Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2697(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0676/2015

Testi mressqa :

B8-0676/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0269

Testi adottati
PDF 497kWORD 149k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà
P8_TA(2015)0269B8-0676/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (2015/2697(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 16, 20, 67, 68, 70-72, 75, 82 - 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, tal-Kumitat tal-Ministri, tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (COM(2010)0573) u Operational Guidance on taking account of Fundamental Rights in Commission Impact Assessments (Gwida Operattiva fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni (SEC(2011)0567),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta' April 2014 fil-Kawżi Magħquda C-293/12 u C-594/12, li annullat id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI(1)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu(6),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tat-28 ta’ April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (O-000064/2015 – B8-0566/2015 u O-000065/2015 – B8-0567/2015),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2)tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-theddidiet għas-sigurtà interna tal-Unjoni saru aktar kumplessi, ibridi, asimmetriċi, nonkonvenzjonali, internazzjonali, jevolvu b'mod rapidu u li diffiċli tipprevedihom, u jmorru lil hinn mill-kapaċità ta' kwalunkwe Stat Membru individwali, u għalhekk jirrikjedi aktar minn qatt qabel reazzjoni tal-UE koerenti, komprensiva, b’ħafna saffi u kkoordinata li tqis għalkollox ir-rispett għad-drittijiet fundamentali;

B.  billi l-iżvilupp ta’ politika tas-sigurtà tal-UE hija responsabilità kondiviża li tirrikjedi sforzi koordinati u allinjati mill-Istati Membri kollha, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, huwa mfassal bil-ħsieb ta’ għanijiet komuni u huwa bbażata fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; billi bil-għan li jinkisbu l-aqwa riżultati, l-implimentazzjoni konkreta ta’ dawn l-għanijiet u prijoritajiet kondiviżi għandha tiġi assoċjata ma’ diviżjoni ċara tal-kompiti bejn il-livell tal-UE u l-livell nazzjonali, abbażi tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u b’sorveljanza parlamentari u ġudizzjarja b’saħħitha u effettiva;

C.  billi l-eċċezzjoni tas-sigurtà nazzjonali inkluża fl-Artikolu 4(2) tat-TUE ma tistax tintuża biex l-aġenziji tas-sigurtà nazzjonali jkunu permessi jużurpaw l-interessi, inklużi l-interessi ekonomiċi, ta’ Stati Membri oħra, id-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tagħhom u l-liġijiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi b’mod aktar ġenerali;

D.  billi għandha tinġibed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jinsiltu l-lezzjonijiet mill-ħafna ksur tan-normi u valuri Ewropej u universali fil-kuntest tal-kooperazzjoni tas-sigurtà interna u esterna wara 9/11;

E.  billi l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma objettivi li għandhom jiġu segwiti b’mod parallel; billi, bil-għan li jinkisbu l-libertà u l-ġustizzja, il-miżuri tas-sigurtà għandhom għalhekk dejjem jirrispettaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali skont il-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità u għandhom ikunu suġġetti għal sorveljanza demokratika u obbligu ta’ rendikont kif xieraq; billi d-dimensjoni tal-ġustizzja u tal-prevenzjoni mhijiex koperta biżżejjed fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;

F.  billi għadd ta’ kawżi fundamentali tal-kriminalità, bħalma huma l-inugwaljanza, il-faqar, il-vjolenza razzjali u xenofobika u d-delitti ta’ mibegħda li qed jiżdiedu, ma jistgħux jiġu indirizzati b’miżuri ta’ sigurtà biss, iżda jeħtieġ li jiġu indirizzati f’kuntest ta’ politika usa’, inkluża l-politika soċjali, dik tal-impjiegi, dik edukattiva, dik kulturali u dik esterna mtejba;

G.  billi l-aspett ta’ prevenzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà hija partikolarment essenzjali f’perjodu ta’ inġustizzji ekonomiċi u soċjali li qed jikbru u li jdgħajfu l-patt soċjali u l-effettività tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet pubbliċi; billi miżuri alternattivi għall-ħabs minn naħa waħda u miżuri ta’ reintegrazzjoni min-naħa l-oħra, b’mod partikolari rigward reati minuri, għandhom ikunu element importanti ta’ tali politiki ta’ prevenzjoni;

H.  billi, meta skada l-perjodu ta’ tranżizzjoni li jiddisponi għalih il-Protokoll 36 anness mat-Trattati, il-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kisbu setgħat sħaħ fir-rigward ta' dawk li qabel kienu l-istrumenti ġuridiċi tat-tielet pilastru, li jespandu l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tad-drittijiet demokratiċi u fundamentali fuq il-miżuri meħuda li kellhom rwol importanti fit-tiswir taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;

I.  billi ċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità iffaċilitata miċ-ċibernetika jaffettwaw is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, is-suq intern u l-proprjetà intellettwali u l-prosperità tal-Unjoni Ewropea; billi, pereżempju, il-botnets bħala forma ta’ ċiberkriminalità jaffettwaw miljuni ta’ kompjuters u eluf ta’ miri fl-istess ħin;

