzjoni ġusti, inklużi mekkaniżmi ta’ solidarjetà għal tranżizzjoni ekoloġika soċjalment ġusta tal-ekonomiji lokali u reġjonali, filwaqt li jappoġġaw il-komunitajiet u l-ħaddiema affettwati mill-bidla u b’hekk inaqqsu l-insigurtà minħabba ċ-ċaqliq tal-impjiegi u jiżguraw li t-talbiet għal ħiliet ġodda tax-xogħol jiġu ssodisfati;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet lokali jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tat-tkabbir tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika u aktar impjiegi diċenti u inklużivi permezz ta’:

   investiment ekoloġiku,
   l-isfruttament tas-saħħa tal-akkwist pubbliku, inkluż l-użu tal-klawżoli soċjali u ambjentali fl-akkwist pubbliku,
   il-ħolqien ta’ sħubijiet, fosthom mal-istituzzjonijiet tat-taħriġ, biex jitjieb it-tqabbil bejn l-impjiegi u l-ħiliet fis-swieq tax-xogħol lokali,
   l-appoġġ kemm għall-SMEs ekoloġiċi kif ukoll għall-ekoloġizzazzjoni tal-SMEs,
   l-istabbiliment ta’ programmi ta’ impjieg ekoloġiċi inklużivi li jiżguraw li l-gruppi vulnerabbli jikkapitalizzaw ukoll fuq it-tkabbir ekoloġiku;

18.  Jinnota l-evidenza li tenfasizza l-importanza tal-involviment tal-maniġment mal-forza tax-xogħol biex tiġi żgurata parteċipazzjoni sostanzjali minnhom fil-kisba ta’ dawn il-bidliet permezz ta’ sħubija soċjali; jirrakkomanda l-involviment ta’ “rappreżentanti ekoloġiċi” tat-trade unions li jaħdmu mal-impjegaturi dwar it-tisħiħ tal-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija u ż-żieda tas-sostenibilità fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ immirat għall-inizjattivi konġunti bejn il-ħaddiema u l-impjegaturi għall-ekoloġizzazzjoni tal-industriji;

19.  Iqis li għandhom jiġu żviluppati proġetti pilota b'appoġġ għal xi wħud minn dawn l-objettivi;

20.  Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tuża l-Iskemi Mmirati ta’ Mobbiltà fil-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) biex tippromwovi l-mobbiltà tax-xogħol għal min ifittex impjieg;

Ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi

21.  Jilqa’ l-għodod għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tbassir tal-ħtiġijiet tal-ħiliet proposti mill-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-ħiliet għandu jinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ħiliet STEM li, b’mod wiesa’, huma aktar utli f’ekonomija; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa azzjoni u investiment aktar ambizzjużi; jemmen li sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet futuri, il-partijiet ikkonċernati kollha fis-suq tax-xogħol iridu jkunu involuti sew fil-livelli kollha;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit bank tad-data li jelenka korsijiet ta’ taħriġ u offerti ta’ xogħol relatati mal-impjiegi ekoloġiċi, bl-għan li titjieb il-kwalità ta’ informazzjoni, pariri u gwida disponibbli dwar il-karrieri u l-ħiliet meħtieġa biex jiġu kapitalizzati l-opportunitajiet ta’ impjieg ipprovduti mill-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġbir tad-data jsir fl-oqsma ekoloġiċi kollha, fosthom dawk li bħalissa huma injorati, bħat-trasport pubbliku u s-settur tal-bejgħ bl-imnut; jitlob lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tipprovdi appoġġ lill-uffiċċji nazzjoanli tal-istatistika u lis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg (SPI), u filwaqt li ssaħħaħ l-użu ta' għodod ta' mudellar kwantitattiv, tinkorpora l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ġbir tad-data b'rabta mas-setturi kollha tal-impjieg ekoloġiku;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi perspettiva tal-ġeneru fl-iżvilupp ta' ġbir, diżaggregazzjoni u analiżi ġodda tad-data, bħal ħidma mwettqa permezz tal-għodda ekonometrika FIDELIO, jew ma' partijiet ikkonċernati bħall-Konferenza Internazzjonali tal-Esperti tal-Istatistika dwar ix-Xogħol;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa għal enfasi akbar fuq it-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet permezz tat-tħeġġiġ tal-iżvilupp tal-ħiliet;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin fit-tħeġġiġ tal-iżvilupp tal-ħiliet permezz tal-aġġornament tal-kwalifiki u l-edukazzjoni u l-kurrikulu ta’ taħriġ korrispondenti fil-livell tal-UE;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-użu akbar tas-sistemi ta’ klassifikazzjoni bħall-ESCO li jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati diskrepanzi fil-ħiliet;

