Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2058(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0184/2015

Testi mressqa :

A8-0184/2015

Dibattiti :

PV 07/07/2015 - 16
CRE 07/07/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2015 - 4.14
CRE 08/07/2015 - 4.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0265

Testi adottati
PDF 377kWORD 120k
L-Erbgħa, 8 ta' Lulju 2015 - Strasburgu
L-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
P8_TA(2015)0265A8-0184/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2015/2058(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Monterrey (2002), il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp f'Doha (2008), id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi (2005) u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra (2008),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 68/204 u 68/279 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar it-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li se ssir f'Addis Ababa (l-Etjopja) mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat ta' Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa(1),

–  wara li kkunsidra l-Mudell ta' Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw(2) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' April 2010 bit-titolu "It-Taxxa u l-Iżvilupp, Kooperazzjoni ma' Pajjiżi li qed Jiżviluppaw dwar il-Promozzjoni ta' Governanza Tajba fi Kwistjonijiet tat-Taxxa" (COM(2010)0163),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2015 bit-titolu "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015" (COM(2015)0044),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2015 dwar it-trasparenza fiskali kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2015)0136),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-taxxa u l-iżvilupp – kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013, dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta' prattiki ta' negozju responsabbli, inkluż ir-rwol tal-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport tal-UE tal-2013 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 TFUE, li jistabbilixxi li l-qerda tal-faqar hija l-objettiv prinċipali tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u l-prinċipju tal-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0184/2015),

A.  billi l-flussi finanzjarji illeċiti, jiġifieri l-flussi finanzjarji privati kollha maħruġa 'l barra li ma jkunux irreġistrati u li jinvolvu kapital gwadanjat, trasferit jew użat illegalment, tipikament joriġinaw minn attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa, bħal ipprezzar ta' trasferimenti abbużiv, kontra l-prinċipju li t-taxxi għandhom jitħallsu fejn jinħolqu l-profitti, u billi ġie identifikat li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa huma ostakli ewlenin għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku għall-iżvilupp mit-testi u l-konferenzi internazzjonali ewlenin kollha dwar il-finanzjament għall-iżvilupp;

B.  billi, skont ir-Rapport ta' Global Financial Integrity għall-2014, flimkien, l-investiment dirett barrani (IDB) u l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) bejn l-2003 u l-2012 kienu jirrapreżentaw ammont kemmxejn inqas mill-flussi illeċiti li ħarġu 'l barra; billi l-flussi finanzjarji illeċiti jirrappreżentaw madwar għaxar darbiet l-ammont ta' flus għall-għajnuna li jirċievu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li għandu jkun immirat lejn il-qerda tal-faqar, il-benessri u l-iżvilupp sostenibbli, u jirrappreżentaw delokalizzazzjoni tal-kapital illeċita mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li hu stmat li annwalment jilħaq USD 1 triljun;

C.  billi l-ġenerazzjoni ta' dħul pubbliku mill-industriji ta' estrazzjoni hi essenzjali għall-istrateġiji ta' żvilupp ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, iżda l-potenzjal li joffru l-industriji ta' estrazzjoni biex tingħata spinta għad-dħul fiskali fil-biċċa l-kbira mhux qed jiġi sfruttat sew, minħabba l-inadegwatezza tar-regoli dwar it-taxxa jew id-diffikultajiet biex jiġu infurzati, peress li l-arranġamenti bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-kumpaniji ta' estrazzjoni normalment ikunu ad hoc u jiġu nnegozjati mingħajr trasparenza u linji gwida ċari;

D.  billi l-eżistenza ta' setturi informali kbar fl-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tagħmilha kważi impossibbli li jkun hemm tassazzjoni fuq bażi wiesgħa, u billi fil-pajjiżi fejn proporzjon kbir tal-popolazzjoni jgħix fil-faqar, sehem konsiderevoli tal-PDG mhuwiex taxxabbli;