J.  billi l-linja bejn is-sigurtà interna u esterna qegħda kulma jmur issir inqas ċara, ħaġa li tirrikjedi kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri li tirriżulta f’approċċ komprensiv u multidimensjonali;

K.  billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sostenn u l-protezzjoni tal-vittmi kollha tat-terroriżmu u tal-kriminalità fl-UE kollha bħala parti importanti tal-aġenda tas-sigurtà;

1.  Jieħu nota tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-perjodu tal-2015-2020 kif proposta mill-Kummissjoni u l-prijoritajiet stabbiliti fiha; iqis li, minħabba l-isfidi li l-Unjoni Ewropea qiegħda tiffaċċja bħalissa, it-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti, il-kriminalità organizzata transfruntiera u ċ-ċiberkriminalità huma t-theddidiet l-aktar serji li jirrikjedu azzjonijiet ikkoordinati fil-livell nazzjonali, dak tal-UE u dak globali; jirrimarka li l-Aġenda għandha tiġi strutturata b’mod flessibbli biex tirreaġixxi għall-isfidi ġodda li jistgħu jinqalgħu fil-futur;

2.  Itenni l-ħtieġa li jiġu indirizzati aktar il-kawżi fundamentali tal-kriminalità, inklużi l-inugwaljanza , il-faqar u d-diskriminazzjoni; jisħaq barra minn hekk fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi adegwati għall-assistenti soċjali, l-uffiċjali tal-pulizija lokali u nazzjonali u l-uffiċjali ġudizzjarji li l-baġits tagħhom ġew imnaqqsa sew f'xi Stati Membri;

3.  Jitlob li jinstab il-bilanċ xieraq bejn il-politiki ta' prevenzjoni u l-miżuri repressivi sabiex jiġu protetti l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja; jenfasizza li l-miżuri ta’ sigurtà għandhom dejjem jittieħdu skont il-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħalma huma d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni u l-proċess dovut tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex meta tkun qed timplimenta l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, tieħu kont kif dovut tas-sentenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data (sentenza fil-Kawżi Magħquda C-293/12 u C-594/12), li tirrikjedi li l-istrumenti kollha jkunu konformi mal-prinċipji tal-proporzjonalità, tan-neċessità u tal-legalità, u tinkludi s-salvagwardji xierqa tal-obbligu ta’ rendikont u r-rikors ġudizzjarju; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bis-sħiħ l-impatt ta’ din is-sentenza fuq kwalunkwe strument li jinvolvi ż-żamma ta' data għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi;

4.  Ifakkar li bil-għan li tkun attriċi kredibbli fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali kemm internament u kemm esternament, l-Unjoni Ewropea għandha tibbaża l-politiki tas-sigurtà tagħha, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, u s-sħubijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tas-sigurtà fuq approċċ komprensiv li jintegra l-fatturi kollha li jwasslu lin-nies biex jinvolvu ruħhom fit-terroriżmu jew fil-kriminalità organizzata, u b’hekk tintegra l-politiki ekonomiċi u soċjali li jiġu żviluppati u implimentati b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u suġġetti għall-kontroll ġudizzjarju u demokratiku u valutazzjonijiet dettaljati;

5.  Jilqa’ l-għażla tal-Kummissjoni li tibbaża l-Aġenda fuq il-prinċipji tar-rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li għandhom jiġu ggarantiti permezz ta' sorveljanza ġudizzjarja xierqa, aktar trasparenza, obbligu ta’ rendikont u kontroll demokratiku, applikazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-istrumenti ġuridiċi eżistenti, approċċ interaġenziji u transettorjali aktar konnessu rabtiet akbar bejn id-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkonformaw strettament ma’ dawn il-prinċipji fl-implimentazzjoni tal-Aġenda; jirrimarka li l-Parlament se jqiegħed dawn il-prinċipji fil-qalba tal-monitoraġġ tiegħu tal-implimentazzjoni tal-Aġenda;

6.  Jilqa’ l-enfasi speċifika magħmula fl-Aġenda fuq id-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari l-impenn tal-Kummissjoni li tivvaluta b’mod strett kwalunkwe miżura tas-sigurtà li hija tipproponi, mhux biss biex isir magħruf sa liema punt il-miżura tkun laħqet l-objettivi tagħha, iżda wkoll għall-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tinvolvi fil-valutazzjoni tagħha l-korpi u l-aġenziji rilevanti kollha, u b’mod partikolari l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, is-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Europol u l-Eurojust; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar din il-valutazzjoni, sabiex il-Parlament ikun jista’ jwettaq is-sorveljanza demokratika tiegħu b’mod effettiv;