28.  Jenfasizza l-importanza ta’ sinerġiji aħjar bejn sistemi tal-edukazzjoni u impjiegi ekoloġiċi ġodda emerġenti permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u unions tal-impjegaturi u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn;

29.  Jistieden lill-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali jadottaw u jimplimentaw, flimkien mal-imsieħba soċjali u l-fornituri tat-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-istrateġiji ta' antiċipazzjoni bl-għan tat-titjib tal-ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-okkupazzjoni; jenfasizza ulterjorment l-importanza tas-sħubijiet u l-fiduċja bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, in-negozji, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet;

30.  Jinnota li dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu valutazzjoni bir-reqqa t-tip u l-livell ta’ impjiegi ekoloġiċi li għandhom jinħolqu u l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa, li jwasslu għall-antiċipazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ diskrepanzi tal-ħiliet u programmi ta’ taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja mmirati li jiffukaw fuq it-tqabbil tal-ħiliet u l-impjiegi bl-għan li jiżdiedu l-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa li fl-istrateġiji jiġu attivament inklużi kemm il-ħaddiema spustati kif ukoll il-ħaddiema bi ftit kwalifiki li jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni mis-suq tax-xogħol, billi jiġi żgurat li t-taħriġ fil-ħiliet ikun immirat, aċċessibbli u bla ħlas għal dawn il-ħaddiema;

31.  Jinnota li ċ-CEDEFOP jipproponi li l-adattament tal-kurrikuli u l-inklużjoni tas-sensibilizzazzjoni ambjentali, b’fehim tal-iżvilupp sostenibbli u l-effiċjenza fin-negozju, huma aħjar mill-proposta ta’ programmi ġodda ta’ taħriġ;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jintegraw l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetenzi u l-ħiliet ambjentali fis-sistemi tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, b’mod partikolari bit-tisħiħ tas-sistemi tal-ETV (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali) u billi ċ-ċentri ta’ riċerka jiġu mħeġġa jiżviluppaw teknoloġiji, proġetti u privattivi għal prodotti ekoloġiċi, b’kollaborazzjoni ma’ kumpaniji ekoloġiċi ġodda; iħeġġeġ l-iskambju ta’ ideat bejn iċ-ċentri ta’ riċerka u netwerks ta’ kumpaniji u professjonisti; ifakkar fl-importanza tal-ħiliet tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-ħtieġa li jiġi żgurat li aktar nisa jistudjaw is-suġġetti STEM;

