Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2100(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0200/2015

Testi mressqa :

A8-0200/2015

Dibattiti :

PV 08/09/2015 - 15
CRE 08/09/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2015 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0301

Testi adottati
PDF 264kWORD 75k
L-Erbgħa, 9 ta' Settembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Ftehim ta' sħubija dwar is-sajd mal-Kap Verde: l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja (riżoluzzjoni)
P8_TA(2015)0301A8-0200/2015

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde (15848/2014 – C8-0003/2015 – 2014/0329(NLE)2015/2100(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15848/2014),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde (15849/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0003/2015),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/948/UE tal-15 ta' Diċembru 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015(2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni u l-analiżi tal-Protokoll preċedenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8–0200/2015),

A.  billi l-għan ġenerali tal-Protokoll huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde sabiex jinħoloq qafas ta' sħubija li fi ħdanu tiżviluppa politika tas-sajd sostenibbli u sfruttar responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika tal-Kap Verde, fl-interess taż-żewġ partijiet;

B.  billi fil-Protokoll, il-partijiet ftiehmu li jimplimentaw mekkaniżmu ta' sorveljar strett sabiex jiżguraw sfruttament sostenibbli tar-riżorsa; billi dan il-mekkaniżmu għandu, b'mod partikolari, ikun ibbażat fuq l-iskambju trimestrali ta' data dwar qabdiet ta' klieb il-baħar;

C.  billi ż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jirrispettaw b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT);

D.  billi kemm tal-ICCAT kif ukoll il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) iddeskrivew l-ispeċijiet ta' kelb il-baħar bħala stokk b'saħħtu, kif ikkonfermat mill-laqgħa xjentifika taż-żewġ partijiet għal dan il-Protokoll;

E.  billi l-mekkaniżmu l-ġdid ta' monitorjar marbut ma' limiti ta' 30 % u ta' 40 % ta' qabdiet ta' klieb il-baħar li jiskattaw miżuri addizzjonali huwa, b'mod partikolari, pass fid-direzzjoni t-tajba;

F.  billi qed tittardja l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali; billi l-livell ta' kisba tal-objettivi huwa sodisfaċenti, minkejja li huwa wkoll diffiċli tiddetermina l-impatt ta' appoġġ settorjali Ewropew meta mqabbel ma' azzjonijiet oħra mwettqa fil-kuntest ta' programmi ta' appoġġ mibdija minn sħab oħra għall-iżvilupp;

G.  billi huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas ta' intervent loġiku biex jiggwida u jistandardizza aħjar il-valutazzjonijiet ta' protokoll; billi dan għandu jitwettaq b'mod partikolari fejn jirrigwarda l-appoġġ settorjali;

1.  Jilqa' dan il-protokoll il-ġdid dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde, adottata skont miżuri ta' sostenibilità tal-politika komuni tas-sajd il-ġdida (PKS), kemm mill-perspecttiva ambjentali kif ukoll dik soċjoekonomika;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd, kif ukoll il-programm settorjali pluriennali previst fl-Artikolu 3 tal-protokoll il-ġdid;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq quddiem il-Parlament u lill-Kunsill, fi żmien l-aħħar sena tal-applikazzjoni tal-protokoll u qabel il-bidu tan-negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport sħiħ dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

4.  Jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda sinifikanti fil-qbid ta' xi speċijiet ta' kelb il-baħar matul l-aħħar snin tal-Protokoll preċedenti; Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Kumitat Konġunt bi tweġiba għal studju ibbażat fuq ix-xjenza biex jitwettaq kif deskritt fl- Artikolu 4, paragrafu 6 tal-Anness tal-Protokoll, sabiex ikun hemm garanziji li dan is-sajd jiġi sfruttat b'mod sostenibbli u responsabbli; jenfasizza li l-Parlament għandu jkun infurmat dwar id-data miksuba fir-rigward tal-istokkijiet tal-klieb il-baħar;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat rispettivi tagħhom, jgħarrfu lill-Parlament immedjatament u dwar kollox fl-istadji kollha tal-proċeduri relatati mal-protokoll u t-tiġdid tiegħu, skont it-termini tal-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta jekk bastimenti li joperaw taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan il-protokoll ikunux issodisfaw ir-rekwiżiti ta' rapportar rilevanti;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkomunika kull sena mal-Parlament dwar il-ftehimiet internazzjonali addizzjonali tal-Kap Verde sabiex il-Parlament ikun jista' jissorvelja l-attivitajiet kollha tas-sajd fir-reġjun inklużi dawk li jistgħu jkunu kontra l-politika Ewropea tas-sajd, pereżempju t-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kap Verde.

(1) ĠU L 369, 24.12.2014, p. 1.
(2) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0300.

Avviż legali - Politika tal-privatezza