Attakki u sekwestri reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari ta' Assirjani
253k
84k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani (2015/2599(RSP))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tal-1950,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, etniċi, reliġjużi jew lingwistiċi tal-1992,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha kontra l-Għejbien Furzat,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, is-Sirja, il-Libja u l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra l-Insara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran)(1), dik tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2), u dik tat-12 ta' Frar 2014 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(3),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar vjolenza u persekuzzjoni kontra l-Insara u komunitajiet oħra fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Frar 2015 dwar id-dekapitazzjoni ta' 21 Nisrani Kopt Eġizzjan fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar elementi ta' strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida minn ISIS/Da'esh,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Frar 2015 li tikkundanna l-ħtif ta' aktar minn 100 Assirjan mill-ISIS/Da'esh,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, intitolat 'Rule of Terror: Living under ISIS/Da'esh in Syria' (Ħakma tat-Terrur: il-ħajja taħt l-ISIS/Da'esh fis-Sirja), tal-14 ta' Novembru 2014,
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali u rapporti interim tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi;
B. billi, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, individwalmet jew f'komunità ma' oħrajn u li, fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-kult, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim; billi, skont il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tkopri kull twemmin, inkluż it-twemmin teistiku, nonteistiku u ateistiku;
C. billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha;
D. billi n-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rrapurtaw vjolazzjonijiet serji u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa mill-ISIS/Da'esh u minn gruppi assoċjati fis-Sirja u fl-Iraq, b'mod partikolari kontra gruppi etniċi u reliġjużi minoritarji, inkluż permezz ta' qtil immirat, konverżjonijiet furzati, ħtif, bejgħ tan-nisa, tjassir tan-nisa u t-tfal, reklutaġġ tat-tfal għal attakki suwiċida bil-bombi, abbuż sesswali u fiżiku u tortura; billi hemm preokkupazzjonijiet serji dwar il-benessri ta dawk li għadhom maqbuda f'żoni kkontrollati mill-forzi tal-ISIS/Da'esh, minħabba li dawn iż-żoni ma jintlaħqu minn kważi l-ebda assistenza umanitarja internazzjonali;
E. billi l-grupp ISIS/Da'esh beda kampanja biex jeqred kull traċċa ta' komunitajiet reliġjużi u ta' twemmin għajr dawk li jirrappreżentaw l-interpretazzjoni tagħha stess tal-Iżlam, permezz tal-qtil jew it-tkeċċija ta' dawk li jappartjenu għal dawk il-komunitajiet u l-qerda tal-postijiet sagri, siti storiċi u artefatti tagħhom, inkluż wirt uniku u insostitwibbli rikonoxxut mill-UNESCO bħala Wirt Dinji u deskritt bħala 'tindif' minn din l-organizzazzjoni;
F. billi fiż-żoni taħt il-kontroll tiegħu, l-ISIS/Da'esh qed jagħmel ħsara inaċċettabbli u irreparabbli lil ċiviltajiet millenari; billi, notevolment fl-Iraq u fis-Sirja, iżda wkoll f'partijiet oħra tal-Lvant Nofsani usa', is-sitwazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-komunitajiet Insara hija tali li tipperikola l-istess eżistenza tagħhom, u billi l-għejbien tagħhom, jekk iseħħ, ikun ifisser li l-pajjiżi kkonċernati jitilfu parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tagħhom;
G. billi l-grupp ISIS/Da' esh għandu fil-mira tiegħu l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xi'iti, ix-Shabak, il-Kaka'e, is-Sabej s-Sunniti li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tiegħu tal-Iżlam, kif ukoll minoranzi etniċi u reliġjużi oħrajn, iżda billi wħud minn dawn il-komunitajiet kienu diġà sfaw fil-mira ta' estremisti ferm qabel l-avvanz tal-ISIS/Da'esh; billi l-Insara b'mod partikolari nżammu deliberatament fil-mira, għal ħafna snin, minn diversi gruppi estremisti jew ġiħadisti, b'tali mod li aktar minn 70 % tal-Insara mill-Iraq u aktar minn 700 000 Nisrani Sirjan kellhom jaħarbu minn pajjiżhom;
H. billi fl-Iraq il-250 000 Kaldew/Assirjan/Sirjak jikkostitwixxu grupp etnoreliġjuż distint, u billi huwa stamat li sa 40 000 Assirjan kienu jgħixu fis-Sirja qabel ma fl-2011 faqqgħet il-gwerra ċivili fil-pajjiż;
I. billi fil-15 ta' Frar 2015 l-ISIS/Da'esh ħareġ vidjo li juri d-dekapitazzjoni ta' 21 Nisrani Kopt Eġizzjan fil-Libja; billi l-Kopti, li kienu ħaddiema migranti minn parti fqira tal-Eġittu, kienu nħatfu f'Sirte, il-Libja;
J. billi fit-23 ta' Frar 2015 madwar 220 Assirjan inħatfu mill-ISIS/Da'esh ħdejn Tell Tamer fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Khabur fil-Grigal tas-Sirja; billi matul l-istess kampanja l-estremisti qerdu wkoll proprjetajiet u postijiet sagri tal-Insara; billi għexieren ta' Assirjani nqatlu matul l-attakk tal-IS; billi huwa rrapurtat li l-IS ħareġ dikjarazzjoni fi Frar 2015, li fiha talab lill-villaġġi Assirjani fil-provinċja Sirjana ta' Hasaka biex iħallsu l-ġiżja – taxxa fuq dawk li mhumiex Musulmani li tmur lura għall-ħakma Iżlamika bikrija u li ġiet abolita fl-1856 fl-Imperu Ottoman kollu kemm hu – jikkonvertu għall-Iżlam jew inkella jinqatlu; billi attakki maġġuri mill-ISIS/Da'esh fuq bliet tal-Insara Assirjani fl-inħawi tax-xmara Khabur ilhom jiġu rappurtati mid-9 ta' Marzu 2015;
K. billi mill-1 ta' Marzu 2015 l-ISIS/Da'esh ħeles bosta tużżani ta' Assirjani, l-aktar tfal żgħar u xjuħ, wara negozjati ma' mexxejja tribali, iżda billi l-biċċa l-kbira tal-Assirjani għadhom miżmuma priġunieri u t-terroristi heddew li joqtluhom jekk il-bumbardament mill-ajru mill-forzi tal-koalizzjoni ma jiqafx;
L. billi, bħala parti minn politika deliberata ta' tindif kulturali u reliġjuż, l-IS, skont rapporti, qered aktar minn 100 knisja fl-Iraq, u tal-anqas 6 knejjes fis-Sirja, kif ukoll għadd ta' moskej Xi'iti fl-Iraq; billi fi Frar 2015, ġellieda tal-IS deliberatament ippubbliċizzaw il-qerda li wettqu ta' statwi u artefatti oħra fil-Mużew ta' Mosul, wirt minn żmien l-imperi antiki tal-Assirja u ta' Akkad; billi l-IS wara deliberatament ħarbat bil-bulldozers il-belt antika Assirjana ta' Nimrud u, fl-aktar att reċenti, allegatament qered Hatra, Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; billi saru rapporti li r-reġim Sirjan ibbumbardja bl-artillerija knejjes fi nħawi kkontrollati mill-oppożizzjoni, pereżempju f'Homs fl-2012 u f'Idlib fl-2013;
M. billi l-grupp ISIS/Da'esh għadu jippersegwita, jimmanka u joqtol, kultant b'modi krudili u inimmaġinabbli, membri ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, ġurnalisti, priġunieri tal-gwerra, attivisti u oħrajn; billi reati tal-gwerra u vjolazzjonijiet oħra tal-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem għadhom jitwettqu wkoll, ta' kuljum u fuq skala massiva, minn partijiet oħra fil-kunflitt, inkluż b'mod partikolari mir-reġim ta' Assad;
N. billi wieħed mill-għeruq tal-vjolenza tal-ISIS/Da'esh huwa s-Salafiżmu, b'mod partikolari l-interpretazzjoni Wahhabija tal-Iżlam;
1. Huwa xxukkjat u mnikket bl-azzjonijiet brutali mill-estremisti tal-ISIS/Da'esh kontra l-Assirjani fis-Sirja u l-Kopti fil-Libja, u jikkundannahom bl-akbar qawwa; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi u mal-komunità Nisranija Assirjana fis-Sirja u dik tal-Insara Kopti fl-Eġittu, kif ukoll ma' kull grupp u individwu ieħor affettwat mill-vjolenza tal-ISIS/Da'esh;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-ISIS/Da'esh u l-abbużi gravissmi tad-drittijiet tal-bniedem li jwettaq u li jammontaw għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u li jistgħu jissejħu ġenoċidju; huwa mħasseb għall-aħħar dwar il-fatt li l-ISIS/Da'esh għandu fil-mira tiegħu, deliberatament, l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xi'iti, ix-Shabak, il-Kaka'e, is-Sabej s-Sunniti li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tiegħu tal-Iżlam, bħala parti mill-attentati tiegħu biex jeqred kull minoranza reliġjuża miż-żoni li jaħkem; jissottolinja li jeħtieġ li ma jkun hemm l-ebda impunità għal min iwettaq dawn l-atti u li dawk responsabbli għandhom jiġu riferiti lill-QKI; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-ħtif mhux solvut tal-Isqfijiet Yohanna Ibrahim u Paul Yazigi minn ribelli armati fil-Provinċja ta' Aleppo, is-Sirja, fit-22 ta' April 2013;
3. Jikkundanna, barra minn hekk, l-attentati biex l-ISIS/Da'esh jesporta l-ideoloġija u l-vjolenza estremista u totalitarja tiegħu lejn pajjiżi oħra fir-reġjun u lil hinn minnu;
4. Jappoġġja l-isforzi internazzjonali kontra l-ISIS/Da'esh, inklużi l-azzjonijiet militari tal-koalizzjoni internazzjonali, ikkoordinata mill-Istati Uniti, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE li għadhom ma għamlux dan sabiex iqisu modi kif jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-isforzi, inkluż l-intraċċar u l-interdizzjoni ta' fondi sigrieti tal-ISIS/Da'esh f'pajjiżi oħra;
5. Jitlob li l-koalizzjoni internazzjonali taħdem aktar biex tipprevjeni l-ħtif ta' minorani, bħall-ħtif ta' mijiet ta' Nsara Assirjani fit-Tramuntana tas-Sirja; jissottolinja li huwa importanti li żona ta' kenn tiġi żgurat għall-Kaldej/Assirjani/Sirjaki u oħrajn f'riskju fil-Pjanuri ta' Nineveh, l-Iraq, żona fejn ħafna minoranzi etniċi u reliġjużi storikament kellhom preżenza qawwija u għexu fil-paċi maġenb xulxin;
6. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu approċċ proattiv u preventiv lejn it-theddida li l-ISIS/Da'esh jespandi f'pajjiżi u reġjuni lil hinn mill-Iraq u s-Sirja; f'dan id-dawl, huwa mħasseb għall-aħħar dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, mhux l-anqas minħabba l-qrubija ġeografika tagħha lejn l-UE kif ukoll lejn żoni ta' kunflitt fl-Afrika;
7. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lis-sħab tan-NATO, biex jindirizzaw il-kwistjoni tar-rwoli ambivalenti ta' ċerti pajjiżi fil-kunflitt, b'mod partikolari fejn dawn ikkontribwew, jew għadhom jikkontribwixxu, b'mod attiv jew passiv, għat-tkabbir tal-ISIS/Da'esh u ta' gruppi estremisti oħra; huwa mħasseb ħafna, f'dan il-kuntest, dwar il-finanzjament tat-tixrid tal-interpretazzjoni Wahhabija tal-Iżlam minn entitajiet pubbliċi u privati ta' pajjiżi mir-reġjun tal-Golf, u jistieden lil dawn il-pajjiżi biex itemmu dan il-finanzjament; barra minn hekk, iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi biex itemmu l-finanzjament ta' organizzazzjonijiet terroristiċi minn ġewwa t-territorji tagħhom; jistieden lit-Turkija biex ikollha rwol pożittiv fil-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh u tippermetti bla dewmien li l-minoranzi Nsara u persuni oħra persegwitati li qed jaħarbu mis-Sirja jaqsmu l-fruntiera għal ġot-Turkija u jfittxu s-sikurezza;
8. Jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni ma' forzi lokali u reġjonali emerġenti ġodda, bħalma huma l-Gvern Reġjonali Kurd tal-Iraq, il-gruppi Kurdi fi nħawi oħra, bħar-rwol ta' YPG fil-liberazzjoni ta' Kobane, u l-Kunsill Militari Sirjan, kif ukoll entitajiet awtonomi lokali fir-reġjun li wrew aktar impenn favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija milli wrew il-mexxejja tal-pajjiżi tagħhom; ifaħħar, b'mod partikolari, il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-forzi Kurdi tal-Peshmerga li għamlu tant biex jipproteġu l-minoranzi fil-periklu;
9. Huwa imħasseb dwar rapporti li l-minoranzi Nsara m'għandhomx aċċess għall-kampijiet tar-refuġjati fir-reġjun, billi dawn huma perikolużi wisq għalihom; jitlob li l-UE tiżgura li l-assistenza għall-iżvilupp li toffri tkun immirata lejn il-gruppi minoritarji kollha li sfaw spustati minħabba l-kunflitt; iħeġġeġ lill-UE tuża l-esperjenza u n-netwerks stabbiliti tal-knejjes lokali u reġjonali, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali ta' sokkors għall-knejjes, biex tipprovdi għajnuna finanzjarja u assistenza oħra, bil-għan li tiżgura li l-gruppi minoritarji kollha jkunu jistgħu jgawdu l-protezzjoni u l-appoġġ tal-għajnuna Ewropea;
10. Iqis li huwa imperattiv li l-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jibdew jaħdmu ma' sħab internazzjonali u reġjonali dwar xenarju post-ISIS/Da'esh, fil-qies tal-ħtieġa urġenti għal rikonċiljazzjoni u djalogu kulturali u reliġjuż;
11. Jiddendunzja l-qerda ta' siti u artefatti kulturali mill-ISIS/Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq, qerda li tikkostitwixxi attakk kontra l-wirt kulturali tal-abitanti kollha ta' dawn il-pajjiżi u tal-umanità kollha kemm hi;
12. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jikkooperaw ma' sħab internazzjonali u lokali ħalli jissalvagwardjaw kemm jistgħu mill-wirt Assirjan, u mill-wirt kulturali u reliġjuż ieħor, mit-territorji okkupati mill-ISIS/Da'esh; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu azzjoni kontra l-kummerċ illegali f'artefatti tal-qedem li joriġinaw minn dawn it-territorji;
13. Jikkonferma u jappoġja d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, l-ugwaljanza u s-sikurezza, u li jipprattikaw fil-libertà r-reliġjon tagħhom; f'dan id-dawl, iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jieħdu pożizzjoni pubblika u ċara kontra l-vjolenza, u b'mod partikolari favur id-drittijiet tal-minoranzi; jemmen li, sabiex ikun hemm tmiem għat-tbatija u għall-eżodu tal-massa tal-Insara u ta' popolazzjonijiet indiġeni oħra tar-reġjun, jeħtieġ li l-mexxejja politiċi u reliġjużi fir-reġjun jagħmlu dikjarazzjoni ċara u inekwivoka ta' appoġġ għall-issuktar tal-preżenza tagħhom u għal drittijiethom sħaħ u ugwali bħala ċittadini tal-pajjiżi tagħhom;
14. Jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mit-tmexxija tal-ISIS/Da'esh li waqqfet kalifat fiż-żoni li issa tikkontrolla; jenfasizza li l-ħolqien u l-espansjoni tal-"kalifat Iżlamiku", kif ukoll l-attivitajiet ta' gruppi estremisti oħra fil-Lvant Nofsani, huma theddida diretta għas-sigurtà tar-reġjun, kif ukoll għal dik tal-pajjiżi Ewropej;
15. Jikkonferma l-impenn tiegħu favur il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jew tat-twemmin bħala dritt fundamentali tal-bniedem garantit minn strumenti legali internazzjonali li l-parti l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja impenjaw ruħhom dwarhom, u li huma rikonoxxuti li għandhom valur universali;
16. Jappoġġja l-inizjattivi kollha, inkluż fl-UE, li għandhom l-għan li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet; jappella biex l-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;
17. Iħeġġeġ lill-UE biex tesplora aktar politiki kontra t-terroriżmu, fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem, għajr dawk diġà fis-seħħ, u biex tkompli taħdem mal-Istati Membri għat-tisħiħ ta' politiki li jiġġieldu r-radikalizzazzjoni fit-territorju tal-UE, it-tixrid ta' diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza online; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, barra minn hekk, biex jaħdmu flimkien mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u mal-Assemblea Ġenerali tan-NU bil-għan li jwaqqfu t-tixrid tal-ideoloġija estremista u ġiħadista madwar id-dinja;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan fl-Iraq, lill-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, lill-Kunsill tad-Deputati f'Tobruk, il-Libja, u lill-Gvern Libjan, lil-Lega tal-Istati Għarab, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Jannar(1) u tat-13 ta' Novembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u kondiviżjoni tal-poter tat-2 ta' Frar 2015 bejn il-President Salva Kiir u l-ex Viċi President Riek Machar iffirmat f'Addis Ababa taħt l-awspiċji tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Frar 2015 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar it-taħditiet ta' paċi fis-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra l-komunikat tal-10 ta' Frar 2015 tal-laqgħa ta' livell għoli tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tal-IGAD-NU dwar il-kriżijiet umanitarji fis-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Frar 2015 tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Konflitti Armati,
– wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tar-Repubblika tas-Sudan t'Isfel u tan-NU ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali relatata mal-konflitti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2155 (2014) u 2206 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jistabbilixxu s-sisien għal sanzjonijiet immirati fuq dawk li jostakolaw il-paċi fis-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Marzu 2015 tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar in-nuqqas tal-partijiet fil-konflitt fis-Sudan t'Isfel li jilħqu ftehim ta' paċi,
– wara li kkunsidra t-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Sudan t'Isfel fl-2012 biex jintemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal mill-forzi armati tal-gvern u ksur gravi ieħor fil-konfront tat-tfal,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li Tirregola l-Aspetti Specifici tal-Problemi tar-Rifugjati fl-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Ġid tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta ' Kull Forma ta ' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-2010 tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 182 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, adottata fl-1999, li telenka "r-reklutaġġ furzat u obbligatorju tat-tfal għall-użu f'konflitti armati" fost l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) Sudaniż tal-2005,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-15 u s-16 ta' Frar 2015, madwar 89 tifel u tifla, u possibbilment mijiet aktar, inħatfu mill-komunità ta' Wau Shilluk fl-Istat tan-Nil ta' Fuq minn grupp ta' milizzji allegatament immexxi minn Johnson Oloni, kmandant tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż (SPLA); billi skont ix-xhieda, suldati armati ċċirkondaw il-komunità u fittxew f'kull dar, hekk kif is-subien ta' 'l fuq minn 12-il sena, fil-maġġoranza tagħhom, ittieħdu minn posthom bil-forza;
B. billi f'Diċembru 2013, tilwima politika fi ħdan il-partit fil-gvern fis-Sudan t'Isfel, il-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż (SPLM), eskalat f'konfrontazzjoni armata f'Juba bejn il-forzi leali lejn il-President Kiir u dawk leali lejn l-ex Viċi President Riek Machar;
C. billi wara l-konflitt armat intern li faqqa' f'Diċembru 2013, madwar 1,4 miljun persuna sfaw spostati internament, 500 000 ħarbu lejn pajjiżi ġirien u madwar 12 000 tifel u tifla ġew reklutati biex jimmilitaw fil-forzi u l-gruppi armati; billi eluf ta' tfal ġie rrappurtat li nqatlu, ġew stuprati, sfaw spostati jew spiċċaw orfni;
D. billi huwa stmat li 4 miljun persuna qegħdin f'riskju għoli ta' insigurtà u nuqqas ta' ikel, u n-NU qed twissi ripetutament li l-kriżi umanitarja u l-ġuħ se jiżdiedu, jekk il-ġlied ikompli; billi, flimkien ma' nuqqas ta' kura medika u infrastruttura, jidher li s-sitwazzjoni ma tistax ħlief tmur għall-agħar;
E. billi l-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika tas-Sudan t'Isfel (UNMISS) issa qed tipprovdi hija stess kenn sikur għal aktar minn 100 000 persuna li kienu internament spostati u li kienu qed ifittxu rifuġju mill-vjolenza, u hija stess sfat attakkata;
F. billi, skont il-kalkoli tan-NU, aktar minn nofs il-popolazzjoni fil-kampijiet tar-rifuġjati huma tfal, li b'hekk qed iħabbtu wiċċhom ma' theddid sinifikanti għas-sigurtà fiżika, l-iżvilupp u l-benessri tagħhom; billi r-rati ta' mortalità tat-trabi fis-Sudan t'Isfel huma fost l-ogħla fid-dinja u l-indikaturi tal-edukazzjoni tal-pajjiż huma l-aktar baxxi fuq livell mondjali; billi 400 000 tifel u tifla telqu mill-iskola minħabba l-konflitt li għaddej bħalissa;
G. billi l-partijiet fil-konflitt attakkaw persuni ċivili abbażi tal-etniċità u l-affinità politika perċepita tagħhom, ikkommettew atti ta' vjolenza sesswali u għamlu ħerba rampanti u serq mill-proprjetà;
H. billi, fis-7 ta' Jannar 2014, il-partijiet differenti fil-konflitt fis-Sudan t'Isfel bdew negozjati f'Addis Ababa taħt l-awspiċji tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD); billi minkejja l-ftehimiet preċedenti biex jieqaf il-ġlied, bl-aktar wieħed reċenti jkun il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-2 ta' Frar 2015 f'Addis Ababa, u l-isforzi kontinwi tal-IGAD biex tinnegozja soluzzjoni politika għall-konflitt, il-ġlied baqa' għaddej, ikkaratterizzat minn nuqqas totali ta' attenzjoni għad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju, mingħajr ebda responsabbiltà għall-abbużi mwettqa fil-kuntest tal-konflitt;
I. billi l-gvern u r-ribelli ma rnexxielhomx jilħqu l-iskadenza tal-5 ta' Marzu 2015 stabbilita mill-IGAD biex jintlaħaq ftehim ta' kondiviżjoni tal-poter u billi t-taħdititet ta' paċi ġew estiżi b'mod indefinit; billi l-medjatur ewlieni tal-IGAD ħabbar li n-NU u l-Unjoni Afrikana (UA) issa jistgħu jkollhom rwol dirett fin-negozjati;
J. billi l-UA waqqfet Kummissjoni ta' Inkjesta f'Marzu 2014, iżda r-rapport finali tagħha kien għadu ma ġiex ippubblikat, minkejja li dan kien ippreżentat quddiem il-Kummissjoni tal-UA f'Ottubru 2014;
K. billi d-deċiżjoni li tiddewwem il-pubblikazzjoni ntlaqgħet b'diżappunt ġenerali u qed titqies bħala daqqa ta' ħarta għar-responsabbiltà u għat-tmiem tal-impunità, b'personalitajiet bħall-Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU Ivan Simonovic, l-ex Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Navi Pillay u membri prominenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-Sudan t'Isfel jesprimu d-diżappunt tagħhom;
L. billi fit-3 ta' Marzu 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU approva unanimament sistema li permezz tagħha timponi sanzjonijiet fuq dawk responsabbli jew kompliċi fit-tkomplija tal-konflitt jew fit-tfixkil tal-paċi fis-Sudan t'Isfel; billi s-sanzjonijiet japplikaw ukoll għal dawk li jimmiraw lejn persuni ċivili, jew jattakkaw sptarijiet, siti reliġjużi, skejjel jew postijiet fejn persuni ċivili jkunu qed ifittxu rifuġju, u jirreklutaw jew jużaw lit-tfal f'forzi jew gruppi armati;
M. billi minkejja l-vot tal-Parlament biex jirratifikahom, is-Sudan t'Isfel għadu ma ffirma ebda wieħed mit-trattati internazzjonali jew reġjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, il-Konvenzjoni tal-UA li Tirregola l-Aspetti Specifici tal-Problemi tar-Rifugjati fl-Afrika, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;
N. billi l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jgħid li l-lieva, l-arrwolament jew l-użu ta' tfal taħt l-età ta' 15-il sena għall-ġlied, min-naħa ta' forzi armati nazzjonali jew gruppi armati, jikkostitwixxu delitt tal-gwerra;
O. billi fil-Parlament tas-Sudan t’Isfel kien taħt konsiderazzjoni abbozz ta’ liġi dwar organizzazzjonijiet mhux governattivi li tirrestrinġi d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ir-reġistrazzjoni issir obbligatorja, l-NGOs ikunu pprojbiti milli joperaw jekk ma jkunux ġew irreġistrati, u tikkriminalizza attivitajiet volontarji mwettqa mingħajr ċertifikat ta’ reġistrazzjoni;
P. billi l-iskejjel għadhom qed jintużaw, inter alia, għal skopijiet militari, bħala siti ta' okkupazzjoni, jew bħala postijiet ta’ reklutaġġ; billi fl-aħħar ta’ Frar 2015, 30 skola kienu allegatament għadhom qed jintużaw għal skopijiet militari;
Q. billi apparti d-donaturi u l-għajnuna umanitarja, l-ekonomija tas-Sudan t’Isfel tiddependi kważi esklussivament fuq is-settur taż-żejt, bl-esportazzjonijiet taż-żejt jammontaw għal aktar minn 70 % tal-PDG u madwar 90 % tad-dħul tal-gvern; billi d-dħul iġġenerat mill-industrija taż-żejt kompla saħħaħ il-konflitti vjolenti;
R. billi l-vjolenza li qed isseħħ bħalissa fis-Sudan t'Isfel għandha prezz umanitarju insopportabbli, bin-NU jistmaw li hemm bżonn ta' USD 1,81 biljun f'għajnuna umanitarja fl-2015; billi n-NU ddikjaraw livell ta' emerġenza 3 għas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, li hu l-agħar livell ta' kriżi umanitarja;
S. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew kważi EUR 300 miljun f’għajnuna umanitarja fl-2014 biex twieġeb għall-kriżi umanitarja u biex tittratta l-ħtiġijiet urġenti tar-rifuġjati tas-Sudan t’Isfel fir-reġjun;
1. Jinsab imħasseb sew bid-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u ta’ sigurtà fis-Sudan t’Isfel li tista’ tiddestabilizza r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant; jitlob b’urġenza lill-partijiet kollha jwaqqfu l-vjolenza, iwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jifformaw gvern ta’ tranżizzjoni ta’ unità nazzjonali, u jippermettu li jkun hemm aċċess sħiħ għall-għajnuna umanitarja; jistieden lill-partijiet kollha jtemmu l-attakki fuq il-bini edukattiv u pubbliku u jieqfu jużaw l-iskejjel għal skopijiet militari, inkluż għar-reklutaġġ ta' suldati tfal; Ifakkar, f’dan ir-rigward, l-appoġġ tiegħu għal-linji gwida għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Konflitt Armat;
2. Jesprimi diżappunt kbir li wara aktar minn sena ta’ negozjati taħt l-awspiċji tal-IGAD, ma sar l-ebda progress sinifikanti; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-konflitt biex jilħqu ftehim ta’ kondiviżjoni tal-poter u jappoġġa bis-sħiħ il-proċess ta’ negozjati li għaddej bħalissa, filwaqt li jappella għal waqfien mill-ġlied mingħajr kundizzjonijiet, komplet u immedjat u li jintemmu l-ostilitajiet kollha kif ukoll il-waqfien immedjat tar-reklutaġġ u l-mobilizzazzjoni ta’ ċivili; jitlob li jsiru sforzi biex jinstab mod kif jinkisbu l-paċi dejjiema u l-istabilità; iħeġġeġ lill-gvern u r-ribelli jimpenjaw ruħhom f'taħditiet politiċi bla kundizzjonijiet u inklużivi, li jsiru b'rieda tajba bil-għan li n-negozjati jiġu konklużi b'suċċess; iħeġġeġ il-kontinwazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni Afrikana u tal-IGAD fil-promozzjoni ta' djalogu inklużiv u ta' medjazzjoni;
3. Jitlob għall-ħelsien immedjat u r-ritorn sikur tat-tfal kollha reklutati mill-forzi armati sa mill-bidu tal-konflitt f’Diċembru 2013; ifakkar b’urġenza lill-partijiet kollha involuti fil-konflitt li r-reklutaġġ u l-użu ta' tfal f'forzi u gruppi armati huwa ksur gravi tad-dritt internazzjonali;
4. Jistieden lill-SPLA u l-forzi tal-oppożizzjoni biex b’mod rigoruż u trasparenti jivverifikaw li ma għadx hemm tfal fosthom u li minnufih jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni f’koordinazzjoni man-NU biex itemmu l-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tat-tfal;
5. Ifakkar l-impenn li sar fl-2009, u mġedded fl-2012, mill-awtoritajiet tas-Sudan t’Isfel biex itemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal f’konflitti, biex jeħilsu lil tfal kollha assoċjati ma’ forzi tas-sigurtà tal-gvern, biex jipprovdu servizzi għar-riunifikazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-familji tagħhom, u biex jinvestigaw vjolazzjonijiet gravi kontra t-tfal; jiddeplora l-fatt li dan l-impenn ma ġiex rispettat kompletament; jappella lill-partijiet kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ il-linji gwida stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex tassisti fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi biex jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni fuq terminu twil tat-tfal reklutati fil-forzi armati u dawk milquta mill-konflitt, f’koordinazzjoni mal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-tfal f’Konflitti Armati, l-UNICEF u aġenziji oħra;
7. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk bejn intervent f’każ ta’ kriżi umanitarja u kooperazzjoni għall-iżvilupp fit-tul; huwa tal-fehma, b’mod partikolari, li programmar ta' żvilupp fit-tul għat-tfal affettwati minn konflitti armati (CAACs) jeħtieġ li jiffoka, inter alia, fuq is-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal, l-edukazzjoni u l-iskemi ta’ impjieg; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-provvista ta’ appoġġ umanitarju u jipprovdu aċċess għar-riżorsi għal bdiewa u produtturi lokali;
8. Iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana biex jippubblika r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta dwar is-Sudan t’Isfel tal-Unjoni Afrikana (AUCISS) dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u biex jagħti segwitu għas-sejbiet tiegħu, mingħajr aktar dewmien;
9. Jenfasizza l-fatt li l-pubblikazzjoni tar-rapport huwa pass kruċjali lejn il-paċi u r-rikonċiljazzjoni; jirrikonoxxi li l-poplu kollu tas-Sudan t’Isfel għandu d-dritt għall-verità u l-ġustizzja u li mijiet ta’ vittmi u xhieda ta’ atroċitajiet għamlu sforzi personali kbar biex jimpenjaw ruħhom mal-AUCISS, fejn ta' spiss ħadu riskji personali sinifikanti meta rrakkuntaw esperjenzi koroh sabiex jikkontribwixxu għal stampa aktar kompluta tal-konflitt;
10. Jitlob li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jappoġġaw b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta, inkluż fir-rigward tal-istabbiliment possibbli ta’ qorti ibrida biex tittratta l-atroċitajiet, kif issuġġerit mis-Segretarju Ġenerali tan-NU;
11. Jilqa’ l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 2206 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li timponi sanzjonijiet immirati li jaffettwaw direttament lil dawk li istigaw il-konflitt, u jappella għall-implimentazzjoni immedjata tagħha; jenfasizza l-ħtieġa għall-adozzjoni ta’ embargo komprensiv fuq l-armi fil-livell reġjonali u internazzjonali biex iwaqqaf il-provvista ta’ armi lil individwi u gruppi li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, u biex jitħarsu ċ-ċivili li jinsabu f’riskju serju;
12. Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t’Isfel biex iwettaq investigazzjonijiet fil-pront, rigorużi, imparzjali u indipendenti dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem bil-ħsieb li l-individwi suspettati li wettqu delitti skont id-dritt internazzjonali u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-ħtif u r-reklutaġġ ta’ tfal f’konflitt armat kif ukoll vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal jitressqu quddiem il-ġustizzja u jinżammu responsabbli;
13. Ifakkar il-Protokoll tal-IGAD tal-25 ta’ Awwissu 2014 li jiddikjara speċifikament li individwi identifikati mill-AUCISS bħala responsabbli ta' delitti serji mhux se jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw fil-Gvern ta’ Transizzjoni;
14. Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t’Isfel biex jiffinalizza b'mod urġenti l-emendi leġiżlattivi li jikkriminalizzaw ir-reklutaġġ u l-użu ta’ tfal, biex juża din il-leġiżlazzjoni fil-prosekuzzjoni tat-trasgressuri u biex jiffinalizza l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, inklużi l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-2002 u biex jaderixxi mal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
15. Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t’Isfel biex jirrifjuta leġiżlazzjoni li tillimita s-setturi li fihom l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom, u li tista' tfixkel serjament l-iżvilupp tas-soċjetà u l-isforzi umanitarji ta' sokkors;
16. Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t’Isfel biex jissodisfa r-responsabbiltà tiegħu li jipprovdi għall-poplu tiegħu u jħeġġeġ lid-donaturi internazzjonali biex iżidu l-għajnuna, filwaqt li minħabba l-iskala u l-urġenza tal-ħtiġijiet, jistieden lill-komunità internazzjonali biex tlaqqa' konferenza ġdida tad-donaturi internazzjonali għas-Sudan t’Isfel meta jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għal paċi kollha u jkun ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ distribuzzjoni tad-dħul xieraq;
17. Iħeġġeġ il-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi naturali tas-Sudan t’Isfel biex jiżgura li d-dħul miż-żejt ma jħeġġiġx il-konflitt; jistieden lill-partijiet kollha li qed jieħdu sehem fin-negozjati sabiex fit-taħdidiet ta' paċi u f'kull ftehim finali jinkludu l-kwistjoni tat-trasparenza u tal-iskrutinju pubbliku fir-rigward tas-settur taż-żejt, b'tali mod li d-dħul iġġenerat minn din ir-riżorsa jkun jista' jintuża għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż u biex jitjieb il-livell ta' għajxien tal-popolazzjoni tiegħu;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
– wara li kkunsidra l-Land Transparency Initiative tal-G8 tal-2013,
– wara li kkunsidra l-Framework and Guidelines on Land Policy in Africa (ALPFG) tal-Unjoni Afrikana (Qafas u Linji Gwida dwar il-Politika tal-Artijiet fl-Afrika) u l-"Policy Framework for Pastoralism in Africa": "Securing, Protecting and Improving the Lives, Livelihoods and Rights of Pastoralist Communities" (Qafas Politiku għall-Pastoraliżmu fl-Afrika: is-Sigurtà, il-Protezzjoni u t-Titjib tal-Ħajjiet, tal-Għajxien u tad-Drittijiet tal-Komunitajiet tar-Raħħala) adottati mill-Konferenza tal-Ministri tal-Agrikoltura tal-Afrika f'Ottubru 2010 u approvati mit-18-il sessjoni ordinarja tal-Kunsill Eżekuttiv li saret f'Addis Ababa f'Jannar 2011 (Dok. EX.CL/631 XVIII) u d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tal-2009 dwar Kwistjonijiet u Sfidi relatati mal-Artijiet,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit Dinji dwar is-Sigurtà Alimentari, adottata f'Ruma fl-2010, il-Prinċipji għall-Investimenti Agrikoli Responsabbli li jirrispettaw id-drittijiet, l-għajxien u r-riżorsi (PRAI), u l-Linji Gwida Volontarji għal Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art Applikabbli għall-Art, għas-Sajd u għall-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali (VGGT) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO),
– wara li kkunsidra l-Guiding Principles on Large-Scale Land Based Investments in Africa (LSLBI) (Prinċipji Gwida dwar l-Investimenti bbażati fuq l-Art fuq skala kbira fl-Afrika) tal-Unjoni Afrikana, tal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp u tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-11 ta' Ġunju 2009 tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt għall-Ikel, Olivier De Schutter, bl-isem "Large-scale land acquisitions and leases: a set of core principles and measures to address the human rights challenge" (Akkwist u kiri ta' art ta' skala kbira: ġabra ta' prinċipji fundamentali u miżuri biex tiġi ttrattata l-isfida tad-drittijiet tal-bniedem),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tat-8 ta' Settembru 2000 li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), b'mod partikolari l-għanijiet 1, 3 u 7,
– wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju tal-2014,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li sar f'Rio de Janeiro (il-Brażil) mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Insedjamenti Umani (UN-Habitat) tal-2008 bit-titolu "Secure Land Rights for All" (Drittijiet tal-Art Siguri għal Kulħadd) u l-gwida tal-UN-Habitat dwar "How to Develop a Pro-Poor Land Policy: Process, Guide and Lessons" (Kif Tiżviluppa Politika dwar l-Art Orjentata Lejn il-Fqar: Proċess, Gwida u Lezzjonijiet),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjon tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u l-Konvenzjoni dwar il-Popli Indiġeni u Tribali (Nru 169) tal-1989 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),
– wara li kkunsidra l-Att Nru 5 tal-1999 dwar l-Art tal-Villaġġi u l-Att tal-1982 dwar il-Gvern Lokali tar-Repubblika Unita tat-Tanzanija,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Politika tal-Artijiet tal-2004 li toffri gwida għall-iżvilupp u l-programmazzjoni tal-politika tal-artijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra t-tħabbira tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2014 dwar il-ħolqien ta' programm ġdid bis-somma ta' EUR 33 000 000, immirat biex itejjeb il-governanza tal-artijiet u s-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni għall-familja ta' bdiewa u għall-komunitajiet vulnerabbli fl-Afrika Sub-Saħarjana,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-2011,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Parlamentari Konġunta AKP-UE bit-titolu "the social and environmental impact of pastoralism in ACP countries" (ir-riperkussjonijiet soċjali u ambjentali tal-pastoraliżmu fil-pajjiżi AKP) adottata f'Novembru 2013 (ACP-EU/101.526/13/fin),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 bit-titolu "Addressing the Human Rights Impact of Land Grabbing" (Nindirizzaw l-impatt tal-approprjazzjoni tal-art fuq id-drittijiet tal-bniedem ) ikkummissjonat mill-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-isfidi ewlenin tas-seklu 21 – sikurezza alimentari, skarsità tal-enerġija, nuqqas ta' ilma, tkabbir urban u żieda demografika, degrad ambjentali, tibdil fil-klima, diżastri naturali u fraġilità tal-istat – huma relatati mal-kwistjonijiet ta' governanza tal-art, li jirrinfurzaw il-ħtieġa li tingħata prijorità lil riforma tal-artijiet komprensiva u jassiguraw id-drittijiet għall-art;
B. billi l-awtoritajiet tat-Tanzanija ħabbru pjan ta' bejgħ ta' 1 500 km2 artijiet tal-Maasai fis-Serengeti tal-Punent lil kumpanija privata fil-qasam tal-kaċċa u tas-safari b'sede fl-Emirati Għarab Magħquda; billi dan il-pjan jinvolvi l-iżgumbrament ta' popolazzjoni 40 000 Maasai li jgħixu mill-pastoraliżmu;
C. billi minħabba pressjonijiet internazzjonali, il-President tat-Tanzanija, Jakaya Kikwete, f'Novembru 2014 iddikjara li abbanduna l-pjan u wiegħed li qatt mhu se jkeċċi lill-poplu Maasai 'l barra mill-artijiet tal-antenati tagħhom; billi minkejja din il-wegħda, eluf ta' Maasai kienu żgumbrati illegalment minn artijiethom; billi rapporti reċenti jindikaw li nqerdu 'l fuq minn 200 dar u l-bhejjem ikkonfiskati mill-awtoritajiet tat-Tanzanija, li ħallew aktar minn 3 000 ruħ bla dar u mingħajr kenn;
D. billi l-Maasai tat-Tanzanija ilhom iż-żmien jissieltu fuq tilwim dejjem aktar dwar is-sjieda tal-art mal-awtoritajiet tat-Tanzanija, sa mill-1992 meta l-Ortello Business Corporation (OBC) ta' pussess barrani ngħatat id-drittijiet tal-kaċċa fil-Loliondo Game Control Area, li hija abitata u b'sjieda legali tar-raħħala Maasai;
E. billi petizzjoni mill-komunità Maasai tad-distrett ta' Ngorongoro ġiet iffirmata minn aktar minn 2 miljun persuna fid-dinja kollha fuq l-internet permezz tal-pjattaforma AVAAZ;
F. billi l-investituri privati u l-gvernijiet qegħdin juru interess dejjem akbar fl-akkwist jew fil-kiri fit-tul ta' artijiet fuq skala kbira għal produzzjoni tal-ikel jew tal-enerġija jew għall-estrazzjoni tal-minerali, l-aktar fil-pajjiżi Afrikani li qegħdin jiżviluppaw, b'mod speċjali fit-Tanzanija;
G. billi t-Tanzanija rat żieda sinifikanti fl-interess barrani u intern għat-twaqqif ta' pjantaġġuni fuq skala kbira tal-bijokarburant fil-pajjiż, fejn, bejn l-2005 u l-2008, madwar 640 000 ettaru art kienet allokata lill-investituri, b'hekk ir-raħħala u l-unitajiet domestiċi rurali ġew imċaħħda mill-artijiet u mill-għajxien tagħhom u żdiedet l-insigurtà tal-ikel tagħhom;
H. billi madwar 1,4 biljun ettaru fid-dinja huma rregolati minn normi konswetudinarji; billi l-aċċess għall-art għall-popli indiġeni ngħata forom speċifiċi ta' protezzjoni skont il-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, filwaqt li l-Artikolu 10 ta' din tal-aħħar jiggarantixxi d-dritt li ma jitkeċċewx bil-forza mill-artijiet u t-territorji tagħhom u jiddikjara li l-ebda trasferiment ma għandu jsir mingħar il-kunsens infurmat, liberu u preliminari tal-popli indiġeni u wara ftehim dwar kumpens ġust u ekwu kif ukoll, fejn possibbli, bil-possibbiltà ta' ritorn;
I. billi akkwisti ta' art fuq skala kbira jistgħu jiġu definiti skont id-Dikjarazzjoni ta' Tirana tal-2011 bħala "approprjazzjoni tal-art" meta japplika wieħed jew aktar mis-segwenti: meta jkun hemm ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem; meta l-ispostament tal-komunitajiet lokali milquta jsir mingħajr il-kunsens infurmat, liberu u preliminari; meta ma jkunx abbażi ta' kuntratti trasparenti; u meta jkun ġie vvalutat impatt negattiv soċjali, ekonomiku u ambjentali;
J. billi, skont il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, 75 % tal-popolazzjoni tat-Tanzanija huma bdiewa fuq skala żgħira; billi l-komunitajiet jgħixu tajjeb u f'armonija mal-flora u l-fawna selvaġġi protetti u jirrapreżentaw madwar 10 % tal-popolazzjoni tat-Tanzanija, inklużi l-Maasai, iżda għadhom iħabbtu wiċċhom mat-telf ta' artijiethom minħabba l-bejgħ ta' art mingħajr l-għarfien adegwat tal-konsegwenzi ġuridiċi u prattiċi, allokazzjoni korrotta u illegali tal-art lill-barranin u l-klassifikazzjoni ta' art bħala "trust land", riservi jew parks nazzjonali mill-awtoritajiet;
K. billi l-Artikolu 17 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jirrikonoxxi d-dritt ta' kulħadd biex jippossjedi proprjetà kemm waħdu jew f'assoċjazzjoni ma' oħrajn, u jipprevedi li ħadd m'għandu jiġi mċaħħad arbitrarjament mill-proprjetà tiegħu;
