Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-ispostar tal-massa tat-tfal fin-Niġerja bħala riżultat tal-attakki tal-Boko Haram (2015/2876(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja, b’mod partikolari dawk tas-17 ta’ Lulju 2014(1) u t-30 ta’ April 2015(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, inklużi dawk tat-8 ta' Jannar, tad-19 ta' Jannar, tal-31 ta' Marzu, tal-14 u l-15 ta' April, u tat-3 ta’ Lulju 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-28 ta’ Lulju 2015,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-President Muhammadu Buhari lill-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-28 ta’ Settembru 2015, u lis-summit tan-NU għall-ġlieda kontra t-terroriżmu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, adottata fil-31 ta’ Ottubru 2000,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tal-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana (OAU) dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal tal-1990,
– wara li kkunsidra l-Att dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-2003, iffirmat bħala liġi mill-Gvern Federali tan-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, ratifikata min-Niġerja fis-16 ta' Mejju 2003, u l-Protokoll Addizzjonali, ratifikat min-Niġerja fit-22 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju tal-UE ta’ Emerġenza għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-ksur u l-abbużi mwettqa mill-Boko Haram u l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi milquta, tad-29 ta’ Settembru 2015; wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibbiltà li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b’delitti tal-gwerra,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-Niġerja, li għandha l-akbar popolazzjoni u l-ikbar ekonomija fl-Afrika, hija kkaratterizzata minn diversità etnika u diviżjonijiet reġjonali u reliġjużi u maqsuma bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar b’inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali gravi, mill-2009 saret il-kamp tal-battalja tal-grupp terroristiku Iżlamiku Boko Haram leali lejn id-Da’esh; billi l-grupp terroristiku sar theddida dejjem akbar għall-istabbiltà tan-Niġerja u r-reġjun tal-Punent tal-Afrika; billi l-forzi tas-sigurtà Niġerjani sikwit użaw forza eċċessiva u wettqu abbużi waqt l-operazzjonijiet militari ta’ kontra s-sedizzjoni;
B. billi mill-inqas 1 600 ċivil inqatlu mill-Boko Haram f’dawn l-aħħar erba’ xhur, biex b’hekk l-għadd ta’ mwiet ta’ ċivili fl-2015 biss s’issa tela’ għal mill-inqas 3 500;
C. billi minn mindu bdiet is-sedizzjoni tal-Boko Haram, l-azzjonijiet immirati ta’ dan il-grupp kontra t-tfal tal-iskola fiż-żona ħallew lit-tfal mingħajr aċċess għall-edukazzjoni: 10,5 miljun tifel u tifla tal-età tal-iskola primarja fin-Niġerja ma jmorrux l-iskola; skont il-UNESCO, din hi l-ogħla ċifra ta’ tfal barra mill-iskola fid-dinja; bħall-Al Shabaab fis-Somalja, AQIM, MUJAO u Ansar Dine fit-Tramuntana tal-Mali u t-Taliban fl-Afganistan u l-Pakistan, il-Boko Haram jattakka lit-tfal u n-nisa li qegħdin jedukaw ruħhom;
D. billi minkejja avvanzi mill-forzi armati Niġerjani u reġjonali, l-attakki u l-attakki bil-bombi suwiċida, li qegħdin jiżdiedu u li jestendu lil hinn mill-fruntiera tal-pajjiż f'pajjiżi ġirien, qegħdin jheddu l-istabbiltà u l-għajxien ta' miljuni ta' nies fir-reġjun kollu; billi t-tfal jinsabu f’periklu kritiku minħabba s-sitwazzjoni umanitarja li qiegħda teħżien, b’insigurtà tal-ikel li qiegħda tiggrava u aċċess fqir għall-edukazzjoni, ilma tajjeb għax-xorb u servizzi tas-saħħa;
E. billi skont in-NU, il-vjolenza fl-istati ta’ Borno, Yobe u Adamawa dan l-aħħar wasslet biex l-għadd ta’ persuni spostati internament żdied drammatikament għal 2,1 miljuni, li 58 % minnhom huma tfal, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni; billi aktar minn 3 miljun ruħ intlaqtu mis-sedizzjoni, u 5,5 miljuni għandhom bżonn ta’ assistenza umanitarja fil-Baċin tal-Lag taċ-Chad;
