Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: miżuri baġitarji immedjati skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (12511/2015 – C8-0297/2015 – 2015/2252(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, kif adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014(2),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015(3),
– wara li kkunsidra l-baġits emendatorji Nru 2/2015, Nru 3/2015, Nru 4/2015 u Nru 5/2015, kif adottati b'mod definittiv fis-7 ta' Lulju 2015(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(6),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(7),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(8),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015, adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Settembru 2015 (COM(2015)0485),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Ottubru 2015 u mibgħuta lill-Parlament fl-istess jum (12511/2015 - C8-0297/2015),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: miżuri operazzjonali, baġitarji u legali immedjati skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0490),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0289/2015),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 għandu l-għan li jsaħħaħ ir-riżorsi tal-Unjoni biex jifilħu għall-kriżi attwali tar-refuġjati u tal-migranti, u b'hekk jindirizzaw in-nuqqas ta' fondi taħt l-intestaturi 3 u 4;
B. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 jipprovdi tisħiħ tal-assistenza ta' emerġenza prevista taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna għal ammont totali ta' EUR 100 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, filwaqt li jinżammu r-riżorsi neċessarji u programmi oħra ffinanzjati mill-AMIF;
C. billi, barra minn hekk, l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 jipprevedi żieda totali ta' 120 fin-numru ta' pożizzjonijiet fi ħdan il-Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil u l-Europol (EASO), kif ukoll fl-approprjazzjonijiet relatati għas-salarji sal-aħħar tas-sena ta' EUR 1,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament;
D. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 jipprevedi wkoll finanzjament addizzjonali għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat għal ammont totali ta' EUR 300 miljun;
E. billi, barra minn hekk, l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Għajnuna Umanitarja għal ammont ta' EUR 55,7 miljun permezz ta' riallokazzjoni;
F. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 hu akkumpanjat minn proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal miżuri baġitarji immedjati taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0486) għal ammont ta' EUR 66,1 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn;
G. billi ż-żieda fin-numru ta' refuġjati u migranti ma kinitx prevedibbli meta kien qed jiġi adottat il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali għall-perjodu 2014-2020, u ma jistax jitqies bħala fenomenu temporanju u b'hekk jeħtieġ soluzzjonijiet aktar fit-tul li jridu jiġu indirizzati fil-proċeduri baġitarji annwali li jmiss u r-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali;
1. Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;
2. Jilqa' r-rispons rapidu mill-Kummissjoni fit-trattament tal-kriżi attwali tar-refuġjati; itenni r-rieda tal-Parlament Ewropew li jaġixxi fil-ħin b'konformità mar-responsabbiltajiet baġitarji tiegħu; jirrimarka li l-miżuri proposti għandhom ikunu marbutin ma' inizjattivi maħsuba biex jindirizzaw il-kawżi primarji li wasslu għall-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati;
3. Huwa konvint li l-Unjoni jeħtiġilha tagħmel aktar biex tindirizza l-kriżi attwali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati u biex tgħin fl-istabbilizzar tal-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu, billi l-miżuri proposti żgur mhux se jkunu biżżejjed, meta wieħed iqis l-għadd kumplessiv ta' persuni li qed ifittxu protezzjoni fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan finanzjarju fit-tul ħalli tirrispondi għall-kriżi attwali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, inklużi operazzjonijiet ta' tiftix u ta' salvataġġ, u tipproponi reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif meħtieġ;
4. Jilqa' r-rieda tal-istituzzjonijiet kollha biex iżidu l-approprjazzjonijiet tal-baġit marbuta mal-migrazzjoni u l-asil, minħabba l-bżonn ċar u urġenti, kif ukoll biex jirrikorru għall-istrumenti ta' politika barranija biex jindirizzaw il-kawżi primarji li wasslu għall-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati;
5. Jilqa' l-impenn meħud mill-Istati Membri waqt il-Kunsill Ewropew informali tat-23 ta' Settembru 2015 biex jimmobilizzaw EUR 1 biljun b'rispons għas-sitwazzjoni umanitarja tal-migranti u tar-refuġjati; jistieden lill-Istati Membri jestendu u jżidu l-impenn tagħhom biex jipprovdu l-fondi meħtieġa wkoll fis-snin li ġejjin;
6. Ifakkar li din il-kwistjoni għandha bżonn tiġi indirizzata primarjament fil-baġit 2016 u jistieden lill-Kunsill isegwi l-kliem bil-fatti permezz ta' fondi korrispondenti fil-Konċiljazzjoni;
7. Iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kunsill biex jaqbel mill-bidu nett fuq baġit adegwat għall-2016, inkluż għall-intestaturi 3 u 4, li se jipprovdu approprjazzjonijiet suffiċjenti għall-ġestjoni tal-kriżi attwali tar-refuġjati u l-migrazzjoni;
8. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fil-ftehim reċenti għal pjan ta' pagamenti maħsub biex il-baġit tal-Unjoni jerġa' jsir wieħed sostenibbli; jinnota li l-Kummissjoni ma pproponietx approprjazzjonijiet ta' pagament kumplessivi addizzjonali fil-baġit 2015 iżda marret lura għar-riallokazzjoni ta' riżorsi eżistenti; jenfasizza li dan jista' jżid il-piż fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2016 li jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet attwali ta' programmi finanzjarji bejn l-intestaturi;
9. Jistenna, għalhekk, li, fl-Ittra Emendatorja 2/2016 tagħha, il-Kummissjoni tipproponi żieda adegwata fl-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu għall-impenji meħuda;
10. Jenfasizza li jekk ikun hemm bżonn rinforzi addizzjonali matul is-sena kurrenti sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, il-Parlament se jkun lest jaċċetta aktar mobilizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà previsti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali;
11. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda proposta ta' 120 pożizzjoni fil-pjanijiet ta' stabbiliment tal-aġenziji u jistenna li din id-deċiżjoni se jkollha impatt ukoll fuq il-baġit 2016 kif ukoll fuq il-baġits għas-snin li ġejjin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aġġornata u konsolidata dwar il-ħtiġijiet tal-aġenziji qabel il-Konċiljazzjoni baġitarja; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija fuq perjodu medju u twil għall-azzjonijiet tal-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni: l-għanijiet, il-missjonijiet, il-koordinazzjoni, l-iżvilupp taż-żoni sensittivi u r-riżorsi finanzjarji.
12. Jemmen li l-EASO għandu jiġi allokat aktar persunal milli qed tipproponi l-Kummissjoni bħalissa, peress li ngħata l-inkarigu li jassumi rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, pereżempju billi jassisti fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil u fl-isforzi ta' rilokazzjoni;
13. Jafferma r-rieda tiegħu li jadotta l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 kif ippreżentat mill-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni; jirrimarka li minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, il-Parlament kellu ħin limitat fil-formazzjoni tal-pożizzjoni tiegħu dwar dan il-baġit emendatorju;
14. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 7/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.