L. billi l-kumpaniji internazzjonali, inklużi l-kumpaniji Ewropej, għandhom rwol sinifikanti fl-akkwisti ta' art fuq skala kbira fit-Tanzanija, u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali kienu involuti fil-finanzjament ta' ftehimiet dwar artijiet fuq skala kbira fil-pajjiż
M. billi l-Qafas u l-Linji gwida dwar il-Politika tal-Art fl-Afrika jitlob ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet, inklużi r-rispett tad-drittijiet konswetudinarji tal-art u ta' riżorsi li ġejjin mill-art;
N. billi f'Mejju 2014 l-UE nediet programm ġdid biex issaħħaħ il-governanza tal-art u tgħin fit-titjib tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni tal-familji ta' bdiewa u komunitajiet vulnerabbli fil-pajjiżi Afrikani;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-ispostament illegali ta' komunitajiet lokali rurali, il-qerda tal-villaġġi u tal-istil tradizzjonali ta' ħajja tagħhom, u l-vjolazzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi id-dritt għall-ikel xieraq, id-dritt għall-ilma, u d-dritt għall-alloġġi xierqa;
2. Jikkundanna b'mod partikolari l-azzjonijiet li ma jirrikonoxxux il-leġittimità ta' arranġamenti konswetudinarji ta' pussess tal-art li jipprovdu drittijiet statutorji lill-individwi u lill-komunitajiet, u li jipprevjenu l-esproprjazzjoni u l-abbużi tad-drittjiet tal-art, li huma prevalenti b'mod speċjali fil-komunitajiet Afrikani;
3. Jistieden lill-Gvern tat-Tanzanija jimplimenta b'mod immedjat l-VGGT u jiggarantixxi l-ġustizzjabbiltà b'mod effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem minquxa fih; isostni l-ewwel prinċipju fundamentali tal-Prinċipji Gwida tal-LSLBI, li jinkludi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet u tad-drittijiet konswetudinarji tal-art u li jikkontribwixxi għall-governanza responsabbli tal-art u tar-riżorsi li ġejjin mill-art f'konformità mal-istat tad-dritt; u għal titjib tad-drittijiet tal-art tan-nisa, li jammontaw għal mill-anqas nofs il-forza tax-xogħol fil-biedja u fil-kummerċ, iżda li l-aċċess tagħhom għad-drittijiet tal-proprjetà u għas-servizzi anċillari ta' dawn id-drittijiet (eż. aċċess għall-banek u parteċipazzjoni f'assoċjazzjonijiet) huwa ristrett, kif ukoll id-drittijiet tal-art għall-komunitajiet u gruppi soċjali vulnerabbli, bħall-komunitajiet tar-raħħala;
4. Jappella għal ftuħ ta' investigazzjoni indipendenti dwar it-tilwim fuq l-artijiet fiż-żona ta' Loliolindo;
5. Iħeġġeġ lill-Gvern tat-Tanzanija jippromwovi politiki ta' investiment agrikolu li jibbenefika lill-popolazzjoni lokali fir-reġjuni kkonċernati, jikkonforma u jinforza l-politiki tiegħu dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u ambjentali, inklużi valutazzjonijiet ta' impatt fuq il-produzzjoni tal-ikel lokali, qabel il-bidu ta' kwalunkwe proġett ta' investiment, u jirrispetta kif xieraq id-dispożizzjonijiet dwar konsultazzjoni u kumpens fil-każ ta' esproprju ta' art;
6. Ifakkar b'mod partikolari li l-popli indiġeni ngħataw forom speċifiċi ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fuq l-art skont id-dritt internazzjonali; jenfasizza, bi qbil mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, li kull tibdil fl-użu tal-art għandu jseħħ biss bil-kunsens liberu, preliminari u infurmat tal-komunitajiet lokali kkonċernati; jinsisti li l-istati għandhom jipprovdu mekkaniżmi effikaċi għall-prevenzjoni u r-rimedju għal kwalunkwe azzjoni li għandha l-għan jew l-effett li tesproprja popli indiġeni mill-artijiet, mit-territorji jew mir-riżorsi tagħhom;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' informazzjoni preċiża u s-segretezza dwar in-numru ta' investimenti fit-Tanzanija; jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jiżguraw li l-ftehimiet dwar l-art isiru b'mod pubbliku u trasparenti u jkunu adattati għal dawk il-persuni mobbli li jrabbu l-annimali u r-raħħala;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, timpenja ruħha b'mod attiv mal-awtoritajiet tat-Tanzanija bil-għan li tħeġġiġhom jippreżentaw rikonoxximent kodifikat u ġuridikament vinkolanti dwar id-drittijiet tal-poplu Maasai, b'referenza partikolari għall-artijiet tal-antenati tagħhom, biex b'hekk jipprovdu l-protezzjoni ġuridika meħtieġa biex jipprevjenu tilwim fil-futur;
9. Jenfasizza, li l-iżgurar tal-pussess tal-art għall-komunitajiet rurali huwa essenzjali biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs); jitlob lill-UE ssaħħaħ il-bini tal-kapaċità tal-qrati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bil-għan li l-liġi dwar il-proprjetà tiġi infurzata b'mod effikaċi u li jiġu riżolti t-tilwimiet dwar l-art bħala parti minn approċċ olistiku maħsub biex jikkonsolida s-sistemi ġudizzjarji u l-istat tad-dritt;
10. Ifakkar li l-proġetti ta' skala kbira spiss jikkawżaw ħsara lill-ambjent naturali, fosthom il-qerda tal-foresti, it-telfien tal-bijodiversità u l-kontaminazzjoni tal-ilma;
11. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-allinjament tal-linji gwida għall-politika tagħha dwar l-art mal-VGGT, u tagħtih aktar importanza fil-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, fil-politika ta' kummerċ u investiment u fl-involviment tagħha f'istituzzjonijiet ta' finanzjament multilaterali;
12. Itenni li d-drittijiet tal-bniedem u r-regoli li jipprojbixxu l-approprjazzjoni tal-art għandhom jiġu integrati fil-ftehimiet ta' kummerċ u invesitment tal-UE, inkluża s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ);
13. Jisħaq fuq l-importanza tat-trasparenza u r-responsabilità sħiħa tal-operazzjonijiet tal-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE f'investimenti ta' kummerċ agrikolu ta' skala kbira u l-akkwisti tal-art fit-Tanzanija, u jappella għal mekkaniżmu tal-UE b'saħħtu u effikaċi biex iwettaq monitoraġġ ta' dawn l-operazzjonijiet;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament dwar in-nefqa fi programmi għall-iżvilupp u l-baġit tal-UE relatat mal-governanza tal-artijiet, bil-għan li jiġi żgurat li dawk il-programmi jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u jittrattaw l-isfidi relatati mal-approprjazzjoni tal-art;
15. Jisħaq li l-proċessi tal-politika tal-artijiet iridu jirrikonoxxu b'mod effikaċi r-rwol ta' istituzzjonijiet u strutturi, lokali u bbażati fil-komunità, għall-amministrazzjoni/ġestjoni tal-artijiet, flimkien ma' istituzzjonijiet u strutturi tal-istat;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Unjoni Afrikana u lill-Gvern u l-Parlament tat-Tanzanija.
L-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja
246k
83k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))
– wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(1), tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(2), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya(3), u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja(4), u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari dwar il-każ ta' Alexei Navalny(5),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, tat-28 ta' Frar 2015 dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ tal-4 ta' Marzu 2015 dwar id-detenzjoni kontinwa ta' Nadiya Savchenko,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-VP/RGħ tat-3 ta' Marzu 2015 dwar ir-rifjut li l-MPE Sandra Kalniete titħalla tidħol fit-territorju tal-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Marzu 2014 mill-Ombudsman tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Lukin, dwar dimostrazzjonijiet pubbliċi f'Moska u l-passi meħuda mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati li hemm sospiżi għal ftehim ġdid UE-Russja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Boris Nemtsov, Viċi Prim Ministru preċedenti tal-Federazzjoni Russa, Gvernatur preċedenti ta' Nizhny Novgorod, riformista preminenti tas-soċjetà u l-ekonomija Russa post-Sovjetika u wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni liberali demokratika tar-Russja, ġie assassinat ħdejn il-Kremlin jumejn qabel dimostrazzjoni li kellha ssir fl-1 ta' Marzu, li hu kien qed jorganizza, kontra l-effetti tal-kriżi ekonomika u l-kunflitt fl-Ukraina;
B. billi fil-ġimgħat ta' qabel l-omiċidju, Boris Nemtsov kien qed jinvestiga l-parteċipazzjoni tar-Russja fil-konflitt Donbas u kellu l-intenzjoni li jippubblika rapport dwar il-kwistjoni; billi ħamest irġiel ġew arrestati fuq il-qtil ta' Boris Nemtsov, imma mhuwiex ċar kemm kien wieħed minn dawk miżmuma li spara t-tir fatali; billi l-awtoritajiet Russi ma ppermettewx lil xi Membri tal-Parlament Ewropew u lil xi delegazzjonijiet nazzjonali jidħlu fil-Federazzjoni Russa, b'hekk impedewhom milli jattendu l-funeral ta' Boris Nemtsov;
C. billi Boris Nemtsov kien difensur qawwi ta' Federazzjoni Russa moderna, prospera u demokratika, miftuħa għad-dinja;
D. billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;
E. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar tul dawn l-aħħar snin u billi l-awtoritajiet Russi adottaw sensiela ta' liġijiet b'dispożizzjonijiet ambigwi li qed jintużaw biex ipoġġu aktar restrizzjonijiet fuq l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, u b'hekk ixekklu l-libertajiet tal-espressjoni u tal-għaqda; billi l-Ministeru tal-Ġustizzja għamel użu minn poteri introdotti dan l-aħħar biex jiddikjara 42 grupp bħala "aġenti barranin", inkluż l-organizzazzjonijiet favur id-drittijiet tal-bniedem l-aktar esperti u awtoritattivi tal-pajjiż, u uża pretesti burokratiċi biex jipprova jxolji bosta gruppi oħrajn; billi f'Jannar 2015 id-Duma ħadet l-ewwel pass fl-approvazzjoni ta' liġi ġdida li tipprojbixxi l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet barranin "mhux mixtieqa";
F. billi l-Parlament esprima t-tħassib tiegħu f'bosta okkażjonijiet dwar l-istat tad-demokrazija fir-Russja, u dwar il-falliment sistematiku li jiġi rispettat l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; billi l-istat tad-dritt, l-istandards ta' proċess ġust, il-proċess dovut u l-indipendenza tal-ġudikatura mhumiex rispettati fir-Russja; billi l-aħħar elezzjonijiet presidenzjali u tad-Duma tal-Istat naqsu milli jilħqu l-istandards tal-OSKE;
G. billi, matul dawn l-aħħar snin, ħafna proċessi u proċedimenti ġudizzjarji, bħall-każijiet Navalny, Magnitsky, Khodorkovsky, Politkovskaya u każijiet oħrajn, tefgħu dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa; billi dawn il-każijiet ta' persuni prominenti huma sempliċement biss dawk il-każijiet magħrufa barra r-Russja għal dak li hu l-falliment sistematiku min-naħa tal-istat Russu li jirrispetta l-istat tad-dritt u jiggarantixxi l-ġustizzja liċ-ċittadini tiegħu;
H. billi dejjem qed jikber il-bżonn ta' politika unita, soda, koerenti u komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja, appoġġjata mill-Istati Membri kollha, b'appoġġ u għajnuna sostnuti bi kritika soda u ġusta abbażi tal-valuri universali li kemm l-UE kif ukoll ir-Russja qablu li jħaddnu;
I. billi l-UE permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, ripetutament offriet assistenza u għarfien espert lir-Russja, għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, biex twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha u tiżviluppa l-potenzjal ekonomiku sħiħ tagħha;
J. billi fid-19 ta' Frar 2015 il-kap tal-oppożizzjoni Russa Aleksei Navalny ġie kkundannat 15-il jum ħabs talli qassam fuljetti biex jirreklama d-dimostrazzjoni li kienet se ssir; billi fit-30 ta' Diċembru 2014 qorti imponiet fuqu sentenza sospiża ta' tliet snin u nofs u tat sentenza ta' ħabs ta' tliet snin u nofs lil ħuh, Oleg Navalny;
K. billi fl-4 ta' Marzu 2015 qorti ta' Moska ċaħdet appell ieħor minn Nadiya Savchenko kontra d-detenzjoni illegali tagħha mill-Federazzjoni Russa, li ressqet b'referenza għall-immunità tagħha bħala membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE); billi sal-4 ta' Marzu s-Sa Savchenko kienet fuq strajk tal-ġuħ għal 82 jum, u billi, wara perjodu ta' żmien bħal dan, qed tiffaċċja r-riskju ta' ħsara permanenti għal saħħitha, jew il-mewt;
L. billi għaddew sitt xhur mill-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver mis-servizzi ta' sigurtà Russi fit-territorju Estonjan, bi ksur tad-dritt internazzjonali; billi għadu miżmum illegalment fil-ħabs ta' Lefortovo f'Moska; billi mhuwiex qed jirċievi għajuna legali adegwata, ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu ta' proċess ġust u ġie ordnat jissottoponi ruħu għal eżami psikjatriku mhux ġustifikat, li d-dettalji tiegħu baqgħu mhux magħrufa;
M. billi l-Fond Ewropew għad-Demokrazija qed jikkonċentra fuq il-kwistjoni tal-pluralità tal-midja Russa, u billi, flimkien mas-sħab tiegħu, qed jiġi mistieden jiżviluppa inizjattivi ġodda tal-midja;
N. billi t-tifrik u l-kaxxi s-suwed tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk, li kkraxxja qrib Smolensk f'April 2010 u qatel lill-President Pollakk u membri prominenti politiċi, militari u kulturali, għadhom f'idejn ir-Russja; billi l-awtoritajiet Russi qed jirrifjutaw li jirritornawhom lill-Polonja minkejja d-diversi appelli biex dan iseħħ;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-omiċidju ta' Boris Nemtsov f'assassinju politiku l-aktar sinifikanti fl-istorja reċenti Russa, li fih ġie maqtul b'tiri ta' arma tan-nar qrib il-Kremlin, f'żona mgħammra b'video cameras u mimlija b'persunal tal-pulizija u servizzi ta' sigurtà;
2. Juri rikonoxximent lil Boris Nemtsov, mexxej prominenti tal-oppożizzjoni, fundatur u mexxej tal-moviment politiku Solidarnost, kritiku ewlieni tal-President Vladimir Putin u tal-gwerra fl-Ukraina u li impenja lilu nnifsu għal Russja aktar demokratika, prospera u miftuħa u għal sħubiji qawwija bejn ir-Russja u l-ġirien u s-sħab tagħha; jestendi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-familja u l-ħbieb ta' Boris Nemtsov, lill-membri tal-oppożizzjoni u lill-poplu Russu; jikkundanna d-deċiżjoni tat-tmexxija Russa li żżomm diplomatiċi tal-UE u delegazzjonijiet nazzjonali milli jattendu għall-funeral tiegħu, biex b'hekk jimpedixxu t-tentattiv tal-UE li tagħti r-rikonoxximent lil ċittadini qalbiena Russi li jiddefendu valuri universali;
3. Jindika li dan l-omiċidju hu wieħed fost numru dejjem akbar ta' omiċidji u ta' mwiet suspettużi mhux solvuti b'motivazzjoni politika mwettqa fir-Russja sa mill-1998, inkluż dawk tal-ġurnalista investigattiva Anna Politkovskaya, Alexander Litvinenko, li allegatament kien assassinat fir-Renju Unit, l-avukat Stanislav Markelov, il-ġurnalista Anastasia Baburova, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Natalia Estemirova, l-avukat Sergei Magnitsky, u issa tal-politiku Boris Nemtsov;
4. Jieħu nota tal-arrest ta' ħames suspettati ta' oriġini Ċeċena mħabbar mill-awtoritajiet Russi;
5. Jitlob investigazzjoni internazzjonali indipendenti tal-omiċidju; huwa tal-fehma li l-istrumenti disponibbli fi ħdan il-qafas tal-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti jgħinu jiżguraw investigazzjoni imparzjali u ġusta;
6. Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex fl-ifformular tal-politika futura tagħhom fil-konfront tar-Russja, jikkunsidraw il-fatt li l-atmosfera politika li ħolqu l-awtoritajiet Russi ħejjiet art fertili għal omiċidji, vjolenza u pressjoni bħal dawn; jinsab allarmat bl-atmosfera ta' mibegħda fil-konfront tal-attivisti tal-oppożizzjoni, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-minoranzi u n-nazzjonijiet tal-viċinat, li f'dawn l-aħħar snin kompliet tiżdied fir-Russja, istigata mill-propoganda tal-istat u mill-midja uffiċjali bħala parti minn kultura politika li tbiegħed lilha nnifisha minn prinċipji demokratiċi;
7. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa jwaqqfu l-propaganda ta' misħija u informazzjoni ta' gwerra kontra l-ġirien tagħha, id-dinja tal-Punent u l-popli tagħha, li qed tbiddel lir-Russja fi stat karatterizzat mir-ripressjoni, diskorsi ta' mibegħda u biża' fejn l-ewforja nazzjonalista qed tinbena fuq l-annessjoni tal-Krimea u fuq l-eskalazzjoni tal-gwerra fl-Ukraina, fejn id-drittijiet tat-Tartari tal-Krimea qed jiġu miksura u fejn il-Kremlin, bi ksur tad-dritt internazzjonali, qed jikkultiva u jipprovoka mibegħda u ġlied; jikkundanna l-propaganda l-ġdida tal-gwerra li qed issir kontra l-valuri demokratiċi u fundamentali, li qed jiġu ppreżentati bħala mhux idonji għas-soċjetà Russa; ifakkar li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Federazzjoni Russa impenjaw lilhom infushom, f'diversi dikjarazzjonijiet u trattati internazzjonali, li jipproteġu l-valuri demokratiċi universali u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-importanza li jkun hemm forzi tal-oppożizzjoni politiċi, sabiex ikun żgurat dibattitu kostanti u skambju ta' fehmiet u ideat fil-politika u fil-proċessi tat-tfassil tal-liġijiet fir-Russja;
8. Jitlob lill-awtoritajiet Russi biex iġibu fi tmiemhom kull pressjoni, kull att ripressiv u kull intimidazzjoni - kemm politiċi kif ukoll ġuridiċi - kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti, sabiex dawn jitħallew jaġixxu b'mod ħieles bi qbil mal-prinċipji bażiċi tal-kostituzzjoni Russa;
9. Jinsab ferm imħasseb dwar in-nuqqas ta' osservanza min-naħa tar-Russja tal-obbligi legali internazzjonali bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt; hu tal-fehma li l-Federazzjoni Russa għandha tissodisfa l-obbligi li għalihom iffirmat; jiddeplora l-fatt li żviluppi reċenti juru li r-Russja marret lejn direzzjoni kuntrarja għal dik ta' demokrazija li tiffunzjona, li tinkludi rispett lejn l-oppożizzjoni, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura;
10. Jiddeplora b'mod qawwi n-nuqqas tal-awtoritajiet Russi biex jirrispondu għall-kritika kemm fi ħdan il-Federazzjoni Russa kif ukoll fix-xena internazzjonali tal-Liġi dwar l-Aġenti Barranin, u minflok adottaw emendi li huma diskriminatorji minn natura tagħhom u li jkomplu jirrestrinġu aktar il-possibbiltajiet għal organizzazzjonijiet mhux kummerċjali li jaġixxu; jistieden bil-qawwa lir-Russja biex tagħmel eżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti bl-iskop li tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet demokratiċi;
11. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tat-28 ta' Jannar 2015, li ċaħdet l-ilment imressaq mill-Ministeru tal-Ġustizzja li talab l-għeluq "tas-Soċjetà Memorjal Russa" u l-allegazzjonijiet ta' ksur fi ħdan l-istruttura organizzattiva tagħha, u jitlob li l-NGOs l-oħra li jinsabu fuq il-lista ta' "aġenti barranin", jitneħħew minnha;
12. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu immedjatament lil dawk kollha rikonoxxuti bħala priġunieri politiċi;
13. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu urġentement lil Nadiya Savchenko u li jirrispettaw l-immunità tagħha bħala membru ta' Verkhovna Rada tal-Ukraina u ta' PACE, li nħatfet fit-territorju tal-Ukraina u tinsab miżmuma illegalment f'ħabs Russu; jissottolinja l-fatt li r-Russja terfa' r-responsabilità għall-istat ta' saħħa fraġli tagħha; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu għall-kondizzjoni ta' saħħitha u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji Russi japplikaw il-liġi umanitarja;
14. Jikkundanna l-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver fit-territorju Estonjan lejn ir-Russja; isejjaħ għall-ħelsien immedjat tiegħu u għal ritorn sikur lejn l-Estonja;
15. Jemmen li r-Russja tibqa' attur globali importanti u li hu fl-interess strateġiku tal-UE u tar-Russja li b'mod rapidu jnaqqsu t-tensjoni u jniedu mill-ġdid ir-relazzjonijiet bejniethom, permezz tad-diplomazija u l-medjazzjoni, dment li dan iseħħ b'rispett dovut għad-dritt internazzjonali u l-impenji tal-OSKE;
16. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati lejn soċjetà miftuħa u lejn aġenda riformista;
17. Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li jintemm it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni fir-Russja; hu tal-fehma li din l-istrateġija tal-UE għandha tkun immirata biex twassal lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tal-OSKE u tinċentiva lill-mexxejja tagħha jaqilgħu lir-Russja mill-awtoiżolament politiku u ekonomiku tagħha;
18. Iħeġġeġ lill-VP / RGħ, bl-appoġġ tas-SEAE u tal-Kummissjoni, tiżviluppa programm aktar b'saħħtu ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili Russa u fil-Krimea okkupata, u biex tfittex u tiżviluppa opportunitajiet ġodda li permezz tagħhom dawn jimpenjaw ruħhom magħha bil-għan li jippromwovu l-valuri tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fir-rigward tal-fażi ta' programmar tal-istrumenti finanzjarji tal-UE li għaddejja bħalissa, iżżid l-assistenza finanzjarja lis-soċjetà ċivili Russa permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-fondi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, u tinkludi lill-Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u r-Russja fl-Istrument ta' Sħubija bl-għan li tiżgura appoġġ sostenibbli u kredibbli fit-tul;
19. Itenni t-tħassib tiegħu, kif espress fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet Russi li jikkooperaw mal-investigazzjoni indipendenti u internazzjonali fit-twaqqigħ tat-titjira MH17; jenfasizza bil-qawwa l-fatt li l-arranġament ta' amnestija li sar fil-qafas tal-Ftehim ta' Minsk ma jistax jiġi applikat fil-każ ta' dawk li wettqu dan ir-reat, u għalhekk m'huma intitolati għall-ebda amnestija;
20. Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament jirritoraw it-tifrik tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk u l-kaxxi suwed kollha lill-Polonja; jenfasizza l-fatt li l-livell ta' dipendenza tal-ġudikatura Russa fuq l-awtoritajiet jimmina kull investigazzjoni imparzjali u onesta;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
Rapport Annwali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew
407k
155k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew (2014/2219(INI))
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (12094/14),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi-President tal-Kummissjoni (RGħ/VP) dwar ir-responsabbiltà politika,
– wara li kkunsidra l-impenji meħuda mir-RGħ/VP Federica Mogherini matul is-seduta ta' smigħ tagħha tas-6 ta' Ottubru 2014 fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0039/2015),
Quddiem ambjent politiku u ta' sigurtà mibdul
1. Jindika l-ambjent ta' sigurtà fl-UE li mar għall-agħar b'mod drammatiku, speċjalment fil-viċinat immedjat tal-UE, fejn l-ordni internazzjonali msejjes fuq id-dritt, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Ewropa, qed iħabbtu wiċċhom ma' theddidiet ta' gravità mingħajr preċedenti mindu bdiet l-integrazzjoni Ewropea; jindika t-trasformazzjoni kontinwa tal-ordni politiku globali;
2. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-UE, anki minħabba l-kriżi interna tagħha, s'issa ma rnexxilhiex tuża l-potenzjal kollu tagħha biex issawwar l-ambjent politiku u ta' sigurtà internazzjonali, u li n-nuqqas ta' koordinazzjoni u koerenza fil-politiki bejn il-politiki tal-UE, flimkien mal-limitazzjonitiet finanzjarji, joħolqu restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-influwenza tal-Ewropa fid-dinja u l-kapaċità tagħha bħala fornitur ta' sigurtà reġjonali u globali li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet;
3. Huwa tal-fehma li l-kompiti ta' prijorità għall-politika barranija u tas-sigurtà tal-UE huma:
—
il-ħarsien tal-valuri u l-interessi Ewropej u l-infurzar tal-ordni politiku u ġuridiku fl-Ewropa, biex b'hekk jiġu ripristinati u salvagwardjati l-paċi u l-istabbiltà;
—
it-titjib tal-kontribut tal-UE fid-difiża territorjali tal-Istati Membri tagħha u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha billi ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddefendi ruħha kontra t-theddidiet li qed tħabbat wiċċha magħhom, inkluż it-terroriżmu u l-armi, it-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin;
—
l-għoti ta' sostenn lis-sigurtà, id-demokratizzazzjoni, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-viċinat tal-UE;
—
it-teħid ta' rwol ewlieni fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, anki permezz taż-żamma tal-paċi u l-infurzar tal-paċi fil-kuntest tal-PSDK;
—
it-tisħiħ, flimkien mas-sħab tagħha, tal-ordni politiku, ekonomiku u finanzjarju globali pluralistiku bbażat fuq ir-regoli, inkluż ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; u
—
it-titjib tal-istrutturi interni u l-metodi ta' ħidma tal-UE sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħha u jkun jista' joħroġ il-potenzjal sħiħ tagħha bħala attur globali;
L-UE bħala attur kredibbli
4. Jemmen li politika barranija ambizzjuża u effikaċi tal-UE jeħtieġ li tkun imsejsa fuq viżjoni komuni tal-interessi, il-valuri u l-objettivi ewlenin Ewropej fir-relazzjonijiet esterni, u fuq perċezzjoni komuni tat-theddidiet li qed jolqtu lill-UE kollha kemm hi; jilqa' l-impenn tar-RGħ/VP, abbażi tal-mandat mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013, li tagħti bidu, bħala kwistjoni ta' prijorità, għal proċess ta' riflessjoni strateġika dwar il-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, li għandu jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-pubbliku Ewropew; jinsisti li din ir-riflessjoni għandha twassal għal Strateġija Ewropea ta' Sigurtà ġdida li tqis il-bidliet ġeopolitiċi reċenti sabiex tirreaġixxi għat-theddidiet u l-isfidi ġodda;
5. Jenfasizza l-obbligu meħud mill-Istati Membri fir-ratifikazzjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jagħtu sostenn lill-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni b'mod attiv u mingħajr riserva, fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka, f'konformità mal-Artikolu 24(3) TUE;
6. Jinsisti li r-riżorsi politiċi, ekonomiċi, finanzjarji u ta' difiża tal-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jissaħħu u jinġemgħu flimkien bil-għan jimmassimizzaw l-influwenza tal-UE fid-dinja, jipproduċu sinerġiji u jiżguraw il-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa u l-viċinat tagħha; jissottolinja li l-ispejjeż jistgħu jiġu ffrankati b'mod sinifikanti permezz ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika barranija u ta' sigurtà tagħhom;
7. Jenfasizza li l-assistenza finanzjarja esterna skjerata mill-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li terġa' tiġi orjentata mill-ġdid u użata b'mod aktar effiċjenti f'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi miftiehma b'mod konġunt; jitlob li jittieħdu aktar miżuri mill-UE sabiex tiżdied il-viżibbiltà, il-koerenza u l-effikaċja tal-assistenza tal-UE; huwa tal-fehma li l-oqsma kollha ta' assistenza tal-UE, kemm jekk hi għajnuna għall-iżvilupp, jew għajnuna umanitarja u ta' emerġenza, għandhom ikunu kkoordinati u konsistenti; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw sorveljanza effikaċi fuq l-assistenza finanzjarja, biex ikunu ċerti li l-miri jintlaħqu; jiġbed l-attenzjoni għar-rapporti mfassla mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li fil-passat urew anomaliji; jenfasizza li għandha tiżdied l-assistenza finanzjarja li tagħti sostenn lis-soċjetà ċivili u l-NGOs li jinsabu fil-post; jitlob li fejn tidħol l-approvazzjoni ta' proġetti jkun hemm proċeduri aktar rapadi u anqas burokratiċi;
8. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE biex jużaw bis-sħiħ is-sett ta' għodod tat-Trattat ta' Lisbona sabiex jimxu minn approċċ li sal-lum kien aktar reattiv għal politika barranija u ta' sigurtà tal-UE proattiva u koerenti, ibbażata fuq valuri komuni u użata fl-interess komuni Ewropew;
9. Huwa tal-fehma li l-Kunsill u l-Kummissjoni, bil-kooperazzjoni attiva tal-Istati Membri, jeħtieġ li jiżguraw il-koerenza u l-konsistenza ta':
—
il-politiki interni u esterni segwiti mill-UE, inkluż il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u l-politiki marbuta mal-viċinat, il-kummerċ, l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-enerġija, l-ambjent, il-migrazzjoni, eċċ,
—
il-politiki segwiti mill-UE u mill-Istati Membri tagħha;
10. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-organizzazzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida fi gruppi, peress li hekk tippermetti li r-RGħ/VP tikkoordina l-politiki relevanti kollha tal-Kummissjoni b'dimensjoni esterna; jappoġġja lir-RGħ/VP fl-isforzi tagħha biex tħaddan bis-sħiħ ir-rwol tagħha bħala Viċi President tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex, fl-istess ħin, tuża r-rwol tagħha bħala President tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin sabiex tressaq inizjattivi fil-Kunsill li javanzaw il-politiki proattivi komuni lil hinn mill-iżgħar denominatur komuni, billi tuża s-sett ta' għodod kollu tal-PESK u tal-politiki esterni tal-UE;
11. Itenni li l-istrutturi interni tas-SEAE jeħtieġ li jiġu riformati sabiex dan ikun jista' jassisti lir-RGħ/VP fir-rwoli kollha tagħha u jippermettilha timxi 'l quddiem fl-ippjanar strateġiku u tikkoordina l-proċessi politiċi fi ħdan il-Kunsill u l-Kummissjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi razzjonalizzata l-istruttura ta' ġestjoni superjuri tas-SEAE u li jitħaffu u jiġu simplifikati l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet; itenni t-taħba tiegħu għal integrazzjoni aktar stretta tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE fis-SEAE, fosthom permezz ta' trasferiment tal-baġit tagħhom mill-baġit operattiv tal-PESK għall-baġit tas-SEAE; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, evalwazzjoni politika u kosteffikaċi tar-rwol li għandhom dawn ir-Rappreżentanti Speċjali;
12. Itenni t-talba tiegħu għal kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa bejn id-diversi kapaċitajiet ta' monitoraġġ u reazzjoni għall-kriżijiet fil-livell tal-UE; iħeġġeġ, barra minn hekk, ir-razzjonalizzazzjoni tal-istrutturi eżistenti sabiex jitnaqqsu d-duplikazzjonijiet mhux meħtieġa, fosthom billi jingħaqdu dawk il-kapaċitajiet li jirkbu fuq xulxin; huwa tal-fehma li ċ-ċentri ta' monitoraġġ għandu jkollhom riżorsi adegwati u li l-profili lingwistiċi tal-persunal tagħhom għandhom ikunu f'konformità mal-lingwi mitkellma fiż-żoni ta' kriżi l-aktar rilevanti, b'mod partikolari r-Russu u l-Għarbi; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn iċ-ċentri ta' monitoraġġ fil-livell tal-UE u s-servizzi korrispondenti fl-Istati Membri;
13. Jitlob li ssir modernizzazzjon tan-netwerk tad-delegazzjonijiet tal-UE sabiex dawn jirriflettu l-ħtiġijiet tal-politika barranija tal-UE fis-seklu 21, fosthom billi jiġu adattati n-numri u l-għarfien espert tal-persunal; iqis, pereżempju, li d-delegazzjonijiet kollha li jinsabu f'żoni ta' kunflitt, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn għaddejja missjoni tal-PSDK, għandha tinkludi l-preżenza ta' espert dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża; jitlob lir-RGħ/VP biex issaħħaħ l-awtorità tal-kap tad-delegazzjoni fuq il-persunal kollu, irrispettivament mill-oriġini istituzzjonali tagħhom, u biex tissimplifika l-baġits amministrattivi tad-delegazzjonijiet lejn sors ta' finanzjament uniku; jitlob li l-linji ta' rapportar jiġu ċċarati; jiddispjaċih li l-potenzjal għal sinerġiji u ekonomiji ta' skala li jingħata mit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-ambaxxati tal-Istati Membri u d-delegazzjonijiet tal-UE għad irid jiġi sfruttat bis-sħiħ; jinsisti li bilanċ ġust bejn il-persunal sekondat mill-Istati Membri u l-uffiċjali tal-UE, li huwa stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi s-SEAE, għandu jiġi rispettat fil-livelli kollha, u jinnota li, speċjalment fejn jidħlu pożizzjonijiet ta' livell għoli bħal dik ta' Kap ta' Delegazzjoni, attwalment dan il-bilanċ mhux qed jinżamm;
14. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-UE, li spiss iwassal għal dewmien fl-iżborż operazzjonali tal-fondi tal-UE u joħloq ostakli addizzjonali għall-kapaċità tal-UE biex tirrispondi għall-kriżijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa għal żborż aktar rapidu ta' mezzi finanzjarji, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal kontroll effikaċi sabiex jiġu evitati l-frodi u l-miżapproprijazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2015 toħroġ bi proposta għal riforma tal-leġiżlazzjoni rilevanti, fosthom billi tippermetti proċedura rapida, attwalment disponibbli għall-għajnuna umanitarja, biex tintuża għall-ġestjoni tal-kriżi filwaqt li jiġi żgurat li l-infiq b'reazzjoni għall-kriżijiet ikun koerenti mal-għanijiet strateġiċi tal-UE fuq medda twila ta' żmien; jinsab imħasseb sew dwar l-iskarsezza tal-pagamenti fir-rigward ta' żewġ sorsi baġitarji ewlenin tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-kunflitti, b'mod partikolari l-baġit tal-PESK u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP); huwa konvint li l-ambjent ta' sigurtà attwali fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ewropa aktar jeħtieġ effetti ta' sinerġija u riżorsi addizzjonali milli tnaqqis sostanzjali;
15. Jirrimarka li l-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE jeħtieġ li tiżdied fil-livell tal-ippjanar strateġiku u l-fora multilaterali, kif ukoll fil-livell operazzjonali permezz ta' missjonijiet tal-PSDK u l-missjonijiet l-oħra kollha b'aspett estern;
16. Ifakkar li l-UE għandha l-obbligu, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex tiżgura li l-azzjoni esterna tagħha hija mfassla u implimentata sabiex tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, u li din hija responsabbiltà konġunta tal-UE u l-Istati Membri tagħha; jistieden lir-RGħ/VP tagħti rendikont b'mod regolari dwar il-konformità mal-Artikolu 21, u biex tesplora mezzi bil-għan li ttejjeb il-koerenza tal-politika esterna, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali; jenfasizza li l-monitoraġġ tal-politiki esterni dwar il-konformità mal-Artikolu 21 għandhom jitwettqu b'mod aktar armonizzat u strett; jenfasizza l-ħtieġa li l-imsieħba jżommu mal-impenji li jkunu ħadu dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet mal-UE, u jisħaq fuq il-ħtieġa li, meta jkun meħtieġ, jintużaw il-klawsoli tal-kundizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-ftehimiet;
17. Jinnota ż-żieda fid-domanda għall-assistenza internazzjonali fl-appoġġ għad-demokrazija u l-osservazzjoni elettorali; jirrikonoxxi li dan huwa qasam fejn l-UE jista' jkollha rwol effikaċi fl-appoġġ tal-proċessi demokratiċi; jitlob, għaldaqstant, li jsir segwitu konsistenti dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u t-talbiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-appoġġ fil-bini tal-kapaċitajiet għall-partiti politiċi;
18. Jenfasizza l-importanza vitali tad-difiża kollettiva garantita min-NATO għall-membri tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għad-difiża territorjali, jiddedikaw aktar riżorsi u jieħdu b'serjetà l-metodoloġija ta' akkomunament u kondiviżjoni billi jikkooperaw aktar mill-qrib biex jibnu s-sinerġiji; jenfasizza li l-Istati Membri kollha jeħtieġ li jgawdu l-istess livell ta' sigurtà, f'konformità mal-Artikolu 42(7) TUE; jenfasizza li politika barranija kredibbli tal-UE jeħtieġ li tkun imsaħħa b'kapaċitajiet ta' difiża adegwati fl-Istati Membri u b'Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) effikaċi; huwa tal-fehma li l-PSDK hija komponent importanti tad-difiża u s-sigurtà Ewropea, u li tikkontribwixxi għal dan b'diversi modi, fosthom billi tippromwovi l-ħolqien ta' bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB), billi trawwem il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, u billi b'mod dirett tintervjeni f'żoni ta' kriżi permezz tal-missjonijiet ċivili u l-operazzjonijiet militari tagħha; jisħaq, għaldaqstant, li l-PSDK għandha tiġi approfondita ulterjorment b'kooperazzjoni man-NATO; itenni li l-UE hija sieħeb tan-NATO u li l-istrateġiji taż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom ikunu komplementari; jissottolinja r-rwol importanti tal-kooperazzjoni fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u sħab bħan-NU, in-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-OSKE; jilqa' l- impenn tar-RGħ/VP li tinvolvi ruħha b'mod attiv dwar kwistjonijiet ta' difiża, fosthom billi tippresiedi laqgħat tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fil-konfigurazzjoni tal-Ministri għad-Difiża;
19. Jappoġġa r-rieżami li qed issir tal-istrutturi għall-ġestjoni tal-kriżijiet fi ħdan s-SEAE; jistieden lill-VP/RGħ tiżgura li l-istrutturi eżistenti jsiru aktar effiċjenti sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod aktar rapidu u xieraq għall-kriżijiet emerġenti, fost l-oħrajn billi tnaqqas l-għadd ta' strutturi paralleli; jistieden lill-VP/RGħ tippreserva u ssaħħaħ il-karattru distint tal-approċċi ċivili għall-prevenzjoni tal-konflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet;
20. Jenfasizza li l-potenzjal ta' diversi klawsoli tat-Trattat ta' Lisbona, bħalma huma l-Artikolu 44 TUE (li l-missjonijiet tal-PSDK jitħallew f'idejn grupp żgħir ta' Stati Membri), l-Artikolu 41 TUE (dwar l-Istartup Fund), l-Artikolu 46 TUE (il-kooperazzjoni strutturata permanenti), l-Artikolu 42(7) TUE (il-klawsola ta' għajnuna reċiproka), u l-Artikolu 222 TFUE (il-klawsola ta' solidarjetà), għad irid jiġi sfruttat; jistieden lir-RGħ/VP tippromwovi b'mod attiv dawn l-istrumenti u l-implimentazzjoni tagħhom, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minnhom;
21. Jilqa' l-organizzazzjoni ta' laqgħa tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża f'Diċembru 2013, u jitlob għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda; jinsab ħerqan għad-dibattitu li jmiss f'Ġunju 2015; jitlob li f'dan is-summit jittieħdu deċiżjonijiet ambizzjużi, b'mod partikolari:
–
it-tnedija – abbażi tar-reviżjoni tal-qafas strateġiku tal-UE – ta' proċess ta' riflessjoni strateġika dwar l-objettivi u l-prijoritajiet fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, li jistabbilixxi l-kapaċitajiet meħtieġa u l-għażliet għall-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, bil-għan li jkun hemm rispons aħjar quddiem it-theddidiet li l-pajjiżi tal-UE qed iħabbtu wiċċhom magħhom;
–
it-tisħiħ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża billi jingħatawlha r-riżorsi meħtieġa u l-impetu politiku neċessarju, sabiex din tkun tista' taqdi r-rwol sħiħ tagħha fil-koordinazzjoni u l-istimulazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-armamenti;
–
ir-rieżami tal-mekkaniżmu ta' finanzjament Athena bil-ħsieb li jiżdied ulterjorment il-finanzjament komuni fil-qasam tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK, b'tali mod li jiġi evitat li l-kunsiderazzjonijiet finanzjarji jikkompromettu l-kapaċità tal-UE li tirrispondi għall-kriżijiet, u li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jiġġeneraw il-forzi b'mod rapidu għall-operazzjonijiet tal-PSDK u jiżguraw kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet;
–
it-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea, fost l-oħrajn billi jiġu kkoordinati l-baġits tad-difiża, jiġu armonizzati r-rekwiżiti, jitnaqqsu l-ineffiċjenzi u jinħolqu s-sinerġiji;
–
jiġu indirizzati l-problemi eżistenti fl-oqsma tal-ippjanar u t-tmexxija ta' operazzjonijiet militari, fosthom permezz tal-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali tal-operazzjonijiet militari permanenti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) li diġà teżisti;
—
iż-żieda fl-effikaċja u fil-possibbiltà tal-użu tal-Gruppi Tattiċi tal-UE, fost l-oħrajn billi jiġi introdott approċċ modulari, jiġi estiż il-finanzjament komuni permezz tal-mekkaniżmu Athena, u - fejn xieraq - jiġu skjerati l-Gruppi Tattiċi f'xenarji futuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet;
22. Hu tal-fehma li l-attakki terroristiċi reċenti fil-pajjiżi tal-UE jixhdu li huwa dejjem aktar diffiċli biex is-sigurtà interna tinfired minn dik esterna, u jappella lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu konnessjoni aħjar bejn l-isforzi tagħhom f'dawn l-oqsma; jappella lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-kondiviżjoni tal-intelligence relatata mas-sigurtà, billi jisfruttaw il-faċilitajiet ta' koordinament eżistenti fil-livell Ewropew; jappella biex tissaħħaħ il-koperazzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet kontra t-terroriżmu fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, anke permezz ta' taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu kull sforz possibbli biex isaħħu l-koperazzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jissottolinja r-rwol importanti li trid tiżvolġi n-NU f'dan ix-xogħol;
