Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (2015/2004(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,
– wara li kkunsidra r-rapport adottat f'Lulju 2014 mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(1),
– wara li kkunsidra r-rapport adottat fit-8 ta' Awwissu 2014 mill-Kumitat Intergovernattiv ta' Esperti dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra r-"Rapport dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju għall-2014" tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) li saret fil-Belt tal-Messiku, ta' April 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Dialogue on localizing the Post-2015 Development Agenda" (Djalogu dwar il-lokalizzazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015) imħejji mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), mill-Global Taskforce(2) u mill-UN-HABITAT, tal-31 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport 2014 tal-Grupp tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (UNDG) bit-titolu "Delivering the Post-2015 Development Agenda: opportunities at the national and local levels" (Realizzazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015: opportunitajiet fil-livelli nazzjonali u lokali),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2014 dwar l-Iżvilupp Uman tal-UNDP bit-titolu "Sustaining Human Progress: Reducing Vulnerabilities and Building Resilience" (Sostenn għall-progress uman: innaqqsu l-vulnerabbiltajiet u nibnu r-reżiljenza),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Aġenda għal wara l-2015,
– wara li kkunsidra l-"Gender Chart 2012" tan-NU, li tkejjel it-titjib fl-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru tat-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs),
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992 u r-rapport tal-Konferenza ta' segwitu tiegħu dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro, il-Brażil, mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2013 tal-Grupp ta' Livell Għoli tan-NU ta' Persuni Eminenti dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Ġunju 2012 tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 tan-NU lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, bit-titolu, "Realising the future we want for all" (Realizzazzjoni tal-futur li rridu għal kulħadd),
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għad-Deċennju 2011-2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan, il-Korea t'Isfel, f'Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-qafas ġuridiku tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Akkra għall-Azzjoni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(3) u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp(4),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2013 bit-titolu "Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp" (COM(2013)0280),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli(5) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2013 dwar l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jerġa' jafferma li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabblixxi li "l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2015 bit-titolu "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015" (COM(2015)0044),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu, "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva"(COM(2014)0335),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014, bit-titolu "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2014, ġabra ta' għodda bit-titolu, "A right-based approach, encompassing all human rights for EU development Cooperation" (Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE) (SWD(2014)0152),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-27 ta' Frar 2013 bit-titolu, "Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli" (COM(2013)0092),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titolu, "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni "(COM(2012)0492),
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' pożizzjoni tal-UE bit-titolu "Lejn Qafas tal-iżvilupp wara l-2015", li saru mill-15 ta' Ġunju sal-15 ta' Settembru 2012,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2008, bit-titolu "L-Awtoritajiet Lokali: Atturi għall-iżvilupp" (SEC(2008)2570),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew"(6),
