Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Riżorsi proprji, Fondi fiduċjarji tal-Unjoni għall-Azzjoni Esterna, Uffiċċju tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (11695/2015 – C8-0278/2015 – 2015/2150(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1) u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014(2),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015(3),
– wara li kkunsidra l-baġits emendatorji Nru 2/2015, Nru 3/2015, Nru 4/2015 u Nru 5/2015, kif adottati b'mod definittiv fis-7 ta' Lulju 2015(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(6),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(7),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(8),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2015, adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta' Lulju 2015 (COM(2015)0351),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2014 adottata mill-Kunsill fit-18 ta' Settembru 2015 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-istess ġurnata (11695/2015 – C8-0278/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0280/2015),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2015 jirrigwarda reviżjoni tal-previżjoni tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali, il-bażijiet tal-VAT u tal-ING, l-ibbaġittjar tal-korrezzjonijiet relevanti tar-Renju Unit kif ukoll il-finanzjament tagħhom, li se tirriżulta f'bidla fid-distribuzzjoni bejn l-Istati Membri tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-Unjoni;
B. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2015 ikopri wkoll il-ħolqien ta' żewġ partiti tal-baġit ġodda għan-nefqa ta' appoġġ għall-fondi fiduċjarji ġestiti mill-Kummissjoni, fl-oqsma ta' politika "Żvilupp u Kooperazzjoni" u "Tkabbir", it-tnejn b'annotazzjoni pro memoria (p.m.);
C. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2015 jipprevedi wkoll modifika għall-pjan ta' stabbiliment tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi mingħajr ebda tibdil fl-għadd totali ta' karigi jew għall-baġit tiegħu;
1. Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2015, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;
2. Jinnota li, meta mqabbla mal-baġit inizjali tal-2015, il-kontribuzzjonijiet nazzjonali lill-baġit abbażi tal-ING jistgħu jitnaqqsu bi EUR 2,26 biljun minħabba dħul ogħla minn dak mistenni mir-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (jiġifieri dazji doganali u imposti fuq is-settur taz-zokkor) ta' EUR 1 133,5 miljun u l-ibbaġitjar tal-bilanċ eċċessiv tal-2014 permezz tal-baġit emendatorju Nru 3/2015;
3. Iqis li dan l-aġġustament tekniku fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni għandu bażi soda fl-aħħar żviluppi statistiċi u jikkonforma mad-distribuzzjoni miftiehma bejn l-Istati Membri;
4. Jinnota li l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2015, fl-elementi kollha tiegħu, ma għandu l-ebda impatt fuq in-naħa tal-infiq tal-baġit tal-2015 u li l-impatt tiegħu fuq in-naħa tad-dħul huwa bidla fid-distribuzzjoni bejn l-Istati Membri tal-kontribuzzjonijiet tagħhom biss;
5. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 6/2015;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 6/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.