Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar strateġija tal-UE għar-reġjun Adrijatiku u Joniku (2014/2214(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju (COM(2014)0357) u l-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjaha u d-dokument analitiku ta' sostenn,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni "),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali (COM(2013)0468) u l-konklużjonijet relevanti tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Settembru 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju (COM(2014)0357) u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku: ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-SMEs (opinjoni esploratorja tal-Presidenza Taljana tal-UE),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Jannar 2014 dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR) (opinjoni esploratorja),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta' Ġunju 2014 dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku,
– wara li kkunsidra l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta' Ottubru 2011 bit-titolu "Il-kooperazzjoni territorjali fil-baċir tal-Mediterran permezz tal-makroreġjun Adrijatiku-Joniku",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-evoluzzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE: prassi attwali u prospettivi futuri, b'mod partikolari fil-Mediterran(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju" (COM(2012)0713),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali (COM(2014)0284),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bit-titolu "Il-politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020" (COM(2011)0017),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent,
– Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta' Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta' Aarhus).
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ancona, adottata fil-Konferenza dwar l-Iżvilupp u s-Sigurtà fil-baħar Adrijatiku u l-baħar Jonju tad-19 sal-20 ta' Mejju 2000,
– wara li kkunsidra l-Konferenza dwar l-Ewroreġjun Adrijatiku-Joniku li sar f'Pula fit-30 ta' Ġunju 2006, u d-Dikjarazzjoni dwar it-tnedija tal-inizjattiva għall-ħolqien ta' Strateġija Adrijatika adottata waqt l-Assemblea tal-Ewroreġjun Adrijatiku-Joniku li sar fi Split fit-22 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni ) ta' Jannar 2015 bit-titolu "Rwol ġdid tal-Makroreġjuni fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea",
– wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Ir-reġjun Adrijatiku u Joniku: Analiżi u Valutazzjoni Soċjoekonomika tal-Konnessjonijiet ta' tat-Trasport u l-Enerġija",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0279/2015),
A. billi l-istrateġiji makroreġjonali jirrappreżentaw mudell ġdid ta' governanza f'livelli differenti fejn l-involviment tal-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-UE, il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi s-sħab ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll il-komplementarjetà bejn politiki u programmi differenti, huma essenzjali biex l-implimentazzjoni issir b'suċċess u l-miri jintlaħqu; billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tad-demokrazija, id-deċentralizzazzjoni u t-tisħiħ tal-awtonomija lokali u reġjonali;
B. billi l-Istrateġiji għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u għar-reġjun tad-Danubju preċedenti ġabu magħhom benefiċċji tanġibbli għar-reġjuni involuti, ikkonfermaw is-suċċess tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni tal-UE u pprovdew esperjenza utli għall-iżvilupp ta' strateġiji makroreġjonali ġodda;
C. billi l-interess li wrew ir-reġjuni f'din il-forma moderna ta' kooperazzjoni reġjonali u l-mudell ta' governanza ta' akkumpanjament qiegħed jiżdied; billi, reċentement, dan kien speċjalment il-każ fir-rigward ta' reġjuni muntanjużi bħalma huma l-muntanji Karpazji u l-Alpi, fejn l-ostakoli naturali jfissru li jeħtieġ li jiġu segwiti politiki reġjonali speċifiċi;
D. billi strateġija makroreġjonali bħala qafas integrat relatat mal-Istati Membri u l-pajjiżi li mhumiex fl-UE fl-istess żona ġeografika u approvata mill-Kunsill Ewropew, hija strateġija tal-UE;
E. billi jeżistu differenzi soċjoekonomiċi kbar bejn il-pajjiżi involuti f'din l-istrateġija, speċjalment bejn l-Istati Membri tal-UE u stati li mhumiex Membri tal-UE;
F. billi iż-żieda fl-interess ta' pajjiżi fir-reġjun Adrijatiku u Joniku fil-qasam tal-kooperazzjoni u fid-definizzjoni ta' azzjonijiet konġunti bħala tweġiba għall-isfidi bl-użu tal-potenzjal fir-reġjun kollu, u l-isforz kontinwu tagħhom sabiex tinkiseb sinerġija, wassal għall-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR);
G. billi l-istrateġiji makroreġjonali jistgħu jitqiesu bħala għodda ta' integrazzjoni Ewropea u ta' koeżjoni territorjali akbar ibbażati fuq kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni; billi l-EUSAIR hija forma ġdida ta' kooperazzjoni reġjonali li tista' tgħin lil pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali fit-triq tagħhom lejn adeżjoni mal-UE, u komponent importanti tal-politika Mediterranja usa' tal-UE kif espress permezz tal-Unjoni għall-Mediterran; billi l-EUSAIR, bħala parti mill-politika reġjonali tal-UE, hija għodda għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, bl-għanijiet ewlenin li tnaqqas l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni, tippromwovi l-konverġenza reali u tħeġġeġ it-tkabbir u l-impjieg;
H. billi l-Baħar Adrijatiku, minħabba n-natura semi-magħluqa tiegħu huwa partikolarment vulnerabbli għat-tniġġis u għandu karatteristiċi idrografiċi mhux tas-soltu bħall-fatt li l-fond u l-kosta jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tar-reġjun; billi l-istokkijiet tal-ħut jiġu kondiviżi fost il-pajjiżi kostali kollha, li jqiegħed ir-riġenerazzjoni tal-istokkijiet taħt pressjoni sostnuta; billi l-miżuri fi ħdan ir-regolament qafas futur dwar miżuri tekniċi fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) riformata għandhom jitfasslu fuq bażi reġjonali u apposta għall-ispeċifiċitajiet ta' din iż-żona u r-riżorsi marittimi u s-sajd tagħha;
Konsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku u l-pjan ta' azzjoni li jakkumpanjaha: jemmen li huwa pass importanti fl-iżvilupp ta' din il-parti tal-Ewropa; jisħaq li l-EUSAIR inħolqot biex iżżid il-valur fl-interventi, kemm jekk mill-UE, kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali jew mis-settur privat, b'mod li jsaħħaħ sostanzjalment il-funzjonament tal-makroreġjuni; jenfasizza li l-prospetti tal-Istrateġija għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi potenzjalment kandidati fir-reġjun; jissottolinja l-importanza li l-istrateġija tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' integrazzjoni, koordinazzjoni, kooperazzjoni u sħubija; itenni l-importanza tal-prinċipju tat-'tliet LE' (il-prinċipju ta' ebda leġiżlazzjoni ġdida, ebda istituzzjoni ġdida, ebda finanzjament ġdid) peress li l-makroreġjuni huma oqfsa għal inizjattivi ta' kooperazzjoni, li jibnu fuq is-sinerġiji li jirriżultaw mill-artikolazzjoni ta' strumenti ta' politika differenti tal-UE, inklużi l-Fondi SIE;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-partijiet ikkonċernati kollha fit-twaqqif ta' arkitettura istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-EUSAIR fil-qafas istituzzjonali eżistenti; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali kollha jieħdu f'idejhom għalkollox l-implimentazzjoni tal-proġetti koperti minn din l-istrateġija makroreġjonali; jisħaq l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi pubbliċi, kif ukoll l-importanza li f'kull pajjiż parteċipanti jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed riżorsi u persunal amministrattiv kompetenti espressament iddedikati għall-implimentazzjoni tal-EUSAIR;
3. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal approċċ ibbażat fuq il-post fir-rigward tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni, u jenfasizza l-valur miżjud tal-mudell ta' governanza f'diversi livelli li jeħtieġ li jindirizza n-nuqqas ta' kapaċità amministrattiva u li jista' jintuża għall-ġbir tar-riżorsi fil-makroreġjun; jinsisti, f'dan ir-rigward, li teżisti l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fl-entitajiet ta' tmexxija politika u fl-entitajiet operazzjonali, tekniċi u ta' implimentazzjoni tal-istrateġija, filwaqt li jinżamm ir-rwol tal-Kummissjoni fil-proċess ta' koordinazzjoni; jisħaq li l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) jista' jimmobilizza u jinvolvi l-atturi lokali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u jgħin biex tissaħħaħ is-sjieda ta' proġetti fil-livell taċ-ċittadini;
4. Jisħaq fuq l-importanza ta' proċess trasparenti għall-adozzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġija, kif ukoll ta' ftuħ u inklużività fil-konfront tas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jenfasizza li l-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-pilastri kollha huma essenzjali għall-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u għall-bini ta' appoġġ pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-istrateġija tingħata viżibbiltà adegwata fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, jiżviluppaw komunikazzjoni xierqa fir-rigward tal-objettivi u r-riżultati tal-istrateġija, u jippromwovu l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' strateġiji makroreġjonali oħra eżistenti u futuri;
5. Jenfasizza l-ħtieġa għal pajjiżi li mhumiex fl-UE biex jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis settorjali speċifiku marbut mal-istrateġija, bil-għan li jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet tal-UE u li ssir implimentazzjoni regolari, legali u f'waqtha bbażata fuq l-istandards u l-leġiżlazzjoni tal-UE; iħeġġeġ lill-pajjiżi parteċipanti kollha jistabbilixxu gruppi ta' riflessjoni u jorganizzaw laqgħat regolari biex isir skambju tal-aħjar prattiki bil-għan li din il-proċedura tiġi żgurata u ssir aktar effiċjenti;
6. Jinnota li, minħabba tnaqqis kbir fl-investiment privat tal-pajjiżi kollha fir-reġjun, flimkien ma' konsolidazzjoni fiskali u kapaċità ta' investiment limitata fis-settur pubbliku, jaf jinqalgħu problemi fil-finanzjament ta' proġetti fl-ambitu ta' din l-istrateġija; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti sabiex iżommu livell għoli tas-sjieda, l-impenn u t-tmexxija meħtieġa biex jimplimentaw l-istrateġija b'suċċess;
7. Jilqa' l-fatt li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-2014-2020, u b'mod partikolari l-programm ta' kooperazzjoni Adrijatiku Joniku 2014-2020 (ADRION), jipprovdu riżorsi potenzjali sinifikanti u firxa wiesgħa ta' għodod u għażliet tekniċi għal din l-istrateġija; jappoġġa l-fatt li huma disponibbli fondi u strumenti relevanti oħra għall-pilastri tal-istrateġija, b'mod partikolari il-programmi Orizzont 2020 u Erasmus Plus fir-rigward tal-pilastri kollha, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fir-rigward tal-Pilastru II, il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) fir-rigward tal-pilastru III, kif ukoll fir-rigward tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, u l-programmi COSME u Ewropa Kreattiva għall-SMEs fir-rigward tal-Pilastru IV, kif ukoll il-programm INNOVFIN intiż biex jiffinanzja l-innovazzjoni; iħeġġeġ il-kooperazzjoni sabiex tinħoloq sinerġija tal-fondi disponibbli bejn il-kumitati ta' monitoraġġ tal-programmi ta' kooperazzjoni territorjali li jkopru r-reġjun, il-bord ta' tmexxija tal-EUSAIR u l-awtoritajiet maniġerjali tal-FSIE; jisħaq li l-istrateġija għandha tippermetti użu aktar effiċjenti u effikaċi ta' strumenti u fondi eżistenti;
8. jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u l-entitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li huma responsabbli għat-tħejjija, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-FSIE biex jisħqu fuq l-importanza ta' proġetti u azzjonijiet makroreġjonali;
9. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu definiti, fil-livell makroreġjonali, l-istruttura ta' implimentazzjoni u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bil-għan li jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni, inkluż l-ippjanar konġunt, l-allinjament tal-opportunitajiet ta' finanzjament u approċċ 'minn isfel għal fuq'; jissottolinja l-ħtieġa li l-programmi operattivi nazzjonali u reġjonali jiġu allinjati mal-għanijiet tal-istrateġija, inkluża, fejn possibbli, l-inkorporazzjoni tal-EUSAIR f'dawn il-programmi; iqis li dan huwa meħtieġ għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-inizjattivi, il-proposti u l-proġetti li jikkonċernaw ir-Reġjun Adrijatiku u Joniku;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) u l-pajjiżi parteċipanti jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet disponibbli fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) li għadu kemm ġie stabbilit għall-finanzjament ta' proġetti fir-reġjun li joħloq valur miżjud, jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u ekonomiku u l-koeżjoni soċjali, jistimola t-tkabbir u jżid l-impjiegi fil-livell makroreġjonali u jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ l-għoti ta' "punti bonus" għal proġetti makroreġjonali fil-fażi tal-għażla tal-proġetti minħabba n-natura transnazzjonali inerenti tagħhom;
11. Josserva li m'hemm l-ebda fond speċifiku assenjat biss għall-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali, u li rieda politika, sħubija u koordinazzjoni b'saħħithom bejn il-pajjiżi huma prekundizzjoni għas-suċċess; jistieden, għaldaqstant, lill-pajjiżi fir-reġjun biex jiġbru fondi (il-Fondi SIE, IPA, FEIS) kif ukoll kontributi minn sorsi nazzjonali taħt il-BEI bħala pjattaforma finanzjarja u ta' investiment għas-sostenn tal-finanzjament ta' proġetti li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija; jitlob il-ħolqien ta' sensiela ta' proġetti trasparenti u disponibbli għall-pubbliku għar-reġjun Adrijatiku u Joniku, li żżid il-viżibilità ta' ħtiġiijiet u proġetti ta' investiment attwali u potenzjali sabiex l-investituri jitħeġġu jinvestu f'dawn il-proġetti;
12. Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex jikkondividu l-aħjar prattiki, jibnu fuq l-esperjenza miksuba u jidentifikaw l-ostakoli fl-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali oħra tal-UE, kif ukoll iżidu l-kooperazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom, bħal dawk mill-Baħar Baltiku, il-Baċir tad-Danubju u l-makroreġjuni tal-Alpi;
13. Jistieden lill-Kummissjoni telimina l-ostakoli amministrattivi u mhux finanzjarji li spiss jiskoraġġixxu l-investituri milli jinvestu fi proġetti bħal dawn;
14. Iqis li huwa neċessarju li jinstabu modi biex jiġu involuti pajjiżi li mhumiex inklużi f'din l-istrateġija u li huma ġeografikament u ekonomikament qrib ir-reġjun, minn tal-inqas fuq bażi ta' proġetti individwali u speċifiċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni, u jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni kkonċernati jagħmlu użu tal-aħjar prattiki li jeżistu f'dan il-qasam;
15. Ifakkar l-impatt kbir tal-kriżi ekonomika fuq ir-reġjun, u jisħaq fuq il-ħtieġa għal valutazzjoni regolari ta' strateġiji maħsuba biex jiksbu l-irkupru ekonomiku; josserva li l-pajjiżi fir-reġjun jinsabu f'livelli differenti ta' żvilupp u għandhom ħtiġijiet differenti; jistieden lill-Kummissjoni tissottolinja l-importanza tal-ħolqien tal-kundizzjonijiet għat-tnaqqis tad-differenzi soċjoekonomiċi bejn il-pajjiżi; jappoġġa r-riformi f'pajjiżi anqas żviluppati, u jħeġġeġ l-iskambju ta' għarfien, esperjenza u prattika f'dan il-kuntest;
16. Josserva li huwa neċessarju li titħeġġeġ, tiġġedded u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, ix-xjenza u l-kultura, fosthom billi jitwessa' l-ambitu għall-mobilità akkademika tal-istudenti u l-persunal tal-università; jisħaq li x-xjenza u l-innovazzjoni huma prerekwiżit għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli; jenfasizza l-interdipendenza tal-kooperazzjoni xjentifika u kulturali mat-tkabbir tad-dinamiki ekonomiċi u l-livell ta' diversità u sostenibilità tat-turiżmu fir-reġjun;
17. Jilqa' r-rappreżentanza tal-Parlament Ewropew fil-korpi governattivi tal-EUSAIR; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-isforzi konġunti tal-pajjiżi fir-reġjun (Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi) u l-parteċipazzjoni effikaċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġija;
18. Jirreferi għall-preċedenti li nħolqu fil-kuntest ta' strateġiji makroreġjonali oħra tal-UE, u jitlob li jingħata appoġġ, fi ħdan il-qafas ta' proġetti pilota u azzjonijiet ta' tħejjija, għal tipi differenti ta' azzjonijiet li jvarjaw minn studji għal kapital inizjali għat-tħejjija ta' proġetti f'oqsma prijoritarji differenti;
19. Iqis li huwa essenzjali li, fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, il-prinċipji ġenerali tagħha, u b'mod partikolari l-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent u t-titjib tar-riżorsi naturali, għandhom jiġu kkunsidrati f'kull wieħed mill-erba' pilastri, anke sabiex jittieħed approċċ olistiku fir-rigward tal-isfidi kumplessi u varjati tal-makroreġjun;
20. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari għaż-żoni msemmija fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bħar-reġjuni insulari, reġjuni muntanjużi u reġjuni rurali, bil-għan li jiġi identifikat u sfruttat il-potenzjal speċifiku tagħhom, speċjalment fis-settur tat-turiżmu, filwaqt li jiġu rrispettati l-oqsma ta' azzjoni u l-prijoritajiet identifikati f'dan ir-rapport; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni sabiex tipproponi Sena tal-Gżejjer u l-Muntanji;
21. Iqis li huwa meħtieġ li jinstabu modi għall-pajjiżi parteċipanti biex jinvolvu pilastri importanti oħra li jistgħu joħolqu benefiċċji fejn jidħol l-iżvilupp taż-żona, bħall-agrikoltura minħabba kundizzjonijiet ġeoklimatiċi speċifiċi, il-bijodiversità u l-potenzjal li jinħolqu effetti kkoordinati ta' sinerġija u tkabbir ulterjuri; jirrakkomanda kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn iż-żoni interni, iż-żoni kostali u insulari, sabiex jinkisbu sinerġiji bejn proġetti ta' enerġija nadifa u produzzjoni ta' ikel tajjeb għas-saħħa;
22. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' rappurtar adegwat u evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġija; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-pajjiżi parteċipanti, flimkien mal-Kummissjoni, biex jiġbru data ta' referenza affidabbli u jistabbilixxu miri konkreti għal kull pilastru, li mbagħad tiġi evalwata fuq bażi annwali u ssir disponibbli għall-pubbliku;
23. Jitlob li jkun hemm approċċ Ewropew komprensiv u integrat fir-rigward tal-migrazzjoni; jenfasizza li r-reġjun qed iħabbat wiċċu ma' sfidi serji fejn tidħol il-migrazzjoni, u jiddeplora t-traġedji kollha li ġraw fil-Mediterran; iħeġġeġ li, meta jiġu indirizzati dawn l-isfidi, huwa essenzjali li ssir bidla sinifikanti fil-politiki ta' asil f'dak li għandu x'jaqsam mas-solidarjetà bejn l-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi eżaminata l-istrateġija ġenerali fir-rigward tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-isfidi migratorji; iħeġġeġ l-iskambju ta' prattiki tajba dwar kif jintlaqgħu l-immigranti, u jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet umanitarji u soċjali li jaffettwaw ir-reġjun, bil-għan li fil-ġejjieni ssir definizzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet tal-EUSAIR;
24. Jistenna li jingħata impetu ġdid lit-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà fix-Xlokk tal-Ewropa;
25. Jistieden lill-pajjiżi jikkondividu l-aħjar prattiki fil-qasam tar-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi bil-għan li japplikaw l-ogħla standards, peress li dan huwa qasam partikolarment sensittiv li jikkonċerna kwistjonijiet lingwistiċi;
26. Jisħaq li, fid-diversi stadji ta' implimentazzjoni, l-atturi ekonomiċi pubbliċi u privati, il-membri tas-soċjetà u d-diversi komponenti tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom jingħataw it-taħriġ adegwat permezz ta' programm speċifiku li jinkludi appoġġ organizzattiv u tekniku;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex kull sentejn tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-EUSAIR lill-Parlament u lill-Kunsill, bil-għan li jiġi vvalutat il-funzjonament tagħha u l-valur miżjud tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mat-tkabbir u l-impjieg, it-tnaqqis tad-disparitajiet u l-iżvilupp sostenibbli;
28. Iħeġġeġ miżuri speċifiċi biex tiġi promossa d-dimensjoni soċjali; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inkorporati l-prijoritajiet u l-miżuri li għandhom il-għan li jappoġġaw l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità u li jevitaw kull xorta ta' diskriminazzjoni;
Tkabbir blu