F. billi n-Niġerja rnexxielha torganizza elezzjonijiet presidenzjali u governattivi li fil-parti l-kbira kienu paċifiċi, minkejja li l-Boko Haram hedded li se jostakola l-votazzjoni; billi n-Niġerja u l-pajjiżi ġirien tagħha ħolqu Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) fil-11 ta' Ġunju 2015 f’Abuja, fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħuda f'Niamey f’Jannar 2015 dwar il-ġlieda kontra Boko Haram;
G. billi mill-2009 ’l hawn il-Boko Haram ħataf aktar minn 2 000 mara u tifla fin-Niġerja, fosthom 276 tifla tal-iskola minn Chibok fil-Grigal tal-pajjiż fl-14 ta’ April 2014, att li kexkex lid-dinja kollha u wassal għal kampanja internazzjonali ("Bring Back Our Girls") biex jiġu salvati; billi aktar minn sena u nofs wara, ’il fuq minn 200 minnhom għadhom ma nstabux;
H. billi minn dakinhar ’l hawn ħafna aktar tfal ġew irrappurtati nieqsa, jew inkella nħatfu jew ġew reklutati biex iservu bħala ġellieda jew ħaddiema domestiċi, waqt li l-bniet ikunu soġġetti għall-istupru u ż-żwieġ furzat jew imġiegħla jsiru Musulmani; billi minn April tal-2015, xi 300 tifla oħra li ġew salvati mill-forzi tas-sigurtà Niġerjani minn fortizzi tat-terroristi u madwar 60 oħra li rnexxielhom jaħarbu lil min kien qiegħed iżommhom iddeskrivew il-ħajja tagħhom lill-organizzazzjoni Human Rights Watch bħala esperjenza ta’ vjolenza u terrur ta’ kuljum, apparti l-abbużi fiżiċi u psikoloġiċi; billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitt Armat, il-kunflitt armat fil-Grigal tan-Niġerja tul is-sena li għaddiet kien wieħed mill-aktar qattiela fid-dinja fir-rigward tat-tfal, b’każijiet ta’ qtil, għadd jiżdied ta’ każijiet ta’ reklutaġġ u użu tat-tfal, u ħafna każijiet ta’ ħtif u vjolenza sesswali kontra l-bniet; billi l-UNICEF tgħid li aktar minn 23 000 tifel u tifla kellhom iħallu lill-ġenituri tagħhom u djarhom minħabba l-vjolenza, u jaħarbu biex isalvaw ħajjithom, jew lejn partijiet oħra tan-Niġerja stess jew inkella lejn il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer;
I. billi l-parti l-kbira tat-tfal li jgħixu fil-kampijiet għal persuni spostati internament u f’kampijiet tar-rifuġjati tilfu lil ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma (maqtula jew mitlufa), kif ukoll lil ħuthom jew qraba oħra; billi minkejja li għadd ta’ organizzazzjonijiet umanitarji nazzjonali u internazzjonali qegħdin joperaw fil-kampijiet, l-aċċess għad-drittijiet bażiċi għal ħafna minn dawn it-tfal – bħan-nutrizzjoni, il-kenn (iffollat iżżejjed u kundizzjonijiet sanitarji ħżiena), is-saħħa u l-edukazzjoni – għadu verament fqir;
J. billi fis-subreġjun (in-Niġerja, il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer), hemm mill-inqas 208 000 tifel u tifla mingħajr aċċess għall-edukazzjoni, waqt li 83 000 m’għandhomx aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, u 23 000 tifel u tifla fil-Grigal tan-Niġerja spiċċaw mifruda minn qrabathom;
K. billi żdiedu l-attakki mill-Boko Haram fin-Niġerja, kif ukoll fil-pajjiżi ġirien tal-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer; billi l-Boko Haram għadu qiegħed jaħtaf it-tfal u n-nisa biex iġorru tagħmir splussiv, u jużawhom, mingħajr ma jgħarrfuhom, biex iwettqu attakki suwiċida bil-bombi; billi xi wħud minn dawk li fittxew rifuġju man-naħa Chadjana tal-Lag taċ-Chad kienu għal darb’ oħra fil-mira tal-istess terroristi fiċ-Ċad;
L. billi f’Ġunju 2015 l-UE pprovdiet EUR 21 miljun f’għajnuna umanitarja għall-persuni spostati fin-Niġerja u f’pajjiżi ġirien milquta mill-vjolenza ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi;
M. billi l-UNICEF, flimkien mal-gvernijiet u s-sħab fin-Niġerja, il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer, qiegħda żżid l-operazzjonijiet tagħha biex tassisti eluf ta' tfal u l-familji tagħhom fir-reġjun billi tipprovdi aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, edukazzjoni, servizzi ta' konsulenza’ u appoġġ psikoloġiku kif ukoll tilqim u trattament għall-malnutrizzjoni akuta gravi; billi l-UNICEF din is-sena irċeviet 32 % biss tal-USD 50,3 miljun meħtieġa għar-rispons umanitarju tagħha fir-reġjun tal-Lag Chad;