E.  billi skemi fiskali ġusti, ibbilanċjati sew, effiċjenti u trasparenti jipprovdu finanzjament vitali lill-gvernijiet biex ikopru d-drittijiet taċ-ċittadini għal servizzi pubbliċi bażiċi, bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni għal kulħadd, u billi politiki fiskali ridistributtivi effikaċi jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-effett tal-inugwaljanzi li dejjem jikbru fuq min hu l-iktar fil-bżonn;

F.  billi, skont l-UNCTAD, madwar 30 % tal-kapital ta' investiment korporattiv transkonfinali ġie mgħoddi minn pajjiżi ta' tranżitu qabel laħaq id-destinazzjoni tiegħu bħala assi produttivi;

G.  billi d-dħul mit-taxxa korporattiva jikkostitwixxi sehem importanti tal-introjtu nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għaldaqstant dawn jintlaqtu b'mod partikolari mill-evitar tat-taxxa fil-livell korporattiv, u billi fis-snin li għaddew il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kontinwament baxxew ir-rati tat-taxxa korporattiva;

H.  billi r-rifuġji fiskali u l-ġurisdizzjonijiet fejn tapplika s-segretezza bankarja li jippermettu li l-informazzjoni bankarja jew finanzjarja tinżamm privata, flimkien mal-iskemi ta' "żero taxxi" biex jiġbdu l-kapital u d-dħul li kellu jiġi intaxxat f'pajjiżi oħra, jiġġeneraw kompetizzjoni fiskali dannuża, idgħajfu l-ekwità tas-sistema fiskali u jfixklu l-kummerċ u l-investiment, u dan jolqot b'mod partikolari lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'telf stmat ta' USD 189 biljun fi dħul fiskali kull sena;

I.  billi t-tassazzjoni tista' tkun sors ta' dħul affidabbli u sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u toffri l-vantaġġ tal-istabilità meta mqabbla mal-mekkaniżmi ta' finanzjament għall-iżvilupp tradizzjonali bħas-self konċessjonarju, dejjem sakemm ikun hemm skema ta' tassazzjoni bbilanċjata sew, effiċjenti u trasparenti, amministrazzjoni fiskali effikaċi u effiċjenti għall-promozzjoni tal-konformità fiskali, u użu tad-dħul pubbliku li jkun hemm l-obbligu li jingħata rendikont dwaru u li jkun responsabbli;

J.  billi l-benefiċċji potenzjali ta' tassazzjoni u politiki fiskali effikaċi u trasparenti jmorru oltre ż-żieda fir-riżorsi disponibbli għat-trawwim tal-iżvilupp, u jkollhom effett pożittiv dirett fuq il-governanza tajba u l-bini ta' stati permezz ta' tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, tal-istat tad-dritt u tal-kuntratt soċjali bejn il-gvern u ċ-ċittadin, b'mod li jinħoloq kollegament reċiproku bejn it-taxxi, is-servizzi pubbliċi u soċjali, u l-isforzi għall-promozzjoni tal-istabilità tal-baġits governattivi, biex b'hekk tiġi promossa l-indipendenza fit-tul mill-assistenza barranija u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitħallew ikunu reattivi u responsabbli fir-rigward tal-objettivi nazzjonali u jassumu s-sjieda tal-għażliet politiċi tagħhom;

K.  billi l-ħtieġa għal żieda fid-dħul domestiku saret aktar urġenti b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika;

L.  billi l-ammont ta' riżorsi miġbura mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku qed jiżdied b'rata stabbli, u sar progress importanti f'dan il-qasam bl-għajnuna ta' donaturi internazzjonali;

M.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw restrizzjonijiet politiċi, amministrattivi u tekniċi kbar biex iżidu d-dħul mit-taxxi bħala riżultat ta' riżorsi finanzjarji u umani insuffiċjenti biex jinġabru t-taxxi, kapaċità amministrattiva dgħajfa biex tiġi trattata l-kumplessità tal-ġbir tat-taxxi mill-kumpaniji transnazzjonali, nuqqas ta' kapaċitajiet u infrastruttura għall-ġbir tat-taxxi, telf ta' persunal imħarreġ mill-amministrazzjonijiet fiskali, korruzzjoni, nuqqas ta' leġittimità tas-sistema politika, nuqqas ta' parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni fiskali internazzjonali, distribuzzjoni inġusta tad-dħul u governanza fiskali fqira;