7.  Ifakkar f’dan ir-rigward fil-kundanna tiegħu ta’ miżuri li jinvolvu l-ġbir vast u sistematiku bil-massa tad-data personali ta’ persuni innoċenti, b’mod partikolari minħabba l-effetti potenzjalment severi fuq id-drittijiet ta’ proċess ġust, in-nondiskriminazzjoni, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-istampa, tal-l-ħsieb u tal-kelma, u l-libertà tal-għaqda u l-assoċjazzjoni, u li jinvolvu potenzjali sinifikanti ta’ użu abbużiv ta’ informazzjoni miġbura kontra avversarji politiċi; jesprimi dubji severi rigward is-siwi tal-miżuri ta’ sorveljanza tal-massa peress li spiss jitfgħu xibka wiesgħa wisq u għalhekk jirriżultaw f’wisq pożittivi u negattivi foloz; iwissi dwar il-periklu li l-miżuri ta’ sorveljanza tal-massa jaħbu l-ħtieġa ta’ investiment f’miżuri tal-infurzar tal-liġi li forsi jkunu inqas għalja, aktar effettivi u inqas intrużivi;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal jiġi rispettat fil-leġiżlazzjoni kollha relatata mas-sigurtà;

9.  Jinnota li l-UE m'għandhiex definizzjoni miftiehma ta’ “sigurtà nazzjonali”, fatt li joħloq lakuna mhux ċara fl-istrumenti ġuridiċi tal-UE li fihom referenzi għal “sigurtà nazzjonali”;

10.  Jemmen li bil-għan li ċ-ċittadini jkollhom aktar fiduċja fil-politiki tas-sigurtà, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-kontroll demokratiku fil-proċess tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li b’mod regolari tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill informazzjoni aġġornata dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda; itenni l-intenzjoni tiegħu li jorganizza eżerċizzji ta’ monitoraġġ regolari, f’kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, tal-implimentazzjoni xierqa u l-progress tal-Aġenda; jinnota b’interess il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Forum Konsultattiv tal-UE dwar is-Sigurtà; jitlob li dan il-Forum jiżgura rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati relevanti kollha u jistenna b’ħerqa li jirċievi aktar informazzjoni dettaljata dwaru, b’mod partikolari rigward ir-rwol, il-kompiti, il-kompożizzjoni u s-setgħat eżatti tiegħu u l-involviment tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fih;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu s-sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tas-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri; jinnota li l-Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Ombudsman m’għandhomx setgħat biżżejjed biex iwettqulivell effettiv ta’ skrutinju tal-politiki tas-sigurtà Ewropej;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu pjan direzzjonali – jew mekkaniżmu simili – malajr kemm jista' jkun biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u operattiva tal-Aġenda, iressquh lill-Parlament u jibdew l-implimentazzjoni tiegħu fis-sitt xhur li ġejjin; jemmen li approċċ tat-tip “ċiklu tal-politika tal-UE” (b’identifikazzjoni u valutazzjoni ta’ theddidiet u vulnerabilitajiet komuni, l-iffissar ta’ prijoritajiet politiċi u l-iżvilupp ta’ pjanijiet strateġiċi u operattivi, implimentazzjoni effettiva b’miri, kalendarji u riżultati ċari, u valutazzjoni) jista’ jiddisponi għall-koerenza u l-kontinwità meħtieġa fl-implimentazzjoni tal-Aġenda, kemm-il darba l-Parlament ikun involut kif xieraq fl-iffissar tal-prijoritajiet politiċi u l-objettivi strateġiċi; jistenna b’ħerqa li jkompli jiddiskuti dawn il-kwistjonijiet ulterjorment mal-Kummissjoni u l-Kumitat Permanenti għall-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna (COSI);

13.  Jilqa’ l-prinċipju sottostanti tal-Aġenda li jiġu applikati u implimentati bis-sħiħ l-istrumenti eżistenti fil-qasam tas-sigurtà qabel ma jiġu proposti oħrajn ġodda; itenni l-ħtieġa ta’ kondiviżjoni aktar malajr u effiċjenti tad-data u tal-informazzjoni relevanti, suġġetta għas-salvagwardji xierqa ta’ protezzjoni tad-data u l-privatezza; jiddeplora, madankollu, il-fatt li minkejja għadd kbir ta’ appelli mill-Parlament, għadha ma saritx valutazzjoni tal-effikaċja tal-istrumenti eżistenti tal-UE – anke fid-dawl tat-theddidiet ġodda għas-sigurtà li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE – u tal-lakuni li fadal; jemmen li tali eżerċizzju huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-politika ta’ sigurtà Ewropea hija effiċjenti, meħtieġa, proporzjonata, koerenti u komprensiva; jistieden lill-Kummissjoni tagħti tali valutazzjoni operattiva tal-istrumenti, ir-riżorsi u l-finanzjament eżistenti tal-UE fil-qasam tas-sigurtà interna bħala miżura ta’ prijorità taħt il-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jivvalutaw b'mod komprensiv l-implimentazzjoni tal-miżuri li ġew adottati fil-qasam tas-sigurtà interna qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, billi jużaw il-proċedura li jiddisponi għaliha l-Artikolu 70 tat-TFUE;

