Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (COM(2015)0129 – C8-0086/2015 – 2015/0065(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0129),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8‑0086/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 50(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0299/2015),
1. Japprova l-proposta mill-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 1 Proposta għal direttiva Premessa 5
(5) B’mod ġenerali, id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, u hija tistipula li, f’każijiet fejn il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom jidħol f’xulxin, hija għandha tieħu prevalenza. Għad hemm każijiet residwi li fihom kieku tapplika biss id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE. Dawn il-każijiet residwi ġejjin minn differenzi żgħar fl-approċċ li jieħdu ż-żewġ Direttivi u minn eżenzjonijiet speċifiċi differenti. F’dawk il-każijiet limitati li fihom il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw, u dan iwassal għal żewġ standards tar-rappurtar fl-Unjoni. Il-benefiċċji ż-żgħar li jkun hemm jekk wieħed iżomm it-tali rappurtar doppju jingħelbu mill-ispejjeż li dan iġib miegħu.
(5) B’mod ġenerali, id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, u hija tistipula li, f’każijiet fejn il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom jidħol f’xulxin, hija għandha tieħu prevalenza. Għad hemm każijiet residwi li fihom kieku tapplika biss id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE. Dawn il-każijiet residwi ġejjin minn differenzi żgħar fl-approċċ li jieħdu ż-żewġ Direttivi u minn eżenzjonijiet speċifiċi differenti. F’dawk il-każijiet limitati li fihom il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw, u dan iwassal għal żewġ standards tar-rappurtar fl-Unjoni. Għalkemm ma saret l-ebda analiżi speċifika tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji ta' sistema ta' rappurtar doppju, lanqas għal perjodu ta' tranżizzjoni temporanju bejn iż-żewġ standards, huwa raġonevoli li wieħed jassumi lil-benefiċċji ż-żgħar li jkun hemm jekk wieħed iżomm it-tali rappurtar doppju jingħelbu mill-ispejjeż li dan iġib miegħu.
Emenda 2 Proposta għal direttiva Premessa 11a (ġdida)
(11a) Dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk fid-Direttiva 2003/48/KE huma attwalment applikati permezz ta' ftehimiet bilaterali separati bejn l-Unjoni u ħames pajjiżi Ewropej li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni (il-Konfederazzjoni Żvizzera, il-Prinċipat ta' Liechtenstein, ir-Repubblika ta' San Marino, il-Prinċipat ta' Monaco u l-Prinċipat ta' Andorra) kif ukoll bejn kull wieħed mill-Istati Membri u 12-il territorju dipendenti jew assoċjat (iċ-Channel Islands, l-Isle of Man u t-territorji dipendenti jew assoċjati fil-Karibew). Huwa importanti li dawn il-ftehimiet bilaterali kollha jkunu adattati għall-Istandard Globali tal-OECD l-ġdid u għad-Direttiva 2014/107/UE. Huwa wkoll kruċjali li ma jinħolqu l-ebda lakuna jew nuqqas ieħor fil-proċess ta' ċaqliq mill-istandard eżistenti għal dak ġdid. Filwaqt li jkollha mandat ċar għan-negozjar tal-bidliet għall-ftehimiet ma' dawk il-ħames pajjiżi Ewropej li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, fil-qafas tal-kompetenza tagħha, tieħu wkoll rwol attiv fl-iffaċilitar u l-promozzjoni tar-reviżjoni tal-ftehimiet tal-Istati Membri mat-12-il territorju dipendenti jew assoċjati. Sabiex jiġu ffaċilitati l-ħeffa u l-effiċjenza, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, u bla ħsara għall-kunsens espliċitu tal-Istat Membru, tieħu inkarigu ta' dawn in-negozjati.
3a. Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta' Lulju 2016, tissottometti rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tranżizzjoni ta' ċaqliq mill-istandard ta' rappurtar applikat skont id-Direttiva 2003/48/KE għall-istandard ġdid ta' rappurtar stabbilit bid-Direttiva 2014/107/UE. Ir-rapport għandu jinkludi, iżda ma jkunx limitat għal, kwalunkwe riskju ta' ħolqien ta' lakuni jew ineżattezzi oħra fir-rappurtar li setgħu wittew it-triq għal frodi u evażjoni tat-taxxa transfruntieri. Ir-rapport għandu wkoll ikopri l-proċess relatat tar-reviżjoni tal-ftehimiet bilaterali separati bejn l-Unjoni u ħames pajjiżi Ewropej li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni (il-Konfederazzjoni Żvizzera, il-Prinċipat ta' Liechtenstein, ir-Repubblika ta' San Marino, il-Prinċipat ta' Monaco u l-Prinċipat ta' Andorra) kif ukoll bejn kull wieħed mill-Istati Membri u 12-il territorju dipendenti jew assoċjat (iċ-Channel Islands, l-Isle of Man u t-territorji dipendenti jew assoċjati fil-Karibew).Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta' Ottubru 2017, tissottometti rapport ta' segwitu bl-għan li tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni. Ir-rapporti għandhom jiġu akkumpanjati minn proposti leġiżlattivi, jekk dan ikun xieraq.