N.  billi, waqt li l-kuntest globali attwali ta' liberalizzazzjoni kummerċjali u t-tneħħija gradwali tal-ostakli kummerċjali f'dawn l-aħħar deċennji żied l-ammont ta' prodotti nnegozjati fuq livell transkonfinali, ħoloq ukoll diffikultajiet għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddependu b'mod qawwi fuq it-taxxi mill-kummerċ, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, biex jikkompensaw għat-tnaqqis fit-taxxi kummerċjali u għall-bidla lejn tipi oħra ta' riżorsi domestiċi, b'mod partikolari taħlita fiskali bbilanċjata sew;

O.  billi, f'dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda fl-għadd ta' trattati fiskali bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw li ntużaw biex titnaqqas it-tassazzjoni fit-trasferimenti finanzjarji transkonfinali, b'mod li jiġu mminimizzati l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u jinħolqu kanali possibbli li permezz tagħhom il-kumpaniji multinazzjonali jistgħu jevitaw it-tassazzjoni; billi valutazzjoni tal-impatt riċenti li saret mill-awtoritajiet fin-Netherlands ikkonkludiet li s-sistema fiskali ta' dak il-pajjiż iffaċilitat l-evitar tat-taxxa minn ras il-għajn, b'mod li d-dividendi u l-imgħax mitlufin mid-dħul mit-taxxa minn ras il-għajn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu bejn EUR 150–550 miljun kull sena(11);

P.  billi, komparattivament, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġbru sostanzjalment anqas dħul mill-ekonomiji avvanzati (bi proporzjon bejn it-taxxa u l-PDG ta' 10–20 %, meta mqabbel ma' firxa bejn it-30–40% għall-ekonomiji fl-OECD) u huma kkaratterizzati minn bażijiet fiskali estremament stretti; billi hemm potenzjal konsiderevoli għat-twessigħ tal-bażijiet fiskali u għaż-żieda tal-ammont ta' dħul mit-taxxa b'mod li jiġu pprovduti l-mezzi meħtieġa għar-responsabilitajiet governattivi essenzjali;

Q.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jipprovaw jiġbdu l-investiment prinċipalment billi joffru diversi inċentivi u eżenzjonijiet fiskali li ma jkunux trasparenti u ma jknunux ibbażati fuq analiżi xierqa tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji, b'mod li ta' spiss ma jirnexxilhomx jiġbdu investimenti reali u sostenibbli, iqiegħdu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'kompetizzjoni kontra xulxin biex joffru l-aktar trattament fiskali favorevoli, u jwasslu għal eżiti insodisfaċenti fir-rigward ta' sistemi fiskali effikaċi u effiċjenti u għal kompetizzjoni fiskali dannuża;

R.  billi l-Istati Membri diġà impenjaw lilhom infushom biex jallokaw 0,7 % tal-ING tagħhom lill-ODA u billi l-ammont ta' għajnuna b'appoġġ għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għadu baxx – jirrappreżenta anqas minn wieħed fil-mija tal-ODA totali fl-2011 – u hu stmat li 0,1 % (USD 118.4 miljun) biss tal-ODA kien iddedikat għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fi kwistjonijiet fiskali fl-2012;

S.  billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jistgħux jilħqu lanqas il-livell minimu tat-taxxa meħtieġ biex jiffinanzjaw il-funzjonament bażiku tagħhom, is-servizzi pubbliċi tagħhom u l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar;

T.  billi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-istituzzjonijiet ta' finanzjament għall-iżvilupp tal-Istati Membri jappoġġaw lill-kumpaniji privati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw direttament billi jipprovdu self jew indirettament billi jappoġġaw lil intermedjarji finanzjarji bħall-banek privati u l-fondi ta' ekwità privati, li mbagħad isellfu dawk il-flus mislufin lil impriżi jew jinvestu fihom;

U.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu rrappreżentati aħjar fl-istrutturi u l-proċeduri ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa b'mod li jkunu jistgħu jipparteċipaw b'kundizzjonijiet ta' parità fil-formulazzjoni u r-riforma tal-politiki fiskali globali;