14.  Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-ġestjoni tal-fruntieri bħala aspett essenzjali tal-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu; jenfasizza li s-sigurtà tal-fruntieri tal-UE għandha tissaħħaħ permezz ta' kontrolli sistematiċi mal-bażijiet ta' data eżistenti, bħall-SIS; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta l-proposta riveduta tagħha dwar Fruntieri Intelliġenti sal-bidu tal-2016;

15.  Jappoġġja t-talba tal-Kummissjoni għal approċċ interaġenziji u transettorjali aktar konness u l-miżuri proposti għat-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni u l-prattiki tajba u għaż-żieda fil-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-UE; itenni t-talba tiegħu għal użu akbar tal-istrumenti u l-bażijiet ta’ data eżistenti bħalma huma s-SIS u l-ECRIS, u tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex taċċelera l-konklużjoni tal-arranġamenti ta' ħidma pendenti ta' bejn l-aġenziji; jinnota b’dispjaċir li l-Aġenda ma tiddisponix għal għadd biżżejjed ta’ miżuri konkreti bil-għan li jsaħħu d-dimensjoni tal-ġustizzja tagħha; jitlob għall-integrazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-aspetti kollha tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, inkluż billi jiġu msaħħa d-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati, tal-vittmi u tax-xhud u billi tittejjeb l-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti ta’ rikonoxximenti reċiproku tal-UE;

16.  Jappoġġa bis-sħiħ il-prijorità tal-Kummissjoni li tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-fiduċja reċiproka, jisfruttaw bis-sħiħ l-għodod eżistenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jrawmu l-kooperazzjoni operattiva transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza l-importanza ta’ tali kooperazzjoni operattiva transfruntiera, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta'  Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)(7) biex jiġu armonizzati l-kriterji ta' twissija u jsiru twissijiet obbligatorji rigward persuni misjuba ħatja jew issuspettati b'terroriżmu;

18.  Jilqa’ l-valutazzjoni mħabbra tal-Kummissjoni tal-ħtieġa u l-valur miżjud potenzjali ta’ Sistema ta’ Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transfruntier għall-informazzjoni miżmuma fir-rekords tal-pulizija nazzjonali u jappoġġja bis-sħiħ il-varar ta’ proġett pilota ppjanat minn grupp ta' Stati Membri biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi għat-tfittxijiet transfruntiera awtomatizzati fl-indiċijiet nazzjonali fuq bażi ta’ sistema “hit”/“no-hit”; jenfasizza l-importanza ta’ aċċess transfruntier għall-informazzjoni, b’mod partikolari fir-reġjuni ta’ mal-fruntieri;

19.  Jenfasizza l-importanza tal-Iskwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti (SIK) biex jiġu investigati każijiet speċifiċi ta’ natura transfruntiera u jistieden lill-Istati Membri jużaw din l-għodda ta’ suċċess b’mod aktar regolari; jistieden lill-Kummmissjoni tiżviluppa proposti għal qafas ġuridiku li jippermetti l-istabbiliment ta’ SIK semipermanenti jew permanenti biex jindirizzaw theddidiet persistenti, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri, bħalma huma t-traffikar tad-drogi, t-traffikar tal-bnedmin, u l-gangs tal-muturi;

20.  Jiddispjaċih li strumenti bħalma huma l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali għadhom mhux qed jintużaw b’mod sistematiku fil-każijiet transfruntieri xierqa kollha, u jappella għal iżjed sforzi mill-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan il-qasam;

21.  Jenfasizza li teżisti defiċjenza fis-sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-aġenziji nazzjonali tal-intelligence; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li s-sorveljanza demokratika u ġudizzjarja hija mxekkla ħafna mir-regola dwar partijiet terzi fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti;

22.  Jinnota li l-linja bejn is-sigurtà esterni u interna qed issir dejjem aktar vaga u jilqa’, għaldaqstant, l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li d-dimensjonijiet interni u esterni tal-politika tas-sigurtà jaħdmu flimkien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw regolarment l-impatt tal-Aġenda dwar l-istrateġija tas-sigurtà esterna tal-UE u vice versa, inklużi l-obbligi tar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-valuri u l-prinċipji demokratiċi inklużi fil-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali li huma rratifikaw jew iffirmaw; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu aktar ir-rabtiet, is-sinerġiji u l-koerenza bejn dawn it-tnejn, speċjalment fl-indirizzar tat-theddidiet ġodda, trasversali u ibridi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa, filwaqt li jiġu rispettati l-valuri tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament kull azzjoni oħra immirata li tiżviluppa r-rabta bejn id-dimensjoni interna u esterna tal-politika tas-sigurtà u l-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tas-sigurtà, sabiex il-Parlament ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ skrutinju demokratiku flimkien mal-parlamenti nazzjonali;