33.  Jitlob strateġija ambizzjuża sabiex jinħolqu impjiegi sostenibbli, anke billi jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet b’enfasi partikolari fuq l-issodisfar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet ta’ ekonomija aktar ekoloġika;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-iżvilupp ta’ dan is-settur, sabiex joħolqu apprendistati bi kwalifiki għoljin li jipprovdu liż-żgħażagħ b’għarfien u taħriġ speċjalizzat, u biex jgħinu sabiex jiġu ttrattati l-livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu, meta jagħmlu t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ekoloġika, il-ħtiġijiet tan-nisa u l-bniet għal opportunitajiet aħjar ta’ tagħlim tul il-ħajja, speċjalment f’oqsma li għandhom potenzjal kbir li jipprovdu għadd sinifikanti ta’ impjiegi ekoloġiċi ġodda, bħax-xjenza, ir-riċerka, l-inġinerija, it-teknoloġija diġitali u t-teknoloġiji ġodda, bl-għan li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa fis-soċjetà, jitneħħew l-istereotipi tal-ġeneru u jiġu pprovduti impjiegi li jikkorrispondu bis-sħiħ mal-ħtiġijiet u l-ħiliet partikolari tan-nisa;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex b'mod sistematiku jinkludu perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' politiki għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi fil-livelli kollha, sabiex jiġi żgurat li jiġu garantiti opportunitajiet indaqs, filwaqt li jitqiesu l-isfidi għall-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi f'żoni rurali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu sforzi ulterjuri biex jippermettu lin-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ fil-formulazzjoni tal-politiki, fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' impjiegi ekoloġiċi li jinkludu ħiliet ekoloġiċi;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tati bidu għal dibattitu pubbliku dwar il-kunċett ta' 'edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli' u tippromwovih, b'enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu politiki li jħeġġu parteċipazzjoni ogħla tan-nisa fl-edukazzjoni fis-suġġetti u fl-intraprenditorija STEM, u jorbtu l-aġenda dwar l-impjiegi ekoloġiċi mal-għoti tas-setgħa lin-nisa permezz tal-edukazzjoni; jitlob li jkun hemm miżuri li jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ETV u fl-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja fis-setturi ekoloġiċi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija Ewropa 2015-2020 għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri li tqis il-miri dwar ir-rati ta' impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

39.  Jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni mmirata mill-awtoritajiet u s-servizzi pubbliċi biex jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha fis-suq tax-xogħol, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati, biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jkollhom mekkaniżmi fis-seħħ biex iħarrġu l-persunal fl-awtoritajiet u s-servizzi tal-impjieg biex il-ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi jiġu integrati fil-politiki dwar is-suq tax-xogħol u biex jiġu żviluppati l-mezzi ta’ valutazzjoni tal-impatt ta’ dan it-taħriġ; jenfasizza l-importanza li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni Ewropej jallinjaw il-programmi tagħhom għall-ħtiġijiet tal-ekonomija ekoloġika u s-suq tax-xogħol b’mod ġenerali;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ ambjent regolatorju li jħeġġeġ l-innovazzjoni fl-ekonomija ekoloġika;

Koerenza tal-politika biex jiġi żviluppat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi tal-ekonomiji sostenibbli

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw oqfsa regolatorji, fiskali u finanzjarji ambizzjużi, fit-tul u integrati għall-investiment sostenibbli u jħeġġu l-innovazzjoni, sabiex b’hekk jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ dawn it-tibdiliet; jenfasizza li l-politiki għandhom jiġu żviluppati f’qafas ta’ orizzonti fit-tul li jinkludi objettivi kif ukoll indikaturi li jkejlu l-progress lejn l-ilħuq tagħhom;

42.  Jenfasizza li l-koordinazzjoni fil-Kummissjoni u bejn il-ministeri rilevanti fil-livell nazzjonali hija importanti biex jinħoloq qafas għall-bidla komprensiv u bbażat fuq gvern sħiħ li jkun kapaċi jiddedika l-attenzjoni meħtieġa għall-effetti distributtivi tat-tranżizzjoni;

43.  Jinnota li s-suċċess jew il-falliment tal-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi huwa dipendenti fuq il-livell ta’ ambizzjoni tal-objettivi vinkolanti tal-Kummissjoni għall-enerġija rinovabbli u l-effiċjenza enerġetika, u fuq l-investiment fit-teknoloġiji tal-enerġija rinovabbli u l-programmi ta’ effiċjenza enerġetika li l-Istati Membri impenjaw ruħhom dwarhom;

44.  Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma responsabbli għal politiki konsistenti li jippromwovu l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jżidu l-effiċjenza enerġetika bl-għan li jiskattaw l-iżvilupp lokali u reġjonali u l-ħolqien ta’ impjiegi lokali ta' kwalità; jenfasizza li l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika jista' jsir wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa fis-snin li ġejjin;

45.  Jirrimarka li l-awtosuffiċjenza territorjali fl-enerġija għadha wieħed mill-objettivi fit-tul tal-politika ekonomika u tal-enerġija tal-UE; jinsisti, barra minn hekk, fuq il-fatt li d-dimensjoni territorjali tal-investimenti għandha assolutament tiġi kkunsidrata għax din tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni territorjali tal-UE li tgħaqqad il-bliet u l-kampanja;

46.  Jilqa’ l-inklużjoni mill-Kummissjoni tal-impjiegi diċenti fil-mandat ta’ negozjar tal-UE għat-taħditiet tal-COP 21 ta’ Pariġi, li jibnu fuq il-ftehim ta' Cancun-2010 u l-inizjattivi sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-aġenda ta' ‘tranżizzjoni ġusta’ tibqa' parti lmill-pożizzjoni ta’ negozjar tagħha;

47.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri mandatorji għall-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, u jappoġġaw iċ-ċertifikati bojod bħala strument li jiffaċilita l-ilħuq tal-miri ta' ffrankar tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ, u jinfurzaw, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u jibqgħu impenjati biex, mill-inqas, jintlaħqu l-miri tal-2030 dwar l-effiċjenza enerġetika;

48.  Jappoġġa l-impenji tal-UE, li f’kollaborazzjoni ma’ msieħba internazzjonali oħrajn, tippromwovi tranżizzjoni globali ġusta lejn ekonomija ekoloġika inklużiva;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ġodda tal-leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, u jikkunsidraw li jeżaminaw jekk l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fil-politiki dwar l-akkwist pubbliku tistax tagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika; jenfasizza li l-inċertezzi legali li fadal relatati mal-użu ta’ klawsoli soċjali u ambjentali fl-akkwist pubbliku jistgħu jiġu ċċarati;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex is-settur tat-tiswija jerġa' jitqajjem, billi dan iwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda li, skont in-natura tagħhom stess, ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-kontribut tas-servizzi pubbliċi għat-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija sostenibbli, notevolment billi jiżguraw b’mod proattiv li s-servizzi bħall-komunikazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-iskart u l-immaniġġjar tal-ilma jitwasslu b’mod sostenibbli;

52.  Jesprimi diżappunt kbir rigward l-irtirar tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-ekonomija ċirkolari, li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu mistennija joħolqu sa 180 000 impjieg fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE biss; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, tonora l-impenn tagħha li tipproponi, mill-aktar fis possibbli, leġiżlazzjoni ambizzjuża dwar l-iskart li tkopri t-tnaqqis upstream, miri ġodda għar-riċiklaġġ, u definizzjoni mill-ġdid tal-kriterji għall-kalkolu tal-kwantità ta’ materjal li fil-fatt jiġi riċiklat;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra l-introduzzjoni ta' kriterji intiżi biex jinċentivaw lin-negozji li jkollhom ċiklu ta' rimi ta' skart virtwuż u sostenibbli għall-ambjent;

54.  Jirrikonoxxi li l-fatt li ssir rabta bejn il-produzzjoni agrikola sostenibbli u l-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-bijodiversità fl-azjendi agrikoli u, sussegwentement, l-użu ta' tikkettar intelliġenti għall-prodotti agrikoli biex jiġi mmarkat l-impatt ambjentali tagħhom, sabiex tiġi stimulata d-domanda tal-konsumaturi għal prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-bijodiversità, jirrappreżenta potenzjal sinifikanti għall-impjiegi ekoloġiċi fiż-żoni rurali tal-UE;

55.  Jinnota li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha potenzjal reali li toħloq l-impjiegi filwaqt li tikkontribwixxi b'mod attiv għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża s-Semestru tal-UE u l-eżami tal-istrateġija Ewropa 2020 biex tappoġġa l-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar impjiegi u impronti ekoloġiċi iżgħar, u jitlob studji dettaljati u indipendenti dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' trasferiment tal-piżijiet tat-taxxa (p.e. mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għat-tassazzjoni fuq l-ambjent), kif ukoll l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji sal-2020;