V.  billi l-Kumitat ta' Esperti dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa hu korp sussidjarju tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali li jagħti attenzjoni speċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi b'ekonomiji fi tranżizzjoni;

W.  billi l-ġbir ta' biżżejjed livelli ta' finanzi pubbliċi jista' jaqdi rwol deċiżiv fil-promozzjoni ta' soċjetajiet aktar ekwi li jirrifjutaw id-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa u li jipprovdu appoġġ speċjali għat-tfal u gruppi vulnerabbli oħra;

1.  Jappella lill-Kummissjoni biex minnufih tressaq pjan ta' azzjoni ambizzjuż, fil-forma ta' komunikazzjoni, bħala appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u bħala għajnuna biex iwaqqfu sistemi fiskali ġusti, ibbilanċjati sew, effiċjenti u trasparenti, waqt li jqisu l-ħidma mwettqa mill-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD qabel il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp f'Addis Ababa, l-Etjopja, li se ssir bejn it-13 u s-16 ta' Lulju 2015, u l-impatt tat-trattati fiskali internazzjonali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Jinsisti li mobilizzazzjoni effikaċi tar-riżorsi domestiċi u tisħiħ tas-sistemi fiskali se jkunu fattur indispensabbli biex jinkiseb il-qafas għal wara l-2015 li se jissostitwixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), li jirrappreżenta strateġija vijabbli biex tingħeleb id-dipendenza fuq l-għajnuna barranija fit-tul, u li sistemi fiskali effiċjenti u ġusti huma kruċjali għall-qerda tal-faqar, għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, għal governanza tajba u għall-bini ta' stati; ifakkar li ċerti attivitajiet ekonomiċi transnazzjonali affetwaw il-kapaċità tal-pajjiżi li jiġġeneraw dħul governattiv domestiku u li jagħżlu l-istruttura ta' tassazzjoni tagħhom, waqt li ż-żieda fil-mobilità tal-kapital, flimkien mal-użu tar-rifuġji fiskali, alteraw ħafna l-kundizzjonijiet għat-tassazzjoni; jesprimi wkoll tħassib rigward il-livell ta' korruzzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza fl-amministrazzjonijiet pubbliċi li jxekklu l-investiment tad-dħul fiskali fil-bini ta' stati, f'servizzi pubbliċi jew f'infrastruttura pubblika;

3.  Jikkonstata li, meta jitqiesu bħala proporzjon tal-PDG, ir-riżorsi fiskali għadhom baxxi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan qed jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għal attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa min-naħa ta' kontribwenti u kumpaniji individwali; jisħaq fuq il-fatt li dan jirrappreżenta telf finanzjarju konsiderevoli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jinkoraġġixxi l-korruzzjoni u jagħmel ħsara lill-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, u li t-teħid ta' miżuri xierqa fil-livell nazzjonali, f'dak tal-UE u f'dak internazzjonali kontra dawn il-prattiki għandu jkun prijorità ewlenija għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-limitazzjonijiet li jaffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu aċċess għad-dħul fiskali tagħhom; jikkunsidra li l-UE għandha tiżvolġi rwol ta' tmexxija fit-tiswiq tal-isforzi internazzjonali favur il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, fejn għandha tiggwida bl-eżempju tagħha, u li għandha tikkoopera mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jikkontrobattu l-prattiki ta' evitar aggressiv tat-taxxa min-naħa ta' ċerti kumpaniji transnazzjonali, kif ukoll biex isibu modijiet li jgħinuhom jifilħu għall-pressjonijiet biex jinvolvu ruħhom f'kompetizzjoni fiskali;

