Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2875(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1002/2015

Dibattiti :

PV 08/10/2015 - 4.2
CRE 08/10/2015 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2015 - 9.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0343

Testi adottati
PDF 273kWORD 89k
Il-Ħamis, 8 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fit-Tajlandja
P8_TA(2015)0343RC-B8-1002/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja (2015/2875(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tajlandja, b'mod partikulari dawk tal-20 ta' Mejju 2010(1), tas-6 ta' Frar 2014(2) u tal-21 ta' Mejju 2015(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tat-2 ta' April 2015 dwar l-iżviluppi fit-Tajlandja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mid-Delegazzjoni tal-UE fit-Tajlandja, bi qbil mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE fit-Tajlandja, fl-14 ta' Novembru 2014, fit-30 ta' Ġunju 2015 u fl-24 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tajlandja tat-23 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidrat t-tweġiba tal-15 ta' Mejju 2013 minn dik li kienet Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, f'isem il-Kummissjoni, dwar ir-reazzjoni ta' Andy Hall,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-istampa maħruġa fl-1 ta' April 2015 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tat-Tajlandja li tressaq quddiem il-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, tal-5 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li t-Tajlandja hi parti firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-20 ta' Mejju 2014, il-militar tal-istat waqqa' l-Gvern tat-Tajlandja u impona liġi marzjali madwar in-nazzjon, u bhekk sforza l-isfaxxar tas-Centre for Administration of Peace and Order (Ċentru għall-Aministrazzjoni tal-Paċi u l-Ordni);

B.  billi l-forzi militari ħolqu l-Kunsill Nazzjonali għall-Paċi u l-Ordni (NCPO - National Council for Peace and Order), li l-mexxej tiegħu, il-Ġeneral Prayuth Chan-ocha, se jeżerċita s-setgħat kollha u awtorità illimitata biex jinħarġu ordnijiet u tiġi istitwita riforma kostituzzjonali;

C.  billi l-korpi kostituzzjonali ewlenin imwaqqfa mill-NCPO huma kkontrollati mill-persunal militari, u billi l-membri tal-NCPO igawdu minn immunità sħiħa għal kwalunkwe azzjoni mhux korretta, responsabilità jew affidabilità meta jkunu impjegati abbażi tat-Taqsimiet 44 u 47 tal-kostituzzjoni interim;

D.  billi fid-29 ta' Awwissu 2015 il-Kumitat tal-Kostitwenti kkumpletaw l-abbozz tal-kostituzzjoni l-ġdida, li ġie rrifjutat mill-Kunsill Nazzjonali għar-Riforma fis-6 ta' Settembru 2015; billi l-kumitat ġdid tal-kostitwenti għandu jerġa' jfassal il-kostituzzjoni fi żmien 180 jum, u billi l-aħħar rifjut jista' jtawwal l-iggvernar militari fil-pajjiż;

E.  billi l-websajts ewlenin dwar is-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tajlandja ġew inkarigati mill-NCPO jheddu s-sigurtà nazzjonali skont it-Taqsima 44 tal-kostituzzjoni interim, u billi hemm ċensura severa ta' kanali tat-televixin u l-istazzjonijiet tar-radju komunitarji assoċjati mal-fazzjonijiet politiċi nazzjonali kollha;

F.  billi l-Att dwar Assemblej Pubbliċi adottat reċentement, li daħal fis-seħħ fl-14 ta' Awwissu 2015, jirrestrinġi serjament id-dritt tal-assemblea u jimponi sentenzi iebsa ta' massimu ta' 10 snin ħabs għal delitti bħall-ostakolar tas-servizzi pubbliċi, pereżempju;

G.  billi l-persunal militari ġew maħtura bħala 'uffiċjali għall-paċi u ż-żamma tal-ordni' sabiex iżommu persuni b'mod arbitrarju, iwettqu inkjesti u jeżegwixxu tiftix mingħajr mandat;

H.  billi l-parteċipanti fi protesti paċifiċi ripetutament ġew akkużati b'sedizzjoni u ksur tal-liġi, u billi ġew arrestati 14-il attivista mill-NDM (Neo-Democracy Movement - Moviment Neo-Demokratiku);

I.  billi l-piena tal-mewt għadha qed tiġi applikata fit-Tajlandja, u billi leġiżlazzjoni ġdida wessgħet iċ-ċirkostanzi li fihom din tista' tiġi imposta;

J.  billi kien hemm żieda fl-arresti skont il-liġi ta' lèse-majesté minn meta twettaq il-kolp ta' stat;

K.  billi l-NHRC (National Human Rights Commission - Kunsill Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem) iċċaħħadlu l-aċċess għal individwi torturati jew trattati ħażin miżmuma f'arrest permanenti mingħajr akkuża jew proċess, taħt l-awtorità tal-qrati militari;

L.  billi kien hemm peġġorament fis-sigurtà tal-attivisti lokali komunitarji u tad-drittijiet tal-proprjetà sa mill-kolp;

M.  billi t-Tajlandja mhijiex parti firmatarja għall-Konvenzjoni tar-Refuġjati 1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967, u m'għandhiex qafas nazzjonali formali dwar l-asil; billi l-awtoritajiet Tajlandiżi għadhom qed jirritornaw ir-rifuġjati u lil min ifittex l-asil lejn pajjiżi fejn dawn jistgħu jiffaċċjaw persekuzzjoni;

N.  billi t-Tajlandja hija obbligata taħt it-trattati internazzjonali li hija firmatarja għalihom li tinvestiga u tagħmel prosekuzzjoni adegwata ta' tortura, imwiet fil-ħabsijiet u ksur ieħor serju allegat tad-drittijiet tal-bniedem;

O.  billi l-każ ta' diffamazzjoni kriminali kontra d-difensur tad-drittijiet tal-ħaddiema Andy Hall, ċittadin tal-UE, ġie skartat, iżda billi huwa għadu jiffaċċja akkużi ta' kriminalità tal-kompjuter u każijiet ta' diffamazzjoni u żewġ każijiet ta' diffamazzjoni ċivili, li jistgħu jirriżultaw f'sentenza ta' ħabs ta' seba' snin u miżati ta' bosta miljuni ta' dollari, wara li kkontribwixxa f'rapport ta' Finnwatch li jallega abbużi tax-xogħol minn bejjiegħ bl-ingrossa tal-pineapple Tajlandiż, minkejja l-fatt li ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema mill-kumpanija ġie kkonfermat mill-Ministeru Tajlandiż tax-Xogħol u minn impjegat tal-kumpanija matul seduti preċedenti fil-qrati; billi l-kż tiegħu se jinstema' fid-19 ta' Ottubru 2015;

P.  billi, minkejja t-Tajlandja rratifikat il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Organizzazzjoni tax-Xogħol Nru 29, il-ħaddiema migranti igawdu minn ftit li xejn protezzjoni; billi t-traffikar tal-ħaddiema jikkostitwixxi problema kbira; billi s-sitwazzjoni fis-settur tas-sajd hija partikolarment inkwetanti;

Q.  billi l-UE iffriżat negozjati li kienu qed isiru mat-Tajlandja għal Ftehim Kummerċjali Liberu (FTA) bilaterali, li bdew fl-2013, u billi hija tirrifjuta li tiffirma l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK), finalizzat f'Novembru 2013 sakemm ikun hemm stabbilit gvern demokratiku; billi l-UE hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali tat-Tajlandja;

1.  Jilqa' l-impenn qawwi tal-UE lejn il-poplu Tajlandiż, li miegħu l-UE għandha rabtiet b'saħħithom u dejjiema politiċi, ekonomiċi u kulturali; jenfasizza li l-UE, bħala ħabiba u sieħba tat-Tajlandja, ripetutament talbet biex jiġi stabbilit mill-ġdid il-proċess demokratiku;