29. Jisħaq li l-pożizzjoni ġeografika unika tar-reġjun u l-istruttura speċifika tal-kosta, flimkien mal-bijodiversità rikka tal-ibħra tiegħu, għandhom potenzjal enormi għall-ħolqien ta' impjiegi 'blu' u għall-innovazzjoni u l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, inklużi t-teknoloġiji blu, is-sajd u l-akkwakultura, u governanza u servizzi marittimi u tal-baħar mtejba;
30. Huwa favur l-ekonomija blu bħala soluzzjoni għall-kriżi ekonomika, peress li tistimula l-ħolqien ta' impjiegi ġodda u l-iżvilupp ekonomiku, u b'mod speċjali l-impjiegi għan-nisa u għaż-żgħażagħ f'pajjiżi kostali u pajjiżi gżira; jemmen li l-istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku ma tistax tiġi segwita mingħajr ma wieħed iqis il-kunċett tal-ekonomija blu, li torbot lis-setturi ekonomiċi marbuta mal-ibħra u l-oċeani, l-akkwakultura, it-trasport marittimu u fuq ix-xmajjar u t-turiżmu mal-ħarsien ambjentali;
31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati involuti fl-istrateġija biex jipprovdu inċentivi li jattiraw liż-żgħażagħ lejn il-qasam tas-sajd u l-akkwakultura fir-Reġjun Adrijatiku u Joniku u jinkoraġġuhom sabiex iwettqu tali attivitajiet;
32. Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni tal-politika u armonizzazzjoni tal-għanijiet tal-istrateġija, kif ukoll proġetti komuni, f'konformità mal-valuri, il-prinċipji u l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd; iħeġġeġ, barra minn hekk, is-sostenn għall-iżvilupp ta' settur tas-sajd sostenibbli u l-produzzjoni ta' ikel tradizzjonali u tajjeb għas-saħħa; jitlob li jitwaqqfu Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd, li jistgħu jirrappreżentaw strument naturali għad-diversifikazzjoni tas-sajd; jenfasizza l-fatt li s-sajd u l-akkwakultura sostenibbli u ta' profitt jeħtieġu involviment imsaħħaħ tal-partijiet ikkonċernati fil-ġestjoni ġenerali, kif ukoll attivitajiet tas-sajd imtejba u diversifikati;
33. Huwa tal-fehma li t-tkabbir blu huwa magħmul minn setturi u negozji varjati ħafna, u għal din ir-raġuni l-iżvilupp tiegħu jeħtieġ ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli f'dawk is-setturi kollha; jistieden lill-Istati Membri involuti fil-EUSAIR biex jippromwovu d-diversi setturi ta' tkabbir blu fil-programmi ta' taħriġ tagħhom, filwaqt li jqisu s-sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ għall-impjegati; josserva l-kumplessità tal-attivitajiet, is-setturi u d-dixxiplini tas-sistemi soċjoekonomiċi involuti fit-tkabbir blu, u għalhekk iqis li huwa importanti ħafna li l-Istati Membri involuti fl-istrateġija EUSAIR jadottaw politiki tas-suq tax-xogħol sabiex iżidu l-kapaċità ta' adattament għat-tibdil, l-innovazzjoni u l-multidixxiplinarjetà, jadattaw it-taħriġ tal-kapital uman u jżidu r-rata ta' parteċipazzjoni tan-nisa;
34. Jisħaq fuq l-importanza ta' interkonnessjoni akbar u reali bejn l-istrateġija UE 2020 u t-tliet pilastri (b'mod partikolari il-pilastru tat-tkabbir blu) tal-istrateġija EUSAIR ibbażata fuq il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea; iqis il-Pjan ta' Azzjoni bħala wieħed mir-riżultati tal-approċċ tal-istrateġija li jidentifika l-prijoritajiet konkreti għall-makroreġjun; josserva, abbażi ta' dan, li kull azzjoni jew proġett jintgħażlu permezz ta' proċess estensiv ta' konsultazzjoni 'minn isfel għal fuq' li jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati fir-reġjun Adrijatiku u Joniku li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, is-sħab soċjali, iżda wkoll is-settur privat, l-ekonomija soċjali, id-dinja tal-akkademiċi u s-soċjetà ċivili;
35. Iħeġġeġ r-raggruppament u l-kooperazzjoni bejn impriżi pubbliċi u privati, universitajiet, istituti ta' riċerka u partijiet ikkonċernati relevanti oħrajn fis-settur tal-baħar u dak marittimu bil-għan li tiġi stimulata l-innovazzjoni u jittieħed vantaġġ sħiħ mis-sinerġiji; iqis li l-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-pilastru tat-tkabbir blu għandhom ikunu bbażati fuq strateġiji ta' riċerka u innovazzjoni nazzjonali u reġjonali għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti bil-għan li jiġu żgurati investimenti aktar effiċjenti u effikaċi; jistieden lill-pajjiżi u r-reġjuni li jipparteċipaw fil-Pjattaforma S3 tal-Kummissjoni biex jibbenefikaw minn assistenza fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u r-rieżami ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti; iqis li jeħtieġ, f'dan il-kuntest, li l-SMEs ikollhom aċċess aħjar għall-kreditu, u li n-netwerks ta' negozju eżistenti (raggruppamenti) jittejbu permezz ta' proċess ta' internazzjonalizzazzjoni, bil-għan li jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta' kwalità;
36. Jappoġġa l-ħolqien ta' tikketta ta' kwalità konġunta għal prodotti ta' frott tal-baħar ta' kwalità għolja mir-reġjun sabiex tiżdied il-kompetittività tagħhom;
37. Jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu soċjali u tal-involviment ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili f'attivitajiet ta' bini, bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi; iqis li dan jista' jintlaħaq billi titwaqqaf pjattaforma permanenti fil-livell makroreġjonali u fil-livell reġjonali f'kull Stat Membru biex tirrappreżenta s-sħab soċjali u ekonomiċi, b'mod analogu ma' dak li diġà sar għall-universitajiet, il-kmamar tal-kummerċ u l-bliet;
38. Jisħaq fuq l-importanza tar-riċerka dwar il-baħar u r-riċerka marittima, u ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha f'dawn is-setturi bejn ir-riċerkaturi, u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni involuti fl-istrateġija EUSAIR, bil-għan li tingħeleb id-differenza eżistenti bejn dawn l-Istati Membri, kif ukoll biex tissaħħaħ il-kompetittività taż-żoni kostali u jinħolqu impjiegi lokali sostenibbli u ta' kwalità;
39. Jinnota bi tħassib ir-rata ta' tnaqqis drastiku tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Adrijatiku u fil-Baħar Joniku bħala konsegwenza ta' sajd żejjed, flimkien ma' sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), u riskji sinifikanti għall-ħajja tal-baħar kollha; jisħaq li s-sajd huwa wieħed mill-komponenti ewlenin fl-ekonomija taż-żoni kostali u insulari; iqis li huwa neċessarju, għalhekk, li jitqiesu l-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u l-ekosistemi tal-baħar, f'konformità mal-prinċipju tar-rendiment massimu sostenibbli inkluż fil-Politika Komuni tas-Sajd, li għandu jkunu objettiv importanti ferm tal-istrateġija; jissottolinja l-ħtieġa, tul il-perjodu tranżitorju, li jingħata sostenn lill-aġġustament għal-limiti tas-sajd permezz ta' sussidji għax-xiri ta' tagħmir permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS); jappella għal azzjoni deċiżiva f'forma ta' allinjament tal-leġiżlazzjoni dwar is-sajd ta' pajjiż terzi mal-leġiżlazzjoni tal-UE, kondiviżjoni tad-data, pjattaformi ta' monitoraġġ konġunt u pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali tas-sajd, u biex jitqies kif jista' jiġi żviluppat settur tal-akkwakultura sostenibbli bil-potenzjal kbir tiegħu li jitmexxa permezz tal-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