Pjan ta' Azzjoni għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti u effikaċi biex tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-oqfsa tal-amministrazzjoni fiskali reġjonali, bħall-Forum Afrikan għall-Amministrazzjoni Fiskali u ċ-Ċentru Inter-Amerikan tal-Amministrazzjonijiet Fiskali, fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, fl-iżvilupp ta' politiki fiskali ġusti, ibbilanċjati sew, effiċjenti u trasparenti, fil-promozzjoni tar-riformi amministrattivi u fit-tkabbir tas-sehem, f'termini ta' għajnuna u żvilupp, tal-assistenza finanzjarja u teknika lill-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jargumenta li dan l-appoġġ għandu jingħata biex jissaħħu l-aġenziji ġudizjarji u l-aġenziji kontra l-korruzzjoni f'dawn il-pajjiżi; jappella biex jingħaqad l-għarfien espert tas-settur pubbliku mill-Istati Membri u l-pajjiżi benefiċjarji bil-għan li jissaħħu l-attivitajiet koperattivi waqt li jkun hemm riżultati preliminari konkreti għall-pajjiżi benefiċjarji; jappoġġa l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma, sessjonijiet ta' taħriġ, missjonijiet ta' esperti, żjarat ta' studju u konsulenza;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti post fuq quddiem fl-aġenda lill-governanza tajba fil-kwistjonijiet tat-taxxa, u lil ġbir tat-taxxa li jkun ġust, ibbilanċjat sew, effiċjenti u trasparenti fid-djalogu politiku (fuq livell ta' politika, żvilupp u kummerċ) tagħha, u fil-ftehimiet kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi sħab, waqt li ssaħħaħ is-sjieda u r-responsabilità domestika billi trawwem ambjent fejn il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-baġits nazzjonali, anke fir-rigward tad-dħul domestiku u l-kwistjonijiet tat-taxxa, u tappoġġa r-rwol tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar ta' skrutinju pubbliku tal-governanza fiskali, inter alia billi jiġu stabbiliti sistemi effikaċi għall-protezzjoni tal-informaturi u s-sorsi ġurnalistiċi;

6.  Jappella b'urġenza biex l-informazzjoni rigward is-sjieda benefiċjarja ta' kumpaniji, trusts u istituzzjonijiet oħra titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f'formati informatiċi miftuħin b'mod li l-kumpaniji tal-isem anomini u entitajiet ġuridiċi paragonabbli ma jitħallewx jintużaw għall-ħasil ta' flus, għall-finanzjament ta' attivitajiet illegali jew terroristiċi, għas-satar tal-identità ta' individwi korrotti u kriminali, u għall-ħabi tas-serq ta' fondi pubbliċi u l-qligħ minn traffikar illegali u evażjoni tat-taxxa illegali; jemmen barra minn hekk li l-pajjiżi kollha għandhom tal-anqas jadottaw u jimplimentaw kompletament ir-rakkomandazzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja;

7.  Japella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jinfurzaw il-prinċipju li jeħtieġ li l-kumpaniji multinazzjonali kwotati jew mhux kwotati mill-pajjiżi u s-setturi kollha, u speċjalment dawk il-kumpaniji fil-qasam tal-estrazzjoni tar-riżorsi, jadottaw bħala standard is-sistema ta' rapportar separat għal kull pajjiż speċifiku, li tirrikjedi li, bħala parti mir-rapportar annwali tagħhom u b'mod separat għal kull pajjiż speċifiku fir-rigward ta' kull territorju fejn joperaw, jippubblikaw l-ismijiet tas-sussidjarji kollha u l-prestazzjoni finanzjarja rispettiva tagħhom, l-informazzjoni fiskali rilevanti, l-assi u n-numru ta' impjegati, u biex jiżguraw li din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, waqt li jimminimizzaw il-piżijiet amministrattivi billi jeskludu l-mikroimpriżi; jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva biex temenda b'dan il-mod lid-Direttiva dwar il-Kontabilità; ifakkar li t-trasparenza pubblika hija pass importanti biex is-sistema fiskali attwali tiġi rranġata u tiżdied il-fiduċja pubblika; jappella lill-OECD biex tirrakkomanda li l-mudell propost tagħha għal rapportar separat għal kull pajjiż speċifiku jiġi ppubblikat mill-korporazzjonijiet multinazzjonali kollha, sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tat-taxxa kollha fil-pajjiżi kollha jkun jista' jkollhom aċċess għal informazzjoni eżawrjenti, li tippermettilhom jivvalutaw ir-riskji tal-ipprezzar tat-trasferimenti u jidderminaw l-aktar mod effikaċi biex jużaw ir-riżorsi ta' awditjar; jissottlinja li l-eżenzjonijiet u l-vantaġġi fiskali mogħtija lill-investituri barranin permezz ta' trattati fiskali bilaterali jipprovdu lill-korporazzjonijiet multinazzjonali b'vantaġġ kompetittiv inġust fir-rigward tad-ditti domestiċi, speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