57.  Jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu trasferiment minn fuq ix-xogħol għal sorsi oħra, u li tali trasferiment tat-taxxa għandu jkollu l-għan li jibdel l-imġiba rigward it-tniġġis, iżda m’għandux ikollu riperkussjonijiet mhux mixtieqa fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali jew impatt sproporzjonat fuq dawk b'introjtu baxx;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu gradwalment is-sussidji diretti u indiretti li huma ta' ħsara għall-ambjent, fosthom, iżda mhux limitat għal, dawk għall-karburanti fossili; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mudelli li jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri għal trasferiment tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol għal fuq it-tniġġis ambjentali, u li jitqies l-impatt ambjentali ta' prodotti u servizzi fl-ispirtu tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri li jistgħu jikkontribwixxu għall-isforzi biex irawmu l-impjieg ekoloġiku u jnaqqsu l-impatti ekoloġiċi; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tintegra b'mod proattiv il-kunsiderazzjonijiet ambjentali u dawk relatati mal-klima fis-Semestru Ewropew sabiex tappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

59.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu sussidji mmirati u/jew eżenzjonijiet mit-taxxa għal negozji ġodda, u għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, li jipprovdu oġġetti u servizzi li joffru valur miżjud ambjentali għoli, inkluż il-kontenut tal-karbonju mnaqqas b'mod ġenerali;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru aktar koerenza u koeżjoni fil-politiki tagħhom u jieħdu aktar impenji politiċi sostanzjali fl-ogħla livell f’oqsma relatati, bħat--taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni ġġedded l-impenn tagħha għall-istrateġija Ewropa 2020 u toħroġ mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard mill-2015 ir-rieżami ta’ nofs it-term tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tikkonferma mill-ġdid il-miri fis-Semestru Ewropew, b’kont meħud tat-tabella ta' valutazzjoni għal żbilanċi makroekonomiċi u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi objettivi soċjali u ambjentali aktar ambizzjużi għall-2030 u l-2050; jenfasizza li monitoraġġ eżatt, b’bażi metodoloġika u kondiviż tal-impjiegi ekoloġiċi jista’ jgħin ukoll lill-Istati Membri fil-valutazzjoni tal-effikaċja tal-politiki ambjentali u tax-xogħol tagħhom, u jsaħħaħ l-għodod żviluppati fil-livell Ewropew fl-intraċċar tal-progress u l-monitoraġġ tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi skont Ewropa 2020.

62.  Jenfasizza l-opportunitajiet li l-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija 2030 jipprovdi fil-ħolqien tal-impjiegi u r-rwol futur li l-leġiżlazzjoni ambjentali se jkollha fl-ilħuq tal-għanijiet ambjentali fit-tul tal-UE u fil-ħolqien tal-imġjiegi u t-tkabbir ekoloġiku;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-innovazzjoni bħala l-pedament tal-industrija Ewropea u tiżviluppa strateġiji attivi biex jiġi żgurat li t-tranżizzjonijiet soċjali jiġu ġestiti sew u l-benefiċċji jiġu mifruxa mal-Ewropa kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-emerġenza ta’ katini ta’ provvista u netwerks tal-industrija ġodda fl-effiċjenza tar-riżorsi, il-prodotti u s-servizzi permezz ta’ politika industrijali sostenibbli u inċentivi għat-trasformazzjoni tas-suq;

64.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri biex jippreparaw l-ekonomiji tagħhom għal futur b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija, filwaqt li jittieħed kont tar-riskju possibbli tar-rilokazzjoni tal-impjiegi u l-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-impatt tal-politiki dwar il-klima;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi internazzjonali biex joħolqu politika ambjentali globali li tista’ tillimita l-ħsara kkawżata mill-offshoring tal-produzzjoni industrijali barra l-UE u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għar-riforma tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE mill-aktar fis possibbli, billi jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu protetti l-industriji esposti għal riskju sinifikanti ta' "rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju";