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp f'appoġġ għal governanza lokali mnedija matul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp fis-16 ta' Novembru 2008,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu, "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp" (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tat-3166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Mejju 2012 bit-titolu "Żieda fl-impatt tal-Politika tal-Iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta' Frar 2015 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "Il-Pakkett tar-Rebbiegħa: Pjan ta' Azzjoni tal-UE biex jitwettqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta' April 2009 bit-titolu "L-Awtoritajiet Lokali: Atturi għall-Iżvilupp",
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(7),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015)(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju - definizzjoni tal-qafas wara l-2015(9),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli wara l-2015,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta AKP-UE dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015 tal-20 ta' Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0232/2015),
A. billi l-awtoritajiet lokali (AL), inkwantu huma l-atturi statali u istituzzjonali essenzjali għall-finijiet tal-governanza lokali, tal-affermazzjoni tad-demokrazija ta' bażi, ta' żvilupp sostenibbli bbażat fuq il-parteċipazzjoni tal-popolazzjonijiet lokali u l-espressjoni demokratika tagħhom, se jkollhom rwol essenzjali x'jiżvolġu fl-implimentazzjoni tal-objettivi ta' wara l-2015;
B. billi l-AL jiżvolġu rwol fundamentali fid-definizzjoni, fl-organizzazzjoni u fil-ksib tal-objettivi tal-iżvilupp;
C. billi l-AL jirrappreżentaw ħolqa b'saħħitha bejn il-komunità u l-objettivi nazzjonali u lokali fl-aġenda għal wara l-2015;
D. billi l-AL jiżvolġu rwol fundamentali fis-salvagwardja tal-popolazzjonijiet vulnerabbli fl-Istati fraġli fi kriżi u fil-pajjiżi b'introjtu intermedju;
E. billi l-qafas tal-iżvilupp sostenibbli globali l-ġdid joffri opportunità biex ikun żgurat l-involviment wiesa' tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), tal-awtoritajiet lokali u tal-parlamenti nazzjonali; billi r-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u tal-OSĊ hija assolutament essenzjali biex tkun garantita governanza korretta, trasparenti u responsabbli;
F. billi l-UE kienet ferm involuta fis-sostenn favur l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li tagħti kontribut fit-tnaqqis tal-faqar u fil-ksib tal-MDGs iżda anki tintegra l-governanza demokratika fil-livell lokali;
G. billi r-rappreżentanti tal-gvernijiet sottonazzjonali u tal-awtoritajiet lokali taw il-kontribut tagħhom fis-sessjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ (OWG) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u t-Taskforce Globali mexxa konġuntament mal-UNDP u l-UN-Habitat il-konsulatazzjonijiet fi ħdan in-NU dwar il-"Lokalizzazzjoni tal-Aġenda għal wara l-2015";
H. billi r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 tenna l-bżonn li l-aġenda għall-iżvilupp il-ġdida tkun trasformattiva, universali, inċentrata fuq in-nies u mibnija fuq il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; billi s-Segretarju Ġenerali għamel appell biex is-sħubijiet innovattivi, li jinkludu lill-awtoritajiet lokali, ikunu l-atturi ewlenin li jimplimentaw din l-aġenda fl-eqreb livell taċ-ċittadini;
I. billi l-aktar objettivi u sfidi kritiċi fl-aġenda għall-iżvilupp globali għal wara l-2015 se jiddependu mill-azzjoni lokali u minn sħubijiet b'saħħithom;
J. billi, skont il-projezzjonijiet, il-popolazzjoni dinjija se tikber minn madwar 7 biljun ruħ sa 9,3 biljuni sal-2050, u l-maġġor parti ta' dan it-tkabbir mistenni jsir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment fiż-żoni urbani; billi l-urbanizzazzjoni eċċessiva qiegħda tgħarraq is-sostenibbiltà tal-iżvilupp fid-dimensjonijiet kollha tagħha;
K. billi żewġ biljun u nofs abitanti urbani ġodda se jkollhom bżonn aċċess għall-edukazzjoni, għas-servizzi tas-saħħa, għall-impjiegi, għall-ikel, għas-sanità, għat-trasport, għall-alloġġi u għall-elettriku; billi dan jagħti lok għal sfidi kruċjali għal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-muniċipalitajiet inkarigati mill-forniment ta' dawn is-servizzi;
L. billi d-Dikjarazzjoni ta' Rio tenfasizza li l-popli indiġeni u l-komunitajiet tagħhom jiżvolġu rwol vitali fil-ġestjoni ambjentali u fl-iżvilupp; billi l-gvernijiet imisshom jirrikonoxxu u jsostnu debitament l-identità, il-kultura u l-interessi tagħhom, u jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli;
M. billi t-tnaqqis tal-faqar mhuwiex omoġenju u l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom, li żdiedu kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw, jirrappreżentaw sfida importanti għall-iżvilupp;