23. Jappella biex jiġu żviluppati r-riżorsi industrijali u teknoloġiċi meħtieġa biex tittejjeb is-sigurtà ċibernetika, anke permezz tal-promozzjoni ta' suq uniku għall-prodotti tas-sigurtà ċibernetika; jenfasizza fuq il-ħtieġa li ċ-ċiberdifiża tiġi integrata fil-politiki u l-miżuri predominanti tal-azzjoni esterna u l-PESK, u jappella biex ikun hemm koordinament aktar mill-qrib man-NATO fir-rigward taċ-ċiberdifiża bil-ħsieb li tiġi stabbilita deterrenza ċibernetika b'mod li l-attakki li jsiru miċ-ċiberspazju jkunu jistgħu jiġu affaċċjati u pprevenuti b'mod effikaċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiffokaw fuq kif tista' tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura rilevanti; jilqa' l-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċiberdifiża jiżdiedu b'mod sinifikanti; iħeġġeġ lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ssaħħaħ il-koordinament rigward iċ-ċiberdifiża fost l-Istati Membri u jappella lill-Istati Membri biex jipprovdulha l-mezzi biex tilħaq dan il-għan; jappella lill-Kummissjoni biex taġġorna r-regolament dwar l-użu doppju sabiex tevita l-esportazzjoni ta' sistemi lejn min ikollu l-intenzjoni li jdgħajjef is-sigurtà u l-infrastruttura kritika tal-UE u tipprevjeni l-esportazzjoni ta' teknoloġija għas-sorveljanza tal-massa lejn reġimi awtoritarji; ifakkar fl-importanza li jinżamm bilanċ bejn is-salvagwardja tal-libertajiet diġitali u s-sigurtà;
24. Jappella għal politika mġedda u koerenti tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni irregolari, billi tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini tal-flussi migratorji bl-użu tal-istrumenti politiċi u ta' assistenza kollha, inklużi l-politiki dwar l-iżvilupp u dwar il-kummerċ, l-għajnuna umanitarja, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, flimkien mal-ħtieġa li jissaħħu r-rotot ta' migrazzjoni legali; itenni l-appell tiegħu biex jiġi intensifikat l-appoġġ umanitarju lill-pajjiżi li jospitaw ir-refuġjati u biex jissaħħu l-Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali mmexxija b'kollaborazzjoni mal-UNHCR qrib ir-reġjuni ta’ oriġini; jisħaq fuq il-fatt li l-kwistjonijiet ta' ġestjoni tal-migrazzjoni għandhom jiġu integrati fil-politiki u l-miżuri predominanti tal-azzjoni esterna tal-UE u għandhom ikunu prijorità għolja fil-koperazzjoni tal-UE mal-ġirien fil-Lvant u fin-Nofsinhar; jenfasizza li l-fatalitajiet fil-fruntieri tal-UE jridu jiġu evitati;
25. Jindika li l-enerġija qed tintuża dejjem aktar bħala għodda fil-qasam tal-politika barranija u jfakkar li l-integrazzjoni Ewropea hija msejsa fuq il-koperazzjoni fis-settur tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li tinbena Unjoni Ewropea tal-Enerġija li jkollha l-għan li żżid il-koerenza u l-koordinament bejn il-politika barranija u l-politika tal-enerġija; jisħaq fuq il-fatt li s-sigurtà tal-enerġija għandha tkun parti mill-approċċ komprensiv għall-azzjoni esterna tal-UE u jemmen li l-politika tal-enerġija trid tkun konformi mal-politiki prijoritarji l-oħra tal-Unjoni, inklużi dawk fl-oqsma tas-sigurtà, tal-affarijiet barranin u tal-viċinat, dawk kummerċjali, u għall-iżvilupp, kif ukoll il-politiki tagħha għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li titnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza fuq ir-Russja u li jinstabu sorsi alternattivi ta' enerġija; jappella lir-RGħ/VP u lill-Kummissjoni biex jissorveljaw u jindirizzaw il-kontroll ta' infrastrutturi minn entitajiet li mhumiex fl-UE, b'mod speċifiku minn kumpaniji b'sjieda statali, banek nazzjonali jew fondi sovrani minn pajjiżi terzi, li jkunu qed jippenetraw fis-suq tal-enerġija tal-UE jew ixekklu d-diversifikazzjoni, inkluż fis-settur nukleari; jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji tal-enerġija li mhumiex fl-UE jridu jkunu soġġetti wkoll għar-regoli dwar il-kompetizzjoni applikabbli fis-suq tal-enerġija tal-UE;
26. Jilqa' l-istabbiliment tal-kariga ta' Viċi-President għall-Unjoni tal-Enerġija u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-koperazzjoni b'mod li jimplimentaw l-azzjonijiet fil-qosor u fit-tul elenkati f'din l-istrateġija; jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza bejn il-politika barranija tal-UE u l-politiki l-oħra b'dimensjoni esterna, bħall-politika tal-enerġija, u jistenna li l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni f'setturi raggruppati tkun effikaċi f'dan ir-rigward; iħeġġeġ biex jittieħdu passi ulterjuri biex l-objettivi fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija jsiru konformi mal-objettivi l-oħra segwiti mill-UE; jappella lir-RGħ/VP biex tiżviluppa prijoritajiet strateġiċi għall-politika esterna tal-enerġija stabbiliti fl-objettivi tal-politika barranija ġenerali u biex tagħmel użu aktar sistematiku tal-għodda tal-politika barranija fl-oqsma tas-sigurtà tal-enerġija;
27. Hu tal-fehma li għandu jiġi implimentat mekkaniżmu ta' solidarjetà b'mod li jiġi indirizzat it-taqlib possibbli fil-provvista tal-enerġija; jemmen li għandha tiġi żviluppata ulterjorment infrastruttura interkonnessa tal-enerġija u li l-partijiet kollha fit-territorju tal-UE għandhom jiġu integrati fi grilja enerġetika li tkopri l-UE kollha; jenfasizza li l-isforzi għad-diversifikazzjoni tal-provvista enerġetika tal-UE għandhom jitħaffu b'mod li tissaħħaħ l-indipendenza enerġetika tal-UE; hu tal-fehma li l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli u ta' użu effiċjenti tal-enerġija ikun ta' benefiċċju qawwi għall-kredibilità tal-azzjoni esterna tal-UE; ifakkar li suq intern tal-enerġija li jiffunzjona sew huwa essenzjali u li hu fl-interess ġenerali tal-UE li tiżgura li s-swieq tal-enerġija internazzjonali jkunu stabbli, trasparenti, u bbażati fuq ir-regoli internazzjonali; jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal strateġija komprensiva għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista ta' riżorsi apparti dawk tal-enerġija.
28. Jilqa' l-attitudni ta' kooperazzjoni tar-RGħ/VP Federica Mogherini fir-rigward tal-Parlament, immirata biex issaħħaħ ir-responsabbiltà tagħha fil-konfront tal-istituzzjoni; itenni l-ħtieġa għal konsultazzjoni sistematika u proattiva mal-Parlament, u b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu, qabel l-adozzjoni tal-istrateġiji tal-politika barranija u l-mandati tal-PSDK; jitlob lill-Kunsill jiffinalizza n-negozjati mal-Parlament rigward is-sostituzzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2002 dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża; impenja ruħu biex jintensifika l-koperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, inkluż fi ħdan il-Konferenza Interparlamentari għall-PESK u l-PSDK u l-COSAC, b'mod li jkunu preparati aħjar biex jikkontrollaw ir-riżorsi rispettivi;
Preservazzjoni u tisħiħ tal-ordni politiku u ġuridiku Ewropew
29. Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tiġi kkonsolidata u li tissaħħaħ il-kapaċità ta' integrazzjoni tagħha, li hija wieħed mill-kriterji ta' Kopenħagen; itenni il-perspettiva ta' tkabbir għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali oħra fl-ambitu tad-Dikjarazzjoni ta' Salonka tal-2003, abbażi tat-twettiq tal-kriterji ta' Kopenħagen, u jappoġġa t-tkomplija tan-negozjati għat-tkabbir; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-approċċ tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fl-indirizzar ta' riformi fundamentali fl-oqsma tal-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza ekonomika minn kmieni fil-proċess ta’ tkabbir; itenni li kull pajjiż għandu jkun iġġudikat skont il-merti proprji tiegħu u jemmen li, fil-każijiet fejn l-UE tqis li pajjiż kandidat kiseb livell sodisfaċenti ta' allinjament mal-acquis tal-UE, għandhom jinfetħu jew jitkomplew in-negozjati għall-adeżjoni, peress li dan huwa kruċjali biex tiġi ppreżervata l-kredibilità tal-UE kollha kemm hi; jissottolinja l-importanza ta' koperazzjoni mal-pajjiżi kandidati fil-qasam tal-politika esterna u jevidenzja s-sinifikat tal-allinjament tagħhom mal-PESK;
30. Hu tal-fehma li hemm bżonn ta' strateġija politika komprensiva, immirata biex treġġa' lura l-ordni politiku Ewropew taħt id-dritt internazzjonali, stabbilit fl-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 u li hu vinkolanti fuq l-istati Ewropej kollha, inkluża r-Russja; jinsisti li dan l-ordni hu bbażat fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet minoritarji u l-libertajiet fundamentali, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-istati, u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; iqis li l-iżvilupp ta' djalogu kostruttiv mar-Russja u mal-istati l-oħra ġirien tal-UE fir-rigward ta' koperazzjoni biex dan l-ordni jissaħħaħ hu bażi importanti għall-paċi u l-istabilità fl-Ewropa, dment li r-Russja tirrispetta d-dritt internazzjonali u tissodisfa l-impenji tagħha rigward il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina, inkluż l-irtirar mill-Krimea;
31. Hu tal-fehma li hemm bżonn ta' approċċ ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha tal-Lvant, abbażi ta' merti, differenzjazzjoni u l-prinċipju "aktar għal aktar"; jemmen li l-appoġġ għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ joqorbu lejn l-UE jrid ikun prijorità ewlenija tal-politika barranija tal-UE u li reazzjoni importanti biex jitrażżnu l-ambizzjonijiet tar-Russja fil-viċinat tagħha tkun li tinvesti fl-indipendenza, is-sovranità, l-iżvilupp ekonomiku u d-demokratizzazzjoni ulterjuri ta' dawn il-pajjiżi; hu impenjat favur il-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi ġirien tal-UE mill-Ewropa tal-Lvant u jfakkar li, skont l-Artikolu 49 TUE, huma - bħal kwalunkwe stat Ewropew ieħor — jistgħu japplikaw biex isiru membri tal-Unjoni Ewropea, sakemm jirrispettaw il-kriterji ta’ Kopenħagen u l-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk minoritarji, u jiggarantixxu l-istat tad-dritt;
32. Jilqa' l-iffirmar, ir-ratifika mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati, u l-implimentazzjoni proviżorja tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, inklużi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi, mal-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, li jikkostitwixxu pass kruċjali fit-triq lejn il-konverġenza tagħhom mal-UE; hu tal-fehma li l-proċess ta’ assoċjazzjoni għandu jintuża mill-pajjiżi kkonċernati biex jimmodernizzaw il-governanza demokratika, isaħħu l-istat tad-dritt, jirriformaw l-amministrazzjoni pubblika u jwettqu riformi ekonomiċi u strutturali bħala pass importanti fil-konverġenza politika, ekonomika, soċjali u ambjentali tagħhom mal-UE; iħeġġeġ għal żieda sostanzjali fl-assistenza politika, finanzjarja u teknika tal-UE bħala appoġġ għal dawn ir-riformi; jinsisti, madankollu, fuq kundizzjonalità stretta u l-ħtieġa li tkun iggarantita r-responsabilità għar-riżorsi użati u li jinkiseb suċċess sinifikanti fit-tnaqqis tal-korruzzjoni; jilqa' l-iżvolġiment u r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-Ukraina u r-Repubblika tal-Moldova f’Ottubru u Diċembru 2014 rispettivament b'mod konformi mal-istandards demokratiċi internazzjonali;
33. Jappella għal involviment mill-qrib ma' dawk il-ġirien mill-Ewropa tal-Lvant li għadhom ma kkonkludewx Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE jew li jixtiequ japprofondixxu u jsaħħu r-relazzjonijiet f'oqfsa differenti, anke permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali fl-oqsma ta' interess reċiproku; ifakkar, madankollu, li l-assistenza tal-UE tista' tkun effikaċi biss jekk ikun hemm biżżejjed sjieda tal-valuri Ewropej u rispett għalihom min-naħa tal-pajjiżi sħab, li għandhom jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali;
34. Iħeġġeġ lir-Russja tonora l-impenji u l-obbligi ġuridiċi tagħha, inklużi dawk minquxa fil-Karta tan-NU, il-Karta ta' Pariġi, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE, il-Memorandum ta' Budapest u t-Trattat dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija bejn ir-Russja u l-Ukraina; jikkundanna b'mod qawwi l-fatt li r-Russja kisret id-dritt internazzjonali permezz tal-aggressjoni militari diretta u l-gwerra ibrida tagħha kontra l-Ukraina, li rriżultaw f’eluf ta' vittmi ċivili u militari, kif ukoll fl-annessjoni u l-okkupazzjoni illegali tal-Krimea u f'azzjonijiet ta' natura simili fil-konfront tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, territorji tal-Ġeorġja; jevidenzja d-deterjorament allarmanti fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà medjatika fil-Krimea; iħeġġeġ lir-Russja ttaffi l-kunflitt u tirtira t-truppi tagħha mit-territorju Ukrain u biex tistabbilixxi mill-ġdid l-istatus quo li kien jeżisti qabel l-annessjoni; jilqa' l-isforzi li saru biex jintlaħaq ftehim komprensiv f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015, u jappella biex il-ftehim jiġi implimentat minnufih u kompletament; jirrespinġi, inkwantu illeġittimi, l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li saru f'Donetsk u f'Luhansk fit-2 ta' Novembru 2014;
35. Jappoġġa s-sanzjonijiet adottati mill-UE b'reazzjoni għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina, u jisħaq fuq il-fatt li dawn huma skalabbli u riversibbli, u jiddependu b'mod speċjali fuq it-twettiq tal-ftehimiet ta' Minsk, iżda jistgħu wkoll jissaħħu jekk ir-Russja tkompli tonqos milli tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha; jappella lill-Kummissjoni biex toqgħod għassa għall-implimentazzjoni uniformi tagħhom;
36. Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha juru solidarjetà u jitkellmu b'leħen wieħed fil-konfront tar-Russja; jistieden lill-pajjiżi kandidati jallinjaw il-politika barranija tagħhom rigward ir-Russja ma' dik tal-UE; jappella lir-RGħ/VP biex tiżviluppa, bħala kwistjoni prijoritarja, strateġija komuni tal-UE dwar ir-Russja, immirata biex tiżgura impenn mir-Russja dwar il-paċi u l-istabilità fl-Ewropa, inkluż rispett inkondizzjonat għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-ġirien tagħha; jemmen li relazzjoni tajba bejn ir-Russja u l-UE, ibbażata fuq ir-rispett għad-dritt internazzjonali u għal obbligi internazzjonali oħra, tkun fl-interess komuni u jittama li r-Russja turi li hi disponibbli għal żvilupp ta' dan it-tip billi tirrispetta d-dritt internazzjonali;
37. Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ Ewropew koerenti fir-rigward tal-kampanji ta' miżinformazzjoni u l-attivitajiet propagandistiċi mwettqa mir-Russja kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jippreżentaw pjan ta' azzjoni b'miżuri konkreti biex tiġi miġġielda l-propoganda Russa; jappella għal koperazzjoni maċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-NATO għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi rigward din il-kwistjoni;
38. Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE u l-Istati Membri biex jiggarantixxu s-sikurezza u l-libertà tal-Insara u minoranzi reliġjużi oħra u gruppi etniċi li qed iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni u persekuzzjoni li dejjem qed jiżdiedu, u li jsibu ruħhom f'nofs il-ġlied; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ftehimiet bilaterali futuri jinkludu mekkaniżmi effikaċi ta' monitoraġġ għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi reliġjużi u implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;
Appoġġ għas-sigurtà u l-istabbilizzazzjoni fil-viċinat tan-Nofsinhar
39. Jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir reviżjoni sostanzjali tal-politika tal-UE lejn il-viċinat tan-Nofsinhar tagħha, li għandha tkun ikkaratterizzata minn riżorsi baġitarji adegwati u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija komprensiva li tiffoka l-istrumenti u r-riżorsi tal-UE fuq l-appoġġ għall-bini ta' stat funzjonanti u inklużivi li kapaċi jipprovdu sigurtà għaċ-ċittadini tagħhom, jippromwovu d-demokrazija, jikkonfrontaw l-estremiżmu reliġjuż, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, jipproteġu l-minoranzi reliġjużi u etniċi u jsaħħu l-istat tad-dritt, bħala prekundizzjoni kruċjali għall-investiment u l-iżvilupp ekonomiku; jindika l-potenzjal mhux użat tal-kummerċ transkonfinali fir-reġjun; jinsisti fuq koperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati dwar il-ġestjoni tal-flussi migratorji, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali;
40. Jenfasizza li, meta tkun qed tipprovdi għajnuna u appoġġ, l-UE trid tinforza l-kundizzjonalitajiet, peress li l-programmi ta' għajnuna u appoġġ għas-soċjetà ċivili jistgħu jiġu sostnuti biss jekk ikunu stabbiliti kundizzjonijiet ċari fl-ogħla livell politiku;
41. Jinsisti li l-approċċ rivedut tal-UE lejn il-ġirien tagħha fin-Nofsinhar għandu jkun ibbażat fuq id-differenzjazzjoni u l-prinċipju "aktar għal aktar", skont liema għandu jingħata appoġġ addizzjonali tal-UE lill-gvernijiet sħab li jimpenjaw ruħhom favur id-demokratizzazzjoni u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, u li qed jagħmlu progress tanġibbli f'dan ir-rigward, kif inhu l-każ bit-Tuneżija, il-Ġordan u l-Marokk;
42. Jiddispjaċih dwar id-deterjorament reċenti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u jappella għal sforzi mġedda biex tissawwar sħubija aktar b'saħħitha b'mod li jiġu indirizzati l-isfidi ta' sigurtà u dawk umanitarji fin-Nofsinhar tal-Mediterran; iħeġġeġ ulterjorment lit-Turkija taħdem fuq riformi li jikkonformaw kompletament mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà tal-istampa, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt;
43. Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE jiżviluppaw, b'koordinament mill-qrib mal-Istati Uniti u bl-involviment tal-potenzi ewlenin (eż. ir-Russja u ċ-Ċina), strateġija ta' inkoraġġiment għall-atturi reġjonali (inklużi t-Turkija, l-Iraq, l-Iżrael, il-Ġordan, l-Eġittu, il-gvernijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-Iran, il-Lega Għarbija u l-forzi Kurdi) biex jingħaqdu sabiex iġibu tmiem għall-gwerer 'bi prokura' u jwaqqfu l-appoġġ finanzjarju lill-fundamentalisti, u biex jiżviluppaw soluzzjoni għall-paċi u l-istabilità fir-reġjun, b'mod partikolari bil-ħsieb li tintemm il-gwerra fis-Sirja; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-integrità territorjali u l-għaqda nazzjonali tal-Libja u jħeġġeġ lir-RGħ/VP tipprovdi impetu għal involviment aktar qawwi tal-atturi reġjonali fir-rigward tal-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, b'koordinament mill-qrib man-NU; jilqa' n-negozjati attwali tal-E3+3 mal-Iran, u jittama li jwasslu għal ftehim aċċettabbli b'mod reċiproku, li jiżgura n-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari tal-Iran u joffri l-prospett fit-tul ta' reintegrazzjoni sħiħa tal-Iran fil-komunità internazzjonali; jappoġġa l-impenn tar-RGħ/VP u tal-partijiet kollha involuti fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani biex tinstab soluzzjoni komprensiva, kostruttiva u sostenibbli għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani li tkun vijabbli għaż-żewġ naħat; jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' progress lejn soluzzjoni negozjata li twassal għall-eżistenza ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, qed iwassal biss għal aktar vjolenza u tixrid ta' demm;
44. Jilqa' d-dikjarazzjoni li għamlet ir-RGħ/VP dwar il-ftuħ ta' uffiċċju f'Erbil, fil-Kurdistan Iraqi, u jħeġġeġ lir-RGħ/VP u lis-SEAE jiftħu uffiċċju ta' dan it-tip malajr kemm jista' jkun; jenfasizza li dan kieku jippermetti li l-UE tiġbor informazzjoni fuq il-post, ittejjeb l-involviment tagħha mal-atturi lokali, tiżgura valutazzjoni u koordinament aħjar tar-reazzjonijiet umanitarji u militari u ttejjeb il-viżibilità tagħha fir-reġjun;
45. Jitlob li jinħatar konsulent speċjali biex jivvaluta l-merti li tinfetaħ rappreżentanza diplomatika permanenti tal-UE fl-Iran;
46. Huwa tal-fehma li l-attivitajiet kriminali u l-vjolenza barbarika mill-gruppi ġiħadisti terroristiċi involuti fl-hekk imsejjaħ Stat Islamiku (IS) u assoċjati miegħu jirrappreżentaw theddida kbira għar-reġjun usa’ tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA), għall-Ewropa, u potenzjalment għall-paċi u l-istabbiltà globali; jappoġġja l-koalizzjoni globali kontra l-IS u l-isforzi tagħha biex tiġġieled l-IS militarment; jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontributi tal-Istati Membri tal-UE f’dan il-kuntest u jinkoraġġixxi kooperazzjoni globali aktar mill-qrib u effiċjenti u djalogu bil-għan li tinkiseb valutazzjoni komuni tat-theddid; iħeġġeġ l-intensifikazzjoni ta' pressjoni regolatorja globali deċiża biex iċċaħħad lill-ġiħadisti mid-dħul miż-żejt u biex jiġu applikati sanzjonijiet globali stretti kontra tranżazzjonijiet finanzjarji favur tagħhom; josserva f’dan ir-rigward li r-riżorsi finanzjarji għall-gruppi ġiħadisti qed jiġu anke minn xi pajjiżi Għarab, u li l-UE għandha titlob lil dawn il-pajjiżi juru aktar konsistenza; jindika l-ħtieġa urġenti li jiġi oppost l-użu tal-internet mill-gruppi ġiħadisti għar-reklutaġġ u l-propoganda; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll dik fi ħdan l-UE, iffukata fuq il-prevenzjoni ta’ estremisti milli jivvjaġġaw lejn is-Sirja u l-Iraq biex jissieħbu fil-ġlieda ġiħadista, inkluż investiment fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni nazzjonali u l-programmi ta’ deradikalizzazzjoni fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex iwaqqfu sistemi biex issir ġustizzja mal-ġellieda Ewropej li jirritornaw lura, fil-qafas tas-sistemi nazzjonali tal-liġi kriminali tagħhom; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn it-Turkija u l-UE;
47. Iħeġġeġ lill-pajjiżi tar-reġjun biex jibqgħu juru impenn lejn il-gwerra kontra t-terroriżmu u biex joqogħdu lura minn azzjonijiet li jistgħu jikkawżaw tensjoni, nuqqas ta' qbil jew kriżi bejniethom jew joħolqu problemi addizzjonali fil-ġlieda tal-komunità internazzjonali kontra l-IS;
48. Jikkundanna l-vjolenza brutali użata mir-reġim ta’ Assad kontra ċ-ċittadini Sirjani u jappella sabiex issir aktar pressjoni biex tinġieb tranżizzjoni politika ġenwina fis-Sirja, inkluż billi jiżdied l-appoġġ lill-oppożizzjoni Sirjana moderata;
49. Jenfasizza l-fatt li f’ħafna oqsma tal-politika esterna tal-Unjoni lejn il-viċinat tan-Nofsinhar tagħha jrid ikun hemm ukoll rabta mal-Afrika; iqis li l-Afrika, b’mod partikolari fir-reġjun tas-Saħel-Saħara, hija taħt theddida strateġika, u jappella għal rispons adegwat tal-UE għal din it-theddida, inklużi miżuri fl-oqsma tal-iżvilupp ekonomiku, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-edukazzjoni u s-sigurtà; jinnota ż-żieda kontinwa fl-attivitajiet kriminali tat-terroristi tal-al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku (AQIM), Al-Mourabitoun imwielda mill-fużjoni tal-Moviment tal-Unità u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MUJAO) u l-Brigata tal-Maskrati ta’ Mokhtar Belmokhta, u tal-Boko Haram; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel u jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta' din l-istrateġija;
50. Jenfasizza l-importanza tal-Ġordan u l-Libanu bħala sħab stabbli fil-Lvant Nofsani; ifakkar li dawn iż-żewġ pajjiżi qed jiffaċċjaw mewġa dejjem akbar ta’ refuġjati li tippreżenta sfidi soċjoekonomiċi enormi; ifaħħar l-assistenza kontinwa tal-pajjiżi ġirien lir-refuġjati mill-Iraq u s-Sirja; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE biex jibdew sforzi globali, inkluż min-naħa tas-setgħat reġjonali, sabiex tiżdied bil-kbir l-għajnuna umanitarja għall-popolazzjonijiet ċivili milquta mill-kunflitt fis-Sirja u l-Iraq u mill-vjolenza tal-IS, b’mod partikolari bil-ħsieb li jappoġġjaw lir-refuġjati u jipprovdu appoġġ finanzjarju dirett lill-pajjiżi kollha fir-reġjun li jospitaw refuġjati biex b'hekk titrawwem l-integrazzjoni soċjali u tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni;
51. Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi terzi timxi id f’id mar-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet universali tal-bniedem;
Tisħiħ ta’ ordni globali kooperattiva bbażata fuq ir-regoli
52. Jemmen li l-Istati Uniti huwa s-sieħeb strateġiku ewlieni tal-UE, u jinkoraġġixxi koordinazzjoni aktar mill-qrib u fuq l-istess livell mal-Istati Uniti dwar il-politika barranija tal-UE li tappoġġja d-dritt internazzjonali u lejn approċċi komuni għall-isfidi fil-viċinat tal-UE u fil-livell globali; jenfasizza n-natura strateġika ta’ Sħubija Transatlantika tal-Kummerċ u l-Investiment, li għandha l-potenzjal li tippermetti lis-sieħba transatlantiċi jistabbilixxu standards globali dwar ix-xogħol, is-saħħa, l-ambjent u l-proprjetà intelletwali u jsaħħu l-governanza globali; jitlob, f'dan ir-rigward, għal aktar ftuħ u trasparenza fin-negozjati u għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha fl-istadji kollha tal-proċess; iqis li l-Amerika Latina hija sieħeb importanti tal-UE u li għandhom jiġu żviluppati diversi modalitajiet ta' kooperazzjoni transatlantika trijangolari;
53. Jisħaq dwar il-bżonn li jkun hemm impenn għal kooperazzjoni u sħubiji strateġiċi ma’ diversi pajjiżi, b’aġenda ċara, u li jsir rieżami tas-sħubiji strateġiċi attwali fid-dawl tal-impatt tal-politiki tagħhom;
54. Jilqa’ l-konklużjonijiet tas-samit tan-NATO li sar f'Wales f'Settembru 2014 u jitlob l-implimentazzjoni tagħhom; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tissaħħaħ u għandu jkun hemm ippjanar u koordinazzjoni aktar mill-qrib u msaħħa bejn id-difiża intelliġenti tan-NATO u l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-UE sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jsir l-aħjar użu mir-riżorsi skarsi disponibbli; jerġa’ jtenni l-bżonn li jiġu rispettati l-politiki ta’ sigurtà ta’ dawk l-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO;
55. Jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija tal-UE, f’koordinazzjoni mal-Istati Uniti, fuq kif tista’ tinqasam ir-responsabbiltà mar-Russja, iċ-Ċina, l-Indja u segħat ewlenin oħra għall-paċi u l-istabbiltà tas-sistema politika u ekonomika globali; jindika l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-istati prinċipali fl-Asja kif ukoll l-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-ASEAN fil-kuntest ta’ din l-istrateġija;
56. Jistieden lir-RGħ/VP biex issaħħaħ il-politika barranija tal-UE lejn l-Asja, speċjalment lejn iċ-Ċina u l-Indja; iħeġġeġ lir-RGħ/VP tiżgura li s-samits bilaterali maċ-Ċina u l-Indja jsiru fuq bażi annwali u jipprovdu riżultati tanġibbli;
57. Jisħaq li l-paċi u l-istabbiltà fir-Reġjun tal-Asja tal-Paċifiku u fiż-żoni tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Baħar taċ-Ċina b’mod partikolari, huma ta’ importanza sostanzjali għall-UE; iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati fir-reġjun biex isolvu d-differenzi b’mod paċifiku, f’konformità mad-dritt internazzjonali, u biex jikkooperaw ma’ xulxin biex jisfruttaw ir-riżorsi naturali u tal-baħar; huwa favur li l-politiki Ewropej jiġu żviluppati u avvanzati abbażi tal-appoġġ tal-prevenzjoni attiva tal-kunflitti u l-istrateġiji tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; huwa tal-fehma li l-UE għandha interess sostanzjali fit-tkabbir kontinwu u l-prosperità tal-Lvant tal-Asja; jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ is-sħubija ekonomika tal-UE mal-pajjiżi tal-Asja tal-Paċifiku b’mod inklużiv sabiex jinżammu l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità sostenibbli; jilqa’ t-titjib inkoraġġanti fir-relazzjonijiet madwar l-Istrett f’dawn l-aħħar sitt snin u jistieden lill-partijiet kollha jieħdu aktar miżuri biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp paċifiku tagħhom;
58. Jistieden lir-RGħ/VP u l-Istati Membri tal-UE biex jagħtu impetu ġdid u sod lill-politika nnegozjata dwar id-diżarmament nukleari u l-kontroll tal-armi; jilqa’ r-rieżami li jmiss tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni min-naħa tan-NU bħala pass ewlieni lejn il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu pożizzjoni koordinata u proattiva fin-negozjati; jilqa’ d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u jitlob l-implimentazzjoni effettiva u sħiħa tiegħu; jitlob il-ħolqien ta’ awtorità tal-UE għall-kummerċ tal-armi biex tassisti lill-Istati Membri fl-interpretazzjoni tan-normi stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi u tassigura konformità konsistenti u stretta magħhom; jisħaq dwar il-bżonn ta’ verifiki ex post aħjar dwar l-użu ta’ armi esportati;
59. Jiddikjara li l-UE, li fil-passat kellha suċċess fil-ġlieda kontra l-piena tal-mewt f’każijiet speċifiċi, għandha tieħu pożizzjoni aktar deċiżiva; jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri biex iżommu u jsaħħu l-impenn u r-rieda politika tagħhom fir-rigward ta' dan, bil-għan li l-piena tal-mewt titneħħa definittivament fid-dinja kollha;
60. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għal riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), sabiex jirrifletti aħjar ir-realtajiet globali tal-lum; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex din issir prijorità u biex jinbeda dibattitu madwar l-Ewropa dwar ir-riforma tal-KSNU; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-UE għandha ssir membru sħiħ tan-NU;
61. Itenni mill-ġdid il-bżonn li l-UE jkollha rwol mexxej fil-promozzjoni tal-firma universali u r-ratifika tal-Istatut ta’ Ruma u biex tkompli ssaħħaħ u tappoġġja l-Qorti Kriminali Internazzjonali;
62. Ifakkar fl-impenn sod tal-UE hija u tiġġieled l-impunità u tippromwovi l-universalità tal-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jilqa' r-ratifika reċenti tal-Istatut ta' Ruma min-naħa tal-Palestina; iqis li huwa ta' dispjaċir kbir li, għall-ewwel darba mindu twaqqfet il-QKI, l-UE ma ħarġitx dikjarazzjoni li tilqa' r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma minn pajjiż terz, jiġifieri l-Palestina, u jħeġġeġ lill-UE tirrikonoxxi pubblikament dan l-iżvilupp pożittiv; iħeġġeġ lill-UE tikkundanna kull miżura punittiva li tittieħed kontra l-Palestina talli eżerċitat id-dritt leġittimu tagħha li tirratifika dan it-Trattat;
63. Jappella għall-iżvilupp ta’ strateġija ta’ sigurtà koerenti dwar il-klima fil-livell tal-UE li tindirizza l-konsegwenzi strateġiċi u politiċi tat-tibdil fil-klima, li tippermetti lill-UE tirrispondi u tħejji għall-instabbiltà ġeopolitika kkaġunata mill-klima, u li tingħata attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-aktar affettwati mill-impatti tat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi l-importanza tas-Samit ta’ Pariġi li jmiss dwar it-tibdil fil-klima; jistieden lis-SEAE sabiex jipprijoritizza d-diplomazija dwar l-għanijiet tat-tibdil fil-klima sabiex jibni appoġġ għal ftehim komprensiv u b’saħħtu; jitlob li jkun hemm dibattitu dwar strateġija li tħares ’il quddiem biex tindirizza l-migrazzjoni li qed isseħħ minħabba t-tibdil fil-klima;
64. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkontribwixxu b’mod pożittiv u koordinat għat-tfassil tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l- 2015, u jenfasizza r-rwol importanti tar-RGħ/VP fl-iżgurar tat-tmexxija tal-UE fin-negozjati; jenfasizza li l-qafas il-ġdid għandu jindirizza l-kawżi strutturali tal-faqar, l-inugwaljanza u l-vjolenza bit-tisħiħ ta' istituzzjonijiet effettivi, inklużivi u demokratiċi, governanza tajba u l-istat tad-dritt;
o o o
65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2013 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni
668k
351k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015, dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2014/2216(INI))
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-konvenzjoni(1),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tat-8 ta' Settembru 2000(2), l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU ta' wara l-2015 u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija(3), kif adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013, adottat mill-Kunsill fit-23 ta' Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar l-Aspetti Ewlenin u l-Għażliet Bażiċi tal-PESK fl-2013, approvat mill-Kunsill fit-22 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2014 tal-Kummissjoni dwar il-politiki ta' żvilupp u għajnuna esterna tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2013 (COM(2014)0501), adottat fit-13 ta' Awwissu 2014, u d-dokumenti ta' akkumpanjament,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(4),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2014 fl-għaxar anniversarju tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-politiki tal-UE favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti kollha tiegħu dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar prijoritajiet tal-UE għall-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU(6),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar id-delitt tal-aggressjoni(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(11),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kumissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Siġurtà tat-8 ta' Marzu 2011 bit-titlu "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran" (COM(2011)0200),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar moratorja fuq l-użu tal-piena kapitali(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-qerda tat-tortura fid-dinja(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325, 1820, 1888, 1889 u 1960 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar l-indikaturi tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-Approċċ Komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, adottat mill-Kunsill fit-13 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-"Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: L-implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti 'Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja'", approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-Riżoluzzjoni tiegħu 17/4 tas-16 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Gwida tas-Settur tal-ICT (teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni) dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, ippubblikata mill-Kummissjoni fis-17 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014 li titlob għal twaqqif ta' grupp ta' ħidma intergovernattiva indefinit bil-għan li jfassal "strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet tal-Unjoni Ewropea(16),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fi Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali(17),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(18),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 dwar "Żieda fl-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(19),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta(20),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-5 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Il-Provenjenza Responsabbli ta' minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli: Lejn Approċċ integrat tal-UE" (JOIN(2014)0008),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(21),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-18 ta' April 2013 dwar il-prinċipju tan-NU tar-responsabbiltà ta' protezzjoni ("R2P")(22),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0023/2015),
A. billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) saħħaħ aktar l-impenji tal-UE biex tiżviluppa politika estera u ta' sigurtà komuni ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipju li jiġu avvanzati d-dritt internazzjonli u l-ġustizzja, b'rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt internazzjonali; billi, skont l-Artikolu 6 TUE, "[l-]Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali";
B. billi l-Artikoli 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-politika kummerċjali tal-UE tkun ibbażata fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;
C. billi r-rispett u l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem huma s-sisien tal-politika estera u ta' sigurtà; billi l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem hija mhedda b'mod serju minn għadd ta' reġimi awtoritarji, b'mod partikolari f'fora multilaterali;
D. billi aktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija tgħix taħt reġimi mhux demokratiċi, u billi l-libertà globali naqset b'mod kontinwu matul dawn l-aħħar ftit snin;
E. billi reġimi demokratiċi huma definiti mhux biss mill-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet iżda wkoll mir-rispett għall-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u amministrazzjoni imparzjali;
F. billi l-kredibilità tal-UE fir-relazzjonijiet esterni tagħha u fix-xena internazzjonali tissaħħaħ billi tiżdied il-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha fir-rigward tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;
G. billi l-Viċi President il-ġdida tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) iddikjarat li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fost il-prijoritajiet globali tagħha u li għandha l-ħsieb li tużahom bħala boxxla fir-rigward tar-relazzjonijiet kollha tagħha ma' pajjiżi terzi; billi hija tenniet ukoll l-impenn tal-UE li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet barranin "mingħajr eċċezzjoni"; billi l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u t-tiġdid tal-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem se jkunu fuq l-aġenda tal-UE fil-bidu tal-2015;
H. billi fit-23 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill adotta r-Rapport Annwali 2013 tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja, li jkopri l-ewwel sena sħiħa tal-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; billi l-2013 kienet ukoll l-ewwel sena sħiħa tal-mandat il-ġdid tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-persuna li ngħatat din il-kariga għandha taħdem sabiex tassisti lill-Unjoni fil-koordinament tal-attivitajiet tagħha sabiex tikkjarifika aktar, u żżid il-viżibilità tal-ħidma tagħha fil-promozzjoni tal-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, u b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa;
I. billi r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-avvenimenti wara l-perjodu tar-rapportar tiegħu, iservu biex ifakkru b'mod ċar il-prezz qares imħallas mill-bnedmin minħabba n-nuqqas ta' osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; billi n-nuqqas ta' osservanza tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi ħalla impatt negattiv fuq l-UE, fejn in-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni demokratika leġittima wasslu għall-instabbiltà, stati falluti, kriżijiet umanitarji u kunflitti armati, fenomeni li l-UE hija obbligata twieġeb għalihom;
J. billi l-impenn tal-UE favur multilateraliżmu effikaċi, bin-NU fil-qalba tiegħu, huwa parti integrali mill-politika esterna tal-Unjoni u għandu l-għeruq tiegħu fil-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali hija l-aktar adattata biex tindirizza kriżijiet, sfidi u theddid globali;
K. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ilhom alleati affidabbli tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sa mill-bidu tagħha, jipprovduha b'appoġġ finanzjarju, politiku, diplomatiku u loġistiku filwaqt li jippromwovu l-universalità tal-Istatut ta' Ruma u jiddefendu l-integrità tagħha bil-għan li jsaħħu l-indipendenza tal-Qorti;
L. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 il-Parlament tenna l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għall-adozzjoni tal-Emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma tal-QKI, inkluż l-emenda dwar id-delitt ta' aggressjoni, u talab lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jirratifikawhom u jinkorporawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; billi l-emenda għad-delitt ta' aggressjoni tikkontribwixxi għall-istat tad-dritt f'livell internazzjonali u għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi taġixxi ta' deterrent għall-użu illegali tal-forza u b'hekk proattivament tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali delitti u għall-konsolidazzjoni ta' paċi dejjiema;
M. billi l-fokus tad-59 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, li se ssir fi New York bejn id-9 u l-20 ta' Marzu 2015, se tkun is-segwitu għad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, inkluż l-isfidi attwali li jimpedixxu l-implimentazzjoni tagħha u għalhekk il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, u anke l-opportunitajiet għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-aġenda tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju wara l-2015;
N. billi edukazzjoni primarja b'xejn għat-tfal kollha hija dritt fundamentali stabbilit fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989; billi l-edukazzjoni tat-tfal u l-adulti tgħin biex jitnaqqsu l-faqar u l-mortalità tat-trabi u tippromwovi prattiki ambjentali tajba; billi l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd hija intrinsikament marbuta mal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari f'termini li titlesta l-edukazzjoni primarja; billi dan l-għan fadallu biex jitlaħaq;
O. billi fi żminijiet ta' kunflitt armat, nisa u tfal, inklużi nisa u tfal rifuġjati, persuni li jfittxu ażil u persuni mingħajr Stat, huma fost l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, u billi r-riskji għal tfajliet spostati matul il-kriżijiet umanitarji jogħlew notevolment;
P. billi kull tip ta' diskriminazzjoni u vjolenza fuq in-nisa, inklużi l-abbuż sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ furzat, l-hekk imsejħa reati għall-unur, l-isfruttar sesswali tan-nisa għal skopijiet kummerċjali u l-vjolenza domestika, m'għandhom qatt jiġu ġġustifikati minn ebda raġuni politika, soċjali, reliġjuża jew kulturali, jew abbażi ta' rabta ma' kwalunkwe tradizzjoni popolari jew tribali;