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-impjiegi ekoloġiċi fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija;

Investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli

68.  Jenfasizza l-fatt li jeħtieġ li tiġi applikata l-aħjar taħlita ta’ interventi min-naħa tal-provvista u tad-domanda, li tirriżulta billi l-ħolqien tal-impjiegi jiġi kkombinat ma’ politiki tas-suq tax-xogħol attivi li jaqblu, li jkunu speċifiċi għall-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali differenti;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, anke fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, l-investimenti ta’ kwalità mmirati lejn il-ġenerazzjoni ta’ benefiċċji soċjetali u ekonomiċi bħall-impjiegi ta’ kwalità sostenibbli, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-edukazzjoni ta’ kwalità u l-innovazzjoni biex tiġi promossa t-tranżizzjoni ekoloġika u jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw l-investiment f’żoni b’impatt pożittiv fuq is-suq tax-xogħol bl-għan li jinħolqu l-impjiegi sostenibbli bi protezzjoni soċjali sħiħa u li jiġi miġġieled il-qgħad; jenfasizza li l-proġetti ffinanzjati għandhom jikkontribwixxu għall-istrateġija UE2020 b’mod li jista’ jitkejjel; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li l-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi ekoloġiċi baqa’ pożittiv matul ir-reċessjoni;

70.  Jenfasizza l-fatt li l-investiment fl-effiċjenza enerġetika jista' jippromwovi l-ħolqien ta’ impjiegi lokali u l-iżvilupp ekonomiku lokali u jnaqqas il-faqar enerġetiku, u li l-iżgurar tal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini huwa l-mod l-aktar kosteffettiv li jiġu offruti soluzzjonijiet fit-tul għall-faqar enerġetiku, li jolqot lil madwar 125 miljun ruħ fl-Ewropa, u element importanti biex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti ta’ enerġija Ewropea u biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi; itenni li l-iżgurar tas-sikurezza tal-bini huwa wkoll kruċjali f’dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-inizjattiva tagħha dwar "Finanzjament Għaqli għal Bini Intelliġenti" mill-aktar fis possibbli;

71.  Jirrakkomanda li l-objettivi tal-klima, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika għandhom jitqiesu bħala miri ta' investiment u prinċipji ewlenin għal azzjoni politika;

72.  Iwissi kontra l-appoġġ għal attivitajiet li jġorru impatti ambjentali u soċjali negattivi peress li jfixklu l-koerenza politika meħtieġa biex ikun massimizzat il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi;

73.  Jirrakkomanda li l-investiment ta’ kwalità fis-servizzi pubbliċi ewlenin bħall-komunikazzjoni, l-enerġija, it-trasport u l-immaniġġjar tal-iskart u tal-ilma jkun immirat sabiex jiġu appoġġati proċeduri ta’ akkwist pubbliku sostenibbli u l-integrazzjoni tal-ħiliet ekoloġiċi;

74.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet taħt il-qafas legali għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-UE għall-promozzjoni ta’ proġetti sostenibbli li jrawmu l-impjiegi ekoloġiċi, u jagħmlu l-finanzjament u l-istrumenti finanzjarji tal-UE faċilment aċċessibbli kemm jista’ jkun għall-awtoritajiet lokali, b’regoli sempliċi, ċari u limiti minimi ta’ finanzjament minimu aċċessibbli;

75.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-reviżjoni postelettorali tal-2016 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) bħala opportunità biex jippromwovu t-tranżizzjoni iżjed ekoloġika tal-ekonomiji tagħna;

76.  Jinnota li l-appoġġ tal-FSE huwa disponibbli biex jiġi megħjun it-tkabbir ekoloġiku ekonomiku u tal-impjiegi u jħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali u lis-servizzi nazzjonali rilevanti jikkunsidraw li jużaw dan il-finanzjament aktar attivament sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi ekonomikament ġustifikati u ekonomikament sostenibbli;

