Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar id-Direttiva 76/621/KEE tal-Kunsill dwar l-iffissar tal-livell massimu ta’ aċidu erukiku fiż-żjut u x-xaħmijiet u r-Regolament (KE) Nru 320/2006 tal-Kunsill li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor (COM(2015)0174 – C8-0101/2015 – 2015/0090(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2015)0174),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 42, l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0101/2015),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-1 ta' Lulju 2015(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tas-7 ta' Settembru 2015 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0255/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Ottubru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) .../2015 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/621/KEE dwar l-iffissar tal-livell massimu ta’ aċidu erukiku fiż-żjut u x-xaħmijiet u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor