Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għall-ħatra tad-Direttur Amministrattiv tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (C8-0304/2015 – 2015/0901(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord ta' Tmexxija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) tat-2 ta' Ottubru 2015 għall-ħatra tad-Direttur Amministrattiv tiegħu (C8-0304/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(1),
– wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0292/2015),
A. billi l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) Nru 2015/1017 jipprevedi li d-Direttur Amministrattiv u l-Viċi Direttur Amministrattiv tal-FEIS għandhom jinħatru mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew insegwitu ta' proċess ta' selezzjoni miftuħ u trasparenti f'konformità mal-proċeduri tal-BEI, li matulu l-Parlament Ewropew għandu jinżamm infurmat debitament u f'ħin opportun fl-istadji kollha;
B. billi, fit-2 ta' Ottubru 2015, il-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS adotta proposta għall-ħatra tad-Direttur Amministrattiv u l-Viċi Direttur Amministrattiv tal-FEIS u għadda din il-proposta lill-Parlament Ewropew;
C. billi, fit-13 ta' Ottubru 2015, il-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji organizzaw seduta ta' smigħ ma' Wilhelm Molterer, il-kandidat propost għall-kariga ta' Direttur Amministrattiv tal-FEIS, u waqt is-seduta dan għamel dikjarazzjoni tal-ftuħ u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet tal-Membri tal-Kumitati;
1. Japprova l-ħatra ta' Wilhelm Molterer għall-pożizzjoni ta' Direttur Amministrattiv tal-FEIS;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.