23.  Jenfasizza l-importanza u l-puntwalità tal-eżami strateġiku kontinwu mill-VP/HR, fdati lilha mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013, li għandu jwassal għall-adozzjoni ta' Strateġija Ewropea ta' Sigurtà ġdida; strateġija wiesgħa inklużi kwistjonijiet ta' politika barranija u ta' sigurtà għandha tidentifika u tiddeskrivi l-interessi tal-UE, il-prijoritajiet u l-objettivi, eżistenti u theddidiet li qed jevolvu, l-isfidi u l-opportunitajiet, u l-istrumenti tal-UE u l-mezzi biex dawn jintlaħqu;

24.  Jitlob li jkun hemm klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem qawwija ħafna fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, speċjalment fl-Afrika ta’ Fuq u r-reġjun tal-Golf fir-rigward tal-kooperazzjoni għas-sigurtà; jappella li tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux demokratiċi b’passat ħażin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali tal-kunflitti armati, l-estremiżmu u l-faqar f’pajjiżi terzi, peress li dawn joħolqu sfidi ta’ sigurtà għall-UE; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom ta’ appoġġ lil stati inklużivi, pluralistiċi u li jiffunzjonaw tajjeb li għandhom soċjetà ċivili soda u vijabbli li għandhom il-ħila joffru l-libertà, is-sigurtà, il-ġustizzja u l-impjieg liċ-ċittadini tagħhom;

26.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tippreżenta abbozz ta’ pożizzjoni komuni dwar l-użu ta’ drones armati f’konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta’ Frar 2014 dwar l-użu ta’ drones armati(8);

27.  Jirrikonoxxi t-talba urġenti tal-Kummissjoni biex tiġi finalizzata l-ħidma fuq l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR tal-UE; itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-finalizzazzjoni tagħha sa tmiem is-sena; jenfasizza li d-Direttiva dwar il-PNR għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-istandards tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tipprovdi għodda effiċjenti fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja dan il-proċess billi tipprovdi kwalunkwe element addizzjonali relevanti għall-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ Direttiva dwar il-PNR tal-UE; jitlob li kwalunkwe proposta ġejjiena għall-ħolqien ta’ għodod ġodda fil-qasam tas-sigurtà, bħall-PNR, sistematikament tinkludi mekkaniżmi għall-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

28.  Jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza ewlenija tal-appoġġ għal azzjonijiet relatati mat-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni u x-xogħol importnati tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) f’dan il-qasam; iqis li l-programmi ta’ taħriġ u skambji għall-uffiċjal tal-infurzar tal-liġi għandhom importanza sinifikanti għat-trawwim ulterjuri ta’ kultura Ewropea ta’ infurzar tal-liġi u prattiki tajba f’dan il-qasam; jemmen li jinħtieġ aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni relatati mas-sigurtà, anke fil-qasam tal-prevenzjoni;

29.  Jindika li s-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tinbidel rapidament titlob li jkun hemm approċċ flessibbli u li kapaċi jadatta u jirreaġixxi, l-iżvilupp ta' kapaċitajiet tekniċi u rieżami regolari tal-azzjonijiet ta' prijorità stabbiliti fl-Aġenda; jindika, f’dan ir-rigward, li jista’ jintuża l-Artikolu 222 tat-TFUE li jesiġi li l-Kunsill Ewropew regolarment iwettaq valutazzjoni tat-theddidiet għall-Unjoni, inter alia billi jibni fuq il-valutazzjonijiet eżistenti tat-theddidiet imwettqa mill-istati Membri u l-Europol, u li jinforma lill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali dwar l-eżitu tagħhha u s-segwitu tagħha;

Terroriżmu

30.  Jilqa’ l-miżuri deskritti fl-Aġenda għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, biex jiġi ttrattat b’mod determinat il-finanzjament tat-terroriżmu, biex tiġi miġġielda t-theddida ta’ ċittadini u residenti tal-UE li jivvjaġġaw barra mill-UE għal skopijiet ta’ terroriżmu (‘ġellieda barranin’) u għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; jinnota li l-istruttura ġdida proposta taċ-Ċentru Ewropew kontra t-Terroriżmu li għandu jinħoloq fi ħdan il-Europol u jistieden lill-Kummissjoni tiċċara aktar ir-rwol , il-kompiti, is-setgħet u l-iskrutinju preċiżi tiegħu, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata sorveljanza demokratika u ġudizzjarja adegwata fil-livelli xierqa, inkluż permezz tar-reviżjoni kontinwa tal-mandat tal-Europol; jenfasizza li żieda fil-qsim tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri hi kruċjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li dan għandu jsir fuq bażi aktar strutturali;

31.  Jikkundanna kwalunkwe analiżi li twassal għal konfużjoni bejn it-terroriżmu, in-nuqqas ta’ sigurtà, l-iżlam u l-migranti;

32.  Ifakkar fid-dawl tal-attakki terroristiċi reċenti f'Brussell, Pariġi, Kopenħagen u St Quentin Fallavier, il-bżonn urġenti għall-UE biex tevalwa aħjar it-theddid kontra s-sigurtà tal-UE u biex tiffoka fuq oqsma ta' prijorità immedjata fil-ġlieda kontra t-terroriżmu: it-tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri tal-UE, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' riferiment fuq l-internet, u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, kif ukoll iż-żieda tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u servizzi ta' intelligence;

33.  Ifakkar fl-importanza kruċjali ta' traċċar u t-tfixkil ta' flussi finanzjarji, inkluż flussi finanzjarji mhux-Swift, fil-ġlieda kontra n-netwerks terroristiċi u l-gruppi tal-kriminalità organizzata; jilqa' l-isforzi li saru biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ġusta u bbilanċjata fil-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (PRFT);

34.  Jenfasizza li t-theddida ta' terroriżmu mrawwem domestikament fl-UE qed tilħaq livelli ġodda perikolużi minn mindu fundamentalisti Iżlamiċi ħadu f'idejhom l-art fis-Sirja u fl-Iraq u għamlu kampanja ta' propaganda dinjija biex jingħaqdu ma' ġiħadisti u biex iwettqu attakki ġewwa l-fruntieri tal-UE;

35.  Jenfasizza li l-indirizzar tat-theddida li jirrappreżentaw il-ġellieda barranin u t-terroriżmu b’mod ġenerali teħtieġ approċċ b’diversi saffi li jinvolvi l-indirizzar komprensiv tal-fatturi sottostanti bħalma huma r-radikalizzazzjoni, l-iżvilupp tal-koeżjoni soċjali u l-inklużività u l-iffaċilitar tar-reintegrazzjoni permezz tal-promozzjoni tat-tolleranza politika u reliġjuża, l-analiżi u l-kontrobilanċ tat-tixwix online għat-twettiq ta’ atti terroristiċi, il-prevenzjoni tat-tluq ta’ persuni biex jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi, il-prevenzjoni u l-waqfien tar-reklutaġġ u l-parteċipazzjoni fil-kunflitti armati, l-interruzzjoni tal-appoġġ finanzjarju lil organizzazzjonijiet terroristiċi u lil individwi li jkollhom il-għan li jingħaqdu magħhom, l-iżgurat ta’ prosekuzzjoni ġuridika soda fejn xieraq u l-għoti tal-għodod xierqa lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex dawn iwettqu dmirijiethom b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Istati Membri tiżviluppa strateġija ġenwina fir-rigward tal-ġellieda Ewropej – strateġija li attwalment mhix inkuża fl-Aġenda dwar is-Sigurtà – u b’mod partikolari dawk li jirritornaw minn żoni ta’ kunflitt li jixtiequ jħallu l-organizzazzjonijiet terroristiċi li rreklutawhom u juru r-rieda li jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà; iqis li għandha ssir enfasi speċjali fuq is-sitwazzjoni ta’ ġellieda Ewropej żgħażagħ;

37.  Itenni l-impenn tiegħu li jiżgura l-obbligu ta’ rendikont għal ksur massiv tad-drittijiet fundamentali bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari fil-kuntest tal-konsenja u taż-żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA, permezz ta’ investigazzjonijiet miftuħa u trasparenti; jitlob li tingħata protezzjoni li dawk lil jiżvelaw tali ksur, bħalma huma l-ġurnalisti u l-informaturi;

Radikalizzazzjoni

38.  Jaqbel li l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għandha tkun prijorità għall-UE; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ miżuri aktar konkreti fl-Aġenda biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni fl-Ewropa u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti u komprensiva biex tintensifika l-miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti, biex jiħi pprevenut it-tixrid ta’ ideoloġiji estremisti u jiġu promossi l-integrazzjoni u l-inklużjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), li jlaqqa’ flimkien l-atturi relevanti kollha involuti f’inizjattivi li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni fil-livell lokali, u tikkjarifika l-mandat, il-kompiti u l-kamp ta’ applikazzjoni taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN il-ġdid propost; jirrakkomanda li l-istruttura tiegħu tinkludi wkoll lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet, fil-livell lokali u nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni prattika tar-rakkomandazzjonijiet żviluppati mill-esperti u mill-partijiet ikkonċernati; jappella għal miżuri aktar kuraġġużi biex tiġi indirizzata b’mod determinat ir-radikalizzazzjoni fuq l-Internet u l-użu ta’ siti web tal-Internet u l-midja soċjali għat-tixrid ta’ ideoloġiji radikali fl-Ewropa; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ Unità tal-Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet fil-Europol sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati fl-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut estremist vjolenti fuq l-Internet bil-kooperazzjoni tal-industrija, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi r-riżorsi addizzjonali meħtieġa għall-funzjonament tiegħu; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ miżuri konkreti li jsaħħu r-rwol tal-Internet bħala għodda ta’ sensibilizzazzjoni kontra r-radikalizzazzjoni, u b’mod partikolari għat-tixrid proattiv ta’ kontronarrativi, fuq l-internet, sabiex tiġi miġġielda l-propaganda terroristika;

