Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 11 ta' Marzu 2015 - Strasburgu
Regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi ***I
 Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Montenegro ***I
 Kwoti tat-tariffa tal-Unjoni għal-laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja u għal-laħam tal-majjal, il-laħam tat-tjur, il-qamħ u l-maħlut, u tipi ta' nuħħala, il-frak iebes u fdalijiet oħra ***I
 L-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija***I
 Is-sospensjoni ta' ċerti konċessjonijiet relatati mal-importazzjoni fil-Unjoni ta' prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija ***I
 Stabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd għall-Mediterran ***
 It-tneħħija tal-immunità ta' Theodoros Zagorakis
 It-tneħħija tal-immunità ta' Sergei Stanishev
 Linji gwida għall-baġit 2016 - Taqsima III
 Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi
 Rapport ta' Progress 2014 dwar il-Montenegro
 Rapport ta' Progress 2014 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
 Rapport ta' Progress 2014 dwar is-Serbja
 Il-Proċess ta' Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo
 Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015
 Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015
 Il-governanza tas-Suq Uniku fis-Semestru Ewropew 2015
 Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet

Regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi ***I
PDF 303kWORD 54k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (riformulazzjoni) (COM(2014)0323 – C8-0014/2014 – 2014/0168(COD))
P8_TA(2015)0053A8-0014/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – tfassil mill-ġdid)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0323),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8‑0014/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali(2),

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-13 ta' Novembru 2014 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali b'konformità mal-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 104 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0014/2015),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda din il-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Marzu 2015, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (tfassil mill-ġdid)

P8_TC1-COD(2014)0168


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2015/755.)

(1) Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.


Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Montenegro ***I
PDF 304kWORD 55k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta ' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra (test kodifikat) (COM(2014)0374 – C8-0035/2014 – 2014/0190(COD))
P8_TA(2015)0054A8-0051/2014

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0374),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0035/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 Diċembru 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 103 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0051/2014),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali,

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 Marzu 2015 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra (kodifikazzjoni)

P8_TC1-COD(2014)0190


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2015/752.)

(1)Għadha mhiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


Kwoti tat-tariffa tal-Unjoni għal-laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja u għal-laħam tal-majjal, il-laħam tat-tjur, il-qamħ u l-maħlut, u tipi ta' nuħħala, il-frak iebes u fdalijiet oħra ***I
PDF 304kWORD 55k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiftaħ u jipprovdi l-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tat-tariffa tal-Unjoni għal-laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja u għal-laħam tal-majjal, il-laħam tat-tjur, il-qamħ u l-maħlut, u tipi ta' nuħħala, il-frak iebes u fdalijiet oħra (Kodifikazzjoni) (COM(2014)0594 – C8-0169/2014 – 2014/0276(COD))
P8_TA(2015)0055A8-0052/2014

Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0594),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0169/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 Diċembru 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 103 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0052/2014),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali,

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Marzu 2015 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiftaħ u jipprovdi l-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tat-tariffa tal-Unjoni għal-laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja u għal-laħam tal-majjal, il-laħam tat-tjur, il-qamħ u l-maħlut, u tipi ta' nuħħala, il-frak iebes u fdalijiet oħra (Kodifikazzjoni)

P8_TC1-COD(2014)0276


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2015/754.)

(1)Għadha mhiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


L-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija***I
PDF 302kWORD 54k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija (Kodifikazzjoni) (COM(2014)0586 – C8-0166/2014 – 2014/0272(COD))
P8_TA(2015)0056A8-0048/2014

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0586),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0166/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 Diċembru 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 103 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0048/2014),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali,

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 Marzu 2015 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija (kodifikazzjoni)

P8_TC1-COD(2014)0272


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2015/753.)

(1) Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


Is-sospensjoni ta' ċerti konċessjonijiet relatati mal-importazzjoni fil-Unjoni ta' prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija ***I
PDF 303kWORD 54k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissospendi konċessjonijiet oħra fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija (Kodifikazzjoni) (COM(2014)0593 – C8-0170/2014 – 2014/0275(COD))
P8_TA(2015)0057A8-0050/2014

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0593),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0170/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 Diċembru 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 103 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0050/2014),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali,

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 Marzu 2015 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissospendi ċerti konċessjonijiet fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti agrikoli li joriġinaw fit-Turkija (kodifikazzjoni)

P8_TC1-COD(2014)0275


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2015/756.)

(1) Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


Stabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd għall-Mediterran ***
PDF 214kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċettazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (14993/2014 – C8-0027/2015 – 2014/0274(NLE))
P8_TA(2015)0058A8-0038/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (14993/2014),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (15458/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0027/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0038/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim emendat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran.


It-tneħħija tal-immunità ta' Theodoros Zagorakis
PDF 249kWORD 55k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Theodoros Zagorakis (2015/2048(IMM))
P8_TA(2015)0059A8-0044/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Theodoros Zagorakis, imressqa fid-19 ta' Diċembru 2014 mill-Aġent Prosekutur tal-Qorti Suprema tal-Greċja b'rabta mal-kawża li qed tinstema' fil-qorti kriminali mhux kolleġġjali ta' Tessaloniki bir-referenza E2010/3844, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-28 ta' Jannar 2015,

–  wara li Theodoros Zagorakis irrinunzja għad-dritt tiegħu għal smigħ skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010 u fis-6 ta' Settembru 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Greċja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0044/2015),

A.  billi l-Aġent Prosekutur tal-Qorti Suprema tal-Greċja talab li, bi rbit ma' proċedimenti possibbli dwar reat allegat, titneħħa l-immunità ta' Theodoros Zagorakis, Membru tal-Parlament Ewropew;

B.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

C.  billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Greċja, waqt il-mandat ta' leġiżlatura, membru tal-parlament ma tistax issirlu prosekuzzjoni u ma jistax jiġi detenut jew arrestat jew isofri kwalunkwe tip ta' restrizzjoni tal-libertà tiegħu mingħajr il-kunsens tal-parlament;

D.  billi Theodoros Zagorakis huwa akkużat li b'negliġenza kkawża korriment fiżiku u li kiser ir-regoli dwar is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

E.  billi l-prosekuzzjoni kriminali torbot ma' aċċident li impjegat tal-klabb tal-futbol PAOK ġarrab fuq il-post tax-xogħol fl-istadju tal-istess klabb f'Tessaloniki fit-13 ta' Mejju 2010, u li qed issir lil Theodoros Zagorakis bħala President u rappreżentant legali tal-klabb;

F.  billi huwa evidenti li r-reat allegat m'għandu l-ebda konnessjoni mal-pożizzjoni ta' Theodoros Zagorakis bħala Membru tal-Parlament Ewropew, iżda jorbot mal-kariga tiegħu bħala President tal-klabb tal-futbol PAOK;

G.  billi l-prosekuzzjoni kriminali ma tirrigwarda l-ebda opinjoni espressa jew vot mogħti fil-qadi ta' dmirijiet bħala Membru tal-Parlament Ewropew fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi m'hemm l-ebda raġuni għall-preżunzjoni li l-prosekuzzjoni kriminali tibbaża fuq l-intenzjoni li tagħmel ħsara lill-attività politika tal-Membru (fumus persecutionis), ladarba l-prosekuzzjoni kriminali nbdiet bosta snin qabel ma l-Membru ħa l-kariga fil-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Theodoros Zagorakis;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Aġent Prosekutur tal-Qorti Suprema tal-Greċja.

(1) Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Kawża 101/63, Wagner vs Fohrmann u Krier (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1964, p. 381); Sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Kawża 149/85, Wybot vs Faure et. (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1986, p. 2391); Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T–345/05, Mote vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. II–2849); Sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Kawżi Magħquda C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. I–7929); Sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T–42/06, Gollnisch vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010, p. II–1135); Sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Kawża C–163/10, Patricello (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011, p. I–7565).


It-tneħħija tal-immunità ta' Sergei Stanishev
PDF 223kWORD 58k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sergei Stanishev (2014/2259(IMM))
P8_TA(2015)0060A8-0045/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sergei Stanishev, imressqa fl-24 ta' Novembru 2014 mill-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija b'rabta mal-proċediment legali pendenti quddiem il-Qorti tal-Belt ta' Sofia (ref. CCAN Nru C-280/2013), u mħabbra fis-seduta plenarja fil-15 ta' Diċembru 2014,

–  wara li sema' lis-Sur Stanishev, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 70 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0045/2015),

A.  billi l-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija għadda lill-Parlament talba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Belt ta' Sofija għal awtorizzazzjoni li jissuktaw proċedimenti kriminali kontra Sergei Stanishev fir-rigward ta' reat skont l-Artikolu 358(1), flimkien mal-Artikolu 26(1), tal-Kodiċi Kriminali tal-Bulgarija;

B.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

C.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

D.  billi, skont l-Artikolu 70(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, Membru tal-Assemblea Nazzjonali huwa immun mid-detenzjoni jew mill-prosekuzzjoni kriminali għajr għat-twettiq ta' reat kriminali, u billi f'każijiet tali jeħtieġ li jingħata l-permess tal-Assemblea Nazzjonali, jew, jekk din ma tkunx f'sessjoni, tal-President tal-Assemblea Nazzjonali, għajr fil-każ ta' detenzjoni in flagrante delicto; billi, skont l-Artikolu 70(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, il-permess għall-ftuħ ta' prosekuzzjoni kriminali mhuwiex rikjest meta Membru tal-Assemblea Nazzjonali jkun ta l-kunsens tiegħu għal dan bil-miktub;

E.  billi huwa kompitu tal-Parlament waħdu li jiddeċiedi jekk l-immunità għandhiex titneħħa jew le f'każ partikolari; billi l-Parlament, huwa u jiddeċiedi jekk għandux jew le jneħħi l-immunita ta' Membru, jista' b'mod raġonevoli jikkunsidra l-pożizzjoni ta' dak il-Membru(2);

F.  billi r-reat allegat m'għandux rabta diretta jew ovvja mal-qadi ta' dmirijiet tas-Sur Stanishev bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mogħti minnu fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protkoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi investigazzjonijiet ta' qabel il-proċess kontra Sergei Stanishev kienu ilhom li nbdew qabel ma sar Membru tal-Parlament Ewropew, u billi l-proċedimenti kkonċernati għaldaqstant mhuma konnessi bl-ebda mod mal-pożizzjoni tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

H.  billi, fiż-żmien li okkupa l-kariga ta' Prim Ministru u wara ta' Membru tal-Assemblea Nazzjonali, Sergei Stanishev ippreżenta żewġ dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-President tal-Assemblea Nazzjonali, li fihom ta l-kunsens tiegħu għall-ftuħ ta' proċedimenti kriminali kontrih bi qbil mal-Artikolu 70(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija;

I.  billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tressaq bl-intenzjoni li jikkawża ħsara politika lill-Membru kkonċernat,

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Sergei Stanishev;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Bulgarija u lil Sergei Stanishev.

(1) Sentenza fil-Kawża tat-12 ta' Mejju 1964, 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier, EU:C:1964:28; Sentenza fil-Kawża tal-10 ta' Lulju 1986, 149/85 Wybot vs Faure et, EU:C:1986:310; Sentenza fil-Kawża tal-15 ta' Ottubru 2008, T–345/05, Mote vs Il-Parlament, EU:T:2008:440; Sentenza fil-Kawżi Magħquda tal-21 ta' Ottubru 2008, C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente: EU:C:2008:579; Sentenza fil-Kawża tad-19 ta' Marzu 2010, T‑42/06 Gollnisch vs Il-Parlament, EU:T:2010:102; Sentenza fil-Kawża tas-6 ta' Settembru 2011, C-163/10 Patriciello, EU:C:2011:543; Sentenza fil-Kawżi Magħquda tas-17 ta' Jannar 2013, T-346/11 u T-347/11 Gollnisch vs Il-Parliament, EU:T:2013:23.
(2) Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parliament (ċitata hawn fuq), paragrafu 28.


Linji gwida għall-baġit 2016 - Taqsima III
PDF 334kWORD 92k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2016, Taqsima III – Il-Kummissjoni (2015/2008(BUD))
P8_TA(2015)0061A8-0027/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 312 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ġenerali tal-baġit il-ġdid għall-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015(4),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015(5) u s-sitt dikjarazzjonijiet konġunti relatati miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kif ukoll it-tliet dikjarazzjonijiet unilaterali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni dwar Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, li l-Kummissjoni adottat fis-26 ta' Novembru 2014 (COM(2014)0903), u l-proposta għal Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li l-Kummissjoni adottat fit-13 ta' Jannar 2015 (COM(2015)0010)

–  wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 8 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0027/2015),

A.  billi l-baġit tal-UE huwa b'mod predominanti baġit ta' investiment b'effett qawwi ta' ingranaġġ u li huwa katalizzatur għat-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi madwar l-Unjoni; billi dan jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti li inkella jkunu diffiċli jew impossibbli li jsiru u jiżgura l-investiment strateġiku f'azzjonijiet b'valur miżjud Ewropew billi jakkomuna r-riżorsi u jippermetti li jkun hemm ekonomiji ta' skala; billi l-baġit tal-UE għandu impatt pożittiv tanġibbli fuq il-ħajja taċ-ċittadini; billi dan għandu rwol kruċjali fit-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn ir-reġjuni Ewropej u biex jassigura investiment f'żoni fejn huwa l-iktar meħtieġ;

B.  billi, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-livell ta' investiment fl-UE naqas b'mod sinifikanti, u din id-differenza fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni diversi tal-UE żdiedet; billi, minħabba r-restrizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji persistenti fil-livell nazzjonali, il-baġit tal-UE għandu rwol ewlieni fit-trawwim tal-kompetittività u fiż-żieda tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni;

C.  billi l-baġit tal-UE ma jistax iwettaq il-missjoni tiegħu jekk il-validità, l-ekwità u l-kredibilità tiegħu huma mhedda; billi huwa perentorju li l-impenji kollha li jiffurmaw parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 jiġu rispettati bis-sħiħ, u li għadd ta' problemi li akkumulaw matul is-snin ta' qabel, partikolarment l-ammont mingħajr preċedent ta' fatturi mhux imħallsa fi tmiem is-sena 2014, jiġu solvuti mingħajr dewmien; billi dan ix-xogħol b'lura ta' fatturi mhux imħallsa qiegħed jagħti lok għal dewmien fl-implimentazzjoni ta' programmi u fondi tal-UE, fejn iċ-ċittadini tal-UE huma l-ewwel li jbatu minn din is-sitwazzjoni; billi d-dewmien f'pagamenti strutturali jqajjem il-kwistjoni ta' jekk għandhomx jiġu imposti interessi fuq ħlasijiet morużi, peress li l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma obbligati jduru lejn is-swieq finanzjarji għal finanzjament bil-quddiem biex ikopri kontribuzzjonijiet tardivi tal-UE; jenfasizza li d-diżimpenn mhuwiex soluzzjoni għall-kriżi tal-pagamenti; ifakkar li, skont l-Artikolu 310 tat-TFUE, id-dħul u l-ħruġ murija fil-baġit tal-UE għandhom ikunu f'bilanċ;

D.  billi l-2016 se tkun is-sena li fiha l-programmi l-ġodda tal-UE tal-QFP 2014-2020 se jkunu operattivi u għaddejjin b'ritmu tajjeb, u li fiha se titnieda r-reviżjoni ta' nofs it-term tal-QFP;

Lura fuq saqajna: 'it-tliet I': l-Impjiegi, l-Impriża u l-Imprenditorija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea

1.  Jenfasizza l-potenzjal u l-valur miżjud tal-baġit tal-UE fil-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-impriżi u l-imprenditorija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni kollha; jenfasizza wkoll, f'dan il-kuntest, il-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u għall-appoġġ tar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll il-potenzjal ta' tranżizzjoni enerġetika u l-interkonnessjoni li tiġġenera impjiegi ġodda u tkabbir; jirrikonoxxi li firxa wiesgħa ta' programmi tal-UE, bħal Orizzont 2020, COSME, Erasmus+ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, jikkontribwixxu direttament biex jintlaħqu dawn l-għanijiet; jistenna li l-Kummissjoni tqiegħed tali programmi u strumenti orjentati lejn it-tkabbir fil-qalba tal-Abbozz ta' Baġit 2016, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu mogħnija bir-riżorsi neċessarji;

2.  Ifakkar li hemm aktar minn 20 miljun SME fl-UE u li dawn jammontaw għal 99 % tal-impriżi kollha; jemmen li ambjent favorevoli għan-negozju u għall-iżvilupp ta' kultura imprenditorjali, inklużi impjiegi deċenti, fl-UE jistgħu jroddu lill-SMEs ir-rwol tagħhom bħala l-ħallieqa ewlenin tal-impjiegi fl-Unjoni, li ddgħajjef bil-kriżi ekonomika; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien u l-operat ta' negozji li għadhom jibdew fl-UE, permezz ta' konnessjonijiet bejn l-imprendituri u t-trawwim ta' proġetti ġodda; iqis li, flimkien mas-semplifikazzjoni leġiżlattiva u t-tnaqqis tal-burokrazija żejda, l-istrumenti finanzjarji disponibbli fl-ambitu tal-programm COSME għandhom jintużaw b'mod sħiħ biex jgħinu lill-SMEs tul din it-triq b'mod partikolari billi jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-swieq u l-krediti; jenfasizza l-potenzjal kbir tal-Fond Ewropew għal Investiment Strateġiku għall-SMEs u għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;

3.  Jenfasizza li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jiffurmaw l-ikbar sehem tan-nefqa fl-investiment fil-baġit tal-UE u huma strumentali fil-ħolqien tal-impjiegi, l-istimular tat-tkabbir, u t-tisħiħ tal-kompetittività u l-innovazzjoni; jissottolinja l-fatt li l-politika ta' koeżjoni tal-UE kienet strumentali fis-sostenn tal-investiment pubbliku f'oqsma ekonomiċi indispensabbli u kisbet riżultati tanġibbli abbażi tal-fatt li tista' tagħti s-setgħa lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jegħlbu l-kriżi attwali u jiksbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu kull sforz possibbli, matul ix-xhur li ġejjin, biex jiżguraw adozzjoni rapida tal-Programmi Operattivi li baqa', sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tilħaq ritmu tajjeb fl-2016;

4.  Huwa mħasseb dwar il-finanzjament tal-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ mill-2016, minħabba l-forniment minn qabel tal-pakkett finanzjarju kollu kemm hu tal-programm fl-2014 u fl-2015; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ jeħtieġ li tkun iktar intensifikata u li l-possibilitajiet ta' finanzjament kollha għandhom jiġu kkunsidrati għal dan il-għan; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-2016 se tkun l-ewwel sena meta r-riżorsi taħt il-Marġini Globali għall-impenji se jkunu magħmula disponibbli, kif stabbilit fir-Regolament tal-QFP 2014-2020, 'il fuq mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020 għal għanijiet ta' politika relatati mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika r-raġunijiet li kkawżaw dewmien fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm u biex taħdem mal-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-fond jiġi eżawrit;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-mobilità transkonfinali bħala mezz biex l-Ewropa tkun tista' tieħu vantaġġ mill-varjetà ta' ħiliet tal-persuni filwaqt li tespandi l-opportunitajiet ta' taħriġ u ta' impjieg għall-ġenerazzjonijiet kollha; jikkunsidra li programmi ta' mobilità emblematiċi u ta' suċċess bħal Erasmus+ jaħdmu sabiex ikunu ta' benefiċċju kemm għall-individwi kif ukoll għall-ekonomija u għalhekk għandhom ikunu sfruttati bis-sħiħ; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-aspetti soċjali tal-mobilità għandhom dejjem jiġu kkunsidrati u li l-mobilità hija biss waħda mill-għodod possibbli biex jiġi miġġieled il-qgħad u m'għandhiex tkun l-aħħar għażla;

6.  Ifakkar li l-frodi fit-taxxi u l-evażjoni tat-taxxa għandhom effett negattiv fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u, sussegwentement, fuq il-baġit tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, li kwalunkwe frodi relatati mal-VAT, bħal "frodi karusell", ikollhom impatt dirett fuq id-dħul tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-programmi tal-UE li jikkumplimentaw l-azzjoni tal-Istati Membri f'dan il-qasam;

7.  Jilqa' pożittivament l-introduzzjoni ta' kriterji ta' żvilupp ekoloġiku fil-baġit tal-UE; jemmen li l-politiki tal-UE għandhom jikkontribwixxu b'mod effikaċi biex jintlaħqu l-objettivi miftiehma fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u l-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità; jikkunsidra li dawn jirrappreżentaw mezz ewlieni u sfidi globali fit-tul li m'għandhomx jintesew;

Il-baġit tal-UE u l-Pjan ta' Investiment 

8.  Jilqa' bħala l-ewwel pass il-Pjan ta' Investiment ippreżentat mill-Kummissjoni, li jista' joħloq il-potenzjal li jimmobilizza EUR 315 biljun ta' investiment fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u r-riċerka, kif ukoll SMEs u kumpaniji ta' kapitalizzazzjoni medja, sabiex ikun ikkumpensat l-iżbilanċ fl-investiment pubbliku u privat iġġenerat mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; jinnota li l-baġit tal-UE huwa mistenni li jipprovdi l-bażi ta' dan il-pjan ta' investiment billi jagħmel disponibbli t-EUR 8 biljun meħtieġa f'impenji u f'pagamenti għall-proviżjonament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI); iqis li l-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għandha tirriżulta fi qligħ sinifikanti permezz ta' effett ta' ingranaġġ akbar; jikkonferma d-disponibilità tiegħu li jeżamina bl-akbar viġilanza l-mod kif l-impenji finanzjarji tal-UE lejn il-BEI għat-twaqqif tal-EFSI huma mdaħħla fil-baġit tal-UE;

9.  Jenfasizza n-natura addizzjonali u kumplementari tal-Pjan ta' Investiment propost u l-baġit tal-UE kif ukoll l-impenn konġunt tagħhom biex jagħtu spinta lill-ekonomija u jistimolaw il-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li l-baġit tal-UE huwa fih innifsu strument prinċipali ta' investiment bi rwol u missjoni distinti, li pproduċa riżultati tanġibbli b'valur miżjud Ewropew ċar; jinsab konvint li jeħtieġ jintuża kull sforz sabiex jinħolqu sinerġiji mhux biss bejn il-Pjan ta' Investiment u l-baġit tal-UE iżda wkoll ma' baġits nazzjonali, sabiex jitnaqqas id-distakk fl-investiment, tiġi żgurata l-konverġenza u l-istabilità fl-UE, u jiġi massimizzat l-effett tal-infiq pubbliku fuq l-ekonomija reali; jissottolinja, madankollu, l-importanza li jitneħħew l-ostakli eżistenti għall-investiment, b'mod partikolari rigward iċ-ċarezza u l-prevedibilità tal-qafas regolatorju;

Is-solidarjetà interna u esterna u Ewropa sigura

10.  Ifakkar li l-baġit tal-UE huwa għodda ta' solidarjetà interna peress li jappoġġa l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jista' jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar, jippromwovi l-inklużjoni soċjali u jgħin biex jimminimizza l-inugwaljanzi fl-iżvilupp mhux biss bejn l-Istati Membri, iżda wkoll bejn ir-reġjuni tagħhom; jenfasizza li huwa wkoll strument ta' solidarjetà esterna, li jipprovdi għajnuna urġenti fi kriżijiet umanitarji u ċivili billi joffri appoġġ lill-pajjiżi fil-bżonn - bħall-Ukraina - u billi jagħmel lill-UE l-akbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp, bil-għan li jintlaħqu l-impenji tal-Unjoni għall-qerda tal-faqar, kif affermat mill-ġdid fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, u jikkontribwixxi lejn l-aġenda tal-Iżvilupp Globali għal wara l-2015;

11.  Jinnota bi tħassib li l-Ewropa, minkejja li hija wieħed mill-iktar postijiet sikuri fid-dinja, qed tħabbat wiċċha ma' tipi ġodda ta' riskji għas-sigurtà interna tagħha li jeħtieġu li tkun żgurata kooperazzjoni u koordinament aktar mill-qrib tal-pulizija u dik ġudizzjarja, ikunu żviluppati miżuri għal integrazzjoni aħjar u koeżjoni soċjali miżjuda, u fl-istess ħin tippromwovi l-istabilità u l-paċi f'żoni ta' kunflitt; jenfasizza li sforz komuni biex jiġu trattati l-flussi migratorji jinsab f'salib it-toroq kemm tas-solidarjetà interna u kif ukoll ta' dik esterna; ifakkar fl-appoġġ tiegħu għar-rinforz ta' mezzi tal-UE u għall-iżvilupp ta' kultura ta' kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet fost l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mat-trattament tal-asil u l-migrazzjoni, sabiex jassigura fruntieri esterni sikuri u siguri b'rispett sħiħ lejn il-valuri fundamentali tal-UE, b'referenza partikolari għal azzjoni fil-Mediterran u fuq il-fruntiera tax-Xlokk tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi tisħiħ immirat tal-programmi u l-istrumenti rilevanti, biex b'hekk jintwera l-impenn tal-UE biex jiġu ttrattati dawn il-kwistjonijiet;

Rispett tal-impenji

12.  Jinsab konvint li l-baġit tal-UE ma jistax jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu mingħajr ma jissolvew b'mod definittiv u inekwivokabbli għadd ta' problemi li akkumulaw matul l-aħħar ftit snin u, li sfortunatament, iddominaw in-negozjati baġitarji tas-sena l-oħra, primarjament il-problema rikorrenti ta' fatturi mhux imħallsa fi tmiem is-sena kif ukoll il-kwistjoni tal-ibbaġitjar tal-istrumenti speċjali tal-QFP, u d-dewmien fl-implimentar tal-programmi operattivi għall-politika ta' koeżjoni; iqis li sa mhux aktar tard mill-2015 għandhom jiġu introdotti soluzzjonijiet konkreti u sostenibbli għal dawn il-kwistjonijiet pendenti;

13.  Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjonijiet konġunti dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament u dwar pjan ta' pagament li kien hemm qbil dwarhom bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura baġitarja tal-2015, u jqis li azzjoni bħal din għandha tindika li t-tliet istituzzjonijiet qed jaħdmu b'serjetà lejn soluzzjoni għall-problema ta' kontijiet mhux imħallsa; ifakkar fl-impenn meħud li, matul din is-sena, jiġu organizzati mill-inqas tliet laqgħat interistituzzjonali dwar il-pagamenti, sabiex isir bilanċ fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' pagamenti u tal-previżjonijiet riveduti; jistenna li l-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat, f'Marzu 2015, tagħti l-ewwel ħarsa ġenerali lejn il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa fit-tmiem tal-2014 għall-oqsma ta' politika ewlenin; jiddispjaċih li, kif mistenni, lejn l-aħħar tal-2014, dan il-livell laħaq l-ammont bla preċedent ta' EUR 24,7 biljun għall-programmi ta' koeżjoni 2007-2013 biss; jiddeplora l-fatt li dan id-dejn idgħajjef il-kredibilità tal-UE u jikkontradiċi l-objettivi stabbiliti fl-ogħla livell politiku għat-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza li l-pagamenti huma konsegwenza diretta u loġika ta' impenji tal-imgħoddi;

14.  Jagħti importanza kbira għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' pagament solidu bil-għan li jitnaqqas il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem is-sena għal-livell strutturali tiegħu matul il-QFP attwali, kif iddikjarat mill-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni konġunta miftiehma fil-qafas tal-proċedura baġitarja tal-2015; ifakkar li dan il-pjan se jkun miftiehem mit-tliet istituzzjonijiet fi żmien debitu qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ baġit 2016; iqis li l-laqgħa interistituzzjonali f'Marzu 2015 għandha tipprovdi l-opportunità biex it-tliet istituzzjonijiet jaqblu dwar dan il-pjan;

15.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu, li ilu jħaddan, li l-pagamenti ta' strumenti speċjali (Strumenti ta' Flessibilità, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva għal Għajnuna ta' Emerġenza) għandhom jiġu magħduda lil hinn mil-limiti massimi ta' ħlas tal-QFP, bħal fil-każ tal-impenji; jiddispjaċih li l-ebda ftehim ma kien possibbli matul il-proċedura baġitarja tas-sena li għaddiet minħabba l-interpretazzjoni ħażina tal-Kunsill marbuta mad-dispożizzjoni rilevanti tal-QFP; jenfasizza li l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-kwistjoni tista' timplika tnaqqis ulterjuri tal-QFP meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013; jistenna li l-kwistjoni tiġi riżolta mill-Kummissjoni bl-aġġustament tekniku tal-2015 tal-Marġini Globali għall-Pagamenti;

16.  Ifakkar li l-aġenziji tal-UE għandhom rwol importanti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u fl-għanijiet bħalma huma l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li l-aġenziji tal-UE iwettqu l-kompiti konferiti lilhom mill-awtorità leġiżlattiva u għalhekk iridu jiġu rispettati bħala partijiet importanti tal-amministrazzjoni tal-UE; jissottolinja li l-aġenziji jeħtieġu riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti biex ikunu jistgħu jwettqu l-mandati statutorji tagħhom bis-sħiħ u b'mod effikaċi; jenfasizza li aġenzija waħda tal-UE diġà ħabbret il-posponiment u t-tħassir ta' proġetti attwali bħala konsegwenza ta' tnaqqis qawwi fil-baġit u l-persunal deċiż għall-baġit tal-2015; ifakkar fl-oppożizzjoni tal-Parlament għar-riżerva ta' riallokazzjoni, u jitlob lill-Kummissjoni biex treġġa' lura l-effett tagħha meta tippreżenta l-abbozz tal-baġit 2016;

Nimxu 'l quddiem

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex debitament tqis il-prijoritajiet politiċi msemmija hawn fuq hija u tistabbilixxi l-abbozz ta' baġit tagħha għall-2016 b'tali mod li l-programmi u l-azzjonijiet rilevanti tal-UE jingħataw il-mezzi meħtieġa biex jimplimentaw dawn l-għanijiet; jantiċipa, f'dan il-kuntest, reazzjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni għar-rikjesti u l-pożizzjonijiet addizzjonali espressi f'din ir-riżoluzzjoni sabiex jissolvew problemi rikorrenti u tkun iffaċilitata l-proċedura baġitarja ta' din is-sena; jistenna wkoll lill-Kummissjoni biex tipproponi livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fl-abbozz ta' baġit tagħha, abbażi ta' previżjonijiet u ħtiġijiet reali, sabiex tagħti lill-UE r-riżorsi biex tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha;

18.  Ifakkar li skont it-Trattat, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-mezzi finanzjarji jkunu magħmulin disponibbli sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi ġuridiċi tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi; jinsisti għall-użu tal-mezzi kollha disponibbli fl-ambitu tar-Regolament tal-QFP sabiex jintlaħqu l-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni u ma jiġux ipperikolati jew imdewma l-pagamenti lill-partijiet ikkonċernati bħal riċerkaturi, universitajiet, eċċ.;

19.  Jitlob lill-Kunsill, fl-eżami tiegħu tal-baġit tas-sena d-dieħla, jabbanduna l-użu ta' standards doppji u jilħaq l-aspettattivi li tqajmu mid-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu stess, kemm jekk relatati mal-kriżi tal-pagamenti, mal-QFP, mal-istrateġija Ewropa 2020 jew mat-tnedija mill-ġdid tal-investiment; iqis li tali dikjarazzjonijiet u impenji politiċi huma ineffettivi sakemm ma jingħatawx biżżejjed riżorsi baġitarji li jippermettu l-implimentazzjoni tagħhom;

20.  Jimpenja ruħu, fi ħdan il-limiti massimi tal-QFP u b'kunsiderazzjoni xierqa għas-skarsezza gravi ta' pagamenti, biex iwettaq ir-rwol tiegħu bħala fergħa tal-awtorità baġitarja b'dedikazzjoni u responsabilità billi jippromwovi żidiet immirati sew f'dawk l-oqsma baġitarji b'kapaċità ta' assorbiment għolja li jikkorrispondu għall-prijoritajiet politiċi tiegħu u jiggarantixxu riżultati pożittivi; biħsiebu, f'dan ir-rigward, jeżamina, bl-għajnuna tal-kumitati speċjalizzati tiegħu, il-programmi u l-linji baġitarji speċifiċi li jistgħu jiksbu aħjar dan l-objettiv;

21.  Jenfasizza li l-baġit 2016 se jkun kruċjali, mhux biss minħabba li l-2016 se tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjoni l-ġdida tal-QFP dwar il-marġini globali għall-impenji, iżda wkoll minħabba li għandu jservi bħala l-punt ta' riferiment għar-rieżami u r-reviżjoni postelettorali tal-QFP, li għandha titnieda qabel tmiem l-2016; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti prijoritajiet politiċi u jiġu identifikati fi żmien utli oqsma ta' valur miżjud pruvat tan-nefqa tal-UE u li għalihom aktar investimenti se jkunu meħtieġa fit-tieni nofs tal-QFP 2014-2020; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni u l-prestazzjoni ta' programmi fundamentali tal-UE, diġà matul il-proċedura attwali tal-baġit;

22.  Jerġa' jafferma l-pożizzjoni tiegħu favur riforma profonda tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-UE, li attwalment turi nuqqasijiet li qed jikkawżaw ostakli gravi fin-negozjati baġitarji; jagħti, għaldaqstant, l-ogħla importanza politika lill-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-riżorsi proprji, taħt il-Presidenza ta' Mario Monti; jilqa' b'sodisfazzjon "l-ewwel rapport ta' valutazzjoni" tal-Grupp ta' Livell Għoli, li jipproponi li l-kwistjoni ta' riżorsi proprji għall-baġit tal-UE għandha tiġi eżaminata mill-iktar perspettivi possibbli, u jistenna bil-ħerqa r-riżultat tal-ħidma tiegħu u l-proposti finali li għandhom jiġu ppreżentati f'konferenza interistituzzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali, matul l-2016, u kkunsidrat fil-kuntest ta' rieżami u ta' reviżjoni postelettorali tal-QFP;

o
o   o

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0100.
(5) ĠU L 69, 13.3.2015.


Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi
PDF 468kWORD 157k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi (2014/2155(INI))
P8_TA(2015)0062A8-0024/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2014 intitolat "Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi: Rapport Annwali 2013" (COM(2014)0474) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2014)0243, SWD(2014)0244, SWD(2014)0245, SWD(2014)0246, SWD(2014)0247 u SWD(2014)0248),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2013 tal-OLAF,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF: Frar 2013 - Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2014, bit-titolu “Protezzjoni tal-Baġit tal-UE sa tmiem l-2013” (COM(2014)0618),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2014 intitolat "Rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni" (COM(2014)0038),

–  wara li kkunsidra r-Rapport 397 tal-Ewrobarometru Speċjali dwar il-Korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni dwar id-diskrepanza fil-VAT,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni tal-attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Hercule III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2013 dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jissostitwixxi r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2012 dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(4), id-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar l-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(5) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 intitolata "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet dwar il-Liġi Ċivili u l-Liġi Kriminali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l- Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0024/2015),

A.  billi l-baġit tal-UE, li kull Stat Membru jikkontribwixxi għalih b'mod proporzjonali skont kriterji oġġettivi komuni, jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni u jirrappreżenta espressjoni ta' unità u strument biex tavvanza l-integrazzjoni Ewropea;

B.  billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, flimkien mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, għandha tiggarantixxi li d-dħul u l-infiq tal-baġit jikkontribwixxu għall-ksib tal-prijoritajiet u l-objettivi tal-UE u għal aktar fiduċja min-naħa taċ-ċittadini billi tassigurahom li flushom qed jintużaw b'mod trasparenti, f'konformità sħiħa mal-għanijiet u l-politiki tal-UE u fl-interess taċ-ċittadini tal-UE;

C.  billi d-diversità fis-sistemi legali u amministrattivi fl-Istati Membri tirrappreżenta ambjent ta' sfida fejn ikunu megħluba l-irregolaritajiet u tkun miġġielda l-frodi, filwaqt li kwalunkwe użu mhux korrett tal-fondi tal-UE jinvolvi mhux biss telf individwali iżda saħansitra kollettiv u huwa ta' dannu għall-interessi ta' kull Stat Membru u tal-Unjoni kollha;

D.  billi bil-għan li ssaħħaħ il-miżuri eżistenti, bħalma hi l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (Konvenzjoni PIF), għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti għal strumenti tal-liġi kriminali, id-Direttiva PIF u r-Regolament dwar it-Twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ir-Regolament UPPE), immirati biex jiżguraw investigazzjoni aktar effettiva u protezzjoni aħjar tal-flus tal-kontributuri tat-taxxa fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja Ewropew kollu kemm hu;

E.  billi l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fl-Unjoni għandha tkun prijorità tal-azzjoni politika tal-istituzzjonijiet Komunitarji u billi, għalhekk, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri hija fundamentali;

I.Identifikazzjoni u rappurtar ta' irregolaritajiet mhux frodulenti u frodulenti

1.  Jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2013 (ir-"rapport annwali" tal-Kummissjoni); jilqa' l-firxa wiesgħa ta' miżuri legali u amministrattivi meħuda mill-Kummissjoni sa mill-2011, biex b'hekk jinħoloq xenarju ġdid għal aktar tisħiħ tal-politika għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jissottolinja li r-riżultati attwali insuffiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi mhumiex minħabba nuqqas ta' regolamentazzjoni iżda minħabba implimentazzjoni mhux sodisfaċenti; jitlob li l-Kummissjoni tirrispondi għat-talbiet tal-Parlament fir-rapporti PIF annwali preċedenti b'mod aktar f'waqtu fir-rapport tal-Kummissjoni li jmiss;

2.  Ifakkar li, fil-kuntest tad-diffikultajiet ekonomiċi li l-Istati Membri għaddejjin minnhom bħalissa u minħabba r-riżorsi insuffiċjenti fil-baġit tal-UE, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea hi partikolarment importanti; jenfasizza l-fatt li l-fondi tal-UE għandhom jiġu ġestiti u użati bl-aktar mod effiċjenti possibbli;

3.  Jinnota li fl-2013 kienu rrappurtati total ta' 15 779 irregolarità lill-Kummissjoni, li 14 170 minnhom ma kinux frodulenti u 1 609 kienu frodulenti, li jinvolvu ammont globali ta' madwar EUR 2,14-il biljun, li minnhom madwar EUR 1,76 biljun kienu relatati mal-infiq, li jirrappreżentaw 1,34 % tal-pagamenti kollha, bil-bqija tat-EUR 380 miljun jirrappreżentaw 1,86 % tar-riżorsi proprji tradizzjonali gross miġbura;

4.  Jinnota li minkejja li l-impatt finanzjarju globali tal-irregolaritajiet mhux frodulenti rrappurtati fl-2013 naqas għal madwar EUR 1,84 biljun, jew 38 % inqas mill-2012, l-għadd ta' tali irregolaritajiet irreġistrati naqas bi 16 % fuq is-sena preċedenti; jinnota, barra minn hekk, li l-għadd ta' irregolaritajiet frodulenti rrappurtati fl-2013 żdied sa 30 % meta mqabbla mal-2012, filwaqt li l-impatt finanzjarju tagħhom, li jinvolvi EUR 309 miljun f'finanzjament tal-UE, naqas b'21 %;

5.  Jinnota li, minħabba d-disponibbiltà tal-informazzjoni l-ġdida bħala riżultat tal-bidliet sinifikanti fil-mod ta' kif l-Istati Membri u l-Kummissjoni jirrapportaw irregolaritajiet, kien hemm bidla fir-rapport annwali tal-2013 tal-Kummissjoni rigward l-attenzjoni minn irregolaritajiet trattati f'termini ġenerali għal dawk irrappurtati bħala frodulenti; jistieden lill-Kummissjoni żżomm dan l-approċċ fir-Rapport Annwali futur tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni, madankollu, biex tkompli żżid id-disponibbiltà tal-informazzjoni u ssaħħaħ l-analiżi dwar l-iskop, it-tipi u l-impatt ta' irregolaritajiet li mhumiex frodulenti fid-dawl tan-numru għoli ħafna tagħhom u l-impatt monetarju negattiv relatat, li jaffettwa b'mod ħażin l-interessi finanzjarji tal-UE;

6.  Jenfasizza r-responsabbiltà kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiġġieldu kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe tip ieħor ta' attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li l-kooperazzjoni mill-qrib u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma essenzjali biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li għaldaqstant huwa importanti ħafna li kemm il-kooperazzjoni kif ukoll il-koordinazzjoni għandhom jissaħħu u jsiru kemm jista' jkun effettivi; jirrimarka li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kemm għall-parti tar-riżorsi kif ukoll għall-infiq, teħtieġ l-istess livell ta' viġilanza;

7.  Jinnota li t-tendenza ġenerali fl-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-irregolaritajiet frodulenti potenzjali f'dawn l-aħħar ħames snin turi li qed jonqsu bil-mod, għalkemm l-għadd ta' irregolaritajiet mhux irrappurtati bħala frodulenti naqas b'mod progressiv; jitlob li l-Kummissjoni teżamina f'aktar dettall ir-raġunijiet ewlenin sottostanti għal din iż-żieda u li twettaq analiżi li twieġeb il-mistoqsija dwar jekk ix-xejra hijiex dovuta għal bidla lejn l-identifikazzjoni ta' każijiet irregolari jew għall-mod li bih l-Istati Membri jikklassifikaw il-każijiet;

8.  Jinsab konvint li l-mezzi tal-liġi kriminali msemmija fid-Direttiva PIF se jkunu effettivi biss jekk jirnexxilhom jagħtu definizzjoni ċara tal-offiżi fil-qasam tal-PIF, tal-pieni ta' ħabs minimi u massimi applikabbli fl-Istati Membri parteċipanti kollha, u r-regoli minimi dwar il-preskrizzjoni, u jekk dawn id-dispożizzjonijiet sussegwentement jiġux implimentati bl-istess mod u b'effiċjenza mill-Istati Membri kollha;

Dħul ‒ Riżorsi proprji

9.  Jilqa' l-fatt li 98 % tar-riżorsi proprji tradizzjonali jinġabru mingħajr problemi kbar, b'irregolaritajiet frodulenti rrappurtati li jirrappreżentaw 0.29 % tar-riżorsi proprji tradizzjonali gross stabbiliti (b'valur ta' EUR 61 miljun) u irregolaritajiet mhux frodulenti jirrappreżentaw 1,57 % ta' riżorsi proprji tradizzjonali (b'valur ta' EUR 327,4 miljun); jinnota li l-każijiet ta' frodi u irregolarità identifikati fl-2013 ammontaw għal EUR 380 miljun, li minnhom EUR 234 miljun ġew irkuprati mill-Istati Membri; jinnota, b'mod partikolari, il-fatt li r-rata ta' rkupru ta' 62 % għal riżorsi proprji tradizzjonali fl-2013 tirrappreżenta l-aħjar riżultat miksub s'issa matul l-aħħar deċennju;

10.  Jinsab imħasseb li fl-2013 il-maġġoranza tal-ammonti stabbiliti fil-bażi tad-data OWNRES fl-UE-28 kienet relatata mal-proċedura doganali magħrufa bħala r-"rilaxx għal ċirkolazzjoni libera" kemm għal każijiet ta' frodi (93 %) kif ukoll għal każijiet ta' irregolarità (87 %); jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet xierqa mmirati lejn it-tisħiħ tal-proċedura doganali magħrufa bħala r-"rilaxx għal ċirkolazzjoni libera" sabiex il-proċedura ssir inqas suxxettibbli għal okkorrenzi ta' frodi u irregolarità;

11.  Jinsab imħasseb li fl-2013, fil-bażi tad-data OWNRES, ir-rata ta' rkupru għal każijiet ta' frodi kienet ta' 23,74 % biss, ċifra iżgħar mir-rata medja ta' 33,5 % għall-perjodu 2008-2012; jirrimarka li r-rata ta' rkupru għal każijiet ta' irregolarità rrappurtati għall-2013 hija ta' 67,9 %; jissottolinja , b'mod ġenerali, ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u s-servizzi tal-Kummissjoni lejn l-irkupru ta' somom imħallsa indebitament u jistedinhom jassumu bix-xieraq din ir-responsabbiltà u jżidu b'mod sostanzjali r-rata ta' rkupru f'każijiet ta' frodi, li tinsab b'mod ġenerali f'livell baxx ħafna meta mqabbla mar-rata ta' rkupru għal irregolaritajiet mhux frodulenti;

12.  Jilqa' l-firma mill-Unjoni Ewropea, fl-2013, tal-Protokoll tan-NU biex jiġi eliminat il-kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk; josserva li 15-il Stat Membru ffirmaw il-Protokoll iżda li attwalment ġie ratifikat mill-Awstrija biss; jistieden, għaldaqstant, il-bqija tal-Istati Membri biex itemmu l-proċess ta' ratifika rispettiv tagħhom kemm jista' jkun malajr;

13.  Jissottonlinja l-fatt li l-kuntrabandu ta' prodotti intaxxati ħafna jikkawża telf ta' dħul sinifikanti għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri, u li t-telf dirett mid-dħul doganali bħala riżultat tal-kuntrabandu tas-sigaretti waħdu huwa stmat li huwa aktar minn EUR 10 biljun kull sena; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, lejn it-traffikar ta' prodotti foloz, li jikkaġuna ħsara kemm fuq l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kif ukoll fuq kumpaniji tal-UE;

14.  Jirreferi għall-ħidma li għaddejja biex tittejjeb id-data tal-introjtu nazzjonali gross (ING), u għall-kwistjonijiet imqajma fir-Rapport Speċjali Nru 11/2013 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jitlob verifikazzjoni iqsar, aktar iffukata taċ-ċifri tal-ING u rappurtar aħjar u koordinazzjoni rigward ir-riżultati, sabiex is-sistema tal-ING issir dejjem aktar affidabbli fil-kontribut tagħha għall-kalkolu ta' dħul tal-UE;

