Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2747(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0716/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.12
CRE 09/07/2015 - 12.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0276

Testi adottati
PDF 347kWORD 75k
Il-Ħamis, 9 ta' Lulju 2015 - Strasburgu
Il-Kommemorazzjoni ta’ Srebrenica
P8_TA(2015)0276RC-B8-0716/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew id-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Kommemorazzjoni ta’ Srebrenica (2015/2747(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2005(1) u tal-15 ta’ Jannar 2009(2) dwar Srebrenica,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kulħadd għall-ħajja, il-libertà u s-sigurtà tal-persuna u għal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Ġunju 2008 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 827 tal-25 ta' Mejju 1993, 1551 tal-9 ta' Lulju 2004, u 1575 tat-22 ta' Novembru 2004 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-11 ta’ Lulju 2015 jimmarka l-20 anniversarju mill-att ta’ ġenoċidju u tindif etniku li seħħ f’Srebrenica u madwarha tul il-Gwerra tal-Bożnija, li għandu jservi bħala tfakkira mġedda tal-perikoli ta’ forom estremi ta’ nazzjonaliżmu u intolleranza fis-soċjetà, li jkomplu jiġu aggravati fil-qafas ta’ gwerra;

B.  billi, fil-11 ta’ Lulju 1995, il-belt ta’ Srebrenica fil-Bożnija, li kienet ġiet iddikjarata żona sikura mir-Riżoluzzjoni 819 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-16 ta’ April 1993, waqgħet f'idejn il-forzi Bożnijaċi-Serbi mmexxija mill-Ġeneral Ratko Mladić, li aġixxa taħt l-awtorità tal-ex President tar-Repubblika Srpska, Radovan Karadžić;

C.  billi, matul bosta ġranet ta' massakru wara l-waqgħa ta' Srebrenica, aktar minn 8 000 raġel u tifel Musulman, li kienu fittxew rifuġju f'din iż-żona taħt il-protezzjoni tal-Forza ta' Protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPROFOR), inqatlu sommarjament minn forzi Bożnijaċi-Serbi mmexxija mill-Ġeneral Mladić u minn unitajiet paramilitari, inklużi unitajiet tal-pulizija irregolari; billi kważi 30 000 mara, tifel u tifla u anzjan tkeċċew bil-forza f'kampanja ta' tindif etniku fuq skala enormi, u għalhekk din il-ġrajja tirrappreżenta l-akbar delitt tal-gwerra li seħħ fl-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija;

D.  billi l-avvenimenti traġiċi ta’ Srebrenica ħallew feriti emozzjonali profondi fuq dawk li baqgħu ħajjin u ħolqu ostakli permanenti għar-rikonċiljazzjoni politika fost il-gruppi etniċi fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiH);

E.  billi l-massakru ta’ Srebrenica ġie rikonoxxut bħala ġenoċidju kemm mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY) f’Sentenza tal-Appell, Prosekutur vs Radislav Krstić, Kawża Nru.: IT-99-33 tad-19 ta’ April 2004, u l-qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-Kawża li tikkonċerna l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Pieni tad-Delitt tal-Ġenoċidju (Bożnija-Ħerzegovina vs Serbja u Montenegro) tas-27 ta’ Frar 2007, p. 127, §297 (ICJ);

F.  billi l-vjolazzjonijiet multipli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra twettqu mill-forzi Bożnijaċi-Serbi kontra l-popolazzjoni ċivili ta’ Srebrenica, inklużi d-deportazzjonijiet ta’ eluf ta’ nisa, tfal u anzjani u l-istupru ta’ għadd kbir ta’ nisa;

G.  billi, minkejja l-isforzi li saru biex jinstabu u jiġu eżumati oqbra individwali u tal-massa, l-iġsma ta' kważi 1 200 raġel u tifel minn Srebrenica għadhom ma nstabux u ma ġewx identifikati;

H.  billi fl-1999 is-Segretarju Ġenerali tan-NU fir-rapport tiegħu dwar il-waqgħa ta' Srebrenica ddikjara li n-NU fallew fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-hekk imsejħa “żoni sikuri” u għaldaqstant jaqsmu wkoll ir-responsabilità;

I.  billi l-UE hija mibnija fuq koeżistenza paċifika u kooperazzjoni b’impenn bejn il-membri tagħha; billi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin tagħha għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea hija r-rieda li tipprevjeni r-rikorrenza ta’ gwerer u delitti kontra l-liġi umanitarja internazzjonali fl-Ewropa;

J.  billi, fit-30 ta' Jannar 2015 l-ICTY ikkonferma s-sentenzi ta' ħames uffiċjali għoljin tal-armata Bożnijaka-Serba li nstabu ħatja tal-involviment tagħhom fil-ġenoċidju ta' Srebrenica tal-1995; billi wħud mill-uffiċjali li nstabu ħatja rrappurtaw direttament lill-ex mexxej tal-armata Bożnijaka-Serba Ratko Mladić, li attwalment għaddej proċess kontrih fl-ICTY għal delitti li jinkludu l-ġenoċidju;

1.  Ifakkar u jonora l-vittmi kollha tal-ġenoċidju ta' Srebrenica u tal-atroċitajiet imwettqa matul il-gwerer fl-ex Jugoslavja; jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi, li ħafna minnhom qed jgħixu mingħajr konferma finali tad-destin li kellhom qrabathom;

2.  Jikkundanna bil-mod l-aktar qawwi possibbli l-ġenoċidju f’Srebrenica; jiddikjara solennement li tali delitti orrendi ma għandhom qatt jerġgħu jseħħu u jiddikjara li jagħmel kull ma huwa fil-poter tiegħu biex jipprevjeni li tali atti jerġgħu jseħħu; jirrifjuta bil-qawwa kull ċaħda, relativizzazzjoni jew miżinterpretazzjoni tal-ġenoċidju;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li r-rappreżentanti politiċi fil-Bożnija u l-Ħerzegovina jirrikonoxxu l-passat sabiex jaħdmu flimkien b’suċċess lejn futur aħjar għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż; jenfasizza r-rwol importanti li l-pajjiżi ġirien, l-awtoritajiet reliġjużi, is-soċjetà ċivili, l-arti, il-kultura, il-midja u s-sistemi edukattivi jistgħu jaqdu f’dan il-proċess diffiċli;

4.  Jissottolinja l-importanza tal-ħidma magħmula mill-ICTY u l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex il-proċessi u l-appelli jiġu aċċelerati u jintemmu mingħajr dewmien żejjed; itenni li għandha tingħata attenzjoni akbar lill-proċessi dwar delitti tal-gwerra fil-livell domestiku;

5.  Itenni l-impenn tal-UE lejn il-perspettiva Ewropea u t-tkomplija tal-proċedura ta’ adeżjoni tal-BiH u tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent; jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea huma l-aħjar mod biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni u biex jingħelbu l-mibegħda u d-diviżjonijiet;

6.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ programmi edukattivi u kulturali li jippromwovu komprensjoni tal-kawżi ta’ tali atroċitajiet u jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa li titrawwem il-paċi u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u t-tolleranza fost ir-reliġjonijiet; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-Assoċjazzjoni tal-Ommijiet ta' Srebrenica u l-enklavi ta' Žepa minħabba fir-rwol ċentrali tagħhom biex iżidu s-sensibilizzazzjoni u jibnu bażi usa' għar-rikonċiljazzjoni fost iċ-ċittadini kollha tal-pajjiż;

7.  Jisgħobbih li l-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, li għandu r-responsabbiltà ewlenija għaż-żamma tal-paċi u sigurtà internazzjonali, naqqas milli jgħaddi riżoluzzjoni li tikkommemora il-ġenoċidju ta' Srebrenica. Din hija speċjaliment ħasra, billi l-Qorti tad-Ġustizzja Internazzjonali, il-korp ġuridiku ewlieni tan-NU, iddetermina li r-reati mwettqa f'Srebrenica kienu ġenoċidju;

8.  Jilqa bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina, meħuda b'mod unanimu, li jiddikjara l-11 ta' Lulju bħala Jum ta' Luttu fil-Bożnija-Ħerżegovina;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tiegħu, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

(1) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 468.
(2) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 111.

Avviż legali - Politika tal-privatezza