39.  Jirrimarka li politika tas-sigurtà ta’ suċċess jeħtieġ tindirizza l-fatturi sottostanti tal-estremiżmu, bħalma huma r-radikalizzazzjoni, l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, permezz tal-promozzjoni tat-tolleranza politika u reliġjuża, l-iżviluppar tal-koeżjoni soċjali u l-inklużività u l-iffaċilitar tar-reintegrazzjoni;

40.  Jemmen li għandhom jiġu żviluppati riċerka estensiva u miżuri konkreti, bl-appoġġ finanzjarju u operattiv tal-Kummissjoni, sabiex jiġu promossi u kondiviżi maċ-ċittadini Ewropej kollha, b’mezzi ta’ komunikazzjoni effettivi, il-valuri komuni tagħna tat-tolleranza, il-pluraliżmu, ir-rispett tal-libertà tal-kelma u tal-kuxjenza, u d-drittijiet fundamentali tagħna b’mod ġenerali; iqis li l-Aġenda għandha wkoll tissottolinja l-ħtieġa li jiġu miġġielda kunċetti żbaljati dwar reliġjonijiet, b’mod partikolari l-Iżlam, li fihom infushom m’għandhomx rwol fir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu;

41.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda reċenti fl-inċidenti ta’ delitti ta’ mibegħda, anke online, kontra ċittadini Ewropej; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom minn attakki futuri u jipprevjenu t-tixwix għall-mibegħda u kwalunkwe att ta’ intolleranza bbażata fuq l-oriġini, it-twemmin jew ir-reliġjon, anke permezz ta’ ħidma edukattiva mmirata lejn iż-żgħażagħ u l-promozzjoni ta’ djalogu inklużiv;

Kriminalità organizzata

42.  Jaqbel li t-traffikar tal-bnedmin huwa fenomenu li jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv fil-livell Ewropew; jirrifjuta bil-qawwa, madankollu, kwalunkwe rabta bejn il-migrazzjoni irregolari u t-terroriżmu; jirrimarka li n-nuqqas ta’ mezzi legali lejn l-UE sabiex dak li jkun ifittex protezzjoni jiġġenera domanda kostanti għal mezzi irregolari, u b’hekk jitpoġġew f’periklu migranti vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

43.  Jenfasizza l-gravità tal-kriminalità organizzata fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin; jiġbed l-attenzjoni lejn il-livelli estremi ta’ vjolenza u brutalità mwettqa mill-kriminali fuq dan il-grupp partikolarment vulnerabbli; jilqa’ l-qafas eżistenti u jaqbel fuq il-bżonn ta’ strateġija post-2016 li tinvolvi lill-Europol u lill-Eurojust bl-għarfien speċifiku tagħhom f’dan il-qasam;

44.  Jirrikonoxxi li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata teħtieġ azzjoni Ewropea qawwija; jappoġġja d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza din il-kwistjoni b'mod determinat; jistieden lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, biex tistabbilixxi kooperazzjoni soda fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, iżda wkoll kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi għall-prevenzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti sabiex jiġu evitati traġedji ġodda fil-Mediterran;

45.  Jirrimarka li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-iżviluppi fil-kriminalità organizzata transfruntiera fir-rigward tat-traffikar tal-armi, it-traffikar tal-bnedmin, u l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ drogi illeċiti; jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenda tirrikonoxxi l-karattru dinamiku tal-problema tad-droga, u b’mod partikolari r-rabta tagħha mal-kriminalità organizzata u t-theddida dejjem tevolvi ta’ innovazzjoni fis-suq fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ drogi kemm ġodda kif ukoll stabbiliti; jenfasizza l-ħtieġa ta’ adozzjoni rapida tal-pakkett propost dwar sustanzi psikoattivi ġodda u jħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress dwar dan;

46.  Jemmen li, minbarra l-istrumenti tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għandha tinkludi mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-vittmi ta’ dawn id-delitti serji sabiex tiġi pprevenuta aktar vittimizzazzjoni; jinnota li l-protezzjoni tal-vittmi għandha tiġi meqjusa bħala għodda importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, minħabba li din tibgħat messaġġ ċar lit-trasgressuri li s-soċjetà mhix se ċċedi għall-vjolenza u li f’kull waqt u ħin se ssalvagwardja l-vittmi u d-dinjità tagħhom;