40. Ifakkar li l-ħut u l-frott tal-baħar li jiġu sfruttati kummerċjalment għandhom ikunu fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb u tiġi salvagwardjata s-sostenibbiltà għal perjodu ta' żmien twil tal-industrija tas-sajd;
41. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirreġistra l-volumi tal-qbid tas-sajd rikreattiv, biex tirregola din l-attività u biex tagħmel kemm l-attivitajiet ta' sajd rikreattiv kif ukoll professjonali soġġetti għall-objettivi tar-rendiment massimu sostenibbli;
42. Iħeġġeġ riċerka komprensiva dwar l-istokkijiet tal-ħut, b'mod partikolari l-ispeċi fil-periklu, u l-interkonnessjoni bijoloġika tagħhom, minħabba li n-nuqqas ta' data preċiża tirriżulta f'evalwazzjonijiet mhux ċari u inaffidabbli; iħeġġeġ il-preservazzjoni tar-riproduzzjoni naturali;
43. Jitlob biex proġetti li jfittxu li jivvalutaw l-impatt tas-sajd indirett (xbieki iħirsa, malji ta' kultivazzjoni tal-maskli) u tal-qabdiet sekondarji ta' speċi protetti jiġu evalwati u promossi, billi huwa stmat li, fl-Adrijatiku waħdu, 'il fuq minn 40 000 fekruna tal-baħar jinqabdu b'mod aċċidentali; huwa tal-fehma li l-istudji ambjentali u l-istudji dwar mezzi li jtaffu l-problema (bħal apparat għall-esklużjoni tal-fkieren) huma meħtieġa b'mod urġenti;
44. Iħeġġeġ appoġġ b'saħħtu għall-bini tal-bastimenti, inkluż is-settur tad-dgħajjes ta' rikreazzjoni, b'attenzjoni partikolari għall-modernizzazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu bil-għan li jinħolqu l-impjiegi u jiġi adattat għar-rekwiżiti ta' tkabbir sostenibbli u kompetittiv li jkun konformi mat-teknoloġiji blu;
45. Jitlob appoġġ b'saħħtu għaż-żoni ta' manifattura, ġemellaġġ u kooperazzjoni bejn żoni f'partijiet differenti tal-makroreġjuni; iħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki li jinvolvu l-esperjenzi l-aktar sinifikanti fis-settur u dawk ta' reġjuni oħra li jfittxu li jadottaw l-istess approċċ biex jippromwovu l-istabbiliment ta' żoni ta' produzzjoni;
46. Jissottolinja l-importanza li jiġi appoġġat u promoss is-sajd sportiv u rikreattiv tal-familja, flimkien ma' politiki integrati għas-sajd u t-turiżmu (is-sajd, it-turiżmu marbut mal-ħut u l-marikultura), speċjalment fil-gżejjer, sabiex jiġu ppreservati t-tradizzjonijiet kulturali lokali u l-istili ta' ħajja marittimi tal-abitanti tal-gżejjer u ta' siti kostali żgħar; iħeġġeġ sajd u akkwakultura sostenibbli, fuq skala żgħira u tradizzjonali, flimkien ma' offerta kulinarja diversifikata u l-promozzjoni ta' swieq tal-ħut lokali, bħala l-aħjar mod biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà u jingħata appoġġ aktar b'saħħtu lill-attivitajiet turistiċi kostali;
47. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa u tippromwovi l-involviment tas-sajd u tal-ħaddiema tas-sajd fi proġetti bħal dawk relatati mat-turiżmu kulturali u storiku, li jinkludu s-sajd u l-iskoperta mill-ġdid tal-attivitajiet tat-tbaħħir u postijiet għas-sajd u impjiegi tradizzjonali;
48. Jissottolinja l-importanza tal-ekonomija soċjali u tal-intraprenditorija femminili biex jinkiseb il-pilastru tat-tkabbir blu, u jistieden lill-Istati Membri involuti fl-istrateġija EUSAIR iħeġġu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi relevanti kollha; ifakkar fir-rwol fundamentali tal-intrapriżi żgħar u tal-mikrointrapriżi fir-reġjuni u t-territorji kkonċernati, u jitlob lill-Istati Membri involuti fil-EUSAIR jimplimentaw politika attiva għall-promozzjoni ta' tali forom ta' attività ekonomika;
49. Jappoġġa miżuri li jnaqqsu r-riskju idroġeoloġiku u r-riskju tal-erożjoni kostali;
50. Jisħaq fuq l-importanza tar-riċerka, u jappella biex jingħata appoġġ b'saħħtu lid-distretti tal-baħar u d-distretti marittimi;
51. Jenfasizza li l-iżvilupp tal-akkwakultura u l-marikultura jista' jilgħab rwol importanti mhux biss fl-irkupru tad-diversità tal-ispeċi iżda wkoll fit-tkabbir ekonomiku tar-Reġjun Adrijatiku u Joniku;
52. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-iskambju ta' prattiki tajbin bħas-sostenibbiltà ta' proġetti żviluppati mill-Gruppi ta' Azzjoni Kostali;
Nikkollegaw ir-reġjun
53. Jinnota li konnessjonijiet aħjar fejn jidħlu t-trasport u l-enerġija bejn il-pajjiżi parteċipanti kif ukoll bejnhom u l-ġirien l-oħra tagħhom, inkluż it-trasport marittimu, il-konnessjonijiet intermodali għaż-żoni interni tal-pajjiż u n-netwerks tal-enerġija, huma ħtiġijiet urġenti għall-makroreġjun u prekundizzjoni għall-żvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu; jissottolinja n-nuqqas ta' konnessjoni bejn iż-żewġ kosti mal-Baħar Adrijatiku u d-distakk li jeżisti fl-infrastruttura tan-netwerks fir-reġjun Adrijatiku-Joniku;
54. Jitlob li jingħataw inċentivi għall-istabbiliment ta' konnessjonijiet tat-trasport sostenibbli li jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar, it-trasport u l-ispejjeż u esternalitajiet loġistiċi; jappella biex isiru xogħlijiet strateġiċi ewlenin relatati mal-interkambju bejn il-baħar u l-art sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' trasport intermodali bejn il-pajjiżi, jingħata kontribut għall-koeżjoni, jissaħħaħ in-netwerk globali u titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq u b'hekk l-emissjonijiet ta' CO2; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li tittejjeb id-dimensjoni marittima u tal-port tal-kabotaġġ, tal-awtostradi tal-baħar u tal-kruċieri bejn iż-żewġt ixtut tal-Baħar Adrijatiku, kemm fuq rotot bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar kif ukoll rotot trasversali bejn il-Lvant u l-Punent; josserva l-ħtieġa għal aktar koordinament biex tiġi evitata l-konġestjoni tat-traffiku marittimu u jittejbu l-ġestjoni u l-kontroll tiegħu;
55. Iħeġġeġ l-użu tar-Regolament dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet mit-trasport marittimu (ir-Regolament (UE) 2015/757) għall-innovazzjoni u dwar l-istabbiliment tat-trasport marittimu sostenibbli fil-makroreġjun bl-użu ta' magni tal-propulsjoni tal-baħar u fjuwils alternattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u titjieb l-effiċjenza enerġetika fis-settur tat-trasport;
56. Jissottolinja l-importanza li jiġu konnessi r-rotot tat-trasport marittimu u l-portijiet ma' partijiet oħra tal-Ewropa, kif ukoll ir-relevanza tal-interkonnessjonijiet mal-kurituri tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T); jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta' proġetti li huma koperti min netwerk TEN-T attwali u interventi oħra għall-estensjoni proposta tiegħu għall-Ewropa tax-Xlokk/il-Lvant tal-Kosta Adrijatika, u li jistgħu jagħlqu d-distakk li jeżisti fin-netwerks tar-reġjun Adrijatiku-Joniku; jistieden, għaldaqstant, lill-pajjiżi involuti jidentifikaw proġetti ta' infrastruttura ta' prijorità ta' valur miżjud Ewropew u reġjonali, u jissuġġerixxi li għandha tingħata attenzjoni inter alia:
(i)
li jitlesta l-Kuritur Baltiku-Adrijatiku, inkluża l-estensjoni li mill-Jonju twassal għall-Adrijatiku,
(ii)
li ssir estensjoni fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Kuritur Skandinavu-Mediterranju,
(iii)
li jiġi stabbilit kuritur ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija li jgħaqqad l-Alpi mal-Balkani tal-Punent,
(iv)
li tiġi stabbilita konnessjoni aħjar bejn il-Peniżola Iberika, l-Italja ċentrali u l-Balkani tal-Punent,
(v)
li tiġi implimentata konnessjoni bit-triq fiż-żona tal-Balkani bejn is-sistema portwarja u l-pajjiżi interni, kif ukoll interkonnessjoni mal-kuritur Renu-Danubju,
(vi)
li jittejbu l-faċilitajiet portwarji għal konnessjonijiet aħjar bejn iż-żewġ kosti li jmissu mal-Baħar Adrijatiku, u li l-bords ta' tmexxija tal-portijiet fit-Tramuntana tal-Adrijatiku jħejju strateġija konġunta biex ikun hemm provvista aktar komprensiva tal-merkanzija importata fl-Ewropa Ċentrali;
57. Jitlob li l-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti tan-netwerk tiġi ottimizzata, b'referenza partikolari għall-konnessjonijiet bit-toroq u l-ferrovija li jeżistu fil-makroreġjun, inklużi l-konnessjonijiet "tal-aħħar mil"; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ffinalizzata awtostrada Adrijatika-Jonika mill-aktar fis possibbli, li se tkun qed tagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-makroreġjun; ifakkar fl-importanza tal-kurituri l-ġodda li jintegraw l-awtostradi, il-linji ferrovjarji u infrastrutturi oħra fuq iż-żewġ naħat taż-żona Adrijatika-Jonika; josserva l-ħtieġa ta' aktar koordinament biex tiġi evitata l-konġestjoni tat-traffiku marittimu u jittejbu l-ġestjoni u l-kontroll tiegħu;
58. Jappella għall-iżvilupp ta' infrastruttura ferrovjarja ta' veloċità għolja biex jiġi interkonness il-makroreġjun u jkun hemm konnessjoni aħjar mal-UE u fi ħdanha; jenfasizza l-importanza li tittejjeb il-konnettività ferrovjarja tar-reġjun Adrijatiku u Joniku, kif ukoll bejn il-Baħar Tirren u l-kosti Adrijatiċi-Joniċi;
59. Jitlob lill-pajjiżi parteċipanti biex itejbu l-infrastruttura marittima, ferrovjarja u tat-trasport bl-ajru, jiżviluppaw awtostradi tal-baħar fil-makroreġjun, filwaqt li jikkombinaw mezzi ta' trasport intermodali, speċjalment biex joħolqu konnessjoni maż-żoni interni tal-pajjiż, u biex itejbu l-loġistika tat-trasport, filwaqt li jużaw l-aktar teknoloġiji avvanzati bl-aħjar mod possibbli u dejjem jiżguraw livell għoli ta' sigurtà u sostenibilità ambjentali; jistieden ukoll lill-pajjiżi parteċipanti sabiex jivvalutaw il-possibbiltajiet biex itejbu l-konnettività permezz ta' strumenti tal-mobilità elettronika li jistgħu jiffaċilitaw servizz internazzjonali tal-biljetti elettroniċi;
60. Jenfasizza n-nuqqas ta' konnessjoni effikaċi mal-gżejjer; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw konnessjonijiet aħjar billi jesploraw alternattivi ġodda kkoordinati u ta' valur miżjud, jottimizzaw l-użu ta' rotot tal-merkanzija u tal-passiġġieri u jinvolvu l-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi, bil-għan li tiżdied il-kwalità tal-ħajja, tieqaf id-depopolazzjoni u jkun possibbli li jiġu sfruttati l-opportunitajiet soċjoekonomiċi f'dawn iż-żoni; jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb il-komunikazzjoni interna u l-infrastruttura tat-trasport tal-gżejjer biex ikun hemm mobbiltà interna sostenibbli; jisħaq ukoll fuq il-bżonn li tkun żgurata kura tas-saħħa u programmi edukattivi adegwati għall-popolazzjonijiet tal-gżejjer tul is-sena kollha;
61. Jappella għall-implimentazzjoni ta' proġetti kbar biex jiġu żviluppati konnessjonijiet intermodali fuq il-gżejjer, u b'mod partikolari jixtieq jara sostenn qawwi fir-rigward tat-tisħiħ ta' ajruporti strateġikament importanti kemm f'dak li jikkonċerna l-infrastruttura kif ukoll ir-rotot ġodda lejn reġjuni oħra tal-makroreġjun;
62. Iħeġġeġ lill-pajjiżi parteċipanti biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiddiversifikaw is-sorsi tal-provvista tal-enerġija, proċess li mhux biss se jtejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-makroreġjun iżda se jżid ukoll il-kompetizzjoni u jiġġieled il-faqar fil-qasam tal-enerġija, li se jkollha benefiċċji importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun; jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali magħmulin bir-reqqa ta' interventi fis-settur tal-enerġija; jissottolinja l-importanza tal-ippjanar komuni għall-investiment fl-iżvilupp ta' terminals ta' gass naturali likwifikat (LNG) u n-nuqqas ta' netwerks ta' pipelines tal-gass fil-makroreġjun, biex b'hekk ikun possibbli li jinkisbu indipendenza u sigurtà tal-enerġija mtejba; iħeġġeġ, barra minn hekk, miżuri biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi, u b'hekk isir kontribut ukoll fejn tidħol il-kompetittività;
63. Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' infrastruttura tal-enerġija li tkun kapaċi tnaqqas il-marka tal-karbonju, iżżid l-effiċjenza enerġetika u tiggarantixxi s-sigurtà tal-enerġija tal-makroreġjun u 'l barra minnu; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiġi żviluppat u promoss il-kunċett ta' bliet intelliġenti sabiex jingħata valur miżjud globali lill-infrastruttura tal-enerġija attwali tal-makroreġjun;
64. Jirrikonoxxi l-potenzjal għoli tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli mhux użati biżżejjed fil-makroreġjun; jappella biex jiġu sfruttati s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mix-xemx, mir-riħ u mill-marea (meta dan ikun teknikament fattibbli) u l-enerġija mill-mewġ fit-taħlita tal-produzzjoni tal-enerġija; jissottolinja s-sostenibbiltà u l-kompetittività potenzjali ta' impjanti tal-enerġija idroelettrika fil-pajjiżi parteċipanti kollha; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jagħtu kontribut għat-twaqqif ta' suq tal-gass u l-elettriku interkonness u li jiffunzjona tajjeb fil-makroreġjun li jiżgura aċċess ugwali għal enerġija bi prezz baxx u li jista' jintlaħaq; jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-interkonnessjonijiet transfruntiera tal-enerġija, b'enfażi fuq l-investiment fis-settur tal-enerġija bħala prekundizzjoni ewlenija għall-integrazzjoni fin-netwerk tal-enerġija tal-UE, kif ukoll it-tneħħija tal-ostakoli għal investiment transfruntier fis-settur tal-enerġija;
65. Jappoġġa l-ippjanar konġunt u l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, kemm għall-produzzjoni kif ukoll għat-trasport tal-elettriku u l-gass fil-makroreġjun, skont in-Netwerk TEN-E, biex b'hekk jiġu implimentati l-proġetti konkreti msemmija fil-lista ta' Proġetti ta' Interess Komunitarju tal-Enerġija;
66. Jesprimi tħassib dwar l-ispinta li reġgħu ħadu l-esplorazzjoni u l-isfruttament taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta kif ukoll fuq l-art, li jistgħu jesponu l-makroreġjun għal riskju ta' diżastri b'konsegwenzi serji għall-ambjent u l-ekonomija, inkluż is-settur tas-sajd, u s-saħħa pubblika; jisħaq li kwalunkwe attività bħal din għandha tkun konformi mar-regoli u l-linji gwida tal-Unjoni rigward il-klima u l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-baħar Adrijatiku huwa wieħed magħluq, baxx, li ma għandux il-kapaċità li jferrex is-sustanzi niġġiesa u li għandu kummerċ turistiku ta' suċċess fuq iż-żewġ xtut tiegħu, u li t-tkabbir tal-makroreġjun għandu l-ewwel jiddependi fuq l-attivitajiet turistiċi u ekonomiċi marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi ambjentali u l-ekosistemi tiegħu; jissottolinja l-ħtieġa li ssir implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sostenibbiltà ambjentali u s-sikurezza tal-attivitajiet marittimi; jitlob li ssir implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) u d-Direttiva dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore (2013/30/UE);