2.  Jinsab imħasseb ħafna madankollu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tajlandja wara l-kolp illegali ta' Mejju 2014;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex jissospendu r-restrizzjonijiet ripressivi fuq id-dritt għal-libertà u l-eżerċizzju paċifiku ta' drittijiet tal-bniedem oħra, b'mod partikolari dwak b'rabta mal-involviment paċifiku fl-attivitajiet politiċi;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex jirrevokaw kundanni u sentenzi, jirtiraw akkużi u jilliberaw individwi u operaturi tal-midja li ġew sentenzjati jew akkużati talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom għal libertà tal-espressjoni jew assemblea; jitlob lill-gvern biex jirrevoka immedjatament it-Taqsima 44 tal-kostituzzjoni interim u dispożizzjonijiet relatati li jservu bħala bażi biex l-awtoritajiet Tajlandiżi jirreprimu libertajiet fundamentali u jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'impunità;

5.  Jitlob lill-awtoritajiet Tajlandiżi jgħinu biex jiġi pprevenut theddid għas-sigurtà li jaffettwa lill-popolazzjoni b'mod ġenerali, u jindirizzaw aħjar it-tħassib ta' membri tal-komunità u ta' attivisti tad-drittijiet tal-proprjetà;

6.  Jitlob lill-awtoritajiet Tajlandiżi jibdew mill-iktar fis it-trasferiment politiku tas-setgħat mill-awtoritajiet militari għal dawk ċivili; jieħu nota tal-pjan ċar għal elezzjonijiet liberi u ġusti u jitlob biex l-iskeda taż-żmien tiġi rispettata;

7.  Iġeġġeġ it-trasferiment ta' kull ġurisdizzjoni ġudizzjarja fuq iċ-ċivili mill-qrati militari għal dawk ċivili, u biex jintemm l-arrest arbitrarju taħt il-liġi marzjali, u miżuri li jirrestrinġu minflok isaħħu s-setgħat tal-armata li jarrestaw ċivili;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iqisu mill-ġdid il-liġi tal-lèse-majesté sabiex tiġi pprevenuta penalizzazzjoni tal-eżerċizzju paċifiku tal-espressjoni politika, u jissospendu l-użu estensiv ta' din il-liġi fir-rigward ta' kwistjonijiet mhux konnessi;

9.  Jitlob li d-dritt għas-sigurtà, inkluż dak tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, jiġi rispettat u protett, u li kull ksur tad-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġi investigat malajr, b'mod effettiv u indipendenti;

10.  Jieħu nota tal-ħatra mill-Gvern Tajlandiż tal-Kumitat għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni il-ġdid biex titfassal kostituzzjoni ġdida mill-iktar fis; jitlob li jkun hemm kostituzzjoni ibbażata fuq prinċipji demokratiċi bħall-ugwaljanza, il-libertà, ir-rappreżentanza ġusta, it-trasparenza, ir-responsabilità, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-aċċess pubbliku għar-riżorsi;

11.  Jitlob lill-Gvern Tajlandiż jissokta bl-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali tiegħu fir-rigward tal-indipendenza tas-settur ġudizzjarju, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-assemblea paċifika, u l-pluraliżmu politiku, speċjalment fid-dawl tas-severità dejjem ikbar tal-liġijiet tiegħy kontra d-diffamazzjoni;

12.  Jieħu nota mill-miżuri meħuda mill-Gvern Tajlandiż biex ikun konformi mal-istandards minimi għall-qirda tat-traffikar u biex tintemm l-iskjavitù endemika taż-żminijiet moderni fil-katina tal-provvista tas-settur tiegħu tas-sajd; iħeġġeġ lill-gvern biex jimplimenta dawn il-miżuri bħala kwistjoni ta' urġenza, u biex iżid l-isforzi tiegħu;