Ċiberkriminalità

47.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet terroristiċi u l-gruppi tal-kriminalità organizzata qegħdin kulma jmur aktar jużaw l-ispazju ċibernetiku biex jiffaċilitaw il-forom kollha tal-kriminalità u li ċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità ffaċilitata permezz taċ-ċibernetika jikkostitwixxu theddida maġġuri għaċ-ċittadini tal-UE u għall-ekonomija tal-UE; jinnota li ċ-ċiberkriminalità teħtieġ approċċ ġdid għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-infurzar tal-liġi fl-era diġitali; jinnota li l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda jżidu l-impatt taċ-ċiberkriminalità fl-iskala u l-veloċità u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi bir-reqqa tas-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji u l-kapaċitajiet ġuridiċi u tekniċi tagħhom, online u offline, sabiex tippermettilhom jindirizzaw b’mod determinat iċ-ċiberkriminalità b’mod effettiv, filwaqt li jissottolinja li l-miżuri ta’ infurzar kollha għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, ikunu meħtieġa u proporzjonati u jirrispettaw id-dritt tal-UE u dak nazzjonali; jistieden b’mod partikolari lill-Kummissjoni tiżgura li d-dritt għall-użu tal-kriptaġġ jibqa’ intatt fl-Unjoni Ewropea kollha u li, waqt li l-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet fil-kuntest ta' investigazzjoni mill-pulizija jew proċedura ġudizzjarja tkun dejjem possibbli bl-awtorizzazzjoni ġudizzjarja xieraq, m'għandha tiġi implimentata l-ebda miżura mill-Istati Membri li tinterferixxi mad-dritt tal-individwi li jużaw il-kriptaġġ; jitlob lill-Kummissjoni tagħti lill-Unità tal-Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-Europol ir-riżorsi addizzjonali meħtieġa għall-funzjonament tiegħu, aktar milli tipproċedi permezz ta’ riallokazzjonijiet interni tal-impjiegi, inkluż għall-persunal taċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (EC3), li jeħtieġ li ma jitħalliex nieqes mill-persunal;

48.  Jenfasizza l-importanza essenzjali tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex l-UE tibqa’ aġġornata dwar il-bidliet fil-ħtiġijiet ta’ sigurtà; jenfasizza l-importanza ta’ industrija tas-sigurtà kompetittiva tal-UE biex tikkontribwixxi għall-awtonomija tal-UE fis-sigurtà; itenni t-talba tiegħu għal awtonomija mtejba fis-sigurtà tal-IT tal-UE u l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati dispożittivi tas-sigurtà u servizzi magħmula fl-UE għall-infrastruttura kritika u s-servizzi pubbliċi;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ stat ta’ tħejjija adegwata dwar ir-riskji marbuta maċ-ċiberkriminalità serja sabiex tittejjeb ir-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi;

50.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xogħol li sar minn EC3 fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità transnazzjonali serja u l-kriminalità ffaċilitata permezz taċ-ċibernetika; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-EC3 fl-appoġġ għall-Istati Membri, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal; itenni t-tħabbiriet magħmula mill-Kummissjoni biex l-EC3 jingħata l-esperti u l-baġit meħtieġa sabiex jingħataw spinta l-oqsma ta’ kooperazzjoni Ewropea li għadhom ma ġewx indirizzati mindu nħoloq fl-2013;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni sħiħa ta' miżuri eżistenti relatati mal-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal online, biex tivvaluta jekk għodod leġiżlattivi ulterjuri humiex meħtieġa, u biex teżamina jekk l-Europol għandux biżżejjed kompetenzi, riżorsi u persunal biex ikun jista' jindirizza dan id-delitt terribbli;

Finanzjament

52.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-abbozz ta’ baġit tal-Kummissjoni għall-2016 jiddisponi għal żieda fil-baġit tal-Europol ta’ madwar EUR 1.5 miljun biss, u dan ma jagħtihx ir-riżorsi meħtieġa biex iwaqqaf, kif ippjanat fl-Aġenda, Ċentru Ewropew Kontra t-Terroriżmu u Unità tal-Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet;

53.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni magħmula mill-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans, fil-Parlament Ewropew, li l-Kummissjoni se tallinja r-riżorsi finanzjarji disponibbli mal-prijoritajiet tal-Aġenda; jerġa’ jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li jiġi żgurat li l-aġenziji relevanti tal-UE jkunu mgħammra b’riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex iwettqu bis-sħiħ il-kompiti attwali u ġejjiena tagħhom skont l-Aġenda; bi ħsiebu jkompli jiskrutinja mill-qrib l-implimentazzjoni, u jivvaluta l-ħtiġijiet ġejjiena tal-Fond għas-Sigurtà Interna fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93.
(2) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p.45.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0173.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0230.
(5) Testi adottati, P8_TA(2014)0102.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0032.
(7) ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.
(8) P7_TA(2014)0172.

Avviż legali - Politika tal-privatezza