N. billi numru ta' nisa u tfal maħtufa li ħarbu jew ġew salvati jew meħlusa rritornaw id-dar tqal jew fi bżonn urġenti ta' kura tas-saħħa riproduttiva u materna, u oħrajn għandhom nuqqas ta' aċċess għal skrinjar tas-saħħa ta' wara l-istupru, kura post-trawmatika, appoġġ soċjali u konsulenza relatat mal-istupru, skont il-Human Rights Watch; billi l-Kummissjoni ddikjarat li meta t-tqala tikkawża tbatija insopportabbli lin-nisa huma għandhom ikollhom aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva bbażati fuq il-kundizzjoni medika tagħhom, u b'hekk affermat li d-dritt internazzjonali umanitarju għandu jipprevali fi kwalunkwe każ;
1. Jikkundanna bil-qawwa d-delitti ta' Boko Haram, inklużi attakki terroristiċi u attakki bil-bombi suwiċida fiċ-Chad, fil-Kamerun u fin-Niġer; jappoġġa lill-vittmi u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji kollha li tilfu l-għeżież tagħhom; jiddenunzja l-vjolenza bla waqfien li għaddejja fl-istati Niġerjani ta’ Borno, Yobe u Adamawa u fi bliet oħra fil-pajjiż;
2. Jikkundanna l-atti li wasslu għall-ispostament tal-massa ta' tfal innoċenti u jappella għal azzjoni internazzjonali koordinata immedjata biex tassisti l-ħidma tal-aġenziji tan-NU u tal-NGOs biex tipprevjeni li tfal u żgħażagħ spostati jkunu soġġetti għal skjavitù sesswali, forom oħra ta' vjolenza sesswali u ħtif u milli jkunu sfurzati f'kunflitt armat kontra miri ċivili, governattivi u militari fin-Niġerja mis-setta terroristika Boko Haram; jenfasizza l-ħtieġa fundamentali li jiġu protetti kif xieraq id-drittijiet tat-tfal fin-Niġerja, pajjiż li 40 % tat-total tal-popolazzjoni hija ta' taħt l-14-il sena;
3. Jemmen li fil-każijiet ta' tfal li preċedentement kienu assoċjati mal-Boko Haram jew gruppi armati oħra, għandhom jitqiesu miżuri mhux ġudizzjarji bħala alternattivi għall-prosekuzzjoni u d-detenzjoni;
4. Jilqa' t-tħabbira reċenti mill-Kummissjoni ta’ fondi addizzjoni sabiex jagħtu spinta lill-għajnuna umanitarja urġenti lir-reġjun; jesprimi, madankollu, tħassib serju dwar id-disparità bejn l-impenji u l-pagamenti mill-komunità internazzjoni b'mod ġenerali għall-operazzjonijiet tal-UNICEF fir-reġjun; jistieden lid-donaturi jonoraw l-impenji tagħhom mingħajr dewmien sabiex jindirizzaw il-bżonn kroniku għall-aċċess għall-fornimenti bażiċi bħall-ilma għax-xorb, il-kura tas-saħħa bażika u l-edukazzjoni;
5. Jistieden lill-President tan-Niġerja u lill-Gvern Federali tiegħu, li ġie maħtur reċentement, jadottaw miżuri sodi sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili, jpoġġu enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal, u jpoġġu d-drittijiet tan-nisa u t-tfal bħala prijorità fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, jipprovdu għajnuna lill-vittmi u jipproċedu kontra dawk li jiksrul-liġi, u jiżguraw il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
6. Jistieden lill-Gvern Niġerjan iniedi, kif imwiegħed mill-President Buhari, investigazzjoni urġenti, indipendenti u b’reqqa tad-delitti skont id-dritt internazzjonali u ta' ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem mill-parijiet kollha fil-kunflitt;
7. Jilqa' l-bidla fit-tmexxija tal-militar u jitlob li l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tad-delitti mwettqa kemm mit-terroristi u mill-forzi tas-sigurtà Niġerjani jkunu investigati sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' responsabbiltà osservata taħt il-presidenza preċedenti; jilqa' l-wegħda tal-President Buhari li jinvestiga evidenza li l-forzi militari Niġerjani wettqu ksur sejru tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra u atti li jistgħu jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità;
8. Iħeġġeġ lill-President tar-Repubblika Federali jindirizza l-isfidi involuti biex jirrispetta l-wegħdiet tal-kampanja kollha u d-dikjarazzjonijiet reċenti, l-aktar importanti fosthom hija dik li jegħleb it-theddida terroristika, li jagħmel ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju pilastru ċentrali tal-operazzjonijiet militari, li jġib lura l-bniet ta’ Chibok u n-nisa u t-tfal l-oħra kollha maħtufa ħajjin u mhux imweġġgħin, jindirizza l-problema li dejjem qiegħda tiżdied ta' malnutrizzjoni, u jiġġieled il-korruzzjoni u l-impunità sabiex jiskoraġġixxi abbużi fil-ġejjieni u jaħdem għall-ġustizzja għal kull vittma;
9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani u lill-komunità internazzjonali taħdem flimkien mill-qrib u żżid l-isforsi sabiex treġġa' lura x-xejra kontinwa lejn aktar spostament ta' persuni; jilqa' d-determinazzjoni espressa fis-Summit Reġjonali ta' Niamey fl-20 u l-21 ta' Jannar 2015 mit-13-il pajjiż parteċipanti, b'mod partikolari l-impenn taċ-Ċad, flimkien mal-Kamerun u n-Niġer, fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku tal-Boko Haram; jistieden lit-Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) tosserva d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali bir-reqqa fl-operazzjonijiet tagħha kontra l-Boko Haram; itenni li approċċ militari waħdu mhuwiex biżżejjed biex jiġġieled s-sedizzjoni mill-Boko Haram;
10. Ifakkar li l-oriġini tal-Boko Haram għandhom l-għeruq tagħhom f'ilmenti dwar governanza fqira, korruzzjoni estensiva u inugwaljanza qawwija fis-soċjetà Niġerjana; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani jeliminaw il-korruzzjoni, il-ġestjoni ħażina u l-ineffiċjenzi fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fl-armata, u jippromwovu tassazzjoni ġusta; jappella għall-adozzjoni ta' miżuri li jaqtgħu s-sorsi tal-introjtu illegali tal-Boko Haram, permezz ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fir-rigward tal-kuntrabandu u t-traffikar;
11. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tgħin lin-Niġerja u l-pajjiżi ġirien li jospitaw ir-refuġjati (il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer) biex jipprovdu l-assistenza kollha medika u psikoloġika meħtieġa lil dawk fil-bżonn; jappella lill-awtoritajiet fis-subreġjun jiżguraw li jiffaċilitaw l-aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva lin-nisa u lill-bniet li ġew stuprati, skont l-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; jenfasizza l-bżonn li jiġi implimentat standard universali għat-trattament ta' vittmi ta' stupru waqt gwerra u żgurata is-supremazija tad-dritt umanitarju f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat; jesprimi s-simpatija kollha tiegħu man-nisa u t-tfal li ssopravivew it-terroriżmu għami mwettaq mill-Boko Haram; jappella għall-istabbiliment ta' programmi edukattivi speċjalizzati mmirati għan-nisa u tfal li huma vittmi ta' gwerra u għas-soċjetà b'mod globali, sabiex jgħinuhom jegħlbu t-terrur li esperjenzaw, jagħtuhom informazzjoni xierqa u komprensiva, li jiġġieldu kontra l-istigmi u l-esklużjoni soċjali u li jgħinhuom isiru membri denji tas-soċjetà;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-assistenza għat-tfal u żgħażagħ spostati fin-Niġerja, il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer, b'attenzjoni partikolari għall-protezzjoni minn kull forma ta' vjolenza ħarxa u relatata mal-ġeneru u dwar l-aċċess għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għall-ilma tajjeb għax-xorb fi ħdan il-qafas tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u persuni spostati fl-Afrika;
13. Jistieden lill-Gvern Niġerjan jieħu l-miżuri biex jiffaċilita r-ritorn ta' persuni spostani, speċjalment tfal, jiġġarantixxi s-sigurtà tagħhom, u jassisti lill-NGOs fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet fil-kampijiet għall-persuni spostati mill-kunflitt, fost oħrajn, billi jipprovdi iġene u sanità biex jipprevjeni l-possibbiltà ta' tixrid ta' mard;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri,l lil-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, u lir-rappreżentanti tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u l-Unjoni Afrikana.