Q. billi teżisti relazzjoni ċara bejn il-korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-korruzzjoni fis-setturi pubbliċi u privati twettaq u taggrava l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni, u konsegwentement timpedixxi t-tgawdija ugwali tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali; billi huwa ppruvat li atti ta' korruzzjoni huma spiss marbuta mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-abbuż ta' poter u n-nuqqas ta' responsabbiltà;
R. billi d-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet tat-trade unions huma taħt attakk serju madwar id-dinja, filwaqt li l-modi kif joperaw il-kumpaniji għandhom impatt qawwi fuq id-drittijiet tal-ħaddiema, il-komunitajiet, u l-konsumaturi kemm fi ħdan kif ukoll barra l-Ewropa; billi l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem timponi fuq l-istati l-obbligu li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, li jiżguraw li l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jiksrux id-drittijiet tal-bniedem, u li jiżguraw li jkunu disponibbli forom effikaċi ta' rimedju għall-vittmi;
S. billi l-komunità kummerċjali għandha rwol importanti fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u billi dawn l-isforzi huma mixtieqa ħafna u għandhom ikunu appoġġjati minn istituzzjonijiet pubbliċi madwar id-dinja; billi l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għandha tkun pjattaforma ta' kooperazzjoni bejn il-gvern u s-settur privat;
T. billi klawsola dwar il-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol hija rekwiżit tas-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati msaħħa (SĠP+) għall-pajjiżi terzi
U. billi l-Artikolu 16 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tiddikjara li l-irġiel u n-nisa li għandom l-età, għandhom id-dritt li jiżżewġu u li jwaqqfu familja, mingħajr ebda xkiel minħabba r-razza, in-nazzjonalità jew ir-reliġjon, u huma intitolati għad-drittijiet indaqs taż-żwieġ, kemm fiż-żwieġ u kif ukoll fix-xoljiment taż-żwieġ, u li ż-żwieġ m'għandux isir mingħajr il-kunsens ħieles u sħiħ taż-żewġ għarajjes;
V. billi l-Artikolu 14 tal-UDHR jirrikonoxxi d-dritt tal-persuni li jfittxu l-ażil mill-persekuzzjoni f'pajjiżi oħra; billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Refuġjati tiddikjara b'mod ċar li r-refuġjati kollha huma intitolati għal protezzjoni speċjali u li l-ebda stat m'għandu jkeċċi jew jibgħat refuġjat lura lejn territorju fejn huwa jiffaċċja persekuzzjoni jew theddid fuq il-ħajja jew il-libertà;
W. billi l-Artikolu 18 tal-UDHR jirrikonoxxi d-dritt għal libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon; billi n-numru ta' inċidenti relatati mal-libertà ta' reliġjon jew twemmin żdied f'daqqa, fost l-oħrajn minħabba l-konsegwenza tan-numru dejjem jiżdied ta' kunflitti b'dimensjoni reliġjuża;
X. billi l-Artikolu 25 tad-UDHR jirrikonoxxi d-dritt ta' kull persuna għal "standard ta' għajxien xieraq għas-saħħa u l-benessri tiegħu u ta' familtu", fejn il-maternità u t-tfulija huma intitolati għal attenzjoni u assistenza speċjali, u li tinkludi kura medika; billi huwa l-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal, li huwa l-aktar trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem li ġie rratifikat; billi r-Riżoluzzjoni 26/28 tal-UNHRC titlob li l-laqgħa li jmiss tal-Forum Soċjali tal-UNHRC tiffoka fuq l-aċċess għall-mediċini fil-kuntest tad-dritt li kulħadd igawdi l-ogħla livell possibbli ta' saħħa fiżika u mentali; billi l-kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinija tas-Saħħa (WHO) tiddikjara li t-tgawdija tal-ogħla standard ta' saħħa possibbli huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali ta' kull bniedem mingħajr ebda distinzjoni ta' razza, reliġjon, twemmin politiku, u kundizzjoni ekonomika jew soċjali;
Y. billi l-effetti tat-tibdil fil-klima, bħaż-żieda fit-temperaturi, iż-żieda fil-livelli tal-baħar, u kundizzjonijiet iżjed estremi tat-temp, għandhom jintensifikaw l-isfidi tal-instabbiltà globali u, konsegwentement, it-theddida ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;
Z. billi l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u s-sanità huwa dritt tal-bniedem, li joħroġ mid-dritt għal standard ta' għajxien adegwat u huwa intrinsikament marbut mad-dritt tat-tgawdija tal-ogħla standard ta' saħħa mentali u fiżika possibbli, kif ukoll mad-dritt għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem; billi madwar 2,6 biljun persuna – nofs il-popolazzjoni tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw – għandha nuqqas ta' anke sempliċi latrina "imtejba" u 1,1 biljun persuna m'għandhiex aċċess għall-ebda tip ta' ilma tajjeb għax-xorb;
AA. billi dan ir-rapport, filwaqt li ġie mfassal b'reazzjoni għar-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fl-2013 adottat mill-Kunsill, huwa analiżi progressiva tal-attivitajiet tal-UE fil-qasam ta' politika inkwistjoni; billi l-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali preċedenti u dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, enfasizza l-ħtieġa għal riflessjoni kontinwa dwar il-prattiki fir-rigward tal-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet tiegħu, u fis-segwitu tar-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar il-ksur tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u għal monitoraġġ tal-konformità mal-klawsoli tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha konklużi mill-UE ma' pajjiżi terzi;
1. Ifakkar li l-preambolu għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jafferma li l-UE "tqiegħed il-persuna fil-qalba tal-attivitajiet tagħha";
2. Jitlob lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE, inkluż is-sħab strateġiċi tagħha, iqiegħdu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha u fl-istqarrijiet u l-laqgħat ta' livell għoli kollha; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni effikaċi, konsistenti u koerenti tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-obbligi ċari stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE u fil-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; ifaħħar lil VP/HR il-ġdida talli pubblikament iddikjarat l-impenn dirett tagħha għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji;
3. Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jitkellmu b'vuċi waħda f'appoġġ għall-indiviżibilità, l-invjolabbiltà u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, għar-ratifika tal-istrumenti internazzjonali kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbiliti min-NU; jitlob lill-UE tappoġġja l-indiviżibilità u l-invjolabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, f’konformità mal-Artikolu 21 TUE; jappella lill-UE tippromwovi iżjed l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem bħala l-bażi tal-involviment tagħha ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali, kemm f'djalogi politiċi kif ukoll dwar id-drittijiet tal-bniedem, u f'negozjati kummerċjali;
4. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tpoġġi l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess tat-tkabbir; iħeġġeġ lill-UE tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, fil-fażijiet kollha tal-proċess ta' tkabbir;
5. Iwissi, madankollu, dwar il-konsegwenzi mhux maħsuba tat-tkabbir kontinwu tal-lista tad-drittijiet tal-bniedem u l-inklużjoni ta' kwistjonijiet ideoloġiċi jew politiċi kontroversjali, billi dan jista' fl-aħħar mill-aħħar inaqqas l-appoġġ ġenerali għall-idea stess tal-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Jindika li, minbarra t-tbatija umana, l-UE għandha tqis ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' osservanza tad-drittijiet tal-bniedem fejn in-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni demokratika leġittima jwasslu għal instabbiltà, korruzzjoni, stati falluti, kriżijiet umanitarji jew kunflitti armati, fenomeni li jimminaw l-isforzi tal-UE fil-politika tagħha għall-iżvilupp, u li għaliha l-UE jew l-Istati Membri tagħha huma obbligati li jwieġbu fid-dominju tal-politika estera u ta' sigurtà; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi riċenti tal-UE biex tinkludi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-matriċi ta' twissija bikrija tagħha marbuta mal-prevenzjoni tal-kriżijiet; jitlob, madankollu, għal azzjoni preventiva iżjed b'saħħitha, u jħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw element għall-prevenzjoni tal-kriżijiet ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li għandu jiżdied mal-approċċ komprensiv tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni, u li għandu jkun inkluż fl-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà riveduta li jmiss;
7. Huwa tal-fehma li l-UE, inkluż id-Delegazzjonijiet tagħha, għandha tidentifika sinjali bikrija ta' twissija, bħar-repressjoni tal-minoranzi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jindikaw kunflitti u katasrofi umanitarji potenzjali; jitlob lill-UE tfassal l-aħjar prattiki għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet ta' wara d-diżastri u l-kunflitti, tagħti attenzjoni speċjali għal persuni b'diżabbiltà, in-nisa u t-tfal u gruppi vulnerabbli oħra, billi tipprovdi data u tieħu l-miżuri rilevanti fir-rigward ta' referenzi konkreti għal persuni b'diżabblità, id-disponibbiltà ta' pjanijiet għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri favur l-inklużjoni ta' persuni b'dizabbiltà, taħriġ għall-persunal tas-servizzi rilevanti kollha u l-proporzjon ta' aċċessibbiltà għax-xelters ta' emerġenza u siti għall-għajnuna f'każ ta' diżastru, b'enfasi fuq l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi sforzi ta' għajnuna, irkupru u rikostruzzjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji umanitarji, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza u l-approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet għall-għajnuna umanitarja;
8. Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li jkun hemm sinerġija bejn l-opportunitajiet għall-appoġġ mogħti skont l-Istrument għall-Istabbiltà, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Fond Ewropew għad-Demokrazija;
9. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-numru li qed jikber ta' każijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw mit-terroriżmu madwar id-dinja; jirreferi għal rapport 2014 li juri żieda ta' 62 % fl-attività terroristika mill-2012 sal-2013 u żieda fin-numru ta' pajjiżi li esperjenzaw it-terroriżmu li kkawża aktar minn 50 imwiet, minn 15 għal 24; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), b'referenza għaż-żieda fl-attività terroristika, jikkooperaw aħjar u b'mod aktar effiċjenti mal-gvernijiet fil-ġlieda kontra kull forma ta' terroriżmu;
10. Isostni li ċaħdiet ta' ġenoċidju u reati oħra kontra l-umanità, kif ukoll atti ta' razziżmu, ksenofobija u mibegħda reliġjuża, jikkostitwixxu ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u għalhekk għandhom jiġu kkundannati;
11. Jitlob lill-VP/RGħ, Federica Mogherini, u lill-Ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ipoġġu fuq l-aġenda tal-Kunsill Affarijiet Barranin b'mod regolari id-diskussjoni dwar l-isforzi tal-UE biex issegwi r-rilaxx ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, attivisti politiċi u oħrajn li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod paċifiku;
Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja bħala l-għodda ta' rapportar għall-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija
12. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013; jistieden lill-VP/RGħ il-ġdida tagħmel impenn għall-ġejjieni biex tipparteċipa f'żewġ dibattiti annwali f'seduti plenarji tal-Parlament rigward il-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, tippreżenta r-rapport tal-UE, u twieġeb għar-rapport tal-Parlament;
13. Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kummissjoni ma tatx tweġiba bil-miktub għar-riżoluzzjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2012, u jqis li tali tweġibiet bil-miktub huma estremament importanti għall-kooperazzjoni interistituzzjonali f'dan il-qasam u ma jistgħux jiġu sostitwiti b'dibattitu fil-plenarja, li jippermetti anqas żmien ta' riflessjoni u għal tweġiba sistematika għall-punti kollha mqajma mill-Parlament;
14. Ifaħħar lill-SEAE u 'l-Kummissjoni għar-rapportar komprensiv u ċar tagħhom dwar l-azzjoni tal-UE matul il-perjodu tar-rapportar; itenni, madankollu, l-opinjoni tiegħu li r-rapporti tal-pajjiż b'mod partikolari għandhom jippermettu ħarsa ġenerali lejn ix-xejriet pożittivi u negattivi ewlenin u jevalwaw l-effiċjenza tal-azzjonijiet tal-UE; jinnota li rappurtar pubbliku aktar bir-reqqa, ibbażat b'mod partikolari fuq il-prijoritajiet u l-indikaturi identifikati fl-istrateġiji tal-pajjiż tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, li s'issa għadhom kunfidenzjali, iħeġġeġ konsistenza akbar fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem u fil-valutazzjoni tal-impatt tal-politiki tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;
15. Jibqa' tal-opinjoni li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaħdmu flimkien biex itejbu l-format tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja bil-ħsieb li jilħaq parti kbira mill-pubbliku, filwaqt li tinżamm in-natura komprensiva tiegħu bħala rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; itenni li huwa lest li jkun parti minn kooperazzjoni attiva u kostruttiva bejn l-istituzzjonijiet tal-UE għat-tħejjija ta' rapporti fil-ġejjieni; itenni t-talba tiegħu li r-Rapport Annwali jinkludi taqsima dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni mill-Istati Membri;
L-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni
16. Itenni l-apprezzament tiegħu għall-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat mill-Kunsill fl-2012, bħala pass importanti li jiftaħ prospettivi ġodda fil-politika għall-iżvilupp u li jikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-obbligu tat-Trattat li tintegra d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki esterni kollha tal-UE "mingħajr eċċezzjoni";
17. Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem saru komponent essenzjali tal-azzjoni esterna tal-UE u element reali tal-identità tagħha fir-relazzjonijiet bilaterali, multilaterali u istituzzjonali;
18. Japprezza l-isforzi tas-SEAE u tal-Kummissjoni biex jirraportaw lura lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-ewwel Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jitlob lill-VP/RGħ u lis-SEAE jinvolvu lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali fir-rieżami u fil-konsultazzjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni ġdid, li jidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2015; jilqa' d-diskussjonijiet immirati lejn il-kisba ta' prijoritizzazzjoni aħjar tal-objettivi fil-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid, u biex titjieb iċ-ċarezza, l-effikaċja u l-koerenza ta' din l-għodda ta' politika esterna tal-UE, iżda jwissi kontra t-tnaqqis fl-ambitu tal-Pjan ta' Azzjoni jew fil-livell ta' ambizzjoni f'termini tal-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma tal-politika tal-UE;
19. Jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti fl-azzjoni esterna tal-UE iħaddnu l-politika esterna tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-diversi għodod assoċjati magħha, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jiġu kkunsidrati b'mod ġenerali, fost oħrajn billi jagħmlu arranġamenti sabiex l-uffiċjali kkonċernati jirċievu taħriġ regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem;
20. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-impenn li sar fil-Qafas Strateġiku biex "id-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha, inkluż is-sħab strateġiċi tagħha"; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-VP/RGħ u lis-SEAE jagħtu attenzjoni bir-reqqa għall-implimentazzjoni ta' dan l-impenn u biex jiżguraw l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fir-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab strateġiċi tagħha f'kuntesti ċentrali bħal summits u konklużjonijiet tal-Kunsill; jirrakkomanda wkoll li, kull meta jkun hemm ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem minn pajjiż sieħeb li miegħu jkun ġie konkluż ftehim, l-UE tieħu passi aktar effikaċi biex twettaq sanzjonijiet xierqa kif stipulat fil-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim, inkluża l-possibbiltà ta' sospensjoni (temporanja) tal-ftehim;
21. Jitlob lill-VP/RGħ, f'koordinazzjoni mal-Kummissarji l-oħra kollha, tabbozza programm li jintegra d-drittijiet tal-bniedem f'attivitajiet varji tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-iżvilupp, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-impjiegi, il-protezzjoni tad-data fuq l-internet, il-kummerċ, l-investiment, it-teknoloġija u n-negozju;
22. Jilqa' l-fatt li l-VP/RGħ iddikjarat pubblikament il-ħtieġa għal rieżami tal-istrateġija tal-UE fil-konfront tas-sħab strateġiċi kollha tagħha, inklużi ċ-Ċina u r-Russja, u jitlobha li tipprijoritizza d-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi matul il-mandat tagħha billi tiċċara li ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem huwa theddida għal relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u s-sħab strateġiċi tagħha;
Mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem
23. Jirrikonoxxi l-importanza tal-mandat mogħti lill-ewwel Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem u jifraħ lill-persuna li attwalment għandha l-mandatgħall-ħidma li saret sa issa; iħeġġeġ lir-RSUE ikompli jżid il-viżibilità u l-impenn tal-UE mal-organizzazzjonijiet multilaterali u mal-mekkaniżmi reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti (in-NU, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, l-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika), jippromwovi l-prijoritajiet tematiċi ewlenin tal-UE skont il-Linji gwida dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE, jaħdem għat-tisħiħ ta' soċjetà ċivili fid-dinja kollha, u jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koerenza, il-konsistenza u l-effikaċja tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u joħloq il-bilanċ ġust bejn diplomazija silenzjuża u dik pubblika; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal viżibilità akbar biex ir-rwol tar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jkun megħjun minn servizzi differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE fl-interess tal koordinazzjoni tajba, jeħtieġ li jkollu setgħat ta' inizjattiva proprja u d-dritt li jitkellem pubblikament;
24. Jitlob lill-Kunsill jadotta bħala prinċipju ġenerali l-prattika tal-inklużjoni tal-kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem b'mod sistematiku fil-mandat ta' RSUE ġeografiċi futuri;
25. Jitlob li l-pożizzjoni ta' RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem tkompli bil-għan li din tinbidel f'funzjoni permanenti, b'mezzi adegwati biex tapprova bis-sħiħ ir-rwol, inkluż l-użu ta' diplomazija pubblika;
Koerenza interna/esterna fil-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija
26. Jenfasizza li l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem teħtieġ li tkun konsistenti f'konformità mal-obbligi tat-Trattat, filwaqt li tiżgura l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni, u tevita standards doppji; jitlob, għalhekk, għall-adozzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-isħab strateġiċi; jitlob, f'dan il-kuntest, għat-twaqqif ta' limiti komuni għall-Istati Membri u għall-uffiċjali tal-UE f'termini tat-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem li huma għandhom iqajmu, bħala l-minimu, mal-kontrapartijiet sħab strateġiċi tagħhom, filwaqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi tas-sitwazzjoni ta' kull pajjiż;
27. Jenfasizza li l-azzjoni tal-UE fir-rigward ta' pajjiżi terzi għandha tkun konsistenti biex tkun kredibbli u għalhekk effikaċi, u li diskrepanzi u inkonsistenzi jagħmlu l-azzjoni tagħha tkun inqas effikaċi u xi drabi jwasslu li l-fehmiet tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem ma jinstemgħux; ifakkar li, minkejja l-ħafna problemi li nqalgħu, il-konsistenza għadha prijorità għall-politika esterna u għandha tkun fil-qalba tal-mandat ta' dawk kollha involuti f'din il-politika;
28. Iqis li huwa essenzjali, barra minn hekk, li r-rekwiżiti dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbiliti mill-UE fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi japplikaw b'mod ugwali għall-Istati Membri; ifakkar, għalhekk, li l-Parlament jadotta rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, imfassal mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern;
30. Jinnota l-isfidi konsiderevoli minħabba l-annessjoni tal-Krimea mar-Russja u l-involviment militari kontinwu fil-Lvant tal-Ukraina; jenfasizza li din il-politika ta' aggressjoni hija kontinwazzjoni tat-triq tar-Russja lejn tmexxija awtoritarja, flimkien mas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż li sejra għall-agħar; jenfasizza li r-Russja issa hija "sfida strateġika" għall-UE, u m'għadhiex konformi mal-kriterji għal sħubija strateġika;
31. Jitlob li l-UE tindirizza b'mod effikaċi l-isfidi interni tad-drittijiet tal-bniedem, bħas-sitwazzjoni tar-Rom, it-trattament tar-refuġjati u l-migranti, id-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI, il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u l-libertà tal-midja fl-Istati Membri, sabiex iżżomm il-kredibilità u l-konsistenza fil-politika esterna tagħha tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li huwa ta' dispjaċir li l-minoranza tar-Rom baqgħet soġġetta għal diskriminazzjoni, razziżmu u esklużjoni soċjali, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija; jinnota f'dan ir-rigward li r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi huwa wieħed mill-isfidi ewlenin identifikati fl-istrateġija ta' tkabbir tal-Kummissjoni għall-2014-2015;
L-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE
32. Ifaħħar lis-SEAE għat-twettiq b'suċċess tal-ewwel ċiklu tal-istrateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem, li ġew żviluppati b'enfasi qawwija fuq ir-responsabbiltà fil-livell tad-Delegazzjoni tal-UE; jiddispjaċih, madankollu, għan-nuqqas kontinwu ta' trasparenza fir-rigward tal-kontenut tal-istrateġiji tal-pajjiż, b'mod partikolari n-nuqqas biex il-Parlament ikun informat b'mod xieraq, u jitlob, għal darb'oħra, għad-divulgazzjoni pubblika, tal-inqas, tal-prijoritajiet ewlenin ta' kull strateġija tal-pajjiż, u sabiex il-Parlament ikollu aċċess għall-istrateġiji, b'mod adegwat, ħalli jingħata lok għal livell xieraq ta' skrutinju; jinkoraġġixxi lis-SEAE jadotta indikaturi biex jevalwa l-effikaċja tagħhom, u biex iqis it-taqsimiet tal-pajjiż fir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija b'mod iżjed espliċitu minħabba li jikkostitwixxu rapporti ta' implimentazzjoni dwar l-istrateġiji tal-pajjiżi; ifakkar l-impenn tal-UE li tiżgura li l-istrateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġu kkunsidrati fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika ma' pajjiżi terzi, inkluż djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u djalogi politiċi;
33. Jenfasizza l-ħtieġa li d-Delegazzjonijiet tal-UE iħejju rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
34. Jilqa' n-netwerk kważi komplut tal-punti fokali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-uffiċjali ta' kollegament għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'Delegazzjonijiet tal-UE; jitlob lill-VP/RGħ u lis-SEAE jiżviluppaw linji gwida operattivi ċari dwar ir-rwol tagħhom fid-Delegazzjonijiet sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom, joħolqu standards kredibbli u jevitaw inkonsistenzi bejn id-Delegazzjonijiet tal-UE;
35. Iħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn in-netwerks diplomatiċi tal-Istati Membri u d-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja bil-għan li jingħata kontribut għad-diskussjonijiet minn gruppi ta' ħidma dwar id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi;
36. Jitlob lis-SEAE jiżgura li l-każijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs jitqajmu fil-laqgħat kollha ta' livell għoli bejn l-UE u pajjiżi terzi, inklużi laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni / Kunsill ta' Assoċjazzjoni; jinsisti li kull strateġija tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u pajjiżi terzi għandha tinkludi taqsima dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs;
37. Ifakkar l-impenn li d-drittijiet tal-bniedem ikunu integrati f'kull valutazzjonijiet tal-impatt tal-UE; jisħaq fuq l-importanza ta' dan l-impenn biex ikun żgurat li l-UE tirrispetta, tħares u tissodisfa d-drittijiet tal-bniedem u li l-politiki u li l-attivitajiet esterni tagħha jkunu mfassla u implimentati b'tali mod li jikkonsolidaw id-drittijiet tal-bniedem barra mill-UE; jitlob lill-UE, permezz ta' konsultazzjoni aħjar u koordinazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE, ittejjeb il-kwalità u s-sistema tal-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem;
Djalogi u konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem
38. Itenni l-appoġġ tiegħu għal djalogi speċifiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala għodda tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, sakemm dawn ma jikkostitwixxux għan proprju, iżda jkunu mezz li bih ikunu żgurati impenji u kisbiet speċifiċi mingħand il-kontroparti; jirrikonoxxi l-valur tal-involviment fid-djalogu speċifiku dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari ma' pajjiżi bi problemi serji tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li l-UE tfassal konklużjonijiet politiċi ċari meta d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem ma jwassalx għal riżultati pożittivi, minħabba n-nuqqas tal-kontroparti li tiddiskuti b'rieda tajba jew in-nuqqas ta' impenn ġenwin favur ir-riformi, u tpoġġi enfasi fuq id-diplomazija pubblika bil-ħsieb li tiżgura li l-kredibilità pubblika tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem ma tkunx mhedda; iwissi, barra minn hekk, kontra d-diverġenza tad-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem lil hinn mid-djalogi politiċi ta' livell għoli; jinsisti li każijiet individwali ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma f'riskju jew jinsabu l-ħabs, u ta' priġunieri politiċi, jitqajjmu mill-UE b'mod effikaċi, responsabbli u trasparenti; jitlob, f'każ ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, biex din il-kwistjoni titqiegħed fil-qalba tad-djalogu politiku fil-livelli kollha;
39. Iħeġġeġ lis-SEAE jiżviluppa mekkaniżmu ta' rieżami komprensiv li jgħin fl-evalwazzjoni tad-djalogi fid-dawl tan-nuqqas tagħhom li jiksbu riżultati sinifikattivi u tanġibbli; Iħeġġeġ ukoll lill-UE ssaħħaħ il-valuri referenzjarji bil-ħsieb li tgħin sabiex jitkejjel is-suċċess u tagħmel lid-djalogi aktar effikaċi, b'hekk tikkontribwixxi biex pajjiżi bi problemi serji tad-drittijiet tal-bniedem jersqu eqreb lejn l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-UE, fid-dawl, pereżempju, tal-falliment tad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li jikseb riżultati tanġibbli u sinifikanti, u tal-iżviluppi riċenti f’Ħong Kong, biex teżamina mill-ġdid l-istrateġija tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u tadotta approċċ iżjed koerenti, unifikat u strateġiku fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;
40. Jiddispjaċih li, minħabba l-varjetà tal-istrutturi, formati, tal-frekwenza u l-metodi użati, u n-natura kunfidenzjali ta' dawn l-iskambji, ma hemm l-ebda mekkaniżmu reali għall-monitoraġġ u reviżjoni ta' djalogi bħal dawn, u lanqas ma hemm xi indikaturi tal-progress; jirrakkomanda li l-għanijiet ta' kull djalogu jkunu ċari u jiġu riveduti mill-ġdid ir-riżultati b’konsultazzjoni mal-Parlament;
41. Iħeġġeġ lis-SEAE ikompli jimpenja ruħu aktar mal-pajjiżi kollha li attwalment għandu djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem billi jitlob impenji konkreti mill-awtoritajiet rispettivi u regolarment isegwi t-talbiet li tqajmu matul il-konsultazzjonijiet;
Linji gwida tal-UE dwar id-drittjiet tal-bniedem
42. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneri u intersesswali u l-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, matul is-sena tar-rapportar 2013, kif ukoll il-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, fl-2014;
43. Itenni li l-adozzjoni ta' linji gwida m'għandhiex twassal għall-introduzzjoni ta' selettività fis-sistema tad-drittijiet tal-bniedem, hekk kif il-prinċipji tal-universalità u l-indiviżibbiltà jeħtieġ li jibqgħu ċentrali; jitlob lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi, flimkien mal-Parlament u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-kriterji biex jintgħażlu s-suġġetti koperti minn dawn il-linji gwida, sabiex il-proċess tal-għażla jkun aktar ċar;
44. jitlob lill-Kummissjoni tiffinalizza l-linji gwida, li għandhom jistabbilixxu objettivi, kriterji, mezzi, skedi ta' żmien u indikaturi, u tinkludi rieżami perjodiku, permezz ta' standardizzazzjoni tal-kontenut u tal-format tagħhom u b'hekk isiru aktar ċari; ifakkar, f'dan ir-rigward, li reċentement il-Parlament irrakkomanda l-implimentazzjoni "effikaċi u orjentata lejn ir-riżultati" tal-linji gwida dwar it-tortura;
45. Jitlob għal parteċipazzjoni akbar tal-atturi tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp, fl-evalwazzjoni u fir-reviżjoni tal-linji gwida;
46. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill jieħdu azzjoni xierqa biex jimplimentaw u jevalwaw il-linji gwida tal-UE fil-livell tal-pajjiżi; jinkoraġġixxi lis-SEAE u lill-Istati Membri biex ukoll jinvolvu ruħhom f'taħriġ kontinwu u sensibilizzazzjoni fost il-persunal tas-SEAE u tad-Delegazzjoni tal-UE, kif ukoll fost id-diplomatiċi tal-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat li l-linji gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ikollhom l-effett maħsub fuq it-tfassil tal-politiki attwali fil-post;
Politiki tal-UE għall-appoġġ tad-demokratizzazzjoni u l-elezzjonijiet
47. Jenfasizza li r-reġimi demokratiċi huma definiti mhux biss mill-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet iżda wkoll mir-rispett għall-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u amministrazzjoni imparzjali; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġjaw il-proċessi demokratiċi li għaddejjin f'pajjiżi terzi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tas-segwitu tar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali billi dawn jintużaw bħala parti mill-impenn tal-UE b'appoġġ għad-demokrazija mal-pajjiż ikkonċernat u billi jingħata mandat lill-kap osservatur biex jeżerċita rwol speċjali fil-monitoraġġ ta' segwitu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, bħala parti koerenti mill-approċċ ta' appoġġ għad-demokrazija komprensiva tal-Parlament u bl-appoġġ tal-korpi permanenti tal-Parlament; jinnota r-rwol pożittiv li l-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE jista' jkollhom biex tiġi żgurata l-kredibilità tal-UE bħala sieħba;
48. Jitlob lill-UE tkompli taħdem għad-definizzjoni tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam sabiex tappoġġja u tikkonsolida l-proċessi ta' demokratizzazzjoni; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' għodod kemm politiċi kif ukoll operattivi biex jiġu applikati f'pajjiżi ta' prijorità bil-għan li jiġu integrati l-miżuri ta' appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, inkluż il-miżuri għall-prevenzjoni ta' kunflitti u l-medjazzjoni, fl-approċċ tal-UE b'mod koerenti, flessibbli u kredibbli;
49. Jenfasizza li t-tranżizzjoni politika u d-demokratizzazzjoni jeħtieġ li jiġu marbuta mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-ġustizzja, it-trasparenza, ir-responsabilità, ir-rikonċiljazzjoni, l-istat tad-dritt u t-twaqqif ta' istituzzjonijiet demokratiċi; jitlob għal appoġġ sistematiku tal-UE għal parlamenti eletti b'mod ħieles u ġust; jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fi djalogi politiċi bejn il-partiti fil-gvern u fl-oppożizzjoni;
50. Ifakkar li, wara r-Rebbiegħa Għarbija, l-Unjoni Ewropea ddefiniet mill-ġdid il-politika tal-viċinat tagħha fir-rigward tan-Nofsinhar tal-Mediterran u insistiet fuq ir-rwol tas-soċjetà ċivili u fuq il-prinċipju ta' "aktar għal aktar" bil-għan li tiżviluppa aktar sħubijiet sodi mal-ġirien tagħha u tiggwida r-riformi u t-tranżizzjonijiet demokratiċi tagħhom;
51. Iqis li l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni "aktar għal aktar" għandu jiggwida r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha, u li l-UE għandha biss tagħti lill-pajjiżi sħab status avvanzat f'każ li jintlaħqu rekwiżiti ċari ta' drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, u li m'għandhiex toqgħod lura milli tiffriża dan l-istatus jekk dawn ir-rekwiżiti ma jibqgħux jiġu ssodisfati;
52. Jitlob għall-użu effikaċi ta' teknoloġiji ġodda u tal-internet sabiex l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif ukoll dwar programmi tal-UE, tkun aċċessibbli kemm jista' jkun għan-nies fid-dinja kollha;
53. Jilqa' l-ħidma tal-pajjiż pilota mwettqa sa issa minn disa' Delegazzjonijiet tal-UE bil-għan li tinkiseb iżjed koerenza fl-appoġġ demokratiku fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, kif mibdija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2009 u tal-2010 u kif integrata fil-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fl-2012;
54. Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE isaħħu l-koordinazzjoni mal-Parlament fir-rigward tal-pajjiżi pilota tat-tieni ġenerazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jipparteċipaw u jikkombinaw il-ħiliet esperti tagħhom f'segwitu effikaċi ta' appoġġ għad-demokrazija f'pajjiżi terzi;
55. Jifraħ lill-Fond Ewropew għad-Demokrazija għax-xogħol effiċjenti tiegħu fil-promozzjoni tad-demokrazija fil-viċinat tagħna, u jappoġġja t-twessigħ bir-reqqa tal-mandat tiegħu lil soċjetajiet oħra li qed jiġġieldu għad-demokratizzazzjoni; jitlob lill-Istati Membri, fi spirtu ta' solidarjetà u impenn, jipprovdu lill-baġit tal-Fond b'finanzjament suffiċjenti biex jiżguraw l-aktar appoġġ flessibbli u effikaċi għall-atturi lokali tal-bidla demokratika;
56. Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-riforma demokratika, li jappoġġja l-prevenzjoni tal-kunflitt u l konsolidazzjoni tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika; jikkonstata wkoll, f'dan ir-rigward, li għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tan-nisa fil-proċess elettorali, u għandha tittieħed azzjoni fuqhom;
57. Ifakkar li t-tkabbir kien l-aktar sforz ta' demokratizzazzjoni ta' suċċess tal-UE u jenfasizza li n-negozjati mal-Balkani tal-Punent jibqgħu l-istrument ewlieni li jgħin lil dawn il-pajjiżi jistabbilixxu soċjetajiet demokratiċi kompleti;
58. Jilqa' l-konklużjonijiet iddedikati tal-Kunsill dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-għaxar anniversarju tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; ifaħħar, barra minn hekk, lill-Kummissjoni għall-użu ikbar tal-finanzjament tal-EIDHR biex tipprovdi għotjiet ta' emerġenza lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma taħt theddida imminenti, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tesplora modi ġodda ta' appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija bħala għodda biex tippromwovi u tħares attivisti, bloggers u ġurnalisti madwar id-dinja li huma favur id-demokrazija;
59. Jiddeplora l-fatt li l-persekuzzjoni u l-marġinalizzazzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem baqgħu tendenza mifruxa fid-dinja kollha, b'mod partikolari f'pajjiżi li ma jaċċettawx l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem;
60. Jitlob lill-UE tpoġġi enfasi partikolari fuq il-kwistjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs madwar id-dinja u l-ħtieġa li l-UE kollettivament iżżid l-azzjoni tagħha sabiex jinkiseb il-ħelsien ta' dawn l-individwi billi, fost strateġiji oħra, twaqqaf grupp ta' ħidma intern tal-Parlament Ewropew li jżomm ruħu aġġornat, permezz ta' kollaborazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili, dwar każijiet ta' attivisti li jinsabu l-ħabs madwar id-dinja;
61. Itenni t-talba tiegħu lis-SEAE biex ikompli jħares lill-NGOs, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-attivisti tas-soċjetà ċivili, lill-ġurnalisti u lill-avvukati billi jtejjeb l-effikaċja tad-djalogi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u jippromwovi l-prijoritajiet tematiċi tal-UE u l-linji gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, l-organizzazzjoni ta' kampanji mmirati biex jilħqu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fiż-żoni l-aktar remoti ta' pajjiżi terzi, sabiex jgħin fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE;
62. Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-għotjiet tal-UE u programmi oħra ma jkunux disponibbli biss għal NGOs kbar imma jibnu wkoll kapaċità lokali; iħeġġeġ, għalhekk, għal tnaqqis fil-piż burokratiku filwaqt li tinżamm ir-responsabilità fl-applikazzjoni u proċeduri ta' kontabilità, u jinkoraġġixxi li titqies il-pressjoni li qiegħda tiżdied fuq is-soċjetà ċivili minn reġimi repressivi; jitlob għal approċċ aktar pragmatiku fir-rigward ta' soċjetajiet fi tranżizzjoni lejn id-demokrazija, bil-għan li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet u individwi xierqa jiġu appoġġjati;
63. Jitlob lis-SEAE u lid-Delegazzjonijiet tal-UE jinvolvu ruħhom mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-NGOs fi djalogu politiku ġenwin u prammatiku mmirat biex jinstabu l-aħjar modi ta' kif jiġi appoġġjat ambjent li jagħti lok għall-ħidma tagħhom; jitlob lill-UE ttejjeb id-diplomazija attiva tagħha f'pajjiżi terzi u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem sabiex dawn jiġu integrati fil-ħidma politika ta' kuljum tad-Delegazzjoni tal-UE rilevanti, billi sistematikament telenka l-ismijiet ta' priġunieri politiċi u tkun involuta fil-monitoraġġ tal-kawżi u fiż-żjarat fil-ħabsijiet, u billi ssegwi l-każijiet inkwistjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tuża d-diplomazija pubblika biex tappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u biex titlob għal ħelsien ta' attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs; jinsisti li rappreżentanti għolja tal-UE, inklużi r-RGħ/VP, il-President tal-Kunsill, il-Kummissarji, ir-Rppreżentanti Seċjali tal-UE u uffiċjali tal-gvern mill-Istati Membri, b'mod sistematiku jiltaqgħu mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment meta jivvjaġġaw f'pajjiżi fejn is-soċjetà ċivili tinsab taħt pressjoni;
64. Jitlob lill-VP/RGħ u lill-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE jlaqqgħu Kunsill Affarijiet Barranin għal diskussjoni annwali dwar l-isforzi tal-UE fir-rigward tal-ħelsien ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, attivisti politiċi u oħrajn li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod paċifiku, u jagħtu attenzjoni partikolari għal każijiet li tqajmu fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar dibattiti fuq każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
Appoġġ tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem universali u għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem multilaterali
65. Ifakkar l-impenn tal-Parlament u tas-Sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jappoġġjaw sistema b'saħħitha għad-drittijiet tal-bniedem multilaterali taħt il-patronaġġ tan-NU, inkluż it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-ħidma ta' aġenziji speċjalizzati relatati tan-NU bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll tal-Proċeduri Speċjali tan-NU;
66. Ifakkar l-importanza tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-implimentazzjoni tagħhom mill-pajjiżi kkonċernati, fir-rigward tar-rispett għal, u l-konsolidazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala l-valuri u l-prinċipji bażiċi;
67. Ifakkar fil-pożizzjoni inekwivokabbli tiegħu li tistituzzjonalizza l-preżenza tiegħu fis-sessjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-prijoritajiet fil-UNHRC, u jqis li huwa indispensabbli li titkompla l-prattika li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f'sessjonijiet rilevanti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u jiddispjaċih li din il-prattika twaqqfet fl-2014;
68. Itenni l-importanza li l-UE tipparteċipa b'mod attiv fil-mekkaniżmi kollha tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali u fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu dan billi jisponsorjaw flimkien u jmexxu riżoluzzjonijiet, jipparteċipaw b'mod attiv f'dibattiti u fi djalogi interattivi, u joħorġu stqarrijiet; jappoġġja bis-sħiħ il-prattika li qed tikber fl-UE ta' inizjattivi transreġjonali;
69. Jerġa' jisħaq fuq l-importanza ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni effikaċja bejn is-SEAE, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Istati Membri tal-UE dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra, iżid il-koerenza tal-UE permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tal-UE b'vuċi waħda;
70. Ifakkar fl-importanza li l-Unjoni Ewropea taġixxi fi ħdan l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fi żmien meta l-organizzazzjoni qed tħejji biex tfakkar l-40 sena anniversarju; iħeġġeġ it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-UE, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa;
71. Ifakkar, barra minn hekk, l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam, kif ukoll il-ħtieġa li l-UE tissieħeb malajr mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem skont it-Trattati;
72. Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni tal-ħidma li qed issir fi New York u f'Ġinevra fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-Tielet Kumitat u tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE sabiex tiġi żgurata l-koerenza;
Il-politika tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali internazzjonali u l-Qorti Kriminali Internazzjonali
73. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-Qorti Kostituzzjonali Internazzjoni (QKI) fir-rwol tagħha biex tintemm l-impunità għal min iwettaq l-aktar delitti gravi li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali, li tagħmel ġustizzja mal-vittmi ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe attentat biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; ifakkar ir-rwol vitali tagħha fil-proċessi doppji tal-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri jikkooperaw mal-QKI u jipprovdulha appoġġ politiku u diplomatiku qawwi fir-relazzjonijiet bilaterali u fil-fora kollha, inkluż in-NU; jesprimi t-tħassib tiegħu li diversi mandati ta' arrest għandhom ma ġewx eżegwiti; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE u lir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha, u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma; iqis in-numru dejjem jikber tal-Istati Partijiet bħala żvilupp importanti fit-tisħiħ tal-universalità tal-QKI; jilqa' r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma mill-Côte d'Ivoire fi Frar 2013, iżda jiddispjaċih li l-ebda stat ma rratifika l-Istatut fl-2014; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta' Ruma bil-għan li jitwessa' l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' delitti serji skont id-dritt internazzjonali; jitlob lill-Istati Membri tal-UE, bħala Stati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma tal-QKI, jagħtuha r-riżorsi li teħtieġ biex teżerċita l-mandat tagħha b'mod ġust u effikaċi; jinkoraġġixxi lill-UE tkompli tipprovdi assistenza lill-ġustizzja kriminali internazzjonali u l-QKI, inkluż billi tappoġġja atturi tas-soċjetà ċivili permezz tal-EIDHR;
74. Itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar il-Ġustizzja Internazzjonali u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali sabiex tagħti lil dawn is-suġġetti l-prominenza u l-viżibilità li jistħoqqilhom, tavvanza l-aġenda tal-UE b'mod effikaċi u tintegra l-ġlieda kontra l-impunità fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE;
75. Jiddispjaċih li l-Istatut ta' Ruma tal-QKI għadu mhuwiex inkluż fil-lista ta' konvenzjonijiet tar-Regolament SPĠ il-ġdid meħtieġa għall-istatus SPĠ+; jikkonstata li numru ta' applikanti tal-SPĠ+ (eż. l-Armenja u l-Pakistan) mhumiex Stati Partijiet għall-Istatut jew għadhom ma rratifikawhx; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-Istatut ta' Ruma jiżdied ma' lista futura ta' konvenzjonijiet;
76. Itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tadotta pożizzjoni komuni dwar id-delitt ta' aggressjoni u l-Emendi ta' Kampala, u jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex jallinjaw malajr il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mad-definizzjonijiet tal-Emendi ta' Kampala, kif ukoll ma' obbligi oħra taħt l-Istatut ta' Ruma, sabiex ikunu jistgħu jsiru investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet nazzjonali mill-Istati Membri u tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-QKI;
77. Jitlob, qabel il-100 anniversarju tal-ġenoċidju Armen, lill-Istati Membri kollha jirrikonoxxu dan il-fatt, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkontribwixxu iktar għal dan ir-rikonoxximent;
78. Iħeġġeġ lis-SEAE ixerred prattiki tajbin fir-rigward tad-drittijiet, il-protezzjoni u l-appoġġ ta' vittmi tal-kriminalità u l-vjolenza f'pajjiżi terzi, u għal skambju ta' politiki kontra l-korruzzjoni ma' pajjiżi terzi, minħabba li l-korruzzjoni spiss hija dak li jwassal għall-impunità u l-għerq tal-inġustizzja għall-vittmi;
Azzjoni tal-UE kontra l-piena tal-mewt
79. Itenni l-oppożizzjoni univokali tiegħu għall-piena tal-mewt, u jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri jżommu politika ta' livell għoli mmirata lejn l-abolizzjoni globali tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lis-SEAE jibqa' viġilanti fir-rigward tal-iżviluppi fil-pajjiżi kollha, u juża l-mezzi kollha ta' influwenza għad-dispożizzjoni tiegħu;
80. Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lir-riżoluzzjoni ta' Diċembru 2014 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-"Moratorju dwar l-użu tal-piena tal-mewt"(23);
81. Jitlob lill-UE tkompli tuża l-kooperazzjoni u d-diplomazija fil-fora kollha possibbli madwar id-dinja kollha lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, u tiżgura li d-dritt għal proċess ġust jiġi rrispettat bis-sħiħ għal kull persuna li tiffaċċja eżekuzzjoni, mingħajr l-użu ta' tortura u trattament ħażin ieħor użati sabiex jinkisbu konfessjonijiet;
82. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda rrappurtata fl-għadd ta' eżekuzzjonijiet globali bejn l-2012 u l-2013, minkejja l-fatt li l-eżekuzzjonijiet huma limitati għal minoranza dejjem tiċkien ta' pajjiżi; jitlob lill-UE tieħu azzjoni xierqa rigward ir-rata kontinwament għolja ta' eżekuzzjonijiet fiċ-Ċina u fl-Iran, l-issoktar tal-eżekuzzjonijiet fl-2013 fl-Indoneżja, il-Kuwajt, in-Niġerja u l-Vjetnam, l-eżekuzzjonijiet ta' minuri fl-Iran, fl-Arabja Sawdija u l-Jemen fl-2013, kif ukoll iż-żieda notevoli fl-eżekuzzjonijiet irrappurtati fl-Iraq u fl-Arabja Sawdija;
83. Jilqa' b'sodisfazzjon id-diskussjoni li reġgħet tqajmet fl-Istati Uniti dwar in-natura arbitrarja u suxxettibbli għall-iżbalji tal-piena kapitali, il-kampanja biex twaqqaf il-fluss ta' sustanzi użati għall-eżekuzzjoni mill-Ewropa għall-Istati Uniti, u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fl-2013 fl-istat ta' Maryland; iħeġġeġ lill-VP/RGħ, ir-RSUE u lis-SEAE jaħdmu mal-Gvern Federali tal-Istati Uniti u mal-gvernijiet tal-istat bil-għan li jiġi aċċellerat it-tmiem tal-piena tal-mewt fl-Istati Uniti, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transatlantika biex tavvanza d-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja internazzjonali u d-demokrazija internazzjonalment b'mod kredibbli,
84. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-flessibbiltà l-ġdida li toffri l-EIDHR sabiex tesplora modi ġodda kif tagħmel kampanja għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u tappoġġja l-azzjonijiet immirati biex jevitaw is-sentenzi ta' mewt jew l-eżekuzzjonijiet;
85. Jisħaq fuq l-importanza li l-UE tkompli l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet li skonthom jitwettqu eżekuzzjonijiet f'dawk il-pajjiżi li għad għandhom il-piena tal-mewt, u li tappoġġja riforma legali u kostituzzjonali lejn abolizzjoni sħiħa u totali;
86. Ifakkar mill-ġdid il-fehma b'saħħitha tiegħu li l-piena tal-mewt, bħala ksur tad-dritt għall-integrità personali u d-dinjità umana, hija inkompatibbli mal-projbizzjoni ta' piena krudili, inumana jew degradanti skont id-dritt internazzjonali u jitlob lis-SEAE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu formalment din l-inkompatibbiltà u jadattaw il-politika tal-UE dwar il-piena kapitali skont dan; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu interpretati b'mod wiesa' l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt u t-tortura;
L-azzjoni tal-UE kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani u degradanti
87. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE, fid-dawl tal-għadd kontinwu ta' rapporti riċenti tal-prattika mifruxa ta' tortura u abbuż madwar id-dinja, iżidu l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani u degradanti; itenni t-tħassib tiegħu li l-azzjoni tal-UE f'dan il-qasam baqgħet fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti u ma tissodisfax l-impenji tagħha skont il-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura; jitlob, b'mod partikolari, għal aktar appoġġ tal-UE għat-twaqqif u t-tisħiħ ta' mekkaniżmi ta' prevenzjoni tat-tortura reġjonali u nazzjonali; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2014 għal regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (COM(2014)0001), u b'hekk twieġeb għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Ġunju 2010;
88. Jirrimarka li, kif previst fl-Artikoli 7 u 8 tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI, it-tortura mwettqa fuq bażi sistematika jew fuq skala kbira, tista' tikkostitwixxi delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità; jenfasizza li l-prinċipju "responsabbiltà ta' protezzjoni" jagħti lill-komunità internazzjonali responsabbiltà speċifika li fuqha għandha taġixxi;
89. Iħeġġeġ lis-SEAE jagħti attenzjoni dettaljata għall-konklużjonijiet tal-pajjiż tal-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura, tas-sottokumitat stabbilit skont il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura, u tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura, u jqajjem dan it-tħassib b'mod sistematiku fid-djalogi politiċi mal-pajjiżi kkonċernati u f'dikjarazzjonijiet pubbliċi; jitlob lis-SEAE, b'mod speċjali d-Delegazzjonijiet tal-UE, u lill-Istati Membri, u speċjalment l-ambaxxati tagħhom fil-post, biex iżidu ukoll l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Pieni, Tortura u Trattamenti oħra Krudili, Inumani jew Degradanti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaċċelleraw il-monitoraġġ ta' kummerċ f'oġġetti li jistgħu jintużaw biex jitwettqu atti ta' tortura jew li jikkawżaw trattamenti inumani u degradanti, kif ukoll il-monitoraġġ ta' kummerċ ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju;
90. Jenfasizza li membri ta' gruppi vulnerabbli bħal minoranzi etniċi, lingwistiċi u reliġjużi, huma esposti aktar ta' spiss għal tortura jew trattament ħażin fid-detenzjoni, u għalhekk jeħtieġu attenzjoni speċjali;
91. Jikkundanna l-esportazzjoni mill-kumpaniji Ewropej ta' prodotti u armi li jistgħu jintużaw għal pieni, tortura, jew trattamenti oħra krudili, inumani jew degradanti, inkluż bħala parti minn repressjoni vjolenti fuq il-protesti; jagħti l-appoġġ tiegħu, f'dan il-kuntest, lill-proċess ta' reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005;
92. Itenni l-importanza ta' mekkaniżmi effikaċi ta' kontroll fuq l-esportazzjoni ta' ċerti drogi li jistgħu jintużaw għal eżekuzzjonijiet u tagħmir li jista' jintuża għat-tortura; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-lakuni li għadhom jeżistu fir-regolament billi tintroduċi klawsola ta' użu finali li tinkorpora kollox u li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta' kwalunkwe droga li tista’ tintuża għat-tortura jew l-eżekuzzjonijiet;
93. Iħeġġeġ lill-Unjoni u l-Istati Membri jaħdmu biex jiżguraw li l-pajjiżi terzi kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat tal-20 ta' Diċembru 2006;
Id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE u ftehimiet internazzjonali oħra
94. Jitlob lill-UE tiżgura li ftehimiet kummerċjali iffirmati ma' pajjiżi terzi jiffaċilitaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom u jiżguraw li r-riżorsi naturali tagħhom – fosthom l-art u l-ilma – huma ġestiti b'mod tajjeb; itenni t-talba tiegħu għall-inklużjoni sistematika ta' klawsoli vinkolanti, eżekutorji u mhux negozjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali kollha tal-UE, inkluż ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi jew li għandhom jiġu konklużi ma' pajjiżi terzi, u jitlob għal titjib fil-konsultazzjoni mal-Parlament fl-istadji bikrija tal-proċess ta' negozjati ta' ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, għal monitoraġġ effikaċi tal-applikazzjoni tal-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem u rapportar lura lill-Parlament rigward l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet;
95. Jirrimarka li l-politika tal-kummerċ tikkontribwixxi lejn il-kisba tal-għanijiet ġenerali tal-UE u li, skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, il-politika kummerċjali tal-UE għandha titwettaq "fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni"; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 3 TUE, l-Unjoni għandha "tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti";
96. Jitlob lill-Kummissjoni tqis, meta tkun qed tfassal l-istrateġija kummerċjali tagħha għall-ġejjieni, ir-rwol importanti ta' ftehimiet ta' kummerċ u ftehimiet internazzjonali fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonalment;
97. Jenfasizza l-ħtieġa li jissoktaw il-kooperazzjoni multilaterali u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u, b'mod partikolari, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u n-NU, sabiex jiġi żgurat qafas multilaterali ta' kummerċ li jikkontribwixxi għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
98. Ifakkar li s-SĠP hija mfassla b'tali mod li tiżgura li l-pajjiżi benefiċjarji jirrispettaw il-prinċipji tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards fundamentali tax-xogħol, u tinkludi sistema speċjali ta' preferenzi tariffarji supplimentari biex tippromwovi r-ratifika u l-implimentazzjoni effikaċi tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali u l-governanza tajba; itenni li n-nuqqas ta' konformità ma' dawn il-kundizzjonijiet jista' jwassal biex arranġament ta' kummerċ jiġi sospiż; jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ u valutazzjoni regolari tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali minn pajjiżi li jibbenefikaw mis-SĠP+;
99. Jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014 tal-Ftehim rivedut tas-SĠP; jinnota li s-SĠP+ inżamm fis-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati u li jirrikjedi li l-pajjiżi li qed jitolbu biex jibbenefikaw minnu, jimpenjaw ruħhom li jikkoperaw totalment u kompletament ma' organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema;
In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem
100. Jikkunsidra li hi xi ħaġa ta' dispjaċir li għad m'hemmx approċċ olistiku għall-mod kif il-korporazzjonijiet josservaw l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell globali, u li dan qed jippermetti lil ċerti stati u kumpaniji jduru mar-regoli; jisħaq fuq il-ħtieġa, għalhekk, li jiġu adottati regoli ġuridikament vinkolanti fir-rigward tar-responsabilità soċjali korporattiva; jappoġġja b'mod qawwi l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jappella b'mod partikolari lill-Kummissjoni biex tintroduċi miżuri effikaċi biex il-qafas "Ipproteġi, Irrispetta u Irrimedja" tan-NU propost minn John Ruggie, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem isir operattiv; ifakkar fl-importanza li jiġu promossi l-prinċipji tar-responsabilità soċjali korporattiva, anke fl-operazzjonijiet kummerċjali barra mill-UE, u li jiġi żgurat li dawn jiġu rispettati matul il-katina ta' forniment kollha, b'mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ ta' injam illegali, it-traffikar ta' organiżmi salvaġġi u l-kummerċ ta' minerali minn żoni ta' kunflitt; jinsab konvint li l-kumpaniji Ewropej u s-sussidjarji u s-sottokuntratturi tagħhom għandhom jiżvolġu rwol ewlieni fil-promozzjoni u d-disseminazzjoni tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja;
101. Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkoraġġixxu lid-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja biex jinvolvu ruħhom man-negozji tal-UE sabiex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u sabiex jiżguraw li t-tema "in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem" tiġi inkluża fost it-temi ta' enfasi fis-sejħiet lokali għall-proposti taħt l-EIDHR; jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali tagħhom ma jinjorawx id-drittijiet tal-bniedem jew l-istandards fl-oqsma soċjali, tas-saħħa u ambjentali li għalihom ikunu soġġetti meta jiċċaqilqu lejn pajjiż terz jew jagħmlu attività kummerċjali fih;
102. Jiġbed l-attenzjoni għall-istrateġija tal-UE dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva għall-2011-2014, li appellat lill-Istati Membri biex ifasslu pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrapporta fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri, inkluż il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom; jikkunsidra li hu xi ħaġa ta' dispjaċir in-nuqqas ta' progress min-naħa tal-Kummissjoni biex tagħti segwitu għat-talba tal-Parlament li tipproponi leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-kumpaniji tal-UE jiżguraw li t-tranżazzjonijiet tagħhom ma jappoġġjawx lil min iwettaq konflitti jew ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;
103. Jafferma mill-ġdid li n-negozji Ewropej għandhom jimplimentaw id-diliġenza dovuta adegwata sabiex jiżguraw li l-operazzjonijiet tagħhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kull fejn jitwettqu; jisħaq fuq l-importanza ta' rapportar sinifikanti dwar l-impatt fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti soċjali u ambjentali tal-proġetti appoġġjati mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej; jinsisti fuq il-ħtieġa li dawn l-istituzzjonijiet jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom jikkonformaw mal-Artikolu 21 TUE, li jinkludi, inter alia, obbligu li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem;
104. Jinnota li, aktar milli bħala sfida, il-kumpaniji dan għandhom iqisuh bħala opportunità biex jinħoloq potenzjal kummerċjali ġdid fir-reġjuni li l-aktar jeħtieġu investiment sostenibbli u responsabbli, u bħala mezz biex jikkontribwixxu għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
105. Jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-kumpaniji li sidhom ikunu ċittadini ta' pajjiż terz jew stati terzi u li jkunu stabbiliti fl-Istati Membri ma jappoġġjawx lil min iwettaq kunflitti u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-forom moderni ta' skjavitù bħat-traffikar tal-persuni u l-impjieg tagħhom f'kundizzjonijiet ripunjanti;
106. Jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jieħdu inizjattivi b'saħħithom biex itejbu l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut ma' operazzjonijiet kummerċjali barra mill-UE; jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu introdotti rimedji effikaċi bħala sanzjoni għall-korporazzjonijiet li huma ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jiġi pprovdut mezz ta' riparazzjoni għall-vittmi ta' tali ksur;
107. Jappella lill-UE biex tinvolvi ruħha fid-dibattitu emerġenti dwar strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sistema tan-NU;
108. Ifakkar fl-erba' standards tax-xogħol fundamentali u universali kif inhuma radikati fl-istrumenti tal-ILO, speċifikament: il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv; l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' xogħol furzat, sfruttament u skjavitù; l-abolizzjoni tat-tħaddim tat-tfal; u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi,
109. Jindika, b'mod partikulari, il-ħtieġa urġenti li jiġu rispettati l-libertà ta' assoċjazzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' repressjoni, inkluż il-qtil ta' trejdjunjonisti;
110. Jinnota bi tħassib kbir li skont l-ILO madwar 21 miljun raġel, mara, tifel u tifla madwar id-dinja qegħdin f'xi forma ta' skjavitù; jevidenzja l-ħtieġa li d-drittijiet tal-bniedem jiġu indirizzati b'mod olistiku u indiviżibbli billi jiġi enfasizzat u jittieħed impenn b'saħħtu u vinkolanti kemm għad-drittijiet ċivili u politiċi kif ukoll għal dawk ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali, peress li mingħajr dawn id-drittijiet ma jista' jkun ebda żvilupp; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi li huma l-għeruq tal-faqar; jevidenzja l-obbligu li jiġu rispettati l-istandards internazzjonali tax-xogħol, bi qbil mat-twettiq tal-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tal-ILO; hu tal-fehma li l-kwistjonijiet soċjali għandu jkollhom rwol aktar ċentrali fir-relazzjonijiet esterni tal-UE; jikkunsidra li hi xi ħaġa ta' dispjaċir, f'dan il-kuntest, li l-UE ma għandhiex format standard għal "klawżola soċjali" biex tiddaħħal fil-ftehimiet kummerċjali esterni kollha; iħeġġeġ għaldaqstant lill-UE tinkorpora kapitolu dwar l-iżvilupp u klawżola soċjali li tirrifletti l-istandards tax-xogħol fundamentali tal-ILO fil-ftehimiet kummerċjali esterni kollha tagħha;
111. Jinnota li s-sitwazzjoni tas-sigurtà dinjija li qed tiddeterjora u l-kriżi finanzjarja dejjem sejra għall-agħar sa mill-kollass tal-2008 wasslu għal żieda fir-rati ta' tħaddim tat-tfal fl-ifqar pajjiżi tad-dinja u jista' jkollhom implikazzjonijiet ġuridiċi u reputazzjonali għall-kumpaniji li jakkwistaw prodotti mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ ulterjorment lill-VP/RGħ u lis-SEAE jippromwovu l-Programm Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn numru deplorabbli ta' tfal jiġu mħaddma biex jissupplementaw l-introjti tal-familji;
L-azzjoni tal-UE biex tiżgura d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni online u offline u biex tillimita l-impatt tat-teknoloġiji ta' sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem
112. Jirrikonoxxi li l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ttrasformat l-ambjent għall-eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni madwar id-dinja, waqt li ġġenerat kemm vantaġġi profondi, kif ukoll tħassib serju; jilqa', f'dan il-kuntest, l-adozzjoni mill-Kunsill f'Mejju 2014 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline;
113. Jenfasizza li l-libertà ta' espressjoni u l-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu medjatiċi huma elementi essenzjali ta' demokrazija sostenibbli, peress li jimmassimizzaw l-involviment tas-soċjetà ċivili u jagħtu s-setgħa liċ-ċittadin u huma għaldaqstant indispensabbli għall-iżgurar tat-trasparenza u r-responsabilità fil-ħajja pubblika;
114. Jappella għal iżjed appoġġ fl-oqsma tal-promozzjoni tal-libertà medjatika, il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-bloggers indipendenti, it-tnaqqis tad-distakk diġitali u l-iffaċilitar ta' aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u aċċess mingħajr ċensura għall-internet (libertà diġitali);
115. Jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-monitoraġġ tagħhom ta' kwalunkwe restrizzjoni tal-libertà ta' espressjoni, inkluż l-użu aggressiv ta' liġijiet dwar il-malafama kriminali u liġijiet restrittivi oħra, ta' kriterji restrittivi jew proċeduri ta' piż għal aċċess għar-reġistrazzjoni bħala ġurnalist jew kwalunkwe waħda mill-professjonijiet relatati mal-media, għat-twaqqif ta' kumpaniji f'dan il-qasam u dan kollu jikkundannawh b'mod ċar u rapidu, u biex jieħdu inizjattivi li jappoġġjaw aċċess aħjar għall-informazzjoni li tkun fl-interess pubbliku;
116. Jikkundanna kull restrizzjoni fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi l-għeluq ta' websajts u l-ibblokkar ta' kontijiet personali, immirata lejn is-soċjetà ċivili, l-attivisti fil-qasam tal-libertajiet ċivili u l-media ħielsa;
117. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proliferazzjoni u t-tifrix tat-teknoloġiji ta' monitoraġġ, sorveljanza, ċensura u filtraġġ, li jirrappreżentaw theddida dejjem tikber għall-attivisti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f'pajjiżi awtokratiċi u anke jqajmu mistoqsijiet inkwetanti rigward id-drittijiet għall-privatezza fil-pajjiżi demokratiċi, anke meta jintużaw b'għanijiet leġittimi bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu jew l-infurzar tal-liġi;
118. Jirrikonoxxi li xi produtturi importanti ta' teknoloġiji ta' hacking u ta' sorveljanza, li jistgħu jintużaw biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u biex tiġi attakkata l-infrastruttura diġitali Ewropea, jinsabu fl-Ewropa; jappella lill-Kummissjoni biex tirrevedi s-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni Ewropea sabiex ma tħallix li teknoloġija perikoluża taqa' f'idejn ħżiena;
119. Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-pubblikazzjoni tagħha f'Ġunju 2013 tal-Gwida għas-Settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jibqa' mħasseb, madankollu, dwar il-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi intenzjonati biex iċaħħdu l-aċċess għall-internet, jippermettu s-sorveljanza tal-massa u l-monitoraġġ tat-traffiku fuq l-internet u tal-komunikazzjonijiet bil-mobile, jiffiltraw ir-riżultati ta' tiftix jew jidħlu fuq konverżazzjonijiet privati; jiġbed l-attenzjoni għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2014 bit-titolu "L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f'dinja li qed tinbidel" (COM(2014)0244), li, fost affarijiet oħra, tirrikonoxxi l-problemi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jinqalgħu fl-esportazzjoni ta' ċerti tipi ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; jappella lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tirrifletti dwar kif ittejjeb din is-sitwazzjoni fil-prospettiva tal-possibilità li jiġu adottati linji gwida aġġornati dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet;
120. Jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġa l-inizjattivi relatati mal-iżvilupp u d-disseminazzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tas-sigurtà diġitali sabiex, billi jipprovdu mekkaniżmi siguri għal ġbir, kriptaġġ u ħżin għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dawn jingħataw is-setgħa li jevitaw il-monitoraġġ minn gvernijiet ripressivi;
L-appoġġ tal-UE għas-soċjetà ċivili u għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni
121. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-ispazju li qed jinxtorob tal-azzjoni leġittima tas-soċjetà ċivili f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja; jikkunsidra li soċjetà ċivili ħielsa hija wieħed mill-pedamenti għall-protezzjoni u l-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri demokratiċi fis-soċjetajiet kollha; jilqa', f'dan ir-rigward, il-programmi kollha tal-UE mmirati lejn it-taħriġ ta' professjonisti żgħażagħ minn pajjiżi terzi u s-semplifikazzjoni tal-programmi ta' skambju ta' studenti għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, peress li dawn irawmu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-bini tad-demokrazija u jikkontribwixxu b'mod effikaċi għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;
122. Jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-monitoraġġ tagħhom tar-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inklużi kull projbizzjoni fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, użu aggressiv tal-liġijiet dwar il-malafama kriminali u liġijiet restrittivi oħra, rekwiżiti eċċessivi ta' reġistrazzjoni u rapportar, regoli restrittivi żżejjed dwar il-finanzjament barrani, u projbizzjonijiet fuq l-NGOs milli jinvolvu ruħhom f'attivitajiet politiċi jew ikollhom kuntatt mal-barranin, u dan kollu jikkundannawh b'mod ċar u rapidu;
123. Jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha iqajmu l-ksur tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni f'kull livell ta' djalogu politiku, inkluż fl-ogħla livell, meta forom oħra ta' djalogu, inkluż id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, ma jġibux titjib konkret fuq il-post; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jużaw dawn id-djalogi sabiex iqajmu każijiet ta' tħassib individwali, b'mod partikolari dawk kollha li jinvolvu nies li jinsabu l-ħabs biss talli eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifiċi;
124. Iħeġġeġ lir-rappreżentanti tad-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri jimmonitoraw il-proċessi tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dawk kollha miżmuma biss talli eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifiċi, u, meta rilevanti, jikkundannaw pubblikament in-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet għal proċess ġust;
125. Jappella biex l-UE tagħmel ir-rispett għall-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u l-protezzjoni tagħhom, prijorità kruċjali fil-Pjan ta' Azzjoni ġejjieni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u biex tistabbilixxi azzjonijiet speċifiċi f'dak il-qasam, peress li l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni huma elementi vitali għad-demokrazija u għal soċjetà miftuħa;
126. Itenni s-sostenn tiegħu biex il-maġġoranza tal-finanzjament tal-EIDHR tiġi allokata bħala appoġġ għall-azzjonijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja, u jappoġġja l-iżvilupp ta' fondi għad-difiża legali bħala għajnuna għall-ġurnalisti u l-attivisti ppersegwitati biex jiksbu aċċess għal avukat u proċess ġust;
127. Jissottolinja l-importanza tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-livell nazzjonali fil-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u s-sensibilizzazzjoni, u fl-iżgurar ta' mezz ta' riparazzjoni għall-vittmi ta' ksur; jappella biex l-UE tiżviluppa politika b'appoġġ għall-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, bi qbil mal-prinċipji ta' Pariġi, u biex tagħmilha prijorità fl-assistenza esterna, b'mod partikolari taħt l-Istrument Ewropew ta' Viċinat;
Libertà ta' ħsieb, ta' kuxjenza, u ta' reliġjon jew twemmin
128. Jikkundanna kull tip ta' vjolenza u diskriminazzjoni abbażi ta' ideoloġija, reliġjon jew twemmin, kif preskritt mill-Artikolu 10 TFUE; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti kontinwi ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra minoranzi reliġjużi madwar id-dinja, inkluż fil-Lvant Nofsani; jisħaq fuq il-fatt li d-dritt għal-libertà ta' ħsieb, ta' kuxjenza, u ta' reliġjon jew twemmin huwa dritt fundamentali tal-bniedem, interrelatat ma' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħrajn u li jħaddan id-dritt għal kulħadd li jemmen jew li ma jemminx, li jimmanifesta jew li ma jimmanifestax kwalunkwe reliġjon jew twemmin, u li jadotta, jibdel jew jabbanduna twemmin tal-għażla tiegħu jew jerġa' lura għalih, kif minqux fl-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
129. Japella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-minoranzi reliġjużi jkunu rispettati madwar id-dinja, b'mod partikolari fil-Lvant Nofsani, fejn l-Insara, inklużi l-Kattoliċi, l-Armeni Appostoliċi, il-Kopti u l-Jeżidi, kif ukoll il-minoranzi Musulmani qed jiġu ppersegwitati minn ISIS u minn gruppi terroristiċi oħra;
130. Jikkundanna b'mod qawwi l-attakki kontra l-Insara f'diversi pajjiżi madwar id-dinja u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi; jinsab profondament imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' episodji ta' ripressjoni, diskriminazzjoni, intolleranza u attakki vjolenti kontra komunitajiet Insara, b'mod partikolari fl-Afrika, fl-Ażja u fil-Lvant Nofsani; jappella ulterjorment lill-gvernijiet biex dawk kollha responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jinsab profondament imħasseb dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Insara fil-Korea ta' Fuq, is-Somalja, is-Sirja, l-Iraq, l-Afganistan, l-Arabja Sawdija, il-Pakistan, l-Uzbekistan, il-Jemen, in-Niġerja u ħafna pajjiżi oħra, fejn l-Insara jgħixu fil-biża' li jinqatlu, jiffaċċjaw tortura, jiġu stuprati u jinħatfu u li jaraw il-knejjes tagħhom iġarrbu ħsara jew jinqerdu;
131. Jesprimi tħassib profond dwar is-sitwazzjoni tal-persuni li jappartjenu għall-minoranza Musulmana Rohingya f'Burma/il-Mjanmar, li huma mċaħħda miċ-ċittadinanza Burmiża u qed jiffaċċjaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem u persekuzzjoni sistematiċi; Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya(24);
132. Jilqa' l-adozzjoni matul is-sena ta' rapportar 2013 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, u jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida, f'forums kemm internazzjonali kif ukoll reġjonali u fir-relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi terzi, waqt li jagħtu kas partikolari tal-qagħda vulnerabbli tal-apostati; ifaħħar lill-VP/RGħ il-ġdida talli ddikjarat li l-libertà ta' reliġjon jew twemmin hija waħda mill-prijoritajiet tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jinvolvu ruħhom fi djalogu permanenti mal-NGOs, mal-gruppi reliġjużi jew ta' twemmin u mal-mexxejja reliġjużi;
133. Jilqa' l-impenn tal-UE li tippromwovi d-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin fi ħdan forums internazzjonali u reġjonali inklużi n-NU, l-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u mekkaniżmi reġjonali oħrajn; jinkoraġġixxi lill-UE tkompli tressaq ir-riżoluzzjoni annwali tagħha dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u tappoġġja l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin;
Id-drittijiet tan-nisa u l-bniet
134. Jilqa' l-appoġġ tal-UE għar-riżoluzzjonijiet tan-NU dwar kwistjonijiet ta' ġeneru, notevolment dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa, dwar ir-rwol tal-libertà ta' espressjoni u l-opinjoni fl-għoti tas-setgħa lin-nisa, u għall-istqarrijiet tan-NU dwar iż-żwieġ bikri u furzat u dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili;
135. Jappella biex l-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-59 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, u tkompli bil-ġlieda kontra kull tentattiv biex tiddgħajjef il-Pjattaforma għal Azzjoni tan-NU ta' Beijing li tikkonċerna, fost elementi oħra, l-aċċess għall-edukazzjoni u għas-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;
136. Iqis li hu xi ħaġa ta' dispjaċir il-fatt li l-ġisem tan-nisa u l-bniet, b'mod speċifiku f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom għadhom s'issa jikkostitwixxu kamp ta' battalja ideoloġika, u jappella biex l-UE u l-Istati Membri jirrikonoxxu d-drittijiet inaljenabbli tan-nisa u l-bniet għall-integrità fiżika u għal teħid ta' deċiżjonijiet awtonomu fir-rigward, fost affarijiet oħra, tad-dritt għall-aċċess għall-ippjanar tal-familja volontarju u servizzi ta' abort sikuri u legali, u li jkunu ħielsa mill-vjolenza, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u furzat u l-istupru fiż-żwieġ;
137. Jafferma mill-ġdid il-kundanna tiegħu tal-forom kollha ta' abbuż u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, l-aktar l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra u l-vjolenza domestika; jappella lill-istati membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa, għaldaqstant, biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa; jappella biex l-UE għalhekk tieħu passi biex taderixxi mal-konvenzjoni sabiex tiżgura l-koerenza bejn l-azzjoni interna u esterna tal-UE fir-rigward tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;
138. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-gvernijiet li qed idawru wiċċhom biex ma jarawx il-każi inumani ta' abbuż sesswali tan-nisa, fi żmien meta mara minn kull tlieta madwar id-dinja se tesperjenza vjolenza f'ħajjitha; Iħeġġeġ ulterjorment lis-SEAE biex jistabbilixxi prattiki tajba għall-ġlieda kontra l-istupru u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa f'pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-kawżi fl-għeruq ta' din il-problema;
139. Jisħaq fuq l-importanza li l-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom sabiex joħolqu kampanji edukattivi indirizzati lejn l-irġiel, u b'mod partikolari lejn il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, bil-għan li jipprevjenu u b'mod gradwali jeliminaw kull tip ta' vjolenza sessista; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, l-uffiċjali tal-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin, kemm fl-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi, ikunu adegwatament imħarrġa sabiex jassistu u jappoġġjaw lill-vittmi tal-vjolenza;
140. Jenfasizza l-fatt li l-vjolenza sessista, inklużi prattiki konswetudinarji u tradizzjonali dannużi, hija ksur tad-drittijiet bażiċi, u b'mod speċjali tad-dinjità umana, id-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-integrità tal-persuna;
141. Jindika l-fatt li l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika hija strument internazzjonali importanti u vinkolanti u, għaldaqstant, l-adeżjoni ta' aktar u aktar pajjiżi mal-Konvenzjoni kkonċernata se tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-iżvilupp ta' politika integrata għall-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-vittmi u għall-promozzjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam;
142. Jappella lill-Kunsill biex jinkludi l-kwistjoni ta' abort immotivat mis-sess tal-fetu fil-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jiżviluppaw metodi għall-ġbir ta' data u indikaturi dwar dan il-fenomenu, u jinkoraġġixxi lis-SEAE biex jinkludi din il-kwestjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem;
143. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu organizzati kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni fil-komunitajiet li jipprattikaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-abbuż sesswali ta' tfajliet, iż-żwiġijiet prekoċi u furzati, il-femminiċidju u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem abbażi tal-ġeneru, kif ukoll l-importanza li jiġu involuti d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li diġà qegħdin jiġġieldu sabiex dawn il-prattiki jintemmu fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' dawn il-kampanji; itenni l-fatt li ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat u n-nuqqas ta' infurzar ta' età minima legali għaż-żwieġ jikkostitwixxu mhux biss ksur tad-drittijiet tat-tfal, iżda wkoll ostaklu għall-għoti ta' setgħa lin-nisa;
144. Jikkundanna b'mod qawwi l-użu tal-vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet bħala tattika tal-gwerra, inklużi delitti bħalma huma l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, forom ta' persekuzzjonijiet fuq il-bażi tal-ġeneru inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, it-traffikar, it-turiżmu sesswali, iż-żwieġ prekoċi u furzat, il-qtil tal-unur u kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali ta' gravità komparabbli; jibqa' partikolarment imħasseb, f'dan ir-rigward, dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika u fis-Sirja, pereżempju; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ħidma mwettqa minn UN Women, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU għall-Vjolenza Sesswali marbuta mal-Konflitti; jilqa' l-fatt li, fl-2014, il-Premju Sakharov ingħata lil Dr Denis Mukwege għall-ġlieda li għadha għaddejja tiegħu biex jipproteġi lill-bniet u lin-nisa li sfaw vittmi ta' vjolenza sesswali matul kunflitti armati;
145. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li delitti relatati mal-ġeneru u delitti ta' vjolenza sesswali huma kklassifikati fl-Istatut ta' Ruma bħala delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew atti kostituttivi fir-rigward tal-ġenoċidju jew it-tortura; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-Riżoluzzjoni 2106 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-prevenzjoni ta' vjolenza sesswali fil-kunflitti adottata fl-24 ta' Ġunju 2013, li tafferma mill-ġdid li l-QKI tiżvolġi rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti sesswali u bbażati fuq il-ġeneru; jappella lill-UE biex tappoġġja għal kollox l-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji;
146. Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u difiża komuni bi qbil mar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jservu ta' punt ta' riferiment importanti fir-rigward tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà; itenni, f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw, fil-proċess tal-bini ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli, il-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala komponent vitali fil-proċessi tal-paċi, u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu integrati l-perspettivi tal-ġeneru fil-prevenzjoni ta' konflitti, fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fir-rikostruzzjoni wara konflitt u fil-proċessi ta' tranżizzjoni demokratika;