N. billi l-kunflitti vjolenti u l-kriżijiet umanitarji għadhom jfixklu l-isforzi tal-iżvilupp; billi l-kategoriji vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-anzjani, ibatu aktar il-konsegwenzi tal-kunflitti militari u tal-kriżijiet u l-awtoritajiet lokali huma l-atturi fundamentali li jinsabu quddiem nett fil-prevenzjoni u fil-ġestjoni tal-kunflitti;
O. billi għadhom meħtieġa aktar sforzi sabiex il-perċentwal ta' persuni li qed ibatu l-ġuħ jonqos bin-nofs, peress li 162 miljun tifel u tifla huma f'riskju ta' nutrizzjoni ħażina; billi l-ġuħ moħbi jista' jiġi definit bħala nuqqas ta' mikronutrijenti, li jista' jikkawża effetti irreversibbli fuq is-saħħa u konsegwenzi soċjoekonomiċi marbuta mat-tnaqqis fil-produttività tal-persuni;
P. billi t-tibdil fil-klima u d-degrad ambjentali jpoġġu f'riskju t-tnaqqis tal-faqar u jirrappreżentaw sfida ċentrali għall-awtoritajiet lokali peress li jinħassu l-ewwel nett fost il-popolazzjonijiet lokali
Q. billi jeħtieġ li jinħolqu aktar impjiegi ġodda u dinjitużi sabiex jiġi indirizzat it-tkabbir demografiku fuq skala globali; billi s-settur privat jikkostitwixxi ġeneratur importanti ta' impjiegi, kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw, u b'hekk jista' jkun sieħeb essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar;
R. billi l-għajnuna għadha tiżvolġi rwol fundamentali fit-tnaqqis tal-faqar u tirrappreżenta fattur ta' tibdil fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi trid tiġi mmirata aħjar biex tissodisfa l-esiġenzi tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli; billi l-għajnuna waħedha mhijiex biżżejjed u għalhekk jeħtieġ li jintużaw finanzjamenti innovativi;
S. billi l-mobilizzazzjoni ta' finanzi internazzjonali, pubbliċi u privati se tkun kruċjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli lokali;
T. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, inkwantu l-akbar donaturi uffiċjali ta' għajnuna għall-iżvilupp, iżda wkoll l-entitajiet ewlenin li jiddefinixxu l-politiki u l-atturi fil-qasam tal-kooperazzjoni deċentralizzata, għandhom għalhekk jibqgħu l-forza li tixpruna matul il-fażi li jmiss tan-negozjati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;
U. billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi li l-qerda tal-faqar hija l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp;
I.L-awtoritajiet lokali bħala atturi tal-iżvilupp u r-rwol tal-Unjoni Ewropea
1. Ifakkar li s-Sħubija ta' Busan toffri forum f'espansjoni għall-atturi l-ġodda fil-qasam tal-iżvilupp bħall-atturi lokali u reġjonali;
2. Jenfasizza li l-linji gwida l-ġodda tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-awtoritajiet lokali u r-rikonoxximent tar-rwol tagħhom bħala partijiet statali interessati jirrappreżentaw pass 'il quddiem importanti fl-aġenda ta' żvilupp il-ġdida tal-Unjoni Ewropea;
3. Jevidenzja n-neċessità li dawn il-linji gwida l-ġodda jissarrfu b'mod konkret fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea kemm f'termini tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FES) kif ukoll tal-Istrument tal-tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp;
4. Jenfasizza li l-ippjanar strateġiku fil-livell nazzjonali u lokali huwa assolutament fundamentali għall-promozzjoni u għall-integrazzjoni tat-tliet dimensjonijiet ewlenin tal-iżvilupp: id-dimensjoni soċjali, dik ekonomika u dik ambjentali;
5. Jilqa' pożittivament is-sostenn mogħti lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali permezz tal-linja tematika tal-awtoritajiet lokali u partikolarment is-sostenn lit-tisħiħ tal-istrutturi tal-koordinament tal-awtoritajiet lokali f'livell nazzjonali, reġjonali u kontinentali u t-twaqqif ta' sħubija f'livell tal-UE;
6. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' ftehimiet ta' sħubija bejn l-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri tal-UE u l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'oqsma bħat-taħriġ u l-kapaċità umana biex jinħolqu aktar benefiċċji u ppjanar ambjentali aħjar;
7. Iqis li dawn l-istrutturi ta' koordinament jiżvolġu rwol essenzjali f'termini ta' sostenn tekniku u metodoloġiku għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet lokali billi jkun faċilitat l-iskambju ta' kompetenzi bil-għan li jiġi aġevolat il-proċess ta' deċentralizzazzjoni u l-forniment ta' servizzi bażiċi; jirrappreżentaw ukoll l-interfaċċja adegwata għad-djalogu politiku u biex isemma' leħen l-awtoritajiet lokali fil-livelli kollha tal-governanza;
8. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tippromwovi l-kooperazzjoni deċentralizzata bħala mezz biex timplimenta l-qafas ta' żvilupp ta' wara l-2015; jitlob, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tibddel lid-deċentralizzazzjoni f'settur ta' konċentrazzjoni finanzjarja tal-istrumenti finanzjarji tagħha ta' għajnuna esterna, l-ewwel nett dwar fl-ambitu tal-istrument tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-FEŻ, u ssaħħaħ l-interventi tagħha intiżi li jinkludu lill-awtoritajiet lokali bħala atturi sħaħ fl-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ fil-livell tal-pajjiżi sħab, tar-reġjuni jew tal-għajnuna settorjali u baġitarja; jistieden lill-Istati Membri jħallu fil-programmi ta' żvilupp tagħhom spazju xieraq lill-awtoritajiet lokali, billi jikkoordinaw azzjonijiethom ma' dawk tal-Kummissjoni u ta' Stati Membri oħrajn;
II.Djalogu politiku, mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u rendikont
9. Jissottolinja l-bżonn li jkun żgurat trasferiment aktar ġust ta' riżorsi finanzjarji f'livell nazzjonali lejn dak subreġjonali, tal-bliet u muniċipali;
10. Jissottolinja l-bżonn, fil-kuntest tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni ta' bħalissa, li l-Istati nazzjonali jiġu inkoraġġiti jittrasferixxu parti mir-riżorsi tal-baġit nazzjonali lejn livelli tal-gvernijiet reġjonali u lokali; iqis, għal dan il-għan, li għandu jingħata sostenn akbar fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet finanzjarji u tal-baġit tal-awtoritajiet lokali, partikolarment permezz tal-għaqdiet tagħhom;
11. iqis bħala essenzjali li parti mis-sostenn tal-baġit Ewropew tkun allokata għall-finanzjament tal-awtoritajiet lokali;
12. Jinsisti fuq il-varar ta' djalogu politiku effettiv mal-awtoritajiet lokali fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea, b'tali mod li titħalla l-valutazzjoni tal-progress attwali, tad-diffikultajiet u tal-prospettivi ta' tisħiħ tal-effikaċja tal-għajnuna f'livell lokali;
13. Jitlob li dan id-djalogu jkun istituzzjonalizzat billi jsir riferiment għall-istrutturi ta' koordinament eżistenti fid-diversi oqfsa ta' kooperazzjoni;
III.Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-MDGs: lezzjonijiet meħudin
14. Jissottolinja li l-MDGs urew ir-rwol fundamentali li jiżvolġu l-awtoritajiet lokali fil-ġlieda kontra l-faqar u fl-għoti tas-servizzi tal-komunità, bħall-ilma u s-sanità, l-assistenza sanitarja primarja u l-edukazzjoni;
15. Jilqa' favorevolment it-tixrid tal-inizjattivi deċentralizzati ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u għall-użu tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn il-bliet;
16. Jissottolinja l-bżonn li jiġu allokati riżorsi addizzjonali lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet deċentralizzati bil-għan li jkunu jistgħu joffru servizzi pubbliċi ta' kwalità, jiggarantixxu opportunitajiet indaqs u jibnu l-koeżjoni soċjali;
17. Jiddispjaċih li l-MDGs ma tawx biżżejjed kas tal-importanza tad-dimensjoni lokali tal-iżvilupp, kif ukoll li l-programmi ta' żvilupp ma jħaddnux biżżejjed id-dimensjoni kulturali, li tirrappreżenta komponent indispensabbli għall-fehim tal-kuntest lokali; jitlob li jittieħed kont tad-dimensjoni kulturali fl-istrateġiji lokali, nazzjonali u internazzjonali mmirati lejn it-tnaqqis tal-faqar;
18. Jiddispjaċih li l-MDGs attwali huma nieqsa minn ċarezza f'dak li għandu x'jaqsam mal-adegwament tal-objettivi globali għad-dinamika nazzjonali u lokali;
IV.Id-definizzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015: sfidi u opportunitajiet
19. Iqis li l-proċedura għal wara l-2015 għandha toffri viżjoni ċara għal implimentazzjoni tal-eżiti ta' Rio+20 li tirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali;
20. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu definiti objettivi u indikaturi affidabbli għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li jkunu jaqblu mal-kuntesti, mal-esiġenzi u mat-tħassib tal-popolazzjonijiet lokali; jistieden lill-UE ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u tieħu f'kunsiderazzjoni l-kompetenzi tagħhom f'SDGs oħrajn;
21. Jistieden lill-UE tkompli tagħti attenzjoni partilolari lill-awtoritajiet lokali fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fil-flussi finanzjarji tal-iżvilupp; jenfasizza li dan ikun jesiġi proċess ta' parteċipazzjoni reali, imwettaq fil-fażijiet inizjali tal-iżvilupp u għalhekk jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta u msaħħa l-għajnuna pubblika deċentralizzata; jissottolinja l-bżonn li l-parteċipazzjoni aktar intensiva tiġi żgurata fid-definizzjoni tal-istrateġiji ta' żvilupp;
22. Jitlob lill-Unjoni tiżgura li l-awtoritajiet lokali jkunu rappreżentati aħjar fin-negozjati internazzjonali għall-adozzjoni tal-aġenda ta' wara l-2015, fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp u fil-konferenza internazzjonali dwar il-klima COP21;
V.Il-bżonn ta' sħubija globali effikaċi mġedda (mal-OSĊ, mas-settur privat, eċċ.)