15.  Jinnota li l-inklużjoni ta' ekonomija inviżibbli fil-kontijiet nazzjonali għandha tikkontribwixxi biex tiżgura data tal-ING aktar kompluta u affidabbli, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Eurostat biex japprofondixxu l-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika biex jiżguraw li dan l-element huwa ttrattat b'mod koerenti u komparabbli fl-Istati Membri kollha, billi tuża l-iktar informazzjoni aġġornata;

16.  Jissottolinja l-fatt li f'ħafna Stati Membri, id-diskrepanza fil-VAT hija kontinwament għolja minħabba l-frodi u l-evitar tal-VAT; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha l-awtorità li tikkontrolla u tissorvelja l-miżuri meħuda mill-Istati Membri; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tuża l-poteri kollha tagħha sabiex tgħin lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi tal-VAT u l-evitar tat-taxxa;

17.  Jinnota, barra minn hekk, li 133 każ ta' sigaretti b'kuntrabandu ġew irreġistrati mill-Istati Membri fl-2013, li jinvolvi stima ta' riżorsi proprji tradizzjonali ta' madwar EUR 7 miljun; jissottolinja li din ix-xejra tirrappreżenta tnaqqis qawwi meta mqabbla mal-2012, fejn kienu rrappurtati 224 każ li jinvolvu madwar EUR 25 miljun ; huwa mħasseb b'mod serju dwar il-fatt li d-Danimarka, l-Estonja, Spanja, Franza, Ċipru, il-Lussemburgu, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Isvezja ma rrappurtaw l-ebda każ ta' sigaretti b'kuntrabandu lill-Kummissjoni fl-2013, u jpoġġi f'dubju l-effiċjenza tal-proċess ta' rappurtar f'dawk l-Istati Membri; jinsisti li l-Istati Membri kollha jirrappurtaw l-każijiet ta' kuntrabandu u iffalsifikar lill-Kummissjoni, b'mod preċiż u fil-ħin, sabiex issir stima aħjar tar-riżorsi proprji tradizzjonali affettwati b'mod negattiv;

18.  Jinnota li l-Kummissjoni se tippubblika studju dwar il-fattibbiltà ta' sistema ta' lokalizzazzjoni u traċċar għall-prodotti tat-tabakk; jissottolinja li dan huwa pass enormi 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu; jitlob li l-Kummissjoni tfassal u timplimenta sistema miftuħa u kompetittiva ta' lokalizzazzjoni u traċċar, b'tali mod li d-disinn u l-mod li bih tiġi implimentata s-sistema ma jiffavorixxux fornitur tas-soluzzjonijiet wieħed jew ftit biss;

Sistema Kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli Intrakomunitarji ta' Prodotti Soġġetti għas-Sisa

19.  Ifakkar li:

   il-Parlament innota fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 dwar ir-Rapport Annwali 2012 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(7) li ż-żieda fl-abbuż tas-Sistema Kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli Intrakomunitarji ta' Prodotti Soġġetti għas-Sisa (EMCS) minn gruppi kriminali ġiet osservata mill-aġenziji tal-infurzar u li l-Parlament kien konvint li hemm nuqqas ta' kontrolli fiżiċi tal-prodotti li qed jiġu trasportati skont l-EMCS;
   il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament b'aġġornament dwar il-miżuri meħuda biex jiżdiedu l-kontrolli fiżiċi fir-Rapport Annwali li jmiss għall-2014 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni;
   id-drittijiet ta' aċċess tal-EMCS għandhom ikunu iktar stretti sabiex jinkludu passat komprensiv ta' konformità qabel in-negozju, sabiex l-atturi kummerċjali jkunu jistgħu jingħataw l-istatus ta' "operatur ekonomiku awtorizzat" ("atturi kummerċjali fdati") u għalhekk jippermettu lil dawn l-atturi biss biex joperaw waħedhom direttament skont l-EMCS;
   il-Parlament talab lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati tal-investigazzjonijiet attwali fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi emendata d-Direttiva 2008/118/KE;
   il-kontrolli tal-verifika mwettqa mill-Istati Membri fuq il-persuni u l-kumpaniji li japplikaw għar-reġistru jeħtieġu li jkunu aktar robusti u komprensivi;
   il-Kummissjoni għandha tispjega l-azzjoni meħuda dwar grad ogħla ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa, peress li l-prodotti jistgħu faċilment jiġu ddikjarati ħażin sabiex jevadu d-dazji tas-sisa;
   il-limiti taż-żmien permessi għall-movimenti tas-sisa bejn l-imħażen awtorizzati huma twal iżżejjed, li jfisser li bosta movimenti fuq l-istess dikjarazzjoni u diverżjoni huma possibbli qabel ma tiddaħħal id-data tal-konsenja fis-sistema; itenni, għalhekk, it-talbiet tiegħu li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ddikkjarat bħala d-destinazzjoni u d-destinazzjoni l-ġdida jeħtieġ li jiġu infurmati immedjatament minn min jikkonsenja dwar kwalunkwe tibdil;
   Il-Parlament talab li ż-żmien massimu permess għas-sottomissjoni tar-rapport dwar il-wasla tal-prodotti tas-sisa għandu jkun ta' ġurnata ta' ħidma waħda u barra minn hekk, li ż-żmien tal-vjaġġ għandu jiġi kkalkulat u stabbilit għal kull trasportazzjoni f'konformità mat-tip ta' mezz ta' trasport użat u d-distanza bejn il-postijiet ta' dispaċċ u d-destinazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament ladarba dawn it-talbiet jiġu implimentati;
   li l-garanziji meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-imħażen doganali huma baxxi wisq meta mqabbla mal-valur tal-prodotti tas-sisa u li għalhekk il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi varjabbli li tiddependi fuq it-tip ta' prodotti u l-livell ta' kummerċ li jseħħ fir-realtà; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament ladarba dawn it-talbiet jiġu implimentati;
   Il-Parlament jinsab imħasseb peress li l-Istati Membri implimentaw is-sistemi tal-EMCS tagħhom stess skont rekwiżiti definiti b'mod wiesa' mill-Kummissjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattiva li tintroduċi sistema aktar uniformi madwar l-UE;

Nefqa

20.  Jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda allarmanti ta' 76 % fl-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti rigward l-infiq tal-UE u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jipprevjenu tali tendenza negattiva fis-snin li ġejjin;

21.  Jesprimi tħassib li fis-settur tal-agrikoltura l-għadd taż-żewġ irregolaritajiet b'mod ġenerali u partikolarment l-attivitajiet frodulenti żdiedu b'mod sinifikanti fl-2013 meta mqabbla mal-2012; jinnota li fl-2013 seħħet tendenza ġdida sinifikanti ta' ksur li tirreferi għal “benefiċjarju li ma għandhux il-kwalità meħtieġa”, b'51 każ ta' irregolarità frodulenti rrappurtati; iqis li dawn it-tendenzi jeħtieġu miżuri speċifiċi mmirati minn naħa lejn l-eliminazzjoni ta' prattiki li jistgħu potenzjalment iwasslu għal ksur mhux intenzjonali, u min-naħa l-oħra jikkonfrontaw b'mod aggressiv imġiba korrotta u kriminali;

22.  Jirrikonoxxi li fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-Istati Membri rkupraw EUR 197 miljun mill-benefiċjarji matul is-sena finanzjarja 2013 filwaqt li EUR 1 318,3 miljun għad iridu jiġu rkuprati mill-benefiċjarji fi tmiem is-sena, li minnhom EUR 1 097,1 miljun huma pendenti għall-baġit tal-UE wara l-applikazzjoni ta' mekkaniżmu ta' 50/50; jinsab mħasseb, minħabba li l-irkupru għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) huwa taħt il-medja globali u lanqas nofs l-irregolaritajiet identifikati fl-2009 ma kienu ġew irkuprati sa tmiem l-2013;

23.  Jirrimarka d-differenzi sinifikanti bejn Stati Membri dwar il-kapaċità tagħhom li jirkupraw somom mitlufa minħabba pagamenti irregolari li jinstabu taħt il-PAK u jħeġġeġ lill-Istati Membri b'rati ta' rkupru taħt it-33 % jtejbu b'mod sinifikanti r-riżultati tagħhom fl-2015 u fis-snin sussegwenti;

24.  Jirrikonoxxi li wara r-riforma tal-2013 tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), l-Istati Membri jibbenefikaw minn livell ogħla ta' flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-politika u huma b'mod partikolari jistgħu jippersonalizzawha għall-kapaċitajiet u l-prijoritajiet reġjonali jew nazzjonali tagħhom, u jagħmlu trasferimenti bejn il-pilastri differenti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li din iż-żieda fil-flessibbiltà mhux se tkun għad-detriment tas-sistemi ta' monitoraġġ u valutazzjoni; jinnota wkoll li fil-qafas tal-PAK il-ġdida, il-Kummissjoni qed taħdem fuq aġenda ta' simplifikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tallinja l-aġenda ta' simplifikazzjoni bis-sħiħ mal-istrateġija kontra l-frodi tad-DĠ AGRI u biex iżżomm bilanċ bejn is-simplifikazzjoni u l-ġestjoni tajba tal-fondi tal-UE billi tiżgura kontrolli adegwati;

25.  Jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li d-dewmien medju bejn l-okkorrenza ta' irregolarità, tal-identifikazzjoni tagħha u fl-aħħar nett ir-rappurtar tagħha lill-Kummissjoni huwa ta' 6,3 snin fis-settur agrikolu u 2,75 snin f'setturi oħra; ifakkar li wara li tiġi identifikata l-irregolarità jsiru proċeduri ulterjuri (ordnijiet ta' rkupru, investigazzjonijiet tal-OLAF, eċċ.); jitlob li l-Kummissjoni tiddetermina t-tul ta' ħajja medja, minima u massima ta' irregolarità identifikata taħt ġestjoni ċentralizzata għal kull settur tal-politika;

26.  Jistenna li ż-żieda sinifikanti ta' 475 % f'irregolaritajiet indikati fis-settur tas-sajd fl-2013 tirrappreżenta l-ogħla żieda ta' sena, dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni ta' programmi fis-settur, u li m'għandhiex tirrappreżenta tendenza negattiva li ddgħajjef il-perċezzjoni tal-valur tal-politika tas-sajd tal-UE;

27.  Jinnota bi tħassib li fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, kien hemm żieda ta' 15 % fl-għadd ta' każijiet ta' irregolaritajiet indikati; jinnota wkoll, madankollu, li ġie nnutat tnaqqis ta' 49 % fl-ammonti involuti f'każijiet mhux frodulenti u 22 % f'każijiet ta' frodi;

28.  Jinnota li 321 irregolarità rrappurtati bħala frodulenti u 4 672 irrappurtati bħala mhux frodulenti kienu marbuta mal-politika ta' koeżjoni; jirrikonoxxi l-fatt li fiż-żewġ kategoriji kien hemm żieda ta' 15 % fin-numru tar-rapporti meta mqabbel mal-2012, u li bħal ma ġara fi snin preċedenti, l-akbar sehem ta' ammonti li jinvolvu irregolaritajiet fl-2013 (63 %) għadu marbut mal-politika ta' koeżjoni; jinnota, madankollu, li fiż-żewġ kategoriji kien hemm tnaqqis fl-ammonti korrispondenti u jidher li abbażi tal-esperjenza tas-snin preċedenti dan hu titjib gradwali filwaqt li għall-ewwel darba l-politika ta' koeżjoni ma kinitx il-qasam tan-nefqa baġitarja bl-ogħla numru ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti;

29.  Jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' informazzjoni disponibbli dwar l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati u r-rati ta' rkupru relatati mal-politika ta' koeżjoni għas-sena finanzjarja 2013; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata f'dan ir-rigward fir-rapport annwali futur tagħha;

30.  Jinnota li fir-rigward tal-infiq skont ġestjoni ċentralizzata u f'perspettiva ta' ħames snin, ir-rata ta' rkupru hija ta' 54,4 % għal irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u 63,9 % għal irregolaritajiet mhux frodulenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-proċess ta' rkupru u tagħmlu aktar f'waqtu;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-irkupru ta' fondi mħallsa indebitament fil-baġit tal-UE u biex tistabbilixxi prinċipji uniformi ta' rappurtar fl-Istati Membri kollha bil-għan li tiġbor id-data komparabbli u preċiża xierqa;

32.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li fir-rigward ta' ordnijiet ta' rkupru kwalifikati bħala irregolaritajiet (kemm dawk irrappurtati bħala frodulenti kif ukoll dawk mhux irrappurtati bħala frodulenti) maħruġa bejn l-2009 u l-2013 taħt ġestjoni ċentralizzata, id-dewmien medju bejn l-okkorrenza ta' irregolarità u l-identifikazzjoni tagħha huwa ta' 3,4 snin: aktar minn nofs il-każijiet (54 %) kienu identifikati fi żmien 4 snin tas-sena meta twettqet l-irregolarità, u d-dewmien għan-nofs l-ieħor (46 %) varja bejn 4 snin u 13-il sena; ifakkar li wara tiġi identifikata l-irregolarità, isiru proċeduri ulterjuri (ordnijiet ta' rkupru, investigazzjonijiet tal-OLAF, eċċ.); jitlob li l-Kummissjoni tiddetermina t-tul ta' ħajja medja, minima u massima ta' irregolarità identifikata taħt ġestjoni ċentralizzata;

33.  Huwa sodisfatt li l-għadd ta' każijiet irrappurtati bħala frodulenti li jappartjenu lill-Fond Soċjali Ewropew fl-2013 kien 40 % inqas minn dak fis-snin 2009 u 2010 u li l-2013 kienet it-tielet sena konsekuttiva fejn din it-tendenza pożittiva inżammet;

34.  Jinnota b'sodisfazzjon li għall-perjodu ta' programmar 2007-2013 il-verifiki amministrattivi u dawk fuq il-post u l-operazzjonijiet ta' awditjar wasslu għar-rata ferm ogħla ta' 63 % fl-identifikazzjoni ta' irregolaritajiet frodulenti, meta mqabbla ma' rata ta' inqas minn 20 % għall-perjodu preċedenti ta' seba' snin, minkejja li kien hemm tnaqqis żgħir għal 55 % fl-2013;

35.  Jieħu nota li fl-2013, il-Kummissjoni temmet bi 217-il każ ta' interruzzjoni ta' pagament fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u li 131 kienu għadhom miftuħa fi tmiem is-sena, u li dawn jinvolvu ammont ta' EUR 1,977 miljuni; jirrikonoxxi wkoll li l-Kummissjoni adottat 15-il deċiżjoni ta' sospensjoni fl-2013 u tnejn f'Jannar 2014;

36.  Jirrikonoxxi li fl-2013, bħala parti mill-assistenza ta' qabel l-adeżjoni, 33 irregolarità kienu rrappurtati bħala frodulenti, u li dawn jinvolvu ammont ta' EUR 14,4 miljun, u li dawn l-irregolaritajiet huma marbuta l-aktar mal-Programm Speċjali tal-Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (SAPARD); jinnota, barra minn hekk, li disa' irregolaritajiet frodulenti li jinvolvu ammont ta' EUR 1,2 miljun ġew irrappurtati taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA); josserva li bejn l-2003 u l-2013, taħt l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni, ir-rati ta' rkupru laħqu s-37,36 % u 29,22 % rispettivament għal każijiet ta' irregolaritajiet u każijiet ta' frodi; jistieden lill-Kummissjoni u l-pajjiżi benefiċjarji tal-IPA jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw rata ogħla ta' rkupru taħt l-IPA;

37.  Jappella għal proposti biex jitnaqqas l-għadd ta' programmi ta' nfiq, b'mod partikolari meta huma jikkoinċidu parzjalment, u sabiex il-programmi jkunu mmirati, kull meta jkun possibbli, lejn l-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn ta' appoġġ, b'tali mod li mhux il-programmi kollha neċessarjament jibbenefikaw attivitajiet fl-Istati Membri kollha;

38.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li bosta proġetti ffinanzjati mill-BEI ġew affettwati mill-korruzzjoni u l-frodi; iqis li d-dokument tal-BEI, bid-data tat-8 ta' Novembru 2013, li jiddefinixxi l-politika tal-BEI dwar il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' prattiki ta' korruzzjoni, frodi, kollużjoni, koerċizzjoni, ostruzzjoni, ħasil tal-flus u finanzjament għat-terroriżmu, jindika nuqqas ta' kontroll suffiċjenti f'għadd ta' każijiet matul l-implimentazzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-BEI; jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li fl-2013 il-BEI ffinanzja l-proġett Passante di Mestre għal total ta' EUR 350 miljun u li, minkejja l-fatt li dan il-proġett kien affettwat minn korruzzjoni u frodi, li wassal għall-arrest ta' bosta persuni involuti, huwa qed jikkunsidra jekk jiffinanzjax il-proġett mill-ġdid għal ammont addizzjonali ta' EUR 700 miljun permezz ta' bonds tal-proġetti; jitlob, għaldaqstant, li, f'każijiet ta' frodi u korruzzjoni bi prova, ikun jeħtieġ li l-BEI jissospendi u/jew jimblokka kwalunkwe finanzjament għall-proġett affettwat li jkun previst u li jkun għaddej;

II.Problemi identifikati u miżuri meħtieġa

39.  Jissottolinja t-tħassib tiegħu fir-rigward tat-theddid persistenti għall-baġit tal-UE, minħabba ż-żewġ nuqqasijiet biex ikunu konformi mar-regoli (irregolaritajiet mhux frodulenti) u l-għemejjel ħżiena bi skop u reati kriminali (jiġifieri, frodi); jinsisti fuq kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni bil-għan li jiżguraw miżuri u mezzi rilevanti u adegwati biex irregolaritajiet mhux frodulenti jkunu evitati u korretti u tkun miġġielda l-frodi;

40.  Jisħaq fuq il-fatt li s-sitwazzjoni fejn l-Istati Membri jonqsu milli jibagħtu d-data fiż-żmien jew li jressqu data preċiża hija waħda li ilha tirrikorri għal bosta snin; itenni t-tħassib tiegħu li għad hemm approċċi differenti fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti, inkluż f'tali oqsma bħall-politika ta' koeżjoni u tal-agrikoltura, u li f'xi każijiet hemm interpretazzjonijiet mhux standardizzati meta jkun applikat il-qafas legali; jirrimarka li dan ifixkel il-possibilità li jsiru paraguni u li ssir valutazzjoni oġġettiva u l-ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-OLAF; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida u indikaturi komuni sabiex jonqos id-distakk bejn l-approċċi differenti tal-Istati Membri u biex tiżviluppa bank ta' informazzjoni unifikat u komprensiv dwar irregolaritajiet li fil-fatt ġew instigati u dwar miżuri meħuda, inklużi każijiet ta' frodi u korruzzjoni li jinvolvu persuni fis-servizz ċivili, u b'hekk jipprovdu lill-awtoritajiet u liċ-ċittadini b'data affidabbli, komparabbli u ċentralizzata għall-implimentazzjoni ta' miżuri korrettivi effettivi, u għal valutazzjoni oġġettiva tal-gravità attwali, aktar milli perċepita, tal-ksur u tal-partijiet responsabbli;

41.  Josserva li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Istati Membri fl-2012 li l-istatus ta' implimentazzjoni tagħhom huwa rrappurtat fir-rapport annwali 2013 tal-Kummissjoni – partikolarment dwar servizzi ta' koordinazzjoni kontra l-frodi, ir-regoli komuni dwar il-frodi, ir-riforma tal-akkwist pubbliku, l-irregolaritajiet frodulenti rrappurtati, u tas-sistemi ta' verifiki u kontrolli u ta' valutazzjoni tar-riskju – kienu ġeneralment xierqa u jiddispjaċih li numru ta' problemi ma ġewx indirizzat kompletament; jinnota, pereżempju, li t-tħejjijiet ma ġewx imnedija mill-Istati Membri kollha għall-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 u d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-prevenzjoni tal-frodi; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni indirizzatilhom fl-2012 u biex jiżguraw li dawk li indirizzatilhom fir-rapport tagħha tal-2011 kif ukoll fir-rapport tagħha tal-2013 ikunu segwiti bis-sħiħ u jagħtu spjegazzjoni motivata fil-każ fejn ma setgħux jaġixxu fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

42.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-irregolaritajiet mhux frodulenti spiss huma kkawżati minn għarfien insuffiċjenti tar-regoli, u minn rekwiżiti u regolamenti kumplessi; jirrimarka li l-modifiki għar-regoli li jappartjenu kemm għad-dħul kif ukoll għall-infiq, inklużi dawk immirati lejn is-simplifikazzjoni, jeħtieġu ż-żmien għall-adozzjoni min-naħa tal-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni xierqa tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex jikkoordinaw aħjar l-interpretazzjoni tal-qafas legali u l-applikazzjoni stretta tiegħu, biex jimplimentaw miżuri mmirati u f'waqthom li jsaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi, kemm fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u fost il-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż permezz ta' gwida u taħriġ u billi jistabbilixxu skemi biex jinżamm persunal kwalifikat u b'ħiliet xierqa; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iwettqu valutazzjoni ta' nofs it-term dwar jekk l-istruttura regolatorja ġdida tal-politika ta' koeżjoni tkomplix tipprevjeni u tnaqqas ir-riskju ta' irregolaritajiet, u biex tevalwa l-possibbiltà ta' aktar simplifikazzjoni regolatorja fir-rigward tar-regoli eżistenti;

43.  Iqis li Stati Membri li waħedhom jidentifikaw u jirrappurtaw irregolaritajiet, inklużi każijiet ta' frodi, għandhom jiġu appoġġjati u mħeġġa jkomplu jtejbu s-sistemi ta' rappurtar u ta' ġestjoni; jesprimi tħassib għan-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi jekk l-għadd baxx ta' irregolaritajiet u każijiet ta' frodi indikati minn ċerti Stati Membri u d-differenzi kbar fl-għadd ta' każijiet irrappurtati għal snin differenti humiex minħabba n-nuqqas ta' effikaċja tas-sistemi ta' kontroll ta' dawn l-Istati Membri;

44.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li xi Stati Membri biss jallokaw ir-riżorsi rilevanti sabiex jiġġieldu kontra l-frodi u jidhirlu li huwa inaċċettabbli li f'każijiet ta' irregolaritajiet frodulenti xi Stati Membri jillimitaw l-azzjonijiet tagħhom għal miżuri korrettivi biss mingħajr ma jipproċedu b'investigazzjonijiet tar-reat kriminali potenzjali u jissanzjonaw lil dawk responsabbli, filwaqt li b'hekk jonqsu milli jipproteġu b'mod adegwat l-interessi finanzjarji kemm tal-kontribwenti tal-UE u dawk individwali; jinnota li l-istatistika ppreżentata mill-Istati Membri dwar il-każijiet kriminali u l-eżitu tagħhom mhijiex kompluta, fatt li jagħmilha diffiċli biex jiġu evalwati l-effikaċja tal-investazzjoni dwar il-frodi u l-proċeduri ta' prosekuzzjoni fl-Istati Membri; iqis, għaldaqstant, li l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jintroduċu r-responsabbiltà ġuridika penali fil-livell tal-UE, u l-introduzzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bħala għodda sabiex jinbdew u jiġu kkoordinati l-investigazzjonijiet f'tali irregolaritajiet, għandha tirrappreżenta diżinċentiv qawwi għall-atti illegali kif ukoll ir-rinunzja ta' proċess ġust fl-insegwiment u l-kastig ta' imġiba korrotta jew kriminali li hija ta' dannu għall-interessi finanzjarji tal-UE;

45.  Huwa tal-opinjoni li azzjoni effettiva kontra l-korruzzjoni hija possibbli jekk miżuri tad-dritt kriminali jiġu rispettati u kkumplimentati minn miżuri oħra bħal trasparenza u responsabbiltà aħjar; jinsisti, għaldaqstant, li l-Istati Membri juru rieda politika soda biex jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-korruzzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni effikaċi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u billi jipproċedu bil-proposti eżistenti fil-livell tal-UE, u jistieden liċ-ċittadini jeżerċitaw pressjoni b'mod konvinċenti fuq il-gvernijiet biex iwettqu b'mod vigoruż politiki sinifikanti kontra l-korruzzjoni;

46.  Jilqa' l-ewwel Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni ta' Frar 2014 bħala għodda siewja biex tissorvelja u tivvaluta l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jafferma mill-ġdid l-importanza partikolari ta' intensifikazzjoni tal-iskambji ta' prattiki attwali tajbin enfasizzati f'dan ir-rapport; jilqa' wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308 final), li tesplora l-passi meħtieġa biex jiġu implimentati aħjar l-istrumenti eżistenti kontra l-korruzzjoni u jipproponi modi biex jiġu integrati kunsiderazzjonijiet iktar b'saħħithom kontra l-korruzzjoni f'għadd ta' oqsma ta' politika interna u esterna; jinnota, madankollu, l-importanza tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rapport kontra l-Korruzzjoni għall-element transkonfinali u fil-livell tal-UE ta’ korruzzjoni u għall-valutazzjoni tal-miżuri meħuda biex ikomplu jtejbu l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija kompletament komprensiva u koerenti kontra l-korruzzjoni li tiġbor fiha l-politiki kollha tal-UE, li tindirizza, inter alia, it-tħassib li tqajjem fl-ewwel Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE tal-politiki interni tagħhom kontra l-korruzzjoni, inklużi l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni strutturata bejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-korpi ta’ kontra l-frodi, u l-importanza ta’ koordinazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u fost l-amministrazzjonijiet differenti fl-istess Stat Membru sabiex l-approċċ għall-indirizzar tal-frodi jiġi omoġenizzat kemm jista’ jkun; jistieden lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, sabiex jippermettu paragun/tqabbil tar-reġistri tal-kontabilità dwar it-tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar bil-ħsieb li jgħin biex jinstab kwalunkwe frodi transnazzjonali fil-kuntest tal-QFP 2014-2020 il-ġdid, fir-rigward ta' makrokategorija ta’ Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (Fond Soċjali Ewropew — FSE; Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – FEŻR; Fond ta’ Koeżjoni – FK; Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali – FAEŻR; Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd – FEMS), sabiex jiġi żgurat approċċ orizzontali biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea;

48.  Jenfasizza l-fatt li aktar trasparenza li tippermetti skrutinju xieraq hija fundamentali biex jiġu identifikati l-iskemi ta’ frodi; ifakkar li fis-snin li għaddew il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura sors uniku ta' trasparenza rigward il-benefiċjarji kollha ta’ fondi tal-UE mill-Istati Membri kollha billi tippubblika fuq il-websajt tal-Kummissjoni lista tal-benefiċjarji kollha, b’mod indipendenti mill-amministratur tal-fondi u li tkun ibbażata fuq kategoriji standard ta’ informazzjoni li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu, b’mill-inqas waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni u jipprovdulha informazzjoni kompluta u affidabbli fir-rigward tal-benefiċjarji tal-fondi tal-UE ġestiti mill-Istati Membri; jiddispjaċih għall-fatt li din il-miżura ma ġietx implimentata u jistieden lill-Kummissjoni timplimentaha b’mod urġenti; jiddispjaċih għall-fatt li din it-talba ripetuta ma ġietx ikkunsidrata mill-Kummissjoni;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi leġiżlazzjoni adegwata dwar il-protezzjoni tal-informaturi, l-aċċess għall-informazzjoni u t-trasparenza tal-lobbying, peress li dawn huma meħtieġa biex jiġi żgurat il-kontroll ċiviku tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE u jissuġġettaw il-prattiki tagħhom għall-iskrutinju pubbliku, u biex tuża l-finanzjament tal-UE li jappoġġja l-ħidma ta’ organizzazzjonijiet indipendenti f’dan il-qasam, inter alia biex jiġi stabbilit appoġġ finanzjarju għal ġurnaliżmu investigattiv transkonfinali;

50.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ ir-rwol superviżorju tagħha fir-rigward tal-infiq baġitarju tal-UE permezz ta' attivitajiet ta' awditjar, kontroll u spezzjoni, pjanijiet ta' azzjoni ta' rimedju u ittri ta' twissija li jippreċedu t-talbiet għall-ħlas; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tagħhom biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom sabiex jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jintalab rimborż mill-Kummissjoni billi jsir użu sħiħ mill-informazzjoni disponibbli għalihom; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-valur partikolari ta' azzjonijiet preventivi biex jiġu evitati żborżamenti illegali u b'hekk tiġi eliminata l-ħtieġa għal azzjonijiet sussegwenti biex ikunu rkuprati fondi miżapproprjati;

51.  Jilqa' l-adozzjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku u d-direttiva dwar l-għoti ta' konċessjonijiet, u jilqa' l-fatt li għaxar Stati Membri diġà introduċew miżuri speċifiċi jew sett ta' miżuri fl-akkwist pubbliku sabiex tittaffa l-korruzzjoni u tissaħħaħ it-trasparenza u l-effikaċja tas-sistemi ta' ġestjoni, kontroll u awditjar; jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bl-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku sabiex tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri permezz ta' gwida, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u t-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni biex kontinwament u b’mod imparzjali timmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mad-direttivi eżistenti u tibda proċeduri ta’ ksur jekk ikun meħtieġ;

52.  Jinnota li l-livell ta' irregolaritajiet u frodi kkawżat min-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku għadu għoli; jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu malajr fil-liġi nazzjonali d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, adottata dan l-aħħar, tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku(8), id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali(9), u d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni(10), sabiex ikomplu jnaqqsu r-riskju ta’ irregolaritajiet u frodi;

53.  Jilqa' l-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Kompetenza għall-bini ta' kapaċità amministrattiva b'appoġġ għal amministrazzjonijiet pubbliċi responsabbli għall-ġestjoni tal-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni u l-introduzzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Akkwist Pubbliku żviluppat miċ-Ċentru ta' Kompetenza flimkien mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni; jitlob, madankollu, li l-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riżultati konkreti miksuba s'issa bħala riżultat tal-attivitajiet taċ-ċentru u tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni msemmi hawn fuq;

54.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm l-politika stretta tagħha ta’ interruzzjonijiet u sospensjoni ta’ pagamenti;

55.  Jilqa' r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi u l-gwida pprovduta lill-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti kontra l-frodi; jinsisti, madankollu, li l-Kummissjoni tadotta regoli aktar simplifikati li jiffaċilitaw assorbiment effikaċi u effiċjenti fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni li jappartjenu lill-fondi Ewropej strutturali u ta’ investiment, filwaqt li jiġi żgurat li l-livell tal-ġlieda kontra l-frodi ma jkunx imminat minn dawn l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni;

56.  Jilqa’ t-twaqqif ta’ Servizzi ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS) fl-Istati Membri kif meħtieġ mill-Artikolu 3(4) tar-Regolament il-ġdid tal-OLAF u l-fatt li l-Ġermanja kkonfermat mill-ġdid l-arranġament ta’ kooperazzjoni ta' ħidma tagħha mal-OLAF; jinnota li l-AFCOS għandhom l-għan li jiffaċilitaw kooperazzjoni effikaċi u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF u jinsisti li Stati Membri li għadhom ma stabbilixxewx l-AFCOS biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; jistenna li l-AFCOS jassistu biex jiffaċilitaw rappurtar aħjar ta' irregolaritajiet u jikkontribwixxu għal interpretazzjoni bbilanċjata tal-atti rilevanti tal-UE; jinsab madankollu mħasseb dwar diskrepanzi sostanzjali li diġà jeżistu bejn id-diversi AFCOS stabbiliti fl-Istati Membri f’termini ta’ funzjonijiet, kompiti u setgħat kif ukoll ir-riżorsi umani allokati; jirrikonoxxi li l-mandat tal-AFCOS, il-qafas istituzzjonali u l-kompiti mhumiex definiti fid-dettall fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, iżda huwa tal-opinjoni li l-AFCOS li huma operazzjonalment indipendenti b’mandat komprensiv, inklużi setgħat investigattivi, jirrappreżentaw punt ta’ referenza biex jiġu żviluppati mill-Istati Membri kollha;

57.  Jirrikonoxxi r-rappurtar tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-programm Hercule II; jinnota li fl-2013 il-baġit ta' Hercule II ġie mnaqqas għal EUR 14-il miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 9,9 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament meta mqabbla mal-2012, u dan irriżulta f'diffikultajiet biex jissodisfaw l-impenji finanzjarji magħmula fl-2013 u fis-snin ta' qabel; josserva b'sodisfazzjon li l-attivitajiet ta' Hercule II huma suġġett ta' interess dejjem akbar fost l-Istati Membri, kif jixhed l-għadd dejjem jikber ta' applikazzjonijiet li waslu wara sejħiet għal proposti; jilqa’ r-riżultati pożittivi miksuba fl-2013, fil-Ġermanja, Spanja u r-Rumanija pereżempju, bis-saħħa tal-introduzzjoni ta’ tagħmir tekniku kompatibbli sofistikat ħafna u transnazzjonali mixtri skont il-Programm;

58.  Jilqa’ l-adozzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi Hercule III għall-perjodu finanzjarju 2014-2020, li jippermetti żieda perċentwali massima ta’ kofinanzjament għal għotjiet ta’ assistenza teknika ta’ 80 % tal-ispejjeż eliġibbli, u sa 90 % f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, minflok il-massimu ta’ 50 % taħt id-Deċiżjoni ta' Hercule II; jinnota li l-ewwel sejħa għal proposti ġiet imnedija b’suċċess fl-2014; jinsab, madankollu, imħasseb li l-programm diġà huwa affettwat b’mod partikolari mill-kwistjoni tal-pagamenti pendenti, li jwassal għal effetti negattivi possibbli fuq proġetti ffinanzjati u futuri; ifakkar kemm huma importanti l-istrumenti finanzjarji sodi bħalma huma Pericles 2020 u Hercule III fil-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali li jaffettwaw ir-riżorsi tal-Unjoni;

59.  Jilqa' l-eżiti ta' suċċess ta' bosta operazzjonijiet doganali konġunti li jinvolvu l-kooperazzjoni tal-OLAF u tal-Istati Membri ma' bosta servizzi ta' pajjiżi terzi flimkien ma' appoġġ attiv minn DĠ Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Europol u l-Frontex, li rriżultaw fil-qbid ta' 68 miljun sigaretti tal-kuntrabandu, 124 kg ta' kokaina u 140 000 litru ta' diżil fost l-oħrajn;

60.  Jinnota li, fl-2013, l-OLAF ħareġ 353 rakkomandazzjoni għan-nefqa amministrattiva, dixxiplinarja, finanzjarja jew ta’ azzjoni ġudizzjarja li għandhom jittieħdu mill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, il-korpi, l-uffiċċji, l-aġenziji jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u li madwar EUR 402,8 miljun ġew rakkomandati għall-irkupru; jinsab imħasseb li r-rata ta’ akkuża wara r-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF għall-perjodu 2006-2013 hija biss ta' madwar 54 %; huwa mħasseb minħabba li r-rata baxxa ta’ akkuża titfa’ wkoll dawl ikrah fuq il-kwalità u l-utilità tar-riżultati investigattivi tal-OLAF; jistieden lill-Kummissjoni sabiex b’mod urġenti ttejjeb l-effikaċja tal-OLAF; iqis li sorveljanza komprensiva u xierqa fuq affarijiet tal-OLAF mill-Kumitat ta' Sorveljanza (mingħajr interferenza fl-investigazzjonijiet li għaddejjin) hija indispensabbli, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-OLAF biex itejbu s-sitwazzjoni attwali fejn il-Kumitat ta’ Sorveljanza ma jkunx jista’ jissodisfa l-għan tiegħu; jiddispjaċih ukoll dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli dwar ir-rati ta’ kundanna f’każijiet li jinvolvu reati kontra l-baġit tal-Unjoni;

III.Investigazzjonijiet u r-rwol tal-OLAF

61.  Jieħu nota li fl-2013 l-OLAF irrapporta huwa stess li rċieva l-akbar ammont ta’ informazzjoni reġistrata s’issa u jiddikjara li ħareġ għadd mingħajr preċedent ta’ rakkomandazzjonijiet; jinnota li l-metodu biex tingħadd informazzjoni li tkun dieħla u rakkomandazzjonijiet maħruġa ġie modifikat; jitlob lill-Kumitat ta’ Sorveljanza biex janalizza l-effetti ta’ dawn il-bidliet tad-data u l-kwalità tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-OLAF;

62.  Jistieden lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF biex jinforma lill-Parlament dwar it-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u l-metodu tal-kalkolu tiegħu, peress li dan il-metodu ġie mibdul fl-2012; jirrimarka li din il-bidla apparenti tista’ tnaqqas b’mod artifiċjali t-tul tal-investigazzjonijiet; jitlob lill-Kumitat ta’ Sorveljanza biex janalizza mill-qrib il-kwalità tal-informazzjoni mogħtija mill-OLAF, inklużi rapporti lill-istituzzjonijiet;

63.  Jinnota l-adozzjoni tal-arranġamenti ġodda ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-Kumitat ta' Sorveljanza tiegħu u jappella għal riżoluzzjoni malajr ta’ kwistjonijiet li fadal bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF.

(1) ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6.
(2) ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 121.
(5) ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 62.
(6) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0338.
(8) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(9) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(10) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.


Rapport ta' Progress 2014 dwar il-Montenegro
PDF 266kWORD 106k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport ta’ Progress tal-2014 dwar il-Montenegro (2014/2947(RSP))
P8_TA(2015)0063B8-0211/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-anness tagħhom bl-isem “L-Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: nimxu lejn l-integrazzjoni Ewropea”,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra(1), tad-29 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-Montenegro tas-16 ta’ Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar il-progress tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tar-riformi (COM(2012)0222), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2012 li ddeċidew li jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro fid-29 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-15" tat-8 ta' Ottubru 2014 (COM(2014)0700), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2014)0301 bit-titolu "Montenegro 2014 Progress Report", u d-Dokument ta' Strateġija Indikattiv (2014-2020) adottat fid-19 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2014 dwar it-tkabbir u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tad-disa' Laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro (KPSA), tal-1 u t-2 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Montenegro,

–  wara li kkunsidra x-xogħol ta' Charles Tannock bħala r-rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għall-Montenegro,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Montenegro attwalment huwa l-uniku pajjiż tar-reġjun li qiegħed jiftaħ u provviżorjament jagħlaq il-kapitoli tan-negozjati mal-UE, li huwa żvilupp milqugħ tajjeb; billi dan ir-rwol ta' gwida huwa meqjus li jikkostitwixxi żieda fir-responsabilità, kemm fil-kuntest reġjonali u kemm għal dak li għandu x'jaqsam mal-proċess tat-tkabbir fl-assjem tiegħu;

B.  billi kull pajjiż kandidat jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u l-progress ulterjuri ser jiddependi mill-implimentazzjoni effiċjenti tal-strateġiji ta’ riforma u l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-pajjiż;

C.  billi djalogu sostenibbli u kooperazzjoni kostruttiva bejn il-gvern u l-oppożizzjoni huma importanti sabiex isir progress fil-preparazzjonijiet għall-adeżjoni u biex tiġi żgurata l-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess elettorali u fl-istituzzjonijiet Statali; illi l-forzi politiċi kollha għandhom jibqgħu ffukati fuq il-proċess ta’ adeżjoni tal-pajjiż mal-UE;

D.  billi l-Montenegro għandha tkompli tiżviluppa rekord sod fir-rigward tal-istat tad-dritt, li huwa prerekwiżit fundamentali għall-adeżjoni mal-UE u l-assunzjoni tal-obbligi tas-sħubija mal-UE; billi l-korruzzjoni għadha problema serja ħafna;

E.  billi s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol importanti fil-proċess ta' riforma u ta' adeżjoni mal-UE;

F.  billi l-kwistjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-midja għadha waħda ta’ tħassib; billi kien hemm każijiet ġodda, għalkemm hu rrappurtat li naqsu, ta’ vjolenza kontra l-midja matul il-perjodu ta’ rappurtar; billi l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jtejbu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-inċidenti antiki u ġodda u joħolqu atmosfera pożittiva għall-funzjonament ħieles u indipendenti tal-midja;

1.  Jilqa' l-progress li sar fin-negozjalti tal-adeżjoni, filwaqt li jinnota li sa issa nfetħu sittax-il kapitolu, fosthom il-kapitoli 23, 24 u 31, u tnejn (xjenza u riċerka, edukazzjoni u kultura) ingħalqu provviżorjament;

2.  Jinkoraġġixxi t-tkomplija tan-negozjati ta’ adeżjoni fuq il-bażi ta’ riformi implimentati u riżultati konkreti, imwettqa b’mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-ambjent tal-midja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jilqa’ l-adozzjoni fis-16 ta’ Diċembru 2014 ta’ għadd ta’ liġijiet skont il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kapitolu 23; huwa tal-fehma li l-progress fin-negozjati u t-titjib tal-qafas strateġiku, normattiv u istituzzjonali jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn progress reali fis-sitwazzjoni konkreti, b’enfasi fuq l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni u strateġiji rilevanti;

3.  Jilqa’ t-tisħiħ ulterjuri tal-istrutturi għan-negozjati, inkluż l-istabbiliment tal-Kunsill tal-Istat tad-Dritt; jistieden lill-gvern isaħħaħ il-koordinament intraistituzzjonali u jwessa' l-konsultazzjonijiet interministerjali;

4.  Itenni li r-riformi relatati mal-istat tad-dritt jikkostitwixxu l-qofol tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u huma kundizzjoni essenzjali għall-progress fit-taħdidiet ta’ adeżjoni b’mod ġenerali; iqis li r-rieda politika tibqa’ kruċjali għall-kisba u ż-żamma ta’ progress sostanzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, li jikkostitwixxi t-test deċiżiv għall-indipendenza, l-effiċjenza u l-professjonaliżmu tas-sistema ġudizzjarja;

5.  Josserva l-importanza li tiġi garantita l-inklużività tal-proċess ta' riforma bil-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili, bil-għan li fin-negozjati jinkiseb il-progress neċessarju ; iħeġġeġ sorveljanza parlamentari aktar attiva f'dan ir-rigward;

6.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2014 sabiex tissaħħaħ is-sorveljanza parlamentari u tal-Kodiċi ta’ Etika Parlamentari f’Diċembru 2014; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Parlament Montenegrin u li jsir segwitu għar-rapport tekniku li hu adotta f’Lulju 2013 dwar l-allegat użu ħażin ta’ fondi pubbliċi għal finijiet politiċi ta’ partit, u li s-segwitu ġudizzjarju baqa’ mhux komplut; jistieden lill-Gvern biex tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Parlament Montenegrin u biex itejjeb l-aċċess parlamentari għall-informazzjoni rilevanti;

7.  Jinsab imħasseb li l-klima domestika profondement ippolarizzat wasslet biex il-partit prinċipali fl-oppożizzjoni jibbojkottja ċerti sessjonijiet Parlamentari, jiġifieri l-Mistoqsijiet tal-Prim Ministru, u li dan idgħajjef il-funzjonament demokratiku tal-istituzzjonijiet; Iħeġġeġ, għalhekk, lill-forzi politiċi kollha, kemm fil-gvern kif ukoll fl-oppożizzjoni, jiffokaw fuq il-proċess ta’ adeżjoni tal-pajjiż mal-UE u jimpenjaw ruħhom fi djalogu sostenibbli u kooperazzjoni kostruttiva, speċjalment fi ħdan il-Parlament; jenfasizza li hija meħtieġa rieda politika b’saħħitha għall-implimentazzjoni b’suċċess u għas-saħħa istituzzjonali;

8.  Jistieden lill-gvern jimplimenta b'mod effikaċi r-rakkomandazzjonijiet OSKE/ODIHR, il-Kummissjoni ta’ Venezja u GRECO dwar ir-regoli elettorali skont l-istandards u l-aħjar prattiki Ewropej, inklużi dawk dwar id-dritt li dak li jkun joħroġ għall-elezzjoni bħala kandidat indipendenti, dwar il-finanzjament pubbliku proporzjonali biex jiġu promossi kundizzjonijiet ta' parità għall-kandidati kollha u dwar l-awditjar tal-partiti politiċi; josserva li l-elezzjonijiet lokali kienu irvinati b’allegazzjonijiet ta’ mġiba elettorali ħażina; jenfasizza li dawn għandhom jiġu investigati u, fejn meħtieġ, imħarrka mill-awtoritajiet kompetenti;

9.  Jenfasizza l-importanza ta’ separazzjoni ċara bejn l-Istat u l-partiti; jilqa’ l-liġi l-ġdida adottata f’Diċembru 2014 dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi u jħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha jistabbilixxu rekord tal-implimentazzjoni effettiva tagħha, li għandu jkollu l-għan li jnaqqas b’mod sinifikanti l-opportunitajiet għal użu ħażin tal-fondi pubbliċi; jiddispjaċih li partijiet importanti tal-leġiżlazzjoni rilevanti ġew adottati mingħajr kunsens transpartitiku;

10.  Jilqa’ l-attenzjoni ffukata aktar qawwija li tat il-Kummissjoni lir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-proċess ta' adeżjoni; jilqa’ l-fatt li l-progress huwa fit-triq it-tajba f’dan ir-rigward, iżda jinnota li jistgħu jittieħdu aktar passi biex tittejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni u l-amministrazzjoni lokali; jikkondividi t-tħassib fil-konfront tal-politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika; jappella għal progress fiż-żieda tat-trasparenza, tal-effiċjenza u tal-obbligu ta' rendikont tal-amministrazzjoni tal-gvern ċentrali u lokali u biex il-koordinament tagħhom jittejjeb, flimkien mal-koordinament fost l-awtonomiji lokali, partikolarment fl-oqsma tal-investiment, tal-ippjanar ta' proġetti u tal-implimentazzjoni; jikkunsidra li huwa essenzjali li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-oqsma tar-reklutaġġ, l-issensjar u l-kriterji ta’ valutazzjoni, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ valutazzjonijiet tal-prestazzjoni, u l-kapaċitajiet amministrattivi, ta’ sorveljanza u ta’ spezzjoni dgħajfa;

11.  Jinkoraġġixxi aktar sforzi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-uffiċċju tal-Ombudsman li jirrigwardaw każijiet kontra d-diskriminazzjoni;

12.  Jilqa' l-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja l-ġdida tal-2014-2018, filwaqt li jinnota b’sodisfazzjon li l-pjan ta' azzjoni pertinenti b’mod ġenerali ġie implimentat fil-ħin u li ġie elett il-Prosekutur Statali Suprem il-ġdid; jilqa' favorevolment il-miżuri ġuridiċi l-ġodda intiżi li jżidu t-trasparenza fl-elezzjoni tal-prosekuturi statali; jinnota li l-progress reġistrat fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja ffaċilita l-ftuħ ta’ erba’ kapitoli addizzjonali fil-Konferenza Intergovernattiva ta’ Diċembru 2014; jinkoraġġixxi l-isforzi ulterjuri mmirati biex jiġi ssorveljat u jkompli jitnaqqas l-għadd ta' kawżi pendenti u t-tul tal-proċedidmenti tal-qrati, kif ukoll biex tittejjeb l-effiċjenza tal-qorti kostituzzjonali;

13.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar mill-Montenegro fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ riformi bil-għan li tiġi żgurata l-indipendenza u tiżdied l-effiċjenza tal-ġudikatura; għadu serjament inkwetat bl-influwenza indebita fuq l-indipendenza ġudizzjarja, b'mod partikolari fir-reklutaġġ u fl-iżvilupp professjonali tal-imħallfin u tal-prosekuturi; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu mtejba l-kriterji tal-għażla għal ħatriet u promozzjonijiet u li jkun hemm konformità mal-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità fi proċedimenti dixxiplinarji; jappella għal miżuri ta' riforma fundamentali fis-sistemi ta' reklutaġġ, ta' promozzjoni u dixxiplinari għall-imħallfin u għall-prosekuturi; jinnota li xi wħud minn dawn il-punti ta’ tħassib għandhom jiġu indirizzati f’pakkett ta’ liġijiet organizzattivi dwar il-ġudikatura;

14.  Jinsab imħasseb dwar l-għadd ta’ każijiet pendenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ksur sistematiku possibbli tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma l-inizjattiva biex tiġi eżaminata l-kostituzzjonalità tal-Liġi dwar l-Atti Illeċiti;

15.  Jinsab imħasseb bil-fatt li ma sar l-ebda sforz bis-serjetà biex tiġi miġġielda b’mod deċiżiv l-impunità fil-kawżi tad-delitti tal-gwerra; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-prosekuzzjoni tal-kawżi tad-delitti tal-gwerra b’mod f’waqtu, inkluż fl-ogħla livell; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw, iressqu quddiem qorti, jipproċessaw u jissanzjonaw b'mod effikaċi d- delitti tal-gwerra konformement mal-istandards internazzjonali, kif ukoll jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet tal-qorti jiġu implimentati u li l-vittmi jkollhom aċċess malajr għall-ġustizzja u għall-kumpens ġust;

16.  Jinsab imħasseb li, minkejja riżorsi finanzjarji sostanzjali mgħoddija minn donaturi internazzjonali lill-awtoritajiet, sar biss progress limitat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li għadha ta’ theddida għall-funzjonament tajjeb u l-istabilità tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp ekonomiku; jitlob għal rwol aktar proattiv għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata, bħala l-unità ewlenija ta’ koordinazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ parteċipazzjoni aktar attiva u kooperazzjoni effikaċi min-naħa tal-gvern, tas-setturi kollha tal-ħajja pubblika u tas-soċjetà ċivili fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni kif ukoll fit-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv u fil-protezzjoni tal-informaturi;

17.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet isaħħu l-kapaċità tal-prosekuturi, tal-imħallfin, tal-pulizija u tal-aġenziji l-oħra tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll jiżviluppaw rekord sod tal-investigazzjonijiet, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni fil-livelli kollha inkluż fil-kawżi ta' korruzzjoni fil-livelli għolja; jilqa’ l-adozzjoni tal-liġijiet ta’ kontra l-korruzzjoni, partikolarment dawk dwar il-lobbying, dwar il-proċedura amministrattiva ġenerali, dwar l-akkwist pubbliku u tal-emendi tal-liġijiet dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess; jappella għal-implimentazzjoni effettiva tagħhom biex ikun jista’ jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-aġenziji inkarigati mill-infurzar tal-liġi u biex tissaħħaħ is-sistema ta' kontroll fir-rigward tal-kunflitti ta' interess u tad-dikjarazzjoni tal-beni; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawk il-liġijiet; iqis li huwa importanti li jissaħħu l-istituzzjonijiet biex ikunu jistgħu jieħdu approċċ aktar proattiv kontra l-korruzzjoni, u biex tinvolvi għalkollox lill-kumitat parlamentari l-ġdid biex jissorvelja l-ħidma tal-Aġenzija ta’ Kontra l-Korruzzjoni, li għandha tirċievi riżorsi suffiċjenti; jenfasizza li n-nuqqasijiet rigward l-indipendenza u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja għadhom kwistjoni ta’ tħassib serju u jxekklu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

18.  Jistieden ukoll lill-ġudikatura biex jaħdmu b’mod aktar trasparenti fil-qasam tal-kawżi ta’ korruzzjoni u ta’ kriminalità organizzata, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-pubblikazzjoni fil-verdetti tal-ismijiet ta’ kumpaniji, individwi u ta’ impjegati taċ-ċivil involuti f’dawn id-delitti;

19.  Josserva li tbiddil ġuridiku frekwenti jaf jimpedixxi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jitlob li l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet kompetenti jiġu msaħħaħ, partikolarment rigward it-twettiq ta’ investigazzjonijiet kumplessi u t-trattament ta' każijiet diffiċli; jilqa' pożittivament l-emendi tal-Kodiċi Kriminali intiżi li jipprevjeni u jissorveljaw ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu reliġjuż; jilqa’ b’sodisfazzjon il-liġi kriminali l-ġdida li tikkriminalizza l-“ġellieda barranin”, inklużi l-ġiħadisti; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti sabiex jipprevjenu u tissorvelja kwalunkwe theddida potenzjali għas-sigurtà taċ-ċittadini Montenegrini; jenfasizza l-importanza li jiġu miġġielda l-forom kollha ta’ estremiżmu;

20.  Jilqa’ l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Strateġika u Operattiva bejn il-Montenegro u l-Europol, il-progress li sar fin-negozjati dwar il-konklużjoni tal-ftehim mal-Eurojust, u l-fatt li istituzzjonijiet Montenegrini kisbu status ta’ osservatur fin-netwerks ġudizzjarji Ewropej rilevanti; jinkoraġġixxi koperazzjoni operazzjonali mill-qrib ma’ korpi ġudizzjarji Ewropej rilevanti, inkluż dwar il-kwistjoni tat-traffikar tal-bnedmin;

21.  Jinnota l-isforzi li saru dan l-aħħar bil-ħsieb li jittejbu l-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) bil-għan li tinkiseb aktar trasparenza fit-tfassil tal-politiki u fir-regolamentazzjoni fi proċess inklużiv; jilqa’ diskussjonijiet pubbliċi dwar ir-reviżjoni tal-pjani ta’ azzjoni għall-Kapitoli 23 u 24 ; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jkompli jiżviluppaw aktar il-finanzjament pubbliku sostenibbli favur l-OSĊ u qafas istituzzjonali adegwat; jilws’ l-fatt li l-gvern ħatar kunsill ġdid għall-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jaġġustaw il-qafas u l-prattiki ġuridiċi bil-għan li jipproteġu lill-attivisti tas-soċjetà ċivili kontra l-attakki u l-mibegħda li skont ir-rapporti ġew divulgati minn ċerti ġurnali, u jsawru kuntest li fih jistgħu jaħdmu mingħajr biża' jew ritaljazzjoni;

22.  Itenni l-importanza tal-libertà ta-espressjoni bħala wieħed mill-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea; iqis li huwa essenzjali li l-ġurnalisti jkollhom indipendenza sħiħa; jinsab imħasseb ħafna dwar l-istat li dejjem qed immur għall-agħar tal-libertà tal-midja u l-istandards professjonali u etiċi dgħajfa fost il-prattikanti tal-medja fil-Montenegro; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li għadhom qed jitwettqu inċidenti mmirati kontra l-ġurnalisti u l-proprjetà tal-midja; jinnota li l-gvern tal-Montenegro waqqaf kummissjoni biex tinvestiga l-attakki kontra l-ġurnalisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-kummissjoni u jiksbu rekord konsistenti ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni finali tal-ħatja; iIqis li hu essenzjali li jkun hemm tal-midja ta’ servizz pubbliku indipendenti b’indipendenza editorjali u finanzjament stabbli u sostenibbli sabiex jiġu approfonditi l-istandards demokratiċi; jenfasizza r-responsabilità ta' dawk kollha fil-politika u fil-midja biex irawmu klima ta' tolleranza għall-opinjonijiet differenti; jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi f’appoġġ tal-libertà tal-midja jgħinu biex jinħolqu klima favorevoli u protezzjoni tal-ġurnalisti; jilqa' pożittivament il-qbil bejn ir-rappreżentanti medjatiċi biex jiġi rivedut il-kodiċi ta’ etika professjonali bħala l-ewwel pass lejn it-titjib tal-awtoregolamentazzjoni medjatika; iqis li huwa meħtieġ li jiġi adottat qafas leġiżlattiv ċar, li se tjstabbilixxi regoli relatati mas-sjieda u l-finanzjament tal-midja;

23.  Huwa tal-fehma li l-ġestjoni trasparenti tal-imgħoddi totalitarju, inkluż il-ftuħ tal-arkivji tas-servizzi sigrieti, huwa pass ’il quddiem lejn aktar demokratizzazzjoni, l-obbligu ta’ rendikont u saħħa istituzzjonali;

24.  Jilqa’ l-fatt li l-liġi kontra d-diskriminazzjoni ġiet kważi allinjata mal-acquis għalkollox; jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw il-lakuni li fadal fir-rigward tad-diskriminazzjoni razzjali u tad-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet biex jipprovdu r-riżorsi finanzjarji u amministrattivi meħtieġa kollha lill-Kunsill Antidiskriminatorju; filwaqt li jirrikonoxxi li sar xi progress fl-inklużjoni soċjali u fl-edukazzjoni tal-popolazzjoni tar-Rom, jinsab imħasseb dwar ir-rati għolja ta’ tluq bikri mill-iskola u l-proporzjon baxx ta’ studenti Rom fost il-popolazzjoni totali tal-istudenti; jitlob għat-trawwim ta’ inizjattivi li jappoġġaw l-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjieg tal-popolazzjoni tar-Roma, u l-għoti tas-setgħa tan-nisa Rom u l-edukazzjoni tal-istudenti femminili Rom; jilqa' pożittivament l-isforzi tal-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jħarsu d-drittijiet tal-komunità LGBTI matul it-tieni avveniment "Pride" li sar mingħajr inċidenti; jinsab imħasseb, madankollu, li l-attakki fuq membri tal-komunità LGBT u attivisti għadhom għaddejjin; iħeġġeġ kemm lill-atturi politiċi kif ukoll lil dawk tas-soċjetà ċivili jiġġieldu l-ostilitajiet u l-vjolenza mifruxa li hemm kontra l-minoranzi sesswali, partikolarment permezz ta' sforzi biex jedukaw u jinformaw lill-pubbliku bil-għan li jgħinu biex jinbidlu l-atteġġjamenti, u billi jagħtu taħriġ lill-pulizija, lill-prosekuturi u lill-imħallfin;

25.  Jilqa’ t-titjib li sar fil-qafas ġuridiku fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità; jinnota li huma meħtieġa azzjonijiet ulterjuri sabiex ikun hemm konformità mal-acquis tal-UE; iħeġġeġ lill-Gvern biex jaċċelera l-progress rigward l-aċċessibbiltà tal-bini għall-persuni b’diżabilità, u jqis li hija ħasra li l-maġġoranza tal-istituzzjonijiet statali u lokali, inklużi binjiet ta’ prijorità magħżula (bħalma huma l-parlament u l-qrati), għadhom m’humiex aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità; jibqa’ mħasseb dwar ir-rata għolja ta’ tluq qabel il-waqt ta’ studenti b’diżabilità mis-sistema edukattiva wara l-iskola elementari u wara l-iskola sekondarja għolja; jinnota l-importanza li tiġi żgurata biżżejjed trasparenza fir-rigward tal-fond għar-riabilitazzjoni professjonali u l-impjieg għall-persuni b’diżabilità u n-nefqa tiegħu;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu aktar l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-liġijiet u l-politiki relatati mat-tfal, u li jiġu pprovduti kapaċitajiet adegwati; jitlob li l-kwalità tal-edukazzjoni għat-tfal kollha tiġi mtejba u li jsiru aktar sforzi b’appoġġ għat-tfal vulnerabbli; jenfasizza l-importanza r-riforma fil-qasam tal-ġustizzja tal-minorenni tiġi mwessgħa wkoll għat-tfal fi proċedimenti kriminali, ċivili u amministrattivi sabiex jiġi promoss aċċess usa’ għall-ġustizzja;

27.  Jinsab imħasseb li l-progress rigward id-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi, ir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika u fis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika għadu limitat; jenfasizza l-ħtieġa urġenti, f’dan ir-rigwar, li jiġi aċċelerat l-progress rigward id-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi, ir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika u fis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; jappella, f'dawn ir-rigward, għal involviment aħjar tal-Parlament, kooperazzjoni aktar strutturata mas-soċjetà ċivili, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali, inkluż it-titjib tal-kooperazzjoni bejn is-servizzi soċjali u l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi; iħeġġeġ li d-drittijiet tal-vittmi jitpoġġew fil-qalba tal-miżuri kollha u biex tiġi eżerċitata d-diliġenza dovuta fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni, fis-sanzjonar u fil-għoti ta' riparazzjoni għall-atti ta' vjolenza domestika;

28.  Jilqa’ l-politiki tal-Montenegro mmirati biex joħolqu klima ta’ tolleranza u inklużjoni għall-minoranzi nazzjonali kollha; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Montenegrini biex jipproteġu aktar l-identità multinazzjonali tar-reġjun tal-Boka Kotorska u jtejbu l-kollaborazzjoni kulturali u ekonomika tiegħu mal-Istati Membri tal-UE ġirien;

29.  Jilqa’ l-fatt li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon qed tkompli tiġi ggarantita u infurzata; jinnota li għadhom jippersistu t-tensjonijiet bejn tal-Knejjes Ortodossi Serbi u Montenegrini, speċjalment dwar kwistjonijiet ta’ proprjetà; jitlob l-adozzjoni ta’ liġi ġdida dwar l-istatus legali tal-komunitajiet reliġjużi;

30.  Jinkoraġġixxi lill-gvern jimplimenta riformi ekonomiċi sostenibbli, inklużi dispożizzjnijiet ġuridiċi dwar mekkaniżmi ta’ kontra l-kompetizzjoni, bil-għan li tingħata spinta lill-kompetittività u jiġu mirbuħa d-dgħufijiet struttutali, jiġi indirizzat b’mod deċiżiv is-settur informali estiż u jittejjeb l-ambjent tan-negozju b’mod ġenerali; jitlob għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali fost id-diversi sħab; jitlob, barra minn hekk, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, inkluż l-involviment f’konsultazzjonijiet pubbliċi, u għall-formulazzjoni u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, anke bil-għan li jitnaqqsu d-diskrepanzi reġjonali; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-evażjoni tat-taxxa tiġi miġġielda b’mod effettiv; jinsab imħasseb li l-inċertezzi ġuridiċi u ġudizzjarji, inklużi l-għoti ta' liċenzji, il-proċeduri tal-amministrazzjoni tat-taxxa u l-infurzar tal-kuntratti, jafu jinvolvu riskji għall-atturi ekonomiċi u jdgħajfu l-kapaċità tal-Montenegro li tattiva investimenti barranin; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu solvuti t-tilwimiet kummerċjali ma’ investituri barranin li huma kritiċi biex l-ekonomija tal-Montenegro; jikkondividi t-tħassib dwar in-nuqqas ta' titjib tanġibbli fil-qagħda tas-suq tax-xogħol u l-livelli persistentement għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-qgħad fit-tul, u jappella għaldaqstant għal miżuri attivi fil-qasam tas-suq tax-xogħol;

31.  Jinnota li għad mhemmx djalogu biżżejjed bejn iż-żewġ naħat tal-industrija u jappella għal aktar tisħiħ tad-drittijiet ta’ dawk li stabbilixxew trade unions ġodda; jilqa’ l-emendi lil-liġi tax-xogħol biex jiġu regolati d-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ falliment; jinkoraġġixxi lill-gvern jaċċelera l-ħidma fuq l-ewwel programm tiegħu dwar l-impjiegi u r-riforma soċjali bil-ħsieb li jidentifika u jindirizza l-isfidi ewlenin tal-Montenegro fil-politika tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar;

32.  Ifaħħar l-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, u l-fatt li l-Montenegro ssieħeb mal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju tal-UE (COSME); jitlob li l-iskemi ta’ appoġġ tas-settur pubbliku għall-SMEs jiġ aċċelerati, peress li l-SMEs huma waħda mill-forzi ewlenin li jsuqu l-iżvilupp ekonomiku;

33.  Għadu serjament imħasseb dwarid-dewmien fir-riżoluzzjoni tal-proċedura ta' falliment tal-akbar manifattur industrijali tal-Montenegro, l-impjant tal-aluminju KAP, li qiegħed jikser l-obbligi tal-pajjiżi skont il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA); iħeġġeġ lill-gvern u lill-partijiet involuti jilħqu soluzzjoni sostenibbli għall-KAP, b’riseptt tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-FSA u abbażi tat-trasparenza u l-istat tad-dritt;

34.  Jiddispjaċih li l-Montenegro injora l-inġunzjoni ta’ qorti Ċiprijotta rigward il-bejgħ tal-KAP, u jistieden lill-Montenegro jirrikonoxxu bis-sħiħ id-deċiżjonijiet rilevanti mogħtija mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri tal-UE;

35.  Jinkoraġġixxi lill-Montenegro jkompli jagħmel progress fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u fil-qasam tat-tibdil fil-klima billi jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, jiżviluppa politiki ta’ enerġija sostenibbli u jippromwovi mudell ekonomiku li jirrispetta lill-ambjent li jistimula l-investimenti, bil-għan li jiġi żgurat l-allinjament mal-acquis dwar l-ambjent u l-klima; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi abbozzata strateġija nazzjonali għall-enerġija li tqis il-ħafna għejun ta’ enerġija rinnovabbli differenti, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-wirt naturali u ż-żoni taħt protezzjoni u rikonoxximent internazzjonali; jitlob b’mod urġenti għal konsultazzjonijiet dwar proġetti transkonfinali;

36.  Jitlob li jsir ippjanar fit-tul fir-rigward tat-turiżmu matul il-linja tal-kosta, u li jinħolqu mekkaniżmi b'saħħithom biex tiġi pprevenuta l-qerda tal-ambjent u l-korruzzjoni fil-qasam tal-ippjanar spazjali u l-kostruzzjoni;

37.  Ifaħħar il-parteċipazzjoni proattiva tal-Montenegro u r-rwol kostruttiv tiegħu fil-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, kif ukoll fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni reġjonali; jifraħ lill-Gvern talli rnexxielu jilħaq allinjament sħiħ mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu jallinjaw il-pożizzjoni tal-politika tal-affarijiet barranin tal-pajjiż ma’ dik tal-UE, partikolarment fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tat-theddida terroristika internazzjonali; jifraħ lill-Gvern talli huwa l-uniku kandidat tal-UE fil-Balkani tal-Punent, flimkien mal-Albanija, li allinja ruħu kompletament mal-pożizzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tal-UE dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina; jistieden lill-awtoritajiet tal-Montenegro biex jintensifikaw il-kooperazzjoni ma’ sħab politiċi u ekonomiċi internazzjonali sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż kontra l-pressjonijiet esterni u tentattivi biex il-pajjiż u r-reġjun jiġu destabiliti; jilqa’ favorevolment il-parteċipazzjoni tal-pajjiż fil-missjonijiet ċivili u militari tal-UE, tan-NATO u tan-NU;

38.  Jistieden lill-membri kollha tan-NATO, b’mod partikolari lil dawk l-Istati Membri tal-UE li jagħmlu parti min-NATO, biex jappoġġjaw b’mod attiv l-adeżjoni tal-Montenegro fl-Alleanza tan-NATO sabiex tingħata sigurtà akbar fil-Baħar Adrijatiku, fejn il-pajjiżi l-oħra kollha diġà huma membri tan-NATO, u b’hekk tissaħħaħ is-sigurtà reġjonali;

39.  Jinkoraġġixxi lill-Montenegro jindirizza l-kwistjonijiet bilaterali pendenti mal-ġirien tiegħu kemm jista’ jkun kmieni fil-proċess ta’ adeżjoni, bi spirtu kostruttiv u ta’ ħbiberija bejn il-ġirien; itenni l-ħtieġa li jissolvew malajr il-kwistjonijiet li għadhom pendenti tad-demarkazzjoni tal-fruntieri u s-suċċessjoni mal-Kroazja, il-Bożnja-Ħerzegovina, is-Serbja u l-Kosovo; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien billi jaqsam magħhom l-esperjenzi tan-negozjati ta’ adeżjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-istatus ta' osservatur tal-Montenegro fit-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija;

40.  Iħeġġeġ li l-kwistjoni dwar il-fruntiera mal-Kroazja tiġi solvuta bi ftehim reċiproku mingħajr dewmien u, jekk joħroġ li jkun impossibbli li tinstab soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku, jitlob li t-tilwima tiġi solvuta fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-Aja, skont ir-regoli u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.

(1) ĠU L 108, 29.4.2010, p. 3.


Rapport ta' Progress 2014 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
PDF 272kWORD 112k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2014/2948(RSP))
P8_TA(2015)0064B8-0212/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2013; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-16 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-ħdax-il laqgħa, li saret fit-23 ta' Lulju 2014, tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni (SWD(2014)0303) u l-Komunikazzjoni tat-8 ta' Ottubru 2014 bit-titolu "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014" (COM(2014)0700), kif ukoll id-Dokument ta' Strateġija Indikattiv (2014-2020) adottat fid-19 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nri 817 (1993) u 845 (1993),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-Applikazzjoni tal-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar is-seba' emendi għall-Kostituzzjoni tal-pajjiż, adottati fl-10 u l-11 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra s-sejbiet tal-missjoni għall-osservazzjoni elettorali internazzjonali tal-OSKE/ODIHR magħmula għall-elezzjonijiet presidenzjali u dawk parlamentari bikrin,

–  wara li kkunsidra t-tnax-il laqgħa li saret bejn is-26 u s-27 ta' Novembru 2014 tal-Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) tal-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra x-xogħol ta' Ivo Vajgl bħala rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għall-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ilha pajjiż kandidat tal-UE għal disa' snin u hija l-aktar pajjiż avvanzat fir-rigward tal-allinjament mal-acquis;

B.  billi, għas-sitt darba konsekuttiva, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Kunsill biex jibda n-negozjati; billi l-pajjiż huwa ppreparat biex jinnegozja mal-UE; billi għal dawn l-aħħar tmien snin il-Parlament talab kontinwament għall-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni mal-pajjiż, u billi aktar dewmien biex jibdew in-negozjati jaf ikollu impatt negattiv fuq il-proċessi ta' riforma fil-pajjiż u l-kredibbiltà tal-UE fir-reġjun;

C.  billi l-Kunsill ilu jwaqqaf il-progress għall-fażi li jmiss tal-proċess ta' adeżjoni minħabba l-kwistjoni mhux solvuta dwar l-isem mal-Ġreċja; billi l-kwistjonijiet bilaterali mhumiex maħsuba biex jostakolaw in-negozjati ta' adeżjoni mal-Unjoni Ewropea; billi n-nuqqas ta' progress fil-proċess ta' integrazzjoni mal-UE jista' jżid l-ispejjeż għall-istabbiltà reġjonali u jaffettwa l-kredibbiltà tal-UE u jwassal għal tnaqqis fl-istandards demokratiċi tal-pajjiż;

D.  billi dan il-posponiment ulterjuri qiegħed iżid il-frustrazzjoni li qiegħda dejjem tikber fl-opinjoni pubblika tal-Maċedonja dwar l-istaġnar tal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u jirriskja li jiggravaw il-problemi domestiċi u t-tensjonijiet interni;

E.  billi kull pajjiż kandidat (potenzjali) se jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw l-iskeda ta' żmien għall-adeżjoni;

F.  billi l-kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati bi spirtu kostruttiv kemm jista' jkun kmieni, filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u l-valuri tan-NU u tal-UE;

G.  billi n-nuqqas ta' djalogu kostruttiv u inklużiv bejn il-gvern u l-oppożizzjoni kif ukoll il-bojkott ta' wara l-elezzjoni min-naħa tal-oppożizzjoni fixklu l-ħidma parlamentari; billi hija r-responsabbiltà komuni kemm tal-gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni li jiżguraw kooperazzjoni politika sostenibbli, li hija essenzjali għall-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż u l-insegwiment tal-aġenda Ewropea; billi l-elezzjonijiet saru taħt rappurtaġġ parzjali mill-midja u fi klima ta' separazzjoni insuffiċjenti bejn l-attivitajiet tal-istat u dawk tal-partit;

H.  billi waqt it-tnax-il laqgħa tal-KPK ma setgħet tiġi adottata l-ebda rakkomandazzjoni konġunta; billi l-funzjonament b'mod sħiħ tal-KPK huwa strumentali fl-iżgurar tal-kontroll parlamentari fuq il-proċess ta' adeżjoni;

I.  billi l-istat tad-dritt, il-libertà tal-midja, il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' viċinat tajba huma partijiet essenzjali mill-proċess ta' tkabbir tal-UE;

J.  billi l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata jibqgħu problemi serji; billi l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja jibqgħu taħt theddida;

1.  Itenni għad-disa' darba konsekuttiva l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex mingħajr aktar dewmien jiffissa data għall-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni, sabiex ma jintilifx il-momentum u sabiex tingħata spinta lir-riformi relatati mal-acquis u jissaħħaħ il-proċess ta' demokratizzazzjoni; itenni l-fehma tiegħu li l-kwistjoni marbuta mal-isem, li hija kwistjoni bilaterali, m'għandhiex tkun ostaklu għat-tnedija tan-negozjati ta' adeżjoni għalkemm għandha tiġi solvuta qabel tmiem il-proċess ta' adeżjoni; jappoġġja l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas tal-partijiet biex jilħqu kompromess wara kważi żewġ deċennji ta' djalogi ta' medjazzjoni qed ikollu impatt dirett u negattiv fuq l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiż u l-poplu tiegħu; jistieden liż-żewġ gvernijiet sabiex jieħdu passi konkreti lejn is-sejba ta' soluzzjoni li tkun aċċettabbli reċiprokament; itenni l-importanza u l-ħtieġa ta' approċċ kostruttiv għall-isfidi mal-ġirien dwar dawn il-kwistjonijiet bilaterali;

2.  Ifakkar dwar l-impenn tal-Istati Membri biex jerġgħu lura għall-kwistjoni fl-2015 bil-ħsieb li jibdew in-negozjati ta' adeżjoni; iqis li l-bidu tan-negozjati mal-UE jistgħu biss jinfluwenzaw b'mod pożittiv l-isforzi biex jissolva t-tilwim bilaterali filwaqt li jiġġenera wkoll riformi ulterjuri tant meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza l-fatt li jekk il-ftuħ tan-negozjati jkompli jiddewwem dan iwassal għal konsegwenzi dejjem akbar u imprevedibbli għall-pajjiż kif ukoll għall-istabbiltà reġjonali; jenfasizza li aktar ma jittawwal l-istatus quo, aktar jiddgħajjfu l-kredibilità u l-effikaċja tal-politika ta' tkabbir tal-UE u l-pożizzjoni tagħha fir-reġjun;

3.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-kwistjonijiet bilaterali ma għandhomx jiġu evokati biex ixekklu l-proċess ta' adeżjoni; iqis li dawn ma għandhomx jirrappreżentaw ostakolu għall-ftuħ uffiċjali tan-negozjati ta' adeżjoni, iżda għandhom jiġu indirizzati kemm jista' jkun malajr fil-proċess ta' adeżjoni; huwa konxju tan-nuqqas ta' konformità minn waħda mill-partijiet mas-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-5 ta' Diċembru 2011 rigward l-applikazzjoni tal-Ftehim Interim ta' Settembru 1995; jistieden lill-Greċja biex tafferma mill-ġdid l-impenn li ħadet fl-Aġenda ta' Thessaloniki fl-2003, u biex toħloq ambjent pożittiv biex issolvi d-differenzi bilaterali fl-ispirtu tal-valuri u tal-prinċipji Ewropej; jappella għal aktar progress, inkluż f'kuntatti ta' livell għoli bejn il-gvernijiet u f'relazzjonijiet bilaterali mal-Bulgarija bil-ħsieb li jinnegozjaw ftehim dwar relazzjonijiet ta' viċinat tajba li jindirizzaw kwistjonijiet komuni; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-użu ta' argumenti storiċi fid-dibattitu attwali mal-ġirien, u jilqa' kull sforz favur ċelebrazzjonijiet konġunti ta' avvenimenti storiċi komuni mal-Istati Membri ġirien tal-UE; iqis li dan jista’ jikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-istorja u għal relazzjonijiet ta' viċinat tajba;

4.  Jitlob li jkun hemm involviment aktar attiv tal-UE dwar il-kwistjoni tal-isem, u jappoġġja approċċ proattiv min-naħa tal-mexxejja politiċi tal-UE; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) il-ġdida biex tiżviluppa inizjattivi ġodda sabiex tegħleb l-istaġnar attwali u biex taħdem, f'kooperazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali tan-NU, favur soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku; jistieden lill-Kunsill biex jagħmel diskussjoni dettaljata dwar il-perspettiva ta' adeżjoni mal-UE ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-ewwel nofs tal-2015; jinsisti li l-pajjiżi kollha kandidati u dawk potenzjalment kandidati għandhom jiġu ttrattati fil-proċess ta' integrazzjoni skont il-merti proprji tagħhom; jemmen li t-tkomplija tad-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni mal-Kummissjoni ġġib kwalità addizzjonali għall-proċess ta' riforma;

5.  Jistieden lill-membri tan-NATO, u b'mod speċjali lill-Istati Membri kollha tal-UE li huma membri tan-NATO, biex jappoġġjaw b'mod attiv l-adeżjoni tal-pajjiż lin-NATO sabiex tinkiseb aktar sigurtà u stabbiltà politika fix-Xlokk tal-Ewropa;

6.  Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' kooperazzjoni transkonfinali fl-oqsma tal-istorja, il-kultura u l-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-valuri Ewropej li jappoġġaw l-isforzi favur bidliet demokratiċi; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri ġirien tal-UE, fl-ispirtu ta' relazzjonijiet ta' viċinat tajba, biex jappoġġjaw ir-rieda li jsiru bidliet demokratiċi, li jfisser li jappoġġjaw il-bidu tal-proċess tan-negozjati;

7.  Iħeġġeġ lill-pajjiż biex iwaqqaf kumitati esperti konġunti mal-ġirien tiegħu dwar l-istorja u l-edukazzjoni, bl-għan li jikkontribwixxu għal interpretazzjoni oġġettiva tal-istorja , it-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika, u l-promozzjoni ta' attitudnijiet pożittivi fiż-żgħażagħ fir-rigward tal-ġirien tagħhom;

8.  Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-awtoritajiet u lis-soċjetà ċivili jieħdu miżuri xierqa għar-rikonċiljazzjoni storika bil-għan li tingħeleb il-firda bejn u fi ħdan id-diversi gruppi etniċi u nazzjonali, inklużi ċ-ċittadini ta' identità Bulgara;

9.  Jieħu nota tal-pakkett ta' emendi propost għall-Kostituzzjoni; huwa tal-opinjoni li xi proposti, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-definizzjoni ta' żwieġ u l-formazzjoni ta' żoni finanzjarji internazzjonali, jistgħu jkunu ulterjorment imtejba f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jirrispettaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll biex jittieħed kont tal-acquis tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal tħejjija bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni għal kwalunkwe bidla kostituzzjonali; jenfasizza li l-proċess ta' tibdil kostituzzjonali li jservi għal żmien twil jeħtieġ appoġġ politiku wiesa', djalogu kostruttiv u kooperazzjoni bejn il-forzi politiċi kollha; jenfasizza l-ħtieġa għal dibattitu pubbliku inklużiv għal kollox u konsultazzjoni bir-reqqa u l-bini ta' kunsens mal-partiti tal-oppożizzjoni, mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati rilevanti;

10.  Huwa mħasseb dwar il-klima domestika polarizzata; iħeġġeġ lill-gvern biex jirrispetta r-rwol tal-parlament billi jipprovdi ambitu u żmien suffiċjenti għall-konsultazzjonijiet, inkluż dwar il-bidliet kostituzzjonali, u dan biex ikun hemm lok għal kontroll parlamentari indipendenti u sħiħ; jistieden kemm lill-gvern kif ukoll il-partiti politiċi kollha biex jaħdmu favur it-titjib tar-relazzjonijiet sabiex iżommu l-istabbiltà politika, jiżguraw il-kooperazzjoni politika kostruttiva sostenibbli, u jgħaġġlu l-aġenda Ewropea; ifakkar li l-kompromessi huma fundamentali għal demokrazija li tiffunzjona; jissottolinja n-neċessità ta' titjib tal-inklużjoni u tat-trasparenza tal-proċess ta' adeżjoni; jisħaq li l-bojkott ta' wara l-elezzjoni huwa problema li teħtieġ tiġi solvuta fl-ispirtu tar-responsabbiltà konġunta bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-parlament; jistieden lill-VP/RGħ sabiex tinvolvi ruħha mal-partijiet kollha sabiex jiġi ffaċilitat id-djalogu politiku;

11.  Jinsab serjament imħasseb dwar id-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, partikolarment fir-rigward tat-tħabbira reċenti tal-akkużi mill-Prim Ministru kontra l-kap tal-oppożizzjoni u wkoll tal-kontroakkużi ta' mġiba ħażina kriminali; jikkundanna s-sorveljanza illegali kollha, u jitlob li l-allegazzjonijiet kollha jiġu ppubblikati u liberament irrappurtati; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha u sorveljanza mwettqa, fuq il-bażi tar-rispett sħiħ lejn il-prinċipji ta' trasparenza, imparzjalità u l-preżunzjoni tal-innoċenza; itenni l-importanza li jiġi rrispettat il-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-atturi politiċi kollha biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv sabiex iżommu l-attenzjoni fuq il-prijoritajiet strateġiċi tal-pajjiż u taċ-ċittadini tiegħu;

12.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' oppożizzjoni fil-ħidma regolari tal-KPK; iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-KPK permezz tar-rappreżentanza xierqa tal-partiti parlamentari kollha fil-proċeduri tiegħu;

13.  Jinsab imħasseb li l-koeżistenza interetnika tibqa' fraġli u tippreżenta sfida għall-pajjiż; huwa mħasseb dwar iż-żieda fit-tensjonijiet interetniċi li jesponu n-nuqqas ta' fiduċja bejn il-komunitajiet; jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' lingwaġġ etnoċentriku u diviżiv, partikolarment matul il-kampanji elettorali; jenfasizza li l-bidu tat-taħdidiet ta' adeżjoni mal-UE jista' jgħin lill-pajjiż jindirizza aħjar din l-isfida billi jsaħħaħ il-koeżjoni interetnika madwar dak l-għan komuni; jikkundanna l-forom kollha ta' nazzjonaliżmu u etnoċentriżmu estremi li japprofondixxu d-diviżjoni fis-soċjetà; jistieden lill-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha biex jippromwovu b'mod attiv soċjetà multietnika u multireliġjuża inklużiva u tolleranti u biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha li jappartjenu għal minoranzi etniċi; ifakkar li l-edukazzjoni għandha rwol vitali fil-ksib tat-tolleranza u r-rispett bejn persuni differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-proġetti u l-programmi mmirati favur it-tisħiħ ta' djalogu interetniku u fehim reċiproku;

14.  Jilqa' l-fatt li l-aġenda tal-UE tibqa' l-prijorità strateġika tal-pajjiż; jinkoraġġixxi lill-pajjiż biex ikompli jikkonsolida r-riformi u jbiddel il-politiki u l-prattiki li għad jistgħu jostakolaw il-ġejjieni Ewropew tiegħu, u biex jiżgura progress fl-implimentazzjoni ta' prijoritajiet ta' riforma relatati mal-UE, inkluż fil-kuntest tad-Djalogu ta' Adeżjoni ta' Livell Għoli;

15.  Jinnota li l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari bikrin ta' April 2014 ġew ivvalutati mill-OSKE/ODIHR bħala amministrati b'mod effiċjenti; jaqsam it-tħassib, madankollu, dwar il-linja mċajpra bejn l-attivitajiet tal-istat u dawk tal-partit, li tmur kontra l-obbligi internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi, kif ukoll dwar rappurtar parzjali tal-midja u allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni tal-votanti; jilqa' r-riformi elettorali, imma jħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw l-irregolaritajiet allegati qabel u matul l-elezzjonijiet; jistieden lill-gvern biex jindirizza fi żmien xieraq ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-ODIHR sabiex jitjieb il-proċess elettorali, inklużi l-ġestjoni u l-eżattezza tar-reġistri elettorali; barra minn hekk, f’dan ir-rigward, ifakkar il-ħtieġa li jitfasslu reġistri elettorali li jikkorrispondu ma' standards internazzjonali;

16.  Iħeġġeġ lill-gvern biex jittratta n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-assistenza IPA bħall-problemi sistemiċi tas-sistema ta' kontroll, il-koordinament intra u interistituzzjonali insuffiċjenti, ix-xogħol b'lura fl-akkwist pubbliku, ir-rata baxxa ta' assorbiment u l-kapaċità baxxa tal-istituzzjonijiet; jitlob it-tisħiħ tar-rabta bejn l-assistenza tal-UE u l-istrateġiji ta' riforma nazzjonali u l-fondi tal-IPA sabiex tintuża ħalli tiffinanzja diċentralizzazzjoni tal-baġit ferm akbar fil-pajjiż; jitlob għal azzjoni biex jiġi evitat aktar telf fl-assistenza kif ukoll biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-programm sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-assistenza tal-UE;

17.  Jilqa' l-adozzjoni ta' qafas leġiżlattiv ġdid għas-servizz ċivili kif ukoll għall-impjieg pubbliku fi Frar 2014, bħala pass ’il quddiem lejn il-kisba ta' amministrazzjoni pubblika unifikata, trasparenti u responsabbli; jinsab imħasseb li l-amministrazzjoni pubblika, minkejja l-progress leġiżlattiv, tibqa' frammentata, politiċizzata u suġġetta għall-influwenza politika; jinkoraġġiha bil-qawwa biex jissaħħu l-professjonaliżmu u l-indipendenza tagħha fil-livelli kollha; iħeġġeġ l-isforzi biex tiġi implimentata l-liġi, b'rispett xieraq lejn il-prinċipji tat-trasparenza, il-mertu u r-rappreżentanza ekwa; jistieden lill-gvern jadotta programm ta' riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika;

18.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid (OFA); jitlob għat-tlestija tar-rieżamii tal-implimentazzjoni tiegħu, li jirriżulta f'rakkomandazzjonijiet ta' politika; jirrakkomanda bis-sħiħ li l-OFA jitqies bħala element essenzjali għall-istat tad-dritt, ir-relazzjonijiet interkomunitarji u d-deċentralizzazzjoni kontinwa; jinkoraġġixxi b'mod qawwi l-iżvilupp ta' governanza lokali u l-promozzjoni ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja fit-tul fil-livell politiku, bħalma huma ż-żamma ta' dibattiti pubbliċi biex jispjegaw il-benefiċċji tal-OFA; jistieden lill-gvern u lill-awtoritajiet lokali kompetenti biex jipproċedi bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Edukazzjoni Integrata u li jiġi pprovdut finanzjament akbar għal dak l-għan; iqis li huwa importanti li jiġu inklużi fil-proċess l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jirrakkomanda approċċ aktar proattiv sabiex jiġu żgurati l-identitajiet etniċi, kulturali u lingwistiċi tal-komunitajiet kollha;

19.  Jilqa' l-livell għoli ta' allinjament mal-acquis leġiżlattiv u t-titjib fl-effiċjenza u l-professjonaliżmu tal-qrati bħala riżultat ta' riformi ġudizzjarji komprensivi; jinsab imħasseb, madankollu, dwar influwenza politika mhux xierqa fuq ċerti proċeduri tal-qorti, u jenfasizza li l-ġudikatura għandha tibqa' indipendenti mill-pressjonijiet esterni kollha tal-fergħat parlamentari u eżekuttivi; jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-istandards ġudizzjarji f'konformità man-normi Ewropej u l-aħjar prattika; jitlob l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja prevedibbli u l-fiduċja tal-pubbliku; jitlob għal titjib fil-kwalità tal-ġustizzja, użu miżjud tar-rimedji mhux ġudizzjarji u soluzzjoni għat-tilwim alternattiva, ippjanar strateġiku aħjar, aċċess aħjar għall-ġustizzja għal membri vulnerabbli tas-soċjetà, u iktar involviment ta' organizzazzjonijiet professjonali u tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-indipendenza ġudizzjarja;

20.  Jinnota l-iżviluppi pożittivi fl-implimentazzjoni tal-programmi għal kontra l-korruzzjoni 2011-2015, fit-tisħiħ tas-sistema ta' integrità personali u istituzzjonali kif ukoll tal-kooperazzjoni interistituzzjonali u internazzjonali; jinnota l-kwistjonijiet sostanzjali li għadhom pendenti relatati mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus, inklużi l-kwistjonijiet transkonfinali, it-twettiq ta' valutazzjoni nazzjonali tar-riskji u t-titjib fl-effiċjenza operattiva; itenni li Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni indipendenti u kompletament funzjonali għandha tkun l-akbar istituzzjoni tal-istat għat-trattament ta' din il-kwistjoni; sabiex itejbu l-ħidma ta' dik il-Kummissjoni, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu l-interkonnettività tal-IT bejn il-qrati u s-servizz tal-prosekuzzjoni u joħolqu reġistru ċentrali ta' uffiċjali pubbliċi;

21.  Jitlob għall-implimentazzjoni aktar effiċjenti ta' politiki u leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-politika, l-amministrazzjoni pubblika, l-akkwist pubbliku u l-infurzar tal-liġi, kif ukoll għat-titjib tal-kapaċitajiet amministrattivi; iħeġġeġ lill-pajjiż biex jikseb rekord pożittiv għall-kundanni f'każijiet ta' korruzzjoni, inklużi każijiet ta' livell għoli; jistieden l-OSĊ indipendenti u l-midja sabiex jikxfu l-korruzzjoni u jappoġġjaw investigazzjonijiet u proċessi indipendenti u imparzjali; jistieden lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku biex jippermetti l-investigazzjoni adegwata u f'waqtha ta' affermazzjonijiet f'dan il-qasam;

22.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-qafas legali u istituzzjonali huwa fis-seħħ rigward il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; ifaħħar il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali attiva tal-pajjiż, inkluż permezz tal-Eurojust u l-Europol; jilqa' l-fatt li twettaq b'suċċess għadd ta' operazzjonijiet tal-pulizija kontra gruppi organizzati, b'mod partikolari għal qtugħ ta' rotot internazzjonali għat-traffikar tad-drogi u l-kuntrabandu ta' migranti;

23.  Jikkundanna l-forom kollha ta' estremiżmu politiku u/jew reliġjuż u jara l-ħtieġa għal kooperazzjoni transkonfinali ma' pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent u l-Istati Membri tal-UE; jilqa' l-bidliet li saru fil-Kodiċi Kriminali li jiddefinixxu ulterjorment kemm ir-reati kif ukoll il-pieni għal persuni li jkunu qed jieħdu sehem fl-estremiżmu politiku u/jew reliġjuż; itenni bil-qawwa l-ħtieġa ta' strateġija proattiva komuni għal politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża, minħabba t-theddida terroristika internazzjonali attwali; ifakkar li l-politika pubblika għandha tiġġieled il-forom kollha ta' estremiżmu, u li l-istigmatizzazzjoni ta' kwalunkwe grupp wieħed reliġjuż f'dan il-kuntest għandha tkun evitata bil-galbu;

24.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati pubbliċi tat-tfassil tal-liġijiet; jinnota li tali kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq rieda ġenwina min-naħa tal-gvern li jikkonsulta ma' diversi partijiet interessati kemm fit-tfassil tal-liġiijiet kif ukoll tal-politiki; jenfasizza r-rwol kruċjali li jista' jkollhom l-OSĊ biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar il-proċess ta' adeżjoni u jagħmluh aktar trasparenti, responsabbli u inklużiv; iħeġġeġ lill-gvern biex jgħin fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali wkoll; jistieden lill-gvern biex jibda dibattitu sostanzjali mal-universitajiet, l-akkademiċi u l-istudenti dwar ir-riforma fl-edukazzjoni ogħla;

25.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirkupraw l-arkivji tas-servizzi sigrieti Jugoslavi rilevanti mis-Serbja; huwa tal-fehma li l-ġestjoni trasparenti tal-imgħoddi totalitarju, inkluż il-ftuħ tal-arkivji tas-servizzi sigrieti, huwa pass ’il quddiem lejn aktar demokratizzazzjoni, responsabbiltà u saħħa istituzzjonali;

26.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li l-pressjonijiet politiċi u finanzjarji qed jipperikolaw b'mod kostanti u sinifikanti l-indipendenza tal-midja; jiddeplora d-deterjorament kontinwu tal-libertà tal-espressjoni li jirriżulta fl-iktar livell baxx ta' libertà tal-istampa fir-reġjun; jiddispjaċih f'dan il-kuntest li, fl-indiċi kkompilat minn Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri, il-pajjiż niżel mill-34 post fl-2009 għall-117-il post fl-2015; jinnota bi tħassib li dejjem jiżdied il-kontroll tal-istat fuq il-midja, inkluż id-dipendenza kontinwa fuq il-baġit tal-istat, l-għażla frekwenti tal awtoċensura, u l-istandards u l-etika professjonali foqra; jinnota bi tħassib il-fatt li jirrikorri għall-malafama f'kuntest politiku u dak tal-midja; filwaqt li ttieħdu xi passi biex jerġa' jiġi stabbilit id-djalogu bejn il-gvern u l-komunità tal-midja, jiddispjaċih li l-liġi dwar is-servizzi awdjoviżivi ġiet emendata bi proċedura rapida mingħajr konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati tal-midja;

27.  Iħeġġeġ lill-Gvern biex isegwi politiki li jsaħħu l-pluraliżmu fil-midja u d-diversità tal-opinjonijiet kif ukoll biex jiggarantixxi l-indipendenza tax-xandar pubbliku u r-regolatur tal-midja; jinnota bi tħassib li x-xandar pubbliku wera tendenza sinifikanti favur il-partijiet li huma fil-gvern, kemm matul il-kampanji elettorali (kif irrappurtat fir-rapporti tal-OSKE/ODIHR) u f'ċirkostanzi mhux tal-kampanja (kif irrappurtat fir-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni); jilqa' l-fatt li l-gvern għamel id-dejta fuq ir-reklamar tal-gvern disponibbli pubblikament; jistieden lill-gvern, madankollu, biex itejjeb it-trasparenza dwar il-kriterji użati fl-allokazzjoni ta' fondi; jirrakkomanda bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tkun aktar attiva fil-monitoraġġ u l-konsultazzjoni dwar l-iżviluppi tal-politika u fit-tħeġġiġ tad-djalogu fost il-partijiet interessati kollha tal-midja;

28.  Ifakkar lill-gvern u lill-partiti politiċi dwar ir-responsabbiltà tagħhom biex joħolqu kultura ta' inklużjoni u tolleranza; jitlob li l-liġi kontra d-diskriminazzjoni tiġi allinjata mal-acquis peress li ma tipprojbixxix id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali; jikkundanna l-vjolenza kollha kontra l-komunità LGBTI u jitlob li dawk ħatja, inkluż dawk responsabbli għall-inċidenti vjolenti kontra ċ-Ċentru ta' Appoġġ tal-LGBTI fi Skopje, jitressqu quddiem il-qorti; jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu miġġielda l-preġudizzji u d-diskriminazzjoni kontra r-Roma, u biex jittieħdu aktar miżuri biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom, partikolarment fl-oqsma tad-djar, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-impjieg; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha ta' politika li għandhom l-għan li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-eżistenza kontinwa ta' sterjotipi tas-sessi fis-soċjetà u dwar il-vjolenza domestika; iħeġġeġ lill-gvern biex jindirizza d-differenzi strutturali u d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi f'oqsma ekonomiċi, politiċi u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq l-impenn tagħha li tagħmel il-Kapitolu tal-Politika Soċjali u tal-Impjieg prijorità fil-proċess ta' adeżjoni, billi tniedi inizjattiva f'dan ir-rigward fid-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni mal-pajjiż;

29.  Jibqa’ mħasseb dwar ir-rati għolja ta' faqar fost it-tfal u n-nuqqas ta' kapaċità tal-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta' politiki u azzjonijiet strateġiċi f’dan il-qasam; iħeġġeġ lill-gvern sabiex iżid l-isforzi tiegħu biex jimplimenta l-istrateġija nazzjonali riveduta dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali; iħeġġeġ li tingħata aktar attenzjoni biex jiġi żgurat aċċess ġust u effettiv għall-ġustizzja għat-tfal kollha; jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi addizzjonali mill-gvern biex jappoġġja tfal b'diżabilitajiet u tfal mill-komunità tar-Roma; jitlob biex isiru sforzi ulterjuri biex jittejbu s-saħħa u n-nutrizzjoni tat-tfal, bi tħassib partikolari dwar it-tfal Roma;

30.  Jilqa' l-fatt li l-pajjiż għadu l-mexxej reġjonali fir-rigward tal-faċilità li biha jsir in-negozju, kif ukoll il-prestazzjoni mtejba tiegħu fil-klassifika globali tal-Bank Dinji, li fiha huwa tela' mill-31 post fl-2013 għat-30 post fl-2014; jinnota, madankollu, li l-infurzar diffiċli tal-kuntratti u l-bidliet legali frekwenti mingħajr konsultazzjoni adegwata joħolqu sfidi serji lill-klima tan-negozju; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza li jsir progress fir-rigward tal-liġi tax-xogħol u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb aktar l-ambjent tan-negozju bl-appoġġ għall-SMEs, it-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, u r-rabta bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u żvilupp mas-settur tan-negozju u l-impjiegi;

31.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-influssi tal-IDB baqgħu stabbli u ppermettew aktar diversifikazzjoni tal-esportazzjoni; jinnota li 80 % tal-istokk tal-IDB totali joriġina minn kumpaniji tal-UE, b'żieda akbar fil-flussi kummerċjali f'oġġetti u servizzi mal-UE; itenni l-importanza li jiġi attirat l-investiment barrani, u jemmen li dan id-dewmien fil-proċess ta' adeżjoni tal-UE jista' jirrappreżenta ostaklu għal integrazzjoni ekonomika aktar profonda; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiżdied id-dħul pubbliku u jinħolqu impjiegi f'setturi bi produttività għolja, peress li l-istruttura globali tal-ekonomija tibqa' ffukata fuq attivitajiet bi produttività baxxa; jenfasizza li r-regoli kollha li jkopru ż-żoni finanzjarji internazzjonali għandhom ikunu f'konformità mal-acquis u mal-ħtiġijiet internazzjonali;

32.  Jilqa' t-tnaqqis fir-rata globali tal-qgħad minn 29,9 % fl-ewwel kwart tal-2013 għal 27,9 % fit-tielet kwart tal-2014; jistieden lill-gvern biex iġġedded l-isforzi tiegħu biex ikompli jnaqqas il-qgħad strutturali u fit-tul, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ (li għalihom ir-rata hija 'l fuq minn 50 %) u gruppi vulnerabbli inklużi r-Roma; jitlob għall-adozzjoni ta' riformi biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol u l-mobbiltà tal-ħaddiema kif ukoll biex jitnaqqas is-settur informali kbir li qed ikompli jxekkel il-kompetizzjoni; huwa mħasseb li l-livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol spiss ma tikkorrispondix għall-ħtiġijiet reali tal-ekonomija, u li numru kbir ta' ħaddiema kwalifikati żgħażagħ huma konsegwentement imġiegħla jemigraw minħabba d-diffikultà li jsibu opportunitajiet adegwati ta' impjieg fil-pajjiż; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar bidliet leġiżlattivi li jmorru kontra d-dritt tal-istrajk, u jistieden lill-awtoritajiet biex jirrevedu l-leġiżlazzjoni f'konformità mal-istandards tal-ILO;

33.  Jinnota l-passi meħuda biex jitnaqqas il-qgħad fost in-nisa, iżda jistieden lill-gvern biex jagħmel aktar peress li l-qgħad fost in-nisa għadu ħafna ogħla mill-medja tal-UE;

34.  Jirrimarka li huma meħtieġa sforzi sinifikanti, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati rilevanti, fil-qasam tal-ambjent u b'mod partikolari fl-oqsma tal-kwalità tal-arja u tal-ilma, il-protezzjoni tan-natura u l-ġestjoni tal-iskart; huwa mħasseb dwar it-tniġġis tal-arja u tal-ilma; jinnota bi tħassib il-konċentrazzjoni ta' partikuli li jagħmlu l-ħsara, li huwa bosta drabi ogħla mil-livell limitu permess, speċjalment fi Skopje, Tetovo, Bitola, Kičevo u Kavadarci; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni rilevanti, jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u jiġu allokati biżżejjed fondi għal investiment f'infrastruttura bħal impjanti għat-trattament tal-ilma mormi;

35.  Jiddispjaċih li l-miri tal-enerġija tal-2013 ma ġewx sodisfatti, fir-rigward, b'mod partikolari, tal-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jitlob, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni rilevanti u l-allinjament mal-politika tal-UE dwar il-klima;

36.  Jilqa' l-fatt li l-pajjiż baqa' attiv u kostruttiv fil-kooperazzjoni reġjonali u li ma għandu ebda kwistjonijiet pendenti dwar il-fruntieri mal-pajjiżi ġirien tiegħu; jilqa' l-presidenza li ġejja tal-pajjiż tal-Inizjattiva Ewropea Ċentrali; jistieden lill-gvern sabiex itejjeb il-livell ġenerali ta’ allinjament mad-dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-PESK; jenfasizza l-importanza ta' allinjament progressiv mal-pożizzjonijiet ta' politika barranija tal-UE;

37.  Jilqa' l-progress li sar dwar il-konnessjoni ferrovjarja bejn il-pajjiż u l-Bulgarija, li se twassal għal relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar, u r-rieda tiegħu biex din tiġi ffinalizzata;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-pajjiż.


Rapport ta' Progress 2014 dwar is-Serbja
PDF 359kWORD 120k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar is-Serbja (2014/2949(RSP))
P8_TA(2015)0065B8-0213/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/56/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013;

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-konformità tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo mad-dritt internazzjonali, u r-Riżoluzzjoni A/RES/64/298 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet favorevolment id-disponibilità tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn Belgrad u Pristina,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet mit-tieni laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja tas-26 u s-27 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar is-Serbja mill-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2014 (SWD(2014)0302),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2013 dwar is-Serbja, tas-16 ta' Jannar 2014(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-Serbja: il-każ tal-akkużat ta' delitti tal-gwerra Šešelj(3),

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' David McAllister bħala rapporteur permanenti għas-Serbja fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 iddeċieda li jibda n-negozjati dwar l-adeżjoni mas-Serbja; billi l-ewwel konferenza intergovernattiva (KIG) saret fil-21 ta' Jannar 2014;

B.  billi, fir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar is-Serbja, il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress li s-Serbja għamlet lejn l-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li tivvaluta l-isforzi tal-pajjiż biex jikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-kondizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

C.  billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jaderixxi mal-UE, għandha tkun iġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha fit-twettiq, fl-implimentazzjoni u fir-rispett tal-istess ġabra ta' kriterji, u billi l-veloċità u l-kwalità tar-riformi neċessarji jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

D.  billi l-Unjoni Ewropea poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

E.  billi l-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-governanza ekonomika, l-istat tad-dritt u l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

F.  billi s-Serbja għamlet passi importanti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, li rriżultaw fl-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet tad-19 ta' April 2013; billi huma meħtieġa b'urġenza passi ulterjuri bil-għan li jinstab tarf il-kwisjonijiet kollha pendenti bejn iż-żewġ pajjiżi;

G.  billi r-relazzjonijiet ta' bon viċinat jikkostitwixxu element fundamentali tas-suċċess tal-integrazzjoni Ewropea ta' kwalunkwe pajjiż u billi l-kwistjonijiet bilaterali għandhom ikunu affrontati fil-proċess ta' adeżjoni skont il-qafas tan-negozjati, fi spirtu kostruttiv u ta' bon viċinat, b'kont meħud tal-interessi u tal-valuri ġenerali tal-Unjoni Ewropea; billi saru passi importanti fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni storika bejn is-Serbja u l-pajjiżi ġirien tagħha;

H.  billi l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar il-protezzjoni tal-minoranzi jeħtieġ li jiġi żgurat bis-sħiħ, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-użu tal-lingwa, u l-aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni u għas-servizzi reliġjużi fil-lingwi minoritarji;

I.  billi l-Presidenza fil-kariga tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tas-Serbja fl-2015 taħbat waqt il-kunflitt li għadu għaddej fil-Lvant tal-Ukraina u fil-mument li fih l-Organizzazzjoni tiċċelebra l-40 anniversarju mill-adozzjoni tal-Att Finali ta' Ħelsinki;

1.  Jilqa' favorevolment il-bidu formali tat-taħditiet ta' adeżjoni li seħħ fil-21 ta' Jannar 2014 matul l-ewwel KIG UE-Serbja kif ukoll il-livell għoli ta' tħejjija u involviment fil-proċess ta' eżami analitiku (sreening) tal-acquis tal-UE muri mill-Gvern Serb;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet parlamentari bikrin li kienu valutati b'mod pożittiv mill-osservaturi internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet jindirizzaw bi sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar missjoni tal-OSKE/ODIHR għall-osservazzjoni elettorali u ta' dik preċedenti;

3.  Jissottolinja l-progress tat-titjib tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) UE-Serbja u l-importanza ta' dan it-titjib; jisħaq fuq il-fatt li l-FSA joffri l-qafas ġenerali għas-Serbja u għall-UE biex jintensifikaw il-kooperazzjoni ta' bejniethom;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn muri mill-Gvern Serb il-ġdid favur il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u jistieden lis-Serbja tittratta b'mod deċiżiv u dirett ir-riformi sistemiċi u soċjoekonomiċi; jissottolinja li l-implimentazzjoni eżawrjenti tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tibqa' indikatur ewlieni ta' proċess ta' integrazzjoni li jirnexxi; jistieden lis-Serbja ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u politiki ġodda; jissottolinja n-neċessità ta' titjib tal-inklużjoni u tat-trasparenza tal-proċess ta' adeżjoni; jenfasizza li s-Serbja jeħtiġilha tagħmel aktar progress fir-riforma prijoritarja tagħha, l-istat tad-dritt;

5.  Jinkoraġġixxi l-fatt li l-ftuħ tal-kapitoli tan-negozjati għandu jqis l-iżviluppi fuq il-livell tekniku, iżda wkoll il-kuntest politiku tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-Kapitoli 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà u Sigurtà) għandhom jiġu affrontati f'fażi bikrija fin-negozjati; jinsisti li l-Kapitolu 35 tal-acquis tal-UE, dwar ir-relazzjonijiet mal-Kosovo, għandu jkun definit b'mod ċar; jissottolinja li l-qafas tan-negozjati joffri parametru biex jiġi stabbilit jekk il-progress f'ambitu ta' kapitolu huwiex qiegħed jaqa' lura b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-progress fin-negozjati b'mod ġenerali, b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tirrakkomanda l-ftuħ jew l-għeluq tard ta' kapitoli oħrajn tan-negozjati;

6.  Josserva li r-rapport li ppubblikat dan l-aħħar il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) wasal għall-konklużjoni li l-finanzjamenti mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), flimkien ma' forom oħrajn ta' sostenn, lis-Serbja għenuha timplimenta r-riformi soċjali u ekonomiċi u ttejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tagħha; josserva, madankollu, li r-riforma tas-settur ġudizzjarju baqa' lura b'mod sinifikanti; jistieden lis-Serbja tallinja ruħha mal-acquis tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat; jilqa' pożittivament l-użu ġenerali effikaċi tal-assistenza finanzjarja u mhux finanzjarja tal-UE, kif osservat il-QEA, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jibnu prattiki ta' governanza tajba u jieħdu ħsieb il-punti ta' dgħufija li għad fadal fil-disinn, fl-implimentazzjoni u fis-sostenibilità tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-assistenza tagħha favur is-Serbja fi ħdan il-qafas tal-IPA b'mod effikaċi u trasparenti;

7.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-maġġor parti tal-liġijiet jiġu adottati bil-proċedura ta' urġenza, li mhux dejjem qiegħda tippermetti biżżejjed konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku ġenerali;

8.  Josserva li l-għargħar ta' Mejju 2014 fis-Serbja laqat lill-popolazzjoni b'mod gravi u ħalla effett negattiv fuq l-ekonomija; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE, kif ukoll l-Istati Membri individwali, fornew sforzi immedjati u sostanzjali ta' salvataġġ u sokkors, fuq talba tas-Serbja, billi organizzaw konferenza tad-donaturi li saret f'Lulju 2014; jenfasizza li l-Kummissjoni stiednet lis-Serbja tissieħeb fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u japprezza l-fatt li fis-16 ta' Ottubru 2014 is-Serbja esprimiet l-interess tagħha li tissieħeb;

9.  Jilqa' pożittivament l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet li ntlaħaq fid-djalogu ta' livell għoli bejn il-Prim Ministri tas-Serbja u tal-Kosovo fid-19 ta' April 2013; japprezza l-impenn min-naħa tas-Serbja fil-proċess ta' normalizzazzjoni mal-Kosovo u jinkoraġġixxi enerġikament lill-awtoritajiet Serbi jiżvolġu rwol kostruttiv f'dan il-proċess, kif anke fl-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat, li jista' jaqdi l-interessi kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo; josserva li r-ritmu tan-negozjati globali naqas, minħabba, fost ħwejjeġ oħra, l-elezzjonijiet bikrija kemm fis-Serbja kif ukoll fil-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon il-formazzjoni ta' gvern ġdid fil-Kosovo li jirrappreżenta pass importanti għall-issuktar tad-djalogu ta' livell għoli tad-9 ta' Frar 2015 li wassal għall-ftehim dwar is-sistema ġudizzjarja ta' Mitrovica u jilqa' pożittivament ukoll, f'dan ir-rigward, ir-rwol kostruttiv tal-Gvern Serb immirat biex jinkoraġġixxi lir-rappreżentanti eletti tal-minoranza Serba jipparteċipaw u jassumu r-responsabilitajiet tagħhom fi ħdan il-gvern ta' koalizzjoni l-ġdid ta' Pristina; jistieden lis-Serbja u lill-Kosovo javvanzaw fl-implimentazzjoni totali tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu, f'bona fide u puntwalment, u lill-UE twettaq evalwazzjoni tar-riżultati tal-partijiet huma u jottemperaw għall-obbligi; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi u Kosovari jkomplu fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom; jappella għal sforzi kontinwi miż-żewġ naħat bil-għan li jitqarrbu aktar il-komunitajiet etniċi tal-Albaniżi u tas-Serbi; jissottolinja li l-qafas tan-negozjati jirrikjedi li l-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo fl-ambitu tal-Kapitolu 35 jimxi 'l quddiem b'mod parallel ma' progress fin-negozjati globali; jenfasizza li l-Kapitolu 35 għandu jinfetaħ f'fażi bikrija tan-negozjati; iqis li n-normalizzazzjoni totali tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo tista' tiffaċilita l-adeżjoni tas-Serbja mal-UE;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi u Kosovari jintensifikaw il-kooperazzjoni bil-għan li jrażżnu u jżarmaw in-netwerks kriminali li qegħdin jikkontrollaw, jisfruttaw u jittraffikaw il-migranti irregolari mill-Kosovo lejn ċerti Stati Membri tal-UE bi tranżitu mis-Serbja;

11.  Jistieden lis-Serbja tagħmel sforzi aktar enerġiċi biex tallinja l-politika barranija u ta' sigurtà tagħha ma' dik tal-UE, inkluża l-politika dwar ir-Russja; jiddispjaċih li s-Serbja ma allinjatx ruħha, meta kienet mistiedna, mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li introduċew miżuri restrittivi kontra r-Russja, iżda jżomm quddiem għajnejh ir-rabtiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tradizzjonalment b'saħħithom li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi; jemmen li s-Serbja tista' tiżvolġi rwol kruċjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jilqa' favorevolment il-parteċipazzjoni attiva tas-Serbja fl-operazzjonijiet internazzjonali ta' żamma tal-paċi; josserva li s-Serbja ospitat bl-unuri ċerti personalitajiet suġġetti għall-projbizzjoni ta' viża tal-UE u torganizza taħriġ militari mal-armata Russa;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Presidenza fil-kariga tal-OSKE tas-Serbja fl-2015 u l-prijoritajiet tagħha; josserva li s-Serbja, inkwantu assumiet il-Presidenza fil-kariga tal-OSKE, hija lesta tappoġġa l-mezzi kollha għat-tqawwija tal-isforzi biex il-kunflitti eżistenti fiż-żona tal-OSKE jiġu solvuti b'mod paċifiku; jinkoraġġixxi lis-Serbja tisfrutta din il-Presidenza biex tagħti kontribut għall-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina, billi taġixxi ta' medjatur; jirrikonoxxi barra minn hekk l-fatt li s-Serbja hija disposta tippromwovi ulterjorment il-kooperazzjoni reġjonali; jistieden lis-Serbja, inkwantu l-President fil-kariga attwali tal-OSKE, tgħin biex l-OSKE terġa' ssir pjattaforma komprensiva li fiha jiġu affrontati l-kwistjonijiet ta' sigurtà tal-Ewropa;

13.  Jinkoraġġixxi lis-Serbja tikkoopera ulterjorment mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), issaħħaħ l-proċessi għad-delitti tal-gwerra f'livell nazzjonali u tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali biex ittemm l-impunità u ssir ġustizzja mal-vittmi tad-delitti tal-gwerra u mal-familjari tagħhom; jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi adottata leġiżlazzjoni komprensiva u politika għall-protezzjoni tax-xhieda biex lill-vittmi u lill-familjari tagħhom jiġihom rikonoxxut id-dritt għar-riżarċiment; itenni s-sostenn tiegħu għall-inizjattiva REKOM;

14.  Jistieden lis-Serbja teżamina, fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni u ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat, il-Liġi tagħha dwar l-Organizzazzjoni u l-Kompetenzi tal-Awtoritajiet tal-Istat fl-ambitu tal-Proċedimenti għad-Delitti tal-Gwerra, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tagħha u mal-Kummissjoni;

15.  Jistieden lis-Serbja tintensifika l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi ġirien u ssaħħaħ l-isforzi tagħha fit-tfittxija tal-persuni neqsin u tikkondividi totalment id-data kollha rilevanti; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi jiftħu l-arkivji tal-Armata Popolari Jugoslava bil-għan li tiġi stabbilita l-verità tal-ġrajjiet traġiċi tal-imgħoddi u tinkiseb l-informazzjoni; iħeġġeġ barra minn hekk lill-awtoritajiet jiftħu u jaġevolaw l-aċċess trasparenti għal dawn l-arkivji li jirrigwardaw l-ex repubbliki tal-Jugoslavja u għad-dokumenti tal-ex aġenzija tal-intelligence (UDBA), anki billi jagħmluhom għad-dispożizzjoni tal-gvernijiet rispettivi;

16.  Jilqa' favorevolment l-iffirmar, taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Persuni Neqsin (ICMP), tad-Dikjarazzjoni dwar ir-rwol tal-Istat fit-trattament tal-kwistjoni tal-persuni neqsin bħala konsegwenza tal-kunflitt armat u tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja n-neċessità li jissaħħew l-isforzi intiżi li jsibu u jidentifikaw il-persuni neqsin u jillokalizzaw il-fosos komuni tal-gwerer fil-Kroazja, fil-Bosnja-Ħerzegovina u fil-Kosovo kif ukoll li jiġi garantit id-dritt tal-familjari tal-vittmi li jkunu jafu x'kien id-destin tal-familjari neqsin tagħhom;

17.  Japprezza l-approċċ kostruttiv tal-Gvern Serb rigward ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, peress li dan ippermetta li jsiru progress sostanzjali kemm fil-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll f'relazzjonijiet eqreb mal-UE; jinkoraġġixxi lis-Serbja taħdem saħansitra aktar mill-qrib mal-pajjiż ġirien u tagħti bidu għal aktar azzjonijiet favur il-kooperazzjoni transkonfinali, bil-għan li jitjieb, fost ħwejjeġ oħra, l-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntiera u tal-inħawi popolati mill-minoranzi; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' politiki ta' skambju u kuntatt bejn iż-żgħażagħ fil-qafas tar-rikonċiljazzjoni; japprezza, b'mod ġenerali, ir-rispett min-naħa tas-Serbja tal-obbligi internazzjonali tagħha u l-fatt li żviluppat ulterjorment relazzjonijiet bilaterali mal-ġirien tagħha; itenni l-importanza kruċjali tar-rikonċiljazzjoni; jinkoraġġixxi lis-Serbja timplimenta b'mod sħiħ il-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien u taffronta l-kwistjonijiet bilaterali miftuħa tagħha b'approċċ pragmatiku; jilqa' b'sodisfazzjon il-laqgħa bejn il-Prim Ministri tas-Serbja u tal-Albanija fl-10 ta' Novembru 2014 f'Belgrad; jinkoraġġixxi lis-Serbja ssostni b'mod attiv il-progress tal-Bosnja-Ħerzegovina lejn l-integrazzjoni Ewropea, u tikkontribwixxi b'mod kostruttiv għal dan il-għan; japprezza wkoll il-fatt li s-Serbja kompliet tipparteċipa b'mod attiv fl-inizjattivi reġjonali, pereżempju l-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (SEECP);

18.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-Parlament Serb kif ukoll dak tas-soċjetà ċivili fil-proċess tan-negozjati ta' adeżjoni; jilqa' favorevolment l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament, fl-4 ta' Ġunju 2014, tad-deċiżjoni li tirregola l-proċedura ta' eżami tal-proposti għal pożizzjoni ta' negozjar matul in-negozjati ta' adeżjoni; jilqa' favorevolment l-adozzjoni ta' linji gwida għall-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' adozzjoni tar-regolamenti fis-26 ta' Awwissu 2014 u jappella għal aktar involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' integrazzjoni; jistieden lill-Gvern jastjeni mir-retorika anti-UE u jmexxi djalogi u konsultazzjonijiet pubbliċi regolari mal-partijiet interessati kollha biex jiggarantixxi t-trasparenza sħiħa tan-negozjati u jforni l-informazzjoni kollha għal dibattitu kostruttiv relatat mal-funzjonament tal-UE u mal-adeżjoni magħha u jiffaċilita l-parteċipazzjoni wiesgħa tagħhom f'dan il-proċess;

19.  Ifaħħar ix-xogħol tal-korpi regolatorji indipendenti u l-kontributi tagħhom għat-titjib tal-qafas ġuridiku u tar-responsabilità tal-istituzzjonijiet statali; jissottolinja li l-istituzzjonijiet statali jridu jaġixxu b'mod trasparenti u responsabbli; isostni l-ħidma tal-awtoritajiet statali indipendenti bħall-Ombudsman, il-Kummissarju responsabbli mill-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika u oħrajn; jistieden lill-awtoritajiet statali jħarsu l-indipendenza ta' dawn l-uffiċċji u jikkooperaw totalment magħhom fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom; iqis li l-awtoritajiet għandhom ifornuhom bir-riżorsi finanzjarji u amministrattivi kollha neċessarji għall-attività tagħhom; jenfasizza li jeħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom jingħataw segwitu xieraq u li l-indipendenza tagħhom tkun rispettata bis-sħiħ;

20.  Jikkundanna d-denunzja pubblika infondata tal-Ombudsman min-naħa tal-ministri tal-gvern; jissottolinja li r-rwol tal-Ombudsman huwa fil-qalba tas-sistema ta' kontroll u bilanċ tas-setgħat li fuqha jissejjes il-gvern u jistieden lill-awtoritajiet jassiguraw iż-żamma tal-indipendenza u tal-integrità tal-Ombudsman; jistieden lill-awtoritajiet jagħtu lill-Ombudsman sostenn sħiħ, mil-lat politiku u amministrartiv, għat-twettiq ta' xogħlu u għas-salvagwardja tad-dritt tiegħu li jitlob l-aċċess għal dokumenti uffiċjali f'konformità mal-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika;

21.  Jissottolinja l-fatt li s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-ILO kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea riveduta; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions għadhom limitati minkejja l-garanziji kostituzzjonali, u jistieden lis-Serbja tkompli ssaħħaħ dawn id-drittijiet; josserva li l-proċeduri addizzjonali li jirregolaw it-trade unions u d-dritt tal-istrajk huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza; josserva li jeżistu biss ftit ftehimiet kollettivi settorjali, filwaqt li bosta oħrajn skadew u jeħtieġu jiġu mġedda; huwa mħasseb li d-djalogu soċjali għadu dgħajjef u l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għadha irregolari; jitlob l-adozzjoni ta' aktar miżuri intiżi li jsaħħu d-djalogu soċjali u r-rwol konsultattiv ta' dawn il-partijiet fl-attività leġiżlattiva;

22.  Itenni l-importanza tal-promozzjoni, tal-ħarsien u tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-livelli kollha tas-soċjetà Serba, mingħajr ebda diskriminazzjoni ta' kwalunkwe forma u skont l-istandards Ewropej u internazzjonali; josserva li fit-2 ta' Ottubru 2014 ġie adottat pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra d-diskriminazzjoni li fih intalab ir-rispett tan-nisa, tal-persuni b'diżabilità, tal-persuni LGBT u tal-minoranzi kollha, sew nazzjonali, etniċi jew sesswali, u l-garanzija ta' drittijiethom; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jagħmlu aktar sforzi biex jiggarantixxu rappreżentanza ndaqs tan-nisa fil-ħajja politika u pubblika; josserva li l-kapaċità amministrattiva fil-qasam tal-ugwaljanza tal-ġeneru għadha fjakka, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jżidu l-isforzi tagħhom għal dan l-għan; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni min-naħa tal-Gvern Serb li jawtorizza l-organizzazzjoni tal-Pride Parade, li saret f'Belgrad fit-28 ta' Settembru mingħajr inċidenti rilevanti, u jfaħħar lill-Gvern tas-sostenn li ta kif ukoll lill-pulizija għall-faċilitazzjoni tal-imsemmija parata;

23.  Ifaħħar il-ħolqien tal-Kunsill Nazzjonali għad-Drittijiet tat-Tfal, u jinkoraġġixxi lil din l-entità tisfrutta bis-sħiħ il-mandat tagħha sabiex taċċerta ruħha li l-prijoritajiet tad-drittijiet tat-tfal ikunu riflessi b'mod sħiħ fil-pjanijiet ta' azzjoni li l-Gvern Serb qiegħed jiżviluppa bħala parti tal-proċess ta' adeżjoni;

24.  Josserva li ttieħdu miżuri fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija u tal-Pjan ta' Azzjoni dwar ir-riforma ġudizzjarja għall-perjodu 2013-2018; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' regoli għall-evalwazzjoni tal-ħidma tal-imħallfin u tal-prosekuturi; jenfasizza l-importanza vitali ta' ġudikatura indipendenti, u jenfasizza l-bżonn tat-tlestija tar-riforma tal-ġudikatura biex jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità sħaħ tal-imħallfin u tal-prosekuturi; jistieden lill-awtoritajiet ma jdewmux l-adozzjoni tal-abbozz ta' liġi dwar l-assistenza legali biex b'hekk iċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli ma jkunux esklużi mill-aċċess għal servizzi ta' assistenza legali bla ħlas; jenfasizza l-importanza ta' soluzzjoni għall-kwistjoni ta' każijiet ta' abbuż tal-uffiċċju u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riklassifikazzjoni massiva ta' dawn il-każijiet; jenfasizza li jeħtieġ li jsiru riformi kostituzzjonali biex jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impetu politiku qawwi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u fl-implimentazzjoni ulterjuri tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO); japprezza l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament Serb fil-25 ta' Novembru 2014 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li qegħdin jitwettqu diversi investigazzjonijiet f'każijiet ta' livell għoli u li saru sforzi biex jitjieb il-koordinament; jissottolinja li jeħtieġ li jsiru sforzi sinifikanti biex isaħħu u japplikaw bis-sħiħ il-qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u li r-riformi jkunu sostnuti b'riżorsi xierqa; jenfasizza li l-każijiet ta' kxif irregolari ta' informazzjoni lill-mezzi ta' komunikazzjoni dwar investigazzjonijiet li għaddejjin, bi ksur tal-preżunzjoni ta' innoċenza, huma kwistjoni li tagħti lok għal tħassib serju, u li għandhom jiġu investigati, ipproċessati u eliminati b'konformità mal-liġi; jikkundanna wkoll il-pressjoni eżerċitata mill-mezzi ta' komunikazzjoni jew mill-partiti politiċi fuq l-entitajiet indipendenti responsabbli mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u f'dan ir-rigward iqis li s-setgħat u r-riżorsi tal-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni għandhom jiġu intensifikati; josserva li tali prattiki jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-progress tan-negozjati ta' adeżjoni b'mod konsiderevoli; jappella għal aktar azzjoni biex jitħarsu l-indipendenza u l-integrità tas-sistema ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja;

26.  Josserva li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tas-Serbja; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni mtejba bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali biex dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati b'mod aktar effikaċi;

27.  Josserva bi tħassib in-nuqqas ta' trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali, u, għaldaqstant, ir-riskji għoljin ta' korruzzjoni; jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti politiċi jeħtieġ ikun trasparenti u f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika u l-Mezzi ta' Komunikazzjoni, il-Liġi dwar il-Mezzi Elettroniċi ta' Komunikazzjoni u l-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku tax-Xandir, u jitlob li dawn il-liġijiet jiġu implimentati minnufih; jissottolinja li, waqt l-implimentazzjoni tal-pakkett il-ġdid dwar il-mezzi ta' komunikazzjoni, għandha tiġi garantita wkoll is-sostenibilità tax-xandir pubbliku bil-lingwi minoritarji, kif anke s-sostenibilità u l-istabilità finanzjarja tas-servizzi pubbliċi u tal-mezzi ta' komunikazzjoni reġjonali u lokali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju sħiħ tal-libertà tal-espressjoni fis-Serbja, u jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-pressjoni eżerċitata fuq il-ġurnalisti u t-theddid kontrihom, fatt li jwassal għal żieda fl-awtoċensura, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jintervjenu biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; josserva bi tħassib li l-pressjoni politika timmina l-indipendenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni; itenni l-importanza tal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni bħala waħda mill-valuri fundamentali tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jinħolqu ambjent favorevoli għall-mezzi ta' komunikazzjoni li jsostni l-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni;

29.  Jistieden lill-Gvern Serb jimplimenta l-Liġi dwar ir-Riabilitazzjoni b'mod sħiħ u nondiskriminatorju; jissuġġerixxi wkoll li jagħmel aktar emendi għal-Liġi dwar ir-Restituzzjoni bil-għan li jitneħħa kull ostaklu proċedurali u kull impediment ġuridiku fir-rigward tar-restituzzjoni in natura;

30.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-elezzjonijiet tal-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali tas-26 ta' Ottubru 2014; jissottolinja l-importanza tal-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali fir-rwol tagħhom ta' applikazzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali; jistieden lis-Serbja tiggarantixxi li l-livell tad-drittijiet u tal-kompetenzi akkwiżiti jinżamm fil-fażi ta' allinjament ġuridiku mad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tas-Serbja, kif ukoll il-finanzjament adegwat u aċċertabbli tagħhom; jistieden lis-Serbja tiggarantixxi implimentazzjoni konsistenti fil-pajjiż kollu tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-minoranzi anke fir-rigward tal-edukazzjoni, tal-użu tal-lingwi u tal-aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni u tas-servizzi reliġjużi bil-lingwi minoritarji, u tar-rappreżentanza adegwata tal-minoranzi nazzjonali fl-amministrazzjoni pubblika, fl-entitajiet lokali u reġjonali kif ukoll fil-parlament nazzjonali; jinkoraġġixxi l-impenn min-naħa tas-Serbja f'dak li huwa abbozzar ta' pjan ta' azzjoni speċifiku dwar il-pożizzjoni tal-minoranzi nazzjonali fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Kapitolu 23; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jieħdu aktar miżuri biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Rom, partikolarment fir-rigward tal-edukazzjoni, l-alloġġi u l-impjiegi; iħeġġeġ lill-Gvern jagħmel lill-popolazzjoni Rom iktar konxja mid-drittijiet ċivili tagħha u joffri protezzjoni ndaqs għas-sikurezza tar-Rom; jenfasizza l-importanza li r-Rom jiġu inkoraġġiti jieħdu sehem fil-ħajja pubblika; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jtejbu l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet immirati lejn l-inklużjoni tar-Rom fil-livell nazzjonali u lokali;

31.  Jissottolinja l-importanza tar-restituzzjoni tal-proprjetà konfiskata tal-knejjes minoritarji u tal-komunitajiet reliġjużi taħt ir-reġim Komunista; jenfasizza r-rwol tal-Istat fil-ħolqien ta' politika imparzjali fil-konfront tal-knejjes storiċi fil-pajjiż, inklużi dawk li jagħmlu parti minn minoranzi; jenfasizza li l-libertà tar-reliġjon ma tistax tiġi garantita fl-assenza ta' tali restituzzjoni;

32.  Josserva li l-varjetà kulturali tal-Vojvodina tikkontribwixxi wkoll għall-identità tas-Serbja u li l-ħarsien u s-sostenn tal-minoranzi tagħha u ż-żamma u l-promozzjoni tad-diversità tan-nazzjonalitajiet, li matul is-sekli ħadmet sew, huma għaldaqstant ta' interess fundamentali; jitlob li jinżammu l-multilingwiżmu u l-varjetà kulturali; jenfasizza, għalhekk, li l-awtonomija tal-Vojvodina ma għandhiex tiddgħajjef, u jfakkar lill-Gvern biex jippreżenta l-liġi dwar il-kompetenzi u l-finanzjament tal-Provinċja Awtonoma tal-Vojvodina mingħajr aktar dewmien;

33.  Għal dak li għandu x'jaqsam mal-importanza tar-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) għal aktar żvilupp tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-ġirien tagħhom, jistieden lill-Gvern Serb joffri l-kuntest ġuridiku meħtieġ biex jippermetti l-parteċipazzjoni tas-Serbja fir-REKT;

34.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istrateġija l-ġdida tar-riforma tal-amministazzjoni pubblika, il-ħolqien ta' Ministeru ddedikat lill-Amministrazzjoni Pubblika u lill-Awtonomiji Lokali, u t-tqawwija tal-attenzjoni fuq l-ippjanar u l-koordinament tal-politiki wara l-istabbiliment tas-Segretarjat għall-Politiki Pubbliċi, bħala passi pożittivi lejn amministrazzjoni pubblika aktar effiċjenti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza fir-reklutaġġ tal-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika u fil-kapaċità amministrattiva u ta' ġestjoni fil-livell lokali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw proċess trasparenti u meritokratiku għall-ħatra u l-promozzjoni tal-impjegati taċ-ċivil u tal-uffiċjali pubbliċi;

35.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jwettqu riformi ekonomiċi strutturali bil-għan li jsostnu t-tkabbir, itejbu l-kundizzjonijiet tan-negozju u tal-investimenti fis-Serbja kollha, u jiżguraw żvilupp soċjoekonomiku bbilanċjat fir-reġjuni kollha, jikkumbattu l-livell għoli ta' qgħad u ta' faqar, iwettqu l-konsolidament fiskali, u jiġġieldu l-korruzzjoni, li għadha tirrappreżenta theddida ewlenija għall-kundizzjonijiet tan-negozju; josserva bi tħassib iċ-ċifri għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-gvern jieħu ħsieb din il-problema billi joffri opportunitajiet adegwati liż-żgħażagħ u edukazzjoni skont l-esiġenzi tas-suq tax-xogħol; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi garantita sistema edukattiva aċċessibbli b'opportunitajiet ta' xogħol u ta' taħriġ għaż-żgħażagħ u aċċess għall-programmi ta' studju Ewropej bħall-Erasmus; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol, il-liġi dwar il-fallimenti, il-liġi dwar il-privatizzazzjonijiet u l-liġi dwar l-ippjanar u l-kostruzzjoni, li jirrappreżentaw il-qafas leġiżlattiv kemm għar-riformi strutturali kif ukoll għat-titjib tal-kundizzjonijiet tan-negozju;

36.  Jistieden li jkun hemm titjib tal-kuntest tan-negozju permezz tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali previsti f'dan il-qasam, it-tisħiħ tas-sistema ġuridika u l-garanzija tal-attwazzjoni uniformi tal-liġijiet; jinsisti fuq il-bżonn urġenti ta' abolizzjoni tal-ostakli amministrattivi għan-negozju, b'mod partikolari fir-rigward tal-impriżi żgħar u medji; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tar-ristrutturar neċessarju tal-kumpaniji pubbliċi filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-ħaddiema u r-rilevanza tal-impjiegi fis-settur pubbliku għaċ-ċittadini Serbi u l-benesseri tagħhom, kif ukoll id-dipendenza tagħhom mis-servizzi pubbliċi essenzjali;

37.  Jieħu nota tal-ħidma dwar l-emenda tal-Kodiċi Kriminali; josserva, madankollu, li l-inċertezza ġuridika għadha tippersisti fis-settur privat wara l-emendi adottati; itenni t-tħassib tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 234 il-ġdid dwar l-abbuż ta' pożizzjonijiet responsabbli, li xorta jħalli lok għal interpretazzjoni arbitrarja; josserva li l-maġġor parti tal-każijiet preċedenti ta' abbuż tal-uffiċċju jidher li ġiet riklassifikata b'mod massiv mingħajr rieżami adegwat taħt l-intestatura ta' "abbuż ta' pożizzjoni responsabbli"; jappella, għaldaqstant, għal rieżami indipendenti u bir-reqqa tal-każijiet riklassifikati ħalli jkunu jistgħu jiġu interrotti minnufih il-proċedimenti ġudizzjarji inġusti li ilhom żmien għaddejjin;

38.  Jifraħ lis-Serbja għall-organizzazzjoni tas-summit Ċina/Ewropa Ċentrali u tal-Lvant f'Belgrad; jilqa' favorevolment il-pjanijiet intiżi li jsaħħu l-kooperazzjoni u jawspika li dan ikun konformi mal-istandards Ewropej; josserva l-ftehimiet inizjali relatati mal-proġetti dwar l-enerġija u l-infrastrutturi maqbula waqt is-summit; ifakkar lis-Serbja u lill-pajjiżi l-oħra tar-reġjun li l-proġetti għandhom iqisu l-objettivi fit-tul tal-politiki tal-UE;

39.  Josserva li l-preparamenti fil-qasam tal-enerġija rreġistraw progress moderat; jisħaq fuq il-fatt li s-Serbja teħtieġ tintensifika l-isforzi tagħha biex tallinja ruħha mal-acquis fil-qasam tal-enerġija, partikolarment fl-ambitu tal-ilħuq tal-objettivi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli u biex tevita l-għajnuna mill-Istat għas-settur tal-linjite, u biex tilħaq is-separazzjoni (unbundling) fis-settur tal-gass u r-ristrutturar tal-kumpanija pubblika tal-gass bħala prijorità; jistieden lill-Kummissjoni sostni lill-Gvern Serb fl-isforzi tiegħu intiżi li jnaqqsu d-dipendenza tal-pajjiż mill-importazzjonijiet tal-enerġija billi tiżdied id-diversità tas-sorsi enerġetiċi; jinkoraġġixxi lis-Serbja tagħti bidu għal reviżjoni tal-istrateġija enerġetika proposta tagħha; jistieden lill-gvern isaħħaħ l-isforzi tiegħu fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, partikolarment fir-rigward tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, inkwantu dan huwa pass neċessarju lejn l-ilħuq tas-sigurtà enerġetika u tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 rigward l-enerġiji rinnovabbli;

40.  Jiddispjaċih li l-progress reġistrat kien ftit wisq fl-oqsma tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jadottaw malajr politika u strateġija nazzjonali u komprensivi fil-qasam tal-klima li jikkonformaw mal-objettivi tal-UE;

41.  Huwa mħasseb bil-fatt li l-istituzzjonijiet akkademiċi, flimkien mal-awtoritajiet statali u mal-uffiċjali pubbliċi, naqsu milli jieħdu ħsieb l-akkużi ta' plaġju fl-universitajiet;

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0039.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0065.


Il-Proċess ta' Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo
PDF 270kWORD 110k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo (2014/2950(RSP))
P8_TA(2015)0066B8-0214/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet, iffirmat mill-Prim Ministri Hasim Thaci u Ivica Dacic fid-19 ta' April 2013, u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tat-22 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li jadottaw id-Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2012 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati għal ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet imwettqin attwalment mill-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo u l-iżviluppi relatati magħhom, inkluż l-aħħar rapport tal-31 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, il-EULEX KOSOVO,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta' Diċembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, li enfasizzaw u affermaw mill-ġdid, rispettivament, li l-Kosovo, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tiegħu, għandu wkoll igawdi mill-prospettiva tal-liberalizzazzjoni eventwali tal-viżi ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha,

–  wara li kkunsidra t-tnedija ta' djalogu dwar il-kwistjoni tal-viżi f'Jannar 2012, il-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża f'Ġunju 2012 u t-tieni rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2014 dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża (COM(2014)0488),

–  wara li kkunsidra t-tielet laqgħa tad-Djalogu Strutturat dwar l-Istat tad-Dritt tas-16 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqat pożittivament id-disponibilità tal-UE li taġevola d-djalogu bejn Belgrad u Pristina,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-11 ta' Ġunju 2014 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa li tapprova s-sħubija tal-Kosovo fil-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa; wara li kkunsidra l-ħatra ta' żewġ esperti mill-Kosovo fil-Kummissjoni ta' Venezja f'Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kosovo tat-28 u d-29 ta' Mejju 2008, tas-6 u s-7 ta' April 2009, tat-22 u t-23 ta' Ġunju 2010, tal-20 ta' Mejju 2011, tal-14 u l-15 ta' Marzu 2012 u tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2013 dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2013-2014 (COM(2013)0700),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2014 dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' Ulrike Lunacek bħala r-rapporteur permanenti għall-Kosovo fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 110 mill-193 stat membru tan-NU, inklużi 23 mit-28 Stat Membru tal-UE, jirrikonoxxu l-indipendenza tal-Kosovo;

B.  billi n-negozjati għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn l-UE u l-Kosovo ġew ikkompletati f'Mejju 2014 u billi dan il-Ftehim ġie inizjalat f'Lulju 2014;

C.  billi kull pajjiż kandidat (potenzjali) se jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw l-kalendarju għall-adeżjoni;

D.  billi skont il-valutazzjoni tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE, l-elezzjonijiet legizlattivi bikrin tal-25 ta' Mejju u tat-8 ta' Ġunju 2014 kienu trasparenti u organizzati sew u komplew jikkonsolidaw il-progress li sar fl-elezzjonijiet muniċipali tal-2013; billi l-laqgħa kostitwenti tal-Assemblea tal-Kosovo ġiet konkluża biss fit-8 ta' Diċembru 2014 u l-gvern ġie elett fid-9 ta' Diċembru 2014;

E.  billi l-progress fit-twettiq tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) jeħtieġ, inter alia, ir-rieda li jsir skrutinju tal-prestazzjoni tal-passat u li jinsiltu lezzjonijiet xierqa mill-problemi identifikati, inkluż fil-ġestjoni tal-missjonijiet fuq il-post; billi l-EULEX hija l-akbar missjoni li ntbagħtet u ilha topera għal aktar minn sitt snin;

1.  Jilqa' tmiem is-sitt xhur ta' staġnar politiku li segwew l-elezzjonijiet, u l-kostituzzjoni tal-Assemblea u l-ħatra tal-gvern il-ġdid; jinsab imħasseb dwar il-ħatra ta' persuni mhux kunsenswali li l-passat tagħhom għandu mnejn ikun diskutibbli; jiddispjaċih għall-għadd kbir bla bżonn ta' ministri u viċi ministri fil-gvern il-ġdid u l-implikazzjonijiet baġitarji marbutin ma' dan, kif ukoll għall-għadd baxx ta' nisa fost il-ministri; jinnota li żieda fl-għadd ta’ nisa fost il-ministri jista' jintuża bħala inċentiv progressiv għas-soċjetà kollha kemm hi; jisħaq fuq il-bżonn mill-aktar urġenti li l-gvern il-ġdid iwettaq ir-riformi meħtieġa b'impenn u determinazzjoni; jenfasizza li l-prestazzjoni tat-tmexxija tal-Kosovo titkejjel l-aħjar bir-riżultati konkreti ppreżentati liċ-ċittadini tal-Kosovo u lis-sħab Ewropej u internazzjonali; iħeġġeġ lir-rappreżentanti eletti tal-minoranza Serba fil-Kosovo biex jipparteċipaw u jassumu r-responsabilitajiet tagħhom fi ħdan il-gvern ta’ koalizzjoni l-ġdid fi Pristina;

2.  Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid ikompli l-mixja Ewropea tiegħu u biex jenfasizza li huwa impenjat li jsegwi b’mod vigoruż, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, għadd ta’ kwistjonijiet ta’ prijorità, inklużi passi biex issaħħaħ u jafferma l-istat tad-dritt, biex jistabbilixxi mudell għall-ġudikatura bbażat fuq il-prinċipji tal-indipendenza, il-professjonaliżmu u l-effettività, u li b’mod sistematiku u effikaċi jiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-livelli kollha; jistieden lill-awtoritajiet biex sistematikament u b’mod effettiv jiġġieldu l-qgħad, irawmu riformi ekonomiċi strutturali u żvilupp sostenibbli billi jistabbilixxu qafas regolatorju u inċentivi għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u jaħdmu għar-riformi tant meħtieġa tas-sistema tas-sigurtà ’ protezzjoni soċjali biex jindirizzaw ir-rati persistentement għoljin ta’ faqar, inklużi livelli inaċċettabbli ta’ faqar fost it-tfal; jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tar-riformi hija kruċjali; jenfasizza li l-istabbiliment u l-funzjonament tal-Qorti Speċjali, u l-kooperazzjoni magħha, għandhom ikunu prijorità, u se jgħinu lill-Kosovo jsolvi u jegħleb problemi b’għeruq fl-imgħoddi tiegħu; jenfasizza li l-pjanijiet leġiżlattivi u ta’ politika jeħtieġ li jirriflettu b’mod realistiku r-riżorsi meħtieġa, u jirrakkomanda li dawn ikunu implimentati b’mod aktar trasparenti;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol ta’ superviżjoni tal-Assemblea u b’mod partikolari tal-Kumitat għall-Integrazzjoni fl-UE fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-Assemblea tadotta malajr regoli ġodda ta’ proċedura li jkunu konformi mal-aħjar prattika Ewropea u li jirriflettu d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra l-gruppi kriminali li qed jagħmlu l-migrazzjoni irregolari possibbli; jenfasizza, barra minn hekk, li l-iżviluppi soċjoekonomiċi u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda huma meħtieġa biex tintemm it-tendenza tal-migrazzjoni irregolari u sabiex iċ-ċittadini jerġgħu jrabbu tama u fiduċja li dawn ikunu jistgħu jibnu l-ġejjieni tagħhom f’pajjiżhom; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, bl-użu tal-istrumenti ta’ assistenza u ta’ politika kollha tal-UE;

5.  Jilqa' t-tisħiħ gradwali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll iż-żieda fil-koordinament ta' bejniethom, b'mod partikolari dawk li jittrattaw in-nisa u l-LGBTI; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għat-theddid u attakki kontra l-attivisti li jistinkaw biex isaħħu d-drittijiet tal-persuni LGBTI; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jsaħħu l-mekkaniżmi tagħhom għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili, li s’issa twettqet fuq bażi ad hoc, b’mod partikolari billi jipprovdu r-riżorsi kollha meħtieġa lill-Kunsill Konsultattiv Konġunt; iqis li, bil-għan li jiġi żgurat li l-gvern ikun miftuħ u trasparenti, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu inklużi fil-konsultazzjonijiet leġiżlattivi; jistieden ukoll lill-komunità ta' donaturi, b'mod partikolari lill-UE, biex tkompli tinvolvi u tikkonsulta lis-soċjetà ċivili fil-programmazzjoni tagħha;

6.  Jinnota li sar xi progress fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-ġudikatura u l-organizzazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ passi biex strutturi jiġu adattati għall-mandat ġdid u l-panils imħallta tal-EULEX; jinnota, madankollu, li għad hemm tħassib qawwi rigward l-indipendenza, ir-responsabilità, l-imparzjalità u l-effiċjenza tal-imħallfin u l-prosekuturi u dwar il-funzjonament tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo, is-sistema tal-ħabsijiet u l-prestazzjoni ġenerali tas-settur tal-istat tad-dritt; jenfasizza li trid titwettaq aktar ħidma biex isiru t-tħejjijiet għat-trasferiment sħiħ tar-responsabbiltajiet mill-EULEX lill-Kosovo; jistieden lill-awtoritajiet politiċi juru b’mod ċar l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-indipendenza tal-imħallfin u l-prosekuturi li għadhom qed ikunu fil-mira f’tentattivi biex jinfluwenzaw investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin;

7.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe progress sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata ta' livell għoli, li huwa ostakolu konsiderevoli fit-triq għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa ta' sinjal ċar mill-gvern li l-Kosovo qiegħed b’mod sistematiku jindirizza l-korruzzjoni fil-livelli kollha u jiġġieled kontra l-kriminalità organizzata; jitlob li jittieħdu passi ulterjuri biex jipprevjenu kwalunkwe rabta possibbli bejn il-kriminalità organizzata u l-persuni fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika; jinsab imħasseb ukoll dwar is-sjieda illegali mifruxa ta’ ta’ armi tan-nar u jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jimplimenta b'mod effettiv il-programmi eżistenti biex jiġbor dawn l-armi tan-nar, b'mod partikolari l-istrateġija nazzjonali u l-pjan ta' azzjoni dwar il-kontroll u l-ġbir tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) għall-perjodu 2013-2016; jistieden lill-Kosovo jikkoopera mal-grupp ta’ esperti tal-UE dwar it-traffikar tal-armi u mal-pajjiżi ġirien fit-teħid ta’ azzjoni preventiva, u jitlob lill-UE tipprovdi kull forma ta’ assistenza teknika meħtieġa għal dak l-għan;

8.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-koalizzjoni biex tiġġieled it-terroriżmu, l-emendi għal-liġi kriminali tal-Kosovo maħsuba biex tittieħed azzjoni deċiżiva kontra ġellieda barranin, u l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet biex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk involuti fir-reklutaġġ ta' żgħażagħ biex jingħaqdu ma’ grupp estremisti; jinnota bi tħassib rapporti dwar ir-radikalizzazzjoni dejjem tikber fost iż-żgħażagħ fil-Kosovo, fejn uħud minnhom ingħaqdu ma' ġellieda terroristiċi fis-Sirja u l-Iraq; jitlob lill-UE tgħin biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet soċjali li huma parti mir-raġuni għaliex gruppi radikali jkunu jistgħu jirreklutaw żgħażagħ fil-Kosovo;

9.  Jinnota li waħda mill-prijoritajiet tal-gvern il-ġdid huwa l-ħolqien tal-Forzi Armati tal-Kosovo, li se joperaw skont il-Kostituzzjoni u taħt kontroll ċivili sħiħ; jifhem il-prinċipju tad-difiża territorjali bħala aspett tas-sovranità nazzjonali, iżda jistieden lill-forzi armati jkunu kompatibbli mal-UE, u huwa tal-fehma li jeħtieġ li aktar sforzi jkunu mmirati biex jipprovdu lill-pulizija tal-Kosovo aktar riżorsi bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-prestazzjoni tagħhom b’effett immedjat;

10.  Jinnota n-nuqqas ta’ progress fl-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-pjan ta’ azzjoni; jistieden lill-Kosovo jlesti l-qafas leġiżlattiv għas-servizz ċivili, filwaqt li jiżgura d-depolitiċizzazzjoni tas-servizz, bl-inklużjoni ta' valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet jadottaw fil-pront leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni u jiffokaw ukoll fuq miżuri ta' prevenzjoni u sensibilizzazzjoni; jilqa' l-fatt li fis-17 ta' Mejju 2014 ġiet organizzata l-ewwel "Pride parade", kif ukoll it-twaqqif ta' Grupp ta' Konsulenza u Koordinament għad-Drittijiet tal-Komunità LGBT;

12.  Jilqa' l-progress miksub fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħall-emenda tal-leġiżlazzjoni sabiex is-superstiti ta' vjolenza relatata mal-kunflitt, bħal stupri tal-gwerra, jiġu rikonoxxuti bħala tali; jenfasizza li xorta għad baqa' sfidi, b'mod partikolari fil-qasam tal-vjolenza domestika u l-vjolenza sessista, id-drittijiet tal-proprjetà u r-rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija;

13.  Jappella għal miżuri biex jindirizzaw b'saħħa l-isfidi u l-problemi li jikkonċernaw il-vjolenza domestika u l-vjolenza bbażata fuq is-sess; jenfasizza l-ħtieġa għal ġbir komprensiv ta’ data dwar l-ammont ta’ vjolenza domestika u vjolenza sessista;

14.  Jistieden lill-Kosovo jadotta sistema effettiva u komprensiva tal-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali fuq il-midja, u, fuq kollox, biex jimplimenta l-liġijiet eżistenti b’mod aktar effettiv, ħalli jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni; għadu mħasseb dwar it-theddid u l-attakki fuq il-ġurnalisti u n-nuqqas ta’ trasparenza fil-midja; itenni l-importanza tal-libertà u l-indipendenza tal-midja bħala waħda tal-valuri fundamentali tal-UE u l-pedament ta’ kull demokrazija, li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt; jistieden lill-awtoritajiet sabiex jimlew malajr in-nuqqasijiet sistematiċi fil-leġiżlazzjoni biex jiżguraw il-libertà tal-midja, b’mod partikolari bil-ħsieb tat-trasparenza tas-sjieda tal-midja u fir-rigward tal-kwistjoni tal-malafama, u biex jiggarantixxu l-indipendenza u s-sostenibbiltà tax-xandara pubbliċi u jevitaw li jkun hemm xi interferenza politika, wara proċess ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku bir-reqqa u komprensiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jieħdu azzjoni ulterjuri biex jipprevjenu u jiġġieldu d-diskors ta’ mibegħda, it-theddid u s-sejħiet għall-vjolenza;

15.  Itenni li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-minoranzi etniċi u tad-drittijiet kulturali għadha sfida fil-Kosovo, minkejja li sar xi progress; jenfasizza l-ħtieġa kontinwa għal sforzi serji fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi li tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ minoritajiet etniċi, bil-ħsieb li tiġi evitata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta; jinnota li l-komunitajiet Rom, Eġizzjani u Ashkali, b’mod partikolari, komplew iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi fl-oqsma soċjoekonomiċi, edukattivi u tal-kura tas-saħħa; jistenna bil-ħerqa l-qafas il-ġdid tal-gvern il-ġdid maħsub biex ittejjeb is-sitwazzjoni tar-Roma, l-Eġizzjani u l-Ashkali, partikolarment billi jistabbilixxi kundizzjonijiet ugwali ta’ protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa; jenfasizza l-importanza li jsir aktar faċli għar-Roma, l-Eġizzjani u l-Ashkali li jirritornaw; jirrakkomanda li d-drittijiet tal-Gorani fir-reġjuni ta’ Zhupa u Gora jkunu stabbiliti fil-liġi u żgurati fil-prattika;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet fil-livell nazzjonali u lokali jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni adattata u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri ta’ soċjetà multietnika vera u proprja, b’mod partikolari rigward il-kwistjonijiet tal-edukazzjoni u l-impjiegi; jirrakkomanda li jittieħdu miżuri prattiċi sabiex dejjem aktar jinvolvu r-rappreżentanti tal-minoranzi etniċi fil-korpi tal-gvern kemm nazzjonali kif ukoll lokali;

17.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Kosovo r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw, jikkonservaw u jipproteġu l-monumenti kulturali u reliġjużi Serbi, u l-oħrajn kollha, li jiffurmaw parti mill-wirt kulturali u storiku komuni Ewropew; jilqa’ l-miżuri meħuda f’dan ir-rigward;

18.  Iħeġġeġ lill-Kosovo jikkonsultaw il-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, li tagħha hija saret membru f’Ġunju, għall-opinjoni u l-appoġġ tagħha fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni l-ġdida;

19.  Jilqa’ l-inizjalar tal-FSA f’Lulju 2014, li jipprovdi għal djalogu politiku msaħħaħ, integrazzjoni mqarrba tal-kummerċ u forom ġodda ta’ kooperazzjoni; jistieden lill-Kunsill jadotta, mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard minn nofs l- 2015, id-deċiżjoni li jiffirma u jikkonkludi l-FSA, billi dan jipprovdu inċentiv b’saħħtu għall-implimentazzjoni u l-istituzzjonalizzazzjoni tar-riformi u possibbiltajiet ġodda għall-Kosovo li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-ġirien tiegħu u jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; jistieden lill-Kunsill, barra minn hekk, biex jadotta d-deċiżjoni li jiffirma u jikkonkludi ftehim qafas dwar il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-UE, li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kosovo u l-UE f’varjetà ta’ setturi, u jemmen li dawn il-programmi għandhom ikunu ffukati fuq oqsma speċifiċi li jikkorrispondu għall-obbligi meħuda mill-Kosovo fit-triq Ewropea tiegħu u għandhom jiġu implimentati b’mod trasparenti u mingħajr dewmien;

20.  Iħeġġeġ lill-ħames Stati Membri li fadal jipproċedu bir-rikonoxximent tal-Kosovo; jenfasizza li dan kieku jiffaċilita aktar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Belgrad u Pristina; jitlob lill-Istati Membri tal-UE kollha jagħmlu ħilithom sabiex jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi u l-kuntatti bejn iċ-ċittadini tagħhom u dawk tal-Kosovo;

21.  Ifaħħar il-ħidma tat-Task Force Investigattiva Speċjali (SITF) li, fis-sejbiet investigattivi tiegħu maħruġa f’Lulju 2014, sabet evidenza konvinċenti kontra ċerti ex uffiċjali għolja tal-KLA, iżda mhux kontra l-KLA kollha kemm hi; jilqa' l-fatt li t-talba għat-twaqqif ta' Qorti Speċjali li tkun topera fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Kosovo iżda b'kamra fin-Netherlands, ġiet ippreżentata lill-Gvern Netherlandiż, li laqagħha; jistieden lill-Assemblea tal-Kosovo tadotta l-pakkett leġiżlattiv meħtieġ l-aktar kmieni possibbli; u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkomplu jikkooperaw mas-SITF;

22.  Jilqa’ l-progress li għamel il-Kosovo fit-twaqqif tal-Unità għall-Protezzjoni tax-Xhieda tiegħu stess u tal-oqfsa legali u amministrattivi ta' appoġġ, u l-progress li wettaq fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, iżda jisħaq li jinħtieġ appoġġ addizzjonali biex jiffaċilita r-rilokazzjoni ta' xhieda futuri lejn pajjiżi terzi;

23.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-allegazzjonijiet riċenti ta' korruzzjoni fi ħdan il-EULEX; jemmen li l-EULEX żvolġiet, u xorta għandha u tista' tiżvolġi rwol importanti fil-Kosovo u b'hekk jilqa' r-reazzjoni pronta tar-RGħ/VP Mogherini li taħtar espert indipendenti biex jinvestiga fil-fond l-ipproċessar ta' tali allegazzjonijiet; jappella għal trasparenza sħiħa f’din l-investigazzjoni u iħeġġeġ lil dawk kollha kkonċernati jikkooperaw b’mod sħiħ sabiex l-investigazzjoni tkun tista' tiġi konkluża b'ħeffa; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-espert ikun jista’ jwettaq investigazzjoni komprensiva li tkopri l-aspetti kollha tal-każ; jinsab imħasseb dwar il-fatt li dokumenti sensittivi dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fi ħdan l-EULEX għebu; jitlob li jkun hemm investigazzjoni bir-reqqa u komprensiva; jenfasizza li huwa tal-akbar importanza li l-kredibbiltà tal-UE fil-Kosovo u f'pajjiżi oħra tiġi stabbilita mill-ġdid u li t-tagħlimiet miksuba jiġu kkunsidrati għal missjonijiet futuri; jinnota li kemm l-Ombudsman kif ukoll l-OLAF iddeċidew li jibdew investigazzjonijiet indipendenti dwar l-allegata mġiba ħażina tal-EULEX u jistieden lill-investigaturi kollha jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom b'mod effikaċi u jagħmlu skambju ta' informazzjoni; iqis, madankollu, li jeħtieġ li jkun hemm analiżi wiesgħa u fil-fond, sabiex tiġi vvalutata l-effettività kumplessiva tal-EULEX u l-adegwatezza tal-prestazzjoni tagħha, u li jiġi aġġornat ir-rapport ippubblikat f’Ottubru 2012 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

24.  Jistieden lill-EULEX twettaq il-mandat tagħha bi sforz aktar qawwi; jenfasizza kemm hu importanti li jkun hemm trasparenza u responsabbiltà sħiħa u aktar effiċjenza fil-ħidma tagħha, li turi riżultati aktar konkreti u ta' livell għoli u li tikkomunika b'mod regolari u komprensiv dwar l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħha; jenfasizza l-importanza tal-EULEX biex jintlaħqu l-awtoritajiet lokali u jiġu mħeġġa jonoraw l-impenji tagħhom rigward ir-riformi dwar l-istat tad-dritt, is-sjieda u l-introduzzjoni ta’ emendi leġiżlattivi għat-twaqqif ta’ proċedimenti ġudizzjarji rilokati; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkomplu jirrispettaw il-mandat tal-EULEX u jappoġġaw l-eżerċizzju tal-mandat eżekuttiv tagħha;

25.  Jieħu nota tal-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża; jistieden lill-awtoritajiet jagħmlu aktar sforzi u biex jagħtu prova tal-impenn tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet, inkluż billi jadottaw l-erba’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni pendenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar sforz biex tħaffef il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo billi huwa l-aħħar pajjiż fir-reġjun b’obbligu ta’ viża; jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda reċenti fl-għadd ta' ċittadini li qed jitilqu mill-Kosovo lejn pajjiżi tal-UE, inklużi Rom, Ashkali u Albaniżi; jitlob lill-awtoritajiet ta’ Pristina jieħdu azzjoni effettiva kontra n-netwerks kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin u, bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea fi Pristina, jispjegaw b’mod ċar lill-pubbliku ġenerali li ftit li xejn hemm ċans li l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu aċċettati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti li minħabba fihom iċ-ċittadini jħallu l-Kosovo, inkluż billi jsir investiment f’edukazzjoni ta’ kwalità, speċjalment għal komunitajiet ta’ minoranzi u dawk marġinalizzati;

26.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi u Kosovari jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni bil-għan li jrażżnu u jżarmaw in-netwerks kriminali li qegħdin jikkontrollaw, jisfruttaw u jittraffikaw migranti irregolari mill-Kosovo lejn ċerti Stati Membri tal-UE bi transitu mis-Serbja;

27.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jadottaw strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda dwar id-drittijiet tat-tfal, u jenfasizza l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni, is-saħħa u n-nutrizzjoni, partikolarment għal komunitajiet ta’ minoranzi u dawk marġinalizzati; jenfasizza l-importanza tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, bil-ħsieb li titwaqqaf sistema għall-protezzjoni tat-tfal li tiffunzjona; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet fil-livell ċentrali u dak lokali bil-għan li jissorveljaw l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal;

28.  Josserva bi tħassib iċ-ċifri għolja tal-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, kif ukoll id-diskriminazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol; jinnota li l-progress dwar id-drittijiet tal-proprjetà għadu bil-mod wisq u li dan joħloq ostaklu għat-tkabbir ekonomiku fit-tul; jieħu nota tat-tnaqqis sinifikanti fl-investimenti diretti barranin fit-tielet kwart tal-2014; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jaħdem biex itejjeb l-ambjent tan-negozju, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u biex joħloq ambjent sigur li tiġbed aktar investimenti diretti barranin għall-benefiċċju ta’ kulħadd fil-Kosovo; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-imprendituri żgħażagħ bħala parti mill-fondi tal-IPA, inkluż b'miżuri li jaġevolaw ir-rabtiet ma' intraprendituri mill-Istati Membri tal-UE;

29.  Jinnota bi tħassib li l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar ix-Xogħol għadha mhix sodisfaċenti, bħalma hija dik dwar il-Liġi dwar l-Istrajks; jinnota li r-rata tal-qgħad fil-Kosovo hija madwar 30 % u taffettwa speċjalment il-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol;

30.  Jiddispjaċih li, minħabba l-avvenimenti elettorali fiż-żewġ pajjiżi, il-pass tan-negozjati ta' livell għoli bejn il-Kosovo u s-Serbja naqas; jilqa’ t-tkomplija tal-laqgħat bejn Belgrad u Pristina fi Brussell fid-9 ta’ Frar 2015; jinnota, madankollu, li ġew organizzati laqgħat fil-livell tekniku u li sar xi progress, inkluż dwar il-libertà tal-moviment; jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-ftehimiet iffirmati miż-żewġ naħat ma ġewx implimentati kompletament u jistieden lis-Serbja u lill-Kosovo jipproċedu bl-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet li diġà ntlaħaq qbil dwarhom b'determinazzjoni mġedda; jinsisti fuq l-importanza li jiġi spjegat lill-popolazzjoni s-sinifikat u l-implikazzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet; jenfasizza li l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien jistgħu jservi l-interessi taż-żewġ pajjiżi;

31.  Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-Kosovo jiġi assenjat kodiċi telefoniku internazzjonali għalih mill-aktar fis possibbli, peress li dan jgħin biex jagħti viżibilità internazzjonali msaħħa lill-Kosovo;

32.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-ratifika tad-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li jagħti rikonoxximent sħiħ lill-Kumitat Olimpiku Nazzjonali tal-Kosovo u jħeġġeġ lil federazzjonijiet sportivi oħra jaġixxu b'konsegwenza, biex b’hekk l-isportivi nisa u rġiel Kosovari jkunu jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet sportivi Ewropej u internazzjonali bħala ċittadini ta’ pajjiżhom;

33.  Jenfasizza l-fatt li għandu jkun prijorità għall-Kosovo li jingħaqad ma’ organizzazzjonijiet u mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali; jitlob li r-relazzjonijiet u r-rappreżentanza tal-Kosovo fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali, aġenziji u korpi internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u istituzzjonijiet kulturali u tal-wirt, jissaħħaw għal sħubija sħiħa, u li r-rappreżentanza tagħha f’organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali tal-midja wkoll jiġu aġġornati bil-għan li l-artisti Kosovari jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-avvenimenti kulturali internazzjonali kollha, inkluż l-Eurovision Song Contest; ifakkar, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-konformità mal-ftehim milħuq dwar il-kooperazzjoni reġjonali;

34.  Jistieden lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u lill-forzi tal-pulizija tal-Kosovo jaħdmu b’mod attiv u jikkooperaw mal-kontropartijiet Ewropej tagħhom sabiex jiksbu koordinazzjoni aħjar fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza ta’ sħubija sħiħa tal-Kosovo fil-Europol u l-Interpol;

35.  Jinnota li sar xi progress fir-rigward tat-Tramuntana, b'mod partikolari l-elezzjoni ta' sindki bis-saħħa ta' elezzjonijiet li saru fil-Kosovo kollu, u ż-żieda fin-numru ta' proġetti ffinanzjati mill-UE fit-Tramuntana; jisħaq, madankollu, fuq il-bżonn li jissokta t-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Muniċipalitajiet Serbi, li għandha tkompli tnaqqas il-ħtieġa ta' strutturi paralleli; jinnota, fl-istess ħin, li se jinħtieġu sforzi kontinwi ulterjuri biex il-komunità Albaniża u dik Serba jitressqu aktar lejn xulxin; jappella sabiex ikun hemm soluzzjoni konġunta għall-problema tal-pont ta' Mitrovica, li bħalissa qed ixekkel il-moviment liberu tal-persuni;

36.  Itenni l-bżonn li l-konklużjonijiet tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina jiġu kkomunikati bi trasparenza kompleta u li l-parlamenti u s-soċjetajiet ċivili jiġu involuti fil-proċess ta' implimentazzjoni;

37.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jipprovdu l-assistenza sħiħa fir-ripartijazzjoni tal-iġsma tal-persuni Kosovari nieqsa li nstabu fis-Serbja, u jkomplu fix-xogħol ta’ skavi fl-inħawi identifikati jew f’inħawi fejn huwa allegat li hemm oqbra tal-massa u li fihom huwa preżunt li hemm midfuna persuni nieqsa.

38.  Jappoġġa t-tkomplija tal-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra fil-livell nazzjonali, u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-prosekuzzjoni tal-istupri tal-gwerra;

39.  Jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jestendu l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kosovo lil hinn mit-28 ta' Frar 2015;

40.  Jinnota bi tħassib li l-isplużjoni tas-6 ta' Ġunju 2014 fl-impjant Kosovo A hija prova tal-fraġilità tas-sistema u jħeġġeġ mill-ġdid li l-impjant jiġi dekummissjonat sa mhux aktar tard mill-2017; huwa konvint li l-Gvern tal-Kosovo għandu jfassal politika tal-enerġija ċara u vijabbli minħabba li dan huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tiegħu; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika u li jitwettqu studji ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet enerġetiċi qabel ma jiġu kkummissjonati impjanti ġodda tal-enerġija;

41.  Jilqa' l-isforzi biex jiġu ddiversifikati s-sorsi ta' enerġija u jiġu żviluppati s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnedija ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' tliet impjanti idroelettriċi ġodda; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza li l-istandards ambjentali tal-UE jiġu adottati u applikati bis-sħiħ; għal darb'oħra jfakkar lill-awtoritajiet kemm hu importanti li b’mod konsistenti jkunu konformi mal-istandards ambjentali meta jfasslu l-istrateġija għall-iżvilupp tal-pajjiż;

42.  Jesprimi tħassib dwar l-ammont kbir ta' residwi radjuattivi f'forma solida u likwida li għadhom jinsabu f'muniċipalitajiet madwar il-Kosovo kollu mingħajr protezzjoni sikura; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza u taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Kosovo bil-ħsieb li ssib soluzzjoni permanenti għal din il-problema;

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo.


Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015
PDF 349kWORD 117k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 (2014/2221(INI))
P8_TA(2015)0067A8-0037/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 136 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 dwar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 2014 (COM(2014)0400),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-25 ta’ Frar 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2014 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 (COM(2014)0902),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 dwar l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir(COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2015 għas-Semestru Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits kif ukoll tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8–0037/2015),

A.  billi l-irkupru ekonomiku fl-UE naqas b'mod konsiderevoli matul l-2014 iżda, skont il-Kummissjoni Ewropea, għandu prospetti li jirkupra fl-2015 u li saħansitra jagħmel progress akbar fl-2016; billi wara ħames snin mill-bidu tal-kriżi finanzjarja fl-2008, iż-żona tal-euro għadha qed tħabbat wiċċha ma' livelli rekord ta' qgħad 'il fuq minn 12 %; billi t-tkabbir dgħajjef iggrava x-xejriet deflazzjonarji; billi, wara l-kriżi finanzjarja, iż-żona tal-euro b'mod partikolari tispikka bħala żona ta' tkabbir xejn sodisfaċenti, filwaqt li għadd ta' pajjiżi qed jirkupraw b'aktar ħeffa; billi, minkejja pressjoni deflazzjonarja, il-Kummissjoni qed tbassar li l-inflazzjoni għandha titla' minn nofs l-2015 u matul l-2016;

B.  billi l-livell ta' investiment naqas b'madwar EUR 470 biljun mill-eqqel tal-kriżi, u d-distakk tal-investiment huwa stmat għal madwar EUR 230-370 biljun ikkomparat max-xejriet tiegħu fit-tul; billi r-rispons għall-kriżi tad-dejn sovran tal-euro u għall-ineffiċjenza li kixef fil-qafas istituzzjonali Ewropew kien sostanzjali, iżda mhux suffiċjenti biex lill-ekonomija taż-żona tal-euro jagħtiha spinta biżżejjed qawwija ħalli terġa' taqbad it-triq ta' tkabbir rapidu;

1.  Huwa tal-fehma li ż-żona tal-euro għadha qed titħabat mal-konsegwenzi ta' tnaqqis eċċezzjonalment twil fir-ritmu ekonomiku wara l-2008; jirrimarka li l-irkupru għadu fraġli u li għandu jiġi sostnut jekk irriduh iwassal għal tkabbir u impjiegi aktar sostanzjali fiż-żmien medju; jinnota,madankollu, li t-tkabbir fl-2014 għandu bażi usa'; jinnota li l-isfida llum hija li nindirizzaw kemm il-problemi ċikliċi fiż-żmien qasir kif ukoll dawk strutturali fit-tul; jissottolinja li l-pressjonijiet fiż-żmien qasir jafu jwasslu għal miżuri ta' natura tranżitorja li jistgħu jimminaw il-kapaċità għal tkabbir fit-tul; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-politiki fiż-żmien qasir u dawk fit-tul jirrinfurzaw lil xulxin

2.  Jieħu nota tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 tal-Kummissjoni, li għandu l-għan li jippromwovi r-ritorn għal livelli ogħla ta' tkabbir u jsaħħaħ l-irkupru; jappoġġja l-approċċ imsejjes fuq tliet pilastri ewlenin (l-ispinta lill-investiment, l-aċċelerazzjoni tar-riformi strutturali u t-tħaddin ta' konsolidazzjoni fiskali responsabbli li twassal għal tkabbir) bħala t-triq it-tajba għall-ilħiq ta' dawn l-għanijiet; iqis li dan l-approċċ għandu jiġi inkorporat bis-sħiħ fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) li jmiss; jappoġġja s-suġġerimenti tal-Kummissjoni għal titjib tas-Semestru Ewropew permezz ta' semplifikar tal-proċeduri eżistenti, inkluża l-iskeda ta' żmien tiegħu, u permezz ta' aktar involviment tal-parlamenti nazzjonali bil-ħsieb li s-sjieda nazzjonali tissaħħaħ, fid-dawl tal-fatt li fl-2013 l-Istati Membri implimentaw kompletament madwar 9 % biss tas-CSRs; jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr data robusti għall-implimentazzjoni tas-CSRs fl-2014; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li l-proċeduri eżistenti tas-Semestru Ewropew, inkluża l-iskeda ta' żmien tiegħu, jiġu ssemplifikati, u li l-involviment tal-parlamenti nazzjonali jikber, bil-għan li tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali tar-riformi strutturali;

3.  Jenfasizza l-importanza u l-valur miżjud tar-Rapporti dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku fis-snin preċedenti, li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni u għall-identifikazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; għaldaqstant isibha ferm deplorevoli li r-rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku tħalla barra għall-2015;

4.  Jissottolinja l-fatt li s-Semestru Ewropew, introdott fl-2010, qed jistabbilixxi ċiklu annwali ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika li jinvolvi analiżi dettaljata tal-pjanijiet tal-Istati Membri għal riformi baġitarji, makroekonomiċi u strutturali;

5.  Jesprimi tħassib għall-fatt li ħafna Stati Membri għadhom qed jitilfu sehemhom fis-suq fil-livell globali; jemmen li l-ekonomija tal-UE kolha kemm hi jeħtiġilha tagħti spinta akbar lill-kompetittività tagħha fl-ekonomija globali, b'mod partikolari billi tqawwi l-kompetittività fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi ħalli ssaħħaħ l-effiċjenza miksuba permezz tal-innovazzjoni; jinsisti li l-ispejjeż tax-xogħol għandhom jibqgħu allinjati mal-produttività, u li l-pagi għandhom jikkontribwixxu għal sistemi ta' sigurtà soċjali sostenibbli; jenfasizza li l-Istati Membri, huma u jamministraw l-infiq tagħhom skont ir-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), għandhom inaqqsu l-infiq kurrenti pjuttost milli jnaqqsu l-impenji ta' investiment, anki jekk ir-regoli ma jqisux il-fatt li l-infiq fuq l-investiment u l-infiq kurrenti għandhom impatti differenti fuq it-tkabbir; jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (COM(2015)0012), peress li tikkjarifika l-proċedura u tispjega r-rabta bejn ir-riformi strutturali, l-investiment u r-responsabbiltà fiskali, filwaqt li jsir l-aħjar użu mill-flessibbiltà li teżisti fi ħdan ir-regoli tiegħu; jilqa' l-proposta mill-Kummissjoni li tissemplifika s-Semestru Ewropew; jirrimarka li approċċi universali fit-tħejjija tas-CSRs għandhom jiġu evitati;

Investiment

6.  Jemmen li n-nuqqas ta' investiment huwa kkawżat minn livell baxx ta' fiduċja, tbassir ta' domanda mrażżna, dejn għoli, nuqqas ta' rieda ta' riskju fis-settur privat, assenza ta' miżuri li jinkoraġġixxu investimenti pubbliċi produttivi, frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji, diżingranaġġ bil-mod, tbassir ta' domanda mrażżna aggravat minn miżuri ta' awsterità intiżi biex jikkoreġu nfiq eċċessiv, nuqqas ta' kapaċità xierqa ta' finanzjament u l-fatt li, f'bosta każijiet, l-Istati Membri u l-UE jonqsu milli jieħdu l-azzjoni korretta biex jindirizzaw dawn il-fatturi; jissottolinja li d-diverġenzi fl-investiment jistgħu jiġu kolmati permezz ta' investimenti pubbliċi mmirati u livelli ogħla ta' investimenti f'kumpaniji privati u f'negozji Ewropej; jitlob riformi li jiffaċilitaw klima intraprenditorjali ġdida li tistimola negozji u investimenti ġodda u innovazzjonijiet, bil-possibbiltà ta' redditi fuq l-investimenti bħala fattur kruċjali li jattira l-kapital finanzjarju lejn l-ekonomija Ewropea; jenfasizza li aktar finanzjament tal-investimenti jesiġi sistema finanzjarja li tiffunzjona tajjeb, fejn it-tisħiħ tal-istabbiltà and l-istituzzjonijiet transfruntiera eżistenti jistgħu jiffaċilitaw il-likwidità u t-tiswir tas-swieq, speċjalment għall-impriżi żgħar u medji;

7.  Jilqa' l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, li huwa għodda importanti għat-tkattir tal-investiment privat u pubbliku; jinnota li l-pjan huwa intiż sabiex jixpruna investiment addizzjonali, jiżviluppa proġetti ġodda, jattira l-investituri u jerġa' jdaħħal il-fiduċja; iqis, madankollu, li għadu kmieni wisq biex tkun tista' ssir valutazzjoni sinifikanti tal-impatt reali tal-pjan; jinnota li spinta lill-investiment m'għandhiex titqies bħala alternattiva għar-riformi, iżda pjuttost bħala fattur kumplementari għalihom; jinsisti li r-riżorsi tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandhom jintużaw biex il-flus jintefqu fuq proġetti b'rendiment ekonomiku jew b'effett soċjali pożittiv wara analiżi tal-kosts u l-benefiċċji; jenfasizza li l-FEIS m'għandux sempliċiment jissostitwixxi proġetti Ewropej kofinanzjati għal dawk finanzjati nazzjonalment; jenfasizza li l-fondi Ewropej għandhom iwasslu għal investiment addizzjonali, u mhux sempliċement jissostitwixxu l-fondi ta' investiment nazzjonali maħsuba għall-konsum; jemmen li l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa għandu jiffoka l-ewwel nett fuq proġetti li għandhom valur miżjud Ewropew u li għadhom mhux eliġibbli għall-finanzjament bankarju; jenfasizza l-importanza tal-komponenti regolatorji tal-Pjan ta' Investiment f'dak li jirrigwarda t-titjib tal-ambjent għall-investiment; jinnota li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment tal-Kummissjoni hija kruċjali il-Pjan iġib miegħu l-valur miżjud mixtieq; jenfasizza li l-proġetti ta' investiment jeħtieġ li jintgħażlu bir-reqqa sabiex jiġi evitat li l-pjan jonqos milli jwassal għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fl-Ewropa; ifakkar li r-riżultati tal-Pjan ta' Investiment tal-Kummissjoni għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa, speċjalment dwar kif il-proġetti jkunu ġew magħżula u prijoritizzati, kif ukoll biex nevitaw li l-profitt jiġi privatizzat u t-telf soċjalizzat; jisħaq fuq l-interdipendenza bejn l-ingranaġġ tal-Pjan ta' Investiment u l-proġetti reali li jkunu qed jitwettqu; jissottolinja li l-għan li jinkiseb ingranaġġ għoli m'għandux jintlaħaq għad-detriment ta' għażla tajba tal-proġetti, li għandha tqis ukoll il-lok ġeografiku tal-proġetti; jissottolinja l-ħtieġa li niżguraw li l-governanza u l-proċess ta' għażla jkunu ta' kwalità għolja; jinnota li l-Istati Membri fil-programm ta' aġġustament jistennew li l-Pjan ta' Investiment itejjeb u jiffaċilita b'mod sinifikanti l-għotjiet u s-self għan-negozji żgħar u medji, li refgħu l-parti l-kbira tal-piż tal-kriżi fuq spallejhom;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw attivament il-Pjan ta' Investiment, u jikkontribwixxu għall-FEIS, billi jissuplimentaw l-ammonti pprovduti permezz tal-baġit tal-UE u mill-BEI, bil-għan li lis-settur privat jiggwidawh u jinkoraġġuh biex jinvesti;

9.  Jenfasizza li għandu jkun hemm reġim speċjali għall-SMEs taħt il-Pjan ta' Investiment sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali, peress li l-SMEs faċilment jitqiegħdu fi żvantaġġ minħabba d-daqs u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq;

10.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' aċċess għall-fondi, partikolarment għall-SMEs, huwa wieħed mill-akbar ostakli għat-tkabbir fl-UE; huwa mħasseb li l-SMEs kienu u għadhom isibuha diffiċli jiksbu krediti mill-banek; jemmen li hemm bżonn alternattivi għall-finanzjament bankarju, b'mod partikolari billi jittejjeb l-ambjent tan-negozju għall-kapital ta' riskju, fondi peer-to-peer u l-promozzjoni ta' kooperattivi ta' kreditu, iżda wkoll, b'mod aktar wiesa', billi jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-allokazzjoni effiċjenti tal-kapital permezz ta' swieq kapitali; iqis li swieq kapitali aktar integrati u superviżjoni mtejba fuq istituzzjonijiet finanzjarji huma fundamentali biex dawn l-għanijiet jintlaħqu fiż-żmien qasir u medju; jenfasizza li l-SMEs għandu jkollhom aċċess privileġġjat għall-Pjan ta' Investiment;

11.  Jagħraf li l-enerġija hija fattur importanti għall-kompetittività ekonomika; jisħaq fuq il-ħtieġa li neliminaw l-ostakli għas-suq intern tal-enerġija, inter alia bil-promozzjoni tal-indipendenza enerġetika; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-progress f'dan il-qasam kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, u tappoġġja miżuri li jiġġieldu kontra l-frammentazzjoni u d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni;

12.  Għadu mħasseb dwar in-nuqqas ta' progress fit-tnaqqis tal-livelli eċċessivi tad-dejn privat; jirrimarka li dan in-nuqqas ta' progress mhuwiex biss preokkupazzjoni għall-istabbiltà finanzjarja, iżda jillimita wkoll il-potenzjal ta' tkabbir tal-UE u jrendi l-politika monetarja tal-BĊE anqas effikaċi; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti ulterjuri għat-tħejjija ta' proċeduri effikaċi għad-diżingranaġġ fis-settur privat, li jinkludu proċeduri ta' falliment finanzjarju u insolvenza, filwaqt li trawwem qsim ġust u trasparenti tal-kostijiet, minħabba li l-piż enormi tad-dejn li qed itaqqal il-kumpaniji, l-individwi u l-familji huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jillimita l-investiment privat;

Riformi strutturali

13.  Jinnota li għad hemm bżonn ta' riformi strutturali f'għadd ta' pajjiżi; jinnota wkoll li dawk l-Istati Membri li diġà implimentaw b'suċċess programmi ta' aġġustament jew programmi tas-settur finanzjarju rnexxielhom jirritornaw għas-swieq tal-kapital, fejn issa għandhom aċċess għall-kapital b'rati ta' mgħax baxxi; jirrimarka li r-raġunijiet għal dan ir-ritorn kienu, fost l-oħrajn, l-azzjonijiet li ħa l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE); iħeġġeġ lill-Istati Membri fil-bqija taż-żona tal-euro biex ikunu xejn anqas ambizzjużi huma u jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom; jinnota li l-impatt soċjali tar-riformi u l-effett tagħhom fuq l-impjiegi għandhom jingħataw kunsiderazzjoni xierqa; jenfasizza li politika monetarja tal-BĊE aktar rilassata għandha tkun ikkomplementata minn riformi strutturali ambizzjużi u soċjalment sostenibbli min-naħa tal-Istati Membri;

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex is-swieq tax-xogħol tagħhom jagħmluhom aktar effiċjenti, jiżviluppaw politiki aktar attivi tas-suq tax-xogħol intiżi biex joħolqu impjiegi mħallsin tajjeb, jimmodernizzaw is-sistemi ta' protezzjoni soċjali, inklużi s-sistemi ta' pensjonijiet, filwaqt li jissalvagwardjaw l-inklussività, is-sostenibbiltà u l-ġustizzja, u jtejbu u jissemplifikaw l-ambjent legali u amministrattiv għal investimenti tan-negozju; jenfasizza li r-riformi strutturali jeħtiġilhom iwasslu għal tkabbir reali u sostenibbli, aktar impjiegi, kompetittività msaħħa u aktar konverġenza, u li għandhom jiġu kkomplementati b'investimenti mmirati sewwa u aktar fit-tul fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-iżvilupp, fl-innovazzjoni, fl-infrastruttura, fl-ICT, fl-enerġija sostenibbli u fir-riżorsi umani;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jissalvagwardjaw u jsaħħu l-inklussività, is-sostenibbiltà u l-korrettezza tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, b'mod partikolari għall-persuni l-aktar fil-bżonn, u jtejbu u jissemplifikaw l-ambjent legali u amministrattiv għall-investiment tan-negozju; jenfasizza li l-impjiegi jridu jkunu ta' kwalità, sabiex jikkumbattu l-faqar fost dawk li jaħdmu, u għandhom jindirizzaw id-diverġenza bejn il-pagi tal-irġiel u dawk tan-nisa; jissottolinja li r-riformi ekonomiċi iridu jkunu kkomplementati minn investimenti mmirati sewwa u aktar fit-tul fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-iżvilupp, fl-innovazzjoni, fl-infrastruttura, fl-ICT u fl-enerġija sostenibbli;

