Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2257(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0284/2015

Testi mressqa :

A8-0284/2015

Dibattiti :

PV 26/10/2015 - 15
CRE 26/10/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 28/10/2015 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0382

Testi adottati
PDF 289kWORD 111k
L-Erbgħa, 28 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu
Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
P8_TA(2015)0382A8-0284/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (2014/2257(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 24(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (A7-0350/2010),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini,

–  wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku tas-26 ta' Frar 2015 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, organizzat mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali flimkien mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament intitolat 'L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej — l-ewwel tagħlimiet tal-implimentazzjoni', maħruġ fl-2014,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 li tagħlaq l-inizjattiva proprja tagħha dwar il-Kummissjoni (OI/9/2013/TN),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Frar 2015 intitolat 'L-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej',

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0284/2015),

A.  billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) huwa dritt politiku ġdid għaċ-ċittadini kif ukoll għotta unika u innovattiva għat-twaqqif ta' aġenda għal demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea, li tippermetti liċ-ċittadini jieħdu sehem b'mod attiv fi proġetti u proċessi li jaffettwawhom, u l-potenzjal tagħha għandha tiġi sfruttata mingħajr dubju bis-sħiħ u mtejba b'mod sinifikanti sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati u biex kemm jista' jkun ċittadini tal-UE jitħeġġu jipparteċipaw fl-iżvilupp ulterjuri tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; billi t-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tagħha għandu jkun wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE;

B.  billi, tliet snin wara li beda japplika r-Regolament (UE) Nru 211/2011 fl-1 ta' April 2012, jeħtieġ li l-implimentazzjoni tiegħu tiġi evalwata bir-reqqa sabiex jiġu identifikati kwalunkwe nuqqasijiet u jiġu proposti soluzzjonijiet vijabbli għal reviżjoni immedjata tiegħu;

C.  billi l-esperjenza wriet li l-maġġoranza ta' organizzaturi ta' ECI sabu għadd ta' diffikultajiet fit-twaqqif ta' IĊE, f'dak li għandu x'jaqsam kemm ma' aspetti prattiċi kif ukoll ma' oħrajn legali, u billi l-organizzaturi ta' diversi ECI rrifjutati konsegwentement ressqu lmenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Ombudsman Ewropew kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tirreġistrax l-ECI tagħhom; billi r-regoli għalhekk għandhom jiġu ddiżinjati b'tali mod li jagħmlu l-ECI kemm jista' jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-organizzaturi;

D.  billi l-Parlament huwa l-uniku korp elett direttament tal-Unjoni Ewropea, u bħali tali jirrappreżenta, bid-definizzjoni tiegħu stess, liċ-ċittadini tal-UE;

E.  billi għadd ta' istituzzjonijiet, NGOs, think tanks u gruppi tas-soċjetà ċivili kkunsidraw id-diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini u l-organizzazzjoni ta' IĊE, ipproponew bosta modi kif tista' tittejjeb u f'bosta okkażjonijiet indikaw liema aspetti tar-regolament għandhom jiġu riformati bħala kwistjoni urġenti;

F.  billi l-aspetti prattiċi stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament, b'mod partikolari t-twaqqif ta' sistema online ta' ġbir u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, f'bosta każijiet iħallu lill-organizzaturi inqas minn 12-il xahar biex jiġbru l-firem meħtieġa;

G.  billi t-tressiq ta' inizjattiva ta' suċċess lill-Kummissjoni ladarba jiskadi l-perjodu għall-ġbir tal-firem mhuwiex soġġett għal skadenza speċifika u għalhekk dan huwa sors ta' konfużjoni u inċertezza kemm għall-istituzzjonijiet kif ukoll għall-pubbliku;

1.  Jilqa’ l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) - kif definit fl-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 24(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) - bħala l-ewwel strument transnazzjonali għad-demokrazija parteċipattiva li jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw direttament mal-istituzzjonijiet tal-UE u li jkunu involuti b’mod attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej, li jikkumplementaw id-dritt tagħhom li jressqu petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew u li jirrikorri għall-Ombudsman Ewropew;

2.  Jissottolinja l-fatt li l-ECI hija l-ewwel għodda għal demokrazija parteċipattiva li tagħti d-dritt liċ-ċittadini tal-UE, fuq il-bażi ta' tal-anqas miljun dikjarazzjoni ta' appoġġ, minn tal-inqas kwart tal-Istati Membri, biex jieħdu l-inizjattiva, u b'hekk jenfasizzaw il-prerogattiva politika ġdida tagħhom, u jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta, fi ħdan il-qafas tas-setgħat tagħha, proposta xierqa dwar materji li dwarhom ċittadini jqisu li att leġiżlattiv huwa meħtieġ biex jiġu implimentati t-Trattati;

3.  Jenfasizza li l-ECI hija opportunità eċċezzjonali biex iċ-ċittadini jidentifikaw u jartikolaw l-aspirazzjonijiet tagħhom u jitolbu azzjoni tal-UE, u li l-Inizjattiva trid tiġi inkoraġġuta u appoġġjata il-mezzi kollha disponibbli; jirrikonoxxi madankollu li hemm nuqqasijiet sinifikanti li għandhom jiġu megħluba u solvuti sabiex l-ECI jkunu iktar effettivi; jenfasizza li kull valutazzjoni ulterjuri tal-istrument għandha tkun immirata lejn l-ilħiq ta' faċilità ta' użu massima, peress li dan huwa mezz ewlieni ta' konnessjoni bejn iċ-ċittadini tal-Ewropa u l-UE; jenfasizza ulterjorment li l-użu tal-lingwa ta' dak li jkun huwa dritt ċiviku, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jesploraw alternattivi sabiex joffru l-għażla li dan iseħħ fl-attivitajiet kollha konnessi ma' IĊE, billi dan iħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jirrimarka dwar l-importanza ta' kuxjenza pubblika tal-IĊE, filwaqt li jiddispjaċih dwar l-għarfien limitat ta' din l-għodda fost iċ-ċittadini tal-UE; jitlob biex għal dan l-għan, l-UE torganizza u tippromwovi kampanji bl-għan li tagħti lill-ECI profil ogħla fil-midja u fost il-pubbliku;

4.  Jenfasizza barra minn hekk li l-impenn ċiviku fost iż-żgħażagħ huwa fundamentali għall-ġejjieni ta' kull demokrazija, u jitlob lill-Kummissjoni biex tislet lezzjonijiet mill-esperjenzi nazzjonali ta' ECI li kisbu suċċess ġenwin;

5.  Jikkunsidra li hija essenzjali li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkontribwixxu fl-eżerċizzju tal-prerogattivi leġiżlattivi tal-Unjoni u jkunu involuti b'mod dirett fil-bidu tal-proposti leġiżlattivi;

6.  Jirrimarka dwar l-importanza ta' kuxjenza pubblika tal-ECI sabiex dawn ikunu għodda effettiva għal parteċipazzjoni demokratika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'rabta ma' dan, biex iżidu l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-istrument sabiex jinformaw bl-eżistenza tiegħu lil kemm jista' jkun ċittadini u jħeġġu parteċipazzjoni attiva fih;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-kanali kollha ta' komunikazzjoni pubbliċi biex iżżid is-sensibilizzazzjoni u tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura t-trasparenza tal-ECI u tiffaċilita l-komunikazzjoni dwar l-ECIs attwali, pereżempju bil-ħolqien ta' applikazzjonijiet li jipprovdu informazzjoni, jibagħtu notifiki u jippermettu l-possibbiltà ta' ffirmar onlajn; jenfasizza li parteċipazzjoni popolari attiva fl-ECI tiddependi b'mod kruċjali wkoll fuq il-fatt li jiġu rreklamati fl-Istati Membri, u għaldaqstant jissuġġerixxi li l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri għandhom isemmu l-ECI fuq is-siti web uffiċjali tagħhom;

8.  Jinnota li iktar minn sitt miljun ċittadin tal-UE pparteċipaw f'IĊE, li kien hemm 51 talba biex titnieda inizjattiva, li minnhom tlieta biss, l-inizjattivi "Right2Water", "One of Us" u "Stop Vivisection", kienu meqjusa ammissibbli, u li sitt organizzaturi tal-ECI, li jikkorrispondu għal 30 % tar-rifjuti kollha, sfidaw ir-rifjut tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li juri li għad baqa' ħafna xi jsir biex ikun żgur li l-ECI ssegwi l-potenzjal sħiħ tagħha; jinnota d-diversi diffikultajiet prattiċi li l-organizzaturi ltaqgħu magħhom sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament f'April 2012, u l-fatt li l-għadd ta' inizjattivi qed jonqos;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida adegwata u komprensiva - speċjalment ta' natura legali - malajr kemm jista' jkun lill-organizzaturi ta' ECI permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Kuntatt Dirett, sabiex l-organizzaturi jkunu konxji mill-possibilitajiet li jkollhom u ma jfallux billi jipproponu ECI li tkun ċarament lilhinn mis-setgħat tal-Kummissjoni u ma tkunx konformi mal-kriterji ta' ammisibilità legali; jitlob biex titqies il-possibilità li jitwaqqaf korp ieħor indipendenti biex jipprovdi konsulenza; jinnota, madankollu, li skont it-Trattat ta' Lisbona l-kwistjonijiet imqajma minn ECI jistgħu ma jikkorrispondux kompletament mal-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni; huwa tal-fehma barra minn hekk li l-Kummissjoni għandha tqis li twaqqaf uffiċċju dedikat tal-ECI fir-rappreżentazzjonijiet tagħha f'kull Stat Membru biex jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa, pariri u appoġġ lill-IĊE;

10.  Jenfasizza barra minn hekk li uffiċċju tal-ECI jista' jikkontribwixxi biex iqajjem kuxjenza pubblika u fil-midja dwar l-IĊE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-ECI bħala strument uffiċjali tal-UE sabiex jintlaħaq dan l-għan; jenfasizza li din il-miżura tista' wkoll tgħin biex jingħeleb in-nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini li jaqsmu d-data personali meħtieġa biex tiġi appoġġata IĊE;

11.  Jitlob biex jinħarġu linji gwida aktar dettaljati dwar l-interpretazzjoni ta' bażijiet legali, u li tingħata aktar informazzjoni dwar rekwiżiti ta' protezzjoni tad-data f'kull Stat Membru li fih l-organizzaturi jagħmlu l-kampanji tagħhom, sabiex tingħatalhom sigurtà legali, u wkoll dwar il-possibbiltà li l-organizzaturi jieħdu assigurazzjonijiet bi prezz raġonevoli;

12.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar l-istrument tal-ECI fl-istadji bikrija, li wassal għal fehim żbaljat ġenerali dwar in-natura tiegħu u ħoloq frustrazzjoni meta l-ewwel ECI ġew irrifjutati mill-Kummissjoni; ifakkar li l-istrument għandu jkun sempliċi, ċar, faċli li jintuża mill-utent u ppubbliċizzat b’mod wiesa’; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tappoġġa rappreżentanti eletti nazzjonali u lokali biex ikunu fuq quddiem fiż-żieda fl-espożizzjoni tal-IĊE;

13.  Jappoġġa barra minn hekk il-parteċipazzjoni attiva ta' ċittadini tal-UE fl-użu ta' dan l-istrument b'mod adegwat għal skopijiet ta' stabbiliment ta' aġenda; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward kunflitt potenzjali tal-interessi, peress li l-Kummissjoni nnifisha għandha r-responsabbiltà esklussiva li twettaq il-kontroll ta' ammissibilità u jitlob biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata b’mod xieraq fil-futur; jinnota fl-istess waqt li t-trasparenza u r-responsabilità għandhom ikunu objettiv għall-partijiet kollha interessati sabiex tiġi protetta ċ-ċarezza tal-attivitajiet taċ-ċittadini;

14.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tqis lill-Parlament ukoll bħala istituzzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet, b'mod partikolari billi hija l-unika istituzzjoni li l-membri tagħha jiġu eletti b'mod dirett miċ-ċittadini tal-UE;

15.  Jenfasizza li, skont it-termini tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, fejn il-Kummissjoni tirrifjuta li tirreġistra IĊE, 'il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom'; jirrikonoxxi b'rabta ma' dan il-bosta lmenti minn organizzaturi dwar il-fatt li ma rċevewx raġunijiet dettaljati u eżawrjenti għar-rifjut tal-ECI tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għar-rifjut ta' ECI jekk fil-fehma tagħha, ECI li tkun tressqet tkun "b'mod ċar barra s-setgħat tal-Kummissjoni", u biex fl-istess waqt tinforma lill-organizzaturi bil-miktub u b'mod li jiffaċilitalhom ħidmithom, dwar il-kunsiderazzjonijiet rilevanti – li għandhom ikunu pubbliċi bis-sħiħ f'ġieħ it-trasparenza – sabiex il-validità u l-oġġettività totali ta' dawk l-elementi jistgħu jiġu soġġetti għal skrutinju legali, sabiex titnaqqas kemm jista' jkun is-setgħa ta' diskrezzjoni tal-Kummissjoni bħala awtorità li tiddeċiedi u parti fl-evalwazzjoni tal-ammissibilità ta' inizjattiva, u biex l-organizzaturi jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk jirrevedux l-ECI tagħhom u jressquha mill-ġdid f'forma modifikata;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà tar-reġistrazzjoni ta' parti biss mill-inizjattiva meta l-ECI ma taqax għal kollox taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-organizzaturi, fil-waqt tar-reġistrazzjoni, indikazzjoni dwar liema parti jistgħu jirreġistraw, billi jiġi rikonoxxut li d-djalogu u l-impenn mal-organizzaturi ta' ECI huma essenzjali tul il-proċess, u biex tinforma lill-Parlament dwar id-deċiżjoni tagħha dwar ir-reġistrazzjoni tal-IĊE; jistieden lill-Kummissjoni tesplora wkoll modi kif tirreferi inizjattivi, jew dawk il-partijiet ta' inizjattivi li ma jaqgħux taħt is-setgħat tal-Kummissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll reġjonali;

17.  Jirrimarka dwar l-importanza ta' teknoloġija bħala għodda għat-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-użu tas-softwer tagħha għall-ġbir onlajn ta' firem, biex dan ikun aċċessibbli għal persuni b'diżabilitajiet, biex toffri s-servers tagħha stess għall-ħżin ta' firem onlajn mingħajr ħlas fuq bażi permanenti, bl-użu ta' baġits tal-UE eżistenti, u biex tissemplifika u tirrevedi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-ġbir onlajn ta' firem sabiex l-indirizzi tal-email ikunu jistgħu jinġabru fuq bażi mhux obbligatorja fuq l-istess skrijn bħall-formola ta' appoġġ, iżda maħżuna f'bażi tad-data separata;

18.  Jemmen li, jekk jiġi rivedut, l-istrument għandu l-potenzjal li jinvolvi lill-pubbliku u li jippromwovi d-djalogu fost iċ-ċittadini u bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta’ rabta tal-ġbir onlajn tal-firem mal-istrumenti tal-kampanji tal-midja diġitali u soċjali rilevanti ġodda, fuq l-eżempju ta' pjattaformi oħra ta' kampanji onlajn li rnexxew;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis mill-ġdid ir-rabta awtomatika bejn ir-reġistrazzjoni ta' ECI u l-bidu tal-perjodu ta' 12-il xahar, li matulu jistgħu jinġabru l-espressjonijiet ta' appoġġ, sabiex l-organizzaturi ta' ECI stess ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk jixtiqux jibdew jiġbru l-espressjonijiet ta' appoġġ;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw l-Għodda tal-Validazzjoni tal-ECI għad-Dikjarazzjonijiet tal-Appoġġ, żviluppata taħt is-Soluzzjonijiet tal-Interoperabbiltà għall-programm tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej;

21.  Jenfasizza li, fl-ambitu tal-istrumenti disponibbli biex itejbu d-demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni, l-għodod tal-IT għandhom ikunu disponibbli wkoll għar-reġjuni, biex b’hekk jippermettu involviment ikbar taċ-ċittadini fl-affarijiet pubbliċi;

22.  Jilqa' tajjeb ħafna l-offerta tal-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali ta' traduzzjoni mingħajr ħlas ta' testi ta' ECI biex titnaqqas l-ispiża ta' organizzazzjoni ta' IĊE;

23.  Jitlob għal kooperazzjoni interistituzzjonali mtejba fil-livell tal-UE, kif ukoll fil-livell nazzjonali u lokali, fl-għoti ta’ informazzjoni u appoġġ għal organizzaturi tal-ECI meta jkunu qed jittrattaw l-IĊE; jappella għat-titjib tal-websajt multilingwi tal-ECI mmexxija mill-Kummissjoni u għal sett uniku ta’ linji gwida fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ organizzaturi tal-ECI u dwar il-proċeduri amministrattivi applikabbli tul il-proċess tal-IĊE;

24.  Jitlob li fil-futur jiġi stabbilit punt uniku ta’ servizz fiżiku u onlajn li jipprovdi, fuq bażi permanenti, informazzjoni, servizzi ta’ traduzzjoni, u appoġġ tekniku, legali u politiku għall-IĊE, u jqis li jista’ juża r-riżorsi tal-punt ta’ kuntatt ibbażat fiċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct u r-rappreżentanzi tal-Kummissjoni u l-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament fl-Istati Membri; iqis li tali arranġament iġib il-proġett tal-ECI eqreb iċ-ċittadini;

25.  Iqis li huwa kkumplikat wisq għall-organizzaturi li jipprovdu data personali differenti b'appoġġ għall-ECI fit-28 Stat Membru, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 211/2011 abbażi tal-bosta dispożizzjonijiet nazzjonali, u jitlob għall-introduzzjoni ta' proċedura uniformi biex isiru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, billi jiġi emendat l-Anness III mar-Regolament (UE) Nru 211/2011 biex tiġi standardizzata n-natura tad-data miġbura fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinnegozja ulterjorment mal-Istati Membri bl-għan li jitnaqqas l-għadd ta' rekwiżiti ta' data, u bhekk jitnaqqas ir-rekwiżit għan-numri ta' identifikazzjoni personali u biex ikun hemm iktar faċilità ta' użu, u jfakkar li ECI tikkonċerna l-parteċipazzjoni u t-twaqqif ta' aġenda, u mhux proposti vinkolanti; jissuġġerixxi li għandha titqies il-possibilità li titwaqqaf ċittadinanza diġitali tal-UE, u jirrakkomanda l-provvista ta' soluzzjoni interim sakemm tiġi stabbilita din iċ-ċittadinanza diġitali tal-UE, bl-għan li jissolvew il-problemi attwali maħluqa minn reġistrazzjoni multipla; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tesplora din il-kwistjoni fl-aġenda diġitali tagħha bħala kwistjoni urġenti;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni temenda l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 u tirrakkomanda lill-Istati Membri li jnaqqsu l-età permessa għall-appoġġ u l-parteċipazzjoni f'ECI minn 18 għal 16, u li dan ma jkunx marbut mad-dritt ta' votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, biex bhekk iż-żgħażagħ b'mod partikolari jingħataw il-possibilità li jsiru involuti attivament fl-avvanzar tal-proġett Ewropew;

27.  Jirrikonoxxi d-delikatezza tal-problema tar-responsabbiltà personali tal-organizzaturi rigward il-protezzjoni tad-data huma u jiġbru d-data personali tal-firmatarji, u jipproponi li l-firxa ta' data meħtieġa titnaqqas u li d-diċitura tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, dwar ir-responsabbiltà, tinbidel biex tagħmilha ċara li r-responsabbiltà personali mhijiex illimitata; jipproponi, għal dan l-għan, li l-kumitat taċ-ċittadini jkun jista' jikseb personalità ġuridika u li tittieħed ispirazzjoni mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, bil-ħsieb li jkun stabbilit li l-organizzaturi huma responsabbli għal atti li jkunu 'illegali u mwettqa b'mod intenzjonali jew tal-anqas b'negliġenza serja';

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar rekwiżiti ta' ġbir tad-data iktar armonizzati u faċli li jintużaw; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jinformaw lill-kumitati għall-affarijiet Ewropej tal-parlamenti nazzjonali tagħhom fuq bażi perjodika dwar l-ECI pendenti li jkunu diġà ġabru ammont sostanzjali ta' firem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tipproponi reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 bl-għan li tiggarantixxi liċ-ċittadini l-possibilità li jiffirmaw ECI fil-pajjiż ta' residenza tagħhom;

29.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li, mill-2012, 3 biss minn 31 ECI reġistrata laħqu l-fażi finali; jirrimarka dwar kif it-tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ inizjattivi ġodda huwa wieħed mill-konsegwenzi ta’ rekwiżiti sproporzjonati u ta’ sistema kumplessa bla bżonn; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ impatt leġiżlattiv u l-iskoraġġiment ta’ segwitu mill-Kummissjoni ta’ inizjattivi li jirnexxu; jesprimi differenzi ta’ opinjonijiet mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni b’suċċess tar-Regolament biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-IĊE; jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jippromwovu l-ECI u biex irawmu l-fiduċja taċ-ċittadini f’dan l-istrument;

30.  Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi d-diċitura tal-Artikolu 10(c) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 biex tippermetti li ECI li tkun irnexxiet tingħata segwitu xieraq,; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda tipprepara att legali dwar ECI li jirnexxu fi żmien 12-il xahar mid-data tal-ħruġ ta' opinjoni pożittiva;

31.  Huwa tal-fehma li, sabiex id-dimensjoni politika tal-ECI tiġi enfasizzata, smigħ pubbliku li jseħħ skont it-termini tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 għandu jkun strutturat b'tali mod li jippermetti lill-organizzaturi jidħlu fi djalogu ma' Membri tal-Parlament Ewropew u l-uffiċjali rilevanti tal-Kummissjoni; jenfasizza li s-seduti ta' smigħ dwar l-ECI għandhom jiġu organizzati taħt l-awspiċi ta' kumitat 'newtrali' li ma jkollux ir-responsabilità ewlenija għas-suġġett tagħhom f'termini ta' kontenut, u barra minn hekk li jiġu involuti esperti esterni tul il-proċess kollu;

32.  Iħeġġeġ fejn meħtieġ lill-Parlament u lill-kumitati tiegħu, jekk il-Kummissjoni tonqos milli tressaq proposta leġiżlattiva fi żmien 12-il xahar, biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom, skont it-termini tal-Artikolu 225 TFUE, li jitolbu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta adegwata; iqis li, meta jkun qed jeżerċita dan id-dritt, il-kumitat kompetenti tal-Parlament għandu jqis il-kontenut ta' kwalunkwe ECI ta' suċċess u jikkonsulta lill-organizzaturi tal-ECI f'seduta ta' smigħ oħra; jitlob biex ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu jiġu emendati b'konsegwenza ta' dan;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li ECI jkunu ffinanzjati mill-baġit tal-UE, permezz ta' programmi Ewropej bħalma huma l-programm Ewropa għaċ-Ċittadini u l-programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza, inkluża l-possibilità ta' finanzjament ta' riklami fuq ir-radju u ta' programmi tat-televiżjoni, billi titqies il-ħtieġa reali għal appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjoni ta' IĊE, u li għal dan l-għan tressqu għadd ta' emendi għall-baġit tal-UE;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, billi tieħu kull prekawzjoni possibbli, tiġġieled is-serq, inkluż permezz ta' għodda tal-internet, ta' data sensittiva rigward il-firmatarji, speċjalment meta dan ikun ġestit fil-forma ta' data aggregata;

35.  Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2015 dwar l-IĊE, u d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew OI/9/2013/TN, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li, fir-rieżami tagħha ta' dan l-istrument, jiġu implimentati l-miżuri legali kollha xierqa sabiex jiġi provdut segwitu xieraq, meta jitqies li ECI tkun ġiet ikkompletata b'suċċess; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-bosta nuqqasijiet li tqajmu, tressaq malajr kemm jista' jkun proposta għal emendar tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011;

36.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iwettqu ħidma essenzjali ta' komunikazzjoni permezz ta' kampanja ta' informazzjoni dwar l-IĊE;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament dwar l-istat attwali tal-ECIs għaddejjin, sabiex il-Parlament - bħala parti mill-impenn tiegħu lejn iċ-ċittadini tal-UE - ikun jista’ jiskrutinizza jekk l-istrument ikunx qed jaħdem bl-aktar mod effettiv possibbli; jenfasizza li l-proċess tal-ECI għandu jittejjeb kontinwament abbażi tal-esperjenza prattika miksuba u, barra minn hekk, għandu jkun konformi mas-sentenzi li ser jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja;

38.  Jirrakkomanda l-użu ta’ kull mezz ta’ komunikazzjoni disponibbli, b’mod partikolari l-pjattaformi ta’ midja diġitali u soċjali rilevanti tal-istituzzjonijiet tal-UE rilevanti kollha, biex iwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni kontinwi, bl-involviment tal-uffiċċji u r-rappreżentanzi tal-UE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ programm ta' softwer ECI dedikat ta’ sors miftuħ għal apparat mobbli; jilqa’ l-fatt li xi ECI irnexxielhom ikollhom impatt fil-livell lokali;

39.  Iqis li użu xieraq ta’ din l-għodda tad-demokrazija parteċipattiva miċ-ċittadini huwa kruċjali u sabiex jiġi evitat l-abbuż possibbli tagħha minn interessi privati, biex tiżdied it-trasparenza u l-kwalità tal-kontrolli fuq il-finanzjament u l-isponsorizzazzjoni tal-IĊE;

40.  Jinnota r-rwol importanti tal-Ombudsman Ewropew fl-investigazzjoni tal-immaniġġjar tat-talbiet għal ECI mill-Kummissjoni, u b'mod speċjali każijiet ta' rifjut ta' reġistrazzjoni ta' IĊE;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Avviż legali - Politika tal-privatezza