147. Jikkunsidra li s-sottorappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi hija kwistjoni ta' drittijiet fundamentali u ta' demokrazija, il-valuri li għandhom jissottolinjaw il-kapaċità tal-gvernijiet li jiddedikaw l-attenzjoni tagħhom, bl-aktar mod sħiħ, lill-bini tad-demokrazija u l-proċessi ta' manutenzjoni; jilqa' s-sistemi ta' parità leġiżlati u l-kwoti tas-sessi, u jappella biex f'dan ir-rigward jingħata bidu mill-aktar fis possibbli għall-proċess leġiżlattiv meħtieġ;
148. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi, b'mod partikolari fil-proċessi tal-bini tal-paċi, fi tranżizzjoni demokratika u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiffokaw fuq l-emanċipazzjoni ekonomika u politika tan-nisa fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, billi jippromwovu l-involviment tagħhom fil-kumpaniji u fl-implimentazzjoni ta' proġetti reġjonali u proġetti ta' żvilupp lokali;
149. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li n-nisa fl-Ewropa u l-bqija tad-dinja jkollhom id-dritt li jkunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom b'mod liberu, bl-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel, mingħajr impożizzjonijiet ideoloġiċi, politiċi jew reliġjużi;
Id-drittijiet tal-bniedem u l-korruzzjoni
150. Ifakkar li l-korruzzjoni hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li l-UE ddikjarat li għandha l-kompetenza biex tiffirma l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (UNCAC);
151. Jikkunsidra li hi xi ħaġa ta' dispjaċir li sa issa ma ngħatax segwitu għat-talba tal-Parlament lill-VP/RGħ biex tippreżenta Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra l-korruzzjoni sabiex isir monitoraġġ effikaċi tar-rakkomandazzjonijiet tal-UNCAC, inkluż l-obbligu fuq l-Istati Partijiet li jippubblikaw u jiddesseminaw l-informazzjoni dwar il-korruzzjoni, jistabbilixxu mezzi biex jiġi rrapportat il-ksur, u biex joħoloq qafas ġuridiku xieraq għall-protezzjoni tax-xhieda u għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili f'dan il-qasam;
152. Iħeġġeġ lill-Europol biex jiżviluppa aktar sħubijiet strateġiċi u operattivi ma' pajjiżi terzi fil-prospettiva tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata b'mod aktar effikaċi;
153. Jinnota appell għal taxxa internazzjonali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li tkun tista' taħdem bħala sors addizzjonali ta' finanzjament għall-iżvilupp, u jfakkar lill-Istati Membri li huma diġà qablu li jintroduċu taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fuq livell domestiku u li impenjaw ruħhom li jwarrbu parti mill-fondi miġbura għall-finanzjament ta' beni pubbliċi globali, inkluż l-iżvilupp;
154. Jinnota li l-pajjiżi terzi b'governanza dgħajfa u flussi kbar ta' għajnuna għandhom ukoll rata ogħla ta' korruzzjoni, li bħala konsegwenza tiżvija l-għan maħsub tal-għajnuna għall-iżvilupp u ddgħajjef l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lis-SEAE biex jappoġġja l-programmi ta' żvilupp li fihom l-għajnuna umanitarja u t-trasparenza jimxu id f'id, sabiex javvanzaw id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi;
155. Itenni l-appell tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;
It-traffikar tal-bnedmin
156. Jikkundanna n-negozju illeċitu tat-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta' tneħħija ta' organi u kwalunkwe negozju ta' sfruttament ieħor relatat mal-ksur tad-dritt għall-integrità fiżika u t-twikkija tal-vjolenza; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin, li l-biċċa l-kbira tal-vittmi tiegħu huma nisa li jiġu sfruttati għal skopijiet sesswali;
157. Jappella biex l-UE tagħti prijorità għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin kemm fil-politiki interni tagħha u kemm f'dawk esterni, waqt li tiffoka b'mod partikolari fuq il-protezzjoni tal-vittmi; jappella għal sforzi aktar intensivi mill-UE li b'mod regolari jerġgħu jiġu eżaminati; jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fir-rigward tal-iskambju ta' prattiki tajba u ż-żarmar tan-netwerks ta' traffikar internazzjonali, li jagħmlu użu wkoll mill-internet sabiex isibu vittmi ġodda; itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE jimplimentaw id-Direttiva 2011/36/UE u l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016;
Id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasti
158. Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni li jsofru ġerarkiji ta' kasti u diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti, inkluż iċ-ċaħda tal-ugwaljanza u ta' aċċess għas-sistema ġuridika u għax-xogħol, is-segregazzjoni li għadha għaddejja u l-ostakli indotti mill-kasti għall-ksib tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp bażiċi; jappella biex l-UE tadotta politika mmirata biex tindirizza l-azzjoni għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti u tinkludi objettivi politiki dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti fil-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;
Id-drittijiet tal-persuni LGBTI
159. Jikkunsidra li hu xi ħaġa ta' dispjaċir il-fatt li 78 pajjiż għadhom iqisu l-omosesswalità bħala reat, inklużi 10 li jiddisponu mill-piena tal-mewt (l-Arabja Sawdija, in-Niġerja, il-Mawritanja, is-Sudan, is-Sierra Leone, il-Jemen, l-Afganistan, l-Iran, il-Maldivi u l-Brunej), u li 20 pajjiżi għadhom jikkriminalizzaw l-identitajiet transġeneri; jikkundanna bis-sħiħ iż-żieda riċenti f'liġijiet diskriminatorji u jemmen li l-prattiki u l-atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom m'għandhomx jitħallew mhux ikkastigati; jinkoraġġixxi monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni fin-Niġerja, l-Uganda, il-Malawi, l-Indja u r-Russja, fejn liġijiet ġodda jew żviluppi ġuridiċi riċenti qed jheddu b'mod serju l-libertà tal-minoranzi sesswali; jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għall-ħidma kontinwa tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiġu miġġielda dawn il-liġijiet u l-prattiki diskriminatorji u għall-ħidma tan-NU b'mod aktar ġenerali fuq din il-kwistjoni;
160. Jappoġġja l-idea li s-SEAE għandu jipprijoritizza l-azzjonijiet tiegħu f'dan il-qasam u jqiegħed enfasi partikolari fuq is-sitwazzjonijiet fejn il-piena tal-mewt tinsab fis-seħħ, u/jew fejn persuni LGBTI huma soġġetti għal tortura u trattament ħażin, billi jikkundanna dawn il-prattiki f'konformità mal-linji gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt u l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tortura u Trattament jew Kastig Krudili, Inumani jew Degradanti;
161. Jilqa' l-adozzjoni fl-2013 tal-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Omosesswali, Bisesswali, Transġeneri U Intersesswali (LGBTI); jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iqajmu l-kwistjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fid-djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u fil-forums multilaterali; jenfasizza li hu importanti li l-Kummissjoni u s-SEAE jkomplu jqajmu l-kwistjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fid-djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jużaw l-EIDHR bħala appoġġ għall-organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-persuni LGBTI billi jingħataw is-setgħa li jikkontestaw il-liġijiet omofobiċi u transfobiċi u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI, iqajmu kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali dwar id-diskriminazzjoni u l-vjolenza esperjenzata minn persuni b'orjentazzjonijiet sesswali differenti, u jiżguraw l-għoti ta' assistenza ta' emerġenza (inklużi l-għajnuna psikosoċjali u medika, il-medjazzjoni u l-assistenza għall-integrazzjoni mill-ġdid) lil dawk fil-bżonn ta' appoġġ ta' dan it-tip;
162. Jieħu nota tal-legalizzazzjoni taż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess jew tal-unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess f'għadd dejjem jikber ta' pajjiżi – 17 sal-lum – madwar id-dinja; jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu ulterjorment għar-rikonoxximent taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess jew unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess bħala kwistjoni politika, soċjali u dwar id-drittijiet ċivili u tal-bniedem;
163. Jappella lill-Kummissjoni u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex ineħħu d-diżordnijiet tal-identità tal-ġeneru mil-lista tad-diżordnijiet mentali u tal-imġiba; jappella lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tintemm il-patoloġizzazzjoni tal-identitajiet trans; jinkoraġġixxi lill-Istati biex jiżguraw proċeduri għar-rikonoxximent tal-ġeneru li jkunu rapidi, aċċessibbli u trasparenti u li jirrispettaw id-dritt għall-awtodeterminazzjoni;
164. Jilqa' l-appoġġ politiku dejjem jikber biex l-sterilizzazzjoni bħala rekwiżit għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru ssir illegali, kif esprima r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura, u jappoġġja l-fehma li rekwiżiti ta' dan it-tip għandhom jiġu ttrattati u ppersegwitati bħala ksur tad-dritt għal integrità fiżika u tad-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva;
165. Jilqa' l-annullament f'Ottubru 2013 tal-liġi tal-Moldova li tipprojbixxi l-"propagazzjoni ta' kwalunkwe relazzjoni oħra għajr dawk relatati maż-żwieġ jew il-familja", u japella lill-pajjiżi l-oħra fir-reġjun biex isegwu l-eżempju tal-Moldova;
Id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali
166. Jenfasizza li l-komunitajiet minoritarji nazzjonali għandhom ħtiġijiet speċifiċi, u li ugwaljanza sħiħa u effikaċi bejn il-persuni li jappartjenu għal minoranza nazzjonali u dawk li jappartjenu għall-maġġoranza għandha għalhekk tiġi promossa f'kull qasam tal-ħajja ekonomika, soċjali, politiċi u kulturali;
Id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità
167. Jilqa' r-ratifiki tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni effiċjenti kemm mill-Istati Membri u kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE u jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa li l-prinċipju ta' aċċessibilità universali u d-drittijiet kollha ta' persuni b'diżabilità jiġu integrati fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, inkluż fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u jenfasizza n-natura preskrittiva u orizzontali ta' din il-kwistjoni; jisħaq fuq l-importanza li l-UE taġixxi f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti u mas-soċjetà ċivili, u b'mod partikolari mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità, sabiex jiġi żgurat li l-programmi ta' żvilupp internazzjonali jqisu l-ħtiġijiet ta' aċċessibbiltà tal-persuni b'diżabilità;
168. Jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ tkompli tappoġġja l-proċess ta' ratifikazzjoni u implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità minn dawk il-pajjiżi li għadhom ma rratifikawhiex jew ma implimentawhiex sa issa;
169. Jinkoraġġxxi lis-SEAE jagħti attenzjoni dettaljata lejn l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għal kull pajjiż ippubblikati mill-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, u lir-rapporti tal-istati, u biex iqajjem dan it-tħassib b'mod sistematiku fid-djalogi politiċi mal-pajjiżi kkonċernati u fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi; jappella lill-Kummissjoni biex tħejji u tabbozza Prinċipji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni b'diżabilità, sabiex tiġi żgurata politika sistematika u koerenti f'dan ir-rigward, inkluż fid-djalogi u fin-negozjati tagħha ma' pajjiżi terzi;
170. Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jinkoraġġixxu lid-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja jinvolvu ruħhom mas-soċjetà ċivili b'mod li jippromwovu t-tgawdija effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni b'diżabilità;
Id-drittijiet tat-tfal
171. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi Strateġija u Pjan ta' Azzjoni ambizzjużi u komprensivi għad-Drittijiet tat-Tfal għall-ħames snin li ġejjin, kif talab fir-riżoluzzjoni tiegħu imsemmi hawn fuq tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
172. Jilqa' l-koperazzjoni tal-UE mal-UNICEF u organizzazzjonijiet oħra u l-NGOs impenjati għad-drittijiet tat-tfal, li rriżultat f'sett ta' għodda għall-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u fl-appoġġ tal-għanijiet ta' żvilupp tal-millenju u l-programmi għall-protezzjoni tat-tfal fundamentali bil-għan li jitwettqu d-drittijiet tat-tfal, speċjalment f'kuntesti fraġli; jilqa' b'mod partikolari il-Manifest tad-Drittijiet tat-Tfal, u jinkoraġġixxi lil aktar Membri tal-PE u parlamentari nazzjonali biex jippromwovu l-Manifest u jsiru "difensuri" tad-drittijiet tat-tfal; jilqa' l-użu tal-flus tal-Premju Nobel mogħti lill-UE biex jassistu lit-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt; ifakkar fl-importanza li jingħata appoġġ psikoloġiku lit-tfal kollha li jkunu ġew esposti għal ġrajjiet vjolenti jew tfal li jkunu vittmi tal-gwerra; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal milqutin minn kunflitti; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-UE fit-Tielet Konferenza Globali dwar it-Tħaddim tat-Tfal li saret fi Brasilia f'Ottubru 2013, u l-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati tad-dikjarazzjoni tripartitika dwar it-tħaddim tat-tfal;
173. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu miġġielda l-forom kollha ta' xogħol tat-tfal furzat u ta' sfruttament tat-tfal; jappella għal implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti nazzjonali u internazzjonali li trawwem is-sensibilizzazzjoni tal-abbuż tat-tfal fis-suq tax-xogħol;
174. Jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex ikomplu jieħdu azzjoni rigward id-drittijiet tat-tfal, waqt li jagħtu attenzjoni speċifika lill-vjolenza kontra t-tfal, inkluża t-tortura, peress li dan l-aħħar ġew irrapportati każijiet ta' tortura u detenzjoni tat-tfal; jappella biex tingħata attenzjoni partikolari għall-kwistjonijiet ta' xogħol tat-tfal furzat, faqar fost it-tfal u malnutrizzjoni tat-tfal, u, f'dan ir-rigward, dwar l-għanijiet ta' edukazzjoni primarja universali, tnaqqis fil-mortalità tat-tfal, iż-żwieġ tat-tfal u prattiki dannużi, id-diżarmament, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid sussegwenti tat-tfal ingaġġati fi gruppi armati, u t-tqegħid tal-kwistjoni ta' ritwali maġiċi kontra t-tfal fuq l-aġenda tad-djalogi mal-pajjiżi kkonċernati dwar id-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq l-importanza li tingħata prijorità lid-drittijiet tat-tfal fil-politika esterna, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja tal-UE, sabiex jiġi żgurat finanzjament adegwat u jiżdied il-livell ta' protezzjoni għat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jappella lill-VP/RGħ biex kull sena tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultati li nkisbu f'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjoni esterna tal-UE ffokata fuq it-tfal; jenfasizza li t-tfal u l-adolexxenti għandhom jipparteċipaw biss f'xogħol li ma jaffetwalhomx is-saħħa u l-iżvilupp personali tagħhom u li ma jfixkilx l-edukazzjoni tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li tingħata prijorità lid-drittijiet tat-tfal fil-politika esterna tal-UE;
175. Jinnota li l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tappella għal miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, soċjali u edukattivi dwar it-tħaddim tat-tfal, filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa għal approċċ multidimensjonali; jevidenzja l-ħtieġa, sabiex jiġu applikati b'mod effikaċi, li l-liġijiet ikunu akkumpanjati minn interventi politiki li jipprovdu alternattivi fil-forma ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, flimkien ma' miżuri għal protezzjoni soċjali li jibbenefikaw lit-tfal u lill-familji;
176. Jappella biex l-UE tkompli tippromwovi ambjent faċilitattiv għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal, djalogu soċjali u azzjoni konċertata bejn is-setturi pubbliċi u privati madwar l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ għall-ġlieda kontra x-xogħol tat-tfal fil-pajjiżi f'kunflitt u wara kunflitt u biex tinbena l-kapaċità għaliha;
177. Itenni l-ħtieġa biex jiġu intensifikati l-isforzi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Implimentazzjoni Riveduta għal-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati; jappella, f'dan il-kuntest, biex isir użu aktar effikaċi tar-riżorsi disponibbli taħt l-Istrument għall-Istabilità u l-EIDHR b'mod li jiġi indirizzat il-fenomenu ta' tfal suldati; jinkoraġġixxi lill-UE tapprofondixxi aktar il-kooperazzjoni tagħha mar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal Affettwati minn Kunflitti Armati, waqt li tappoġġja l-pjanijiet ta' azzjoni assoċjati u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u rrapportar; jappella għar-ratifika universali tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u b'mod partikolari tat-tielet protokoll fakultattiv għaliha, li għandu jippermetti li t-tfal jippreżentaw l-ilmenti tagħhom lill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jappella lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex ifittxu mezzi biex l-UE taderixxi b'mod unilaterali mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
178. Jindika li n-nutrizzjoni inadegwata u l-malnutrizzjoni tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iqajmu tħassib serju; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Qafas għal Azzjoni li ġie adottat waqt it-Tieni Konferenza Internazzjonali dwar in-Nutrizzjoni ta' dan l-aħħar, li jistabbilixxi l-objettiv globali ta' tnaqqis ta' 40 % fin-numru ta' tfal taħt il-ħames snin fid-dinja li l-iżvilupp tagħhom twaqqaf;
179. Itenni li l-aċċess għall-edukazzjoni huwa dritt fundamentali għat-tfal kollha, kif stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha meħuda mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha biex jittejjeb l-aċċess tat-tfal għal servizzi tas-saħħa u kura tas-saħħa ta' kwalità għolja;
180. Jiddeplora l-fatt li mad-dinja kollha għad hemm pajjiżi li qed isibuha bi tqila biex jiffirmaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jipprovdu gwida ddettaljata dwar l-iżvilupp ta' soċjetajiet inklużivi għall-protezzjoni tat-tfal b'diżabilità;
181. Jappella biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw politiki konċertati dwar l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp fi sforz biex jiġġieldu kontra l-malnutrizzjoni tat-tfal;
Id-drittijiet tal-popli indiġeni
182. Jinnota bi tħassib li l-popli indiġeni huma f'periklu partikolari li ssir diskriminazzjoni kontrihom, u li huma speċjalment vulnerabbli għall-bidliet u t-taqlib politiċi, ekonomiċi, ambjentali u dawk marbuta max-xogħol; jinnota li ħafna jgħixu taħt il-linja tal-faqar u jew m'għandhomx aċċess jew għandhom aċċess limitat għal rappreżentanza, teħid ta' deċiżjonijiet politiċi jew is-sistemi ġudizzjarji; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-problemi rapportati għall-akkapparrar tal-art, l-ispostament furzat u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li qed jirriżultaw b'mod mifrux mill-kunflitti armati;
L-azzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati
183. Jikkundanna l-għadd drammatiku ta' mwiet fuq il-baħar fil-Mediterran, li hu stmat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni fir-rapport tagħha "Fatal Journeys" li fl-2013 kien ta' 3 000, biex b'hekk dan il-baħar sar l-iktar reġjun mortali fid-dinja għall-migrazzjoni irregolari; jinsab estremament imħasseb dwar ir-rapporti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-immigranti u dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil fi triqthom lejn l-UE; jappella biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkooperaw man-NU, il-mekkaniżmi reġjonali, il-gvernijiet u l-NGOs biex jaffrontaw dawn il-kwistjonijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati politiki aktar b'saħħithom u aktar integrati li jkunu radikati aktar mill-qrib fil-prinċipju ta' solidarjetà fil-livell tal-Unjoni, b'mod li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet urġenti dwar il-migranti, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu l-ażil b'manjiera konsistenti mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mad-dinjità fundamentali tal-bniedem, u jappella lill-UE biex tiggarantixxi standards komuni effikaċi għal proċeduri ta' akkoljenza fl-Unjoni kollha b'mod li jiġu protetti l-minorenni mhux akkumpanjati u dawk l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza u lis-SEAE jżidu l-koperazzjoni u kondiviżjoni ekwa tar-responsabilitajiet fost l-Istati Membri, inkluż fl-ospitar u r-risistemazzjoni tar-rifuġjati u fil-kontribuzzjoni għas-servizzi ta' tiftix u salvataġġ biex jassistu lill-migranti f'diffikultà fil-baħar waqt li jkunu qed jippruvaw jilħqu x-xtut tal-UE; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi rispettat il-prinċipju ta' non refoulement fl-ibħra Ewropej u internazzjonali, kif ikkonfermat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni biex tiżviluppa mezzi adegwati għal migrazzjoni legali; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett komuni dwar l-ażil li l-UE adottat dan l-aħħar u l-leġislazzjoni komuni dwar il-migrazzjoni, u għal dan l-għan, jappella għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kriżi previst fl-Artikolu 33 tar-Regolament ta' Dublin, li jkun jinkludi kontinġent minimum definit b'mod ċar għal kull Stat Membru, sabiex jintlaħaq b'mod rapidu mekkaniżmu ta' kriżi funzjonanti għar-ridistribuzzjoni biex itaffi l-piż fuq l-Istati Membri l-aktar milquta f'każ li l-kwota minima tinqabeż b'mod ċar; jappella lill-Istati Membri biex jieħdu sehem fil-programmi ta' risistemazzjoni u biex jintensifikaw l-iżvilupp ta' programmi ta' protezzjoni reġjonali fiż-żoni l-aktar milquta; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-għeruq tal-migrazzjoni illegali; jinkoraġġixxi lis-SEAE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni dettaljata lill-pajjiżi minn fejn joriġinaw it-traffikar jew il-kuntrabandu ta' bnedmin, il-pajjiżi tal-passaġġ u l-pajjiżi ta' destinazzjoni; jappella lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex isaħħu aktar id-dimensjoni esterna tal-Unjoni, waqt li jaħdmu b'mod konġunt mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, inkluż fil-pajjiżi sħab tal-UE, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Mediterran, iqajmu dawn il-kwistjonijiet sistematikament fid-djalogi politiċi mal-pajjiżi kkonċernati u fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi, u jintensifikaw il-kooperazzjoni ma' dawn il-pajjiżi sal-ogħla livell sabiex iżarmaw in-netwerks illegali użati għat-traffiku ta' migranti u jiġġieldu kontra l-mafji illegali li japprofittaw mit-traffikar ta' bnedmin u l-kuntrabandu ta' bnedmin;
184. Jikkunsidra li t-tfal migranti huma partikolarment vulnerabbli, speċjalment meta ma jkunux akkumpanjati; ifakkar li t-tfal mhux akkumpanjati huma fuq kollox tfal u li l-protezzjoni tat-tfal, aktar milli l-politiki tal-immigrazzjoni, trid tkun il-prinċipju ewlieni fit-trattament ta' dawn it-tfal, biex b''hekk jiġi rrispettat il-prinċipju fundamentali tal-aħjar interessi tat-tfal;
185. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ jkomplu jappoġġjaw il-proċess ta' ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Protokoll għaliha għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, il-Protokoll kontra l-Kuntrabandu tal-Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru u l-Protokoll kontra l-Manifattura Illeċita ta' Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti tagħhom u l-Munizzjon u t-Traffikar fihom;
186. Jappella biex l-UE tiżgura li n-negozjazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kollha dwar il-kooperazzjoni u r-riammissjoni fil-qasam tal-migrazzjoni ma' stati li mhumiex fl-UE jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, mad-dritt dwar ir-rifuġjati u mad-dritt marittimu internazzjonali, u jitlob li jiġi kkonsultat qabel ma dawn jiġu konklużi; jeżiġi aktar trasparenza fin-negozjati tat-tali ftehimiet u l-integrazzjoni ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ biex jiġi vvalutat l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni ma' stati li mhumiex fl-UE u ta' miżuri ta' kontroll fil-fruntieri, inklużi Frontex u Eurosur; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiżvolġu rwol importanti fl-oqsma tal-migrazzjoni u tal-ażil; għaldaqstant, jitlob li l-uffiċjal tad-drittijiet fundamentali tal-Frontex u l-ispeċjalisti tat-taħriġ tal-EASO jingħataw fondi xierqa sabiex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet ta' evalwazzjoni u monitoraġġ kif ukoll biex jippreżentaw l-aħjar prattiċi;
187. Jappella lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni permanenti tal-programmi tagħha dwar il-migrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri fl-istati tal-UE u dawk li mhumiex fl-UE fil-prospettiva li tipproponi miżuri mtejba għall-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għall-iskambju ta' prattiċi tajbin;
188. Iħeġġeġ lill-EASO jibni sħubijiet ma' pajjiżi terzi fil-prospettiva li tissaħħaħ il-protezzjoni internazzjonali għal dawk li qed ifittxu l-ażil;
189. Jilqa' iż-żieda tal-kriterju ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali mal-lista tal-kriterji fundamentali li għandhom jitqiesu qabel il-ftuħ tan-negozjati dwar ftehimiet għall-eżenzjoni minn viżi ma' pajjiżi terzi(25); jappella lill-Kummissjoni biex tuża dan il-kriterju ġdid bħala lieva biex tipperswadi lill-pajjiżi terzi jaċċettaw djalogu aktar sinifikanti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest strateġikament u ekonomikament sinifikanti tan-negozjati dwar il-viżi;
190. Jikkundanna l-kriminalizzazzjoni dejjem tiżdied tal-migrazzjoni illegali fl-UE għad-detriment tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kkonċernati; iħeġġeġ biex issir dispożizzjoni mingħajr dewmien għall-istabbiliment tas-salvagwardji dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-obbligu li jingħata rendikont u l-mekkaniżmi ta' infurzar meħtieġa;
191. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jipparteċipaw b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "rifuġjat minħabba l-klima", inkluż dwar id-definizzjoni legali possibbli tiegħu fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali ġuridkament vinkolanti;
192. Jirrikonoxxi li l-apolidija hija sfida sinifikanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiġġieldu l-apolidija fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, b'mod partikolari billi jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-liġijiet dwar in-nazzjonalità abbażi ta' sess, reliġjon jew status minoritarju, billi jippromwovu d-dritt għal nazzjonalità tat-tfal u billi jappoġġjaw il-kampanja tal-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) immirata biex l-apolidija tintemm sal-2024;
Id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp
193. Jisħaq fuq il-fatt li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ekonomiċi, kulturali, soċjali u ambjentali, l-aċċess għall-ikel, il-governanza tajba, il-valuri demokratiċi, il-paċi, is-sigurtà u l-aċċess għal sistema ġudizzjarja ġusta u effiċjenti, huwa prerekwiżit biex jitnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi u jinkisbu l-għanijiet ta' żvilupp għall-millenju; hu tal-fehma li d-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu fattur trasversali tal-għanijiet, il-miri u l-indikaturi kollha fl-aġenda għal wara l-2015; jenfasizza wkoll li l-implimentazzjoni ta' dik l-aġenda trid tkun ibbażata fuq trasparenza u mekkaniżmi ta' responsabilità qawwija; jasserixxi li l-impenji dwar il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu miżurabbli u jista' jingħatalhom segwitu;
194. Ifakkar li n-NU rrikonoxxiet li mingħajr approċċ għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-għanijiet ta' żvilupp ma jistgħux jintlaħqu kompletament; jappella biex l-UE tibqa' attenta ħalli tiżgura li l-kwistjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ispazju għas-soċjetà ċivili jiġu espliċitament integrati fid-diskussjonijiet għal wara l-għanijiet ta' żvilupp tal-millenju;
195. Jenfasizza l-interdipendenza bejn il-faqar estrem u n-nuqqas ta' drittijiet tal-bniedem, u jevidenzja l-bżonn li jiġi żviluppat sett ta' prinċipji dwar l-applikazzjoni ta' standards u kriterji relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra l-faqar estrem;
196. Jevidenzja l-importanza tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp biex jinkiseb ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; itenni għal dan il-għan il-ħtieġa li jiġu adottati b'mod effikaċi linji gwida, valutazzjonijiet tal-impatt, mekkaniżmi ta' monitoraġġ u rapportar b'mod li l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp issir realtà fil-politiki tal-Unjoni u f'dawk tal-Istati Membri, b'mod speċjali fil-kummerċ u l-agrikoltura; hu tal-fehma li l-UE għandha żżomm it-tmexxija politika fir-rigward ta' din il-kwistjoni; jappella għalhekk lill-UE biex taħdem flimkien ma' pajjiżi sħab impenjati biex tniedi inizjattivi internazzjonali (fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, il-G20, eċċ.) sabiex il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp tinbidel f'aġenda universali;
197. Jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkoordinaw aħjar l-aġendi ta' żvilupp tagħhom fl-ispirtu tat-Trattat ta' Lisbona, billi jqiegħdu l-politika għall-iżvilupp fuq quddiem tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, b'mod li l-prijoritajiet nazzjonali u l-aġendi Ewropej għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jiġu kkoordinati aħjar permezz tal-iżvilupp, filwaqt li jitqiesu l-kumplessitajiet inkorporati fil-politika għall-iżvilupp tal-UE;
198. Jappella lis-SEAE biex, taħt il-koordinament tal-VP/RGħ, jorbot aħjar il-politika barranija u ta' sigurtà mal-politika għall-iżvilupp bil-għan li jinbnew is-sinerġiji u jiġi żgurat approċċ koerenti mmirat lejn applikazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-politika għall-iżvilupp tal-UE; jappella ulterjorment lill-UE biex tikkoordina aħjar f'livell estern mal-ekonomiji emerġenti, bħall-pajjiżi BRICS, fil-forums multilaterali b'mod li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-governanza globali u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem permezz tal-koordinament tal-aġendi għall-iżvilupp differenti tagħhom;
199. Iħeġġeġ lill-UE tintegra d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija b'mod aktar effikaċi fil-kooperazzjoni kollha għall-iżvilupp u tiżgura li l-programmi ta' żvilupp tal-UE jikkontribwixxu biex il-pajjiżi sħab jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
200. Jenfasizza l-importanza li l-għajnuna għall-iżvilupp tiġi konnessa ma' sforzi kredibbli ta' demokratizzazzjoni;
201. Jappella lill-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt biex, taħt is-superviżjoni tal-President tal-Kummissjoni, jiżgura li jitqies l-impatt fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedemi meta jkunu qed isiru d-diskussjonijiet dwar il-proġetti tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u viċi versa;
202. Jirrikonoxxi l-importanza li jkun hemm involviment attiv mill-NGOs fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex ikun żgurat l-aktar involviment estensiv possibbli tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki, u fl-iżgurar tal-effikaċja tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;
203. Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li mill-2014-2020 se toħloq opportunitajiet għal madwar 18 000 persuna mill-UE u minn pajjiżi terzi biex jipparteċipaw fl-operazzjonijiet umanitarji madwar id-dinja fejn ikun hemm l-aktar bżonn urġenti għall-għajnuna u biex juru solidarjetà billi jgħinu lill-komunitajiet milquta minn diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem;
204. Jappella għal azzjoni Ewropea kkonċertata biex tindirizza l-problema tal-akkapparrament tal-art permezz tal-promozzjoni ta' salvagwardji adegwati għall-prevenzjoni tagħha fil-pajjiżi kkonċernati u fost il-kumpaniji tal-UE u l-kumpaniji Ewropej oħrajn preżenti f'dawk il-pajjiżi; jinnota li ċ-ċaħda tal-aċċess għall-art u r-riżorsi naturali għall-fqar rurali u urbani hija waħda mill-kawżi ewlenin tal-ġuħ u l-faqar fid-dinja, peress li jkollha impatt fuq it-tgawdija mill-komunitajiet lokali tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, u b'mod partikolari fuq id-dritt tagħhom għal ikel adegwat; jappella għal valutazzjoni tal-impatt tal-politika kummerċjali tal-UE fuq l-akkapparrament tal-art; jilqa' l-involviment tal-UE fl-iżvilupp tal-Linji Gwida Volontarji globali rigward il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali, adottati taħt il-patroċinju tan-NU, u jappella għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-adozzjoni ta' linji gwida vinkolanti għall-prevenzjoni tal-akkapparrament tal-art; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa urġenti li l-kunsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-tnaqqis tal-faqar jiġu integrati fit-teħid tad-deċiżjonijiet rigward l-akkwist jew il-lokazzjoni fit-tul ta' żoni kbar ta' art minn investituri; jikkunsidra li r-rispons tal-UE għal din il-kwistjoni hu test importanti tal-impenn tagħha li timxi lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona u li, permezz tiegħu, il-politika għall-iżvilupp tal-UE tkun tikkontribwixxi ulterjorment għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar fid-dinja; jappella biex l-UE, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-Ikel, timpenja ruħha favur bidla fundamentali lejn l-agroekoloġija bħala mezz li jiggarantixxi d-dritt għall-ikel;
205. Jinnota bi tħassib kbir li l-popli indiġeni huma partikolarment milqutin minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-estrazzjoni ta' riżorsi; jappella lis-SEAE biex jappoġġja oqfsa ġuridiċi rigorużi u inizjattivi mmirati lejn it-trasparenza u l-governanza tajba fis-settur tal-minjieri u f'setturi ta' riżorsi oħra, li jkunu jirrispettaw il-kunsens liberu, minn qabel u informat tal-poplu lokali u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;
206. Jinnota bi tħassib kbir li l-gruppi vulnerabbli huma partikolarment milqutin minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat mad-degradazzjoni ambjentali, peress li l-espansjoni tal-pjantaġġuni monokulturali, il-qtugħ tas-siġar, l-infrastruttura u l-appoġġ għall-iżvilupp tal-gass u taż-żejt, il-bijofjuwils, il-minjieri jew l-idroenerġija fuq skala kbira kollha qed jikkawżaw id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; jappella lill-Kummissjoni biex timplimenta s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali u tistabbilixxi pjan komprensiv biex taffronta d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u l-impatti tagħhom fl-oqsma ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem;
207. Jindika li l-implimentazzjoni tal-programmi għall-iżvilupp, l-edukazzjoni u s-saħħa tikkontribwixxi mhux biss għall-ġlieda kontra l-faqar, iżda wkoll għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali; jappella biex l-UE tiżviluppa strateġiji ulterjuri fuq il-linji tal-istrateġija tas-SEAE għas-sigurtà u l-iżvilupp tas-Saħel;
208. Jisħaq fuq il-fatt li, minkejja l-progress li diġà nkiseb fir-rigward tal-aċċess għall-ilma għax-xorb u s-sanità, għad hemm madwar 2,6 biljun persuna li tonqoshom latrina u 1,1 biljun persuna mingħajr ebda tip ta' aċċess għall-ilma għax-xorb; jargumenta li dan huwa dovut għal nuqqas mhux biss ta' riżorsi iżda wkoll ta' rieda politika; jappella, għalhekk, lill-gvernijiet biex jiggarantixxu aċċess għal ilma għax-xorb sigur u għas-sanità, b'attenzjoni partikolari lin-nisa u lit-tfal;
209. Jappella għal strateġija politika fit-tul ambizzjuża u pjan ta' azzjoni dwar is-saħħa pubblika, l-innovazzjoni u l-aċċess għall-mediċini li, inter alia, jesplora skemi ta' inċentivi ġodda għar-riċerka u l-iżvilupp kif deskritti fir-rapport tal-2012 tal-Grupp ta' Ħidma Espert Konsultattiv tad-WHO dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp: Finanzjament u Koordinament, b'mod li jiġi salvagwardjat id-dritt għal standard ta' għajxien adegwat għas-saħħa u l-benesseri ta' kull bniedem mingħajr l-ebda distinzjoni ta' razza, reliġjon, twemmin politiku, u kundizzjoni ekonomika jew soċjali; jisħaq fuq il-fatt li n-nisa u l-bniet jibqgħu dawk l-aktar milquti mill-pandemija tal-HIV, u huma wkoll dawk li huma l-aktar involuti biex jieħdu ħsieb pazjenti fil-komunitajiet tagħhom;
L-avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem
210. Jikkundanna l-prattika dejjem tikber minn stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali enormi sabiex isaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jrażżnu ulterjorment id-dissens domestiku; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom mal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-modalitajiet ta' parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-avvenimenti, inkluż fir-rigward tal-ewwel Logħob Ewropew f'Baku fl-2015 u t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018; jappella għall-iżvilupp ta' qafas ta' politika tal-UE dwar l-isport u d-drittijiet tal-bniedem, u għall-inklużjoni tal-impenji rilevanti fil-Pjan ta' Azzjoni ġejjieni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
211. Itenni li fil-qafas tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u fuq il-bażi tal- Konvenzjonijiet tal-UNESCO, id-diversità kulturali u l-wirt kulturali huma wirt dinji u li l-komunità internazzjonali għandha d-dmir li tikkoopera fil-protezzjoni u l-valorizzazzjoni tagħhom; iqis li forom intenzjonali ta’ qerda tal-wirt kulturali u artistiku, kif qed jiġri bħalissa fl-Iraq u fis-Sirja, għandhom jiġu prosegwiti bħala delitti tal-gwerra u bħala delitti kontra l-umanità;
Tisħiħ tal-azzjoni tal-Parlament Ewropew rigward id-drittijiet tal-bniedem
212. Itenni l-impenn tiegħu favur titjib kontinwu tal-proċeduri, il-proċessi u l-istrutturi proprji tal-Parlament b'mod li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jkunu fil-qalba tal-azzjonijiet u l-politiki tiegħu; jiġbed l-attenzjoni lejn l-impenn fit-tul tiegħu favur id-drittijiet tal-bniedem, kif rifless fl-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb; jikkunsidra, barra minn hekk, li huma rikjesti koperazzjoni effikaċi fil-Parlament kollu u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki u l-azzjonijiet predominanti biex is-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem ikun jista' jissodisfa l-missjoni tiegħu, kif speċifikata fir-Regoli ta' Proċedura, li "jiżgura koerenza bejn il-politika esterna kollha tal-Unjoni u l-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem";
213. Jappella għal implimentazzjoni aħjar tal-Linji Gwida għad-Delegazzjonijiet Interparlamentari tal-Parlament Ewropew dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u jħeġġeġ biex isir rieżami tal-linji gwida li għandu jitwettaq mill-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet, f'kooperazzjoni mas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, prattika aktar sistematika u trasparenti kif jitqajmu kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment il-każijiet individwali msemmija fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament u l-każijiet tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov u dawk innominati għalih li qegħdin f'riskju, matul żjarat ta' delegazzjonijiet f'pajjiżi terzi, u kif tiġi rrapportata lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem l-azzjoni meħuda bil-miktub u, fejn ikun iġġustifikat politikament, permezz ta' sessjoni speċifika ta' tgħarrif;
214. Jenfasizza l-ħtieġa għal riflessjoni kontinwa dwar il-mezzi l-aktar xierqa għall-massimizzazzjoni tal-kredibilità, il-viżibilità u l-effikaċja tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-ħtieġa ta' sinkronizzazzjoni xierqa bejn l-istituzzjonijiet Ewropej kollha u d-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija, u li dawn jagħtu segwitu xieraq; jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa għal segwitu istituzzjonali tal-kwistjonijiet imqajma fir-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tal-Parlament;
215. Jinkoraġġixxi d-diskussjoni dwar l-inklużjoni tal-għodda differenti disponibbli għall-Parlament rigward l-appoġġ għal u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dokument ta' strateġija uniku, li għandu jiġi adottat mill-Parlament fil-plenarja; jappella għall-ħolqien ta' sit fuq l-internet li jiġi aġġornat regolarment u li jelenka d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem imsemmija fir-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tal-Parlament u għat-twaqqif ta' grupp ta' ħidma intern tal-Parlament li jkun isegwi l-każijiet ta' dawn id-difensuri elenkati madwar id-dinja, biex id-delegazzjonijiet li jivvjaġġaw lejn pajjiżi terzi jitħeġġu jiltaqgħu magħhom;
o o o
216. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE.
Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67).
Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab u kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu
242k
78k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (2015/2573(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkaważat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Riga li segwiet il-laqgħa informali tal-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f'Riga tad-29 u t-30 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-uffiċċju ta' kollegament bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab f'Malta, immirati lejn il-faċilitazzjoni tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Lega Għarbija,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adotatta fit-Tielet Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega tal-Istati Għarab tal-10 u l-11 ta' Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra l-iffirmar ta' memorandum ta' qbil, fid-19 ta' Jannar 2015, bejn Federica Mogherini, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), u Nabil El Araby, is-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, li jirrappreżentaw l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab rispettivament,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta' Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jikkonċernaw pajjiżi tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Federica Mogherini tad-19 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti jikkostitwixxu theddidiet serji għas-sigurtà u l-libertajiet fil-livell globali, u billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali tal-politiki kontra t-terroriżmu li jirnexxu;
B. billi t-terroriżmu jikkostitwixxi theddida globali li jeħtieġ li tiġi indirizzata bi sforz koordinat mill-gvernijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali; jenfasizza li alleanza globali biss tista' tindirizza din it-theddida b'mod effikaċi, f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, il-valuri fundamentali u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
C. billi fid-19 ta' Jannar 2015 il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS), Nabil El Araby, iffirmaw Memorandum ta' Qbil (MtQ) bejn is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-LAS;
D. billi l-kontenut tal-Memorandum ta' Qbil tal-2015 bejn is-Servizz Ewropew għall-azzjoni esterna u s-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab mhuwiex disponibbli għall-pubbliku;
E. billi l-UE u l-LAS għandhom interess komuni f'soluzzjonijiet fit-tul bil-għan li jiżguraw il-paċi u l-istabbiltà reġjonali; billi l-memorandum ta' qbil huwa maħsub biex jappoġġa u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Membri tal-LAS sabiex isaħħu l-istrutturi ta' ħidma, jikkondividu l-esperjenzi u jtejbu d-djalogu tagħhom b'tali mod li jirnexxielhom jiksbu miri u objettivi komuni f'oqsma fejn għandhom interessi reċiproċi;
F. billi l-fenomenu tal-ġellieda mill-Ewropa li jivvjaġġaw lejn postijiet differenti biex jiġġieldu l-ġiħad, u t-theddida għas-sigurtà li dawn jistgħu joħolqu fl-UE meta jerġgħu lura, x'aktarx li jkompli fis-snin li ġejjin; billi eluf ta' ċittadini tal-UE ġew irrapportati li ħallew darhom biex isiru ġellieda barranin malli faqqgħu l-gwerra u l-vjolenza fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja, u qed joħolqu sfida addizzjonali għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE; billi l-atti terroristiċi reċenti f'Pariġi u Kopenħagen twettqu minn ċittadini tal-Istati Membri tal-UE;
G. billi t-tixrid tal-propaganda terrorista qed tkun iffaċilitata mill-użu tal-internet u tal-midja soċjali; billi t-terroriżmu ċibernetiku jippermetti li gruppi terroristiċi jistabbilixxu u jżommu rabtiet mingħajr l-ostaklu fiżiku tal-fruntieri, u b'hekk inaqqas il-ħtieġa għal bażijiet jew santwarji fil-pajjiżi;
H. billi jseħħu vjolazzjonijiet serji u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi membri tal-Lega tal-Istati Għarab;
I. billi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li l-UE tqis li qed jeżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali universali tagħhom jingħataw it-tikketta ta' organizzazzjonijiet terroristiċi minn gvernijiet ta' membri tal-LAS; billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sigurtà nazzjonali qed jiġu invokati dejjem aktar sabiex jiġu leġittimizzati ripressjonijiet fuq figuri tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti;
J. billi l-politiki esterni tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-theddida terroristika, li qed tikber f'ċerti partijiet tal-viċinat tagħha; billi l-istrateġiji ta' prevenzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom ikunu bbażati fuq approċċ plurali li jimmira direttament li jiġġieled it-tħejjija ta' attakki fuq it-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll jintegra l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu;
K. billi l-UE tikkundanna l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt u l-applikazzjoni ta' kastigi krudili u inumani fid-dinja kollha, anki għal min jinsab ħati li wettaq atti terroristiċi;
1. Jesprimi d-dispjaċir profond tiegħu fir-rigward tal-livell ta' tbatija umana u telf tal-ħajja minħabba attakki terroristiċi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi innoċenti kollha;
2. Jissottolinja l-fatt li t-terroriżmu joħloq theddida diretta għall-pajjiżi kollha u għall-persuni kollha irrispettivament mill-ambjent etniku, ir-reliġjon jew it-twemmin tagħhom;
3. Jitlob li l-MtQ jiġi ppubblikat sabiex il-kontenut tiegħu jkun jista' jiġi soġġett għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja;
4. Jistieden lill-Kunsill jaħdem fuq definizzjoni armonizzata u mhux ambigwa tat-terroriżmu mal-istati membri kollha tal-LAS;
5. Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' għajnuna umanitarja permezz tal-iskambju ta' informazzjoni dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi; jissottolinja l-importanza li jiġu kondiviżi, kif xieraq, il-valutazzjonijiet u l-prattiki tajbin, kif ukoll li ssir kooperazzjoni fl-identifikazzjoni ta' passi prattiċi li jgħinu biex jiġu indirizzati t-theddidiet, fosthom permezz ta' ġlieda aktar effikaċi kontra r-radikalizzazzjoni, ir-reklutaġġ u l-ivvjaġġar tat-terroristi u l-ġellieda barranin, kif ukoll il-ġestjoni tal-kwistjoni tal-ġellieda li qed jirritornaw fil-post ta' tluq tagħhom;
6. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, huwa kruċjali li ma jiġux indirizzati biss il-konsegwenzi iżda wkoll il-fatturi sottostanti tar-radikalizzazzjoni, u jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ transsettorjali komprensiv li jiggarantixxi l-involviment tal-politiki kollha kkonċernati, inkluża l-importanza tal-promozzjoni ta' kultura ta' inklużjoni u tolleranza, pereżempju permezz ta' politiki edukattivi, soċjali u reġjonali;
7. Jinnota li l-estremiżmu ġiħadist huwa wieħed mill-kawżi prinċipali tat-theddida terroristika attwali fl-UE u fl-Istati Għarab; jappoġġa l-fehma li politika maħsuba għad-deradikalizzazzjoni u għal-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effikaċi sakemm ma tiġix żviluppata b'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ta' oriġini;
8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE u ta' dawk tal-LAS jirrispettaw il-projbizzjoni tat-tortura kif minqux b'mod mill-aktar notevoli fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li l-biċċa l-kbira minnhom iffirmaw jew irratifikaw; itenni li l-konfessjonijiet furzati taħt tortura mhumiex validi;
9. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn il-libertà u s-sigurtà bħala risposta għat-theddidiet terroristiċi u li jiġu kkunsidrati l-miżuri kollha li għandhom jittieħdu mill-perspettiva tal-kompatibbiltà ta' dawn il-miżuri mal-istat tad-dritt u r-rekwiżiti tad-drittijiet fundamentali;
10. Jilqa', b'mod ġenerali, il-kooperazzjoni u s-sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi terzi biex jiġġieldu t-terroriżmu; jilqa' l-istabbiliment ta' Djaloġu Strateġiku bejn l-UE u l-LAS, inklużi skambji dwar kwistjonijiet politiċi u ta' sigurtà, l-iskambju ta' laqgħat regolari tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tal-UE u r-Rappreżentanti Permanenti Għarab, u jfaħħar il-progress li sar fil-qasam tat-twissija bikrija u r-reazzjoni għall-kriżijiet, b'mod partikolari l-implimentazzjoni sħiħa tal-Proġett ta' Twissija Bikrija u Reazzjoni għall-Kriżijiet;
11. Ifakkar, madankollu, li qatt ma jista' jsir abbuż mill-miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu bil-għan li jiġi ripress id-dissens leġittimu, jew biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem universali tal-popli; jistieden lill-UE tinkorpora salvagwardji ċari fil-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi, bil-għan li tiżgura li ma tappoġġax jew ma tilleġittimax direttament jew indirettament ir-repressjoni ta' individwi u organizzazzjonijiet leġittimi f'isem il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
12. Jenfasizza li l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE u l-LAS qablu wkoll li jkomplu jaħdmu fuq l-implimentazzjoni komprensiva tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu; jappoġġa l-fatt li huma laqgħu l-istabbiliment taċ-Ċentru Kontra t-Terroriżmu tan-NU bl-inizjattiva tal-Kustodju taż-żewġ Moskej Imqaddsa u talbu li jingħata appoġġ lil dan iċ-ċentru, u li laqgħu ż-żamma tal-ewwel Konferenza internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, f'Bagdad f'Marzu 2014, bħala opportunità biex jiġu diskussi u mfittxija mezzi u modi xierqa għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell reġjonali;
13. Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-LAS fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jenfasizza s-sinifikat tat-tkomplija tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u taż-żamma tad-drittijiet tal-bniedem kollha għal kulħadd, inklużi d-dritt għal żvilupp ekonomiku u soċjali, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, mentri jiġu promossi wkoll il-valuri tat-tolleranza u l-koeżistenza bejn reliġjonijiet differenti u jiġu rifjutati l-esklużjoni, l-estremiżmu, l-inċitament u d-disseminazzjoni tal-mibegħda u l-vjolenza;
14. Jistieden lill-Kunsill biex jivverifika jekk kienx hemm ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi fir-rigward tar-ripressjoni;
15. Jistieden lill-UE biex, flimkien mal-Lega tal-Istati Għarab, tiżviluppa mekkaniżmu ddedikat bil-għan li jitrażżan il-fenomenu tat-traffikar tal-armi, b'mod partikolari billi jinżammu fil-mira l-pajjiżi fejn joriġina t-terroriżmu jew fejn jingħata t-taħriġ lit-terroristi; jistieden lill-UE tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-armi, b'mod partikolari tat-teknoloġija b'użu doppju li taf tiġi strumentalizzata mit-terroristi; jemmen li huwa essenzjali li l-finanzjament tat-terroriżmu jiġi miġġieled b'koordinazzjoni mal-atturi rilevanti, inkluża l-LAS u l-membri tagħha;
16. Jemmen li l-UE jeħtiġilha tikkunsidra mill-ġdid id-dgħufija prevalenti li kkaratterizzat il-kooperazzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni li minnhom għaddew il-ġellieda barranin u r-riżorsi għas-sostenn tagħhom, fosthom stati membri tal-LAS;
17. Jisħaq fuq il-fatt li strateġija komprensiva tal-UE dwar miżuri kontra t-terroriżmu, ibbażata fuq approċċ li jiġbor flimkien għodod diplomatiċi u soċjoekonomiċi, għodod għall-iżvilupp, il-prevenzjoni tal-kunflitt u l-bini tal-paċi u għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet, trid tagħmel użu sħiħ mill-politiki barranin u ta' żvilupp tagħha, sabiex tiġġieled il-faqar, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni, tiġġieled il-korruzzjoni u tippromwovi l-governanza t-tajba u tipprevjeni u ssolvi l-kunflitti, fatturi li kollha jikkontribwixxu għall-marġinalizzazzjoni ta' ċerti gruppi u setturi tas-soċjetà u b'hekk jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-propaganda ta' gruppi estremisti;
18. Ifakkar li l-komunità internazzjonali impenjat ruħha fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u l-istat tad-dritt bħala l-bażi fundamentali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, permezz tal-adozzjoni, min-naħa tal-Assemblea Ġenerali, tal-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu fir-Riżoluzzjoni tagħha 60/288;
19. Ifakkar lill-Istati Membri u lill-aġenziji tal-UE, inklużi l-Europol u l-Eurojust, fl-obbligi tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll fl-objettivi tal-politika esterna tal-UE;
20. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi huma marbuta b'mod indissolubbli mar-rispett għal libertajiet u drittijiet tal-bniedem fundamentali oħrajn, bħad-dritt għal-libertà, is-sigurtà, l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa u l-libertà tal-espressjoni, u jistieden lil-LAS, lis-SEAE u lill-istati membri taż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jipproteġu l-minoranzi reliġjużi fid-dinja Għarbija u jimplimentaw b'mod sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab.
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-informazzjoni xjentifika dwar l-istatus tal-istokk tal-ispnott hija insuffiċjenti, b'mod partikolari d-data disponibbli dwar il-limiti preċiżi, il-perkorsi tal-passa tal-istokk u l-postijiet ta' riproduzzjoni tal-ispnott;
B. billi l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jidentifika erba' tipi ta' stokkijiet tal-ispnott: il-Baħar Ċeltiku/il-Kanal Ingliż/il-Baħar tat-Tramuntana, il-Golf tal-Biskalja, l-ilmijiet fil-Punent tal-Peniżola Iberika, u l-ilmijiet fil-Punent tal-Iskozja/Irlanda;
C. billi diversi studji juru li l-istat tal-istokk tal-ispnott huwa inkwetanti, minkejja li fil-passat il-Kummissjoni ħadet miżuri ta' emerġenza;
D. billi, minħabba l-fatt li l-mortalità għadha għolja ħafna u li l-ispnott huwa speċi li jikber bil-mod u jimmatura tard, l-ispnott jeħtieġ perjodu ta' żmien twil biex jirkupra d-daqs tal-popolazzjoni;
E. billi l-ispnott huwa speċi nobbli, mitlub ħafna mill-industrija tas-sajd għal valur ekonomiku sinifikanti tiegħu;
F. billi għadd konsiderevoli ta' dgħajjes huma involuti fis-sajd tal-ispnott, u huwa sajd eteroġenju f'termini ta' daqs ta' laneċ tas-sajd, l-istaġuni tas-sajd u l-irkaptu użat;
G. billi l-qbid mis-sajd rikreattiv huwa sinifikanti u jikkontribwixxi għal mill-inqas kwart tal-qbid ta' din l-ispeċi;
H. billi r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd(1) jipprevedi li l-istokkijiet għandhom jiġu ripristinati jew jinżammu f'livelli ogħla mir-rendiment massimu sostenibbli;
I. billi l-ispnott huwa speċi li mhuwiex soġġett għall-qabdiet totali permissibbli (TAC);
J. billi l-Kummissjoni ħadet miżuri ta' emerġenza li jipprojbixxu sajd tal-ispnott bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir pelaġiċi fil-Baħar Ċeltiku, fil-Kanal Ingliż, fil-Baħar Irlandiż u fin-Nofsinhar tal-Baħar tat-Tramuntana sat-30 ta' April 2015;
K. billi miżuri ta' ġestjoni nazzjonali meħuda s'issa huma insuffiċjenti biex tinżamm l-ispeċi u ma jsolvux il-problemi tal-kondiviżjoni u tal-aċċess għar-riżorsi;
L. billi l-isfruttament tal-ispnott matul il-perjodi ta' riproduzzjoni għandu jkun partikolarment limitat peress li dan inaqqas b'mod viżibbli it-tiġdid tal-istokk u jipprevjeni l-irkupru tiegħu;
M. billi fl-Irlanda s-sajd tal-ispnott huwa riservat għas-sajd rikreattiv;
N. billi l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) jirrakkomanda tnaqqis fil-mortalità mis-sajd tal-ispnott ta' madwar 60 %;
O. billi x-xogħol tal-Group ta' Ħidma Inter-AC dwar l-ispnott jirrakkomanda miżuri ta' ġestjoni Ewropej;
P. billi l-isfruttament sostenibbli tal-ispnott jinvolvi għażliet politiċi, li għandhom jsiru bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha;
1. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-istat tal-istokk tal-ispnott u d-delimitazzjoni tiegħu, il-passa tal-ispeċi u l-postijiet eżatti ta' riproduzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, li jipprovdi finanzjament sostanzjali għall-ġbir ta' data xjentifika;
2. Jenfasizza l-importanza li jiġu evalwati b'mod preċiż is-segment ta' diversi attivitajiet tas-sajd tal-ispnott u s-segment tal-perċentwali ta' qabdiet fis-sajd rikreattiv;
3. Iqis li jinħtieġu miżuri għall-immaniġġjar tat-tħaddim tas-sajd tal-ispnott fil-livell Ewropew sabiex titħares din l-ispeċi; iqis, barra minn hekk, li dawn il-miżuri għandhom jieħdu kont b'mod suffiċjenti tal-għarfien xjentifiku u jiffavorixxu l-ġestjoni tal-prossimità u l-prinċipju tar-reġjonalizzazzjoni;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi pjan ta' ġestjoni pluriennali dwar l-ispnott bil-għan li l-istokk jiġi ripristinat f'livell ogħla mir-rendiment massimu sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti sajjieda professjonisti u dilettanti u kunsilli konsultattivi fit-tħejjija ta' dan il-pjan ta' ġestjoni;
5. Ifakkar li l-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali għandhom jitħejjew skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni;
6. Iqis li, sabiex jiġi żviluppat pjan ta' ġestjoni pluriennali għall-ispnott, huwa importanti li jiġu evalwati miżuri differenti ta' ġestjoni għas-sajd kummerċjali, b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' qabdiet totali permissibli (TAC) u l-ħtieġa ta' deċiżjoni xjentifikament soda dwar id-daqs minimu ta' żbark u l-għeluq spazjotemporali għas-sajd bil-għan li titħares ir-riproduzzjoni u miżuri tekniċi oħra;
7. Jirrikonoxxi l-problemi li l-introduzzjoni ta' TAC taf tiġġenera, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-qabdiet storiċi, id-distribuzzjoni tal-kwoti fil-livell nazzjonali bejn l-attivitajiet differenti u d-diffikultà li jiġi kopert is-sajd rikreattiv, iżda, fid-dawl tan-neċessità assoluta li jiġi indirizzat l-istat tal-istokkijiet tal-ispnott, jenfasizza li tali miżura għandha tiġi kkunsidrata;
8. Jemmen li l-miżuri tal-UE huma neċessarji għas-sajd rikreattiv f'forma ta' limiti kwantitattivi, li l-forma tagħhom għad trid tiġi definita;
9. Iqis li l-miżuri għas-sajd kummerċjali u għas-sajd rikreattiv għandhom ikunu koerenti ma' xulxin sabiex l-istokk jinżamm ogħla mir-rendiment massimu sostenibbli, f'konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015 (2015/2572(RSP))
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati fil-25 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza dwar kwistjonijiet bħal dawn,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2013, u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta' Frar 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-28 sessjoni tal-UNHRC li se ssir mit-2 sas-27 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja, tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea;
B. billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha irrispettivament min-nazzjonalità, ir-razza, is-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew kwalunkwe status ieħor tagħhom, u billi r-rispett għal dawn id-drittijiet huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u f'konvenzjonijiet, dikjarazzjonijiet u riżoluzzjonijiet sussegwenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
C. billi d-drittijiet kollha tal-bniedem – kemm jekk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali – huma indiviżibbli, interrelatati u interdipendenti, u billi ċ-ċaħda ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandha impatt dirett u negattiv fuq l-oħrajn;
D. billi n-nuqqas li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni demokratika leġittima jwasslu għal instabbiltà, stati falluti, kriżijiet umanitarji u kunflitti armati;
E. billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;
F. billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u biex jikkooperaw f'livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;
G. billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali u l-Proċeduri Speċjali li jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi jikkontribwixxu għall-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
H. billi, sfortunatament, xi membri attwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma rikonoxxuti bħala fost l-agħar li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u għandhom rekords ħżiena f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;
Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
1. Jilqa' l-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 2015;
2. Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Joachim Rücker bħala President tal-UNHRC għall-2015;
3. Jifraħ lil Zeid Ra'ad Al Hussein għall-ħatra tiegħu bħala Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), u jtenni li jappoġġa bl-iktar mod qawwi l-isforzi u l-mandat tiegħu;
4. Jilqa' l-preżenza tas-Sa Mogherini, Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, fis-sessjoni ta' livell għoli tal-UNHRC, peress li dan jibgħat messaġġ tajjeb rigward l-impenn qawwi tal-UE għas-sistema multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jkopri l-perjodu minn Diċembru 2013 sa Novembru 2014, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza u l-integrità tal-kariga tiegħu; jenfasizza li huwa importanti li wieħed jiddefendi din l-indipendenza, sabiex jiġi żgurat li l-Kummissarju Għoli jista' jkompli jeżerċita l-kompiti tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; itenni li l-UNHCHR jeħtieġ li jiġi ffinanzjat b'mod adegwat;
6. Ifakkar fl-impenn tal-Parlament Ewropew u tas-Sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jappoġġaw sistema multilaterali u b'saħħitha għad-drittijiet tal-bniedem taħt il-patroċinju tan-NU, inkluż it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, flimkien mal-ħidma tal-aġenziji speċjalizzati relatati tan-NU bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-Proċeduri Speċjali tan-NU;
7. Jinkoraġġixxi lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra, iżid il-koerenza tal-UE permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tal-UE b'vuċi waħda; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni tal-ħidma li qed issir fi New York u f'Ġinevra fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, it-Tielet Kumitat u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE sabiex tiġi żgurata l-koerenza;
8. Iqis li l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u personalitajiet tal-oppożizzjoni minn għadd ta' membri tal-UNHRC jimminaw l-kredibilità tal-UNHRC; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom jiġu eletti minn fost l-istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija u li qablu li jestendu l-istediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u jadottaw kriterji ta' prestazzjoni, li għandhom japplikaw għal kwalunkwe stat li jkun elett bħala membru tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu proċessi trasparenti, miftuħa u kompetittivi għall-elezzjoni ta' membri tal-UNHRC;
9. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-apprezzament tiegħu għall-ħidma siewja tal-EPU, u jistieden lill-membri jħejju b'mod attiv l-EPU tagħhom, fosthom permezz tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, jimpenjaw ruħhom fid-djalogu interattiv matul is-sessjoni tal-EPU u fid-dibattiti dwar l-adozzjoni tal-eżiti tal-EPU, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jieħdu miżuri konkreti biex itejbu u jirrispettaw it-twettiq tal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jibqa' jopponi l-"block voting" fi ħdan il-UNHRC; iħeġġeġ lill-pajjiżi membri fil-UNHRC jibqgħu trasparenti fil-votazzjoni tagħhom;
11. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi kollha ta' politika tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati biex ifittxu modi li bihom jappoġġaw lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;
12. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom iwettqu l-funzjoni tagħhom b'imparzjalità sħiħa, u jistieden lill-istati kollha jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikxfu każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa ta stati b'detenturi tal-mandati għal Proċedura Speċjali;
13. Iqis li huwa importanti li jibgħat delegazzjonijiet parlamentari għas-sessjonijiet tal-UNHRC u sessjonijiet rilevanti oħra tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;
14. Iqis li hu ta' dispjaċir li l-ispazju għall-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-UNHRC qiegħed ikompli jiċkien u li l-NGOs qegħdin jingħataw inqas opportunitajiet biex jitkellmu f'dawn is-sessjonijiet; iħeġġeġ lill-UE u lill-UNHRC jiżguraw li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jitħallew jikkontribwixxu bl-aktar mod sħiħ possibbli għat-28 sessjoni tal-UNHRC, kif ukoll għall-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali u l-mekkaniżmi l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, mingħajr il-biża' ta' ritaljazzjoni meta jmorru lura f'pajjiżhom;
Id-drittijiet ċivili u politiċi
15. Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni, li hija l-pedament ta' kull soċjetà libera u demokratika, hija dritt fundamentali ta' kull individwu; jikkundanna bil-qawwa l-qtil fi Franza f'Jannar 2015 ta' 12-il persuna, inklużi kartunisti fil-bini tar-rivista Charlie Hebdo u ta' 4 persuni f'supermarket Lhudi, flimkien mal-qtil ta' direttur tal-films u gwardjan ta' sinagoga f'Kopenħagen, minn terroristi li għandhom fil-mira l-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon;
16. Jikkundanna l-użu tar-reliġjon minn gruppi estremisti u ġiħadisti fil-pajjiżi kollha, u b'mod partikolari fis-Sirja, l-Iraq, il-Libja, il-Mjanmar, in-Niġerja u l-Afrika Ċentrali, li l-azzjonijiet tagħhom jinkludu attakki bil-pistoli u bombi, attakki suwiċida, serq ta' persuni u atti vjolenti oħra li jitterrorizzaw lill-popolazzjoni; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titlob azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tiegħu, li jinkludu l-esklużjoni soċjali, l-emarġinazzjoni politika u l-inugwaljanza; jitlob għal sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi; iħeġġeġ għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt f'kull attività fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;
17. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inklużi projbizzjonijiet fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-użu aggressiv ta' liġijiet ta' malafama kriminali u liġijiet restrittivi oħra, rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u ta' rappurtar eċċessivi, u regoli restrittivi żżejjed dwar finanzjament barrani, u jerġa' jafferma li l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni paċifika huma elementi fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem;
18. Jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li jippermettulhom jagħmlu xogħolhom mingħajr biża', ripressjoni jew intimidazzjoni, jikkooperaw mal-UNHRC fil-mekkaniżmu tal-EPU, u jiżguraw li l-pajjiżi responsabbli għar-ritaljazzjoni kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom, b'mod partikolari għal ritaljazzjonijiet fatali bħal dik li wasslet għall-mewt tal-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Cao Shunli fiċ-Ċina f'Marzu 2014 talli pprova jaqbad ajruplan biex jattendi l-UNHRC f'Ġinevra f'Settembru 2013;
19. Itenni l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġa bis-sħiħ l-introduzzjoni ta' moratorju fir-rigward tal-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha;
20. Itenni l-importanza tal-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin, u l-fatt li l-UE impenjat ruħha biex din il-kwistjoni tkun ta' prijorità, inkluż fir-rigward tat-tfal, u li tiġi ffaċilitata l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE juru l-impenn komuni tagħhom għall-qerda tat-tortura u jappoġġaw lill-vittmi, partikolarment billi jkomplu – jew, fejn applikabbli, jibdew jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;
21. Jesprimi tħassib dwar diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa kontra l-migranti, inklużi dawk li jfittxu l-ażil u rifuġjati u l-ksur tad-drittijiet tagħhom; jistieden lill-UE u l-Istati Membri jappoġġaw il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-migranti, flimkien mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità inerenti tal-migranti, iwaqqfu għal kollox l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni u, jirrevedu l-perjodi ta' detenzjoni u jużaw alternattivi għad-detenzjoni, sabiex ma jkunx hemm detenzjoni eċċessiva ta' migranti irregolari; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw, f'kull ċirkostanza, il-prinċipju ta' non-refoulement u jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-espulsjoni ta' migranti; jistieden lill-istati, f'każ li għadhom ma għamlux hekk, jistabbilixxu sistemi u proċeduri li jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-programmi u l-istituzzjonijiet kollha tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni;
22. Jappoġġa l-aħħar rapport u l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tal-HRC dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur fil-politika interna tagħhom biex jegħlbu t-tixrid tal-mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix fuq l-internet u permezz ta' netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b'rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;
23. Jirrikonoxxi li l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ttrasformat l-ambjent għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni fid-dinja kollha, u ġġenerat kemm vantaġġi sinifikanti kif ukoll tħassib serju; jilqa' f'dan il-kuntest, l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill f'Mejju 2014 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u jikkundanna r-restrizzjonijiet kollha fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi dawk immirati lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili; itenni l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-ġurnalisti u l-bloggers;
24. Iħeġġeġ lill-UNHRC biex ikompli d-dibattitu dwar id-dritt għall-privatezza u, għal dan il-għan, jaħtar Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-privatezza, speċjalment fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet diġitali;
Id-drittijiet soċjali u ekonomiċi
25. Jinnota l-fatt li l-aġenda għall-iżvilupp postmillenjali tan-NU għandha l-mira li sal-2030 tkun qerdet il-faqar permezz ta' approċċ olistiku għall-ġestjoni ta' kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jilqa' r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU qabel is-Summit Speċjali tan-NU dwar l-aġenda tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għal wara l-2015; jappoġġa l-appelli tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal approċċ iffukat fuq il-ħtiġijiet u d-drittijiet tan-nies bil-għan li jintemm il-faqar;
26. Iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi estremi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b'mod ġenerali u jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata, b'mod partikolari; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-problema li qed tikber tal-ħtif tal-art, li jeħtieġ li tiġi indirizzata;
27. Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini, billi dawn ibiegħdu l-fondi minn investiment fuq servizzi pubbliċi tant meħtieġa bħall-edukazzjoni, is-servizzi bażiċi tas-saħħa u infrastruttura soċjali oħra, u b'hekk il-popolazzjonijiet jibqgħu maħkuma mill-faqar; ifakkar li, skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-gvernijiet għandhom obbligu li jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom billi jagħmlu disponibbli riżorsi adegwati; jisħaq, f'dan ir-rigward, li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;
28. Itenni l-appoġġ tiegħu biex jiġi stabbilit Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;
In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem
29. Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effikaċi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE u lil hinn minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU (UNGPs), fosthom dawk b'rabta mal-aċċess għall-ġustizzja; jilqa' l-inizjattiva marbuta mar-regolament li jistabbilixxi sistema ta' diliġenza dovuta għall-katina ta' provvista għall-provenjenza responsabbli ta' minerali minn żoni milquta mill-kunflitti; jistieden lill-partijiet interessati kollha biex iwettqu rwol attiv fil-11-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn, u biex jappoġġaw sforzi li jallinjaw il-politiki tagħhom mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex sa tmiem l-2015 tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri tal-UE;
30. Iħeġġeġ lid-Delegazzjonijiet tal-UE fid-dinja kollha biex jinvolvu ruħhom ma' negozji tal-UE bil-għan li jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li t-tema tan-''negozju u d-drittijiet tal-bniedem' tkun inkluża fost it-temi importanti fis-sejħiet lokali għall-proposti tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;
31. Jemmen li n-negozju u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin billi joħolqu potenzjal kummerċjali ġdid f'dawk ir-reġjuni li għandhom l-aktar bżonn ta' investiment sostenibbli u responsabbli, u billi jikkontribwixxu lejn ir-rispett ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw;
32. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom fid-dibattitu emerġenti dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sistema tan-NU;
Id-drittijiet tan-nisa
33. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, li tinvolvi l-organizzazzjoni mill-ġdid, it-titjib, l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politiki biex tiżgura l-inkorporazzjoni ta' approċċ ta' opportunitajiet indaqs fil-politiki kollha – fil-livelli u fl-istadji kollha – min-naħa ta' dawk li huma involuti fit-tfassil tal-politika, hija għodda importanti fil-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
34. Jistieden lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-59 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, u tkompli tiġġieled kontra kull tentattiv li jimmina l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin tan-NU, li ser tiġi riveduta fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fir-rigward, fost elementi oħrajn, l-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;
35. Josserva b'mod kritiku li, minkejja l-progress li sar s'issa fil-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, f'ħafna pajjiżi għad hemm fis-seħħ liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari fl-oqsma tal-familja u l-aċċess għall-proprjetà; josserva li n-nisa għadhom ferm sottorappreżentati f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet u li l-vjolenza kontra n-nisa għadha mifruxa, filwaqt li l-aċċess għall-ġustizzja għadu limitat minkejja l-għadd ta' nisa li jmutu kuljum kawża tal-vjolenza domestika; jesprimi t-tħassib serju tiegħu li f'xi pajjiżi ġie osservat rigress, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet sesswali u riproduttivi;
36. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa bħala tattika tal-gwerra, inklużi delitti bħalma huma l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, forom ta' persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru inklużi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, it-traffikar, iż-żwieġ bikri u furzat, id-delitti għall-unur u kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali ta' gravità komparabbli; jistieden mill-ġdid lill-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul);
37. Itenni wkoll l-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw, fil-proċess tal-bini ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli, il-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala komponent vitali fil-proċessi tal-paċi, u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jintegraw il-perspettivi tal-ġeneru fil-prevenzjoni ta' kunflitti, fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fil-proċessi ta' rikostruzzjoni wara kunflitt u ta' tranżizzjoni demokratika;
38. Jisħaq li l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) hija forma ta' tortura; jisħaq fuq il-ħtieġa kontinwa li l-UE għandha taħdem ma' pajjiżi terzi bil-għan li teqred il-prattika tal-MĠF; ifakkar lil dawk l-Istati Membri li għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkriminalizza l-MĠF li jeħtiġilhom jużaw din il-leġiżlazzjoni meta jinstab li ċ-ċittadini tagħhom ikunu ġarrbu MĠF;
39. Jilqa' l-inklużjoni min-naħa tal-QKI ta' delitti sesswali u delitti bbażati fuq il-ġeneru, inklużi l-istupri, l-attakki sesswali u l-umiljazzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tagħha li dawn id-delitti għandhom jitqiesu bħala delitti tal-gwerra;
Id-drittijiet tat-tfal
40. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li sar progress mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-1989, mill-inqas 58 miljun tifel u tifla, b'mod partikolari bniet, tfal minn familji foqra, tfal b'diżabbiltà u tfal f'żoni ta' kunflitt, ma jmorrux skola, u ħafna tfal għadhom ibatu minn mard li jista' jiġi evitat faċilment, filwaqt li oħrajn huma involuti fit-tħaddim tat-tfal;
41. Jitlob lill-istati kollha jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, kif definiti fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 182, li jinkludu l-jasar tat-tfal, it-traffikar, il-prostituzzjoni u x-xogħol perikoluż li jolqtu s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;
42. Ifakkar li wieħed mill-obbligi primarji tal-istat huwa li jipprovdi l-edukazzjoni lit-tfal kollha billi jżid l-opportunitajiet, joħloq istituzzjonijiet adegwati u jindirizza l-kawżi strutturali ta' impedimenti kbar għall-edukazzjoni primarja universali, inklużi r-rati ta' studenti li jitilqu mill-iskola kmieni, li għadhom jikkostitwixxu ostaklu kbir għal edukazzjoni primarja universali;
43. Jitlob li jkun hemm finanzjament tal-UE adegwat għall-programmi ta' demobilizzazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid għat-tfal assoċjati mal-kunflitti armati u għal ex-suldati tfal; ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għall-kampanja "Tfal, mhux Suldati", kif espress waqt is-seduta ta' smigħ dwar l-istess suġġett li saret fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 ta' Diċembru 2014; jilqa' r-rapporti annwali ppreżentati mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza fuq it-Tfal, flimkien mar-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pedopornografija;
Id-drittijiet tal-persuni LGBTI
44. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda reċenti fl-għadd ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji, kif ukoll atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; iħeġġeġ il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI, inklużi dawk fin-Niġerja u l-Gambja, fejn liġijiet anti-LGBTI introdotti reċentement jheddu l-ħajjiet tal-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet 'kontra l-propaganda' li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' assemblea, anki f'pajjiżi fil-kontinent Ewropew; jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi, adottata fis-26 ta' Settembru 2014; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem minn persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja tan-NU 'Free & Equal'; iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli jkompli jiġġieled kontra liġijiet u prattiki diskriminatorji;
It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem
45. Jenfasizza li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq gruppi u individwi li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli huwa għoli, speċjalment f'pajjiżi b'introjtu baxx u f'reġjuni kostali u fi stati gżejjer li jinsabu fil-baxx u li għandhom nuqqas ta' riżorsi ekonomiċi biex jadattaw għal bidliet ambjentali severi;
46. Jinnota bi tħassib li l-popli indiġeni huma affettwati b'mod partikolari minn inċidenti relatati mat-tibdil fil-klima; jinnota, f'dan ir-rigward, li ħafna nies indiġeni jgħixu taħt is-soll tal-faqar u għandhom ftit jew xejn aċċess għal sistemi ta' rappreżentanza, ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi jew sistemi ġudizzjarji;
47. Jilqa' r-rikonoxximent tal-UNHRC li l-bidliet ambjentali għandhom impatt negattiv fuq l-għajxien tal-popolazzjonijiet, u huma ostakoli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Partijiet jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' mitigazzjoni u adattament fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima 2015 li se ssir aktar tard din is-sena f'Pariġi;
48. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jipparteċipaw b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "refuġjat tal-klima", inkluża d-definizzjoni legali possibbli tagħha fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali legalment vinkolanti;
Il-ġlieda kontra l-impunità u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)
49. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha li ttemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u li tagħmel ġustizzja mal-vittmi tad-delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe tentattiv biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri jikkooperaw mal-Qorti u jagħtuha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lir-Rappreżentanti Speċjali tagħha jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma; jilqa' r-ratifika reċenti tal-Istatut ta' Ruma min-naħa tal-Awtorità Palestinjana f'Jannar 2015;
Il-popli indiġeni
50. Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-rieżami tal-mandat tal-Mekkaniżmu Espert dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, skont id-Dokument tal-Eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni (Riżoluzzjoni 69/2 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU), bil-għan li jsir monitoraġġ, valutazzjoni u titjib fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jitolbu li d-detenturi kollha ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa u l-bniet indiġeni, u jirrapportaw b'mod sistematiku dwar dawn il-kwistjonijiet lill-UNHRC; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod attiv l-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni fis-sistema kollha għall-popli indiġeni, kif mitlub mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni tagħha ta' Settembru 2014, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta' konsultazzjoni regolari tal-popli indiġeni bħala parti minn dak il-proċess;
L-avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem
51. Jikkundanna l-prattika dejjem tikber min-naħa ta' stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali kbar ħafna bil-għan li jsaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jkomplu jirrestrinġu aktar id-dissens domestiku; jitlob lill-UE u l-Istati Membri jqajmu din il-kwistjoni b'mod attiv, inkluż fil-UNHRC, u jimpenjaw ruħhom ma' federazzjonijiet nazzjonali tal-isport, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-avvenimenti, anki fir-rigward tal-ewwel Logħob Ewropej f'Baku fl-2015, t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018 u fil-Qatar fl-2022;
Id-drones u l-armi awtonomi
52. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill għall-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas legali, il-proporzjonalità, ir-responsabbiltà, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi fid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE
53. Jitlob lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;
54. Jitlob lill-UE, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-SEAE jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-politika esterna tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza wkoll li jeħtieġ li l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, skont l-obbligu tat-Trattat tal-UE, u li jiġu evitati standards doppji rigward ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
55. Jitlob lill-UE tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, fl-investiment, fis-serrvizzi pubbliċi u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;
Il-prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati ma’ pajjiżi partikolari
L-Ukraina
56. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-vjolenza u l-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukraina; jittama li l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied, ibbażat fuq l-ftehim ta’ Minsk, iżomm; jikkundanna l-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem fil-kunflitt u l-konsegwenzi tal-ġlied riċenti; jappoġġa bis-sħiħ il-Missjoni ta' Monitoraġġ tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina, u jappella biex din tal-aħħar tissaħħaħ; jenfasizza t-tħassib kbir tiegħu dwar id-destin tal-persuni spustjati f’pajjiżhom (IDP) b'riżultat tal-kunflitt armat fir-reġjuni tax-Xlokk; jikkundanna l-annessjoni illegali tal-Krimea b'riżultat tal-politika aggressiva u espansjonista tar-Russja, li tikkostitwixxi theddida għall-unità u l-indipendenza tal-Ukraina; jibqa' mħasseb dwar id-diskriminazzjoni u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni lokali f'dan ir-reġjun, b'mod partikolari fuq it-Tatari tal-Krimea; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU biex jiġġieldu l-impunità u biex jitwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar l-avvenimenti vjolenti u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mas-suppressjoni tad-dimostrazzjonijiet ta' Maidan, l-annessjoni illegali tal-Krimea, u l-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukraina; jappella għar-rispett tad-dritt u l-prinċipji umanitarji internazzjonali biex jitħarsu ċ-ċivili fil-kunflitt;
57. Jilqa' l-estensjoni ppjanata tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK); jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni xierqa biex jiġi żgurat li r-RDPK tagħti kont tal-azzjonijiet tagħha, inkluż billi jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni fir-RDPK tiġi riferuta lill-QKI; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem itenni l-appell tiegħu għall-obbligu li jingħata kont, inkluż fir-rigward ta' dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità skont il-politiki stabbiliti fl-ogħla livell tal-istat; jilqa' t-twaqqif ta' struttura bbażata fuq il-post fir-Repubblika tal-Korea biex issaħħaħ il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-evidenza bil-ħsieb li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont, iħeġġeġ lill-istati kollha jikkooperaw ma' din l-istruttura, u jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem iżid l-attenzjoni tiegħu għas-sitwazzjoni fir-RDPK billi jlaqqa' Panil formali fejn jinstemgħu il-vuċijiet tal-vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet fil-kuntest tas-sessjoni li ġejja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;
L-Iran
58. Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Marzu 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali, u jistieden lill-Iran jippermetti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU jidħol fil-pajjiż bħala sinjal kruċjali tar-rieda tal-Iran li jieħu miżuri lejn il-ftuħ ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-kundanna tiegħu tal-piena tal-mewt fl-Iran, inkluża għall-minorenni, li sikwit tiġi esegwita wara proċess ġudizzjarju li ma jilħaqx l-istandards minimi aċċettati internazzjonalment dwar proċessi imparzjali u smigħ ġust; għadu mħasseb dwar ir-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet mingħajr proċess imparzjali jew smigħ ġust; jappoġġa d-dikjarazzjoni konġunta ta' Awwissu 2014 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU li tikkundanna l-mewġa ta' arresti u l-kundanni fil-konfront ta' atturi tas-soċjetà ċivili fl-Iran; jistieden lill-UE u lill-UNHRC jkomplu jissorveljaw mill-qrib l-abbuż sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu prijorità ewlenija fid-diskussjonijiet kollha mal-Gvern Iranjan; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, skont liema l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni hija ksur tal-istandards minimi internazzjonali, u biex ma jwettqu l-eżekuzzjoni tal-ebda delinkwent minorenni;
Il-Myanmar/Burma
59. Jappoġġa r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, li jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa waqt li jidentifika l-oqsma ta' tħassib importanti li fadal; jistieden lill-gvern tal-Mjanmar jintegra d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, fil-qafas istituzzjonali u legali tal-pajjiż u fl-oqsma kollha ta' politika, u sabiex jirrispetta bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni proposta dwar il-"protezzjoni tar-razza u r-reliġjon", li tinkludi erba' abbozzi ta' liġijiet dwar iż-żwieġ interreliġjuż, il-konverżjoni reliġjużi, il-monogamija u l-kontroll tal-popolazzjoni; jistieden lill-UNHRC ġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali taħt il-punt 4, biex itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza ta' Rohingya fl-Istat ta' Rakhine, li hija aggravata mill-fatt li din il-komunità m’għandhiex status legali u b’hekk qed tkompli tħabbat wiċċha ma’ diskriminazzjoni sistematika, u jappella għal investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti fir-rapporti kollha ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem kontra l-minoranza Rohingya, u biex jitħaffef il-proċess tal-ftuħ ta' uffiċċju tal-OHCHR fil-pajjiż b'mandat sħiħ ta' monitoraġġ u rappurtar; jiddeplora l-attakki fuq persuni ċivili fl-Istati ta’ Kachin u Shan, il-vjolenza sesswali mwettqa mill-forzi tas-sigurtà waqt il-kunflitt armat, l-eżistenza ta’ priġunieri politiċi, l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti u l-professjonisti tal-midja, il-qtil extraġudizzjarju, il-konfiska tal-art, u l-attakki mmirati fuq minoranzi reliġjużi u etniċi; huwa tal-fehma li n-negozjar ta’ ftehim ta’ investiment bejn l-UE u l-Myanmar għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa, peress li l-investiment barrani fil-pajjiż għandu r-riskju li jkompli jħarrax vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
Il-Bjelorussja
60. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-vjolazzjoni li għadha qed titwettaq tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja; jikkundanna t-tliet eżekuzzjonijiet imwettqa fl-2014, il-fastidju fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti, iċ-ċensura tal-komunikazzjonijiet kollha permezz tal-Internet u l-leġiżlazzjoni restrittiva dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja fid-29 sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jagħti aċċess sħiħ lid-detenturi tal-mandat tal-Proċedura Speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali; jappella għall-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet u għar-riabilitazzjoni tal-priġunieri politiċi kollha li għad-fadal;
Il-Baħrejn
61. Jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar ir-repressjoni fil-konfront tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-attivisti fil-Baħrejn, u s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet ikkonċernati fil-Baħrejn jagħtu bidu għal taħditiet kostruttivi u inklużivi bil-għan ta' rikonċiljazzjoni ġenwina u rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet kollha tal-Baħrejn; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dikjarazzjoni konġunta tal-4 ta' Frar 2015 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU dwar l-arrest ta' politiku anzjan tal-oppożizzjoni u l-iżbandament tad-dimostrazzjonijiet sussegwenti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri l-oħra tal-UNHRC ikompli jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-impenji magħmula mill-Baħrejn matul il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn, li ntlaqgħu tajjeb mir-Re tal-Baħrejn; Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ progress min-naħa tal-Gvern tal-Baħrejn fil-kooperazzjoni tiegħu mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u l-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jaħdmu sabiex waqt is-sessjoni ta' Marzu tal-UNHRC jadottaw riżoluzzjoni li titlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji li l-Baħrejn għamel waqt il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet, inklużi dawk dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Baħrejn, u jitolbu li l-OHCHR jirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post u dwar il-progress imwettaq fil-kooperazzjoni tal-Baħrejn mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;
L-Eġittu
62. Jilqa' l-proċeduri tal-EPU għall-Eġittu f'Novembru 2014 u jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tiegħu fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Eġittu jeħles immedjatament u bla kundizzjoni lill-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha, kif ukoll lil dawk miżmuma arrestati talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; jesiġi, barra minn hekk, li l-Gvern Eġizzjan idaħħal fis-seħħ leġiżlazzjoni li tkun konformi mal-istandards internazzjonali u jissalvagwardja d-dritt tal-assoċjazzjoni stipulat fil-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li wieħed jirċievi u jagħti fondi, u li jirrevoka l-Liġi dwar il-Protesti ta' Novembru 2013 u jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida li tiggarantixxi l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan iniedi investigazzjoni ġudizzjarja biex jiddetermina l-identità ta' dawk responsabbli għall-ordnijiet u t-twettiq ta' qtil illegali matul ir-repressjoni eżerċitata fil-konfront tad-dimostrazzjonijiet prinċipalment paċifiċi li saru mit-3 ta' Lulju 2013 'l hawn, inkluża r-repressjoni tal-14 ta' Awwissu 2013 fi Pjazza Raba'a u fi Pjazza Naħda, fejn inqatlu mill-inqas 1 000 dimostrant; iħeġġeġ lill-Eġittu jwettaq investgazzjonijiet indipendenti, imparzjali, u effettivi tal-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu mill-2011 ’il hawn, inklużi d-delitti ta’ vjolenza sesswali, u biex jiżgura li l-awturi jagħtu kont u l-vittmi jingħataw rimedju adegwat skont l-istandards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkanċellaw immedjatament is-sentenzi tal-mewt kollha u jordnaw li l-proċessi jsiru mill-ġdid b’mod li jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust u s-smigħ imparzjali, u jimponu moratorju immedjat fuq is-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet, jeħilsu minnufih mill-arrest lill-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja detenuti kollha u jiggarantixxu d-dritt għal-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni skont l-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jippermettu ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Kontra n-Nisa, li sar qbil dwarha fil-prinċipju, iżda li ilha pendenti sa minn kmieni fl-2014, u jistiednu l-mekkaniżmi u l-proċeduri rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU b’mod partikolari, lir-Rapporteur Speċjali dwar il-Libertà tal-Għaqda, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura, ir-Rapporteur Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem waqt il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, u r-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw il-konformità tad-dritt nazzjonali mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jirtiraw immedjatament il-liġi Nru 136/2014 u jtemmu l-proċessi militari tal-persuni ċivili, kif ukoll iħassru s-sentenzi kollha maħruġa kontra persuni ċivili minn qrati militari u jordnaw li immedjatament jerġgħu jsiru l-proċessi quddiem qrati ċivili; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw dikjarazzjoni qawwija dwar dawk il-kwistjonijiet;
Il-Mali
63. Jilqa' l-ħidma tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali, u jistieden lill-UNHRC jestendi l-mandat tiegħu; jilqa' l-progress li sar mill-Gvern tal-Mali fl-istabbiliment mill-ġdid tal-ġudikatura f'xi partijiet tal-pajjiż, u fl-investigazzjonijiet dwar it-tortura u l-qtil ta' 21 suldat elit fl-2012, flimkien mal-istabbiliment ta' Kummissjoni għall-Verità, il-Ġustizzja u r-Rikonċiljazzjoni; għadu mħasseb dwar id-deterjorament mill-ġdid is-sitwazzjoni tas-sigurtà, l-użu kontinwu u r-reklutaġġ ta’ suldati tfal, u jistieden lill-Gvern tal-Mali jinvestiga u jżomm responsabbli lil dawk il-fazzjonijiet rivali kollha li kienu responsabbli għall-vjolazzjonijiet tal-gwerra mwettqa matul il-kunflitt armat ta' bejn l-2012 u l-2013; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim ta’ paċi għall-poplu kollu tal-Mali, peress li huma se jkunu l-ewwel benefiċjarji wara xhur ta’ instabilità u nuqqas ta’ sigurtà, iżda jiddispjaċih dwar id-dewmien mitlub mir-ribelli tat-Tramuntana; jistieden lill-partijiet kollha jimxu fuq il-passi tal-Gvern tal-Mali u jiffirma minnufih il-ftehim li l-implimentazzjoni tiegħu se tkun moniterjata mill-UE, u biex jiżgura li l-ftehim ta' paċi fil-ġejjieni jitlob li jkun hemm responsabilità, it-tisħiħ tal-kummissjoni dwar il-verità u li l-persunal tal-forza tas-sigurtà jiġu eżaminat bir-reqqa;
Is-Sudan t'Isfel
64. Jistieden lill-Unjoni Afrikana tippubblika r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tagħha dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fis-Sudan t'Isfel, bħala pass lejn il-promozzjoni tal-ġustizzja fil-konfront tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-bidu tal-kunflitt; jikkundanna l-ħtif ta' grupp ta' tfal żgħar f'Wau Shilluk fi Frar 2015, bil-ħsieb li dawn isiru suldati tfal; iħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jadotta riżoluzzjoni li tenfasizza li investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġusti u kredibbli ta' delitti skont id-dritt internazzjonali huma essenzjali biex is-Sudan t’Isfel jikser iċ-ċiklu ta' brutalità li hu inkoraġġit mill-impunità, u jitlob, għal dan l-għan, li tingħata kunsiderazzjoni lill-istabbiliment ta' mekkaniżmu ġudizzjarju ibridu u jkompli jħeġġeġ aktar lis-Sudan t’Isfel jaderixxi mal-Istatut ta' Ruma u jistabbilixxi mandat tar-Rapporteur Speċjali għas-Sudan t’Isfel, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu promossi prosekuzzjonijiet ġusti u kredibbli u miżuri usa' ta' obbligu ta' rendikont, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali;
Is-Sri Lanka
65. Jinnota l-wegħdiet li saru mill-Gvern elett il-ġdid tas-Sri Lanka, u jistiednu jieħu passi konkreti lejn l-obbligu ta’ rendikont bejn issa u t-30 sessjoni tal-UNHRC f’Settembru 2015 bil-ħsieb li tittieħed azzjoni skont il-wegħdiet tiegħu li jtejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u li jipprevjeni r-rigress, inklużi investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, flimkien ma’ passi oħra biex tiġi indirizzata l-problema usa’ tal-impunità u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jikkoopera b’mod sħiħ mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-investigazzjoni internazzjonali tiegħu dwar is-Sri Lanka;
Is-Sirja
66. Jesprimi tħassib serju dwar il-kunflitt drammatiku u vjolenti u l-kriżi umanitarja li rriżultaw mill-użu tal-vjolenza, l-ewwel u qabel kollox mir-reġim ta' Assad, iżda wkoll mill-Istat Iżlamiku/Da'esh u minn milizzji oħrajn kontra n-nies ċivili, speċjalment gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal; jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li d-Da'esh qed jesporta l-ideoloġija tiegħu barra l-pajjiż; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fis-Sirja, li jista' jammonta għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli sabiex jipproteġu liċ-ċivili, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-istati membri kollha tan-NU biex jitkellmu kontra l-vjolenza b’mod ċar u, b’mod partikolari, favur id-drittijiet tal-minoranzi, inkluża l-persekuzzjoni sistematika tal-Insara; jappella għall-ħelsien immedjat u bla ebda kundizzjoni tal-persuni kollha li ġew detenuti b’mod arbitrarju jew maħtufa b'riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom jew attivitajiet politiċi paċifiċi oħra; jitlob appoġġ qawwi mill-UE u l-Istati Membri tagħha għall-obbligu ta’ rendikont u t-tiġdid tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU;
L-Iraq
67. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kunflitt drammatiku u vjolenti u l-kriżi umanitarja fl-Iraq; jinnota li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem sejra għall-agħar hekk kif l-IS/Da'esh u milizzji oħrajn qed jikkommettu ħtif u eżekuzzjonijiet fuq skala kbira u jippersegitaw il-minoranzi etniċi u reliġjużi tal-Iraq, inklużi l-Insara;
Il-Palestina/L-Iżrael
68. Jikkundanna l-attakki bir-rokits fuq l-Iżrael mill-Ixtrixxa ta' Gaża mill-Ħamas u minn gruppi armati oħrajn u jesprimi tħassib serju dwar il-kriżi umanitarja f’Gaża; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jesprimu pubblikament l-appoġġ tagħhom għall-Kummissjoni ta’ Inkjesta (KtI) tan-NU u jiddenunzjaw in-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ aċċess mogħtija mill-awtoritajiet Iżraeljani għall-KtI, permezz ta’ dikjarazzjoni pubblika fl-HRC; jenfasizza li l-ġustizzja u r-rispett għall-istat tad-dritt huma l-bażijiet indispensabbli għall-paċi u jenfasizza li l-impunità prevalenti sistemika u li ilha sseħħ għal vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali għandha tieqaf; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftuħ mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ta’ eżami preliminari dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina; jistieden lill-UE tikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI; jistieden lill-UE terġa’ tinvolvi ruħha mal-Punt 7 tal-HRC u tikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet li baqgħu għaddejjin fit-tul tad-dritt internazzjonali u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, u tappoġġa t-tiġdid tal-mandat tal-KtI;
o o o
69. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Is-sitwazzjoni fil-Venezwela
242k
79k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1) u tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar iċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti Ewropej barra l-Unjoni Ewropea(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet għall-istampa tat-23 ta' Frar 2015 mill-kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar l-arrest tas-Sindku ta' Karakas Antonio Ledezma u s-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) u eks president tal-Kolombja, Ernesto Samper tal-25 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u dwar il-mewt tal-istudent ta' 14-il sena Kluivert Roa,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tal-24 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tas-26 ta' Awwissu 2014 tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-detenzjoni tad-dimostranti u l-politiċi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,
– wara li kkunsidra r-Rapport 2014/2015 tal-Amnesty International bit-titolu ''The State of the World's Human Rights'', ippubblikat fil-25 ta' Frar 2015, kif ukoll ir-rapport dwar il-Venezwela ta' Human Rights Watch bit-titolu ''New Military Authority to Curb Protests'', ippubblikat fit-12 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Antonio Ledezma, li ġie elett demokratikament darbtejn bħala Sindku tad-Distrett Metropolitan ta' Karakas u li huwa wieħed mill-mexxeja tal-oppożizzjoni, fid-19 ta' Frar 2015 ġie arrestat arbitrarjament minn uffiċjali armati sew tas-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan (Sebin), li min-naħa tagħhom ma pproduċewx mandat ta' arrest jew evidenza li kien wettaq xi reat; billi wara d-detenzjoni, Antonio Ledezma ġie mixli b'komplott u assoċjazzjoni għat-twettiq ta' delitti – fil-Venezwela reati punibbli b'sentenzi ħarxa ta' priġunerija – u mitfugħ fil-ħabs militari ta' Ramo Verde;
B. billi d-detenzjoni ta' persuni ċivili f'ħabs militari mhijiex kompatibbli mal-istandards internazzjonali; billi l-Venezwela għandha l-obbligu tiggarantixxi l-ħajja, it-trattament uman u s-sikurezza tal-persuni kollha mċaħħda mil-libertà, u li tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni jkunu konformi mal-istandards internazzjonali applikabbli;
C. billi l-President Nicolas Maduro fuq ir-radju u t-televiżjoni nazzjonali ħabbar iż-żarmar ta' allegat pjan biex jiġi destabbilizzat il-gvern tiegħu permezz ta' kolp ta' stat, li kien jinvolvi t-tmexxija tal-Għaqda Demokratika Roundtable, il-membri tal-assemblea nazzjonali María Corina Machado u Julio Borges, u s-Sindku ta' Karakas, Antonio Ledezma; billi allegatament, dawn il-mexxejja tal-oppożizzjoni kienu wkoll involuti fi pjan biex jassassinaw il-mexxej tal-oppożizzjoni Leopoldo López, li ilu detenut f'ħabs militari għal aktar minn sena; billi mid-detenzjoni tiegħu, is-Sur López sofra tortura fiżika u psikoloġika u kien soġġett għal reklużjoni;
D. billi l-President Maduro ħabbar ukoll allegazzjonijiet ta' konfoffi barranin strambi, pjanijiet ta' destabbilizzazzjoni u ta' attentati ta' qtil, li ġew rappurtati mill-amministrazzjoni nazzjonali f'diversi okkażjonijiet;
E. billi, fil-passat, il-mexxejja tal-oppożizzjoni demokratika ġew akkużati ripetutament u mingħajr bażi li pparteċipaw fi pjanijiet allegati ta' destabbilizzazzjoni u ta' kolpi ta' stat; billi l-intimidazzjoni u t-trattament ħażin tal-mexxejja tal-oppożizzjoni li ntefgħu l-ħabs kif ukoll tal-istudenti li pparteċipaw fil-protesti tal-2014 żdiedu; billi Leopoldo López, Daniel Ceballos u politiċi oħra tal-oppożizzjoni għadhom detenuti arbitrarjament, filwaqt li María Corina Machado tneħħiet mill-kariga illegalment u arbitrarjament u mkeċċija mill-Parlament tal-Venezwela, filwaqt li l-Gvern tal-Venezwela qed jhedded li jneħħi l-immunità tad-deputat Julio Borges;
F. billi l-preżunzjoni ta' innoċenza tista' titqies miksura f'każ li persuna li qed taffaċċja akkużi kriminali tkun soġġetta għal detenzjoni qabel il-proċess mingħajr ma tingħata ġustifikazzjoni adegwata, billi f'dan il-każ id-detenzjoni issir kastig aktar milli miżura ta' prekawzjoni;
G. billi, skont l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, sena wara d-dimostrazzjonijiet paċifiċi 1 700 dimostranti li ħadu sehem fil-protesti qegħdin jistennew il-proċess, 69 oħra għadhom il-ħabs, u tal-anqas 40 oħra nqatlu fil-protesti, filwaqt li min qatilhom għadu ma refax ir-responsabbiltà; billi d-dimostranti ħabbtu wiċċhom ma' l-użu ta' forza eċċessiva u vjolenza sistematika mill-pulizija, membri tal-Gwardja Nazzjonali u gruppi vjolenti u mhux kontrollati favur il-gvern;
H. billi stat demokratiku ma għandux jikkriminalizza l-mexxejja tal-oppożizzjoni politika u għandu jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tas-setturi kollha fil-ħajja politika tal-pajjiż, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jiddikjaraw li jagħmlu parti mill-oppożizzjoni, kif iddikjarat mill-Human Rights Watch fl-24 ta' Frar 2015;
I. billi l-membri tal-Qorti Suprema ċaħdu fil-miftuħ il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, wegħdu pubblikament li jimpenjaw ruħhom sabiex jippromwovu l-aġenda politika tal-gvern, u qatgħu kemm-il darba sentenzi favur il-gvern u b'hekk ivvalidaw in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-gvern għad-drittijiet tal-bniedem; billi f'Diċembru 2014, il-maġġoranza favur il-gvern fl-Assemblea Nazzjonali ħatret 12-il membru ġdid tal-Qorti Suprema permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza sempliċi, wara li ma rnexxilhiex tikseb maġġoranza ta' żewġ terzi, li biex tiksibha kien jeħtiġilha tilħaq kunsens mal-oppożizzjoni;
J. billi r-Riżoluzzjoni Nru 8610 il-ġdida tal-Ministeru għad-Difiża tippermetti lill-militar juża armi tan-nar biex jikkontrolla ''laqgħat pubbliċi u dimostrazzjonijiet paċifiċi''; billi skont l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, l-użu ta' armi tan-nar u sustanzi tossiċi għall-kontroll ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi huwa pprojbit; billi skont l-istandards internazzjonali, l-użu tal-forzi militari f'operazzjonijiet tas-sigurtà pubblika għandu jkun limitat;
K. billi fl-24 ta' Frar 2015 inqatel student ta' 14-il sena bl-isem ta' Kluivert Roa matul dimostrazzjoni dwar l-iskarsezza tal-ikel u l-mediċini f'San Cristóbal, fl-Istat ta' Táchira, l-ewwel vittma minn meta ġie awtorizzat l-użu ta' armi tan-nar fit-trażżin tal-protesti; billi fil-25 ta' Frar 2015 l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ddikjara li uffiċjal tal-pulizija ġie akkużat b'omiċidju intenzjonat, fost delitti oħra;
L. billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma fundamentali għad-demokrazija; billi ma jistax ikun hemm ugwaljanza u ġustizzja għal kulħadd mingħajr ir-rispett għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin; billi jeżistu bosta rapporti li jikkonfermaw li l-midja qed tkun soġġetta għal ċensura u intimidazzjoni dejjem akbar;
M. billi l-Venezwela hija l-pajjiż bl-akbar riżervi ta' enerġija fl-Amerika Latina; billi l-poplu tal-Venezwela qed ibati minn nuqqas serju ta' komoditajiet bażiċi, billi l-prezzijiet tal-ikel irdoppjaw u r-razzjonar tal-ikel intensifika; billi n-nuqqas min-naħa tal-istat li jżomm il-liġi u l-ordni u l-polarizzazzjoni politika dejjem tikber wasslu biex il-Venezwela ssir wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fid-dinja;
N. billi huwa biss ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u djalogu kostruttiv u li jirrispetta lil kulħadd imwettaq fi spirtu ta' tolleranza li jista' jgħin lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet futuri;
O. billi "Mesa de dialogo" (djalogu madwar mejda) bejn il-gvern u l-oppożizzjoni kien beda, u sfortunatament ġie interrott mingħajr suċċess;
P. billi l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li l-investimenti Ewropej f'pajjiżi terzi huma element fundamentali tal-politika kummerċjali komuni tal-UE u għaldaqstant parti integrali mill-politika għall-azzjoni esterna tagħha, u billi skont it-Trattat ta' Lisbona l-investiment dirett barrani (IDB) huwa kompetenza esklussiva tal-UE, kif stabbilit fl-Artikoli 3(1)(e), 206 u 207 tat-TFUE;
Q. billi l-Gvern tal-Venezwela għandu responsabbiltà partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mal-liġi internazzjonali, peress li ġie elett bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-16 ta' Ottubru 2014;
1. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni li sejra lura fil-Venezwela, u jikkundanna l-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirrilaxxaw b'mod immedjat lil Antonio Ledezma, Leopoldo López, Daniel Ceballos u lid-dimostranti paċifiċi kollha, studenti u mexxejja tal-oppożizzjoni kollha li qed jinżammu detenuti arbitrarjament talli eżerċitaw id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet fundamentali tagħhom, u dan skont it-talbiet li saru minn bosta korpi u organizzazzjonijiet internazzjonali tan-NU; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi mingħajr bażi kontrihom;
2. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw li Antonio Ledezma, Leopoldo López, Daniel Ceballos u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha jingħataw kull attenzjoni medika meħtieġa, kif ukoll aċċess immedjat, privat u regolari għall-qrabathom u għall-avukati tal-għażla tagħhom; jinsab imħasseb sew dwar il-kundizzjoni tal-priġunieri, li sejra għall-agħar;
3. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex iwaqqaf il-persekuzzjoni u r-ripressjoni politika tal-oppożizzjoni demokratika u l-ksur tal-libertà ta' espressjoni u ta' dimostrazzjoni, u jħeġġeġ li tintemm iċ-ċensura tal-midja; ifakkar lill-awtoritajiet li l-ilħna tal-oppożizzjoni huma indispensabbli għal soċjetà demokratika;
4. Jikkundanna l-qtil b'arma tan-nar ta' Kluivert Roa u sitt studenti oħra, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tagħhom; jistieden lill-Gvern biex jirrevoka r-Riżoluzzjoni 8610 li ġiet ippubblikata dan l-aħħar,, li tippermetti lill-forzi tas-sigurtà biex jużaw forza possibbilment letali, b'arma tan-nar jew arma oħra potenzjalment letali biex trażżan protesti ċivili, li tmur kontra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;
5. Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jikkonforma mal-Kostituzzjoni tiegħu stess u l-obbligi internazzjonali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika, u l-pluraliżmu politiku, li huma pedamenti tad-demokrazija; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jinħoloq ambjent fejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti jistgħu jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jenfasizza li bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-Gvern tal-Venezwela għandu responsabbiltà partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mal-liġi internazzjonali;
6. Jistieden lill-Gvern Venezwelan jiżgura li l-akkużi jkunu investigati malajr u b'mod imparzjali, bl-ebda marġni ta' impunità u b'rispett sħiħ għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u ta' proċess ġust; ifakkar li r-rispett tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat huwa fundamentali f'demokrazija, u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża bħala arma politika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, indipendentement mill-opinjoni u l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà li protesti ġodda jwasslu għal aktar atti ta' vjolenza, li se jservu biss biex japprofondixxu d-distakk bejn il-pożizzjoni tal-gvern u dik tal-oppożizzjoni u jippolarizzaw saħansitra aktar l-iżviluppi politiċi sensittivi li qed iseħħu fil-Venezwela; jitlob lir-rappreżentanti tal-partijiet kollha u l-membri tas-soċjetà Venezweljana jżommu l-kalma kemm fl-azzjonijiet kif ukoll fil-kliem; iwissi kontra kwalunkwe pass li jista' jwassal għal atmosfera ta' tensjoni u ta' rigress, li jista' jwassal biex l-oppożizzjoni demokratika tkun deleġittimizzata u ssir illegali u/jew l-elezzjonijiet jiġu kanċellati;
8. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, f'sena ta' elezzjoni, l-oppożizzjoni politika kienet vittma ta' detenzjoni arbitrarja u attakki, li jistgħu jqajmu dubju kemm dwaril-leġittimità kif ukoll dwar l-eżitu tal-proċess elettorali;
9. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela, fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, jużaw dan il-perjodu sabiex jistabbilixxu proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-kunsens u s-sjieda konġunta, permezz ta' djalogu nazzjonali ġenwin li fih jipparteċipaw b'mod sinifikanti s-setgħat politiċi demokratiċi kollha fil-qafas tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem; jappella wkoll liż-żewġ naħat jiddiskutu l-aktar problemi serji li qed jaffaċċja l-pajjiż biex b'hekk isiru r-riformi ekonomiċi u ta' governanza meħtieġa; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw li jsiru elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi ħdan proċess kompletament inklużiv, bil-parteċipazzjoni tal-atturi demokratiċi kollha; jitlob lill-atturi kollha tal-politika jżommu l-ġlieda politika fil-konfini tal-ordni kostituzzjonali, u jirreżistu kwalunkwe pressjoni li jirradikalizzaw l-azzjonijiet tagħhom;
10. Jinkoraġġixxi lis-sħab reġjonali tal-Venezwela, bħall-UNASUR u l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, sabiex jiftħu kanali ta' djalogu u ta' fehim bejn il-partijiet kunfliġġenti, u jiggarantixxu s-sikurezza u l-ħarsien tal-pubbliku, u li jerġgħu jsaltnu l-kalma u n-normalità fil-Venezwela;
11. Iħeġġeġ lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jagħmlu dikjarazzjonijiet u jieħdu miżuri sabiex juru solidarjetà mal-poplu tal-Venezwela matul dan il-perjodu diffiċli;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jesploraw u jadottaw kull miżura meħtieġa sabiex iħarsu l-interessi Ewropej u l-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika tal-intrapriżi Ewropej fil-Venezwela;
13. Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Venezwela u l-ambaxxati tal-Istati Membri biex ikomplu josservaw mill-qrib l-investigazzjonijiet u s-smigħ tal-proċessi tal-mexxejja tal-oppożizzjoni; ifakkar fit-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;
14. Ifakkar fit-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex tappella għall-ħelsien immedjat tad-dimostranti li ilhom arrestati arbitrarjament minn meta bdew il-protesti;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.