Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2723(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Kapijiet ta' Stat tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fil-31 ta' Mejju 2015 f'Dar es Salaam, it-Tanzanija,
– wara li kkunsidra l-appell urġenti magħmul minn ex-Kapijiet ta' Stat, partiti politiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Burundjani fit-28 ta' Mejju 2015 f'Bujumbura,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi adottati fis-summit tal-Unjoni Afrikana tat-13 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Burundi tat-22 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar is-sospensjoni tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE għall-Burundi tat-28 ta' Mejju 2015 u d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi tad-29 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fl-14 ta' Ġunju 2015 li tissospendi l-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Assemblea għall-Burundi minħabba s-sitwazzjoni fil-pajjiż,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-qasam tal-Libertà tal-Espressjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2014 li fihom impenjat ruħha li tintensifika l-ħidma tagħha dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni tal-Burundi u l-Artikolu 7(3) tal-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni jistipulaw li president jista' jibqa' fil-kariga għal żewġ manadati biss; billi l-President Pierre Nkurunziza ilu fil-kariga mill-2005, peress li ġie elett mill-ġdid fl-2010 f'elezzjoni li ġiet ibbojkottjata mill-oppożizzjoni wara li din akkużat lill-gvern b'intimidazzjoni;
B. billi fis-26 ta' April 2015 il-President Nkurunziza ħabbar li kien se joħroġ għat-tielet mandat – filwaqt li ġġustifika l-eliġibbiltà tiegħu abbażi tal-fatt li għall-ewwel mandat tiegħu kien inħatar mil-leġiżlaturi –, u b'hekk xeħet lill-pajjiż fi kriżi u kkawża protesti mifruxa u kolp ta' stat militari f'Mejju 2015 li ma rnexxiex;
C. billi, wara din l-aħbar, 17-il uffiċjal ġew arrestati fl-14 ta' Mejju 2015 wara li falla tentattiv ta' kolp ta' stat immexxi mill-ex-Maġġur Ġenerali tal-armata Godefroid Niyombare, li ħarab mill-pajjiż, u wara dan it-tentattiv aktar minn 70 ruħ inqatlu fi vjolenza u f'sensiela ta' attakki bil-granati;
D. billi żewġ membri anzjani tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) ħarbu mill-pajjiż, hekk kif ħarbu wkoll imħallef anzjan tal-Qorti Kostituzzjonali bl-inkarigu li jagħti deċiżjoni dwar il-legalità tat-tielet mandat tal-President, u l-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali, minħabba l-biża' għas-sikurezza tagħhom stess; billi fil-25 ta' Ġunju 2015 il-Viċi President tal-Burundi Gervais Rufyikiri ħarab ukoll mill-pajjiż wara li tefa' dubju fuq l-eliġibbiltà tal-President għat-tielet mandat;
E. billi l-pulizija użaw forza eċċessiva f'repressjoni fuq dimostranti paċifiċi, li rriżultat fi mwiet; billi ċ-ċifri tal-pulizija jindikaw li 892 ruħ ġew arrestati b'rabta mal-protesti bejn is-26 ta' April u t-12 ta' Mejju 2015 u mbagħad 568 ġew rilaxxati; billi 280 detenut ġew trasferiti lejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;
F. billi l-vjolenza qed tiggrava minħabba l-azzjonijiet tal-milizja marbuta mal-awtoritajiet; billi l-NGOs u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw l-infiltrazzjoni tal-pulizija u l-forzi armati mill-milizja tas-CNDD-FDD (Kunsill Nazzjonali għad-Difiża tad-Demokrazija – Forzi għad-Difiża tad-Demokrazija);
G. billi l-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili bbojkottjaw l-elezzjonijiet minħabba l-użu partiġjan tal-istituzzjonijiet tal-istat, il-vjolenza u l-intimidazzjoni mill-milizja taż-żgħażagħ tas-CNDD-FDD (l-Imbonerakure), nuqqas ta' fiduċja fis-CENI (il-kummissjoni elettorali nazzjonali indipendenti tal-Burundi), u l-istrateġiji tal-gvern maħsuba biex inaqqsu l-inklużività tal-proċess elettorali, inklużi d-diffikultajiet fir-reġistrazzjoni tal-votanti u t-tfassil mill-ġdid tal-konfini elettorali, li jiffavorixxu l-partit fil-gvern; billi s-sitwazzjoni ġiegħlet lill-Knisja Kattolika tal-Burundi tirtira s-saċerdoti li kienet ħatret biex jgħinu fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, filwaqt li qalet li "ma tistax tappoġġa elezzjonijiet li huma mimlija nuqqasijiet";
H. billi l-partit fil-poter tal-Burundi bbojkottja l-issoktar tat-taħdidiet ta' medjazzjoni taħt l-awspiċji tal-faċilitatur tan-NU Abdoulaye Bathily, li talbu r-riżenja talbu, u l-grupp ta' "ffaċilitar" li jikkonsisti minn rappreżentanti tan-NU, l-Unjoni Afrikana (UA), l-EAC u l-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR);
I. billi l-komunità internazzjonali għandha rwol sinifikanti fir-reġjun bħala l-garanti tal-Ftehimiet ta' Arusha, u billi istituzzjonijiet bħall-Qorti Kriminali Internazzjonali huma ta' importanza kbira fit-twettiq ta' inkjesti indipendenti dwar il-vjolenza u d-delitti mwettqa fil-Burundi;
J. billi, minkejja appelli mill-komunità internazzjonali biex l-elezzjonijiet jiġu posposti u minkejja li kienu soġġetti għal bojkott mis-soċjetà ċivili u mill-oppożizzjoni, l-elezzjonijiet leġiżlattivi saru fid-29 ta' Ġunju 2015 u l-elezzjonijiet presidenzjali huma skedati għall-15 ta' Lulju 2015;
K. billi fid-29 ta' Ġunju 2015 l-UE rtirat il-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tagħha għall-Burundi, billi kienet tal-fehma li jekk jiġu organizzati elezzjonijiet leġiżlattivi mingħajr ma jkun hemm fis-seħħ il-kundizzjonijiet minimi biex jiġu żgurati l-kredibbiltà, it-trasparenza u l-inklużività tagħhom, dan seta' biss jaggrava l-kriżi;
L. billi osservaturi tan-NU ddikjaraw li l-elezzjoni tad-29 ta' Ġunju 2015 saret "fi kriżi politika mimlija tensjoni u klima ta' biża' u intimidazzjoni mifruxa f'partijiet tal-pajjiż", u għalhekk ikkonkludew li "l-ambjent ma kienx favorevoli għal elezzjonijiet ħielsa, kredibbli u inklużivi";
M. billi l-proċess elettorali għadu serjament imfixkel minn restrizzjonijiet fuq il-midja indipendenti, użu eċċessiv ta' forza kontra d-dimostranti, klima ta' intimidazzjoni għall-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, u nuqqas ta' fiduċja fl-awtoritajiet elettorali, sitwazzjoni li wasslet biex l-UE tissospendi l-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tagħha;
N. billi l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) u l-Unjoni Afrikana (UA) ddikjaraw li bħalissa mhumiex fis-seħħ kundizzjonijiet favorevoli għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet u li mhux se jkun possibbli li tali kundizzjonijiet jiddaħħlu fis-seħħ fiż-żmien previst fil-Kostituzzjoni tal-Burundi;
O. billi l-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) tgħid li madwar 127 000 ruħ ħarbu mill-Burundi lejn stati ġirien, fatt li ħoloq emerġenzi umanitarji fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fir-Rwanda u fit-Tanzanija, fejn ġiet irrappurtata tifqigħa ta' kolera;
P. billi l-impass politiku fil-Burundi u s-sitwazzjoni ekonomika u tas-sigurtà li qed tiddeterjora għandhom konsegwenzi serji għall-popolazzjoni u huma ta' riskju għar-reġjun kollu kemm hu, filwaqt li l-Burundi qed jiffaċċja l-agħar kriżi tiegħu sa mill-gwerra ċivili bi sfond etniku ta' 12-il sena li fiha huwa stmat li mietu 300 000 ruħ sal-2005;
Q. billi, b'reazzjoni għal riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew u b'mod partikolari r-referenzi fihom għall-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, ir-rappreżentanti tal-UE insistew fuq il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni inklużiva fil-proċess elettorali mill-forzi politiċi kollha tal-pajjiż, bi qbil mal-pjan direzzjonali tal-elezzjoni u l-Kodiċi ta' Kondotta fi Kwistjonijiet Elettorali (Code de bonne conduite en matière électorale);
R. billi l-UE ssospendiet il-ħlas tal-ammont pendenti ta' EUR 1,7 miljun f'appoġġ elettorali għall-Burundi, peress li l-prekundizzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw il-kredibbiltà u l-funzjonament bla xkiel tal-proċess elettorali b'mod li huwa paċifiku, inklużiv u trasparenti u li ma jiksirx il-libertajiet politiċi, inkluża l-libertà tal-espressjoni, attwalment mhumiex fis-seħħ;
S. billi l-Belġju ħabbar ukoll is-sospensjoni tal-għajnuna elettorali, filwaqt li għażel li jżomm nofs l-EUR 4 miljun li kien alloka għall-elezzjonijiet u rtira minn ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-pulizija ta' EUR 5 miljun iffinanzjat b'mod konġunt man-Netherlands; billi Franza ssospendiet ukoll il-kooperazzjoni rigward is-sigurtà mal-Burundi, u l-Ġermanja ħabbret is-sospensjoni ta' kull kooperazzjoni bilaterali li tinvolvi lill-Gvern tal-Burundi;
T. billi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa ggarantit mill-Kostituzzjoni tal-Burundi u minn trattati internazzjonali u reġjonali rratifikati mill-Burundi, huwa inkluż fl-Istrateġija Nazzjonali għal Governanza Tajba u l-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni, u huwa kundizzjoni essenzjali għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti, trasparenti u paċifiċi; billi, madankollu, it-trażżin tal-midja huwa kważi totali, bħala riżultat tal-għeluq, f'nofs Mejju, tal-mezzi tax-xandir li jappartjenu lill-privat, l-esodu tal-massa ta' ġurnalisti u t-theddid kostanti kontra dawk li għadhom fil-Burundi;
U. billi l-UE tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-baġit annwali tal-Burundi, li madwar nofsu ġej mill-għajnuna internazzjonali, u reċentement allokat EUR 432 miljun lill-Burundi – wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja – mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020, biex, fost affarijiet oħra, tassisti fit-titjib tal-governanza u s-soċjetà ċivili;
V. billi s-sitwazzjoni attwali għandha impatt fuq il-ħajja ekonomika u soċjali tal-Burundjani kollha; billi l-biċċa l-kbira tal-kampusijiet tal-università u l-iskejjel jinsabu magħluqa minħabba d-dimostrazzjonijiet vjolenti fil-belt kapitali, Bujumbura, il-munita lokali sfat iddeprezzata, il-qgħad żdied u d-dħul mit-taxxa naqas, minħabba l-għeluq taċ-ċentri kummerċjali u t-tnaqqis tal-kummerċ mal-istati ġirien;
1. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni politika u umanitarja li sejra għall-agħar fil-Burundi u r-reġjun usa'; jitlob għall-waqfien immedjat tal-vjolenza u l-intimidazzjoni politika tal-avversari u d-diżarm immedjat tal-gruppi taż-żgħażagħ armati kollha li huma alleati ma' partiti politiċi; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tal-vjolenza u lil dawk li tilfu ħajjithom, u jappella għal għajnuna umanitarja immedjata għal dawk li ġew sfurzati jaħarbu minn djarhom;
2. Jikkundannaid-deċiżjoni tal-Gvern tal-Burundi li jibqa' għaddej bl-elezzjonijiet minkejja s-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà prevalenti kritika u minħabba li l-proċess elettorali ġie mgħarraq serjament mir-restrizzjonijiet fuq il-midja indipendenti, l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti, klima ta' intimidazzjoni għall-partiti tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili u nuqqas ta' fiduċja fl-awtoritajiet elettorali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jipposponu l-elezzjonijiet presidenzjali li huma ffissati għall-15 ta' Lulju 2015 skont it-talbiet tal-Unjoni Afrikana u jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha fl-isforzi biex jinħoloq ambjent li jwassal għal proċess elettorali paċifiku, kredibbli, ħieles u ġust;
3. Jistieden lil dawk kollha involuti fil-proċess elettorali, inklużi l-korpi responsabbli mill-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u s-servizzi tas-sigurtà, biex jonoraw l-impenji li ħadu fil-Ftehim ta' Arusha, u jfakkar li dan il-ftehim temm il-gwerra ċivili u huwa l-pedament li fuqha hija mibnija l-Kostituzzjoni tal-Burundi; jissottolinja l-importanza ta' ftehim kunsenswali dwar il-kalendarju elettorali fuq il-bażi ta' valutazzjoni teknika li għandha ssir min-NU;