67. Jappella għall-formulazzjoni ta' standards komuni Ewropej għas-sikurezza tat-trasport fil-makroreġjun Adrijatiku-Joniku;
68. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu promossi servizzi tal-ajru transfruntiera permezz tal-implimentazzjoni ta' proġetti konġunti mfassla sabiex jiġu żgurati u jissaħħu l-konnessjonijiet fi ħdan il-makroreġjun;
Kwalità ambjentali
69. Ifakkar fir-rikkezza tal-ekosistemi tal-baħar, kostali u terrestri tal-pajjiżi parteċipanti; jinnota li fil-Baħar Adrijatiku jgħixu kważi nofs (49 %) l-ispeċi marini kollha rreġistrati tal-Baħar Mediterran, u huwa l-aktar sottoreġjun singulari tal-Mediterran minħabba n-nuqqas ta' profondità, il-flussi limitati, u l-influwenza kbira ta' xmajjar; jappella biex isiru sforzi konġunti biex jittieħdu l-miżuri kollha possibbli, bħall-użu ta' fjuwils nodfa għat-trasport marittimu u l-loġistika, bil-għan li jiġu ppreservati l-bijodiversità tal-ambjent tal-baħar u l-ħabitats terrestri transnazzjonali, u jiġi evitat u jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u theddid ieħor għall-bijodiversità kostali u tal-baħar; jisħaq fuq l-importanza li jitħarsu l-ispeċji terrestri u tal-baħar li jinsabu fil-periklu, bħal pereżempju l-bumerin tal-Mediterran, il-linċi, l-avultuni grifun u oħrajn, u jistieden lill-pajjiżi parteċipanti biex jimplimentaw miżuri proporzjonati biex jintlaħaq dan l-objettiv;
70. Jitlob li jsir skambju tal-aħjar prattiki bejn il-pajjiżi parteċipanti fil-qasam tal-ġestjoni tal-wirt naturali u kulturali, inklużi ż-żoni ta' Natura 2000 u s-siti tal-UNESCO, bil-għan li jinħolqu attrazzjonijiet turistiċi sostenibbli;
71. Iħeġġeġ lill-pajjiżi parteċipanti kollha biex jingħaqdu flimkien fl-implimentazzjoni tal-Ippjanar Spazjali Marittimu, f'konformità mad-Direttiva 2014/89/UE li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu, u tal-ġestjoni integrata tal-kosta, bl-involviment ta' diversi partijiet ikkonċernati (l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-popolazzjoni lokali, il-komunità tar-riċerka, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, eċċ.); iqis li governanza konġunta xierqa tal-ispazju marittimu tipprovdi qafas importanti għall-użu sostenibbli u trasparenti tar-riżorsi marittimi u mill-baħar;
72. Jenfasizza l-importanza tal-ħarsien u l-preservazzjoni tax-xmajjar u l-lagi fil-baċir Adrijatiku-Joniku;
73. Josserva l-ħtieġa li jiġi indirizzat b'mod responsabbli t-tniġġis storiku u transfruntier, u li jitnaddfu s-siti industrijali milquta mill-kontaminazzjoni tal-ħamrija, l-ilma u l-arja, u, fejn applikabbli, mit-tniggis li jirriżulta minn kunflitti militari; jappoġġa l-miżuri attivi kollha għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-baħar mill-armi kimiċi u konvenzjonali; jappoġġa t-tnaqqis, bil-għan tal-eliminazzjoni, tar-rifjuti marini, skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, b'mod partikolari rigward it-tniġġis tal-iskart fil-gżejjer Adrijatiċi;
74. Jinsab imħasseb dwar id-dannu kkawżat mill-iskart tal-plastik fil-baħar; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa inizjattivi ta' ġbir u riċiklaġġ ta' dan l-iskart; jisħaq fuq l-importanza tal-involviment tas-sajjieda fil-proċess;
75. Jistieden lill-pajjiżi jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet komprensivi għall-użu mill-ġdid ta' siti industrijali u militari li m'għadhomx jintużaw; jisħaq li dawn is-siti mhumiex biss theddida għall-ambjent iżda joffru wkoll potenzjal ekonomiku sinifikanti li mhux qed jiġi sfruttat;
76. Jitlob li titħeġġeġ ir-rilokazzjoni tal-industrija miċ-ċentri urbani u ż-żoni kostali, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja;
77. Jinsisti li l-istrumenti eżistenti kollha għandhom jintużaw fl-implimentazzjoni tal-aqwa soluzzjonijiet ta' ġestjoni tal-iskart u ta' trattament tal-ilma mormi fir-reġjun, f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi fl-Istati Membri tal-UE;
78. Jiġbed l-attenzjoni għad-diversi diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem li laqtu r-reġjun f'dawn l-aħħar snin; jiġbed l-attenzjoni għall-problema tad-deforestazzjoni u riskji oħra marbuta mat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu applikati bis-sħiħ il-prinċipji orizzontali għall-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri naturali u l-adattament għat-tibdil fil-klima, bil-għan li jiġu implimentati l-pjan ta' azzjoni u l-prijoritajiet ta' kull pilastru; iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-istituti idrometeoroloġiċi tal-pajjiżi sabiex jiġu indirizzati l-avvenimenti estremi tat-temp, il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri; jirrikonoxxi l-ilma, l-agrikoltura u t-turiżmu bħala l-aktar setturi vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, għalhekk iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġi stabbilit qafas u mekkaniżmu ta' appoġġ għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' adattament u mitigazzjoni;
79. Jissottolinja l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport bil-baħar;
80. Jisħaq li teżisti problema bid-differenzi ġeografiċi u staġjonali fl-aċċessibbiltà ta' riżorsi tal-ilma, b'nuqqas sinifikanti ta' ilma fuq il-gżejjer u fiż-żona kostali tul is-sajf, meta d-domanda tal-ilma tkun ħafna ogħla minħabba l-wasla ta' għadd kbir ta' turisti;
81. Iħeġġeġ l-istabbiliment ta' ċentru reġjonali għat-tħejjija għad-diżastri, flimkien ma' pjan ta' kontinġenza konġunt għat-tixrid taż-żejt u għal avvenimenti ta' tniġġis fuq skala kbira, sabiex tinħoloq sistema ta' twissija bikrija għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali u dawk kawżati minn attivitajiet industrijali, tat-trasport u attivitajiet oħra, bħal għargħar, nirien u attivitajiet ta' sfruttament fl-Adrijatiku; jenfasizza li ċ-ċentru għandu jkun direttament marbut mal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili; jisħaq fuq l-importanza tal-preservazzjoni tal-ekosistema u l-bijodiversità tar-reġjun permezz ta' fehim aħjar u skambju tal-aħjar prattiki;
82. Jistieden lill-pajjiżi li mhumiex fl-UE biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-acquis settorjali (bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) bil-ħsieb tal-adeżjoni futura tagħhom mal-Unjoni;
83. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi ġirien u l-komunitajiet lokali, b'mod partikolari fir-rigward ta' attivitajiet ekonomiċi soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali f'konformità mad-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent;
Turiżmu sostenibbli u kompetittiv
84. Jissottolinja l-importanza kruċjali tat-turiżmu għall-ekonomija Ewropea u l-iżvilupp tal-koeżjoni soċjali fi ħdan l-UE, speċjalment għall-pajjiżi Mediterranji u għar-reġjun b'mod ġenerali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati approċċi ġodda biex b'hekk ipattu għall-istaġjonalità, filwaqt li jibqgħu koerenti mal-impatt u s-sostenibbiltà tat-turiżmu fuq l-ambjent; iħeġġeġ aktar sostenn għall-finanzjament ta' proġetti għat-turiżmu mill-FSIE u sorsi oħra;
85. Iħeġġeġ titjib urġenti ta' konnessjonijiet stradali transfruntiera sabiex tittejjeb il-kompetittività tat-turiżmu, peress li konnettività fqira tikkawża konġestjonijiet tat-traffiku u dewmien twil; jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb, għal skopijiet ta' turiżmu, l-infrastruttura tal-ajru u l-konnessjoni marittima eżistenti bejn iż-żewġ kosti tal-Baħar Adrijatiku;
86. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħeġġeġ l-użu tal-ajruporti eżistenti fil-makroreġjun bil-għan li tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva ta' passiġġieri fi ftit ċentri tal-ajruporti, u jiġu promossi flussi turistiċi aktar bilanċjati u sostenibbli f'diversi lokalitajiet;
87. Jirrikonoxxi l-wirt kulturali u naturali rikk (inklużi l-attivitajiet kulturali bħaċ-ċinema, it-teatru u l-mużika) tar-reġjun bħala assi b'saħħtu, li jibni fuq is-settur tat-turiżmu; jiġbed l-attenzjoni għan-numru kbir ta' siti protetti tal-UNESCO u n-Natura 2000 fil-pajjiżi parteċipanti kollha; iqis li, minkejja l-kontribut sinifikanti ta' dan is-settur għall-ekonomija, il-potenzjal tat-turiżmu mhux qed jiġi sfruttat bis-sħiħ, b'mod partikolari minħabba staġjonalità għolja, u li s-settur huwa nieqes mill-oqsma ta' innovazzjoni, mis-sostenibbiltà, l-infrastruttura tat-trasport, il-kwalità tal-offerta tat-turiżmu, il-ħiliet tal-partijiet ikkonċernati parteċipanti u minn ġestjoni responsabbli tat-turiżmu; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jadottaw politiki li jiżguraw konnessjonijiet adegwati u faċilitajiet turistiċi kemm matul kif ukoll barra l-istaġun tas-sajf, bil-għan li jiddiversifikaw il-flussi turistiċi u jiżguraw preżenza turistika kostanti f'kull staġun; jisħaq fuq l-importanza li t-turiżmu jingħaqad mal-wirt naturali, kulturali u artistiku;
88. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu soluzzjonijiet ta' mobilità sostenibbli fis-settur tat-turiżmu, biex b'hekk titjieb il-kwalità tas-servizzi turistiċi u tissaħħaħ l-firxa tagħhom;
89. Jirrikonoxxi l-importanza tal-ġonna nazzjonali u naturali u taż-żoni protetti bħala s-sisien għall-futur tal-edukazzjoni taċ-ċittadini fi kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
90. Jisħaq li l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi hija essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tat-turiżmu fir-reġjun; iħeġġeġ il-formulazzjoni ta' strateġiji tat-turiżmu għall-baħar Adrijatiku u tal-Baħar Joniku li huma bbażati fuq is-sostenibbiltà u jippermettu lill-pajjiżi jibbenefikaw mis-sinerġiji u jindirizzaw sfidi komuni fil-livell makroreġjonali; iqis li jeħtieġ li naħdmu flimkien biex tiżdied il-viżibilità ta' destinazzjonijiet fir-reġjun Adrijatiku-Joniku;
91. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-pajjiżi parteċipanti u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jieħdu miżuri li jinċentivizzaw lill-partijiet ikkonċernati biex itejbu l-infrastruttura tat-turiżmu;
92. Jissottolinja l-importanza li jiġu appoġġati attivitajiet kulturali u kreattivi, u b'mod partikolari l-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' attivitajiet tan-negozju fl-oqsma tal-mużika, it-teatru, iż-żfin u l-films; jitlob li jiġu organizzati festivals, konvenzjonijiet u avvenimenti kulturali li jippromwovu l-integrazzjoni;
93. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-SMEs jingħataw aċċess aktar faċli għal sorsi ta' sostenn u finanzjament, peress li huma strumentali għas-settur tat-turiżmu; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati fir-reġjun jieħdu sehem fin-Netwerk Enterprise Europe sabiex jaqsmu l-esperjenza, joħolqu n-netwerks u jsibu sħab transfruntiera;
94. Jisħaq fuq l-importanza ta' proġetti ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti u Komunitajiet Intelliġenti li jinvolvu l-isfruttament tal-pjattaformi ta' innovazzjoni eżistenti, bħalma huma l-ħolqien ta' żona Adrijatika-Jonika tal-kreattività;
95. Jappoġġa l-iżvilupp ta' offerta ta' turiżmu diversifikata, li tinkludi parks u rotot turistiċi tematiċi, kif ukoll turiżmu kulturali, rurali, tas-saħħa, mediku, nawtiku, enogastronomiku, tal-konferenzi u sportiv, inklużi ċ-ċikliżmu, il-golf, l-għadis, il-ħajks, l-iskiing, l-isports tal-muntanji u dawk li jintlagħbu barra, bil-għan li jiġi promoss it-turiżmu matul is-sena u tittejjeb il-kompetittività tad-destinazzjonijiet turistiċi abbażi tas-sostenibbiltà; jappoġġa l-iżvilupp tat-turiżmu rurali sabiex titnaqqas il-pressjoni minn fuq ċentri turistiċi kbar u minn fuq iż-żona kostali dejqa, u b'hekk jikkontribwixxi għall-għalbien tal-istaġjonalità; jappoġġa l-espansjoni tal-attivitajiet turistiċi lejn iż-żoni interni tal-pajjiż permezz tal-ħolqien ta' prodotti turistiċi integrati li jinkludu l-attrazzjonijiet ewlenin tal-makroreġjun u dawk tal-bliet kapitali tiegħu;
96. Jisħaq fuq l-importanza tal-koerenza bejn il-ġestjoni tat-turiżmu u l-infrastruttura, u l-ħtieġa li jittejbu l-kwalità u d-diversità tas-servizzi u l-opportunitajiet, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjun; jisħaq wkoll fuq l-importanza tal-promozzjoni u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet lokali u reġjonali;
97. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu esplorati rotot u mudelli ta' negozju alternattivi, u tittejjeb il-konnessjoni tal-pakketti tal-kruċieri man-nies u l-prodotti lokali, biex b'hekk tkun tista' tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-konġestjoni insostenibbli u jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal sħiħ, b'benefiċċji ekonomiċi aktar dejjiema għall-ekonomiji lokali; jirrikonoxxi l-importanza tal-iżvilupp u ta' għoti ta' marka lir-rotot turistiċi makroreġjonali, permezz tal-immappjar u tal-promozzjoni ulterjuri tar-rotot eżistenti;
98. Huwa favur l-isfruttament ta' assi aktar rappreżentattivi taż-żona għall-finijiet ta' turiżmu u għall-iżvilupp ta' programmi ta' promozzjoni u kummerċjalizzazzjoni;
99. Jisħaq fuq il-ħtieġa ġenwina għall-intermodalità tat-trasport permezz ta' netwerk integrat ta' servizzi u intersezzjonijiet bil-ħsieb li jiġi żviluppat ekoturiżmu ta' kwalità;
100. Jitlob li titfassal Karta Adrijatika-Jonika li jkun fiha kriterji, prinċipji u linji gwida għall-promozzjoni ta' turiżmu sostenibbli permezz tal-implimentazzjoni tas-Sistema pilota tal-Indikaturi tat-Turiżmu Ewropew (ETIS) għall-valutazzjoni ta' destinazzjonijiet turistiċi bil-ħsieb li jittejjeb l-iżvilupp sostenibbli tagħhom;
o o o
101. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi parteċipanti fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja, is-Slovenja, l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja).