1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2125(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Istitut(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8-0054/2015),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015(3) li tipposponi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2013, kif ukoll it-tweġibiet tad-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0282/2015),
1. Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2013 ;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, tad-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2125(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Istitut(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8-0054/2015),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015(3) li tipposponi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2013, kif ukoll it-tweġibiet tad-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0282/2015),
1. Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013 / Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni tad-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
3.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013 (2014/2125(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0282/2015),
Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet
1. Ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija ("l-Istitut") għas-sena finanzjarja 2013, għat-tieni sena konsekuttiva, ma sabet l-ebda assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet marbuta mal-għotjiet; jinnota li fl-opinjoni tal-Qorti, il-kwalità taċ-ċertifikati kienet kompromessa peress li nħarġu minn kumpaniji tal-awditjar indipendenti kuntrattati minn benefiċjarji ta' għotjiet, li jkopru madwar 87 % tal-infiq tal-għotjiet; ifakkar, barra minn hekk, li sabiex jiġu indirizzati d-difetti relatati mal-kwalità taċ-ċertifikati tal-awditjar, l-Istitut tejjeb l-istruzzjonijiet mogħtija lill-awdituri inkarigati miċ-ċertifikazzjoni u kkomunika l-istruzzjonijiet aġġornati lill-"Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni" (KKI), il-benefiċjarji tal-għotjiet tal-Istitut, f'Ġunju 2013;
2. Jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istitut, li l-istruzzjonijiet imtejba rriżultaw f'titjib fil-kwalità taċ-ċertifikati tal-awditjar riċevuti meta mqabbla mat-tranżazzjonijiet marbuta mal-għotjiet tal-2013 li għalihom il-pagamenti finali saru fl-2014;
3. Jirrikonoxxi li, ibda mill-ftehimiet ta' għotja tal-2014, l-Istitut juża l-istess metodoloġija taċ-ċertifikati tal-awditjar bħall-programmi l-oħrajn kollha fl-ambitu tal-programm qafas Orizzont 2020; josserva li l-użu ta' metodoloġija ta' ċertifikazzjoni aktar dettaljata u konsistenti kompla jżid l-assigurazzjoni miksuba matul il-verifiki ex ante;
4. Ifakkar li l-Istitut introduċa verifiki komplementari ex post għat-tranżazzjonijiet marbuta mal-għotjiet bħala t-tieni livell ta' assigurazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet marbuta mal-għotjiet; jirrikonoxxi li l-Istitut wettaq awditjar "fuq il-post" u kopra madwar 40 % tal-għotjiet imħallsa skont il-Ftehimiet ta' Għotja tal-2013; josserva li dan l-awditjar irriżulta fl-irkupru ta' EUR 263 239, mill-ammont totali ta' EUR 29 163 272 suġġett għal awditjar; jirrikonoxxi li r-rata ta' żball maqbud fil-kampjun awditjat hija 0,90 % u r-rata tal-iżball residwu hija 0,69 %, li hija taħt il-limitu tal-materjalità ta' 2 %; jikkonstata li l-Qorti ma għamlet l-ebda kumment jew sejba fir-rigward tal-verifiki ex ante jew ex post fl-osservazzjonijiet preliminari tagħha għas-sena finanzjarja 2014;
5. Jirrikonoxxi, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istitut, li mill-2013 huwa tejjeb il-proċeduri ta' akkwist tiegħu u adotta approċċ proattiv wara li l-Qorti sabet l-iżbalji; josserva b'mod partikolari li l-Istitut ħassar iż-żewġ kuntratti qafas konklużi fl-2010 u fl-2012 li fihom ġiet identifikata irregolarità fl-użu tal-proċedura negozjata; josserva, barra minn hekk, li l-Istitut għamel reviżjoni tal-proċeduri, taċ-ċirkwiti u tal-mudelli interni tiegħu, bil-għan li jirrispetta totalment ir-regoli rispettivi fil-qasam tal-akkwist pubbliku, b'attenzjoni speċjali għall-ippjanar sod u għall-istima tal-bżonnijiet; jirrikonoxxi li fl-2015 l-Istitut irrekluta uffiċjal ieħor għall-akkwisti u wettaq sensiela ta' sessjonijiet ta' taħriġ dwar l-akkwist indirizzati lill-persunal tiegħu;
6. Jirrikonoxxi li barra mill-kompitu ta' konsulenza eżegwit mill-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) tal-Istitut, dan tal-aħħar implimenta l-azzjonijiet segwenti:
—
żviluppa vade mecum dwar l-akkwist li jinkludi listi ta' kontroll għad-diversi proċeduri ta' akkwist u kuntratti speċifiċi fl-ambitu tal-kuntratti qafas;
—
talab li l-funzjoni ta' akkwist tivverifika r-rikjesti kollha għal servizz qabel ma tintalab offerta, li jipprovdi livell addizzjonali ta' kontroll;
—
żgura li l-membri tal-persunal ikunu mħarrġa biżżejjed permezz ta' sessjonijiet ta' taħriġ immirati;
—
iċċara r-rwol rispettiv tal-funzjoni tal-akkwist, operattiva u tal-ġestjoni tal-kuntratti kif ukoll daħħal titjib fil-listi ta' kontroll u fl-iskedi li jispeċifikaw l-iter ta' ċirkolazzjoni (routing slips);
—
iddokumenta l-proċeduri ta' akkwist b'arkivju uniku u li jista' jintuża b'mod prattiku proporzjonat għad-daqs tal-Istitut;
7. Jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istitut, li ma nstab l-ebda żball fl-akkwist fir-rigward tas-sena 2014; josserva, barra minn hekk, li peress li r-rata tal-iżball residwu fl-infiq tal-għotjiet hija 0,69 %, ir-rata ta' żball kombinat għall-infiq amministrattiv u dak operattiv hija bejn wieħed u ieħor 0,5 % tal-pagamenti totali li saru fl-2014; jistenna bil-ħerqa r-rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena 2014 biex jikkonferma dawn il-konklużjonijiet;
8. Jaċċerta li l-Istitut kiseb iċ-ċertifikati ta' awditjar dwar l-ispejjeż tal-attivitajiet komplementari tal-KKI inkorsi fil-perjodu 2010-2014; josserva li l-Istitut għamel rieżami tal-portafoll tal-attivitajiet komplementari tal-KKI bil-għan li jiggarantixxi li jkunu aċċettati biss l-attivitajiet b'rabta ċara mal-valur miżjud tal-KKI ffinanzjati mill-Istitut;
9. Jirrikonoxxi li l-finanzjament fornut mill-Istitut lill-KKI fil-perjodu 2010-2014 ma qabiżx il-limitu massimu ta' 25 % kif iffissat mill-Ftehimiet Qafas ta' Sħubija bejn il-KKI u l-Istitut;
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
10. Josserva li l-Istitut tejjeb il-proċeduri ta' ppjanar u ta' monitoraġġ marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit; jieħu nota li tali proċeduri issa jinkludu valutazzjoni aktar rigoruża tal-attivitajiet kollha proposti b'impatt fuq il-baġit li jammonta għal aktar minn EUR 50 000, kif ukoll l-introduzzjoni ta' dokumenti addizzjonali ta' ppjanar li jiggarantixxu li l-bżonnijiet tar-riżorsi umani u finanzjarji jkunu identifikati sewwa u disponibbli għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ippjanati kollha; josserva, barra minn dan, li ssaħħet ir-rabta bejn l-attivitajiet ippjanati u l-allokazzjoni tar-riżorsi billi l-Programm ta' Ħidma Annwali ntrabat mal-baġit annwali;
11. Josserva li l-Istitut, flimkien mal-KKI, tejjeb b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' assorbiment tal-ewwel mewġa ta' KKI għall-perjodu 2010-2014, b'rata medja ta' tkabbir annwali tal-għotjiet assorbiti mill-Istitut ta' 85 %; josserva, barra minn hekk, li l-Bord tat-Tmexxija tal-Istitut għażel u ħatar żewġ sħubijiet biex isiru l-KKI tat-tieni mewġa, li se jkomplu jgħollu l-kapaċità ta' assorbiment mis-sena 2015 u jżidu r-rata ta' eżekuzzjoni tal-baġit tal-Istitut;
12. Ifakkar li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit għat-Titolu I (infiq għall-persunal) hija dovuta prinċipalment għaċ-ċaqliq qawwi tal-persunal u l-adozzjoni straordinarja tar-regolamenti dwar l-aġġustamenti fis-salarji; jieħu nota li l-analiżi tal-intervisti ta' tmiem l-impjieg identifikat in-nuqqas ta' prospettiva ċara fir-rigward tal-karrieri, ambjent tax-xogħol diffiċli u pakkett ta' salarju mhux attraenti relatat mal-koeffiċjent ta' korrezzjoni għall-Ungerija bħala r-raġunijiet ewlenin għaċ-ċaqliq qawwi tal-persunal;
13. Jikkonstata l-azzjonijiet meħuda mill-Istitut bil-għan li jtaffi ċ-ċaqliq qawwi tal-persunal; josserva partikolarment it-titjib fil-ġestjoni ta' postijiet vakanti, il-ħolqien ta' sistema ta' evalwazzjoni u ta' riklassifikazzjoni li joffri prospettiva professjonali aħjar u jsaħħaħ il-livell maniġerjali tan-nofs; jilqa' t-tnaqqis fir-rata ta' ċaqliq tal-persunal minn 20-25 % fil-perjodu 2012-2013 għal 12 % fl-2014; jieħu nota tal-fatt li l-erba' postijiet vakanti li baqa' se jimtlew gradwalment matul l-2015;
Awditjar intern
14. Jirrikonoxxi li f'Ġunju 2014 is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ħareġ rapport ta' awditjar ta' segwitu dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni li jirriżulta mir-"Rieżami Limitat dwar il-Ġestjoni tal-Għotjiet – Tħejjija għall-Ftehimiet ta' Għotja Annwali"; jieħu nota li l-IAS għalaq żewġ rakkomandazzjonijet mis-sitta oriġinali u li rakkomandazzjoni oħra niżlet mil-livell ta' "Kritika" għal dak ta' "Importanti Ħafna";
15. Jirrikonoxxi li f'Diċembru 2014 l-IAS għamel żjara ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Istitut sabiex jagħmel rieżami tal-progess li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet miftuħa; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li ż-żjara serviet biex l-IAS jirrikonoxxi aktar titjib fil-proċess ta' allokazzjoni tal-għotjiet annwali u li l-azzjonijiet dettaljati kollha ppreżentati lill-IAS matul iż-żjara, sew jekk kompletati, għaddejjin jew ippjanati, qegħdin jindirizzaw adegwatament ir-riskji evidenzjati mir-rieżami limitat tal-IAS;
16. Josserva li mill-25 azzjoni li jirriżultaw mill-pjan ta' azzjoni, 18 ġew implimentati u li l-implimentazzjoni tas-seba' azzjonijiet li baqa' għadha għaddejja; josserva wkoll li tlieta minn dawk is-seba' azzjonijiet għandhom ikunu implimentati qabel it-tmiem tal-2015, wara li jkun ġie ffirmat il-Ftehim Qafas ta' Sħubija emendat bejn l-Istitut u l-KKI; jikkonstata, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Istitut, li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li baqa' miexja skont kif ippjanata;
17. Josserva li l-IAC għamel seba' eżerċizzji ta' awditjar u impenji konsultattivi fl-2014 u jirrikonoxxi l-azzjonijiet li ħa l-Istitut fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-IAC.