13.  Jitlob lit-Tajlandja tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni tar-Refuġjati tal-1951 jew il-Protokoll tagħha tal-1967;

14.  Iħeġġeġ lit-Tajlandja tieħu passi konkreti lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

15.  Jilqa' bis-saħħa l-approvazzjoni tal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tat-Tajlandja, li jagħti sinjali ta' ġejjieni iktar inklużiv għat-trattament, min-naħa tal-pajjiż skont il-liġi, tal-persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru (LGBT);

16.  Jilqa' d-deċiżjoni li jiġi rrifjutat il-każ ta' diffamazzjoni kriminali kontra Andy Hall, u dwar ir-rilaxx sussegwenti tiegħu; jitlob biex il-każijiet ta' kriminalità tal-kompjuter u ta' diffamazzjoni kriminali mibdija kontrih fil-Qorti Kriminali tan-Nofsinhar ta' Bangkok jitwaqqgħu wkoll, billi l-azzjonijiet tiegħu bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem kienu immirati biex jesponu każijiet ta' traffikar tal-bnedmin u biex tittejjeb is-sitwazzjoni legali tal-ħaddiema migranti fit-Tajlandja, li jikkonferma d-dritt tiegħu li jwettaq riċerka u appoġġ mingħajr biża' ta' tpattija; jesprimi t-tħassib tiegħu, fir-rigward tal-każijiet ta' diffamazzjoni ċivili, li l-proċess tiegħu jista' ma jkunx kompletament imparzjali, billi kien hemm rapporti dwar konnessjonijiet ta' sjieda bejn il-kumpanija li qed tħarrek u politiċi Tajlandiżi ta' livell għoli; jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE biex tibqa' ssegwi s-sitwazzjoni legali tiegħu mill-qrib u tattendi l-proċess tiegħu;

17.  Jilqa' l-liberazzjoni fl-1 ta' Settembru 2015 mill-Qorti Provinċjali ta' Phuket tal-ġurnalisti Chutima ‘Oi’ Sidasathian u Alan Morison;

18.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, u lill-UE b'mod partikolari, biex jivestu l-isforzi tagħhom kollha fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-ħidma taħt skjavitù u l-migrazzjoni furzata permezz ta' appoġġ tal-kollaborazzjoni internazzjonali dwar il-monitoraġġ u l-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta ma' kwistjonijiet ta' xogħol;

19.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Gvern Tajlandiż jagħtu bidu għal djalogu kostruttiv dwar kwistjonijiet relatati mal-proċessi ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u demokratizzazzjoni fit-Tajlandja u fir-reġjun; itenni l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' demokratizzazzjoni fit-Tajlandja;

20.  Jappoġġa lill-Kummissjoni u lis-SEAE fiż-żamma ta' pressjoni ekonomika u politika sabiex jiġi żgurat ir-ritorn tat-Tajlandja lejn governanza demokratika; ifakkar lill-Gvern Tajlandiż, b'rabta ma' dan, li ma jista' jsir ebda progress dwar l-FTA u l-FSK bejn l-UE u t-Tajlandja sakemm il-ġunta militari tibqa' fil-poter;

21.  Jilqa' r-rwol ġdid tat-Tajlandja bħala koordinatur tal-pajjiżi għar-relazzjonijiet ASEAN-UE għall-2015-2018; jirrimarka dwar il-benefiċċji reċiproċi li kemm l-ASEA kif ukoll l-UE igawdu minnhom permezz tal-kooperazzjoni ta' bejniethom;

22.  Jitlob lis-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE, kif ukoll lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, biex jagħmlu użu mill-istrumenti kollha disponibbli biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fit-Tajlandja, b'mod partikolari billi jibqgħu josservaw investigazzjonijiet u seduti ta' smigħ fi proċessi ta' mexxejja tal-oppożizzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Tajlandja, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.

(1) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 152.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0107.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0211.

Avviż legali - Politika tal-privatezza