24. Jistieden lill-UE tagħti l-kontribut tagħha biex issaħħaħ is-sħubijiet b'diversi partijiet interessati u tillokalizza l-implimentazzjoni tal-aġenda għal wara l-2015;
25. Jagħmel appell għal definizzjoni u qsim ċari tar-responsabbiltajiet fost is-sħab;
VI.Sħubijiet mas-settur privat
26. Ifakkar li s-settur pubbliku se jkun attur fundamentali biex jagħmel possibbli u biex jimplimenta l-aġenda ta' żvilupp il-ġdida u jissottolinja li l-mobilizzazzjoni tad-dħul pubbliku u t-tisħiħ tas-sistema fiskali bbażata fuq il-kapaċità kontributtiva f'termini ta' taxxi miċ-ċittadini u fuq rimunerazzjoni ġusta ta' ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali se jkunu elementi essenzjali għall-finijiet tal-effikaċja;
27. Itenni l-bżonn li jiġi appoġġat it-tinbit ta' klassi medja permezz tal-promozzjoni tal-imprenditorija privata, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa;
28. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu responsabbilizzati l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju lokali fil-ħolqien tal-impjiegi u jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, partikolarment bis-saħħa ta' politiki pubbliċi-privati;
29. Itenni l-bżonn li jiġu implimentati mekkaniżmi ta' responsabbiltà effikaċi u definiti salvagwardji soċjali u ambjentali obbligatorji;
VII.Sħubija mas-soċjetà ċivili
30. Iqis li l-aġenda għall-iżvilupp għall wara l-2015 għandha bżonn tbiddel ir-rwol u l-impatt tal-OSĊ; jemmen li l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-OSĊ billi jistitwixxu mekkaniżmi ta' djalogu regolari, bil-għan li jkunu biżżejjed effikaċi ħalli jirċievu rispons pożittiv mingħand is-soċjetà ċivili;
VIII. Sostenn għar-responsabbiltà nazzjonali u għall-konsolidament tal-kapaċitajiet
31. Jenfasizza li l-gvernijiet għandhom ikunu responsabbli kemm quddiem il-partijiet interessati nazzjonali kif ukoll quddiem il-komunità internazzjonali;
32. Jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u tal-promozzjoni tad-djalogi bejn diversi partijiet interessati bil-għan li jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-kulturi lokali, tal-popli indiġeni, tal-migranti u tal-minoranzi;
33. Iqis li jeħtieġ isir sforz qawwi biex tittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex jagħtu servizzi pubbliċi;
34. Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-governanza tajba f'livell lokali permezz tal-promozzjoni tal-prinċipji ta' responsabbilizzazzjoni, ġestjoni tajba, trasparenza, parteċipazzjoni, reattività u preminenza tal-liġi;
35. Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' pjattaformi ta' konsultazzjoni lokali fil-qafas tal-ippjanar tal-baġit;
36. Jisħaq fuq il-bżonn urġenti ta' riforma tas-servizzi uffiċjali inkarigati mill-ġbir tad-data;
IX.Popli indiġeni u ppjanar tal-iżvilupp
37. Jissottolinja li l-popolazzjonijiet indiġeni għandhom ikunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-pjani ta' żvilupp u ta' investiment lokali u territorjali;
38. Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali u lill-awtoritajiet lokali: (a) isaħħu l-leġiżlazzjoni lokali bil-għan li jistabbilixxu r-rikonoxximent tal-arranġamenti tradizzjonali fil-qasam tal-pussess tal-art; (b) jikkooperaw mal-awtoritajiet tradizzjonali fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali; (c) jaffrontaw il-kwistjonijiet ta' ġeneru u interġenerazzjonali li jeżistu fost il-popli indiġeni; (d) jipproteġu l-konoxxenzi indiġeni; (e) isaħħu l-kapaċità tal-popli indiġeni biex jipparteċipaw fl-ippjanar tal-iżvilupp;
X.Trasferiment tat-teknoloġija
39. Jenfasizza li l-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali għandhom joħolqu ambjenti favorevoli għat-trasferiment tat-teknoloġiji;
40. Iqis li tali kooperazzjoni għandha wkoll tinkludi investimenti fuq terminu itwal;
XI.Bliet u insedjamenti umani
41. Jilqa' favorevolment il-mobilizzazzjoni u l-impenn tal-bliet Afrikani fil-qafas tat-tħejjjia tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Alloġġ u l-Iżvilupp Sostenibbli Habitat III; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssostni dawn il-proċessi ta' mobilizzazzjoni u tipprevedi fil-pjani ta' sħubija tagħha sostenn għall-ġestjoni ta' proċessi ta' urbanizzazzjoni sostenibbli;
42. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-OWG biex jinkludi għan indipendenti rigward l-iżvilupp urban sostenibbli;
43. Jissottolinja l-importanza li jkun adottat approċċ territorjali biex jiġu affrontati kwistjonijiet bħall-immaniġġjar tal-iskart u l-faqar urban, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-azzjoni awtonoma taċ-ċittadini, il-governanza inklużiva u parteċipattiva, id-disinn ta' infrastrutturi innovattivi, il-forniment ta' servizzi, il-ġestjoni tal-art, il-kontribut tal-bliet lit-tibdil ambjentali globali, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri naturali u l-impatt tal-bliet stess fuq l-ekosistemi, l-użu tal-enerġija, eċċ.;
44. Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati, anki permezz ta' assistenza finanzjarja u teknika;
XII.Governanza tajba u ġlieda kontra l-korruzzjoni
45. Jenfasizza li biex jiġu garantiti kundizzjonijiet uniformi fit-tassazzjoni tal-kumpaniji lokali u internazzjonali għandha tiġi intensifikata l-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu mvinċija l-flussi finanzjarji illeċiti;
46. Jenfasizza li d-deċentralizzazzjoni tal-poter hija strument effikaċi biex tkun miġġielda l-korruzzjoni, li toriġina mill-kumpaniji multinazzjonali, u biex tgħin fil-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u twieġeb għall-esiġenzi tan-nies permezz tar-riformi ekonomiċi u soċjali;
XIII. Tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi
47. Jenfasizza li jeħtieġ jiġu eżaminati mekkaniżmi ta' finanzjament kreattivi u ekwi;
48. Jisħaq fuq l-importanza kapitali tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali f'livell lokali għas-suċċess tal-aġenda ta' wara l-2015, bħala element essenzjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji u tal-politiki ta' żvilupp f'livell kemm lokali kif ukoll nazzjonali; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-bżonn urġenti li jiġu kkonsolidati l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab fil-qasam tat-tassazzjoni muniċipali u tal-ippjanar tal-baġit; japprezza l-introduzzjoni progressiva ta' osservatorji tal-finanzi lokali li jistħoqqilhom aktar sostenn min-naħa tal-Unjoni Ewropea;
49. Iqis li jirriżulta aktar effikaċi li dak li jkun jopera fuq livell lokali bil-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-popolazzjonijiet, speċjalment fiż-żoni rurali, u waħda mill-isfidi importanti għall-awtoritajiet lokali u nazzjonali tikkonsisti mit-tħeġġiġ tar-reintegrazzjoni progressiva tas-settur informali mingħajr ma tkun skoraġġita l-innovazzjoni;
50. Jistieden lill-Bank Dinji u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jaġġornaw il-politiki ta' salvagwardja ambjentali u soċjali;
51. Ifakkar li l-gvernijiet lokali jinsabu fuq quddiem nett biex isibu tarf in-numru dejjem ogħla ta' kriżijiet, iżda fil-maġġoranza tad-drabi tonqsilhom il-kapaċità, kif ukoll il-mezzi, biex jiżviluppaw risposta effikaċi;
52. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-mobilizzazzjoni ta' għejun innovattivi ta' finanzjament għall-kooperazzjoni deċentralizzata, anki permezz ta' strumenti ta' finanzjament imħallat self-għoti, li għadhom mhumiex adattati għall-ispeċifiċitajiet tal-awtoritajiet lokali;
53. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea ssaħħaħ għalhekk il-baġits tal-finanzjament deċentralizzat indispensabbli għall-iżvilupp lokali;
o o o
54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.