Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács (2014/2044(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla KOVÁCS b'rabta ma' investigazzjoni li għandha titwettaq mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Prosekuzzjoni Għolja tal-Ungerija, mibgħuta fit-12 ta' Mejju 2014 minn Dr Péter Polt, il-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-3 ta' Lulju 2014; wara li kkunsidra l-ispjegazzjonijiet ulterjuri mogħtijin minn Dr Polt fl-ittri tiegħu tas-16 ta' Ottubru 2014 u tat-23 ta' Marzu 2015, kif ukoll l-iskambju ta' fehmiet ma' Dr Polt fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-14 ta' Lulju 2015,
– wara li sema' lil Béla Kovács skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, it-Taqsimiet 10(2) u 12(1) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew, u t-Taqsima 74(1) u (3) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali tal-Ungerija,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0291/2015),
A. billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija talab it-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Béla Kovács, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet, abbażi ta' suspetti raġonevoli, ħalli jiġi stabbilit jekk għandux jitqiegħed taħt akkuża kwantu għar-reat ta' spjunaġġ fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea skont it-termini tat-Taqsima 261/A tal-Att C tal-2012 tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż; billi, skont dik it-Taqsima, kull persuna li twettaq attivitajiet ta' intelligence għal pajjiż li ma jkunx membru tal-Unjoni Ewropea kontra l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea jew il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jkun punibbli skont it-termini tat-Taqsima 261; billi, skont il-paragrafu (1) tat-Taqsima 261, kwalunkwe persuna li twettaq attivitajiet ta' intelligence għal forza barranija jew organizzazzjoni barranija kontra l-Ungerija tkun ħatja ta' reat punibbli bi priġunerija ta' bejn sentejn u tmien snin;
B. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' dak l-Istat Membru;
C. billi, skont l- Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Membri tal-Parlament nazzjonali huma intitolati għall-immunità; billi, skont it-Taqsima 10(2) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew, il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati għal immunità li tkun daqs l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ungeriż; billi, skont it-Taqsima 74(1) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, proċediment kriminali jista' jiġi istitwit jew imwettaq u miżura ta' koerċizzjoni skont proċedura kriminali tista' tiġi applikata kontra Membru biss bil-kunsens minn qabel tal-Assemblea Nazzjonali; billi skont it-Taqsima 74(3) tal-istess Att, it-talba għat-tneħħija tal-immunità għandu jagħmilha l-Prosekutur-Ġenerali bil-għan li titnieda l-investigazzjoni;
D. billi fil-kawża Bf.I.2782/2002, il-Qorti Suprema tal-Ungerija ddikjarat li l-immunità parlamentari hija limitata għall-proċedimenti kriminali u ma testendix għal miżuri mhux regolati mill-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali li għandhom l-għan tal-prevenzjoni, il-kxif jew id-dimostrazzjoni ta' reat;
E. billi, skont it-Taqsima 261/A tal-Att C tal-2012 dwar il-Kodiċi Kriminali Ungeriż, ir-reat li l-investigazzjonijiet dwaru jistgħu jitwettqu fil-konfront ta' Béla Kovács huwa punibbli mill-1 ta' Jannar 2014 'il quddiem;
F. billi, għaldaqstant, l-investigazzjoni u kwalunkwe akkuża sussegwenti li għalihom qed tintalab it-tneħħija tal-immunità huma limitati għal ġrajjiet li jkunu seħħew wara l-1 ta' Jannar 2014;
G. billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema tal-Ungerija, il-ġbir ta' provi skont l-Att CXXV tal-1995 dwar is-Servizzi tas-Sigurtà Nazzjonali qabel dik id-data kien legali u ma kienx jirrikjedi tneħħija tal-immunità;
H. billi l-investigazzjoni kriminali se ssir mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Prosekuzzjoni Għolja tal-Investigazzjonijiet; billi skont l-Artikolu 29(1) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Prosekutur Ġenerali u s-Servizz tal-Prosekuzzjoni huma indipendenti, iwettqu l-kompiti kostituzzjonali tagħhom b'mod indipendenti minn organizzazzjonijiet esterni, u jipproċedu f'konformità mal-preżunzjoni ta' innoċenza;
I. billi t-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura;
J. billi, fil-każ preżenti, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li t-talba għat-tneħħija tal-immunità ġiet imressqa fil-kuntest ta' proċedimenti mibdijin bl-intenzjoni li jikkawżaw ħsara politika lill-Membru kkonċernat;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Béla Kovács;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Béla Kovács.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.)