4. Jenfasizza, għal darb'oħra, li huwa biss permezz ta' djalogu u kunsens, li jinvolvu lill-Gvern tal-Burundi, l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili b'konformità mal-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, li tista' tinstab soluzzjoni politika dejjiema fl-interess tas-sigurtà u d-demokrazija għall-poplu kollu tal-Burundi; jistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-Burundi jerġgħu jibdew id-djalogu dwar l-oqsma kollha fejn hemm nuqqas ta' qbil; jappoġġa, għalhekk, l-isforzi ta' medjazzjoni li qed isiru mill-UA, l-EAC u n-NU, u lest li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-miżuri speċifiċi mħabbra reċentement mill-UA;
5. Jesprimi, għal darba oħra, l-appoġġ tiegħu għall-isforzi kontinwi li qed tagħmel l-EAC, u jenfasizza r-rilevanza tal-miżuri li sar qbil dwarhom fis-summits li saru f'Dar es Salaam fit-13 u l-31 ta' Mejju 2015, inkluża t-talba għall-posponiment tal-elezzjonijiet u l-waqfien immedjat tal-vjolenza, id-diżarm tal-gruppi taż-żgħażagħ affiljati ma' partiti politiċi, il-bidu ta' djalogu fost il-partijiet ikkonċernati Burundjani, u l-impenn min-naħa tar-reġjun li ma joqogħdux passivi jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar, ħaġa li tipprovdi qafas għal soluzzjoni politika u kunsenswali għall-kriżi;
6. Ifakkar li s-sħubija tal-UE mal-Burundi hija rregolata bil-Ftehim ta' Cotonou, u li l-partijiet kollha huma marbuta li jirrispettaw u jimplimentaw it-termini ta' dak il-ftehim, b'mod partikolari r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li l-Burundi ffirma u rratifika wkoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u għalhekk huwa obbligat li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem universali u l-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern tal-Burundi, għalhekk, biex jippermetti li jseħħ dibattitu politiku ġenwin u miftuħ mingħajr biża' ta' intimidazzjoni, u biex iżomm lura milli juża ħażin il-ġudikatura biex jeskludi lir-rivali politiċi;
7. Jieħu nota tad-djalogu li sar bejn l-UE u l-awtoritajiet tal-Burundi skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou; jemmen, madankollu, li hemm ksur kontinwu tal-elementi essenzjali u fundamentali tal-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari r-rispett għall-prinċipji fundamentali demokratiċi u tal-bniedem, u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tibda proċeduri skont l-Artikolu 96 bil-ħsieb li jittieħdu miżuri xierqa;
8. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni, għal dan l-għan, biex tivvaluta mill-ġdid l-għajnuna tal-UE b'urġenza bl-għan li tiddevjaha, li żżid l-appoġġ finanzjarju għas-soċjetà ċivili u li tiffoka fuq l-għajnuna umanitarja pjuttost milli fuq l-appoġġ baġitarju ċentrali, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu r-rwol ta' min ifaħħru tal-armata tal-Burundi fil-missjoni ta' żamma tal-paċi fis-Somalja;
9. Jingħaqad mal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-22 ta' Ġunju 2015 fl-istedina lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex tħejji lista ta' miżuri restrittivi mmirati u ta' projbizzjonijiet tal-viża u l-ivvjaġġar kontra dawk responsabbli għal atti ta' vjolenza, repressjoni u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, flimkien ma' dawk li attivament jimpedixxu soluzzjoni politika fil-qafas propost mill-UA u l-EAC, u jitlob ukoll lill-VP/RGħ tieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġu ffriżati l-assi ta' dawn l-individwi kollha fl-Istati Membri tal-UE;
10. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-numru ta' vittmi u n-numru ta' każijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtati sa mill-bidu tal-kriżi, b'mod partikolari dawk l-abbużi attribwiti lill-membri tal-Imbonerakure; jinnota l-intimidazzjoni u r-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi u l-ġurnalisti u l-arrest arbitrarju ta' membri tal-partiti tal-oppożizzjoni; jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta' dawk kollha li ġew arrestati b'riżultat tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta' għaqda paċifika u ta' espressjoni;
11. Jitlob b'insistenza li l-vjolenza u l-intimidazzjoni mwettqa mill-Imbonerakure jintemmu minnufih; jistieden lis-CNDD-FDD jieħu azzjoni immedjata biex jiddiżarma l-milizzja taż-żgħażagħ u biex il-membri tagħha ma jibqgħux jintimidaw u jattakkaw l-avversarji, u jiżgura li dawk responsabbli mill-abbużi jitressqu l-qorti; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar affermazzjonijiet li s-CNDD-FDD jarma u jħarreġ it-taqsima taż-żgħażagħ tiegħu; bl-istess mod, iħeġġeġ lill-mexxejja tal-partiti tal-oppożizzjoni biex jipprevjenu li titwettaq vjolenza kontra l-avversarji tagħhom;
12. Itenni li m'għandux ikun hemm impunità għal dawk responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li jridu jinżammu individwalment responsabbli u jagħtu rendikont f'qorti tal-ġustizzja; iqis li huwa ta' importanza partikolari li l-iskjerament ta' osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti militari mħabbar mill-UA jibda minnufih;
13. Jinnota li tentattivi ta' ċerti forzi li jittrasformaw l-irvellijiet f'kunflitt etniku qed ifallu, u li d-diviżjonijiet politiċi fil-Burundi mhumiex espliċitament etniċi; jemmen li dan juri s-suċċess tal-Ftehimiet ta' Arusha fl-istabbiliment ta' armata u forza tal-pulizija etnikament bilanċjata; jistieden lill-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex għaldaqstant jimmonitorja mill-qrib lil dawn il-midja għat-tixwix għall-mibegħda etnika, kif ukoll għad-diskorsi mill-mexxejja politiċi;
14. Itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza tar-rispett tal-Kodiċi ta' Kondotta fi Kwistjonijiet Elettorali u tal-pjan direzzjonali elettorali nnegozjat min-NU li ġie ffirmat mill-atturi politiċi fl-2013, u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi reġjonali u tan-NU għall-prevenzjoni ta' żieda ulterjuri fil-vjolenza politika;
15. Jitlob li jitneħħew minnufih ir-restrizzjonijiet fuq il-midja u l-aċċess għall-internet, u jiddenunzja għal darb'oħra l-attakki ripetuti fuq Radio Publique Africaine, li jservi bħala wieħed mis-sorsi prinċipali ta' aħbarijiet tal-pajjiż; iqis li ma jistgħux isiru elezzjonijiet leġittimi sakemm il-kumpaniji tal-midjaa ma jkunux jistgħu joperaw mingħajr restrizzjonijiet, u l-ġurnalisti ma jkunux jistgħu jirrappurtaw mingħajr intimidazzjoni;
16. Ifaħħar ir-rwol tal-organizzazzjonijiet umanitarji u tal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-viċinat li qed jindirizzaw il-bżonnijiet ta' dawk li qed jaħarbu mill-kriżi u qed joffru protezzjoni lir-refuġjati; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni ta' EUR 1,5 miljun addizzjonali biex tittaffa s-sitwazzjoni umanitarja; iwissi, madankollu, li l-impenji jridu jiġu rduppjati b'urġenza kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri tagħha, minħabba l-influss enormi ta' refuġjati f'reġjun li diġà huwa fraġli, b'tifqigħat irrappurtati ta' kolera u b'rapporti allarmanti ta' vjolenza sesswali; jissottolinja l-importanza ta' strateġija fit-tul mhux biss għall-assistenza medika u nutrizzjonali iżda anke għall-assistenza psikoloġika u ta' reintegrazzjoni għal dawk li ġew imġiegħla jaħarbu;
17. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iwettqu l-impenji kollha li ħadu fir-rigward tal-Pjan ta' Reazzjoni Reġjonali għar-Rifuġjati tal-Burundi tan-NU, li jirrikjedi USD 207 miljun sa Settembru 2015 sabiex jassisti lill-200 000 refuġjat mistennija mill-Burundi, anke permezz ta' żieda fl-għotjiet eżistenti lir-reġjun;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi u lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-gvernijiet tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.