77.  Jinnota li xi Stati Membri għamlu progress konsiderevoli fl-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija, u jħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri jrawmu l-kondiviżjoni tal-ideat, l-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattiki f’dan il-qasam sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel;

78.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-settur privat jużaw strumenti bħalma huma l-Ekodisinn, l-Ekotikketta, l-EMAS u l-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE), minħabba li jistgħu jappoġġaw l-ekonomija ekoloġika u b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għodod ta' gwida biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli tas-suq għall-adozzjoni sħiħa ta' dawn l-istrumenti volontarji;

79.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiffukaw aktar attenzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-immaniġġjar ambjentali u s-sistemi tal-awditjar ekoloġiċi bbażati fuq l-istandard Ewropew (ISO 14000);

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)

80.  Jappoġġa l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġika għall-SMEs u l-azzjonijiet orjentati għall-SMEs, inkluż l-istabbiliment ta' Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza fir-Riżorsi li jagħti pariri u jassisti lill-SMEs li jkunu jridu jtejbu il-prestazzjoni fl-effiċjenza tar-riżorsi tagħhom, jappoġġa l-intraprenditorija ekoloġika, jisfrutta l-opportunitajiet għal katini tal-valur aktar ekoloġiċi u jiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-SMEs u l-mikrointrapriżi ekoloġiċi; iqis li l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u l-assistenza teknika huma kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva tal-SMEs fl-ekonomija ċirkolari;

81.  Ifakkar li l-SMEs għandhom potenzjal enormi biex joħolqu l-impjiegi, partikolarment impjiegi għaż-żgħażagħ, u jippromwovu sistema doppja ta’ taħriġ vokazzjonali u skemi ta’ apprendistat;

82.  Jirrikonoxxi li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista' jgħin lill-intrapriżi mikro, żgħar, u ta' daqs medju jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet li jinvolvu grad għoli ta' innovazzjoni ambjentali u soċjali;

83.  Jinnota li d-data tal-Ewrobarometru dwar xogħol ekoloġiku fl-SMEs turi li l-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-iskart u l-użu ta' materja prima saru ekonomikament vantaġġużi;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tistimula mudelli ġodda tan-negozju, bħal intrapriżi kooperattivi, biex iżidu l-effiċjenza tal-produzzjoni u l-proċessi tad-distribuzzjoni, jadottaw soluzzjonijiet innovattivi ħalli jiffrankaw ir-riżorsi u joffru prodotti u servizzi aktar sostenibbli;

85.  Jirrimarka li l-SMEs jistgħu joħolqu tkabbir u impjiegi biss jekk ikunu disponibbli wkoll opportunitajiet ta’ inċentivi favorevoli permezz tal-ekonomija ekoloġika;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-inċentivi ekoloġiċi għall-SMEs ikollhom impatt sinifikanti fejn l-aktar li jkollhom bżonn;

87.  Jinnota li l-SMEs u l-mikrointrapriżi huma l-muturi ewlenin tal-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; jenfasizza li l-SMEs u l-mikrointrapriżi jiffaċċjaw sfidi partikolari fl-isfruttament tal-oppurtunitajiet ta’ impjieg ta' tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi, it-taħriġ u t-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni ambizzjuża sabiex jipprovdu l-appoġġ biex jiġi faċilitat il-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi fl-SMEs u l-mikrointrapriżi, inklużi l-informazzjoni mmirata, is-sensibilizzazzjoni, l-assistenza teknika u l-aċċess għall-finanzi u l-miżuri ta’ taħriġ;

88.  Jirrimarka li katina tal-valur iktar ekoloġika, li tinvolvi manifattura mill-ġdid, tiswija, manutenzjoni, riċiklaġġ u disinn ekoloġiku, tista’ tipprovdi bosta opportunitajiet kummerċjali għal ħafna SMEs;

o
o   o

89.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0584.
(2) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.
(3) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6.

Avviż legali - Politika tal-privatezza