8.  Jappella biex jiġu riveduti l-kundizzjonijiet u r-regolamenti fiskali li joperaw taħthom l-industriji estrattivi; jappella lill-UE biex iżżid l-assistenza tagħha lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'appoġġ għall-objettiv li l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali tiġi intaxxata b'mod adegwat, biex b'hekk tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-gvernijiet ospitanti fin-negozjati biex jiksbu redditu aħjar mill-bażi tagħhom ta' riżorsi naturali, u tiġi stimolata d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħhom; jappoġġa l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) u l-estensjoni tagħha għad-ditti produtturi u l-kumpaniji li jinnegozjaw fi prodotti komoditarji;

9.  Jilqa' l-adozzjoni ta' mekkaniżmu ta' Skambju Awtomatiku ta' Informazzjoni, għodda fundamentali għat-titjib tat-trasparenza u l-kooperazzjoni fuq livell globali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; jirrikonoxxi, madankollu, li hemm bżonn jitkompla l-appoġġ f'termini ta' finanzi, għarfien espert tekniku u ħin biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità meħtieġa biex jibagħtu u jipproċessaw l-informazzjoni; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-Istandard Globali tal-OECD dwar l-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni jkun jinkludi perjodu ta' tranżizzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li jirrikonoxxi li, jekk dan l-istandard isir reċiproku, dawk il-pajjiżi li ma jkollhomx ir-riżorsi u l-kapaċità li jwaqqfu l-infrastruttura meħtieġa għall-ġbir, il-ġestjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rikjesta jistgħu effettivament jiġu esklużi; jikkunsidra barra minn hekk li għandu jiġi previst standard uniku dwar il-konfidenzjalità;

10.  Jappella biex, sal-aħħar tal-2015, jiġu stabbiliti definizzjoni maqbula fil-livell internazzjonali tar-rifuġji fiskali, pieni għall-operaturi li jagħmlu użu minnhom u lista sewda tal-pajjiżi, inklużi dawk fl-UE, li ma jiġġieldux l-evażjoni tat-taxxa jew li jaċċettawha jappella lill-UE biex tappoġġa r-rikonverżjoni ekonomika ta' dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jservu ta' rifuġji fiskali; jitlob lil dawk l-Istati Membri b'dipendenzi u territorji li mhumiex parti mill-Unjoni biex jaħdmu mal-amministrazzjonijiet ta' dawn iż-żoni favur l-adozzjoni tal-prinċipji tat-trasparenza fiskali u biex jiżguraw li l-ebda wieħed minnhom ma jservi ta' rifuġju fiskali;

11.  Jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li, meta jkunu qed jinnegozjaw trattati fiskali u trattati dwar l-investiment ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, id-dħul jew il-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet transkonfinali jiġu intaxxati fil-pajjiż ta' oriġini fejn jiġi estratt jew jinħoloq il-valur; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tan-NU jiżgura tqassim ġust tad-drittijiet ta' tassazzjoni bejn il-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' residenza; jisħaq fuq il-fatt li meta jkunu qed jinnegozjaw trattati fiskali, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp stabbilita fl-Artikolu 208 TFUE;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex, skont l-eżempju ta' xi Stati Membri, iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt tal-politiki fiskali Ewropej fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jikkondividu "l-aħjar prattiki", b'mod li jsaħħu l-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp u jtejbu l-prattiki attwali, u biex iqisu aħjar ir-riperkussjonijiet negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ħtiġijiet speċjali ta' dawk il-pajjiżi; jilqa', f'dan il-kuntest, il-Pjan ta' Azzjoni rivedut tal-Kummissjoni dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li għandu jiġi ppreżentat fl-2015, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jilħqu qbil malajr rigward Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva;