16.  Jenfasizza li t-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq sorsi esterni tal-enerġija irid jifforma parti mill-istrateġija tagħha għat-tkabbir; itenni, għaldaqstant, il-bżonn li l-provvisti tal-enerġija esterni jiġu diversifikati, li l-infrastruttura tal-enerġija tal-UE tiġi aġġornata u li s-suq intern tal-enerġija tal-UE jiġi komplut, bħala prijoritajiet ewlenin tal-istrateġija tal-UE għas-sigurtà tal-enerġija;

17.  Jenfasizza li l-UE ma tistax tikkompeti biss fil-kostijiet, iżda jeħtiġilha tkabbar il-produttività permezz ta' investiment sostenibbli fir-riċerka u fl-iżvilupp, fl-edukazzjoni u fil-ħiliet, u fl-effiċjenza tar-riżorsi, fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew; jitlob li l-Kummissjoni u l-gvernijiet jagħtu prijorità lil dawn l-oqsma fil-baġits tagħhom; jissottolinja li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-qgħad fost iż-żgħażagħ huma u jsawru r-riformi, bil-għan li ż-żgħażagħ ma jisfawx imċaħħda mill-opportunitajiet tagħhom mill-bidu nett; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli, inklużi dawk taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, b'mod aktar rapidu u effiċjenti;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw l-assistenza finanzjarja u s-sistema ad hoc tat-Trojka fi struttura legali mtejba li tkun konformi mal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE u mad-dritt tal-UE, biex b'hekk jiggarantixxu r-responsabbiltà demokratika; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat is-segwitu tar-rapporti tat-Trojka adottati f'Marzu 2014 mill-Parlament; jitlob li l-Kummissjoni timplimenta l-konklużjonijiet ta' dawn ir-rapporti; jirrimarka li l-għajnuna finanzjarja tal-UE lil ċerti Stati Membri, li tiġi pprovduta b'termini li jikkombinaw is-solidarjetà mal-kondizzjonalità, tirnexxi l-aktar meta jkun hemm sjieda qawwija u impenn li ssir riforma; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jeħtiġilhom jagħmlu valutazzjoni tal-impatt komprensiva tal-impatt rigward programmi ta' assistenza finanzjarja;

19.  Jitlob li l-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti biex tikkumbatti l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa; jitlob sistema tat-taxxi li tkun sempliċi u trasparenti; jistieden lill-Istati Membri jilħqu qbil rigward il-proposta dwar bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva bħala strument importanti f'dik il-ġlieda, u jemmen li l-proposta tiegħu tad-19 ta' April 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)(11) għandha sservi bħala bażi għal kompromess raġonevoli; itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri jittrasferixxu l-bażi tat-taxxa mix-xogħol lejn bażijiet oħra; jinnota li l-miżuri kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa m'għandhomx jimminaw il-prerogattivi tal-Istati Membri. jilqa', madankollu, kooperazzjoni effikaċi dwar arranġamenti tat-taxxa fil-livell Ewropew;

20.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' riformi fis-sistemi edukattivi sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jippreparaw għall-bżonnijiet, li qed jikbru, tas-swieq tax-xogħol tal-ġejjieni;

21.  Jemmen li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għadhom ma wettqux l-impenn tagħhom li jikkompletaw is-suq uniku, speċjalment is-suq uniku għas-servizzi u l-ekonomija diġitali;

22.  Itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni ttejjeb il-governanza tas-suq uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tallinja l-miri tas-Suq Uniku ma' dawk tas-Semestru Ewropew u tiżgura l-konsistenza bejn il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tat-tnejn li huma; jemmen li għodda analitika separata, magħmula minn indikaturi li jkejlu l-implimentazzjoni tas-suq uniku, tista' sservi ta' gwida utli fir-rigward ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; jenfasizza l-importanza u l-valur miżjud tar-Rapporti dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku fis-snin preċedenti, li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ġenerali stipulati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni u l-identifikazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; għaldaqstant isibha ferm deplorevoli li r-rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku tħalla barra għall-2015; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-miżuri eżistenti kollha stabbiliti bid-dritt tal-UE biex tinfurza l-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew;

23.  Huwa mħasseb dwar it-tendenzi protezzjonisti f'ċerti Stati Membri; jinnota li t-Trattat ma jipprevedix restrizzjoni tal-moviment liberu tal-persuni, is-servizzi jew il-kapital, u jfakkar li l-Kummissjoni jeħtiġilha tissalvagwardja u tinforza dawn il-libertajiet;

24.  Jissottolinja l-fatt li n-nuqqas ta' suq intern tax-xogħol li jiffunzjona sewwa u ta' approċċ bilanċjat għall-immigrazzjoni qed ixekkel it-tkabbir fl-UE; huwa mħasseb dwar it-tendenzi protezzjonisti f'ċerti Stati Membri; jinnota li t-Trattat ma jipprevedix restrizzjoni tal-moviment liberu tal-persuni, is-servizzi jew il-kapital, u jfakkar li l-Kummissjoni jeħtiġilha tissalvagwardja u tinforza dawn il-libertajiet;

25.  Itenni l-importanza li niżguraw il-mobbiltà tax-xogħol (kemm dik transfruntiera u kemm dik transettorjali), titjib tal-produttività tax-xogħol (marbut ma' taħriġ tal-ħiliet għal impjegabbiltà aħjar), kwalità tal-impjiegi u flessibbiltà tas-suq tax-xogħol, filwaqt li nippreservaw l-ambitu meħtieġ tas-sigurtà tax-xogħol, nillimitaw l-użu ta' xogħol prekarju u niżguraw spazju xieraq għan-negozjar kollettiv; jenfasizza li t-tlaqqigħ aħjar tal-provvista u d-domanda tal-ħiliet, kif ukoll il-gwida fl-impjiegi u l-karriera, se jkunu ta' importanza kbira fil-ġejjieni; jemmen li aktar mobbiltà tista' tgħin biex jonqsu l-livelli għolja ta' postijiet tax-xogħol battala li jippersistu flimkien mal-qgħad għoli; jenfasizza l-importanza li tiġi investigata l-impjegabbiltà tal-ħaddiema nisa u taż-żgħażagħ, speċjalment fil-kuntest tat-teknoloġiji emerġenti u s-setturi ġodda, ladarba huma dawn is-setturi li għandhom potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi;

26.  Jilqa' miżuri li l-proċess tas-Semestru Ewropew jagħmluh aktar effikaċi u demokratiku; jirrikonoxxi li r-rekord ta' implimentazzjoni huwa aħjar fil-qasam tal-finanzi pubbliċi, fejn l-għodod ta' sorveljanza huma aktar robusti; jitlob l-integrazzjoni bilanċjata ta' indikaturi dwar l-impjiegi u indikaturi soċjoekonomiċi;

Responsabbiltà fiskali

27.  Jilqa' t-tnaqqis kbir fl-għadd ta' pajjiżi taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv – li niżel għal 11 fl-2014 minn 24 fl-2011; jinnota li, minħabba dan it-titjib fiskali, il-pożizzjoni fiskali fl-UE issa mistennija tibqa' ġeneralment newtrali fl-2015; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-pożizzjoni fiskali tal-UE hijiex kompatibbli mal-ħtieġa ta' tkattir tal-investiment; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar l-inugwaljanzi dejjem jikbru, it-tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist, il-livell għoli ta' qgħad fit-tul u tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, u d-dejn pubbliku u privat, li għadu għoli ħafna, f'għadd ta' Stati Membri fiż-żona tal-euro, ċirkustanza li mhux biss tfixkel it-tkabbir iżda wkoll tikkostitwixxi riskju sostanzjali f'każ ta' xokkijiet futuri possibbli; jitlob li l-Kummissjoni tadotta interpretazzjoni prudenti u konservattiva tal-indikaturi tat-tkabbir u teżamina mill-ġdid il-kwalità tal-previżjonijiet ekonomiċi, peress li spiss wisq ġara li previżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ġew riveduti 'l isfel;

28.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-parti l-kbira tal-Istati Membri jeħtiġilhom ikomplu jippruvaw jiksbu konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir; lil dawk l-Istati Membri li għandhom spazju fiskali suffiċjenti, jistedinhom jikkunsidraw li jnaqqsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bil-ħsieb li jistimolaw l-investiment privat; jitlob lill-Kummissjoni tressaq rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri, inklużi dawk li għadhom taħt programmi ta' aġġustament ekonomiku, sabiex isostnu t-tkabbir ekonomiku b'riformi strutturali sostenibbli u soċjalment bilanċjati li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, kompetittività msaħħa u aktar konverġenza;

29.  Jinnota l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri; jenfasizza li l-eżami tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji għandu jkollu l-għan ta' finanzi sostenibbli; jinsisti fuq l-importanza tal-applikazzjoni għaqlija ta' regoli fiskali u fuq ir-rispett tal-prinċipju ta' trattament ugwali;

30.  Jinnota li rriżulta li biss ħames Stati Membri kienu kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST); jinsisti li l-PST ġie żviluppat b'kunsens bejn l-Istati Membri; jissottolinja li proporzjon kbira ta' nfiq għall-ħlas tal-imgħax fuq id-dejn pubbliku tnaqqas riżorsi li jistgħu jintefqu fuq servizzi pubbliċi u investimenti; jaċċetta, għaldaqstant, li tnaqqis tad-defiċit għadu meħtieġ fil-pajjiżi li għandhom ħafna dejn, iżda jqis li tali konsolidazzjoni fiskali għandha ssir b'mod li jipproteġi lill-utenti vulnerabbli tas-servizzi pubbliċi, jipproteġi l-investiment pubbliku u jżid l-introjtu b'mod ekwu, permezz tat-tkabbir ekonomiku;

Koordinazzjoni msaħħa tal-politiki nazzjonali

31.  Jilqa' r-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija; jilqa' t-tnaqqis gradwali fl-iżbilanċi interni fl-ekonomija tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-iżbilanċi esterni ta' diversi Stati Membri, inklużi l-bilanċi kummerċjali favorevoli ħafna; jinnota telf ta' sehem fis-suq globali għall-UE kollha kemm hi;

32.  Jirrimarka li l-għan tal-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku mhuwiex biss li tevita effetti negattivi kbar fuq it-tkabbir u fuq l-impjiegi ġewwa pajjiż, iżda wkoll li ma tħallix li politiki nazzjonali li jkunu tfasslu ħażin jaffettwaw Stati Membri oħra fiż-żona tal-euro; jinnota li l-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2014 ħabbar, permezz tar-Rapport tal-Erba' Presidenti, li d-dibattitu dwar koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi fl-UEM se jsir aktar kmieni fl-2015;

33.  Itenni l-fehma tiegħu li l-qafas ta' governanza ekonomika attwali m'għandux responsabbiltà demokratika suffiċjenti fl-applikazzjoni tar-regoli tiegħu u tal-istituzzjonijiet u l-korpi involuti; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-proposti meħtieġa sabiex tindirizza n-nuqqas ta' responsabbiltà demokratika xierqa fil-governanza ekonomika tal-UE;

34.  Jinnota li għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti tat-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet taż-żejt, u jekk dan il-benefiċċju mhux ippjanat għandux jingħadda kompletament lill-konsumaturi ta' fjuwils fossili jew inkella għandux jinqasam, bil-gvernijiet iżidu t-taxxi fuq il-fjuwils fossili sabiex inaqqsu d-defiċits tagħhom, jiffinanzjaw l-investimenti, jevitaw li jimminaw il-politiki dwar it-tibdil fil-klima u jnaqqsu l-effetti deflazzjonarji;

Il-baġit tal-UE

35.  Jenfasizza li l-prinċipju tal-akkuratezza tal-kontijiet pubbliċi għandu jirregola t-tfassil tal-baġits nazzjonali u tal-baġit tal-Unjoni bil-għan li jiġu garantiti konverġenza u stabbiltà fl-UE; jinsab konvint li din l-akkuratezza hija waħda mill-elementi ta' reazzjoni għall-kriżi ta' fiduċja li teżisti bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, telf ta' fiduċja li kiber minn mindu faqqgħet il-kriżi finanzjarja reċenti;

36.  Jitlob għalhekk li s-suppożizzjonijiet ekonomiċi użati fit-tfassil tal-baġits nazzjonali jiġu armonizzati; iqis, b'mod partikolari, li għandha ssir valutazzjoni komuni ta' fatturi fis-sitwazzoni ekonomika internazzjonali;

37.  Jitlob aktar uniformità fil-preżentazzjoni tal-kontijiet pubbliċi biex tiffaċilita l-komparabbiltà u tipprevjeni żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi; jitlob, b'mod partikolari, standardizzar tal-mod li bih l-Istati Membri jirreġistraw il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-Unjoni fil-kontabilità tagħhom;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tpatti għal kwalunkwe defiċit demokratiku tas-semestru permezz tal-pakkett ta' miżuri mħabbar għall-2015 dwar l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja;

39.  Iqisha ħaġa kruċjali li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jikkollaboraw aktar mill-qrib, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, rigward il-governanza ekonomika u baġitarja; jimpenja ruħu li japprofondixxi r-relazzjonijiet tiegħu mal-parlamenti nazzjonali fi spirtu ta' sħubija kostruttiva;

40.  Jiddeplora l-fatt li l-ammont ta' kontijiet mhux imħallsa fil-baġit tal-UE jimmina l-kredibbiltà tal-UE u jmur kontra l-objettivi ffissati fl-ogħla livell politiku għat-tkabbir u għall-impjiegi – partikolarment l-impjiegi taż-żgħażagħ – u għas-sostenn tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju, u jibża' li dan se jwessa' d-distakk bejn l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha;

41.  Jappella li r-rieżami postelettorali tal-QFP janalizza, u b'hekk itejjeb, il-valur miżjud tal-finanzjamenti tal-UE għall-objettivi ta' ta' kompetittività, tkabbir, impjiegi u tranżizzjoni tal-enerġija stabbiliti mill-Unjoni; jitlob li l-Kummissjoni tadotta metodoloġija aktar ċara għat-traċċar tal-fondi u tal-infiq tal-UE relatati mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 biex tippermetti titjib fil-valutazzjonijiet tal-impatt;

42.  Jitlob, barra minn hekk, li l-l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-impatt potenzjalment negattiv li l-kwistjoni tal-ittardjar tal-pagamenti jaf ikollha fuq l-impenji li l-Istati Membri ħadu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;

43.  Jikkonstata li f'ħafna Stati Membri l-amministrazzjoni pubblika sal-lum għadha ma saritx aktar effiċjenti, anki jekk il-miljoramenti f'dan il-qasam ikunu jservu biex jinkiseb iffrankar bis-saħħa ta' razzjonalizzazzjoni tal-istrutturi u t-tqaċċit tal-burokrazija żejda għall-impriżi u għaċ-ċittadini;

44.  Japprezza l-fatt li l-Kummissjoni, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għas-sena 2015 tagħha, issottolinjat ir-rilevanza ekonomika tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (inkluża l-inizjattiva favur l-impjiegi taż-żgħażagħ); ifakkar li dawn il-fondi jirrappreżentaw l-10 % tat-total tal-investimenti pubbliċi bħala medja fl-UE, iżda li s-sitwazzjoni tvarja minn pajjiż għall-ieħor, u f'xi Stati Membri jistgħu jammontaw għal saħansitra 80 % tal-investimenti pubbliċi; jenfasizza li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jikkostitwixxu eżempju tajjeb tas-sinerġija bejn l-baġit Ewropew u l-baġits nazzjonali abbażi ta' objettivi maqbula b'mod konġunt minquxa fi ftehimiet ta' sħubija dwar it-tkabbir u l-investimenti bi qbil mal-istrateġija Ewropa 2020; isostni kull sforz fid-direzzjoni tal-akkomunament intelliġenti ta' mezzi baġitarji Ewropej u nazzjonali bil-għan li jinkisbu gwadanji f'termini ta' effiċjenza, stimolazzjoni ekonomika u defiċits nazzjonali aktar baxxi permezz ta' effett pożittiv ta' riżorsi kondiviżi;

45.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li l-evażjoni tat-taxxa, li potenzjalment qiegħda ċċaħħad lill-baġit tal-UE minn riżorsi sostanzjali, tiġi indirizzata b'mod effikaċi;

46.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-impatt possibbli ta' ridistribuzzjoni ta' fondi mill-programmi tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u Orizzont 2020;

47.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu fondi mal-pjan ta' investiment li jfittex li jimmassimizza l-impatt tal-infiq pubbliku u jattira l-investiment privat;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(7) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(8) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0129.
(10) Testi adottati, P7_TA(2013)0036.
(11) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 134.


Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015
PDF 653kWORD 186k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 (2014/2222(INI))
P8_TA(2015)0068A8-0043/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 145, 148, 152 u 153(5) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-TFUE, dwar miżuri speċifiċi għar-Reġjuni Ultraperiferiċi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta, b'mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha dwar id-dritt għal protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2014(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2014 bit-titolu 'Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015' (COM(2014)0902), u l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu 'Pjan ta' Investiment għall-Ewropa' (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 bit-titolu 'L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir' (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 bit-titolu 'It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja' (COM(2013)0690),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu 'Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu 'Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi' (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu 'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali' (COM(2010)0758), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Novembru 2011 dwar dan(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ' (COM(2011)0933),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu 'Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020' (COM(2013)0083),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar aspetti soċjali u tal-impjieg tar-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni u FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar 'L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?'(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ(8),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Dinji dwar il-Pagi 2014/2015 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-5 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-OECD 'Trends in Income Inequality and its Impact on Economic Growth' tad-9 ta' Diċembru 2014;

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2014 bit-titolu 'Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi' (COM(2014)0446),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011(9) u tas-16 ta' Jannar 2014(10) dwar Strateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0043/2015),

A.  billi l-Ewropa trid issegwi l-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq, u tiggarantixxi tkabbir sostenibbli bil-għan li lill-ġenerazzjoni li jmiss toffrilha impjiegi minflok dejn;

B.  billi l-kuntest ekonomiku u soċjali fl-UE għadu dgħajjef, u billi, skont it-tbassir ekonomiku tal-ħarifa tal-2014 tal-Kummissjoni, l-irkupru ekonomiku jibqa' fraġli; billi, minkejja r-rati ta' tkabbir negattivi fiż-żona tal-euro għal dawn l-aħħar sentejn, it-tkabbir taż-żona tal-euro huwa mistenni li jilħaq 0,8 % fl-2014 u 1,1 % fl- 2015; billi huma biss ftit l-Istati Membri li għandhom previżjonijiet aħjar, u billi l-Kummissjoni rrevediet sistematikament 'l isfel il-previżjonijiet tagħha stess f'dawn l-aħħar snin; billi minkejja l-fatt li d-defiċit ġenerali previst fl-UE28 tnaqqas għal 3 % għall-2014, dan għadu għoli f'xi Stati Membri, u juri l-bżonn ta' aktar konsolidazzjoni fiskali li tkun kompatibbli ma' tkabbir u impjiegi sostenibbli u ta' kwalità aħjar, peress li l-irkupru la huwa robust u lanqas sostnut;

C.  billi t-triq mgħaġġla ta' konsolidazzjoni fiskali adottata matul il-kriżi ekonomika fixklet lill-Istati Membri milli jilħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, li juri li l-politiki fiskali għandhom ikunu differenzjati u adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull Stat Membru; billi t-tnaqqis f'daqqa fil-prezzijiet taż-żejt jista' jipprovdi spinta addizzjonali għall-ekonomija ta' ħafna Stati Membri, speċjalment jekk dan ikun tradott malajr fi tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija għall-familji u n-negozji;

D.  billi l-UE teħtieġ tkompli ttejjeb il-politiki ekonomiċi u soċjali bil-għan li jintlaħqu l-miri ta' Ewropa 2020 mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jingħelbu r-riskji ta' staġnar u deflazzjoni fit-tul, u billi biex iseħħ dan jeħtieġ jitkomplew l-isforzi għall-promozzjoni ta' investimenti u riformi strutturali li jżidu l-kompetittività ekonomika b'mod soċjalment responsabbli; billi hemm bżonn trasformazzjoni ekoloġika biex tiġi żgurata bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli; billi huwa preokkupanti li l-pożizzjoni tal-UE fl-ekonomija dinjija sejra lura minħabba l-kriżi, it-telf tal-bażi industrijali tagħha u n-nuqqas ta' fiduċja tal-investituri u l-imprendituri, filwaqt li pajjiżi oħra qed juru sinjali solidi ta' rkupru; billi f'Ottubru 2014 il-FMI għamel stima li l-probabilità ta' reċessjoni fiż-żona tal-euro kienet żdiedet u kienet ser tilħaq bejn 35 u 40 % sa tmiem is-sena;

E.  billi l-Istati Membri għandhom ir-rwol primarju fit-twettiq ta' politiki dwar l-impjiegi, inklużi dawk dwar l-impjieg taż-żgħażagħ, u billi t-twassil ta' miżuri bħal dawn ikun aktar effettiv fil-livell nazzjonali;

F.  billi l-UE trid tindirizza t-tixjiħ rapidu tal-popolazzjoni tagħha kemm jista' jkun malajr;

G.  billi, minkejja xi titjib (għall-ewwel darba mill-2011 'l hawn kien hemm żieda żgħira f'kuntratti full time), ir-rata tal-qgħad tibqa' storikament għolja, bi kważi 25 miljun persuna bla xogħol fl-UE; billi l-qgħad fit-tul jinsab f'rata għolja b'mod inkwetanti, u 12-il miljun ruħ ilhom qiegħda għal aktar minn sena (żieda ta' 4 % fuq is-sena ta' qabel); billi r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma naqsux b'mod sinifikanti (tnaqqsu biss b'1,9 % meta mqabbla mal-2013), u laħqu medja tal-UE ta' 21,2 %; billi 75 % tal-persuni li ilhom qiegħda fit-tul fl-UE huma taħt l-età ta' 35 sena; billi s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hija partikolarment kritika għaż-żgħażagħ kollha, ħlief f'xi Stati Membri, indipendentement mil-livell ta' edukazzjoni tagħhom;

H.  billi l-Fond Soċjali Ewropew, flimkien mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ iridu jintużaw b'mod sħiħ u korrett sabiex jiġu ffinanzjati proġetti sostenibbli fil-ġlieda kontra l-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

I.  billi l-għadd ta' żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETS) baqa' għoli filwaqt li l-għadd ta' żgħażagħ Rom f'dan il-grupp huwa sproporzjonat;

J.  billi diversi fatturi – inkluż in-nuqqas li jinħoloq ambjent pożittiv biex tingħata spinta lill-investiment u lit-tkabbir, it-tnaqqis fl-introjtu tas-suq u t-tnaqqis fis-saħħa tal-impatt tat-trasferimenti soċjali tul iż-żmien(11), u l-isforzi minn xi Stati Membri sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ ekonomiku tagħhom billi jnaqqsu l-infiq fuq il-protezzjoni soċjali – wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi, filwaqt li kkontribwew għal żieda fin-numru ta' familji Ewropej li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni, u għal żieda allarmanti fl-inugwaljanzi, inkluż l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel; billi wieħed minn kull erba' Ewropej jinsab f'riskju ta' faqar; billi s-sottoimpjieg u l-prekarjat laħqu l-ogħla livell tagħhom u, għal 50 % ta' dawk kollha li qed ifittxu x-xogħol, il-fatt li jsibu impjieg mhuwiex biżżejjed biex jinħarġu mill-faqar;

K.  billi l-aħħar ċifri disponibbli, dawk għall-2013, juru qgħad fit-tul f'livell storikament għoli ta' 5,1 % tal-ħaddiema fl-UE-28; billi l-qgħad fit-tul m'għandux biss konsegwenzi kruċjali għall-individwi tul ħajjithom kollha, iżda jista' jinbidel f'qgħad strutturali fl-UE;

L.  billi 25,1 % tal-popolazzjoni tal-UE jinsabu attwalment f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali; billi r-rata medja ta' tkabbir tal-faqar fost it-tfal hija ogħla mir-rata medja ta' tkabbir tal-faqar b'mod ġenerali, u billi f'xi Stati Membri wieħed minn kull tlett itfal jgħixu taħt is-soll tal-faqar;

M.  billi ħaddiema akbar fl-età huma l-aktar grupp li probabbli li jkunu qiegħda fit-tul; billi nofs il-ħaddiema biss fl-età ta' bejn il-55 u l-65 sena kellhom impjieg fl-2012; billi l-anzjani jsofru aktar minn tnaqqis fl-infiq pubbliku fuq is-servizzi soċjali, is-servizzi tas-saħħa u l-benefiċċji soċjali; billi xi kategoriji ta' persuni akbar fl-età, bħal persuni li għandhom 80 sena u aktar, nisa akbar fl-età, migranti ta' età akbar u membri ta' minoranzi etniċi akbar fl-età huma speċjalment f'riskju li jaqgħu fil-faqar;

N.  billi, sabiex jindirizzaw il-kriżi, ċerti Stati Membri naqqsu sew in-nefqa pubblika tagħhom fl-istess waqt li żdiedet id-domanda għall-protezzjoni soċjali minħabba żieda fin-numru ta' persuni qiegħda; billi l-allokazzjonijiet tal-baġit nazzjonali għall-kopertura tas-sigurtà soċjali ġew imġebbda aktar hekk kif naqsu l-kontribuzzjonijiet minħabba tnaqqis fuq skala kbira fl-impjiegi u fil-pagi, u b'hekk tpoġġa serjament fil-periklu l-mudell soċjali Ewropew; billi r-riformi mitluba mhumiex jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tal-impjiegi u l-isfera soċjali;

O.  billi t-tnaqqis fil-faqar mhuwiex biss waħda mill-miri prinċipali tal-istrateġija Ewropa 2020, iżda huwa wkoll responsabbiltà soċjali tal-Istati Membri, u xogħol deċenti u sostenibbli huwa l-aħjar mod kif wieħed joħroġ mill-faqar; billi, għalhekk, l-isforzi għandhom ikunu ffukati fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għall-impjiegi, b'mod partikolari għal dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol; billi s-suq tax-xogħol għadu kkaratterizzat minn inugwaljanzi sinifikanti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, u billi wara l-età ta' 55 sena, in-nisa għandhom riskju akbar mill-irġiel li jgħixu fil-faqar jew fl-esklużjoni soċjali;

P.  billi l-iżbilanċi soċjoekonomiċi bejn l-Istati Membri komplew jikbru, filwaqt li ġara bil-maqlub fir-rigward tal-objettiv ta' konverġenza reġjonali; billi d-distakk bejn il-pajjiżi ċentrali u periferiċi fil-qgħad żdied minn 3,5 % fl-2000 għal 10 % fl-2013; billi din id-diverġenza żżid ir-riskju ta' frammentazzjoni u thedded l-istabbiltà ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE; billi s-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni jenfasizza r-rwol li għandhom il-fondi strutturali sabiex tingħeleb l-inugwaljanza, speċjalment matul il-kriżi;

Q.  billi l-Artikolu 174 tat-TFUE jipprevedi li "sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. B'mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti. Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni estremi tat-tramuntana b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi";

R.  billi r-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti normalment ikollhom rati ogħla ta' qgħad, inqas tkabbir ekonomiku u nuqqas ta' investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tal-potenzjal tagħhom;

S.  billi l-Parlament ilu dawn l-aħħar sentejn iwissi dwar ir-riskji soċjali tad-deflazzjoni f'kuntest ta' tkabbir baxx, rata għolja ta' qgħad u pressjoni 'l isfel fuq il-pagi; billi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bassar inflazzjoni baxxa fuq medda twila ta' żmien, u wissa dwar il-konsegwenzi ta' dan fuq id-domanda interna, fuq it-tkabbir u fuq l-impjiegi; billi d-deflazzjoni saret realtà minn Awwissu 2014 fi tmien Stati Membri (li sitta minnhom qegħdin fiż-żona tal-euro); billi d-domanda u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE hija ristretta bil-kbir mid-dgħjufija prevalenti ta' għoti ta' kreditu lill-SMEs u l-ħtieġa li jitnaqqas id-dejn pubbliku u privat eċċessiv b'mod speċjali fir-rigward ta' self ipotekarju; billi t-tnaqqis fir-rati tal-inflazzjoni jżid b'mod sinifikanti dawn id-diffikultajiet, billi jgħolli r-rati tal-imgħax reali u l-piż tad-dejn reali, u jista' jwassal għal ċirku vizzjuż ta' depressjoni ekonomika; billi l-BĊE rreaġixxa għal dawn l-aspetti kollha fit-22 ta' Jannar 2015 bl-implimentazzjoni ta' programm estiż tax-xiri tal-assi b'xiri tal-assi ta' kull xahar ikkombinat li jammonta għal EUR 60 biljun, u li għandu jitwettaq tal-inqas sa Settembru 2016;

T.  billi tista' tintuża politika monetarja espansjonarja biex titrawwem l-esportazzjoni bħala mod kif tittejjeb l-ekonomija tal-UE fl-immedjat;

U.  billi r-rati ta' imgħax baxxi jistgħu jintużaw biex tingħata spinta lill-investimenti fl-UE;

V.  billi żdiedet il-konsolidazzjoni fiskali u ġew introdotti miri ewlenin ġodda li jiffukaw aktar fuq id-defiċits strutturali milli fuq defiċits ċikliċi; billi, minkejja dan, id-daqs tal-multiplikaturi fiskali fil-kuntest attwali għadu kbir ħafna; billi hemm bżonn li jintlaħqu l-objettiv ta' terminu medju u l-objettiv tad-dejn biex jinħoloq ambjent li jistimula t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi; billi hemm bżonn li jiġi vvalutat b'mod sistematiku l-impatt ta' dawn il-miżuri mill-aspett soċjali, ambjentali u fir-rigward tas-sessi;

W.  billi l-investiment pubbliku u privat fl-UE naqas b'mod allarmanti u issa jinsab qrib l-20 % taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi, li huwa aktar baxx meta mqabbel ma' dak tal-imsieħba ekonomiċi ewlenin tagħha fil-bqija tad-dinja; billi l-investiment f'impjiegi sostenibbli u ta' kwalità aħjar, fil-kapital uman, fir-riċerka u l-innovazzjoni (inkluż fi proġetti fuq skala żgħira), f'unjoni tal-enerġija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, fis-Suq Uniku Diġitali, fil-promozzjoni tal-intraprenditorja u f'ambjent tan-negozju aħjar għall-SMEs għandu jkun fost il-prijoritajiet ewlenin kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri, peress li l-investimenti f'dawn l-oqsma huma essenzjali mhux biss biex jiġi żgurat irkupru iżda wkoll biex jissaħħaħ il-potenzjal ekonomiku tal-UE li tikber u toħloq il-ġid;

X.  billi l-involviment insuffiċjenti fil-proċess tas-Semestru tal-UE fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali min-naħa tal-parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali llimita s-sjieda tar-riformi mill-Istati Membri u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet inklużivi, soċjali u sostenibbli, u naqqas il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew;

Y.  billi l-iffissar tal-pagi hija kompetenza tal-Istati Membri;

Politiki ekonomiċi ambizzjużi għat-tkabbir, għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u għall-ġlieda kontra d-deflazzjoni

1.  Jilqa' l-approċċ integrat tal-Kummissjoni għat-tkabbir, ibbażat fuq tliet pilastri ewlenin: Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, riformi strutturali u responsabbiltà fiskali; jappella għal politika ekonomika u fiskali espansjonarja ambizzjuża, fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), sabiex jiġi stimulat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex jinħolqu impjiegi aħjar u sostenibbli; jenfasizza li s-solidarjetà hija l-valur ewlieni li fuqu hija mibnija l-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri billi tipprovdi rakkomandazzjonijiet konkreti li jkunu ta' għajnuna għalihom u għall-UE kollha kemm hi, sabiex ma jindirizzawx biss il-konsolidazzjoni fiskali iżda anke r-riformi strutturali b'mod soċjalment bilanċjat u ekonomikament effiċjenti u sostenibbli; jenfasizza li l-inflazzjoni baxxa diġà qed iżżid ir-rati tal-imgħax reali kif ukoll id-dejn pubbliku u privat reali, li flimkien ma' livell għoli ta' qgħad fit-tul fost iż-żgħażagħ tbaxxi t-tkabbir u żżid il-faqar;

2.  Huwa konxju mir-rabtiet bejn ir-responsabbiltà fiskali u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-investimenti u r-riformi strutturali fl-Istati Membri, fil-kuntest tal-PST; Jilqa', f'dan is-sens, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir"; jistieden lis-sħab kollha jimplimentaw ir-riformi permezz tal-flessibbiltà li diġà teżisti fir-regoli u l-ftehimiet, jekk xi Stat Membru jiffaċċja żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, sabiex jiggarantixxu li r-responsabbiltà fiskali tkun kompatibbli mat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-istat assistenzjali;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' riformi strutturali fl-Istati Membri; jinnota li filwaqt li ċerti Stati Membri li implimentaw riformi rnexxielhom jerġgħu jiksbu l-kompetittività fis-suq globali, dawn ir-riformi għandhom ikunu kompatibbli ma' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv kif ukoll mal-ħolqien ta' impjiegi deċenti; jappella, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, li l-fokus ta' dawn ir-riformi jitwessa' biex jinkludi oqsma bħalma huma s-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija jew ir-riformi fiskali; iqis li r-riformi promossi fis-suq tax-xogħol għandhom jintroduċu wkoll il-flessibbiltà u s-sigurtà meħtieġa sabiex tintemm is-segmentazzjoni u jkunu żgurati pagi deċenti;

4.  Jilqa' l-fatt li t-taħlita ta' politika l-ġdida żżid l-investiment mal-prijoritajiet preċedenti ta' konsolidazzjoni fiskali u riformi strutturali; iqis, madankollu, li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) għandu jagħti aktar importanza lid-domanda aggregata u r-rabta li għandha maż-żidiet fil-pagi u l-inugwaljanzi soċjali; jenfasizza li l-ogħla prijorità fir-rigward tat-tnaqqis ta' żbilanċi makroekonomiċi m'għandhiex tkun li jiżdied is-surplus fil-kont kurrenti, iżda pjuttost li jiżdied it-tkabbir, l-investiment u r-rati ta' impjieg, u li titnaqqas ir-rata tal-faqar;

5.  Jinsab imħasseb li l-investimenti fl-UE naqsu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, u issa huma kważi 20 % inqas mil-livell ta' qabel il-kriżi; iwissi li t-tnaqqis kien anki akbar fi Stati Membri periferali fejn il-konsolidazzjoni fiskali kienet aktar akuta; jenfasizza għal darb'oħra l-potenzjal tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika li, skont l-istimi tal-Kummissjoni, tista' toħloq 5 miljun impjieg sal-2020 fis-setturi tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biss, sakemm jiġu implimentati politiki ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw livelli suffiċjenti ta' investiment f'dawn is-setturi u jantiċipaw il-ħiliet futuri tal-ħaddiema;

6.  Jilqa' l-fatt li wieħed mit-tliet pilastri ewlenin tal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-2015 huwa l-investiment, u jitlob li l-pjan jiġi implimentat mingħajr dewmien; jieħu nota tal-fatt li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) mhux se jingħaddu meta jiġi definit l-aġġustament fiskali taħt il-parti preventiva jew dik korrettiva tal-PST;

7.  Iqis li t-tliet pilastri ewlenin tal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-2015 iridu jiġu implimentati b'mod konġunt sabiex l-investimenti jingħataw spinta, b'mod responsabbli, f'dawk l-oqsma li għandhom impatt reali fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, bħall-ekonomija diġitali, is-setturi ekoloġiċi u l-kura tas-saħħa:

8.  Jieħu nota tal-fatt li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) se jkun ibbażat fuq riżorsi eżistenti tal-UE u mhux se jinvolvi flejjes pubbliċi "ġodda", apparti ammont ulterjuri ta' EUR 5 biljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); jenfasizza r-riskji ta' fond insuffiċjenti bbażat fuq suppożizzjonijiet ottimisti wisq dwar il-probabbiltà li tiġi attirata l-parti l-kbira tal-finanzjament meħtieġ minn investituri privati; jistieden lill-BEI jikkunsidra jibdel l-orjentazzjoni tiegħu minn attività bankarja purament kummerċjali għal waħda bbażata fuq mudell ta' valutazzjoni tar-riskju tal-proġetti bbażat fuq kriterji definiti u trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi kif tuża l-baġit tal-UE u riżorsi oħra ġodda biex ikun żgurat li l-EFSI ma jonqosx milli jagħti riżultati tajbin;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jivvalutaw l-effett tal-kriżi ekonomika fuq is-sistema bankarja u fuq ir-riċevituri finali tal-finanzjament tal-BEI, b'attenzjoni partikolari għall-SMEs, is-settur tal-ekonomija soċjali u l-kumpaniji pubbliċi;

10.  Jenfasizza l-fatt li l-EFSI għandu jkun iffukat fuq il-ħolqien ta' investimenti ġodda f'oqsma fejn l-interess tal-investituri huwa limitat pjuttost milli fuq is-sostituzzjoni ta' investimenti li kienu jsiru band'oħra (crowding out), jew fuq l-iffukar fuq investimenti li jrendu profitti kbar, li kienu se jsiru fi kwalunkwe każ (deadweight); jistieden lill-Kummissjoni tinkludi u tippromwovi l-investimenti soċjali li mhux biss jiġġeneraw redditi finanzjarji iżda li jippromwovu effetti soċjali pożittivi, bħal investimenti fil-kapital uman, investimenti b'impatt qawwi fuq il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità aħjar jew fuq l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar, bħal sistemi ta' protezzjoni soċjali u servizzi soċjali jew investimenti fl-ekonomija soċjali; itenni l-appell tiegħu għall-implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investimenti Soċjali (PIS);

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura investimenti f'reġjuni aktar dgħajfa ekonomikament li għandhom livell għoli ta' qgħad, u fl-SMEs f'tali reġjuni, peress li dawn għandhom aċċess limitat ħafna għall-finanzjament, sabiex tiżgura li dawn l-isforzi jkollhom impatt sinifikanti fejn huma l-aktar meħtieġa, b'għażliet magħmula bl-attenzjoni dovuta għall-karatteristiċi ekonomiċi tal-investimenti; jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni dwar il-fatt li hemm bżonn ta' ħaddiema bl-aqwa ħiliet f'setturi li qegħdin jikbru bħall-ekonomija diġitali, is-setturi ekoloġiċi u l-kura tas-saħħa;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw mekkaniżmi speċifiċi mtejba sabiex jimplimentaw programmi ta' investiment fir-reġjuni ultraperiferiċi, li d-distanza mbiegħda, il-frammentazzjoni ġeografika, l-ekonomiji fraġli u r-restrizzjonijiet naturali tagħhom iwasslu għal żieda fl-inugwaljanzi fl-aċċess għal opportunitajiet ta' impjiegi, prodotti u servizzi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra r-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti meta tipprogramma l-Pjan ta' Investiment Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-broadband;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi fil-fond u ttejjeb l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti tal-BEI u l-UE, li tnediet bħala proġett pilota fl-2012 sabiex tiġbor fiha l-Pjan ta' Investiment, bil-ħsieb li tingħata rwol akbar fil-promozzjoni tal-impjiegi; jitlob, f'dan il-kuntest, reviżjoni dettaljata tal-bonds b'impatt soċjali inklużi fil-PIS;

Politika responsabbli ffukata fuq l-investiment, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u t-tkabbir

15.  Jinnota li l-Pjan ta' Investiment Ewropew huwa żieda meħtieġa għall-isforzi biex jiġi stimulat tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi, li jeħtieġ li jkun appoġġjat minn riżorsi privati u pubbliċi sabiex jirnexxi; jilqa' l-fatt li s-SAT għall-2015 ikompli jappella għal aktar sforzi minn pajjiżi b'marġini fiskali ta' manuvrar bħala mezz biex titħeġġeġ id-domanda Ewropea u l-investiment;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-pass tal-konsolidazzjoni fiskali, u l-introduzzjoni ta' miri ewlenin – li jiffokaw aktar fuq id-defiċits ċikliċi milli strutturali – u li għandu jkollhom effett pożittiv fuq l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli; jinnota, madankollu, li d-daqs tal-multiplikaturi fiskali fil-kuntest attwali madankollu għadu għoli ħafna u li dan ser ikollu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-użu ta' flessibilità massima fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-PST;

17.  Jitlob l-iżvilupp ta' qafas Ewropew biex jiġi żgurat li l-investimenti kollha taħt il-Pjan ta' Investiment Ewropew ikollhom impatt sinifikanti f'termini ta' stimolu għat-tkabbir sostenibbli, għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u għat-trawwim tal-progress soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja u tikkontrolla l-investimenti skont il-pjan u, barra minn hekk, għal verifika u tkejjel l-impatt ekonomiku u soċjali tal-investimenti f'termini reali; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi speċjalisti fuq il-politiki soċjali f'kumitat ta' esperti EFSI l-ġodda li se tapprova proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati, u biex jiżguraw li impatt soċjali pożittiv huwa wieħed mill-kriterji ewlenin f'din l-għażla;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-flessibbiltà li tista' tintuża fi ħdan il-PST eżistenti sabiex jiġi żgurat spazju għall-immanuvrar għal investimenti soċjali, primarjament investimenti soċjali f'persuni, billi jiġu provduti bil-ħiliet u l-kundizzjonijiet ta' appoġġ meħtieġa għal parteċipazzjoni produttiva u ta' sodisfazzjon fl-ekonomija u s-soċjetà matul ħajjithom kollha; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol potenzjali tal-ekonomija soċjali fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli, inklużivi u ta' kwalità;

Finanzjament mogħti lura lill-SMEs biex jiġu stimulati l-investiment privat u l-ħolqien tal-impjiegi

19.  Jenfasizza li filwaqt li l-SMEs jikkostitwixxu s-sinsla tal-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, dawn għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar sabiex jiksbu aċċess għall-finanzjament u għandhom wisq dejn; għalhekk, jilqa' pożittivament ir-rakkomandazzjonijiet ġodda tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs, li jinvolvu approċċ ġdid għall-insolvenza u l-falliment tan-negozju; jistieden biex isiru aktar sforzi mill-Istati Membri ħalli jitjiebu l-iskemi ta' ristrutturar tad-dejn bħala mezz biex jintlaħaq dan l-għan; jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem, meta meħtieġ, l-implimentazzjoni f'livell nazzjonali tal-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tagħha tat-12 ta' Marzu 2014 permezz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs); jenfasizza li l-intrapriżi mmexxija min-nisa u l-SMEs iħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza r-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni u biex tipproponi miżuri biex tinstab soluzzjoni għal dan;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' kultura ta' intraprenditorja fl-Unjoni Ewropea billi jitnaqqsu l-ostakli għall-impjieg indipendenti u l-istabbiliment tan-negozju; jirrimarka li dan jista' jiġi appoġġjat minn taħlita intelliġenti ta' appoġġ finanzjarju bħal l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), jew permezz ta' soluzzjonijiet f'punt uniku ta' servizz f'amministrazzjonijiet pubbliċi għar-reġistrazzjoni ta' negozju ġdid;

21.  Jinsab imħasseb li l-frammentazzjoni finanzjarja fiż-żona euro, f'ċerti każijiet, tkun qed tipperikola t-tkabbir u s-sostenibilità tal-SMEs. jitlob li l-kapaċità tas-self tal-ekonomija terġa' lura għal kif kienet, u b'hekk tippermetti lill-SMEs jinvestu u joħolqu impjiegi, kif ukoll li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-intraprenditorija u l-aċċess tal-SMEs għall-programmi bħall-COSME u Orizzont 2020;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw piżijiet amministrattivi u burokrazija mhux meħtieġa għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-mikrointrapriżi u l-SMEs u biex jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet għan-negozji ġodda;

23.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iskema konġunta ta' self lill-SMEs maħruġa mill-Kummissjoni u l-BEI li tuża l-fondi strutturali biex jiġi simplifikat l-investiment f'dawn il-kumpaniji sabiex tingħata spinta għall-ħolqien akbar u sostenibbli tal-impjiegi; jistieden lill-BĊE jikkomplementa din l-azzjoni politika u jesplora mezzi ta' xiri ta' assi tal-SMEs, u jappoġġja l-iżvilupp tal-SMEs fi ħdan il-qafas ta' programmi ta' tnaqqis kwantitattiv ibbażati fuq prattiki tajba li jeżistu f'reġuni oħra ekonomiċi, jew iservi ta' garanti għal sorsi ta' finanzjament tal-SMEs, li jiġġeneraw sa 80 % tal-impjiegi f'ħafna Stati Membri;

24.  Jieħu nota tal-programm ta' xiri tal-assi estiż tal-BĊE li jmur, għal darb' oħra, lis-sistema bankarja; jitlob, għalhekk, lill-BĊE biex jottimizza l-potenzjal tiegħu biex ittejjeb l-ekonomija reali billi jiġi pprovdut kreditu sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir u jindirizzaw il-qgħad fl-UE;

25.  Jilqa' l-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi fl-SMEs permezz tal-ftuħ ta' alternattivi għal self mill-banek għall-SMEs, u biex jitjieb il-qafas regolatorju u fiskali sabiex jissaħħaħ l-investiment fit-tul fl-SMEs; jitlob li dawn il-miżuri jiġu implimentati mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex tappoġġja proġetti fuq skala iżgħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw kooperattivi finanzjarji għall-finanzjament tal-SMEs (unjins ta' kreditu) bħala strumenti alternattivi ta' finanzjament, u sabiex ikun permess aċċess aħjar għall-SMEs għall-akkwist pubbliku u l-finanzjament fil-livell nazzjonali u tal-UE;

26.  Jenfasizza l-importanza tal-korpi intermedjarji marbuta mal-SMEs, bħall-kmamar tal-kummerċ bħala muturi b'impatt ta' multiplikatur fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE relatati mal-SMEs, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropew tniedi djalogu ta' sħubija ma' dawn il-korpi dwar kif il-politiki tal-UE b'rabta mal-SMEs jistgħu jiġu implimentati aħjar sabiex jiġi stimulat il-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità;

Użu aktar effiċjenti tal-fondi

27.  Jenfasizza li l-politiki dwar it-tkabbir u l-impjiegi għandhom impatti territorjali differenzjati, skont is-sitwazzjoni speċifika ta' kull reġjun tal-UE, u li d-disparitajiet reġjonali ilhom jitwessgħu mill-bidu tal-kriżi; jenfasizza li r-RSPs għandhom iqisu d-divrenzjar territorjali fi ħdan l-Istati Membri sabiex jiġu stimolati t-tkabbir u l-impjiegi filwaqt li tiġi ppreservata l-koeżjoni territorjali;

28.  Iqis li l-miżuri tal-politika ta' koeżjoni għandhom rwol essenzjali biex jitnaqqsu d-disparitajiet kompetittivi interni u l-iżbilanċi strutturali f'reġjuni li l-aktar għandhom bżonn ta' dan; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra soluzzjonijiet xierqa għal dawk l-Istati Membri li, għalkemm qed jiffaċċjaw qgħad għoli ħafna, huma obbligati jirritornaw fondi tal-UE minħabba problemi ta' kofinanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-finanzjament minn qabel sabiex tiffaċilita l-użu sħiħ tal-fondi minn dawn l-Istati Membri fil-perjodu 2014-2020, filwaqt li dejjem tiżgura li jinżamm il-prinċipju ta' responsabbiltà baġitarja;

29.  Jitlob li tittieħed azzjoni urġenti mill-Kummissjoni fil-ġlieda kontra d-dumping fiskali, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa u jitlob l-adozzjoni fil-livell tal-Kunsill ta' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji ambizzjuża;

30.  Jemmen bis-sħiħ li l-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) m'għandhomx jintużaw biex jissussidjaw approċċi nazzjonali, iżda għandhom jintużaw biex jipprovdu appoġġ addizzjonali b'mod li jikkumplimentaw u jsaħħu l-programmi nazzjonali skont kif jiddeċiedu l-Istati Membri;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-fondi tal-UE għall-2007-2013 u biex jallinjaw mill-qrib il-FSE u Fondi Strutturali Ewropej oħra mal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ strett tad-delimitazzjoni ta' 20 % tal-FSE għall-faqar; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi fis-SAT li jmiss u fis-CSRs kapitolu relatat mal-implimentazzjoni tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD);

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa riformi strutturali fis-swieq tal-enerġija sabiex tinkiseb Unjoni tal-Enerġija reżiljenti, inqas dipendenti fuq sorsi esterni, u li tiddiversifika s-sorsi tal-provvista (pereżempju, gass Alġerin);

Riformi biex jiżdiedu l-potenzjal tat-tkabbir, il-kapital uman u l-produttività

33.  Jinnota li l-pjanijiet ta' investiment deċiżiv għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità aħjar, kif ukoll il-miżuri meħuda mill-BĊE, jistgħu jkunu ta' suċċess biss jekk huma jseħħu flimkien ma' riformi nazzjonali li jtejbu l-parteċipazzjoni f'xogħol ta' kwalità, jagħtu spinta lill-attività u l-produttività, jiżviluppaw il-kapital uman fil-gruppi tal-etajiet kollha, inklużi l-gruppi l-aktar vulnerabbli, u jappoġġjaw sistemi soċjali u ta' protezzjoni soċjali b'saħħithom; jindika li d-deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill għat-titjib tal-kooperazzjoni fin-netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) hija element ewlieni fl-isforz għat-titjib tas-swieq tax-xogħol; jemmen li r-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol għandhom jintroduċu miżuri ta' flessibbiltà interna bil-għan li jiġu preservati l-impjiegi fi żminijiet ta' tfixkil ekonomiku, jiżguraw il-kwalità tal-impjiegi u s-sigurtà fit-transizzjonijiet fl-impjiegi, u jipprovdu skemi ta' benefiċċji għall-qgħad li huma bbażati fuq rekwiżiti ta' attivazzjoni realistiċi, jiżguraw appoġġ adegwat lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jkunu konnessi ma' politiki ta' riintegrazzjoni;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw modi innovattivi biex jinkoraġġixxu l-investiment fl-UE; jenfasizza x-xejra reċenti tal-kumpaniji li jirritornaw il-produzzjoni u s-servizzi lura fl-UE u l-opportunitajiet li dan iġib għall-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jemmen li l-ekonomiji tal-UE għandhom opportunità unika biex jaċċeleraw din ix-xejra tar-ritorn tal-impjiegi fl-Ewropa;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddisinjaw politiki mfassla apposta biex jappoġġjaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għal persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil, għal persuni qiegħda li huma akbar fl-età, għan-nisa u gruppi prijoritarji oħra li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi, bħall-immigranti, il-komunità tar-Rom u l-persuni b'diżabilità, inklużi miżuri li jippromwovu politiki kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, it-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja, u biex jiġi miġġieled il-livell baxx ta' edukazzjoni li jaffettwa xi wħud minn dawn il-gruppi, li ħafna minnhom qegħdin f'riskju ta' esklużjoni soċjali; jitlob biex fis-CSRs jiġi indirizzat b'mod sistematiku t-tnaqqis fid-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni titlob li kull Stat Membru jistabbilixxi pjan nazzjonali dwar l-impjiegi għall-ħolqien tal-impjiegi b'mod konformi ma' dak li kienu ftehmu fil-Kunsill tar-Rebbiegħa tal-2012;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi inizjattiva ġdida sabiex tippromwovi l-opportunitajiet ta' impjieg għar-Rom fl-Istati Membri, b'miżuri li jippromwovu l-ħiliet u l-kwalifiki u li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi, pereżempju permezz ta' impjiegi indipendenti u intraprenditorija u billi jintużaw strumenti finanzjarji innovattivi;

37.  Jistieden lill-Istati Membri li tkun ta' prijorità għalihom li jnaqqsu d-disparità bejn is-sessi fl-impjieg, b'mod partikolari billi jindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u billi jimplimentaw miżuri sabiex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik familjari fost oħrajn billi jżidu d-disponibbiltà ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal;

38.  Jiddispjaċih li s-Semestru Ewropew ma ġiex allinjat tajjeb biżżejjed mal-Istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonformaw il-miżuri ekonomiċi implimentati tul is-Semestru Ewropew mal-miri soċjali u ta' impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020 u mal-prinċipji soċjali stabbiliti fit-Trattati; jitlob li jkun hemm aktar sforzi determinati fil-gwida u l-koordinazzjoni tal-politiki tal-UE biex jiġi stimulat tkabbir sostenibbli u inklużiv u biex jinħolqu impjiegi aħjar u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta r-reviżjoni ta' nofs it-term ta' Ewropa 2020 mingħajr dewmien filwaqt li tqis il-ħtieġa urġenti li jsir aktar progress fit-tnaqqis tal-faqar u miri soċjali oħra, u l-ħtieġa għal titjib fl-involviment validu tal-partijiet interessati;

L-edukazzjoni u l-politiki attivi tax-xogħol biex jiżdied il-kapital uman

39.  Jemmen li kompetizzjoni internazzjonali li qed tikber li ġejja minn forzi tax-xogħol b'kompetenzi dejjem akbar wasslet biex l-UE jkollha nuqqasijiet serji ta' kompetenzi u nuqqas ta' tlaqqigħ ta' kompetenzi li qed idewmu t-tkabbir ekonomiku. jemmen li jekk l-Istati Membri għandu jkollhom ċans realistiku li jilħqu l-miri ta' impjieg tal-Ewropa 2020, dawn għandhom jiffokaw biex joħolqu ambjent tajjeb għall-ħolqien ta' impjiegi;

40.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw pilastru tal-ġeneru fil-qafas ta' Ewropa 2020;

41.  Jindika li l-istrateġija biex terġa' tinkiseb il-kompetittività ma għandhiex tiffoka biss fuq l-ispejjeż tax-xogħol iżda wkoll fuq iż-żieda fil-produttività permezz ta' investimenti fil-kapital uman u riformi strutturali;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jreġġgħu lura l-investiment fil-kapital uman għal-livell ta' qabel il-kriżi, b'mod partikolari biex itaffu t-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u x-xogħol għaż-żgħażagħ, u biex jinvestu fit-taħriġ vokazzjonali u fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja;

43.  Jilqa' l-fatt li fis-SAT 2015, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jipproteġu jew jippromwovu l-investiment fit-tul fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni; jinnota, madankollu, li l-Istati Membri b'baġits li huma diġà limitati m'għandhomx mezzi suffiċjenti biex jilħqu dan l-objettiv;

44.  Jenfasizza l-importanza ta' politiki attivi tax-xogħol għal xi Stati Membri fil-kuntest attwali; jistieden lil dawk l-Istati Membri jżidu l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol;

Impjiegi u pagi ta' kwalità bħala muturi tal-produttività u t-tkabbir

45.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-qgħad għoli fost il-gruppi żvantaġġjati billi jagħtu prijorità lill-aċċess u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-mainstreaming tal-politiki ta' aċċess u integrazzjoni, minħabba li x-xogħol huwa s-sigriet għall-integrazzjoni effettiva;

46.  Ifakkar li pagi diċenti huma importanti, mhux biss għall-koeżjoni soċjali, iżda wkoll għaż-żamma ta' rkupru b'saħħtu u ta' ekonomija produttiva; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-impatt tal-Istati Membri li jintroduċu l-pagi minimi fil-kuntest fejn jitnaqqsu l-inugwaljanza fil-pagi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex torganizza konferenza dwar qafas Ewropew għall-pagi minimi;

47.  Jinsab imħasseb li r-riformi fis-suq tax-xogħol f'bosta Stati Membri ma rnexxielhomx ibaxxu l-livell ta' impjiegi prekarji; josserva li 50 % tal-impjiegi li nħolqu fl-2014 kienu impjiegi temporanji; jinnota li, skont il-Kummissjoni, il-faqar fost dawk li jaħdmu għadu jippersisti, u li għal 50 % ta' dawk kollha li qed ifittxu x-xogħol, il-fatt li jsibu impjieg mhuwiex biżżejjed biex joħorġu mill-faqar, u lanqas ma jżid il-produttività; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-kwalità tal-impjiegi u jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-riformi fis-suq tax-xogħol għandhom l-għan li – apparti l-promozzjoni aħjar u l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli – jnaqqsu s-segmentazzjoni, li tavvanza l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li tnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu u jiżguraw protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk li huma impjegati għal rashom;

48.  Jemmen li l-Istati Membri jistgħu joħolqu l-impjiegi biss jekk is-suq jippermetti dan, jekk ikunu jistgħu jserrħu fuq forza tax-xogħol ikkwalifikata, jekk is-swieq tax-xogħol ikunu flessibbli b'mod suffiċjenti, jekk l-ispejjeż tax-xoħol, inklużi l-pagi, ikunu f'konformità mal-produttività, jekk is-sistemi ta' protezzjoni soċjali jagħmlu x-xogħol aktar attraenti u jekk ir-regolamentazzjoni tkun proporzjonata u bbażata fuq l-evidenza;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw id-dumping soċjali fl-UE, li jikkawża ħsara sinifikanti lill-ħaddiema affettwati u lis-sistemi ta' protezzjoni soċjali tal-Istati Membri; jitlob, barra minn hekk, li s-sħab soċjali jiġu inklużi fil-livelli kollha f'dawn l-isforzi;

50.  Jilqa' l-inizjattiva dwar pjattaforma Ewropea dwar ix-xogħol mhux iddikjarat; itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-persuni b'kuntratti prekarji, jew li għandhom impjiegi indipendenti jkollhom sett bażiku ta' drittijiet u protezzjoni soċjali adegwata, speċjalment għal dak li jirrigwarda r-rikonċiljazzjoni bejn il-familja u x-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi dedikati biex tindirizza l-problemi addizzjonali kkawżati minn impjiegi part-time u temporanji mhux volontarji u minn impjiegi indipendenti fittizji;

51.  Jiddispjaċih għall-fatt li m'hemm kważi ebda referenza għall-kwalità jew is-sostenibbiltà ta' impjiegi li qed jinħolqu, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-impjieg tan-nisa, li huma rrappreżentati żżejjed fil-ħidma part-time minħabba diffikultajiet ta' rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata;

52.  Iqis li l-kisba tal-objettivi ta' riindustrijalizzazzjoni hija fundamentali għall-kompetittività tal-UE u jemmen li t-tnedija mill-ġdid ta' politika industrijali Ewropea ġenwina tista' tippromwovi t-tkabbir u toħloq impjiegi ġodda ta' kwalità għolja;

53.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li meta ssir referenza għar-rati tal-qgħad, ma tingħatax il-kunisderazzjoni dovuta lil fatturi oħra, bħalma huma r-rati li dejjem qed jiżdiedu ta' nies mhux attivi, il-mobilità u l-migrazzjoni;

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-mobilità tax-xogħol

54.  Jilqa' t-tnaqqis fir-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, imma jinnota li xorta għadhom f'livelli allarmanti u mhux neċessarjament ibbażati fuq il-ħolqien nett ta' impjiegi; jenfasizza li n-nuqqas ta' sigurtà fl-impjiegi u s-sottoimpjieg żdiedu wkoll, u li 43 % taż-żgħażagħ isibu ruħhom jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji, b'kuntratti part-time mhux volontarji jew dikjarati b'mod falz bħala ħaddiema għal rashom;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas Ewropew li jintroduċi standards minimi għall-implimentazzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ u għal miżuri konkreti biex titqajjem kuxjenza pubblika; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-baġit disponibbli b'mod effiċjenti u jimplimentaw il-Garanziji għaż-Żgħażagħ mingħajr dewmien u jiżguraw li jilħqu wkoll liż-żgħażagħ li ġejjin minn sfond soċjali żvantaġġat; jitlob għal baġit adegwat fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO; jinnota li l-ILO stmat li huma meħtieġa EUR 21 biljun biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

56.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tmur lil hinn mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2014 dwar qafas ta' kwalità għall-apprendistati u biex tipproponi Qafas tal-Kwalità ġdid bil-għan li jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-isfruttament ta' ħaddiema żgħażagħ;

57.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu s-swieq tax-xogħol aktar inklużivi għal dawk li jkollhom dmirijiet tal-familja bħat-trobbija tat-tfal u li jieħdu ħsieb membri tal-familja li jkollhom bżonn il-kura; jitlob, għalhekk, għal miżuri li jiffavorixxu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik familjari bħala parti mir-riformi tas-suq tax-xogħol promossi permezz tas-Semestru Ewropew;

58.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jinvestu f'opportunitajiet għal tagħlim tul il-ħajja, taħriġ vokazzjonali u għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol; jitlob għal sistemi nazzjonali ta' tagħlim tul il-ħajja li għandhom jiġu vvalutati bħala parti mill-istrateġiji tas-Semestru Ewropew għar-riforma tas-suq tax-xogħol;

59.  Jenfasizza li, skont il-Kummissjoni, minkejja r-rati għolja tal-qgħad, hemm 2 miljun post vakanti ta' xogħol fl-UE, u li fl-2013 huma biss 3,3 % tal-popolazzjoni attiva li jaħdmu fi Stat Membru ieħor, u dan jindika livell ta' mobilità li baqa' baxx meta mqabbel mal-Istati Uniti u l-Ġappun; ifakkar li d-diverġenzi f'punti tar-rati ta' mobilità tax-xogħol – li fil-każ ta' Stati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi jistgħu jvarjaw sa massimu ta' għaxar punti perċentwali – jistgħu jiġu affettwati b'mod pożittiv jekk tintuża l-għodda tal-pjattaforma EURES; jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-prinċipju tal-moviment liberu;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi biex jiffaċilitaw u jistimulaw it-tiftix għal impjieg barra l-pajjiż;

61.  Minħabba n-numru ta' ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li issa qed jitilqu l-pajjiż ta' oriġini tagħhom għal Stati Membri oħra biex ifittxu opportunitajiet ta' impjieg, hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati miżuri adegwati li jiggarantixxu li l-ebda ħaddiem ma jibqa' mhux kopert mill-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu aktar il-mobilità tax-xogħol tal-UE permezz ta' strumenti bħal EURES filwaqt li jinżamm il-prinċipju ta' trattament ugwali u jiġu mħarsa l-pagi u l-istandards soċjali; jistieden lil kull Stat Membru jistabbilixxi l-politiki soċjali u tal-impjieg li jiżguraw drittijiet ugwali u paga ugwali fl-istess post tax-xogħol bi qbil mal-prinċipji li jsostnu l-moviment liberu tal-ħaddiema, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-ġeneru;

62.  Ifakkar fl-objettivi tal-UE fil-kwistjoni tas-sessi, b'mod partikolari li tintlaħaq rata ta' impjieg ta' 75 % għan-nisa u l-irġiel sal-2020 u jitnaqqis b'20 miljun l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar;

63.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar il-liv tal-ġenituri li tikkontribwixxi biex tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali għan-nisa u l-irġiel, mhux l-inqas fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni tal-UE qed tixjiħ b'rata mgħaġġla, u dan iqiegħed f'riskju l-kapaċità futura tal-Istati Membri li jżommu s-servizzi soċjali meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw aktar politiki li jikkontribwixxu għal tkabbir demografiku tal-UE billi jistimulaw jew ir-rati ta' twelid jew tal-immigrazzjoni;

64.  Jiddispjaċih li l-miżuri ta' awsterità imposti mill-UE immirati biex terġa' tiġi lura l-fiduċja tal-investituri, wasslu għal deterjorament tal-kundizzjonijiet ta' impjieg u soċjali li rriżulta f'livelli ogħla ta' qgħad, faqar u inugwaljanza;

65.  Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni bejn in-negozji u s-settur edukattiv fil-livelli kollha;

Sejħa deċiżiva għad-dimensjoni soċjali u l-konverġenza fl-UE

66.  Itenni t-twissija tiegħu dwar l-isfidi soċjoekonomiċi li qed tiffaċċja l-Unjoni, speċjalment xi Stati Membri kif ukoll ir-riskji għas-sostenibilità tagħha u l-potenzjal tagħha ta' tkabbir stabbli kkawżati minn treġġigħ lura fil-konverġenza reġjonali; ifakkar li aktar minn 122 miljun ċittadin tal-UE huma f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar fost it-tfal; jirrimarka li attwalment hu stmat li 19 % tat-tfal fl-UE jinsabu f'riskju ta' faqar, u jinsisti li dawn il-livelli huma inaċċettabbli u jeħtieġ li jitnaqqsu immedjatament; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa d-dimensjoni soċjali fl-UE; jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-pilastru soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, bħala parti mill-proċess ta' integrazzjoni tad-dimensjoni soċjali fl-istrutturi attwali tal-mekkaniżmi tal-governanza ekonomika, u jitlob biex titkompla din it-triq bl-għan li nersqu dejjem iżjed lejn it-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020;

67.  Jiddispjaċih li m'hemmx indikaturi dwar, jew definizzjonijiet ċari ta', faqar assolut, li hi kwistjoni ta' tħassib għal ħafna Stati Membri;

68.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 9 tat-TFUE, il-politiki tal-impjieg u dawk soċjali li jippromwovu l-Acquis Soċjali Ewropew għandhom jirregolaw il-politiki Ewropej kollha; jitlob lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha li torbot is-Semestru Ewropew mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

69.  Jinnota li l-ħarsien soċjali u l-politika soċjali – partikolarment il-benefiċċji tal-qgħad, l-appoġġ għall-introjtu minimu u t-tassazzjoni progressiva – inizjalment għenu biex inaqqsu l-profondità tar-riċessjoni u stabbilizzaw is-swieq tax-xogħol u l-konsum; jenfasizza, madankollu, li l-istabbilizzaturi soċjali ntużaw b'mod wiesa' bħala fatturi ta' aġġustament minn dawk il-membri tal-UEM li ġarrbu xokkijiet ekonomiċi negattivi; jenfasizza li l-protezzjoni soċjali u l-politika soċjali huma l-kompetenza tal-Istati Membri;

Stabbilizzaturi soċjali

70.  Josserva li, fir-rapport annwali tal-2013 tagħha dwar is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjieg tal-UE, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-ispiża tal-protezzjoni soċjali bħala salvagwardja kontra r-riskji soċjali; ifakkar fl-importanza ta' stabbilizzaturi awtomatiċi fl-indirizzar tax-xokkijiet asimettriċi, fl-evitar ta' tnaqqis eċċessiv tal-istati soċjali nazzjonali u b'hekk fit-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-UEM kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fis-CSR tagħha l-importanza li jiġu preservati stabilizzaturi awtomatiċi b'saħħithom fl-Istati Membri minħabba r-rwol straordinarju tagħhom biex tinżamm il-koeżjoni soċjali kif ukoll biex tiġi stimulata d-domanda interna u t-tkabbir ekonomiku; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex toħroġ Green Paper dwar l-istabbilizzaturi awtomatiċi fiż-żona tal-euro;

71.  Jinnota l-għan tal-Kummissjoni ‘biex il-liġi tal-UE ssir eħfef, aktar faċli u irħas għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-intrapriżi'; jenfasizza li din it-tneħħija ta' ostakli regolatorji m'għandha timmina la l-acquis soċjali Ewropew f'oqsma bħas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u lanqas il-Karta Soċjali Ewropea, u għandha tirrispetta l-awtonomija tas-sħab soċjali kif previst fit-Trattat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel sforzi kredibbli biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema tqal u l-ħaddiema li welldu reċentement;

Indikaturi soċjali

72.  Jilqa' l-fatt li r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness mas-SAT jinkludi tabella ta' valutazzjoni għall-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja jekk dawn l-indikaturi humiex biżżejjed sabiex tagħmel analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fl-Istati Membri; jenfasizza l-importanza tal-fehim tad-dinamika u l-konsegwenzi tal-iżviluppi tal-introjtu tal-familja u l-inugwaljanzi fl-introjtu li qed jikbru; jiddispjaċih li ħafna mid-data ppreżentata fl-edizzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni ta' din is-sena hija skaduta; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar minn din it-tabella ta' valutazzjoni fil-formulazzjoni tal-politika; jitlob deskrizzjoni dettaljata tal-għażliet tal-Istati Membri fl-oqsma politiċi differenti u r-riżultati korrispondenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa u ttejjeb l-ambitu u l-effikaċja tagħha biex tiżgura li dawn jiġu kkunsidrati bis-sħiħ meta jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

73.  Jenfasizza li kunsiderazzjonijiet ta' impjiegi u soċjali għandhom jitqiegħdu fl-istess livell bħal dawk makroekonomiċi fil-proċedura tas-Semestru Ewropew;

74.  Jitlob għall-identifikazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u makrosoċjali ewlenin fl-ekonomiji tal-UE u ż-żona tal-euro u li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jitħejjew fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fuq dik il-bażi, inklużi passi lejn il-konverġenza tal-istandards tax-xogħol u dawk soċjali;

Il-faqar u l-esklużjoni soċjali

75.  Jiddispjaċih li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ma fihom ebda miżura jew qafas ta' politika biex jintlaħaq l-għan tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar it-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li dan l-objettiv ikun rifless b'mod aħjar fis-Semestru Ewropew;

76.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu infurzati l-acquis soċjali, il-klawżola soċjali orizzontali u l-protokoll dwar is-servizzi ta' interess ġenerali;

77.  Jilqa' l-appell tal-President tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri tal-UE biex jintroduċu paga minima bl-għan li jitnaqqas il-faqar fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva li tippromwovi l-introduzzjoni ta' dħul minimu fl-Istati Membri; jenfasizza li huwa f'idejn kull Stat Membru li jiffissa livelli ta' dħul minimu u li dawn għandhom ikunu proporzjonati mas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika fil-pajjiż inkwistjoni;

78.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-approċċ tal-Kummissjoni mmirat biex jindirizza l-inugwaljanzi bejn is-sessi prinċipalment jittratta rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u tal-familja bħala kwistjoni tan-nisa; jinnota li l-miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, huma kruċjali għall-ħolqien tal-impjiegi u għandhom influwenza diretta fil-kwalità tal-impjiegi maħluqa; jinnota li aċċess għal servizzi affidabbli tal-indukrar tat-tfal u ta' kwalità għadu ostaklu ewlieni għar-rikonċiljazzjoni, għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lil dan l-indikatur meta tanalizza t-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-impjieg u dawk soċjali;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex b'mod immedjat tiffaċċja ż-żieda allarmanti fil-faqar fost it-tfal madwar l-UE permezz ta' miżuri olistiċi fuq terminu twil u bbażati fuq il-prattiki tajbin ta' ċerti Stati Membri, b'mod partikolari miżuri li jżidu l-appoġġ mill-Istat għal alimentazzjoni fl-iskejjel, u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fuq tliet pilastri "L-Investiment fit-Tfal" inkluża fil-Pakkett ta' Investimenti Soċjali;

80.  Jirrimarka li tfaċċaw forom ġodda ta' faqar minħabba l-kriżi tad-dejn – bħall-faqar fost dawk li jaħdmu b'diffikultajiet, bħal pereżempju l-ħlas ta' self ipotekarju, jew prezzijiet għolja għas-servizzi li joħolqu faqar enerġetiku – irriżultaw f'żieda fin-numru ta' żgumbramenti, esklużjonijiet mis-suq u persuni mingħajr dar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki integrati li jiffavorixxu akkomodazzjoni soċjali u għall-but ta' kulħadd, politiki ta' prevenzjoni effettivi mmirati biex inaqqsu n-numru ta' żgumbramenti, u politiki li jindirizzaw il-faqar enerġetiku abbażi ta' prattiki tajba użati f'xi Stati Membri, u sabiex iwaqqfu l-kriminalizzazzjoni ta' persuni mingħajr dar li dehret reċentement f'xi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi b'mod immedjat pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar kif intalab mill-Parlament f'diversi okkażjonijiet kif ukoll minn korpi oħra tal-UE, biex tgħin lill-Istati Membri jiffaċċjaw il-problema urġenti u li qed tikber b'mod rapidu tal-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar;

81.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa strateġija li tappoġġja lill-Istati Membri jindirizzaw il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar permezz ta' politiki integrati u ta' investiment soċjali xieraq;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex jindirizzaw il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar; jirrimarka li din il-manifestazzjoni estrema ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali tmur kontra d-drittijiet fundamentali u żdiedet f'maġġoranza kbira tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmi konkreti biex tissorvelja u tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex dawn jaffrontaw il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar, kif mitlub fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk huwiex possibbli li jiżdied l-FEAD matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali;

Pensjonijiet u saħħa sostenibbli

84.  Jitlob li jkun hemm servizzi pubbliċi affordabbli u ta' kwalità fil-qasam tal-kura tat-tfal u l-persuni dipendenti, li jippermettu partikolarment lin-nisa jirritornaw lejn l-impjieg u jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata;

85.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, sabiex tiġi żgurata kemm is-sostenibbiltà, is-sikurezza kif ukoll l-adegwatezza tal-pensjonijiet, ir-riformi tal-pensjonijiet jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki li: jiżviluppaw opportunitajiet ta' impjieg għal ħaddiema kbar fl-età u żgħażagħ sabiex jikkontribwixxu għal sistema ta' pensjonijiet sostenibbli; jillimitaw l-inċentivi għall-iskemi tal-irtirar kmieni u għal metodi oħra ta' ħruġ bikri; jipprovdu għall-kumpens għal żmien li fih persuni ħadu ħsieb tfal u membri tal-familja dipendenti; jiżviluppaw opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema kbar fl-età; jiggarantixxu l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja kemm għall-persuni impjegati kif ukoll dawk qiegħda ta' kull età; isaħħu t-tixjiħ b'saħħtu fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li jqisu r-riskji fiżiċi u psikosoċjali għas-saħħa u s-sikurezza; jintroduċu politiki ta' benefiċċji tat-taxxa li joffru inċentivi biex persuni jibqgħu jaħdmu aktar; u jappoġġjaw it-tixjiħ attiv b'saħħtu; jenfasizza li biex jirnexxu r-riformi fil-pensjonijiet dawn jirrikjedu koeżjoni politika u soċjali nazzjonali u għandhom jiġu nnegozjati mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti ta' ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa u akbar fl-età bħala l-gruppi tal-popolazzjoni affettwati b'mod dirett; jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw sew il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-Green u l-White Papers dwar il-pensjonijiet;

86.  Jieħu nota tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex issir riforma fis-sistemi tas-saħħa sabiex dawn jissodisfaw l-objettivi tagħhom li jipprovdu aċċess universali għall-kura ta' kwalità għolja – inkluż l-aċċess affordabbli għal mediċini, speċjalment dawk li jsalvaw il-ħajja – u li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-persunal tas-settur tas-saħħa; josserva li, bħala konsegwenza tal-kriżi, xi Stati Membri ma rnexxilhomx jiżguraw kopertura sħiħa tas-saħħa pubblika; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet konkreti biex tikkoreġi din is-sitwazzjoni; jitlob għal sforzi ulterjuri ta' riforma biex jiġi żgurat li l-aċċessibbiltà finanzjarja għall-infrastruttura tas-saħħa ta' kwalità ma titpoġġiex f'riskju;

87.  Jinnota r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li s-setturi tas-saħħa u tal-kura soċjali għandhom potenzjal sinifikanti għat-tkabbir u jirrappreżentaw oqsma kruċjali għall-investiment immirat lejn ekonomiji sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress fl-iżvilupp ta' inizjattivi, bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, għall-investiment fis-setturi tas-saħħa u l-kura soċjali fir-rigward tal-impjieg ta' kwalità;

88.  Jappella għal miżuri ta' prevenzjoni effettiva tas-saħħa bħal "It-tixjiħ b'saħħtu tul il-ħajja" biex jissaħħu u jiġu żviluppati bil-għan li tiżdied il-kwalità tal-ħajja filwaqt li, fl-istess ħin, jitnaqqsu l-ispejjeż għas-sistemi tas-saħħa nazzjonali għal trattamenti mediċi u farmaċewtiċi meħtieġa tard matul ħajjithom;

Sistemi ta' tassazzjoni fuq ix-xogħol aktar ġusti

89.  Jenfasizza li l-porzjon tat-taxxa għandu impatt akbar għal dawk b'paga baxxa u dawk li għandhom it-tieni sors ta' introjtu, u li din tibqa' problema; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota tar-rapport tal-FMI ta' Ottubru 2013 dwar it-taxxa, li jirrimarka li hemm skop għal forom aħjar u aktar progressivi ta' tassazzjoni;

90.  Jinnota l-importanza tat-tnaqqis tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol, speċjalment ta' ħaddiema b'pagi baxxi u b'ħiliet baxxi, ta' dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u ta' gruppi vulnerabbli oħra, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jitrasferixxu t-taxxi minn fuq il-ħaddiema għal taxxi fuq il-konsum, il-kapital u l-ambjent, filwaqt li jqisu b'mod xieraq l-effetti ridistributtivi potenzjali;

It-tisħiħ tal-leġittimità demokratika msaħħa tas-Semestru Ewropew

91.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rwol limitat li huwa, il-parlamenti nazzjonali, kif ukoll is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandu jkollhom fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta' prijoritajiet ekonomiċi u soċjali fis-Semestru Ewropew; itenni t-talba tiegħu għal involviment akbar u strutturat tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità tal-proċess tas-Semestru Ewropew bl-iżvilupp ta' linji gwida konkreti;

92.  Jitlob għall-involviment tal-parlamenti subnazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, inkluż permezz ta' arranġamenti ta' governanza fuq ħafna livelli;

93.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi aktar mill-qrib lis-sħab soċjali fit-tħejjija tas-SAT u, b'mod aktar ġenerali, tifformalizza r-rwol ta' sħab soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

94.  Itenni s-sejħa tiegħu għal Ftehim Interistituzzjonali sabiex ikun involut il-Parlament fl-abbozzar u l-approvazzjoni tas-SAT u l-Linji Gwida dwar il-Politika Ekonomika u l-Impjiegi;

o
o   o

95.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi Adottati, P7_TA(2014)0129.
(2) Testi Adottati, P8_TA(2014)0038.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0060.
(4) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.
(5) Testi Adottati, P7_TA(2014)0240.
(6) Testi Adottati, P7_TA(2013)0246.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0394.
(8) Testi adottati P8_TA(2014)0010.
(9) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 101.
(10) Testi adottati, P7_TA(2014)0043.
(11) 'Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjieg mill-Kummissjoni u l-Kunsill li jakkompanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2015' (COM(2014)0906), paġna 44. Ara wkoll OECD Employment Outlook 2014, http://www.keepeek.com/Digital-Asset-Management/oecd/employment/oecd-employment-outlook-2014_empl_outlook-2014-en#page1.


Il-governanza tas-Suq Uniku fis-Semestru Ewropew 2015
PDF 453kWORD 141k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015 (2014/2212(INI))
P8_TA(2015)0069A8-0018/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2014 bit-titolu “Stħarriġ Annwali ta' Tkabbir 2015” (COM(2014)0902),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bit-titolu ‘Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014’ (COM(2013)0800) u r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bit-titolu ‘Suq Uniku għat-tkabbir u l-impjiegi: Analiżi tal-progress li sar u tal-ostakli li għad fadal fl-Istati Membri – Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014’ (COM(2013)0785),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 bit-titolu ‘L-Istat ta' Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013’ (COM(2012)0752),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Gunju 2012 bit-titolu ‘Governanza Aqwa tas-Suq Uniku’ (COM(2012)0259),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: ‘Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2014 bit-titolu "Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2014)0130),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu ‘Is-Semestru Ewropew 2014: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi – Nibnu t-tkabbir’ (COM(2014)0400),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu ‘Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid’ (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 intitolata “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – 'Flimkien għal tkabbir ġdid'” (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta’ Mejju 2010 ta’ Mario Monti lill-President tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu “Strateġija ġdida għas-suq uniku. Għas-servizz tal-Ekonomija u s-Soċjetà Ewropea’,

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2014 bit-titolu ‘The Cost of Non-Europe in the Single Market’ (Il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku) li ġie kkommissjonat mill-Kumitat IMCO,

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2014 bit-titolu ‘Indicators for Measuring the Performance of the Single Market– Building the Single Market Pillar of the European Semester’ (L-indikaturi biex jitkejjel ir-rendiment tas-Suq Uniku – Nibnu l-Pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew)’ li ġie kkommissjonat mill-Kumitat IMCO,

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2014 bit-titolu ‘Contribution of the Internal Market and Consumer Protection to Growth’ (Il-Kontribut tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur għat-Tkabbir) li ġie kkommissjonat mill-Kumitat IMCO,

–  wara li kkunsidra l-edizzjoni ta' Lulju 2014 tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku onlajn,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 u s-26 ta' Settembru 2014 dwar l-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku(1), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-8 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew(2), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-28 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2014(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0018/2015),

A.  billi fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020, is-Suq Uniku u s-Suq Uniku diġitali (DSM) għandhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ għodod ewlenin sabiex jitkebbes mill-ġdid it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi ta’ kwalità fl-UE, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li jkun hemm komplementarjetà mal-muturi aktar tradizzjonali tat-tkabbir, pereżempju billi tagħti spinta lill-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, fit-taħriġ u fl-edukazzjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari lill-ħtiġijiet tal-SMEs;

B.  billi l-istrateġija tas-Suq Uniku teħtieġ approċċ olistiku li jqis it-tħassib taċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs u li jipproġetta l-prijoritajiet tas-Suq Uniku fl-oqsma politiċi kollha, sabiex tiżgura l-ikkompletar ta' Suq Uniku vijabbli li jservi ta' katalist għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir sostenibbli;

C.  billi hemm bżonn li tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku fis-Semestru Ewropew bħala prijorità orizzontali fil-politiki differenti tal-Unjoni, li tippreserva l-bilanċ meħtieġ bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, u biex titjieb il-kwalità tat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli li jirregolaw is-Suq Uniku sabiex dawn jiffunzjonaw kemm f’termini prattiċi kif ukoll ekonomiċi, u jitnaqqas ukoll b’mod sinifikanti t-tul tal-proċeduri ta’ ksur;

D.  billi l-Governanza tas-Suq Uniku fis-Semestru Ewropew u s-CSRs korrispondenti għal Ewropa aktar kompetittiva varaw proċess pożittiv ħafna, li jiġġenera impjiegi ta’ kwalità flimkien ma' tkabbir ekwu li aktar jattira l-investituri;

E.  billi, aktar minn 20 sena wara l-ħolqien uffiċjali tiegħu, is-Suq Uniku għadu ma tlestiex għalkollox, prinċipalment minħabba li l-Istati Membri għadhom ma ttrasponewx jew għadhom ma implimentawx bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

F.  billi l-istrateġija tas-Suq Uniku tal-UE teħtieġ tiġi affrontata b'koerenza u determinazzjoni, u li tiġi kkoordinata u bbażata fuq approċċ olistiku u ftehim pragmatiku, komprensiv u mifrux appoġġjat mill-Istati Membri kollha u l-istituzzjonijiet tal-UE; billi għad hemm bżonn ta' tmexxija b’saħħitha, impenn u koordinazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE kollha, speċjalment mill-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, kif ukoll responsabbiltà politika ċara, kooperazzjoni u solidarjetà min-naħa tal-Istati Membri sabiex jiġu implimentati u infurzati bis-sħiħ id-direttivi u r-regolamenti relatati mas-Suq Uniku, u biex tiżdied il-kredibbiltà tas-Suq Uniku u l-fiduċja fih u fil-ġestjoni tiegħu;

G.  billi għalkemm jeżistu diversi strumenti, l-aktar fil-forma ta' indikaturi speċifiċi, biex titkejjel il-prestazzjoni ekonomika tas-Suq Uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew, s'issa dawn għad ma kellhomx impatt ċar fuq il-politika;

H.  billi għandu jsir sforz massimu biex mhux biss jiġu żgurati ċ-ċarezza, is-simpliċità, l-operabilità u l-infurzabilità tal-leġiżlazzjoni iżda wkoll biex jiġi stabbilit qafas prevedibbli u stabbli għall-valutazzjoni ta' kif il-leġiżlazzjoni fiż-żona tas-Suq Uniku taħdem fil-prattika;

I.  billi, jeħtieġ li jkun hemm Suq Uniku effettiv u li jiffunzjona tajjeb, ibbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u ferm innovattiva u kompetittiva, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli u lill-kompetittività, biex jiġi attirat l-investiment, biex tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u biex jinħolqu l-impjiegi sabiex l-ekonomija tal-Ewropea terġa' tieħu r-ruħ; billi Suq Uniku aktar fil-fond u aktar ġust b'bażi industrijali msaħħa huwa fost l-ogħla prijoritajiet tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015; billi l-Istati Membri u l-UE għandhom ifasslu flimkien politika industrijali Ewropea, li tibni fuq il-ħidma li diġà twettqet f'dan il-qasam fis-snin riċenti u li tiffoka fuq setturi strateġiċi, ukoll bil-ħsieb li jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-programm ta' ħidma; billi s-Suq Uniku huwa meħtieġ ukoll sabiex jippermetti li l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tan-negozju jitqiesu b'mod adegwat u jiżgura li l-politiki proposti jistgħu jipprovdu valur miżjud għaċ-ċittadini Ewropej u atturi oħra;

J.  billi jeħtieġ li jkun hemm fokus aktar qawwi fuq is-Suq Uniku fil-kuntest tas-Semestru Ewropew sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tiegħu għat-tkabbir u l-impjiegi, biex it-tisħiħ tas-Suq Uniku jitqiegħed fil-qalba tal-Istrateġija Industrijali Ewropea, biex l-effetti pożittivi tiegħu jiġu kkomunikati aħjar u biex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minnu;

K.  billi l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jikkompletaw is-suq intern tal-enerġija sal-2014 u li jintegraw "il-gżejjer tal-enerġija" fis-suq intern tal-enerġija sal-2015;

L.  billi suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ huwa indispensabbli għall-objettivi ġenerali tal-Unjoni tas-sigurtà u s-sostenibilità tal-enerġija, u huwa ta' valur kruċjali għall-kompetittività globali tagħha, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda, kif rikonoxxut fl-Att dwar is-Suq Uniku II u l-istrateġija Ewropa 2020;

I.  Il-bini tal-pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew

1.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-governanza tas-Suq Uniku billi tiżviluppa sett ta' strumenti analitiċi biex tkejjel b'mod aħjar il-prestazzjoni ekonomika u regolatorja tas-Suq Uniku fi ħdan il-qafas tal-pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew; jemmen li tali strument analitiku jista' jipprovdi input utli għas-CSRs, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), il-gwida tal-Kunsill Ewropew lill-Istati Membri, u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali bil-għan li jiġu implimentati linji gwida tas-Suq Uniku;

2.  Jenfasizza l-importanza u l-valur miżjud tar-rapporti ta’ integrazzjoni tas-Suq Uniku tas-snin preċedenti, minħabba l-kontribut tagħhom għall-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni u l-identifikazzjoni tas-CSRs fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; għaldaqstant isibha ferm deplorevoli li r-rapport tal-Integrazzjoni tas-Suq Uniku tħalla barra għall-2015;

3.  Barra minn hekk, jiddispjaċih dwar l-ommissjoni tar-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku peress li qed isseħħ fi żmien meta l-Parlament u l-Kummissjoni kienu qed jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw indikaturi speċifiċi biex jivvalutaw l-integrazzjoni tas-suq intern u l-benefiċċji potenzjali kollha ta’ integrazzjoni mmirata ulterjuri fl-oqsma prinċipli tat-tkabbir; jitlob, għalhekk, li jitqawwew l-isforzi intiżi biex jiżguraw li r-regoli li diġà qegħdin fis-seħħ jiġu implimentati u infurzati aħjar;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika r-ristrutturar tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015, u tispjega għaliex naqset milli tippubblika studju ta’ kontribuzzjoni dwar l-istat attwali ta’ integrazzjoni tas-Suq Uniku fir-rigward tal-oqsma prinċipali bl-akbar potenzjal ta’ tkabbir; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika tal-anqas id-data miġbura dwar is-Suq Uniku sabiex tikkumplementa l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ta’ din is-sena;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, kemm jista’ jkun malajr fl-2015, rapport dwar l-istat ta’ Integrazzjoni tas-Suq Uniku sabiex dan ir-rapport ikun jista’ jistabbilixxi r-rotta għall-pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew 2015; jenfasizza, madankollu, li fil-futur jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-ġdid iż-żmien tar-rapport; huwa tal-fehma li, għal impatt massimu, anke fir-rigward tas-CSRs, dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat flimkien mal-SAT;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta rapport obbligatorju kull sena bil-għan li jiġi mmonitorat il-funzjonament tas-Suq Uniku fi ħdan il-proċess tas-Semestru Ewropew, u li jippreżenta analiżi tal-istat tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku fl-oqsma prinċipali bl-akbar potenzjal ta’ tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-prijoritajiet tal-politika fil-kuntest tal-SAT, li jikkontribwixxu biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-tkabbir tas-Suq Uniku, u biex jitneħħew l-ostakoli li fadal għal integrazzjoni ulterjuri;

7.  Jinnota l-appoġġ fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 għal Suq Uniku integrat li joffri lill-konsumaturi l-istess possibbiltajiet bħal fis-swieq lokali tagħhom, u jenfasizza li d-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi onlajn m’għandhomx ikunu anqas minn dawk offruti fis-swieq tradizzjonali tagħhom stess;

8.  Jenfasizza r-rikonoxximent fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 li, sabiex il-kompetittività fl-Ewropa tiżdied, jeħtieġ li tiġi evitata regolazzjoni li timponi piżijiet żejda, b’mod partikulari għall-SMEs, jitjieb l-aċċess għall-finanzi u tiġi żgurata l-kwalità tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni;

9.  Jinnota l-benefiċċji potenzjali offruti bl-immodernizzar tal-amministrazzjoni kif muri fl-SAT u kif dan jista’ jgħin biex jitneħħew il-burokrazija u l-ostakli regolatorji, u b'hekk jgħin lin-negozji u liċ-ċittadini billi jqawwi l-kompetizzjoni, l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;

10.  Jitlob li jkun hemm tiġdid komprensiv tal-qafas għall-governanza tas-Suq Uniku u tisħiħ tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u applikazzjoni korretti, fil-mument opportun, u effettivi, tar-regoli tas-Suq Uniku; jenfasizza l-ħtieġa li s-Suq Uniku jintuża bħala t-tielet pilastru tas-Semestru Ewropew sabiex jiġu koperti għadd ta' prijoritajiet ċari relatati mal-ekonomija reali, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fi ħdan l-UE;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont sħiħ tal-oqsma ewlenin ta' tkabbir u tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għall-bini ta' Suq Uniku tal-UE adatti għas-seklu 21, li ġew identifikati preċedentement mill-Kummissjoni u komplew jiġu speċifikati fl-istudju ta' Settembru 2014 bit-titolu ‘The Cost of Non-Europe in the Single Market’ (Il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku) u inklużi s-servizzi, is-Suq Uniku Diġitali u, b'mod partikolari, il-kummerċ elettorniku, l-acquis tal-konsumaturi, l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, u l-moviment liberu ta' prodotti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tlesti s-Suq Uniku fit-trasport u l-enerġija;

12.  Jikkunsidra li jeħtieġ li tiġi definita sistema ta' kejl integrata, li tikkombina diversi metodoloġiji bħal indikaturi komposti, sett sistematiku ta' indikaturi u strumenti settorjali, sabiex titkejjel il-prestazzjoni tas-Suq Uniku bil-għan li tiddaħħal fis-Semestru Ewropew; jenfasizza li, sabiex jitkejjel u jiġi pprovdut inċentiv għall-approfondiment tas-Suq Uniku fl-oqsma prijoritarji ewlenin, għandhom jiġu kkunsidrati indikatur ewlieni u mira għal dan l-indikatur fir-rigward tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi metodoloġija għall-miri kwantitattivi għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fil-livell Ewropew; jinnota l-esperjenzi pożittivi f'ċerti Stati Membri li stabbilixxu miri ta' tnaqqis nett bl-għan li jnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità; jitlob li din il-metodoloġija tiġi kkunsidrata fl-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi;

14.  Jinnota li fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi fuq is-Suq Uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew, għandhom isiru aktar sforzi biex tiġi promossa l-provvista ta' dettalji adegwati dwar il-metodoloġija applikata u d-data użata, sabiex jiġu żgurati l-kredibbiltà u l-komparabbiltà tar-riżultati miksuba, jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet rilevanti ma' valutazzjonijiet ex-post u jintwerew nuqqasijiet fid-data meħtieġa biex jitwettqu l-valutazzjonijiet;

15.  Itenni t-talba tiegħu biex il-proċeduri jipprovdu l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew fiċ-ċiklu ta' governanza ekonomika, jippreżentaw l-adozzjoni, mill-Parlament u mill-Kunsill, ta' miżuri oħra neċessarji, b'mod partikolari, miżuri li jindirizzaw l-qosma fejn il-qafas regolatorju tal-Unjoni ġie stabbilit skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 TFUE;

16.  Jiddispjaċih li s-CSRs ma ġewx allinjati suffiċjentement mal-miri ta' Ewropa 2020; jitlob, għalhekk, għal sforzi aktar determinati biex imexxu u jikkoordinaw il-politiki nazzjonali u tal-UE u għall-kontinwazzjoni tal-miżuri speċifiċi li huma meħtieġa biex jissaħħaħ is-Suq Uniku u jiġi sfruttat il-potenzjal tiegħu bil-għan li tingħata spinta lit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ;

17.  Jemmen li hemm bżonn li s-sjieda tas-CSR mill-parlamenti nazzjonali tissaħħaħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tippreżenta s-CSRs fil-parlamenti nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill; jitlob, barra minn dan, lill-Istati Membri juru aktar impenn għall-implimentazzjoni tas-CSRs u jittrasponu l-objettivi tal-UE b'mod rigoruż fl-objettivi tagħhom stess fil-livell nazzjonali; jikkunsidra, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw annwalment u b'mod dettaljat dwar l-implimentazzjoni tas-CSRs dwar l-oqsma tas-Suq Uniku; itenni, barra minn hekk, it-talba tiegħu li l-Kummissjoni tirrapporta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar il-miżuri meħuda biex jiżguraw il-progress fl-implimentazzjoni tas-CSRs u l-progress li nkiseb s’issa; jistieden lill-Istati Membri jispjegaw ir-raġunijiet għall-varjazzjonijiet sinifikanti fir-rigward tas-CSRs lill-kumitat kompetenti tal-Parlament;

18.  Jappoġġja l-enfasi mqiegħda fuq l-importanza tat-tneħħija ta' restrizzjonijiet u ostakli mhux ġustifikati għal dħul fis-setturi ewlenin bħal pereżempju s-servizzi tal-konsumaturi, il-kummerċ elettroniku u s-servizzi kummerċjali fis-CSRs għall-2014; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jagħtu l-ogħla importanza lil dawn ir-rakkomandazzjonijiet u biex, bħala prijorità immedjata, ineħħu dawn l-ostakli għat-tkabbir tas-Suq Uniku;

19.  Jitlob li s-CSRs li jmiss fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2014 għandhom jirriflettu r-riżultati tar-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku b'mod aktar b'saħħtu u rigoruż minn qabel;

20.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni s’issa għadha ma kkunsidratx il-promozzjoni tas-Suq Uniku bħala prijorità fil-qafas tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex il-governanza tas-Suq Uniku, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ffukati fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività, tagħmilha parti essenzjali tal-fażijiet sussegwenti kollha tal-proċess tas-Semestru Ewropew; ifakkar lill-Kummissjoni li Suq Uniku ġenwin f’dawn l-oqsma jagħti spinta sinifikanti lit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE; jappella sabiex l-opportunità provduta b'dan il-qafas ġdid tinħataf u sabiex l-oqsma ewlenin għat-tkabbir u l-miżuri inklużi fl-Atti I u II dwar is-Suq Uniku jiġu żviluppati kemm jista’ jkun, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu t-tħassib u l-aspettattivi taċ-ċittadini;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ integrat mill-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet, is-sħab soċjali u l-partijiet interessati fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki sabiex l-ekonomija soċjali tas-suq titmexxa ’l quddiem; 

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-fondi tal-UE għall-perjodu 2007-2013; jinnota l-opportunità għall-Istati Membri u r-reġjuni biex ifasslu l-politiki u l-investimenti tagħhom fil-perjodu 2014-2020 lejn setturi fejn jiġu ġġenerati aktar tkabbir u impjiegi, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ, bħas-Suq Uniku Diġitali, l-enerġija, is-servizzi u l-ekonomija ħadra, filwaqt li jsir investiment ukoll fir-RŻI fuq bażi ġenwina u orjentata fuq il-kwalità b'tali mod li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għall-infrastruttura tan-netwerk;

II.  Il-potenzjal mhux sfruttrat tas-Suq Uniku fl-oqsma prinċipali ta' tkabbir

23.  Ifakkar li s-Suq Uniku hu mutur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi u għandu rwol indispensabbli biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jinnota, madankollu, li dan il-potenzjal għadu mhux qed jiġi sfruttat f'diversi aspetti;

24.  Ifakkar it-tliet prijoritajiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020:

     - l-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni;
     - il-promozzjoni ta' ekonomija aktar effiċjenti fl-użu ta' riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva;
     - il-promozzjoni ta’ ekonomija b’livell għoli ta’ impjiegi li twassal għal koeżjoni soċjali u territorjali;

25.  Jilqa’ l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni fl-SAT għall-2015 li jagħti spinta koordinata għall-investiment fl-UE sabiex tiżdied id-domanda domestika u titrawwem ekonomija aktar kompetittiva; jemmen bis-sħiħ li, bil-ħsieb li nkunu kemm jista’ jkun ambizzjużi, hemm bżonn li tingħata prijorità lill-investimenti li jinkoraġġixxu l-ekonomija diġitali u l-ħolqien ta’ suq intern aktar kompetittiv f’kooperazzjoni mal-Istati Membri;

26.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-livelli li qed jinżlu tal-investiment privat fl-Ewropa u n-nuqqas ta’ fiduċja tal-investituri privati, li qed iwasslu għal nuqqas ta’ rieda biex jinvestu, b’mod partikolari b'konsegwenza tan-nuqqas ta’ riformi strutturali, in-nuqqas ta’ strateġija tal-UE favur it-tkabbir, u l-ostakli persistenti fi ħdan is-Suq Uniku għat-tkabbir f’oqsma bħall-kummerċ elettroniku; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw attivament il-Pjan ta' Investiment, u jikkontribwixxu għall-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku, billi jissuplimentaw l-ammonti pprovduti permezz tal-baġit tal-UE u mill-BEI, bil-għan li jiggwidaw u jħeġġu l-investiment mis-settur privat;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-partijiet interessati rilevanti kollha biex jiffokaw fuq l-ekonomija reali meta jfasslu u jiżviluppaw l-politiki ta’ investiment li, min-naħa tagħhom, għandhom jattiraw l-investiment privat; barra minn hekk, jitlob ukoll li jkun hemm investiment fit-taħriġ kemm tal-individwi kif ukoll tal-kumpaniji għall-era diġitali, inklużi l-aħħar teknoloġiji fis-settur tal-enerġija, billi dan jipproduċi effett ta’ lieva, li jiżgura netwerk diġitali globali, appoġġ għall-edukazzjoni u R+I ta’ kwalità, li jwassal għal progress solidu fil ksib ta’ Suq Uniku fis-settur tat-trasport, biex b’hekk inkunu nistgħu nikkompetu fuq l-istess livell mas-setgħat dinjin ewlenin;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-qafas regolatorju għall-SMEs, minħabba l-kapaċità ta’ ħolqien ta’ impjiegi tagħhom; jitlob li jiġu massimizzati l-opportunitajiet ippreżentati mill-programm COSME mhux biss f'termini tat-trawwim tal-intraprenditorija fl-Ewropa, iżda wkoll tat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzi u għas-swieq kemm tal-UE kif ukoll dawk globali;

29.  Jenfasizza l-bżonn li ssir rabta bejn l-investiment u l-innovazzjoni u l-intraprenditorija, billi jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet offruti mill-ekonomija u s-soċjetà diġitali u tiġi żviluppata politika industrijali Ewropea intelliġenti; jinnota li dan l-investiment għandu jqis b'mod partikolari l-SMEs, li jiffaċċjaw l-akbar problemi biex jaċċessaw l-investiment, u għandu jinkludi miżuri prattiċi biex jappoġġja l-istart-ups u l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni bħala sors ta’ impjiegi għall-ġejjieni għaż-żgħażagħ;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitkebbes mill-ġdid l-ispirtu imprenditorjali fl-Ewropa permezz ta’ miżuri prattiċi, li jfisser li jkun żgurat aċċess faċli għall-kreditu għall-SMEs, partikolarment dawk marbuta ma’ setturi ewlenin; jappella wkoll sabiex jiġu promossi forom oħra ta’ finanzjament bħala alternattivi għall-finanzjament mill-banek;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar deċiżivi f’li jwittu l-ekonomiji tagħhom lejn l-innovazzjoni u t-tkabbir, peress li dan se jħejjina għall-kompiti u l-ħtiġijiet tal-futur fl-era diġitali; jinnota li dan ukoll se jagħmel in-negozji tagħna aktar innovattivi u aktar kapaċi jirreaġixxu fis-suq globali, b’mod partikolari bl-integrazzjoni sħiħa tal-ICT;

Is-Suq Uniku Diġitali

32.  Huwa tal-fehma li, kif identifikat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015, l-avvanz tas-Suq Uniku Diġitali huwa kruċjali biex jiġi stimulat it-tkabbir, jinħolqu impjiegi ta’ kwalità, sabiex l-ekonomija Ewropea tinżamm kompetittiva fil-livell dinji u biex jinġiebu benefiċċji kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tfassal Pjan ta' Azzjoni Ewropew ambizzjuż dwar il-Gvern Elettroniku għall-2016-2020 u b’hekk tkompli tappoġġja l-objettivi tal-Ewropa 2020;

33.  Jinnota l-importanza tal-investiment, inkluż fin-netwerks tal-broadband, fil-kisba tal-għanijiet u l-objettivi prijoritarji fil-qasam ewlieni tas-suq diġitali; jirrakkomanda li tiġi ddedikata parti sostanzjali tal-pjan ta’ investiment futur ta’ EUR 315 biljun għall-investimenti mmirati u strateġiċi fis-settur diġitali; jirrimarka wkoll li l-interkonnessjoni ta’ elementi bħal-livelli għoljin ta’ penetrazzjoni tan-netwerk u l-livelli għolja tal-ħiliet fl-ICT fil-popolazzjoni u n-negozji hija fattur ewlieni sabiex jinkiseb Suq Uniku Diġitali ġenwin; jappella lill-UE u lill-Istati Membri sabiex l-infrastruttura tan-netwerk diġitali u t-taħriġ diġitali għan-negozji u ċ-ċittadini tagħhom jagħmluhom prijorità għall-investiment;

34.  Jemmen li l-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' ċertezza tad-dritt huma tħassib ewlieni f'dan il-qasam u li jeħtieġ li jiġi indirizzat ukoll l-infurzar inkonsistenti tar-regoli eżistenti tal-UE fl-Istati Membri;

35.  Jinnota li l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali jista’ jiġġenera tkabbir addizzjonali tal-PDG ta’ 0,4 % (jew EUR 520 biljun bil-prezzijiet tal-2014) matul il-perjodu sal-2020, filwaqt li l-kisbiet fl-impjiegi jkunu ta’ madwar 0,1 %, li huwa ekwivalenti għall-ħolqien ta’ aktar minn 223 000 impjieg sal-2020, skont id-data inkluża fl-istudju “il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku”; jemmen li l-indirizzar tal-ostakoli għall-kummerċ elettroniku, l-investiment fl-infrastruttura tal-broadband u l-użu ta' teknoloġiji ġodda, bħall-4G u l-5G, huwa kruċjali għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali peress li jiddependu fuq konnessjonijiet rapidi u effettivi; iqis li l-adozzjoni tal-qafas ġenerali tal-UE għall-protezzjoni tad-data u tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni hija essenzjali għall-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali sal-2015; jitlob li jkun hemm investiment sabiex tiġi rimedjata l-inugwaljanza fl-aċċess għan-netwerks tal-broadband u tal-4G fl-UE;

36.  Jenfasizza l-korrelazzjoni bejn livelli għoljin ta’ bejgħ onlajn u ż-żidiet fil-PDG per capita, u għalhekk iħeġġeġ li jsir progress biex jinkisbu kummerċ elettroniku u cloud computing transkonfinali ġenwini; iqis essenzjali li tinġieb fi tmiemha l-frammentazzjoni f’28 suq diġitali, li jiġi ggarantit l-aċċess universali għan-netwerk, u li s-sigurtà tal-internet u l-fiduċja tal-konsumaturi jsiru l-pedamenti tas-Suq Uniku Diġitali, peress li ma jista’ jkun hemm l-ebda suq onlajn mingħajr il-fiduċja;

37.  Jenfasizza li skont ir-rapport “Il-Kost tan-Non-Ewropa” li jsir progress dwar il-gvern elettroniku jista’ jiġġenera ffrankar ta’ EUR 100 biljun fis-sena; jitlob li l-isforzi tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom ikunu kkonċentrati u jiġu intensifikati sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jwettqu aktar u aktar proċeduri b’mod elettroniku, filwaqt li jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom fis-Suq Uniku, partikolarment fil-livell transkonfinali;

38.  Jenfasizza li hemm bżonn ta’ regoli tas-Suq Uniku tal-UE li jkunu jistgħu jitħaddmu fl-era diġitali, u li dan jinvolvi l-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku għall-pagamenti onlajn, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet elettroniċi siguri madwar l-Ewropa kollha (eż. il-fatturar elettroniku u l-firma diġitali), ir-riforma tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-kjarifika tar-rekwiżiti tal-VAT fejn xieraq, sabiex tiġi ġġenerata fiduċja fil-kummerċ elettroniku, tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni li tiġi fornuta lill-konsumaturi Ewropej dwar id-drittijiet tagħhom, u jiżguraw li l-istess livell ta’ protezzjoni jkun disponibbli għall-konsumaturi onlajn bħal dak li huma mdorrijin bih fis-swieq tradizzjonali tagħhom;

39.  Jenfasizza li r-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika riċenti huwa opportunità kbira biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom lejn is-Suq Uniku Diġitali li jfisser mhux biss aktar tkabbir u impjiegi, speċjalment fis-settur tal-SMEs u fost iż-żgħażagħ, iżda wkoll Unjoni Ewropea moderna u orjentata lejn il-futur;

40.  Jemmen li l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, billi jipprovdu aktar servizzi diġitali u servizzi diġitali aħjar għaċ-ċittadini u l-impriżi, inaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-effiċjenza, u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transkonfinali u jimplimentaw l-oqfsa tal-interoperabilità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-identifikazzjoni elettronika u tas-servizzi fiduċjarji biex jiżdied il-volum u l-kwalità tal-kummerċ elettroniku bil-ħsieb tat-tkabbir; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw ir-regolament dwar it-tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern sal-1 ta’ Lulju 2016;

42.  Iqis it-titjib tal-ħiliet diġitali fl-Unjoni bħala prijorità assoluta;

Il-moviment liberu tal-merkanzija

43.  Jemmen li l-moviment liberu tal-merkanzija, il-kapital, is-servizzi u l-persuni għad għandu potenzjal mhux sfruttat kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini f’termini ta’ effiċjenza, tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi;

44.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal ftehimiet komprensivi ta’ kummerċ u ta’ investiment li jkunu jappoġġaw u jkunu kompatibbli mal-ħolqien ta’ impjiegi għall-ħaddiema Ewropej, li jkunu ta’ benefiċċju dirett għall-konsumaturi Ewropej, u jiftħu opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji tal-UE, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), filwaqt li jirrispettaw l-istandards soċjali, ambjentali u tal-konsumatur, bħala mezz essenzjali biex jipprovdu opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir; jesprimi l-fehma li l-Parlament irid ikun involut mill-qrib fin-negozjati dwar l-acquis tas-Suq Uniku u li kull modifika tal-leġiżlazzjoni eżistenti jew l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida għandha tirrispetta b’mod sħiħ ir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-katina tal-valur tal-produzzjoni transkonfinali bħala fattur ewlieni għall-promozzjoni tal-kompetittività u t-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-ostakoli eżistenti għall-kummerċ f’setturi li huma relattivament kbar iżda li mhumiex integrati biżżejjed biex jimmassimizzaw il-benefiċċji offruti mis-Suq Uniku;

46.  Jitlob li jiżdied il-monitoraġġ tal-ostakli fis-Suq Uniku għall-prodotti;

Is-servizzi

47.  Jenfasizza li għandhom jiġu inklużi azzjonijiet ta' politika speċifiċi fl-istrateġija Ewropa 2020, bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli fl-oqsma tas-settur tas-servizzi koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi, u, pereżempju, fis-servizzi finanzjarji, u li titqiegħed enfasi aktar espliċita fuq l-approfondiment tas-Suq Uniku;

48.  Jenfasizza li fis-settur tas-servizzi jeżisti potenzjal ta’ tkabbir sinifikanti u mhux sfruttat, kif jidher ċar mill-istimi fir-rapport “Il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku” li jirreferu għal gwadann potenzjali ta’ bejn EUR 337 biljun u EUR 637 biljun;

49.  Huwa tal-fehma li, billi s-settur tas-servizzi huwa wieħed mill-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir fl-UE, hemm bżonn li jissaħħu l-miżuri mmirati biex itejbu l-kompetittività fis-settur, inkluż il-kummerċ bl-imnut, u biex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni għan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs; jenfasizza l-importanza li jiġi ggarantit l-aċċess universali għas-servizzi pubbliċi għall-konsumaturi, il-familji u n-negozji kollha;

50.  Iqis li l-protezzjoni tal-konsumatur, l-għażla u l-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għandhom jiġu msaħħa, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet differenti tal-konsumaturi, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli; iqis li l-kapaċitajiet ta' għarfien finanzjarju tal-konsumaturi għandhom jiżdiedu, minħabba l-konfużjoni sinifikanti li tista' tinħoloq fir-rigward tal-prodotti finanzjarji u l-problemi li dan jista’ joħloq lill-konsumaturi individwali u lis-Suq Uniku;

51.  Itenni l-ħtieġa li jiġġeddu l-isforzi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, u għalhekk jitlob li tingħata enfasi akbar fuq il-governanza fiskali tajba kemm fis-setturi privati kif ukoll publiċi fl-UE; Jenfasizza li r-rapport dwar “Il-Kost tan-Non-Ewropa” jindika li jista' jiġi ġġenerat iffrankar ta’ EUR 9 biljun kull sena permezz ta’ miżuri bħalma huma l-istandardizzazzjoni tal-fatturi elettroniċi u l-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali transkonfinali; jilqa’ t-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta’ politika fiskali nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ u titjieb il-koordinazzjoni fiskali sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta u d-distorsjonijiet tas-suq u jiġi żgurat li jkun hemm opportunitajiet indaqs fis-Suq Uniku;

52.  Jilqa’ l-istqarrija li saret mill-Kummissjoni fir-rapport tal-SAT tagħha tal-2015 li “l-indirizzar tal-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-korrettezza u jippermetti lill-Istati Membri jiġbru d-dħul mit-taxxa li jkun dovut lilhom”;

53.  Jerġa' jafferma l-pożizzjoni tiegħu li għandu jkun hemm żieda fil-livell ġenerali ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, sabiex tiġi stimolata l-innovazzjoni, filwaqt li ssir enfasi fuq il-livelli differenti ta’ investiment fl-Istati Membri; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jinħoloq Suq Uniku ġenwin fl-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni u għall-ikkompletar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka; jenfasizza li 85 % tal-fondi allokati għall-innovazzjoni huma attwalment użati esklussivament fuq bażi nazzjonali, mingħajr ebda kooperazzjoni transkonfinali, li tagħmilha impossibbli li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-valur miżjud fuq skala Ewropea;

L-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet

54.  Jilqa’ l-adozzjoni fl-2014 tad-direttivi dwar il-proċeduri tal-akkwist pubbliku u l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, li mmodernizzaw l-akkwist pubbliku fl-UE, u li jippromwovu s-sostenibbiltà tal-kuntratti pubbliċi; jenfasizza l-valur miżjud tad-direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, b’mod partikolari fejn jidħol l-iffaċilitar tal-proċeduri u li jsiru aktar trasparenti u li jiġu offruti aktar opportunitajiet lill-SMEs, biex b’hekk ikun possibbli li jsolvu l-problemi f’dawn il-kuntratti, jiżguraw iċ-ċertezza legali, il-flessibbiltà u t-trasparenza, u jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ infrastruttura ekonomika u servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja;

55.  Jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet jeħtieġ li tiġi applikata bis-sħiħ u malajr sabiex jittejbu l-kwalità, l-effettività u t-trasparenza tal-investiment u tal-infiq pubbliku;

56.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' traspożizzjoni xierqa u fil-mument opportun tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet; jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku u l-valur tas-sħubijiet għall-innovazzjoni bħala mutur ewlieni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, b’mod partikolari għall-SMEs, li hemm bżonn li jkunu appoġġjati permezz ta’ miżuri speċifiċi li jrawmu l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni;

L-acquis tal-konsumaturi

57.  Jiddispjaċih li l-implimentazzjoni frammentata tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumaturi tal-UE mill-Istati Membri tirriżulta f'differenzi fil-ħarsien tal-konsumaturi u fis-severità u fl-għażla taż-żmien tal-miżuri ta' infurzar meħuda; jikkunsidra li dan jillimita l-konsistenza u l-koerenza tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fl-istess setturi jew bejn kanali ta' bejgħ differenti;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar rapidi tal-leġiżlazzjoni bħad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u d-dispożizzjonijiet dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim u s-Soluzzjoni Online għat-Tilwim, filwaqt li tiżgura t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi; jitlob li l-konsumaturi jingħataw protezzjoni adegwata b'konformità mas-suq tradizzjonali tagħhom fil-bejgħ transkonfinali u li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-data fl-era diġitali, peress li dan se jgħin biex isaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fix-xiri onlajn; jirrimarka l-importanza ta’ infurzar effettiv tad-drittijiet tal-konsumaturi onlajn u l-ħtieġa ta' mezzi affordabbli u effettivi ta’ rimedju f’każ ta’ tilwim;

59.  Jitlob li tittieħed azzjoni biex jitħeġġeġ il-konsum sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħajja utli ta’ prodott, u li jiġu miġġielda l-prattiki mmirati deliberatament sabiex jitnaqqas dak iż-żmien tal-utilità; jittama, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tfassal pjan ta’ azzjoni koerenti;

60.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi rrappreżentat pass importanti ’l quddiem f'termini taż-żieda fiċ-ċertezza tad-dritt għall-konsumaturi u n-negozji fit-tranżazzjonijiet online, u llum din tikkostitwixxi l-istrument prinċipali għall-ħarsien tal-konsumaturi għas-servizzi onlajn;

61.  Jinnota li aktar gwadanji jistgħu jinkisbu minn titjib fil-funzjonament tas-Suq Uniku, bħall-istabbiliment tas-sistema tas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR) għal tilwim tal-konsumaturi, li jista' jiġġenera ffrankar ta’ madwar EUR 22 biljun.

L-enerġija

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura suq intern li jiffunzjona b'aċċess mhux diskriminatorju għas-suq u livell għoli tal-ħarsien tal-konsumaturi, kif ukoll livelli adegwati tal-kapaċità ta' interkonnessjoni u adegwatezza tas-sistema;

63.  Itenni l-ħtieġa li tiżdied is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-enerġija u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi kkompletat, bħala prijorità, is-suq intern tal-enerġija u li jinġieb fi tmiemu l-iżolament tal-gżejjer tal-enerġija fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

64.  Iqis li, sabiex jissaħħew it-tlestija tas-suq intern, l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinovabbli u s-sigurtà tal-provvista, l-Istati Membri jeħtieġu jiksbu mira minima ta' 10 % tal-kapaċità tal-interkonnessjoni tal-elettriku bħala kwistjoni ta' urġenza, u idealment jilħqu livell ta' 30 %;

65.  Iqis li l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass u l-elettriku hija fundamentali biex tingħata s-setgħa lill-konsumaturi, u jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi lill-konsumaturi fiċ-ċentru tal-politika tagħha dwar is-suq intern tal-enerġija tal-UE;

III.  Strumenti għall-valutazzjoni tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-istrumenti ta' governanza

66.  Jirrikonoxxi li t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku tista' titqies bħala l-aħjar prattika għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi tas-Suq Uniku, peress li tista' twassal għal titjib fost il-pajjiżi u proċessi biex jipprovaw ilaħħqu; jenfasizza, madankollu, li din it-tabella ta’ valutazzjoni ma tagħmel l-ebda dispożizzjoni għal għodod ta’ valutazzjoni tal-kwalità; jenfasizza l-importanza li jitjieb id-djalogu mal-Istati Membri u bejniethom biex jidentifikaw u jindirizzaw l-kumplessitajiet li qed jesperjenzaw fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku; f'dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni tgħin aħjar lill-Istati Membri, meta jressqu tali talba, bl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kumplessa tas-Suq Uniku;

67.  Iqis, fir-rigward tal-prestazzjoni regolatorja tas-Suq Uniku, li jista' jiġi żviluppat indikatur kompost li jkejjel il-lakuna tas-Suq Uniku, jiġifieri l-piż addizzjonali li jġarrbu ċ-ċittadini u l-impriżi f'attivitajiet transkonfinali minħabba n-nuqqas ta' regoli li jirregolaw is-Suq Uniku; jinsisti li tali indikatur għandu jiffaċilita l-iżvilupp ta' konklużjonijiet li jistgħu jirriżultaw f'rakkomandazzjonijiet politiċi għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri;

68.  Iqis it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali bħala għodda importanti biex tevalwa l-progess li sar mill-Istati Membri f'dan il-qasam; jemmen li l-indiċi kompost biex ikejjel il-lakuna tas-Suq Uniku għandu jinkorpora lil dik it-tabella;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-inklużjoni fil-korp tal-proposti tagħha għall-istrumenti legali fil-qasam tas-Suq Uniku l-obbligu li twettaq rieżami sistemiku tat-traspożizzjoni, il-konformità, l-effettività u l-idoneità għall-iskop tal-istrumenti legali, inklużi metodoloġija u kriterji għal dan ir-rieżami; jemmen li tali metodoloġija u kriterji jippermettu valutazzjoni aħjar ta' jekk l-istrumenti legali humiex trasposti, implimentati u infurzati sewwa, u wkoll jekk u sa liem punt jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tagħhom u kif inhuma adatti għall-iskop tagħhom;

70.  Jappoġġja l-ħolqien ta' Suq Uniku abbażi tal-iżvilupp ta' ekonomija inklussiva, effiċjenti fir-riżorsi u bbażata fuq l-għarfien, inklużi miżuri li jħeġġu kull tip ta' innovazzjoni fit-teknoloġiji sostenibbli, jibbilanċjaw l-interessi tal-konsumaturi u tan-negozji, u jtejbu l-mekkaniżmu informali għal soluzzjoni tal-problemi tas-Suq Uniku, bħas-SOLVIT, filwaqt li jtejbu wkoll l-għarfien pubbliku tal-punti ta' kuntatt uniku sabiex il-pubbliku jista' jsir aktar konxju tal-opportunitajiet disponibbli biex jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi fis-Suq Uniku;

71.  Jirrikonoxxi ż-żieda kontinwa fl-użu tal-portali L-Ewropa Tiegħek u Pariri tal-Ewropa Tiegħek, li għandhom ikunu kapaċi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lil kull min jgħix, jaħdem jew jistudja fl-Istati Membri fl-UE, jew jivvjaġġa bejniethom ;

72.  Jilqa' l-fatt li d-defiċit medju ta' traspożizzjoni fl-Istati Membri niżel aktar mil-limitu ta' 1 % miftiehem mill-Kunsill Ewropew u laħaq 0,6 %, li jirrappreżenta l-aħjar riżultat irreġistrat minn meta nħolqot it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku; jenfasizza li l-prinċipju ta’ tolleranza żero fir-rigward tat-traspożizzjoni tar-regolamenti tal-UE għandu jkun regola fundamentali kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Unjoni;

73.  Jinnota li l-implimentazzjoni xierqa u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE huma kruċjali għall-ikkompletar tas-Suq Uniku; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu determinat mis-setgħat kollha tagħha biex tilħaq dan l-għan, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku u biex jissorveljaw dan l-infurzar, fost l-oħrajn permezz ta’ spezzjonijiet regolari (sweeps), filwaqt li dejjem jirriflettu fuq problemi dwar l-implimentazzjoni u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tkun aktar effiċjenti, u li l-valutazzjonijiet ex post jintużaw b'mod aktar estensiv u effettiv; jitlob monitoraġġ akbar tal-effettività tad-drittijiet tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari minħabba l-ħeffa li biha l-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-konsumaturi jistgħu jinfirxu f’dak l-ambjent;

74.  Ifakkar, madankollu, li l-proċess tal-proċedimenti ta' ksur wera għadd ta' limitazzjonijiet fir-rigward tal-indirizzar b'mod rapidu u l-korrezzjoni tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b'mod aktar effikaċi mal-Kummissjoni biex isolvu l-każijiet b'aktar ħeffa;

75.  Jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' implimentazzjoni jista' jkun ir-riżultat ta' kumplessitajiet fl-abbozzar inizjali; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li kemm il-leġiżlazzjoni primarja kif ukoll dik sekondarja jsegwu l-prinċipji tar-regolazzjoni aħjar kullimkien, u jużaw konsultazzjoni, valutazzjonijiet tal-impatt u rieżamijiet wara l-implimetazzjoni li jkunu xierqa;

76.  Jinsisti, barra minn hekk, li għandu jsir kull sforz biex ikun żgurat li jsir użu aktar effettiv tal-proċedimenti ta' ksur għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-Suq Uniku, u li l-Istati Membri u l-Kunsill Ewropew għandhom ikomplu jiżviluppaw aktar il-proċedimenti ta' ksur fil-qafas tar-reviżjonijiet futuri tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; Hu tal-fehma, madankollu, li l-proċeduri ta’ ksur għandhom jiġu dejjem fl-aħħar istanza u għandhom jinfetħu biss wara li jkunu saru diversi tentattivi ta’ koordinazzjoni u rettifika;

o
o   o

77.  Jagħti istruzzjonijiet ill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0054.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0130.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0038.


Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet
PDF 247kWORD 82k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-abbuż sesswali tat-tfal online (2015/2564(RSP))
P8_TA(2015)0070RC-B8-0217/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 8, 47, 48 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, tat-23 ta' Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, tal-25 ta' Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol tal-2014 dwar il-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata ffaċilitata mill-Internet (iOACTA),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi Frar 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE" (COM(2008)0055),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prattiki,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inklużi l-immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal, jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, kif previst fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-aħjar interessi tat-tfal jeħtieġ ikunu kunsiderazzjoni primarja meta titwettaq kwalunkwe miżura biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, f'konformità mal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

C.  billi reati kriminali serji bħall-isfruttament sesswali tat-tfal u l-immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal jeħtieġu approċċ komprensiv li jkopri l-investigazzjoni ta' reati, il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni ta' vittmi tfal u l-prevenzjoni ta' dan il-fenomenu;

D.  billi l-internet jista' jesponi lit-tfal għal riskji speċifiċi, billi dawn ikunu jistgħu jiksbu aċċess, jew ikunu suġġetti, għal materjal ta' sfruttament sesswali tat-tfal, jew ikunu suġġetti għal ċiberpredaturi, għall-iskambju ta' materjal dwar vjolenza, intimidazzjoni, bullying jew grooming; billi dan l-esponiment tat-tfal għal riskji ta' dan it-tip ikompli jikber minħabba l-użu mifrux tat-teknoloġija mobbli u l-internet, u l-aċċess għaliha;

E.  billi l-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal fuq l-internet għandha tiġi integrata fi strateġija usa' li tindirizza l-fenomenu globali ta' abbuż sesswali u sfruttament tat-tfal, li xorta hija prinċipalment relatata ma' reati offline imwettqa permezz ta' netwerks u individwi li jaġixxu intenzjonalment barra l-qasam tal-internet;

F.  billi fl-ambjent online l-isfruttament sesswali jista' jieħu diversi forom, b'żgħażagħ li jiġu konvinti, jew sfurzati jibagħtu jew jitfgħu fuq l-internet immaġnijiet sesswalment espliċiti tagħhom , jieħdu sehem f'attivitajiet sesswali permezz ta' webcam jew smartphone, jew ikollhom konverżazzjonijiet sesswali permezz ta' test jew online, li jfisser li dawk li jabbużaw u ċ-ċiberpredaturi jistgħu jheddu li jibagħtu l-immaġnijiet, il-videos jew kopji ta' konverżazzjonijiet lill-ħbieb u l-familja tal-persuna żagħżugħa sakemm dawn ma jeħdux sehem f'attività sesswali ulterjuri; billi l-immaġnijiet u/jew il-videos jistgħu jkomplu jinxterdu għal żmien twil wara li l-abbuż sesswali jkun waqaf u jibqgħu disponibbli liberament biex kulħadd jarahom online, u b'hekk jibqa' riskju kostanti li l-vittmi jerġgħu jiġu vittimizzati u stigmatizzati;

G.  billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jipprevjenu kontenut illegali mhux dejjem kienu effettivi biżżejjed;

H.  billi l-għodod investigattivi magħmula disponibbli għal dawk responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' abbuż sesswali tat-tfal online għandhom iqisu, inter alia, il-prinċipju tal-proporzjonalità u n-natura u s-serjetà tar-reati li jkunu qed jiġu investigati, f'konformità mad-dritt tal-UE u tal-Istati Membri;

I.  billi l-protezzjoni ta' minuri fid-dinja diġitali jeħtieġ li tiġi indirizzata billi l-industrija tieħu inizjattivi sabiex tassumi r-responsabilità li taqsam ma' oħrajn, inkluż permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ għat-tfal, il-ġenituri u l-għalliema bil-ħsieb li l-minuri jinżammu milli jkollhom aċċess għal kontenut illegali;

J.  billi, minħabba n-natura internazzjonali tagħhom, l-isfruttament tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal online, li huma mifruxa f'mijiet ta' pajjiżi u l-ġuriżdizzjonijiet legali tagħhom u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, jikkostitwixxu problema internazzjonali li teħtieġ soluzzjoni internazzjonali; billi jeħtieġ jitqajjem tħassib dwar traffikanti tal-bnedmin li jużaw tfal mingħajr identità legali, li huma "inviżibbli" għall-awtoritajiet, għal abbuż sesswali online;

K.  billi, minħabba n-natura tad-delitt u l-età tal-vittmi, ħafna mill-oqsma fejn hemm sfruttament u abbuż sesswali tat-tfal – fi grad ħafna ogħla minn forom oħra ta' kriminalità – ibatu minn nuqqas kroniku ta' rappurtar lill-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi; billi, għalhekk, id-data disponibbli dwar l-għadd ta' delitti mwettqa ma tirriflettix b'mod preċiż il-kobor tal-problema; billi, skont informazzjoni pprovduta minn NGOs rigward paġni tal-internet li fihom materjal ta' abbuż ta tfal, 'il fuq minn 80 % tal-vittmi huma iżgħar minn għaxar snin; billi d-data mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' Hotlines tal-Internet turi żieda fin-numru ta' tfal ta' età bikrija vittmi ta' abbuż sesswali u taħt abbuż ta' natura estrema u sadistika;

L.  billi għadd kbir ta' trasgressuri jużaw Darknet, fejn stabbilixxew komunitajiet anonimi bl-użu ta' fora moħbija, servizzi tal-websajts, pjattaformi ta' networking soċjali u fornituri tal-ħżin iddedikati għal materjal ta' abbuż tat-tfal, biex b'hekk jippermettu u jiffaċilitaw sfruttament sesswali tat-tfal prattikament intraċċabbli;

M.  billi ħafna kriminali jużaw miżuri difensivi bħall-kriptaġġ u għodod oħra biex jipproteġu l-attivitajiet tagħhom b'mod sikur, u dan jirrappreżenta sfida serja għall-investigazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi;

N.  billi l-NGOs jiżvelaw li sempliċement tmienja mid-distributuri fl-ogħla livell kienu responsabbli għal 513-il ditta ta' distribuzzjoni kummerċjali ta' materjal ta' abbuż tat-tfal fl-2012, u li l-aktar għaxar ditti prolifiċi rreġistrati fl-2012 kienu kollha assoċjati ma' distributur wieħed tal-ogħla livell;

O.  billi d-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sat-18 ta' Diċembru 2013, u billi s'issa inqas minn nofs l-Istati Membri implimentawha kompletament;

1.  Jenfasizza bil-qawwa li l-protezzjoni tat-tfal u l-garanzija ta' ambjent sikur għall-iżvilupp tagħhom huma wieħed mill-objettivi primarji tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

2.  Jenfasizza bl-aktar mod qawwi li d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal online għandhom jiġu ssalvagwardjati, u li jeħtieġ jittieħdu passi biex jiġi żgurat li kwalunkwe kontenut illeċitu jitneħħa minnufih u jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u li jkun hemm biżżejjed strumenti legali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri;

3.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li d-data personali tat-tfal fuq l-internet tkun imħarsa kif jixraq u li t-tfal ikunu informati b'mod faċli u adattat għalihom dwar ir-riskji tal-użu tad-data personali tagħhom fuq l-internet u l-konsegwenzi ta' dan; jissottolinja l-bidliet importanti li r-riforma tal-protezzjoni tad-data se ġġib sabiex tipproteġi ulterjorment id-drittijiet tat-tfal online;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ Ewropew komprensiv u kkoordinat sabiex tiġi żgurata konsistenza fit-tfassil tal-politika u l-azzjoni riżultanti, li jinkludi l-ġlieda kontra l-kriminalità flimkien mad-drittijiet fundamentali, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-kummerċ elettroniku;

5.  Iqis li għandhom jittieħdu aktar passi biex jiġi miġġieled is-cyber grooming, u li l-Kummissjoni, flimkien mal-gvernijiet nazzjonali, is-soċjetà ċivili, il-kumpaniji tal-midja soċjali, il-ġenituri, l-għalliema, il-ħaddiema soċjali, l-uffiċjali tal-ħarsien tat-tfal, il-pedjatri u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal jeħtiġilhom jiżvolġu rwol attiv biex iqajmu kuxjenza dwar din il-kwistjoni permezz ta' linji gwida definiti, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-ħolqien ta' pjattaformi soċjali għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar dan is-suġġett bil-ħsieb li jiġu identifikati r-riskji u t-theddidiet potenzjali għat-tfal;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanja ta' sensibilizzazzjoni, bl-involviment tal-atturi kollha relevanti, biex jagħtu s-setgħa lit-tfal u jappoġġjaw lill-ġenituri u lill-edukaturi biex jifhmu u jittrattaw ir-riskji online u jipproteġu s-sikurezza tat-tfal online, biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu programmi ta' prevenzjoni tal-abbuż sesswali online, biex jippromwovu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar imġiba responsabbli fil-midja soċjali, u biex jinkoraġġixxu l-magni tat-tiftix ewlenin u n-netwerks tal-midja soċjali biex jieħdu approċċ proattiv fil-protezzjoni tas-sikurezza tat-tfal online;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex itejbu u jsaħħu r-rappurtar mit-tfal dwar abbuż, kif ukoll l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għal tali rappurtar, u jikkunsidraw iwaqqfu mekkaniżmi diretti sistematiċi ta' rappurtar; jappoġġja l-iżvilupp ta' hotlines għat-tfal fejn huma jistgħu jiddenunzjaw l-abbużi b'mod anonimu;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-kooperazzjoni internazzjonali u l-investigazzjonijiet transnazzjonali f'dan il-qasam permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni, u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż permezz tal-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3), bil-għan li jinvestigaw, iżarmaw u jħarrku n-netwerks ta' min iwettaq reati sesswali fuq it-tfal b'mod aktar effettiv, filwaqt li jipprijoritizzaw id-drittijiet u s-sikurezza tat-tfal involuti;

9.  Jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva konġunta tal-UE u 55 pajjiż minn madwar id-dinja – miġbura fl-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Online – bil-għan li jsalvaw aktar vittmi, tiġi żgurata prosekuzzjoni aktar effettiva, tiżdied is-sensibilizzazzjoni u li jinkiseb tnaqqis ġenerali fl-ammont ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal disponibbli online; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod aktar regolari dwar il-progress li sar permezz ta' din l-Alleanza; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-livell nazzjonali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu u jsaħħu r-riżorsi ddedikati għall-identifikazzjoni tal-vittmi u s-servizzi mibnija madwar il-vittmi, u jitlob it-twaqqif ta' pjattaformi relatati b'mod urġenti u t-tisħiħ tal-pjattaformi eżistenti fi ħdan il-Europol;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;

12.  Jemmen li huwa essenzjali li tintuża terminoloġija korretta għad-delitti kontra t-tfal, inkluża d-deskrizzjoni ta' immaġnijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal, u biex jintuża t-terminu xieraq ta' "materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal" pjuttost milli "pornografija tat-tfal";

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw riżorsi b'mod xieraq lill-punti nazzjonali ta' kuntatt sabiex dawn ikunu jistgħu jirrappurtaw kontenut u mġiba kriminali u dannużi online, kif previst fid-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija;

14.  Ifakkar li l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-persuni li jkollhom il-biża' li jistgħu jikkommettu kwalunkwe wieħed mill-offiżi relatati mal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali jkollhom aċċess, fejn xieraq, għal programmi jew miżuri effettivi ta' intervent imfassla biex jevalwaw u jipprevjenu r-riskju li tali offiżi jitwettqu;

15.  Jitlob li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-Europol jiġu pprovduti bil-fondi, ir-riżorsi umani, is-setgħat investigattivi u l-kapaċitajiet tekniċi meħtieġa biex jindirizzaw, jinvestigaw u jħarrku b'mod serju u effettiv lit-trasgressuri, inkluż taħriġ xieraq għall-bini tal-kapaċità fil-ġudikatura u fl-unitajiet tal-pulizija, u jiżviluppaw kapaċitajiet ġodda ta' teknoloġija għolja biex jindirizzaw l-isfidi tal-analiżi ta' ammonti vasti ta' immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal, inkluż materjal moħbi fuq id-"darkweb", sabiex jirrintraċċaw u jħarrku t-trasgressuri sabiex jipproteġu s-sikurezza u d-drittijiet tat-tfal;

16.  Jinnota bi tħassib l-iżvilupp u l-espansjoni ta' xejriet ta' sfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal online, fosthom mezzi ġodda ta' distribuzzjoni u tranżazzjoni għal materjali ta' abbuż tat-tfal, b'mod partikolari permezz tad-Deep Web u d-Darknet, u b'mod partikolari l-fenomenu ta' live streaming ta' abbuż għall-ħlas; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex ikomplu jimpenjaw ruħhom ma' rappreżentanti ta' sistemi ta' pagament alternattivi biex jidentifikaw opportunitajiet għal kooperazzjoni aħjar mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż taħriġ komuni għall-identifikazzjoni aħjar tal-proċessi ta' pagament marbuta mad-distribuzzjoni kummerċjali ta' materjal ta' abbuż tat-tfal;

17.  Jitlob li jkun hemm approċċ ta' kollaborazzjoni u skambju ta' informazzjoni legali effettivi bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-industrija tal-ICT, il-Fornituri tas-Servizz tal-Internet (ISPs), l-internet host providers (IHPs), il-kumpaniji tal-midja soċjali, is-settur bankarju u l-NGOs, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal, bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal online jiġu ssalvagwardjati u li kwalunkwe kontenut illeċitu jitneħħa immedjatament u jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li għandhom jirrappurtaw regolarment dwar l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom abbażi ta' din l-informazzjoni relevanti, fejn ikun xieraq; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Koalizzjoni CEO biex l-internet ikun post aħjar għat-tfal, kif ukoll il-ħidma tal-Koalizzjoni Finanzjarja Ewropea kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal fuq l-Internet (EFC);

18.  Jenfasizza li l-kontenut illegali online għandu jitneħħa immedjatament abbażi ta' proċess legali dovut; jissottolinja r-rwol tal-ICT, l-ISPS u l-IHPs biex jiżguraw it-tneħħija rapida u effiċjenti ta' kontenut illegali online fuq talba ta' awtorità responsabbli għall-infurzar tal-liġi;

19.  Iħeġġeġ bil-qawwa lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jittrasponu d-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tissorvelja strettament l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħha u biex tirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kumitat responsabbli tiegħu fil-ħin dwar ir-riżultati miksuba;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern sabiex ikompli jimmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE u jwettaq analiżi fil-fond tal-qafas ta' politika attwali dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, fil-forma ta' rapport ta' implimentazzjoni dwar id-Direttiva 2011/93/UE, u biex jirrapporta dwar dan lill-plenarja;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0070.

Avviż legali - Politika tal-privatezza