13.  Jappoġġa b'mod qawwi l-firxa ta' inizjattivi internazzjonali eżistenti favur riforma tas-sistema globali, inkluża l-inizjattiva tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS), iffokati fuq iż-żieda fil-parteċipazzjoni min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istrutturi u l-proċeduri tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kumitat tan-NU dwar it-tassazzjoni jiġi trasformat f'korp intergovernattiv ġenwin mgħammar aħjar u b'biżżejjed riżorsi addizzjonali, fi ħdan il-qafas tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU, b'mod li jiġi żgurat li l-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw f'kundizzjonijiet ta' parità fil-formulazzjoni u r-riforma globali tal-politiki globali fil-qasam tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu kkunsidrati sanzjonijiet kemm għall-ġurisdizzjonijiet mhux koperattivi u kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fi ħdan rifuġji fiskali;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li livelli ta' finanzi pubbliċi suffiċjenti jistgħu jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar mill-ġdid tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri u jipprovdu mezz ta' appoġġ għat-tfal u l-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà b'modijiet aħjar, u jirrikonoxxi li, waqt li l-evażjoni tat-taxxa jkollha impatt fuq il-benessri tal-individwi, tikkawża ħsara b'mod speċjali lill-familji fqar u bi dħul aktar baxx, li f'ħafna minnhom hemm rappreżentanza sproporzjonata ta' nisa;

15.  Jikkonstata bi tħassib li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw isibu rwieħhom f'pożizzjoni dgħajfa ħafna meta jiġu biex jinnegozjaw ma' xi investituri diretti barranin; hu tal-fehma li għandu jiġi rikjest li l-kumpaniji jieħdu impenji preċiżi f'termini tar-riperkussjonijiet pożittivi li jista' jkollhom l-investimenti tagħhom fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku lokali u/jew nazzjonali tal-pajjiż ospitanti; jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet sħab, biex jiżguraw li l-inċentivi fiskali ma jikkostitwixxux alternattivi addizzjonali li jwasslu għall-evitar tat-taxxa; jissottlinja li l-inċentivi għandhom isiru aktar trasparenti u, idealment, jiġu orjentati lejn il-promozzjoni tal-investiment fl-iżvilupp sostenibbli;

16.  Jappella lill-BEI u lill-BERŻ, kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-finanzjament għall-iżvilupp, biex jissorveljaw u jiżguraw li l-kumpaniji jew entitajiet ġuridiċi oħra li jirċievu appoġġ ma jipparteċipawx f'evażjoni u evitar tat-taxxa billi jinteraġixxu ma' intermedjarji finanzjarji stabbiliti f'ċentri offshore u f'rifuġji fiskali, jew billi jiffaċilitaw il-flussi ta' kapital illeċiti, u biex iqawwu l-politiki tagħhom dwar it-trasparenza billi, pereżempju, iqiegħdu r-rapporti u l-investigazzjonijiet kollha tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jappella lill-BEI biex japplika l-prinċipju ta' "diliġenza dovuta", billi jirrikjedi li r-rapportar isir b'mod separat għal kull pajjiż speċifiku, jintraċċa l-każi ta' sjieda benefiċjarja u jikkontrolla l-ipprezzar tat-trasferimenti b'mod li jiżgura t-trasparenza tal-investimenti u jipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

o
o   o

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://www.un.org/esa/ffd/tax/
(2) http://www.un.org/esa/ffd/tax/unmodel.htm
(3) ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0205.
(5) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 37.
(6) ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 29.
(7) Testi adottati, P7_TA(2013)0394.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0163.
(9) Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
(10) Testi adottati, P7_TA(2014)0251.
(11) "Kwistjonijiet ta' evalwazzjoni fil-finanzjament għall-iżvilupp: analiżi tal-effetti tal-politika tan-Netherlands dwar it-taxxa korporattiva fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw", studju kkummissjonat mid-Dipartiment għall-Evalwazzjoni tal-Politika u l-Operazzjonijiet (IOB) tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands, Novembru 2013

Avviż legali - Politika tal-privatezza